Language of document : ECLI:EU:C:2018:39

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil-25 ta’ Jannar 2018 (1)

Kawża C671/16

Inter-Environnement Bruxelles ASBL,

Groupe d’Animation du Quartier Européen de la Ville de Bruxelles ASBL,

Association du Quartier Léopold ASBL,

Brusselse Raad voor het Leefmilieu ASBL,

Pierre Picard,

David Weytsman

vs

Région de Bruxelles-Capitale

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2001/42/KE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Pjanijiet u programmi – Definizzjoni – Regolament reġjonali dwar l-ippjanar urbanistiku fuq il-bażi ta’ żoni”






I.      Introduzzjoni

1.        Il-kunċett “pjanijiet u programmi” huwa ta’ importanza ċentrali għad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (2) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ESA”, fejn ESA tfisser evalwazzjoni strateġika ambjentali). Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja reċentement ippreċiżat l-interpretazzjoni tal-imsemmi kunċett (3), iżda kif turi wkoll il-kawża Thybaut et (C‑160/17), li fiha jiena wkoll nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi llum, f’dan ir-rigward għad hemm domandi li jeħtieġu risposta.

2.        Is-suġġett ta’ din il-kawża huwa regolament reġjonali dwar l-ippjanar urbanistiku fuq il-bażi ta’ żoni, li jinkludi rekwiżiti speċifiċi għall-eżekuzzjoni ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni fil-kwartieri Ewropej ta’ Brussell. Madankollu, ir-Renju tal-Belġju, partikolarment, qiegħed juża din il-proċedura sabiex jenfasizza li għandha tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-Direttiva ESA għal dispożizzjonijiet ġenerali ta’ natura kważi ġuridika.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

3.        L-għanijiet tad-Direttiva ESA huma b’mod partikolari stabbiliti fl-Artikolu 1:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jsiru disposizzjonijiet għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi bil-għan li jkun jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, billi jkun assigurat li, skond din id-Direttiva, issir stima ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.”

4.        Il-pjanijiet u l-programmi huma ddefiniti fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESA:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)      ‘pjanijiet u programmi’ tfisser pjanijiet u programmi, inklużi dawk ko-finanzjati mill-Komunità Ewropea, kif ukoll xi modifiki li jsirulhom:

–        li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern, u

–        li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi”.

5.        Għal din il-kawża huwa partikolarment ta’ interess l-obbligu li ssir evalwazzjoni strateġika ambjentali skont l-Artikolu 3(2)(a):

“Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,

(a)      li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar ta’ l-iskart, l-amministrazzjoni ta’ l-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art u li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva [EEA (4)] […]”

B.      Id-dritt nazzjonali

6.        L-Artikoli 88 u 89 tal-Code bruxellois de l’aménagement du territoire (il-Kodiċi ta’ Brussell dwar l-ippjanar tal-użu tal-art) jirregolaw is-suġġett u l-adozzjoni ta’ regolamenti reġjonali dwar l-ippjanar urbanistiku.

III. Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

7.        It-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq rikors ippreżentat minn Inter-Environnement Bruxelles et kontra d-digriet tal-Gvern tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale (il-Belġju), tat-12 ta’ Diċembru 2013, li japprova r-regolament reġjonali dwar l-ippjanar urbanistiku fuq il-bażi ta’ żoni kif ukoll il-kompożizzjoni tal-fajls ta’ applikazzjonijiet għal ċertifikati u awtorizzazzjonijiet urbani għaż-żona tar-Rue de la Loi u l-viċinanzi.

8.        L-hekk imsejħin regolamenti reġjonali dwar l-ippjanar urbanistiku “fuq il-bażi ta’ żoni” essenzjalment jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet applikabbli f’distrett partikolari (żona) għall-bini (għoli, dimensjonijiet, linji tal-bini, superfiċji tal-bini, tisqif, antenni), għall-ispazji mingħajr bini (superfiċji minimi, disinn) kif ukoll għall-ispazji miftuħin (pubbliċi). Fid-distrett inkwistjoni, dawn id-dispożizzjonijiet jissostitwixxu d-dispożizzjonijiet ġenerali tar-regolament reġjonali (bażiku) dwar l-ippjanar urbanistiku.

9.        Fit-12 ta’ Diċembru 2013, il-Gvern adotta r-regolament ikkontestat fil-kawża prinċipali.

10.      Fl-istess jum, il-Gvern adotta wkoll digriet dwar l-implementazzjoni tal-abbozz li jistabbilixxi disinn urban għar-Rue de la Loi u għall-viċinanzi tagħha fil-kwartieri Ewropej permezz ta’ pjan speċjali tal-iżvilupp tat-territorju. Dan jirregola, inter alia, l-allokazzjonijiet għal appartamenti, uffiċini, ħwienet u stabbilimenti tal-akkomodazzjoni kif ukoll għal faċilitajiet tal-komunità u pubbliċi. Dan jikkonċerna wkoll il-passaġġi, il-possibbiltajiet tal-parkeġġ u l-aċċess għaż-żona. Kontra dan id-digriet ġie ppreżentat rikors għal annullament li ġie miċħud permezz ta’ sentenza oħra tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) tal-14 ta’ Diċembru 2016.

11.      Fir-rigward ta’ din il-proċedura, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jagħmel id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

L-Artikolu 2(a) tad-[Direttiva ESA] għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi fil-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” regolament dwar l-urbanistika adottat minn awtorità reġjonali:

–      li jinkludi kartografija li tistabbilixxi ż-żona ta’ applikazzjoni tiegħu, limitata għal distrett wieħed, u li tiddelimita fi ħdan din iż-żona ġżejjer differenti li għalihom japplikaw regoli differenti fir-rigward tal-lok u tal-għoli tal-bini; u

–      li jipprevedi wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ ppjanar għal żoni li jinsabu madwar il-bini, kif ukoll indikazzjonijiet preċiżi dwar l-applikazzjoni spazjali ta’ ċerti regoli li jistabbilixxi li jieħdu inkunsiderazzjoni t-toroq, linji dritti ttraċċjati perpendikularment għal dawn it-toroq u distanzi fir-rigward tal-allinjament ta’ dawn it-toroq; u

–      li għandu bħala għan it-trasformazzjoni tad-distrett ikkonċernat; u

–      li jistabbilixxi regoli dwar il-kompożizzjoni tal-fajls ta’ applikazzjonijiet għall-urbanistika sottomessi għall-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent f’dan id-distrett?

12.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Inter‑Environnement Bruxelles et, mir-Renju tal-Belġju, mir-Repubblika Ċeka kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Salv għar-Repubblika Ċeka, dawn il-partijiet kif ukoll ir-Renju tad-Danimarka dehru fis-seduta tat-30 ta’ Novembru 2017, li kienet tirrigwarda kemm din il-proċedura kif ukoll il-Kawża C‑160/17, Thybaut et.

IV.    L-analiżi ġuridika

13.      Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jixtieq isir jaf jekk ir-regolament dwar l-ippjanar urbanistiku fuq il-bażi ta’ żoni kontenzjuż għandux jitqies li huwa pjan jew programm fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESA.

14.      Għalhekk, fl-ewwel lok għandha tiġi indirizzata fil-qosor id-“definizzjoni” tal-pjanijiet u tal-programmi kif stabbilita fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESA u mbagħad, fit-tieni lok, l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ dan il-kunċett. Fuq din il-bażi jistgħu jiġu pprovduti indikazzjonijiet għall-eżami ta’ jekk ir-regolament dwar l-ippjanar urbanistiku kontenzjuż għandux jitqies li huwa pjan jew programm u, finalment, għandhom jiġu mistħarrġa l-ilmenti invokati partikolarment mir-Renju tal-Belġju kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

A.      Fuq l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESA

15.      L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESA jistabbilixxi li t-termini “pjanijiet u programmi” għandhom jinftiehmu bħala l-pjanijiet u l-programmi kif ukoll l-emendi tagħhom li, l-ewwel nett, ikunu mfassla u/jew adottati minn awtorità fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali jew imfassla minn awtorità għall-adozzjoni tagħhom mill-parlament jew mill-gvern, permezz ta’ proċedura leġiżlattiva u li, it-tieni nett, ikunu meħtieġa minn liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi.

16.      F’dan il-każ, dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ma humiex ikkontestati. Ir-regolament dwar l-ippjanar urbanistiku ġie adottat minn awtorità reġjonali, jiġifieri mill-Gvern tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale. Barra minn hekk, fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, għalkemm it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludix riferiment għal obbligu li jiġi adottat regolament dwar l-ippjanar urbanistiku, huwa suffiċjenti li miżura tkun irregolata fil-leġiżlazzjoni u fid-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali, li jistabbilixxu l-awtoritajiet kompetenti sabiex jadottawha u l-proċeduri għall-preparazzjoni tagħha (5). L-Artikoli 88 u 89 tal-Kodiċi ta’ Brussell dwar l-ippjanar tal-użu tal-art, irriprodotti fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jinkludu dispożizzjonijiet korrispondenti dwar regolamenti dwar l-ippjanar urbanistiku.

17.      Konsegwentement, ir-regolament dwar l-ippjanar urbanistiku kontenzjuż jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESA.

B.      Fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett “pjanijiet u programmi” fid-dawl tas-sentenza D’Oultremont

18.      Tabilħaqq, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ma huwiex ikkonċernat bl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESA, iżda dwar jekk jeżistux karatteristiċi oħra li huma sinjifikattivi sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk miżura bħar-regolament dwar l-ippjanar urbanistiku fuq il-bażi ta’ żoni kontenzjuż tikkostitwixxix pjan jew programm.

19.      Il-punt tat-tluq sabiex tingħata risposta għal din id-domanda huwa l-fatt li l-evalwazzjoni ambjentali, kif turi l-premessa 4 tad-Direttiva ESA, hija għodda importanti sabiex ikunu integrati kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u fl-adozzjoni ta’ ċerti pjanijiet u programmi (6). Barra minn hekk, id-delimitazzjoni tal-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” fir-rigward ta’ miżuri oħra li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva għandha ssir fir-rigward tal-għan essenzjali stabbilit fl-Artikolu 1 tagħha, jiġifieri li l-pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent jiġu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali (7). Madankollu, fid-dawl tal-għan tal-imsemmija direttiva, li huwa dak li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent, id-dispożizzjonijiet li jiffissaw il-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u b’mod partikolari dawk li jipprovdu d-definizzjonijiet tal-atti koperti minnha, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (8).

20.      Il-ġurisprudenza eżistenti essenzjalment tikkonċerna pjanijiet u programmi li għalihom kienet meħtieġa evalwazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva ESA. Skont din id-dispożizzjoni, evalwazzjoni ambjentali għandha titwettaq għall-pjanijiet u għall-programmi kollha li huma mfassla għas-setturi tal-agrikoltura, tal-forestrija, tas-sajd, tal-enerġija, tal-industrija, tat-trasport, tal-immaniġġjar tal-iskart, tal-immaniġġjar tal-ilma, tat-telekomunikazzjoni, tat-turiżmu, tal-ippjanar tat-territorju urban u rurali jew tal-użu tal-artijiet u li jiddefinixxu l-qafas għall-awtorizzazzjoni futura ta’ proġetti koperti mid-Direttiva EEA. Barra minn hekk, qafas għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti li ma humiex suġġetti għad-Direttiva EEA jista’ jeżiġi evalwazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva ESA (9).

21.      It-tfassil ta’ qafas għal deċiżjonijiet sussegwenti huwa karatteristiku għal miżuri li jagħmlu parti minn ġerarkija regolatorja. Ir-rekwiżiti jiġu kkonkretizzati iktar ma tasal fil-qrib deċiżjoni finali dwar il-każ individwali, pereżempju approvazzjoni għall-bini. Madankollu, fl-istess waqt, meta tittieħed deċiżjoni fil-każ individwali, il-marġni ta’ diskrezzjoni possibbli normalment ikunu diġà ristretti permezz ta’ miżuri ta’ livell ogħla, fil-każ tal-awtorizzazzjoni tal-bini permezz ta’ regoli dwar il-bini jew l-użu possibbli ta’ superfiċji speċifiċi. F’dan il-mudell ġerarkiku, id-Direttiva ESA għandha tiżgura li l-ispeċifikazzjonijiet li x’aktarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent jiġu stabbiliti biss wara li jkunu ġew evalwati dawn l-effetti (10).

22.      F’dawn iċ-ċirkustanzi għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża D’Oultremont: din tipprovdi li l-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” “huwa relatat ma’ kull att li jistabbilixxi, billi jiddefinixxi regoli u proċeduri ta’ kontroll applikabbli għas-settur ikkonċernat, ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-awtorizzazzjoni u għall-implementazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent” (11).

23.      Din l-interpretazzjoni tal-kunċett “pjanijiet u programmi” fis-sentenza D’Oultremont minn naħa għandha tiżgura, f’ġerarkija regolatorja, l-evalwazzjoni ambjentali ta’ rekwiżiti li jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Iżda, min-naħa l-oħra, fis-sens tar-regola de minimis, din l-interpretazzjoni għandha tevita li l-ispeċifikazzjoni iżolata ta’ kriterji jew ta’ modalitajiet individwali tkun tirrikjedi evalwazzjoni ambjentali.

24.      Għaldaqstant, ir-Renju tad-Danimarka jenfasizza li ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet teżiġi numru kbir ta’ speċifikazzjonijiet u li, barra minn hekk, dawn għandhom jiġu attribwiti ċertu piż.

25.      Madankollu, ma jikkonvinċinix l-approċċ kwantitattiv li jikkonċentra fuq in-numru ta’ speċifikazzjonijiet. Dan għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li għandhom jiġu evitati strateġiji possibbli għall-evażjoni tal-obbligi stabbiliti mid-Direttiva ESA li jistgħu jimmaterjalizzaw minn frammentazzjoni ta’ miżuri u li għalhekk inaqqsu l-effett utli ta’ din id-direttiva (12).

26.      Konsegwentement, l-ispeċifikazzjoni tal-kriterju ta’ “ġabra sinjifikattiva” għandha tiġi ffukata b’mod kwalitattiv fuq l-għan stipulat partikolarment fl-Artikolu 1 tad-Direttiva ESA, jiġifieri li pjanijiet u programmi li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent jiġu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali (13).

27.      Għalhekk, l-istabbiliment ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-awtorizzazzjoni u għall-eżekuzzjoni ta’ proġetti li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent għandu jitqies li huwa ġabra sinjifikattiva u b’hekk li huwa pjan jew programm jekk dawn l-effetti ambjentali tal-proġetti jirriżultaw proprju mill-kriterji u mill-modalitajiet inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, jekk il-kriterji u l-modalitajiet stabbiliti ma jistgħux jikkawżaw effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, ma jkunx hemm ġabra sinjifikattiva u għaldaqstant lanqas pjan jew programm.

28.      Għaldaqstant, meta jiġi eżaminat jekk hemmx pjan jew programm fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESA, għandu jiġi mistħarreġ jekk l-ispeċifikazzjonijiet tal-miżura kkonċernata humiex mistennija jikkawżaw effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

C.      Fuq l-applikazzjoni tal-kriterji għal “pjanijiet u programmi”

29.      Fil-kawża preżenti, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ser ikun responsabbli sabiex jeżamina jekk ir-regolament dwar l-ippjanar urbanistiku fuq il-bażi ta’ żoni kontenzjuż jissodisfax dawn il-kriterji.

30.      Waqt dan l-eżami probabbilment ser ikun sinjifikattiv li, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, ir-regolament dwar l-ippjanar urbanistiku fuq il-bażi ta’ żoni jinkludi partikolarment regoli fir-rigward tal-lok u tal-għoli tal-bini kif ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi għad-disinn taż-żoni madwar il-binjiet u, fl-intier tiegħu, għandu bħala għan it-trasformazzjoni tad-distrett ikkonċernat. Skont kif jiġu ddefiniti dawn il-kriterji u l-modalitajiet, jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent urban, pereżempju fuq il-klima lokali u fuq il-bijodiversità.

31.      Min-naħa l-oħra, prima facie ma huwiex evidenti kemm ir-regoli dwar il-kompożizzjoni tal-fajls ta’ applikazzjonijiet ta’ ppjanar urbanistiku sottomessi għall-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent f’dan id-distrett jistgħu jikkawżaw effetti fuq l-ambjent.

D.      Fuq l-oġġezzjonijiet tar-Renju tal-Belġju

32.      Madankollu, ir-Renju tal-Belġju joġġezzjona li r-regolament dwar l-ippjanar urbanistiku fuq il-bażi ta’ żoni kontenzjuż diġà ma jistax jikkostitwixxi “pjan jew programm” minħabba l-fatt li hija kkonċernata regola ġenerali ta’ natura leġiżlattiva.

33.      Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li saħansitra liġi proposta minn gvern ta’ Stat Membru, adottata mill-parlament, tissodisfa l-prerekwiżiti kollha stipulati fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESA. Dan għaliex anki liġi hija rregolata fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, proprju fil-kostituzzjoni rispettiva, li tistabbilixxi l-“awtoritajiet” kompetenti f’dan ir-rigward u l-proċeduri għall-preparazzjoni tagħha.

34.      Madankollu, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja korrettament ċaħdet kemm l-esklużjoni kategorika ta’ miżuri leġiżlattivi mill-kunċett “pjanijiet u programmi” kif ukoll analoġija għall-kategoriji tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (14) u tal-Protokoll ta’ Kiev (15). Fil-fatt, minn naħa, miżuri leġiżlattivi huma espliċitament parti mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESA (16) u, min-naħa l-oħra, id-Direttiva ESA tiddistingwi ruħha mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus u mill-Protokoll ta’ Kiev sa fejn din id-direttiva ma tinkludix preċiżament dispożizzjonijiet speċifiċi relatati ma’ politiki jew ma’ leġiżlazzjonijiet ġenerali li jeħtieġu delimitazzjoni fir-rigward ta’ “pjanijiet u programmi” (17).

35.      It-tentattiv tar-Renju tal-Belġju sabiex il-kunċett “pjanijiet u programmi” jiġi interpretat b’mod iktar restrittiv milli fis-sentenza D’Oultremont ukoll ma jikkonvinċinix.

36.      Bħala riżultat, ir-Renju tal-Belġju primarjament irid ikopri programmi konkreti tal-amministrazzjoni li bihom l-awtoritajiet jiffissaw għanijiet speċifiċi u jiddefinixxu l-fondi li għandhom jiġu allokati kif ukoll il-qafas ta’ żmien.

37.      Bħala oġġezzjoni għal dan għandu jingħad li l-kunċett “pjanijiet u programmi” proprju ma jinkludix biss programmi imma anki pjanijiet. Dawn tal-aħħar, l-iktar l-iktar, jistgħu jiġu integrati biss b’mod indirett ħafna fl-approċċ programmatiku tar-Renju tal-Belġju peress li normalment mhux biss għandhom jiggwidaw l-aġir tal-awtoritajiet iżda, partikolarment, anki jekk indirettament permezz tal-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, il-proġetti ta’ atturi privati. Dan jidher ukoll partikolarment fl-Artikolu 3(2)(a) u (4) tad-Direttiva ESA. Is-suġġett taż-żewġ għażliet tal-obbligu tal-eżami primarjament ma huwiex il-programmi iżda kull darba l-qafas għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti. Dan għaliex huwa għan tad-Direttiva ESA li tiġi ggarantita l-evalwazzjoni ambjentali ta’ rekwiżiti tal-ippjanar rilevanti għal proġetti suġġetti għad-Direttiva EEA (18).

38.      Finalment, ir-Renju tal-Belġju jenfasizza l-inċertezza legali li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li din tkopri għadd ta’ regoli ġenerali li ġew adottati mingħajr evalwazzjoni ambjentali wara l-iskadenza tat-terminu għall-implementazzjoni tad-Direttiva ESA.

39.      Madankollu, din l-inċertezza tonqos, għall-inqas parzjalment, permezz tas-sentenza tas-sena li għaddiet fil-kawża Association France Nature Environnement, li tippermetti lill-qrati nazzjonali sabiex, taħt ċerti kundizzjonijiet, temporanjament iżommu fis-seħħ l-effetti ta’ miżuri li ġew adottati bi ksur tad-Direttiva ESA (19).

40.      Għaldaqstant, fil-qosor, għandu jiġi kkonstatat li l-oġġezzjonijiet imqajma mir-Renju tal-Belġju ma għandhomx jintlaqgħu.

41.      Madankollu, nixtieq nirrimarka li huwa minnu li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja possibbilment estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ESA iktar milli kien intenzjonat mil-leġiżlatur u iktar milli setgħu jipprevedu l-Istati Membri. Fil-fehma tiegħi, madankollu, din il-possibbiltà ma tirriżultax mid-definizzjoni tal-kunċett “pjanijiet u programmi”, iżda mill-interpretazzjoni tal-karatteristika fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(a), li tipprovdi li dawn għandhom ikunu meħtieġa minn liġijiet, minn regolamenti jew minn dispożizzjonijiet amministrattivi.

42.      Sabiex jintlaħaq dan l-għan, kif diġà semmejt, għandu jkun suffiċjenti li miżura tkun irregolata fil-leġiżlazzjoni u fid-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali, li jistabbilixxu l-awtoritajiet kompetenti sabiex jadottawha u l-proċeduri għall-preparazzjoni tagħha (20). Għaldaqstant, ma hemmx bżonn obbligu pjuttost rari li l-miżura inkwistjoni tiġi adottata, iżda huwa suffiċjenti jekk din tiġi pprovduta bħala strument. Dan il-fatt jestendi l-obbligu tal-evalwazzjoni ambjentali sostanzjalment. Kif diġà sostnejt, din l-interpretazzjoni bbażata fuq l-għan leġittimu ta’ evalwazzjoni ambjentali li tkopri l-miżuri rilevanti kollha (21) hija f’kunflitt mar-rieda identifikabbli tal-leġiżlatur (22). Kien għalhekk li s-Supreme Court (il-Qorti Suprema, ir-Renju Unit) ikkritikatha bl-aħrax (23), mingħajr madankollu ma ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

43.      Madankollu, din il-ġurisprudenza la qiegħda tiġi kkontestata minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari u lanqas mill-partijiet. Għaldaqstant, fil-proċedura preżenti l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tidħol fiha u teżaminaha fuq inizjattiva tagħha stess, iżda għandha tirriżerva dan għal opportunità iktar xierqa.

V.      Konklużjoni

44.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

Meta jiġi eżaminat jekk hemmx pjan jew programm fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi, għandu jiġi mistħarreġ jekk l-ispeċifikazzjonijiet tal-miżura inkwistjoni humiex mistennija jikkawżaw effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.


1      Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.


2      Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).


3      Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et (C‑290/15, EU:C:2016:816, punt 49).


4      Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2011, L 26, p. 1), emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 (ĠU 2014, L 124, p. 1).


5      Sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2012:159, punt 31).


6      Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et (C‑290/15, EU:C:2016:816, punt 38).


7      Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et (C‑290/15, EU:C:2016:816, punt 39).


8      Sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2012:159, punt 37), tal-10 ta’ Settembru 2015, Dimos Kropias Attikis (C‑473/14, EU:C:2015:582, punt 50), u tas-27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et (C‑290/15, EU:C:2016:816, punt 40).


9      Madankollu, għal raġunijiet ta’ kompletezza nfakkar li hemm mill-inqas każ ieħor, indipendenti minn qafas għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti, fejn jeżisti obbligu li ssir evalwazzjoni ambjentali tal-pjanijiet u tal-programmi, jiġifieri l-każ previst fl-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva ESA. Skont din id-dispożizzjoni, għandha ssir evalwazzjoni ta’ dawk il-pjanijiet u l-programmi li huma suġġetti għall-evalwazzjoni speċjali tal-effetti, skont l-Artikolu 6(3) tad- Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), li tkopri biss parti mill-affetti ambjentali.


10      Proposta għal direttiva tal-Kunsill rigward l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (COM(96) 511 final, p. 6). Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie (C‑105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:120, punti 31 u 32) kif ukoll il-konklużjonijiet tal-lum fil-kawża Thybaut et (C‑160/17, punt 37).


11      Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et (C‑290/15, EU:C:2016:816, punt 49).


12      Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et (C‑290/15, EU:C:2016:816, punt 48).


13      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 40), tat-22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2012:159, punt 30), u tas-27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et (C‑290/15, EU:C:2016:816, punt 39).


14      Konvenzjoni tal-1998 dwar l-aċċess għat-tagħrif, il-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess deċiżjonali u l-aċċess għall-ġustizzja f’materji ambjentali (ĠU 2005, L 124, p. 4), adottata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, p. 17).


15      Protkoll tal-2003 dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali għall-Konvenzjoni ta’ Espoo tal-UN/ECE tal-1991 dwar il-Valutazzjoni ta’ l-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali (ĠU 2008, L 308, p. 35), adottat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/871/KE tal-20 ta’ Ottubru 2008 (ĠU 2008, L 308, p. 33).


16      Sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 2010, Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie (C‑105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:355, punt 47), u tas-27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et (C‑290/15, EU:C:2016:816, punt 52).


17      Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et (C-290/15, EU:C:2016:816, punt 53).


18      Ara r-referenzi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.


19      Sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement (C‑379/15, EU:C:2016:603).


20      Sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2012:159, punt 31).


21      Ara sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2012:159, punt 30).


22      Konklużjonijiet fil-kawża Inter-Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2011:755, punti 18 u 19).


23      HS2 Action Alliance Ltd, R (on the application of) v The Secretary of State for Transport & Anor [2014] UKSC 3, punti 175-189.