Language of document : ECLI:EU:C:2004:695

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

9 ta' Novembru 2004 (*)

"Direttiva 96/9/KE – Protezzjoni legali tad-databases – Dritt sui generis – Kisba, verifika jew preżentazzjoni tal-kontenut ta' database – Parti (li ma tkunx) sostanzjali tal-kontenut ta' database – Estrazzjoni w użu mill-ġdid – Użu normali – Ħsara irraġonevoli lill-interessi leġittimi ta' min ikun bena d-database – Database dwar tiġrijiet taż-żwiemel – Lista ta' tiġrijiet – Mħatri"

Fil-kawża C-203/02,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE,

imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (Ir-Renju Unit), permezz ta' deċiżjoni ta' l-24 ta' Mejju 2002, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta' Mejju 2002, fil-proċedura

The British Horseracing Board Ltd et

vs

William Hill Organization Ltd,

 IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, u K. Lenaerts (Relatur), Presidenti ta' Awli, J.-P. Puissochet, R. Schintgen, N. Colneric u J. N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: M. Múgica Arzamendi u M.-F. Contet, amministraturi prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta' Marzu 2004,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal The British Horseracing Board Ltd et, minn P. Prescott, QC, L. Lane, barrister, u H. Porter, solicitor,

–        għal William Hill Organization Ltd, minn M. Platts-Mills, QC, J. Abrahams, barrister, S. Kon, T. Usher u S. Turnbull, solicitors,

–        għall-Gvern Belġjan, minn A. Snoecx, bħala aġent, assistita minn P. Vlaemminck, advocaat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn W. D. Plessing, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u A. P. Matos Barros, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Banks, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta' Ġunju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 7 u 10(3) tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta' Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta' databases (ĠU L 77, p. 20, aktar 'il quddiem id-"Direttiva").

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn The British Horseracing Board Ltd, il-Jockey Club u Weatherbys Group Ltd (aktar 'il quddiem "BHB et") u William Hill Organization Ltd (aktar 'il quddiem "William Hill"). Il-kawża tnisslet mill-użu minn William Hill, għall-finijiet ta' l-organizzazzjoni ta' mħatri fuq tiġrijiet taż-żwiemel, ta' informazzjoni meħuda mid-database ta' BHB.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Skond l-Artikolu 1(1) tagħha, l-għan tad-Direttiva huwa l-protezzjoni legali ta' databases ta' kull xorta. Fl-Artikolu 1(2) ta' l-istess direttiva, database hija definita bħala "kollezzjoni ta' xogħlijiet indipendenti, data jew materjali oħra rranġati b'mod sistematiku jew metodiku w aċċessibbli individwalment b'mezzi elettroniċi jew b'mezzi oħra".

4        L-Artikolu 3 tad-Direttiva jistabbilixxi protezzjoni mid-dritt ta' l-awtur favur "databases li, minħabba l-għażla jew l-arranġament tal-kontenut tagħhom, jikkostitwixxu kreazzjoni intelletwali ta' l-awtur innifsu".

5        L-Artikolu 7 tad-Direttiva jistabbilixxi dritt sui generis fit-termini segwenti:

"Għan tal-protezzjoni

1.      Stati Membri għandhom jipprovdu dritt għal min jagħmel database li juri li jkun sar investiment sostanzjali kwalitattiv u/jew kwantitattiv fil-kisba, verifika jew preżentazzjoni tal-kontenut biex ma titħalliex li ssir estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid tiegħu kollu jew parti sostanzjali minn, valutat b’mod kwalitattiv u/jew kwantitattiv, tal-kontenut ta’ dik id-database.

2.       Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu:

a)      ‘estrazzjoni’ tfisser it-trasferiment permanenti jew temporanju tal-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database lil apparat ieħor b’kull mezz jew f’kull forma;

b)      ‘użu mill-ġdid’ tfisser kull mod li jagħmel disponibbli lill-pubbliku il-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database permezz tad-distribuzzjoni ta’ kopji, kiri, trasmissjoni on-line jew modi oħra ta’ trasmissjoni. L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ kopja tad-database mit-titulari tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jkun hemm kontroll tal-bejgħ mill-ġdid ta’ dik il-kopja fil-Komunità;

Self pubbliku mhux att ta’ estrazzjoni jew użu mill-ġdid.

3.      Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jkun trasferit, assenjat jew mogħti permezz ta’ liċenza kuntrattwali.

4.      Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu japplika wkoll jekk dik id-database ma tkunx eliġibbli għal protezzjoni bid-dritt ta’ l-awtur jew bi drittijiet oħra. Barra minn hekk, dan għandu japplika wkoll jekk il-kontenut ta’ dik id-database ma jkunx eliġibbli għall-protezzjoni bid-dritt ta’ l-awtur jew bi drittijiet oħra. Il-protezzjoni ta’ databases skond id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun bla ħsara għal drittijiet li jkun hemm fir-rigward tal-kontenut tagħhom.

5.      L-estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid ta’ sikwit u sistematika ta’ partijiet żgħar tal-kontenut tad-database li jġibu magħhom atti kuntrarji għall-użu normali ta’ dik id-database jew li jagħmlu ħsara rraġonevoli lill-interessi leġittimi ta’ min ikun għamel id-database m’għandhomx jitħallew isiru".

6        L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva jipprovdi li:

"Min jagħmel database li tkun disponibbli għall-pubbliku b’kull mod [ma jistax] jżomm lil min ikun qed jagħmel użu leġittimu tad-database milli jagħmel estrazzjoni jew użu mill-ġdid ta’ partijiet żgħar tal-kontenut tagħha, valutati b’mod kwalitattiv u/jew kwantitattiv, ikun x’ikun il-fini. Meta min jagħmel użu leġittimu jkun awtorizzat li jagħmel estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid ta’ parti biss tad-database, dan il-paragrafu għandu japplika biss għal dik il-parti".

7        Skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva, "[l-Is]tati Membri jistgħu jistipulaw li min jagħmel użu leġittimu ta’ database li [t]kun disponibbli għall-pubbliku b’kull mod jista’, mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ min ikun għamilha, jagħmel estratt jew użu mill-ġdid ta’ parti sostanzjali tal-kontenut tagħha:

a)      fil-każ ta’ estrazzjoni għal finijiet privati tal-kontenut ta’ database mhix elettronika;

b)      fil-każ ta’ estrazzjoni għall-finijiet ta’ illustrazzjoni għal tagħlim jew riċerka xjentifika, sakemm ikun indikat l-oriġini tal-materjal u [sa]kemm ikun ġustifikat għall-fini mhux kummerċjali maħsub għalih;

ċ)      fil-każ ta’ estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid għall-finijiet ta’ sigurtà pubblika jew xi proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja".

8        L-Artikolu 10 tad-Direttiva jipprovdi li:

"1.       Id-dritt provdut fl-Artikolu 7 għandu jibda jgħaddi mid-data ta’ meta titlesta d-database. Dan għandu jagħlaq wara ħmistax-il sena mill-ewwel ta’ Jannar tas-sena ta’ wara li fiha tkun tlestiet.

[…]

3.       Kull bidla sostanzjali, valutata b’mod kwalitattiv jew kwantitattiv, fir-rigward tal-kontenut ta’ database, magħduda kull bidla sostanzjali minħabba l-ġabra ta’ żidiet suċċessivi, tħassir jew tibdil, li b’riżultat ta’ dan id-database tista’ titqies bħala investiment sostanzjali ġdid, valutata b’mod kwalitattiv jew kwantitattiv, għandha tikkwalifika lid-databse li tirriżulta minn dak l-investiment għall-perjodu speċifiku ta’ protezzjoni għaliha."

9        Id-Direttiva kienet ġiet trasposta fir-Renju Unit permezz ta' l-adozzjoni tal-Copyright and Rights in Databases Regulations 1997, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1998. It-termini ta' dawn ir-Regolamenti huma identiċi għal dawk tad-Direttiva.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      BHB et huma responsabbli għall-organizzazzjoni tas-settur tat-tiġrijiet taż-żwiemel fir-Renju Unit u f'dan il-kuntest jassiguraw, permezz ta' funzjonijiet differenti, l-iżvilupp u l-ġestjoni tad-database ta' BHB li tiġbor fiha ammont kunsiderevoli ta' informazzjoni miġbura mingħand il-proprjetarji ta' żwiemel, it-trejners, l-organizzaturi ta' tiġrijiet taż-żwiemel u mingħand persuni oħra involuti f'dan is-settur. Din id-database tiġbor fiha informazzjoni dwar, b'mod partikolari, l-arblu tar-razza ta' madwar miljun żiemel, kif ukoll informazzjoni magħrufa bħala "informazzjoni ta' qabel it-tiġrija" dwar tiġrijiet li jkunu ser jinżammu fir-Renju Unit. Din l-informazzjoni ta' l-aħħar tinkludi, b'mod partikolari, l-isem, il-post u d-data tat-tiġrija, id-distanza tat-tiġrija, il-kriterji sabiex żiemel jieħu sehem, id-data meta tagħlaq il-kitba taż-żwiemel, is-somma li trid titħallas mal-kitba u s-somma li l-korsa ser tikkontribwixxi għall-premju tat-tiġrija.

11      Weatberbys Group Ltd, il-kumpannija li tforni u tiġġestixxi d-database ta' BHB, teżerċita tliet attivitajiet prinċipali fir-rigward ta' l-informazzjoni ta' qabel it-tiġrija.

12      Fl-ewwel lok, hija tirreġistra l-informazzjoni dwar, b'mod partikolari, il-proprjetarji, it-trejners, il-ġerrejja, iż-żwiemel u r-riżultati miksuba minn dawn iż-żwiemel f'tiġrijiet differenti.

13      Fit-tieni lok, hija tattribwixxi l-piż u tiddefinixxi żvantaġġ għaż-żwiemel miktuba fid-diversi tiġrijiet.

14      Fit-tielet lok, hija tiġbor il-lista taż-żwiemel li ser jieħdu sehem f'dawn it-tiġrijiet. Din l-operazzjoni titwettaq permezz ta' ċentru ta' komunikazzjoni tagħha stess li jimpjega madwar tletin persuna. Dawn jieħdu nota, permezz tat-telefon, tal-kitba taż-żwiemel għal kull tiġrija organizzata. Sussegwentament jiġu vverifikati l-identità u l-funzjoni tal-persuna li tkun kitbet liż-żiemel u jekk il-karetteristiċi taż-żiemel jikkorrispondux mal-kriterji ta' ammissioni għat-tiġrija. Wara dawn il-verifiki, il-kitbiet ikunu ppubblikati fuq bażi proviżorja. Sabiex żiemel jieħu sehem fit-tiġrija, it-trejner tiegħu għandu jikkonferma l-parteċipazzjoni taż-żiemel permezz tat-telefon, billi jagħmel dikjarazzjoni dwar din il-parteċipazzjoni mhux aktar tard mill-ġurnata ta' qabel it-tiġrija. L-operaturi mbagħad għandhom jivverifikaw jekk iż-żiemel jistax jitħalla jieħu sehem fit-tiġrija fid-dawl tan-numru ta' dikjarazzjonijiet li jkunu diġà ġew irreġistrati. Wara dan, kompjuter ċentrali jattribwixxi numru lil kull żiemel u jiddetermina n-numru tal-gaġġa tat-tluq tiegħu. Il-lista definittiva tal-parteċipanti hija ppubblikata fil-ġurnata ta' qabel it-tiġrija.

15      Id-database ta' BHB tinkludi informazzjoni essenzjali mhux biss għall-persuni direttament involuti fit-tiġrijiet taż-żwiemel iżda wkoll għax-xandara tar-radju u tat-televiżjoni, għall-kumpanniji li jorganizzaw l-imħatri u għall-klijenti tagħhom. L-ispejjeż involuti fil-ġestjoni tad-database ta' BHB jammontaw għal madwar GBP 4 miljuni fis-sena. Il-miżati fatturati lil terzi persuni sabiex jużaw l-informazzjoni li tinsab f'din id-database jkopru madwar kwart ta' dan l-ammont.

16      L-imsemmija database hija aċċessibbli on-line mis-sit Internet komuni ta' BHB u Weatherbys Group Ltd. Parti mill-kontenut tagħha huwa wkoll mxandar kull ġimgħa fil-gazzetta uffiċjali ta' BHB. Il-kontenut ta' din id-database, fl-intier tiegħu jew parti minnu, huwa wkoll mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-kumpannija Racing Pages Ltd, li hija kkontrollata b'mod konġunt minn Weatherbys Group Ltd u mill-Press Association u li, fil-ġurnata ta' qabel it-tiġrija, tittrażmetti l-informazzjoni lid-diversi abbonati tagħha, fosthom il-kumpannija li jorganizzaw l-imħatri, fil-forma ta' "Declarations Feed". Il-kumpannija Satellite Informations Services Ltd (aktar 'il quddiem "SIS") hija awtorizzata minn Racing Pages Ltd sabiex tittrażmetti informazzjoni lill-abbonati tagħha fil-forma ta' informazzjoni li mhijiex ipproċessata ("raw data feed", aktar 'il quddiem ir-"RDF"). Ir-"RDF" tinkludi ammont kbir ta' informazzjoni, b'mod partikolari, l-ismijiet taż-żwiemel li ser jieħdu sehem fit-tiġrijiet, l-ismijiet tal-ġerrejja, in-numru ta' kull żiemel fit-tiġrija u l-piż ta' l-iżvantaġġ fir-rigward ta' kull żiemel. L-ismijiet taż-żwiemel li ser jieħdu sehem f'tiġrija partikolari jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fil-wara nofsinhar ta' qabel il-ġurnata tat-tiġrija permezz ta' l-istampa u permezz tas-servizzi Ceefax u Teletext.

17      William Hill, li hija abbonata mad-Declarations Feed u mar-RDF, hija waħda mill-organizzaturi prinċipali ta' mħatri li fir-Renju Unit tofri mħatra barra mill-korsa lil klijenti Brittaniċi u internazzjonali. Hija introduċiet servizz ta' mħatri on-line fuq żewġ siti Internet. Fuq dawn is-siti, il-persuni interessati jistgħu jiksbu informazzjoni dwar id-diversi tiġrijiet organizzati, il-korsi kkonċernati, iż-żwiemel li ser jieħdu sehem u l-kwotazzjonijiet offruti minn William Hill.

18      L-informazzjoni ppreżentata minn William Hill fuq is-siti Internet tagħha hija meħuda, minn naħa, mill-gazzetti ppubblikati fil-ġurnata ta' qabel it-tiġrija u, min-naħa l-oħra, mir-RDF ipprovduti minn SIS fl-għodwa tal-ġurnata tat-tiġrija.

19      Skond id-digriet tar-rinviju, l-informazzjoni li tinsab fuq is-siti Internet ta' William Hill tirrappreżenta biss parti żgħira ħafna mill-ammont totali ta' data li tinsab fid-database ta' BHB peress li din l-informazzjoni tikkonċerna biss l-elementi segwenti ta' din id-database: l-ismijiet taż-żwiemel kollha li ser jieħdu sehem fit-tiġrija partikolari, id-data, il-ħin u/jew l-isem tat-tiġrija, kif ukoll l-isem tal-korsa. Dejjem skond id-digriet tar-rinviju, it-tiġrijiet taż-żwiemel u l-listi taż-żwiemel li ser jieħdu sehem mhumiex ippreżentati bl-istess mod fuq is-siti Internet ta' William Hill u fid-database ta' BHB.

20      F'Marzu 2000, BHB et ressqu azzjoni kontra William Hill quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (Ir-Renju Unit) ibbażata fuq allegat ksur tad-dritt sui generis tagħhom. Huma jallegaw, minn naħa, li l-użu ta' kuljum minn William Hill ta' informazzjoni dwar it-tiġrijiet taż-żwiemel meħuda mill-gazzetti u mir-RDF jammonta għal estrazzjoni jew għal użu mill-ġdid ta' parti sostanzjali tal-kontenut tad-database ta' BHB li jmur kontra l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva. Min-naħa l-oħra, huma jsostnu li, anki jekk l-estrazzjonijiet individwali magħmula minn William Hill mhumiex sostanzjali, dawn għandhom jiġi pprojbiti taħt l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva.

21      Permezz ta' deċiżjoni tad-9 ta' Frar 2001, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, iddikjarat bħala fondat ir-rikors ta' BHB et. William Hill ressqet appell quddiem il-qorti tar-rinviju.

22      Minħabba li sabet problemi fl-interpretazzjoni tad-Direttiva, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      Waħda mill-espressjonijiet

–        'parti sostanzjali tal-kontenut tad-database'

–        'partijiet żgħar tal-kontenut tad-database',

li jinsabu fl-Artikolu 7 tad-Direttiva, tinkludi xogħlijiet, data jew materjal ieħor li joriġina mid-database iżda li ma jkollhomx l-istess arranġament sistematiku jew metodiku u l-aċċessibbiltà individwali li għandhom dawk tad-database?

2)      Xi tfisser 'kisba' fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva? B'mod partikolari, l-[elementi msemmija fil-punt 14 ta' din is-sentenza] jistgħu jammontaw għal 'kisba' ta' dan it-tip?

3)      Il-'verifika' msemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva hija llimitata għal kontroll minn żmien għal żmien li l-informazzjoni li tinsab f'database hija jew għadha korretta?

4)      Fl-Artikolu 7(1), xi jfissru l-espressjonijiet:

–        'parti sostanzjali minn, valutat b'mod kwalitattiv, tal-kontenut ta’ dik id-database' u

–        'parti sostanzjali minn, valutat b'mod kwantitattiv, tal-kontenut ta’ dik id-database'?

5)      Fl-Artikolu 7(5) tad-Direttiva, xi tfisser l-espressjoni 'partijiet żgħar tal-kontenut tad-database'?

6)      B'mod partikolari, f'kull każ,

–        il-kelma 'sostanzjali' tfisser xi ħaġa aktar minn 'insinjifikanti' u, fl-affermattiv, xiex?

–        Il-kliem 'parti żgħira' jfissru sempliċement li l-parti mhijiex 'sostanzjali'?

7)      L-'estrazzjoni' msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva hija llimitata għat-trasferiment tal-kontenut tad-database, direttament mid-database għal mezz ieħor, jew tinkludi wkoll it-trasferiment ta' xogħlijiet, data jew materjal ieħor li jkunu ġejjin indirettament mid-database mingħajr aċċess dirett għad-database?

8)      L-'użu mill-ġdid' imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva huwa llimitat għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-kontenut tad-database direttament mid-database jew jinkludi wkoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta' xogħlijiet, data jew materjal ieħor li jkunu ġejjin indirettament mid-database mingħajr aċċess dirett għad-database?

9)      L-'użu mill-ġdid' imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva huwa llimitat għall-ewwel darba li d-database titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku?

10)      Fl-Artikolu 7(5) tad-Direttiva, xi jfissru 'atti kuntrarji għall-użu normali ta’ dik id-database jew li jagħmlu ħsara irraġonevoli lill-interessi leġittimi ta’ min ikun għamel id-database?' B'mod partikolari, [l-azzjonijiet deskritti fil-punti 17 sa 19 ta' din is-sentenza] fil-kuntest ta' [l-elementi msemmija fil-punt 15 ta' din is-sentenza] jistgħu jammontaw għal atti ta' dan it-tip?

11)      L-Artikolu 10(3) tad-Direttiva jfisser li, meta jkun hemm 'bidla sostanzjali' fil-kontenut ta' database, li tagħti lid-database li tirriżulta minn din il-bidla perijodu speċifiku ta' protezzjoni għaliha, id-database li tirriżulta minn din il-bidla għandha titqies bħala database ġdida u distinta, inkluż għall-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 7(5)".

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

23      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jipprovdi protezzjoni speċifika, imsejħa 'dritt sui generis', lill-persuna li tkun bniet database fis-sens ta' l-Artikolu 1(2) ta' din id-direttiva, sakemm din "[t]uri li jkun sar investiment sostanzjali kwalitattiv u/jew kwantitattiv fil-kisba, verifika jew preżentazzjoni tal-kontenut" tad-database.

24      Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb interpretazzjoni tal-kunċett ta' investiment marbut, rispettivament, mal-kisba u mal-verifika tal-kontenut ta' database fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva.

25      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jawtorizza lill-persuna li tkun bniet database protetta mid-dritt sui generis li tipprojbixxi l-estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid tad-database kollha jew ta' parti sostanzjali mill-kontenut tagħha. Barra minn hekk, l-Artikolu 7(5) jipprojbixxi l-atti ta' estrazzjoni u/jew ta' użu mill-ġdid, imwettqa b'mod ripetut u sistematiku, ta' partijiet żgħar mill-kontenut tad-database li jkunu kuntrarji għal użu normali ta' din id-database jew li jagħmlu ħsara rraġonevoli lill-interessi leġittimi tal-persuna li bniet id-database.

26      Is-seba', it-tmien u d-disa' domandi magħmula, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, jikkonċernaw il-kunċetti ta' estrazzjoni u ta' użu mill-ġdid. Il-kunċetti ta' parti sostanzjali u ta' parti żgħira mill-kontenut ta' database huma, min-naħa tagħhom, is-suġġett prinċipali ta' l-ewwel, ir-raba', il-ħames u s-sitt domandi, li ser jiġu wkoll eżaminati flimkien.

27      L-għaxar domanda tikkonċerna l-portata tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(5) tad-Direttiva. Il-ħdax-il domanda hija intiża sabiex ikun magħruf jekk bidla sostanzjali, magħmula mill-persuna li tkun għamlet id-database, lill-kontenut ta' l-istess database tippermettix li jiġi konkluż li teżisti database ġdida għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni, fil-kuntest ta' l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva, tan-natura ripetuta u sistematika ta' atti ta' estrazzjoni u/jew ta' użu mill-ġdid li jikkonċernaw partijiet żgħar mid-database.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi dwar il-kunċett ta' investiment marbut mal-kisba jew mal-verifika tal-kontenut ta' database fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva

28      Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi dwar il-kunċett ta' investiment marbut mal-kisba jew mal-verifika tal-kontenut ta' database fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva.

29      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jirriżerva l-benefiċċju tal-protezzjoni mid-dritt sui generis għad-databases li jissodisfaw kriterju preċiż, jiġifieri li l-kisba, il-verifika jew il-preżentazzjoni tal-kontenut tagħhom juru li sar investiment sostanzjali mill-aspett kwalitattiv jew kwantitattiv.

30      Skond id-disa', l-għaxar u t-tnax-il premessa tad-Direttiva, l-għan tagħha huwa, kif tosserva William Hill, li tinkoraġġixxi u tipproteġi l-investimenti f'sistemi ta' "ħażna" jew ta' "proċessar" ta' data li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq ta' l-informazzjoni f'kuntest ikkaratterizzat minn tkabbir esponenzjali fl-ammont ta' data maħluqa u pproċessata kull sena fl-oqsma kollha ta' attività. Minn dan isegwi li l-kunċett ta' investiment marbut mal-kisba, mal-verifika jew mal-preżentazzjoni tal-kontenut ta' database għandu jinftiehem, b'mod ġenerali, bħala li jkopri l-investiment magħmul fir-rigward tal-ħolqien tad-database bħala tali.

31      F'dan il-kuntest, il-kunċett ta' investiment marbut mal-kisba tal-kontenut ta' database għandu, kif jenfasizzaw William Hill, il-Gvern Belġjan, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Portugiż, jinftiehem fis-sens li jkopri l-mezzi użati fir-riċerka ta' materjal indipendenti eżistenti u għall-ġabra tiegħu fl-imsemmija database, bl-esklużjoni tar-riżorsi użati fil-ħolqien stess tal-materjal indipendenti. L-għan tal-protezzjoni mid-dritt sui generis stabbilita mid-Direttiva huwa, fil-fatt, li jistimula l-implementazzjoni ta' sistemi ta' ħażna u ta' pproċessar ta' informazzjoni eżistenti u mhux il-ħolqien ta' materjal li sussegwentament jista' jinġabar f'database.

32      Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mid-disa' u tletin premessa tad-Direttiva li tipprovdi li l-għan tad-dritt sui generis huwa li jiggarantixxi protezzjoni kontra l-użu tar-riżultati miksuba mill-investiment finanzjarju u professjonali magħmul mill-persuna li tkun għamlet id-database "għall-kisba u kollezzjoni tal-kontenut" tad-database. Kif tosserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 41 sa 46 tal-konklużjonijiet tagħha, minkejja varjazzjonijiet żgħar fit-terminoloġija użata, l-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta' din id-disa' u tletin premessa jsostnu interpretazzjoni li teskludi l-ħolqien tal-materjal li jinsab f'database mill-kunċett ta' kisba.

33      Id-dsatax-il premessa tad-Direttiva, li tipprovdi li l-kumpilazzjoni ta' diversi reġistrazzjonijiet ta' eżekuzzjonijiet mużikali fuq CD ma tirrappreżentax investiment sostanzjali biżżejjed biex tkun eliġibbli għad-dritt sui generis, tipprovdi argument addizzjonali in sostenn ta' din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, minn dan jirriżulta li l-mezzi użati għall-ħolqien stess tax-xogħlijiet jew tal-materjal li jkun jinsab fid-database, f'dan il-każ fuq CD, ma jistgħux ikunu assimilati ma' investiment marbut mal-kisba tal-kontenut ta' l-imsemmija database u għaldaqstant ma jistgħux jitqiesu fl-evalwazzjoni tal-karattru sostanzjali ta' l-investiment marbut mal-ħolqien ta' din id-database.

34      Il-kunċett ta' investiment marbut mal-verifika tal-kontenut tad-database għandu jinftiehem fis-sens li jkopri l-mezzi użati matul il-ħolqien tad-database kif ukoll matul il-perijodu ta' operazzjoni tagħha għall-kontroll ta' l-eżattezza tal-materjal riċerkat sabiex ikun assigurat li l-informazzjoni inkluża fl-imsemmija database tkun informazzjoni li ta' min joqgħod fuqha. Mill-banda l-oħra, il-mezzi użati għal operazzjonijiet ta' verifika matul il-fażi ta' ħolqien ta' data jew ta' materjal ieħor li sussegwentament jinġabru f'database jammontaw għal mezzi relatati ma' dan il-ħolqien u, għaldaqstant, ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni ta' l-eżistenza ta' investiment sostanzjali fil-kuntest ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva.

35      F'dan il-kuntest, il-fatt li l-ħolqien ta' database jkun marbut ma' l-eżerċizzju ta' attività prinċipali li, fil-kuntest tagħha, il-persuna li toħloq id-database tkun ukoll il-persuna li toħloq il-materjal li jkun jinsab f'din id-database, ma jeskludix, minnu nnifsu li din il-persuna tkun tista' titlob il-benefiċċju tal-protezzjoni mid-dritt sui generis, bil-kundizzjoni li hija turi li l-kisba, il-verifika u l-preżentazzjoni ta' l-imsemmi materjal, fis-sens ippreċiżat fil-punti 31 sa 34 ta' din is-sentenza, kienu jinvolvu investiment sostanzjali fuq livell kwantitattiv jew kwalitattiv, li kien indipendenti mill-mezzi użati għall-ħolqien ta' dan il-materjal.

36      F'dan ir-rigward, minkejja li r-riċerka tad-data u l-verifika ta' l-eżattezza tagħha fil-mument tal-ħolqien tad-database ma tirrikjedix, fil-prinċipju, l-użu ta' mezzi partikolari mill-persuna li tkun għamlet din id-database minħabba li hija involuta data li din tkun ħolqot hija stess u li huma għad-dispożizzjoni tagħha, jibqa' l-fatt li l-kollezzjoni ta' din id-data, l-arranġament sistematiku jew metodiku tagħha fid-database, l-organizzazzjoni ta' l-aċċessibbiltà individwali tagħha u l-verifika ta' l-eżattezza tagħha matul il-perijodu kollu ta' operazzjoni tad-database jistgħu jeħtieġu investiment sostanzjali, fuq livell kwantitattiv u/jew kwalitattiv, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva.

37      Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk l-investimenti deskritti fil-punt 14 ta' din is-sentenza jistgħux ikunu assimilati ma' investiment marbut mal-kisba tal-kontenut tad-database ta' BHB. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qegħdin jinsistu fuq il-karattru sostanzjali ta' l-investimenti msemmija aktar 'il fuq.

38      Madankollu, l-investimenti marbuta mad-determinazzjoni, għall-finijiet ta' l-organizzazzjoni ta' tiġrijiet taż-żwiemel, taż-żwiemel ammessi sabiex jieħdu sehem fit-tiġrija kkonċernata, jirrigwardaw il-ħolqien tad-data li tikkostitwixxi l-listi relatati ma' dawn it-tiġrijiet li jinsabu fid-database ta' BHB. Dawn l-investimenti ma jammontawx għal investiment marbut mal-kisba tal-kontenut tad-database. Għaldaqstant, huma ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-karattru sostanzjali ta' investiment marbut mal-ħolqien ta' din id-database.

39      Ċertament, il-proċess tal-kitba ta' żiemel fuq lista ta' tiġrija jeħtieġ ċertu numru ta' verifiki preliminari dwar l-identità tal-persuna li tkun għamlet il-kitba, il-karatteristiċi taż-żiemel, kif ukoll dwar il-klassifikazzjoni taż-żiemel, tal-proprjetarju tiegħu u tal-ġerrej.

40      Madankollu, dan ix-xogħol ta' verifika preliminari jsir fil-fażi ta' ħolqien tal-lista relatata mat-tiġrija in kwistjoni. Għaldaqstant, dan ix-xogħol jammonta għal investiment marbut mal-ħolqien ta' data u mhux mal-verifika tal-kontenut tad-database.

41      Minn dan isegwi li l-mezzi użati għall-ħolqien ta' lista taż-żwiemel li jieħdu sehem f'tiġrija u għall-operazzjonijiet ta' verifika f'dan il-kuntest ma jammontawx għal investiment marbut mal-kisba u mal-verifika tal-kontenut tad-database li fiha tinsab din il-lista.

42      Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, ir-risposti għat-tieni u għat-tielet domandi għandhom ikunu li:

–        Il-kunċett ta' investiment marbut mal-kisba tal-kontenut ta' database fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għall-mezzi użati fir-riċerka ta' materjal eżistenti u għall-ġabra tiegħu fl-imsemmija database. Dan il-kunċett ma jinkludix riżorsi użati fil-ħolqien tal-materjal li jikkostitwixxi l-kontenut ta' database.

–        Il-kunċett ta' investiment marbut mal-verifika tal-kontenut tad-database fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva għandu jinftiehem fis-sens li jkopri l-mezzi użati matul il-ħolqien ta' din id-database kif ukoll matul il-perijodu ta' operazzjoni tagħha għall-kontroll ta' l-eżattezza tal-materjal irriċerkat sabiex ikun assigurat li l-informazzjoni li tinsab fl-imsemmija database tkun informazzjoni li ta' min joqgħod fuqha. Il-mezzi wżati għal operazzjonijiet ta' verifika matul il-fażi ta' ħolqien ta' materjal li sussegwentament jinġabar f'database mhumiex koperti minn dan il-kunċett.

–        Il-mezzi wżati għall-ħolqien ta' lista taż-żwiemel li jieħdu sehem f'tiġrija u għall-operazzjonijiet ta' verifika f'dan il-kuntest ma jammontawx għal investiment marbut mal-kisba u mal-verifika tal-kontenut tad-database li fiha tinsab din il-lista.

 Fuq is-seba', it-tmien u d-disa' domandi dwar il-kunċetti ta' estrazzjoni u ta' użu mill-ġdid fis-sens ta' l-Artikolu 7 tad-Direttiva

43      Permezz tas-seba', tat-tmien u tad-disa' domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk l-użu ta' database bħal dak magħmul minn William Hall jammontax għal estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid fis-sens ta' l-Artikolu 7 tad-Direttiva. Il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, b'mod partikolari, jekk il-protezzjoni mogħtija mid-dritt sui generis tkoprix ukoll il-każijiet ta' użu ta' data li, minkejja li tkun ġejja minn database protetta, tkun inkisbet mill-persuna li tużahom mingħand sorsi oħra u mhux mid-database stess.

44      Il-protezzjoni mid-dritt sui generis stabbilita permezz ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tagħti lill-persuna li tkun bniet database l-possibbiltà li twaqqaf l-estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid mingħajr awtorizzazzjoni tal-kontenut kollu tad-database jew ta' parti sostanzjali minnu, skond it-termini tal-wieħed u erbgħin premessa tad-Direttiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva jipprojbixxi, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid mingħajr awtorizzazzjoni ta' partijiet żgħar tal-kontenut ta' database.

45      Il-kunċetti ta' estrazzjoni u ta' użu mill-ġdid għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta' l-għan tad-dritt sui generis. Dan id-dritt huwa intiż sabiex jipproteġi lill-persuna li tkun bniet id-database kontra "atti ta’ min jagħmel użu li jmur 'il hinn mid-drittijiet leġittimi tiegħu u għalhekk jagħmel ħsara lill-investiment" ta' din il-persuna, kif inhu indikat fit-tnejn u erbgħin premessa tad-Direttiva.

46      Mit-tmienja u erbgħin premessa ta' l-istess direttiva jirriżulta li d-dritt sui generis huwa bbażat fuq ġustifikazzjoni ekonomika li tikkonsisti fil-garanzija, għall-persuna li tkun bniet id-database, tal-protezzjoni u r-redittu ta' l-investiment li tkun għamlet fir-rigward tal-ħolqien u ta' l-operazzjoni ta' l-imsemmija database.

47      F'dawn iċ-ċirkustanzi, għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-portata tal-protezzjoni mid-dritt sui generis, la huwa rilevanti li l-att ta' estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid isir bil-għan li tinħoloq database oħra, irrispettivament minn jekk din tikkompetix mad-database oriġinali jew le u rrispettivament minn jekk din tkunx ta' l-istess daqs jew le bħal dik oriġinali, u lanqas ma huwa rilevanti li dan l-att sar fil-kuntest ta' attività oħra għajr il-ħolqien ta' database. F'dan ir-rigward, it-tnejn u erbgħin premessa tad-Direttiva tikkonferma li "d-dritt li ma jħallix li ssir estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid tal-kontenut kollu jew parti sewwa minnu jirreferi mhux biss għall-manifattura ta’ prodott parassitiku kompetitur, iżda wkoll għal kull min jagħmel użu li permezz tiegħu ssir ħsara kbira kwalitattiva jew kwantitattiva lill-investiment".

48      Għandu jiġi osservat ukoll li, filwaqt li l-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali tad-databases (ĠU 1992, C 156, p. 4), ippreżentata mill-Kummissjoni fil-15 ta' April 1992, kienet tillimita, skond l-Artikolu 2(5) tagħha, il-kamp ta' protezzjoni mid-dritt sui generis għall-atti ta' estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid mingħajr awtorizzazzjoni magħmula "għal skopijiet kummerċjali" [traduzzjoni mhux uffiċjali], in-nuqqas ta' referenza fl-Artikolu 7 tad-Direttiva għal skop bħal dan ifisser li, għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-legalità ta' att fid-dawl ta' dan l-artikolu, mhuwiex rilevanti jekk l-att għandux għan kummerċjali jew le.

49      Fl-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva, l-estrazzjoni hija ddefinita bħala "it-trasferiment permanenti jew temporanju tal-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database lil apparat ieħor b’kull mezz jew f’kull forma", filwaqt li, fl-Artikolu 7(2)(b), l-użu mill-ġdid huwa definit bħala "kull mod li jagħmel disponibbli lill-pubbliku il-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database permezz tad-distribuzzjoni ta’ kopji, kiri, trasmissjoni on-line jew modi oħra ta’ trasmissjoni".

50      Ir-referenza għal "parti sostanzjali" fid-definizzjoni tal-kunċetti ta' estrazzjoni u ta' użu mill-ġdid tista' twassal għall-konfużjoni peress li, mill-Artikolu 7(5) tad-Direttiva, jirriżulta li estrazzjoni jew użu mill-ġdid jistgħu jikkonċernaw ukoll parti mhux sostanzjali, ("żgħira"), ta' database. Kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 90 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-referenza, fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva, għall-karattru sostanzjali tal-parti estratta jew użata mill-ġdid ma tikkonċernax id-definizzjoni ta' dawn il-kunċetti bħala tali iżda għandha tinftiehem bħala referenza għal waħda mill-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni tad-dritt sui generis stabbilit mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva.

51      L-użu ta' espressjonijiet bħalma huma "b’kull mezz jew f’kull forma" u "kull mod li jagħmel disponibbli lill-pubbliku" jindika li l-leġiżlatur Komunitarju xtaq jagħti tifsira wiesgħa lill-kunċetti ta' estrazzjoni u ta' użu mill-ġdid. Għaldaqstant, fid-dawl ta' l-għan tad-Direttiva, dawn il-kunċetti għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirreferu għal kull att li jikkonsisti, rispettivament, fl-approprjazzjoni u fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mingħajr il-kunsens tal-persuna li tkun bniet id-database, tar-riżultati ta' l-investiment ta' din il-persuna li b'hekk iwassal sabiex din ta' l-aħħar tkun imċaħħda mid-dħul li kellu jagħmel tajjeb għall-investiment magħmul.

52      F'kuntest bħal dan, u kuntrarjament għat-teżi difiża minn William Hill, mill-Gvern Belġjan u mill-Gvern Portugiż, il-kunċetti ta' estrazzjoni u ta' użu mill-ġdid ma jistgħux ikunu limitati għall-każijiet ta' estrazzjoni u ta' użu mill-ġdid imwettqa direttament mid-database oriġinali, limitazzjoni li twassal sabiex il-persuna li tkun għamlet id-database titħalla mingħajr protezzjoni fir-rigward ta' atti mhux awtorizzati ta' kkupjar imwettqa minn kopja tad-database tagħha. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 7(2)(b) tad-Direttiva li jipprovdi li l-ewwel bejgħ fil-Komunità ta' kopja ta' database mit-titulari tad-dritt, jew bil-kunsens tiegħu, jeżawrixxi d-dritt li jikkontrolla "l-bejgħ mill-ġdid" ta' din il-kopja fil-Komunità, iżda mhux id-dritt li jikkontrolla l-estrazzjoni u l-użu mill-ġdid tal-kontenut ta' din il-kopja.

53      Peress li atti ta' estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid mingħajr awtorizzazzjoni, imwettqa minn terza persuna minn sors ieħor għajr id-database kkonċernata, huma ta' natura, l-istess bħal atti bħal dawn imwettqa direttament mill-imsemmija database, li jippreġudikaw l-investiment tal-persuna li tkun bniet din id-database, għandu jiġi kkunsidrat li l-kunċetti ta' estrazzjoni u ta' użu mill-ġdid ma jeżiġux aċċess dirett għad-database kkonċernata.

54      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-protezzjoni mid-dritt sui generis tikkonċerna biss l-atti ta' estrazzjoni u ta' użu mill-ġdid, kif definiti fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva. Mill-banda l-oħra, din il-protezzjoni ma tkoprix l-atti ta' konsultazzjoni ta' database.

55      Huwa minnu li l-persuna li tkun bniet id-database tista' tirriżerva dritt għal aċċess esklużiv għad-database tagħha għaliha nfisha jew tirriżerva l-aċċess għal din id-database għal persuni determinati. Madankollu, jekk hija stess tagħmel il-kontenut tad-database tagħha, jew parti minnu, aċċessibbli għall-pubbliku, id-dritt sui generis tagħha ma jippermettilhiex li tipprekludi l-konsultazzjoni ta' din id-database minn terzi persuni.

56      L-istess jgħodd jekk il-persuna li tkun bniet id-database tawtorizza terza persuna sabiex tuża mill-ġdid il-kontenut tad-database tagħha, jiġifieri, sabiex tgħaddih lill-pubbliku. Fil-fatt, mid-definizzjoni tal-kunċett ta' użu mill-ġdid li jinsab fl-Artikolu 7(2)(b) tad-Direttiva, moqri flimkien mal-wieħed u erbgħin premessa tagħha, jirriżulta li l-awtorizzazzjoni ta' din il-persuna fir-rigward ta' l-użu mill-ġdid tad-database tagħha jew ta' parti sostanzjali minnha tfisser li hija tkun qiegħda tagħti l-kunses tagħha sabiex id-database tagħha jew il-parti kkonċernata tkun magħmula aċċessibbli għall-pubbliku mit-terza persona li tkun ingħatat din l-awtorizzazzjoni. Billi tawtorizza l-użu mill-ġdid, il-persuna li tkun bniet id-database tkun qiegħda b'hekk toħloq, għall-persuni interessati, sors alternattiv ta' aċċess għall-kontenut tad-database tagħha u ta' konsultazzjoni tagħha.

57      Barra minn hekk, il-fatt li d-database tista' tkun ikkonsultata minn terzi persuni permezz ta' persuna li tagħmel użu mill-ġdid li tingħata awtorizzazzjoni mingħand il-persuna li bniet din id-database, ma jwaqqafx lil din il-persuna ta' l-aħħar milli tirkupra l-valur ta' l-investiment tagħha. Fil-fatt, din il-persuna tista' tistabbilixxi miżata għall-użu mill-ġdid tad-database kollha jew ta' parti minnha li tieħu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, il-prospettivi ta' konsultazzjonijiet sussegwenti, u li b'hekk tiggarantilha kreditu suffiċjenti għall-investimenti tagħha.

58      Mill-banda l-oħra, il-persuna li tagħmel użu leġittimu ta' database, jiġifieri dik il-persuna li l-aċċess tagħha għall-kontenut tad-database għal finijiet ta' konsultazzjoni huwa bbażat fuq il-kunsens dirett jew indirett tal-persuna li bniet id-database, tista' tkun imwaqqfa minn din il-persuna, bis-saħħa tad-dritt sui generis stabbilit fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva, milli twettaq atti li jinvolvu l-estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid tal-kontenut kollu tad-database jew ta' parti sostanzjali minnu. Fil-fatt, il-kunsens tal-persuna li bniet id-database fir-rigward tal-konsultazzjoni ta' din id-database ma jwassalx għall-eżawriment tad-dritt sui generis tagħha.

59      Fir-rigward ta' l-estrazzjoni, din l-analiżi hija kkonfermata mill-erbgħa u erbgħin premessa tad-Direttiva li tipprovdi li, "meta fil-wiri tal-kontenut fuq l-iskrin ta’ database ikun meħtieġ it-trasferiment permanenti jew temporanju ta’ dan il-kontenut kollu jew parti sewwa minnu għal fuq mezz ieħor, dak l-att għandu jkun suġġett għall-awtorizzazzjoni tat-titulari tad-dritt". Fir-rigward ta' l-użu mill-ġdid, it-tlieta u erbgħin premessa tad-Direttiva tippreċiża, fl-istess sens, li "fil-każ ta’ trasmissjoni on-line d-dritt li ma jsirx użu mill-ġdid ma jkunx eżawrit, kemm għal database u kemm għal kopja materjali tad-database jew ta’ parti minnha, jekk issir minn min jirċievi t-trasmissjoni bil-kunsens tat-titulari tad-dritt".

60      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-projbizzjoni fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tkopri biss l-estrazzjonijiet u/jew l-użu mill-ġdid li jikkonċernaw il-kontenut kollu, jew parti sostanzjali minnu, ta' database li l-ħolqien tagħha kien jeżiġi investiment sostanzjali. Mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva jirriżulta li, minbarra l-każijiet imsemmija fl-Artikolu 7(5) ta' l-istess Direttiva, id-dritt sui generis ma jipprojbixxix persuna li tagħmel użu leġittimu tad-database milli twettaq estrazzjonijiet jew użu mill-ġdid fir-rigward ta' partijiet żgħar tal-kontenut ta' database.

61      Minn dak li għadu kemm intqal jirriżulta li l-atti ta' estrazzjoni, jiġifieri t-trasferiment tal-kontenut ta' database lejn mezz ieħor, u l-atti ta' użu mill-ġdid, jiġifieri t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-kontenut ta' database, li jikkonċernaw il-kontenut kollu, jew parti sostanzjali minnu, ta' database, jeħtieġu l-awtorizzazzjoni tal-persuna li tkun bniet id-database anki meta din il-persuna tkun għamlet id-database tagħha, fl-intier tagħha jew parti minnha, aċċessibbli għall-pubbliku jew tkun awtorizzat terza persuna jew persuni determinati sabiex tgħaddih lill-pubbliku.

62      Id-Direttiva fiha eċċezzjoni għall-prinċipju spjegat fil-punt preċedenti. L-Artikolu 9 tagħha jiddefinixxi b'mod eżawrjenti tliet ċirkustanzi li fihom l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li l-persuna li tagħmel użu leġittimu minn database mqiegħda, bi kwalunkwe mod, għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tista', mingħajr awtorizzazzjoni mingħand il-persuna li bniet id-database, tagħmel estrazzjoni jew tuża mill-ġdid "parti sostanzjali" tal-kontenut ta' din id-database. Dawn l-eċċezzjonijiet huma l-estrazzjoni għal finijiet privati tal-kontenut ta' database li mhijiex elettronika, l-estrazzjoni għall-finijiet ta' illustrazzjoni għal tagħlim jew riċerka xjentifika u l-estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid għall-finijiet ta' sigurtà pubblika jew għall-finijiet ta' xi proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja.

63      Fil-kawża prinċipali, id-digriet tar-rinviju jindika li l-informazzjoni dwar it-tiġrijiet taż-żwiemel li William Hill tqiegħed fuq is-sit Internet tagħha u li joriġinaw mid-database ta' BHB hija meħuda, minn naħa, mill-gazzetti ppubblikati fil-ġurnata ta' qabel it-tiġrija u, min-naħa l-oħra, mir-RDF ipprovduti minn SIS.

64      Skond id-digriet tar-rinviju, l-informazzjoni ppubblikata fil-gazzetti tingħata direttament lill-istampa minn Weatherbys Group Ltd, il-kumpannija li tiġġestixxi d-database ta' BHB. Fir-rigward tas-sors l-ieħor ta' informazzjoni ta' William Hill, għandu jiġi mfakkar li SIS hija awtorizzata minn Racing Pages Ltd, li hija parzjalment ikkontrollata minn Weatherbys Group Ltd, sabiex titrażmetti informazzjoni dwar it-tiġrijiet taż-żwiemel fil-forma ta' RDF lill-abbonati tagħha, li fosthom hemm William Hill. Għaldaqstant, id-data tad-database ta' BHB dwar it-tiġrijiet taż-żwiemel kienu magħmula aċċessibbli għall-pubbliku għal finijiet ta' konsultazzjoni bl-awtorizzazzjoni ta' BHB.

65      Għalkemm William Hill tagħmel użu leġittimu tad-database magħmula aċċessibbli għall-pubbliku, ta' l-anqas safejn dan jikkonċernata l-parti ta' din id-database li tikkorrispondi għall-informazzjoni dwar it-tiġrijiet, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li din il-kumpannija twettaq atti ta' estrazzjoni u ta' użu mill-ġdid fis-sens ta' l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva. Minn naħa, hija tagħmel estrazzjonijiet ta' data li s-sors tagħha tinsab fid-database ta' BHB billi tittrasferiha minn mezz għal ieħor. Fil-fatt, hija tintegra din id-data fis-sistema elettronika tagħha. Min-naħa l-oħra, hija tuża mill-ġdid din id-data meta mbagħad tqiegħdhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, permezz tas-sit Internet tagħha, sabiex il-klijenti tagħha jkunu jistgħu jagħmlu mħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel.

66      Issa, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li dawn l-estrazzjonijiet w użu mill-ġdid twettqu mingħajr l-awtorizzazzjoni ta' BHB et. Peress li din il-kawża ma tikkorrispondi għall-ebda waħda miċ-ċirkustanzi ta' l-Artikolu 9 tad-Direttiva, atti bħalma huma dawk imwettqa minn William Hill jistgħu għalhekk ikunu pprojbiti minn BHB et bis-saħħa tad-dritt sui generis tagħhom sakemm dawn l-atti jikkonċernaw il-kontenut tad-database ta' BHB kollu, jew parti sostanzjali minnu, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva. Jekk atti bħal dawn jikkonċernaw partijiet żgħar ta' din id-database, huma għandhom jiġu pprojbiti biss jekk il-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva jkunu sodisfatti.

67      Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, ir-risposti għas-seba', għat-tmien u għad-disa' domandi għandhom ikunu li:

–        Il-kunċetti ta' estrazzjoni u ta' użu mill-ġdid fis-sens ta' l-Artikolu 7 tad-Direttiva għandhom jiġu interpretati bħala li jagħmlu referenza għal kull att, li ma jkunx awtorizzat, ta' approprjazzjoni u ta' distribuzzjoni lill-pubbliku tal-kontenut kollu ta' database jew ta' parti minnu. Dawn il-kunċetti ma jeżiġux aċċess dirett għad-database ikkonċernata.

–        Il-fatt li l-kontenut tad-database kien magħmul aċċessibbli għall-pubbliku mill-persuna li bniet din id-database jew bil-kunsens tagħha ma jaffetwax id-dritt ta' din ta' l-aħħar li tipprojbixxi l-atti ta' estrazzjoni u/jew ta' użu mill-ġdid li jikkonċernaw il-kontenut kollu ta' database jew parti sostanzjali minnu.

 Fuq l-ewwel, ir-raba', il-ħames u s-sitt domandi dwar il-kunċetti ta' parti sostanzjali jew parti mhux sostanzjali tal-kontenut ta' database fis-sens ta' l-Artikolu 7 tad-Direttiva

68      Permezz tar-raba', il-ħames u s-sitt domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi dwar it-tifsira tal-kunċetti ta' parti sostanzjali u ta' parti żgħira tal-kontenut ta' database fil-kuntest ta' l-Artikolu 7 tad-Direttiva. Barra minn hekk, permezz ta' l-ewwel domanda tagħha hija qiegħda tistaqsi jekk materjal li joriġina minn database jevitax li jiġi kkwalifikat bħala parti, sostanzjali jew le, ta' din id-database meta l-arranġament sistematiku jew metodiku tiegħu u l-kundizzjonijiet ta' l-aċċessibbiltà individwali tiegħu jkunu mibdula mill-persuna li twettaq l-estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid.

69      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-protezzjoni mid-dritt sui generis tikkonċerna d-databases li l-ħolqien tagħhom ikun involva investiment sostanzjali. F'dan il-kuntest, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jipprojbixxi l-estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid mhux biss ta' database protetta mid-dritt sui generis fl-intier tagħha iżda wkoll ta' parti sostanzjali, evalwata b'mod kwalitattiv jew kwantitattiv, tal-kontenut tagħha. Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex ikun evitat, skond it-tnejn u erbgħin premessa tad-Direttiva, li persuna li tuża d-database, "[t]agħmel użu li permezz tiegħu ssir ħsara kbira kwalitattiva jew kwantitattiva lill-investiment". Minn din il-premessa jirriżulta li l-evalwazzjoni, mill-aspett kwalitattiv, tal-karattru sostanzjali tal-parti in kwistjoni għandha, l-istess bħall-evalwazzjoni mill-aspett kwantitattiv, tirreferi għall-investiment marbut mal-ħolqien tad-database u mal-ħsara magħmula lil dan l-investiment mill-att ta' estrazzjoni u/jew ta' użu mill-ġdid fir-rigward ta' din il-parti.

70      Il-kunċett ta' parti sostanzjali, evalwata b'mod kwantitattiv, tal-kontenut tad-database fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jirreferi għall-volum ta' data tad-database estratta u/jew użata mill-ġdid u għandu jiġi evalwat konfront tal-volum tal-kontenut totali tagħha. Fil-fatt, jekk persuna li tuża d-database twettaq estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid ta' parti kwantitattivament sinjifikanti tal-kontenut ta' database li l-ħolqien tagħha involva l-użu ta' mezzi sostanzjali, l-investiment relatat mal-parti estratta u/jew użata mill-ġdid ikun, proporzjonalment, sostanzjali wkoll.

71      Il-kunċett ta' parti sostanzjali, evalwata b'mod kwalitattiv, tal-kontenut tad-database jirreferi għall-ammont ta' l-investiment marbut mal-kisba, mal-verifika jew mal-preżentazzjoni tal-kontenut tas-suġġett ta' l-att ta' estrazzjoni u/jew ta' użu mill-ġdid, irrispettivament minn jekk dan is-suġġett jirrappreżentax parti kwantitattivament sostanzjali tal-kontenut ġenerali tad-database protetta. Fil-fatt, parti kwantitattivament negliġibbli tal-kontenut ta' database tista' tirrappreżenta, mill-aspett tal-kisba, tal-verifika jew tal-preżentazzjoni, investiment uman, tekniku jew finanzjarju sinjifikanti.

72      Għandu jingħad ukoll li, skond is-sitta u erbgħin premessa tad-Direttiva, peress li l-eżistenza tad-dritt sui generis ma twassalx għall-ħolqien ta' dritt ġdid fuq ix-xogħlijiet, id-data jew il-materjali stess tad-database, il-valur intrinsiku tal-materjal ikkonċernat mill-att ta' estrazzjoni u/jew ta' użu mill-ġdid ma jammontax għal kriterju rilevanti fl-evalwazzjoni tal-karattru sostanzjali tal-parti in kwistjoni.

73      Fir-rigward tal-kunċett ta' parti żgħira tal-kontenut ta' database, għandu jiġi kkunsidrat li, kull parti li la taqa' taħt il-kunċett ta' parti sostanzjali mill-aspett kwantitattiv u lanqas mill-aspett kwalitattiv taqa' taħt dan il-kunċett.

74      F'dan ir-rigward, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-materjal riprodott fuq is-siti Internet ta' William Hill, li joriġina mid-database ta' BHB, jirrappreżenta biss proporzjon żgħira ħafna tad-daqs totali ta' din id-database, kif ġie osservat fil-punt 19 ta' din is-sentenza. Għaldaqstant, mill-aspett kwantitattiv, għandu jiġi kkunsidrat li l-imsemmi materjal ma jammontax għal parti sostanzjali tal-kontenut ta' din id-database.

75      Skond id-digriet tar-rinviju, l-informazzjoni ppubblikata minn William Hill tikkonċerna biss il-materjal segwenti tad-database ta' BHB: l-ismijiet taż-żwiemel kollha li jieħdu sehem fit-tiġrija kkonċernata, id-data, il-ħin u/jew l-isem tat-tiġrija, kif ukoll l-isem tal-korsa, kif kien indikat ukoll fid-19-il punt ta' din is-sentenza.

76      Sabiex jiġi evalwat jekk dawn l-elementi jirrappreżentawx parti sostanzjali, mill-aspett kwalitattiv, tal-kontenut tad-database ta' BHB, għandu jiġi eżaminat jekk l-isforzi umani, tekniċi u finanzjarji magħmula mill-persuna li bniet id-database għall-kisba, il-verifika u l-preżentazzjoni ta' din id-data jirrappreżentawx investiment sostanzjali.

77      F'dan ir-rigward, BHB et jallegaw li d-data estratta w użata mill-ġdid minn William Hill hija kruċjali peress li, fin-nuqqas ta' listi ta' parteċipanti, it-tiġrijiet taż-żwiemel ma jkunux jistgħu jinżammu. Huma jżidu li din id-data tirrappreżenta investiment sostanzjali kkaratterizzat mill-użu ta' ċentru ta' komunikazzjoni li jimpjega aktar minn 30 operatur.

78      Madankollu, għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li l-valur intrinsiku tad-data kkonċernata mill-att ta' estrazzjoni u/jew ta' użu mill-ġdid mhuwiex kriterju rilevanti fl-evalwazzjoni tal-karattru sostanzjali, mill-aspett kwalittativ, tal-parti in kwistjoni. Għaldaqstant, il-fatt li d-data estratta w użata mill-ġdid minn William Hill huma essenzjali għall-organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel li għalihom huma responsabbli BHB et huwa rrelevanti fir-rigward ta' l-evalwazzjoni ta' jekk l-atti ta' William Hill jikkonċernawx parti sostanzjali tal-kontenut tad-database ta' BHB.

79      Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li l-mezzi użati għall-ħolqien stess tal-materjal li jinsab f'database ma jistgħux jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni tal-karattru sostanzjali ta' l-investiment marbut mal-ħolqien ta' din id-database, kif ġie indikat fil-punti 31 sa 33 ta' din is-sentenza.

80      Issa, il-mezzi ddedikati minn BHB et għad-determinazzjoni, għall-finijiet ta' l-organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel, tad-data, tal-ħin, tal-post u/jew ta' l-isem tat-tiġrija, kif ukoll taż-żwiemel li jieħdu sehem fiha, jikkorrispondu għal investiment marbut mal-ħolqien tal-materjal li jinsab fid-database ta' BHB. Għaldaqstant, u jekk, kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, il-materjal estratt u użat mill-ġdid minn William Hill ma kienx eżiġa mingħand BHB et investiment indipendenti mill-mezzi meħtieġa għall-ħolqien tiegħu, għandu jiġi kkunsidrat li dan il-materjal ma jirrappreżentax parti sostanzjali, evalwata b'mod kwalitattiv, tad-database ta' BHB.

81      Għaldaqstant, f'dawn iċ-ċirkustanzi, m'hemmx bżonn li tingħata risposta għall-ewwel domanda. Il-bidla magħmula mill-awtur ta' l-att ta' estrazzjoni u ta' użu mill-ġdid fl-arranġament jew fil-kundizzjonijiet ta' aċċessibbiltà individwali tad-data kkonċernata minn dan l-att ma tistax, f'kull każ, ikollha l-effett li tibdel għal parti sostanzjali tal-kontenut tad-database in kwistjoni parti li m'għandhiex din il-kwalità.

82      Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, ir-risposti għar-raba, il-ħames u s-sitt domandi għandhom ikunu s-segwenti:

–        Il-kunċett ta' parti sostanzjali, evalwata b'mod kwantitattiv, tal-kontenut ta' database fis-sens ta' l-Artikolu 7 tad-Direttiva jirreferi għall-volum ta' data tad-database estratta u/jew użata mill-ġdid u għandu jiġi evalwat fil-konfront tal-volum tal-kontenut totali tad-database.

–        Il-kunċett ta' parti sostanzjali, evalwata b'mod kwalitattiv, tal-kontenut ta' database jirreferi għall-importanza ta' l-investiment marbut mal-kisba, mal-verifika jew mal-preżentazzjoni tal-kontenut tas-suġġett ta' l-att ta' estrazzjoni u/jew ta' użu mill-ġdid, irrispettivament mill-kwistjoni ta' jekk dan is-suġġett jirrappreżentax parti kwantitattivament sostanzjali tal-kontenut ġenerali tad-database protetta.

–        Kull parti li la taqa' taħt il-kunċett ta' parti sostanzjali mill-aspett kwantitattiv u lanqas mill-aspett kwalitattiv taqa' taħt il-kunċett ta' parti żgħira.

 Fuq l-għaxar domanda dwar il-portata tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(5) tad-Direttiva

83      Permezz ta' l-għaxar domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi liema tip ta' atti huma koperti mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(5) tad-Direttiva. Barra minn hekk, hija tixtieq tkun taf jekk atti bħal dawk imwettqa minn William Hill humiex milquta minn din il-projbizzjoni.

84      F'dan ir-rigward, mill-Artikolu 8(1) u mit-tnejn u erbgħin premessa tad-Direttiva, jirriżulta li, fil-prinċipju, il-persuna li tibni database ma tistax twaqqaf persuna li tkun qiegħda tagħmel użu leġittimu minn din id-database milli twettaq atti ta' estrazzjoni u ta' użu mill-ġdid fir-rigward ta' parti żgħira tal-kontenut tagħha. Għaldaqstant, l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva, li jawtorizza lill-persuna li tkun bniet database sabiex, taħt ċerti kundizzjonijiet, twaqqaf atti bħal dawn, huwa eċċezzjoni għal dan il-prinċipju.

85      Fil-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 20/95 adottata mill-Kunsill fl-10 ta' Lulju 1995 (ĠU C 288, p. 14), hemm indikat, fil-punt 14 tad-dikjarazzjoni tar-raġunijiet, li, "sabiex ikun evitat li n-nuqqas ta' protezzjoni ta' partijiet żgħar ma jwassalx għal estrazzjonijiet u/jew użu mill-ġdid ripetuti u sistematiċi ta' partijiet bħal dawn b'mod abbużiv, ġiet introdotta klawżola ta' protezzjoni fil-paragrafu (5) ta' dan l-artikolu tal-Pożizzjoni Komuni". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

86      Minn dan isegwi li l-għan ta' l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva huwa li tiġi evitata evażjoni tal-projbizzjoni ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva. L-għan ta' din id-dispożizzjoni huwa li twaqqaf estrazzjonijiet u/jew użu mill-ġdid ripetuti u sistematiċi ta' partijiet żgħar tal-kontenut ta' database li, permezz ta' l-effett kumulattiv tagħhom, joħolqu ħsara serja għall-investiment tal-persuna li bniet id-database, l-istess bħall-estrazzjonijiet u/jew użu mill-ġdid imsemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva.

87      Għaldaqstant, id-dispożizzjoni tipprojbixxi l-atti ta' estrazzjoni mwettqa minn persuni li jużaw id-database li, minħabba l-karattru ripetut u sistematiku tagħhom, iwasslu sabiex tiġi mibnija mill-ġdid, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-persuna li bnietha, id-database kollha kemm hi jew, mill-anqas, parti sostanzjali minnha, kemm jekk dan isir bil-għan li tinbena database oħra jew bil-għan li tiġi eżerċitata attività oħra għajr il-ħolqien ta' database bħal din.

88      Bl-istess mod, l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva jipprojbixxi terzi persuni milli jevitaw il-projbizzjoni ta' użu mill-ġdid stabbilita fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva billi jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b'mod sistematiku u ripetut partijiet żgħar tal-kontenut tad-database.

89      F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-"atti kuntrarji għall-użu normali ta’ [...] database jew li jagħmlu ħsara rraġonevoli lill-interessi leġittimi ta’ min ikun għamel id-database" jirreferu għal azzjonijiet li ma jkunux awtorizzati u li, permezz ta' l-effett kumulattiv ta' atti ta' estrazzjoni, huma intiżi sabiex jibnu mill-ġdid il-kontenut kollu, jew parti sostanzjali minnu, ta' database protetta mid-dritt sui generis u/jew sabiex iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, permezz ta' l-effett kumulattiv ta' atti ta' użu mill-ġdid, il-kontenut kollu, jew parti sostanzjali minnu, ta' database bħal din, u li, għaldaqstant, joħolqu ħsara serja għall-investiment tal-persuna li bniet din id-database.

90      Fil-kawża prinċipali, fid-dawl ta' l-indikazzjonijiet mogħtija fid-digriet tar-rinviju, jirriżulta li l-atti ta' estrazzjoni u ta' użu mill-ġdid imwettqa minn William Hill jikkonċernaw partijiet żgħar tal-kontenut tad-database ta' BHB, kif ġie osservat fil-punti 74 sa 80 ta' din is-sentenza. Skond id-digriet tar-rinviju, dawn l-atti jitwettqu fir-rigward ta' kull tiġrija organizzata. Għaldaqstant, huma għandhom karattru ripetut u sistematiku.

91      Madankollu, atti bħal dawn m'għandhomx it-tendenza li jevitaw il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva. Fil-fatt, huwa eskluż li, permezz ta' l-effett kumulattiv ta' l-atti tagħha, William Hill tibni mill-ġdid u tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-kontenut kollu, jew parti sostanzjali minnu, tad-database ta' BHB u b'hekk tagħmel ħsara serja lill-investiment magħmul minn BHB et għall-ħolqien ta' din id-database.

92      F'dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li, skond id-digriet tar-rinviju, il-materjal li joriġina mid-database ta' BHB, li jiġi ppubblikat ta' kuljum fuq is-siti Internet ta' William Hill jikkonċerna biss it-tiġrijiet ta' dik il-ġurnata u huwa limitat għall-informazzjoni msemmija fil-punt 19 ta' din is-sentenza.

93      Issa, kif ġie spjegat fil-punt 80 ta' din is-sentenza, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-preżenza, fid-database tar-rikorrenti, tal-materjal ikkonċernat mill-atti ta' William Hill ma kinitx ħtieġet mingħand BHB et investiment indipendenti mill-mezzi ddedikati għall-ħolqien ta' dan il-materjal.

94      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 7(5) tad-Direttiva ma tkoprix atti bħal dawk imwettqa minn William Hill.

95      Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, ir-risposta għall-għaxar domanda għandha tkun li l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(5) tad-Direttiva tkopri l-atti ta' estrazzjoni u/jew ta' użu mill-ġdid li ma jkunux awtorizzati u li, permezz ta' l-effett kumulattiv tagħhom, ikollhom it-tendenza li jibnu mill-ġdid u/jew iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-persuna li tkun bniet id-database, il-kontenut kollu, jew parti sostanzjali minnu, ta' l-imsemmija database, u li b'hekk joħolqu ħsara gravi għall-investiment ta' dik il-persuna.

96      F'dawn iċ-ċirkustanzi, mhux meħtieġ li tingħata risposta għall-ħdax-il domanda.

 Fuq l-ispejjeż

97      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Il-kunċett ta' investiment marbut mal-kisba tal-kontenut ta' database fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta' Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta' databases, għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għall-mezzi wżati fir-riċerka ta' materjal eżistenti u għall-ġabra tiegħu fl-imsemmija database. Dan il-kunċett ma jinkludix riżorsi wżati fil-ħolqien tal-materjal li jikkostitwixxi l-kontenut ta' database.

Il-kunċett ta' investiment marbut mal-verifika tal-kontenut tad-database fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9 għandu jinftiehem fis-sens li jkopri l-mezzi wżati matul il-ħolqien ta' din id-database kif ukoll matul il-perijodu ta' operazzjoni tagħha għall-kontroll ta' l-eżattezza tal-materjal irriċerkat sabiex ikun assigurat li l-informazzjoni li tinsab fl-imsemmija database tkun informazzjoni li ta' min joqgħod fuqha. Il-mezzi wżati għal operazzjonijiet ta' verifika matul il-fażi ta' ħolqien ta' materjal li sussegwentament jinġabar f'database mhumiex koperti minn dan il-kunċett.

Il-mezzi wżati għall-ħolqien ta' lista taż-żwiemel li jieħdu sehem f'tiġrija u għall-operazzjonijiet ta' verifika f'dan il-kuntest ma jammontawx għal investiment marbut mal-kisba u mal-verifika tal-kontenut tad-database li fiha tinsab din il-lista.

2)      Il-kunċetti ta' estrazzjoni u ta' użu mill-ġdid fis-sens ta' l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9 għandhom jiġu interpretati bħala li jagħmlu referenza għal kull att, li ma jkunx awtorizzat, ta' approprjazzjoni u ta' distribuzzjoni lill-pubbliku tal-kontenut kollu ta' database jew ta' parti minnu. Dawn il-kunċetti ma jeżiġux aċċess dirett għad-database kkonċernata.

Il-fatt li l-kontenut tad-database kien magħmul aċċessibbli għall-pubbliku mill-persuna li bniet din id-database jew bil-kunsens tagħha ma jaffetwax id-dritt ta' din ta' l-aħħar li tipprojbixxi l-atti ta' estrazzjoni u/jew ta' użu mill-ġdid li jikkonċernaw il-kontenut kollu ta' database jew parti sostanzjali minnu.

3)      Il-kunċett ta' parti sostanzjli, evalwata b'mod kwantitattiv, tal-kontenut ta' database fis-sens ta' l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9 jirreferi għall-volum ta' data tad-database estratta u/jew użata mill-ġdid u għandu jiġi evalwat fil-konfront tal-volum tal-kontenut totali tad-database.

Il-kunċett ta' parti sostanzjali, evalwata b'mod kwalitattiv, tal-kontenut ta' database jirreferi għall-importanza ta' l-investiment marbut mal-kisba, mal-verifika jew mal-preżentazzjoni tal-kontenut tas-suġġett ta' l-att ta' estrazzjoni u/jew ta' użu mill-ġdid, irrispettivament mill-kwistjoni ta' jekk dan is-suġġett jirrappreżentax parti kwantitattivament sostanzjali tal-kontenut ġenerali tad-database protetta.

Kull parti li la taqa' taħt il-kunċett ta' parti sostanzjali mill-aspett kwantitattiv u lanqas mill-aspett kwalitattiv taqa' taħt il-kunċett ta' parti żgħira.

4)      Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 96/9 tkopri l-atti ta' estrazzjoni u/jew ta' użu mill-ġdid li ma jkunux awtorizzati u li, permezz ta' l-effett kumulattiv tagħhom, ikollhom it-tendenza li jibnu mill-ġdid u/jew iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-persuna li tkun bniet id-database, il-kontenut kollu, jew parti sostanzjali minnu, ta' l-imsemmija database, u li b'hekk joħolqu ħsara gravi għall-investiment ta' dik il-persuna.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.