Language of document : ECLI:EU:C:2018:403

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

7 ta’ Ġunju 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2001/42/KE – Artikolu 2(a) – Kunċett ta’ ‘pjanijiet u programmi’ – Artikolu 3 – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Regolament reġjonali dwar l-ippjanar urbanistiku għad-distrett Ewropew ta’ Brussell (il-Belġju)”

Fil-Kawża C-671/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Diċembru 2016, fil-proċedura

Inter-Environnement Bruxelles ASBL,

Groupe d’animation du quartier européen de la ville de Bruxelles ASBL,

Association du quartier Léopold ASBL,

Brusselse Raad voor het Leefmilieu ASBL,

Pierre Picard,

David Weytsman

vs

Région de Bruxelles-Capitale,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader (Relatur), A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Novembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Inter-Environnement Brussell ASBL, għal Groupe d’animation du quartier européen de la ville de Brussell ASBL, għal Association du quartier Léopold ASBL, għal Brusselse Raad voor het Leefmilieu ASBL kif ukoll għal P. Picard u D. Weytsman, minn J. Sambon, avocat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, L. Van den Broeck u J. Van Holm, bħala aġenti, assistiti minn P. Coenraets u L. Thommès, avocats,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u L. Dvořáková, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Thiran u C. Zadra, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Jannar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ESA”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Inter-Environnement Bruxelles ASBL, Groupe d’animation du quartier européen de la ville de Bruxelles ASBL, Association du quartier Léopold ASBL, Brusselse Raad voor het Leefmilieu ASBL, miġbura fil-kuntest tal-“Coordination Bruxelles-Europe”, kif ukoll Pierre Picard u David Weytsman, u, min-naħa l-oħra, ir-Région de Bruxelles-Capitale (ir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, il-Belġju), dwar il-validità tad-digriet tal-gvern ta’ dan ir-reġjun, tat-12 ta’ Diċembru 2013, li japprova r-règlement régional d’urbanisme zoné et la composition du dossier de demande de certificat et de permis d’urbanisme pour le périmètre de la rue de la Loi et ses abords (ir-Regolament Reġjonali dwar l-Ippjanar Urbanistiku fuq il-Bażi ta’ Żoni kif ukoll il-Kompożizzjoni tal-Fajls ta’ Applikazzjonijiet għal Ċertifikati u Awtorizzazzjonijiet Urbani għaż-Żona tar-Rue de la Loi u l-Viċinanzi) (Moniteur belge tat-30 ta’ Jannar 2014, p. 8390, iktar ’il quddiem id-“digriet kontenzjuż”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessa 4 tad-Direttiva ESA:

“L-istima ambjentali hi għodda mportanti biex ikunu integrati l-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent fl-Istati Membri, minħabba li din tassigura li dawn l-effetti ta’ pjanijiet u programmi li jkunu ser jiġu mplimentati jkunu kkunsidrati matul il-preparazzjoni tagħhom u qabel l-adozzjoni tagħhom.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għanijiet”, jipprevedi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jsiru disposizzjonijiet għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi bil-għan li jkun jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, billi jkun assigurat li, skond din id-Direttiva, issir stima ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat b’dan il-mod:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)      ‘pjanijiet u programmi’ tfisser pjanijiet u programmi, inklużi dawk ko-finanzjati mill-[Unjoni] Ewropea, kif ukoll xi modifiki li jsirulhom:

–        li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern, u

–        li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi;

(b)      ‘stima ambjentali’ tfisser il-preparazzjoni ta’ xi rapport ambjentali, l-għemil ta’ konsultazzjonijiet, it-teħid tal-kont tar-rapport ambjentali u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet fit-teħid tad-deċiżjonijiet u d-disposizzjoni ta’ l-informazzjoni dwar id-deċiżjoni skond l-Artikoli 4 sa 9;

[...]”

6        Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva ESA, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”:

“1.      L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

2.      Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,

(a)       li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar ta’ l-iskart, l-amministrazzjoni ta’ l-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art u li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva [2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1)]

[...]”

7        L-Artikolu 5 tad-Direttiva ESA, intitolat “Rapport dwar l-ambjent”, jispeċifika, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-informazzjoni rilevanti dwar l-effetti fuq l-ambjent tal-pjanijiet u l-programmi u miksuba fil-livelli l-oħra tat-teħid tad-deċiżjonijiet jew permezz ta’ leġislazzjoni oħra tal-Komunità tista’ tintuża biex tipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Anness I.”

8        L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Konsultazzjonijiet”, jipprovdi:

“1.      L-abbozz tal-pjan jew il-programm u r-rapport dwar l-ambjent ippreparati skond l-Artikolu 5 għandhom ikunu mqiegħda għad-disposizzjoni ta’ l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u tal-pubbliku.

2.      L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 3 u l-pubbliku imsemmi fil-paragrafu 4 għandhom jingħataw opportunità bikrija u effettiva f’limitu ta’ żmien li jkun xieraq sabiex jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar l-abbozz tal-pjan jew il-programm jew is-sottomissjoni tiegħu għall-proċedura leġislattiva.

3.      L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-awtoritajiet li għandhom ikunu kkonsultati li, permezz tar-responsabbiltajiet ambjentali speċifiċi tagħhom, x’aktarx ikunu milquta mill-effetti ambjentali ta’ l-implimentazzjoni tal-pjanijiet jew il-programmi.

4.      L-Istati Membri għandhom jidentifikaw il-pubbliku għall-finijiet tal-paragrafu 2, inkluż il-pubbliku milqut jew li x’aktarx ikun milqut minn, jew li jkollu nteress fit-teħid tad-deċiżjonijiet suġġett għal din id-Direttiva, inklużi l-organizzazzjonijiet rilevanti mhux governattivi, bħalma huma dawk li jippromwovu il-protezzjoni ta’ l-ambjent u organizzazzjonijiet oħra interessati.

5.      L-aranġamenti ddettaljati għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni ma’ l-awtoritajiet u mal-pubbliku għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.”

9        L-Artikolu 11 tad-Direttiva ESA, intitolat “Relazzjoni mal-leġislazzjoni l-oħra tal-Komunità”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Stima ambjentali magħmula skond din id-Direttiva għandha ssir mingħajr preġudizzju għal xi ħtiġiet skond id-Direttiva [2011/92] u għal xi ħtiġiet oħra tal-liġi tal-Komunità.”

10      Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/92 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva EEA”), l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk il-proġetti elenkati fl-Anness II ta’ din id-direttiva għandhomx ikunu suġġetti għal evalwazzjoni konformement mal-Artikoli 5 sa 10 tal-imsemmija direttiva. Fost il-proġetti inklużi fit-Titolu 10 ta’ dan l-anness, intitolat “Proġetti ta’ infrastruttura”, jinsabu, fil-punt (b), il-“[p]roġetti ta’ żvilupp urban, inkluż il-bini ta’ ċentri kummerċjali u ta’ parkeġġi għall-karozzi”.

 Id-dritt Belġjan

11      Kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tiegħu, il-Code bruxellois de l’aménagement du territoire (il-Kodiċi ta’ Brussell dwar l-Ippjanar tat-Territorju), tad-9 ta’ April 2004 (Moniteur belge tas-26 ta’ Mejju 2004, p. 40738, iktar ’il quddiem il-“CoBAT”), huwa intiż, b’mod partikolari, li jittrasponi d-Direttiva ESA fid-dritt Belġjan.

12      Il-CoBAT jagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, l-għodod tal-iżvilupp u tal-ippjanar tat-territorju u, min-naħa l-oħra, l-għodod tal-ippjanar urbanistiku. Tal-ewwel jaqgħu taħt it-Titolu II ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Fuq l-ippjanar”, filwaqt li tat-tieni huma s-suġġett tat-Titolu III tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Fuq ir-regolamenti dwar l-ippjanar urbanistiku”.

13      Fir-rigward tal-għodod tal-iżvilupp u tal-ippjanar tat-territorju, l-Artikolu 13 tal-CoBAT jipprovdi:

“L-iżvilupp tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale għandu jkun maħsub u l-ippjanar tat-territorju tiegħu għandu jkun stabbilit permezz tal-pjanijiet segwenti:

1.       il-pjan reġjonali dwar l-iżvilupp;

2.       il-pjan reġjonali dwar l-użu tal-art;

3.       il-pjanijiet muniċipali dwar l-iżvilupp;

4.       il-pjan partikolari dwar l-użu tal-art. [...]”

14      Fir-rigward tal-għodda tal-ippjanar urbanistiku, l-Artikolu 87 ta’ dan il-kodiċi jispeċifika:

“L-ippjanar urbanistiku tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale għandu jkun stabbilit permezz tar-regolamenti segwenti:

1.      ir-regolamenti reġjonali dwar l-ippjanar urbanistiku;

2.      ir-regolamenti muniċipali dwar l-ippjanar urbanistiku.”

15      Il-proċedura għat-tfassil tal-pjanijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tal-CoBAT tinkludi t-tħejjija ta’ rapport dwar l-effetti ambjentali, kif jirriżulta, rispettivament, mill-Artikolu 18(1), mill-Artikolu 25(1), mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 u mill-Artikolu 43(1) ta’ dan il-kodiċi.

16      Mill-banda l-oħra, l-Artikoli 88 et seq. tal-CoBAT, li jiddeskrivu l-proċedura għat-tfassil tar-regolamenti msemmija fl-Artikolu 87 ta’ dan il-kodiċi, ma jipprevedux proċedura simili ta’ evalwazzjoni tal-effetti ambjentali għall-imsemmija regolamenti.

17      L-Artikolu 88 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“Il-Gvern jista’ jadotta regolament reġjonali wieħed jew iktar dwar l-ippjanar urbanistiku b’dispożizzjonijiet ta’ natura li jiġu żgurati, b’mod partikolari:

1°      l-ekwilibriju, il-konservazzjoni, is-solidità u s-sbuħija tal-kostruzzjonijiet, tal-installazzjonijiet u tal-viċinanzi tagħhom kif ukoll is-sigurtà tagħhom, b’mod partikolari l-protezzjoni tagħhom kontra n-nirien u l-għargħar;

2°      il-kwalità termika u akustika tal-kostruzzjonijiet, l-ekonomiji tal-enerġija u l-irkupru tal-enerġija;

3°       il-konservazzjoni, l-ekwilibriju, is-sigurtà, il-vijabbiltà u s-sbuħija tat-toroq, tal-aċċess tagħhom u tal-madwar tagħhom;

4°       is-servizzi ta’ interess ġenerali għall-proprjetajiet immobbli li jikkonċernaw b’mod partikolari d-distribuzzjoni tal-ilma, tal-gass, tal-elettriku, tas-sħana u tat-telekomunikazzjonijiet, u t-tneħħija tal-iskart;

5°       l-istandards minimi f’termini ta’ abitabbiltà tar-residenzi;

6°       il-kwalità residenzjali u l-konvenjenza ta’ traffiku li jimxi bil-mod, b’mod partikolari bl-evitar tal-ħsejjes, tat-trabijiet u tal-emissjonijiet marbuta mat-twettiq ta’ xogħlijiet, u l-projbizzjoni tagħhom matul ċerti ħinijiet u f’ċerti ġranet;

7°       l-aċċess għall-proprjetà immobbli, mibnija jew le, jew għal partijiet ta’ din il-proprjetà immobbli li jkunu aċċessibbli għall-pubbliku, għall-installazzjonijiet u għat-toroq, mill-persuni b’mobbiltà limitata;

8°       is-sigurtà tal-użu ta’ beni aċċessibbli għall-pubbliku.

Dawn ir-regolamenti jistgħu jikkonċernaw b’mod partikolari l-kostruzzjonijiet u l-installazzjonijiet fuq u taħt l-art, is-sinjali, il-mezzi għar-reklamar u għat-twaħħil ta’ avviżi, l-antenni, il-kanalizzazzjonijiet, iċ-ċnut, id-depożiti, l-artijiet mhux mibnija, il-pjantaġġuni, il-bidliet fil-kontorni tal-art u l-ippjanar ta’ żoni maħsuba għat-traffiku u għall-parkeġġ ta’ vetturi minbarra t-toroq pubbliċi.

Dawn ir-regolamenti dwar l-ippjanar urbanistiku ma jistgħux jidderogaw mir-rekwiżiti imposti fil-qasam tat-toroq prinċipali.

Huma għandhom japplikaw għat-territorju reġjonali kollu, jew għal parti minn dan it-territorju li l-limiti tagħha jkunu ffissati fihom.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18      Fl-24 ta’ April 2008, il-Gvern tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale approva b’mod definittiv skema ta’ gwida għad-distrett Ewropew tal-belt ta’ Brussell (iktar ’il quddiem id-“distrett Ewropew”), sabiex dan id-distrett jiġi distrett dens u mħallat li jinkludi parti għal impjiegi internazzjonali, parti għal residenzi u parti kulturali u rekreattiva aċċessibbli għal kulħadd.

19      Fis-16 ta’ Diċembru 2010, dan il-gvern adotta fl-istess ħin il-Linji ta’ gwida tal-“Projet urbain Loi” (Proġett urban għar-Rue de la Loi), li jikkostitwixxu pjan ta’ gwida mingħajr saħħa regolamentari, kif ukoll digriet dwar l-implimentazzjoni, permezz ta’ pjan partikolari dwar l-użu tal-art, li kellu jiġi approvat mill-Conseil communal de la ville de Bruxelles (il-Kunsill Muniċipali tal-Belt ta’ Brussell), tal-proġett għad-definizzjoni urbana għar-Rue de la Loi u l-viċinanzi tagħha, fi ħdan id-distrett Ewropew.

20      Fil-15 ta’ Diċembru 2011, il-Gvern tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale approva l-ewwel abbozz ta’ regolament reġjonali dwar l-ippjanar urbanistiku fuq il-bażi ta’ żoni (iktar ’il quddiem ir-“RRUŻ”) dwar il-perimetru msemmi fil-punt preċedenti. Investigazzjoni pubblika, organizzata bejn id-19 ta’ Marzu u t-18 ta’ April 2012, tat lok għal numru ta’ lmenti u ta’ osservazzjonijiet, min-naħa b’mod partikolari ta’ Coordination Bruxelles-Europe, li kienu jikkonċernaw, fost kritika oħra, l-assenza ta’ evalwazzjoni tal-effetti ambjentali. Fid-19 ta’ Lulju 2012, dan il-gvern adotta komunikazzjoni sabiex iniedi studju dwar l-impatt fir-rigward tal-ewwel abbozz tar-RRUŻ.

21      Wara dan l-istudju, l-imsemmi gvern approva, fit-28 ta’ Frar 2013, it-tieni abbozz tar-RRUŻ, li kien ukoll is-suġġett ta’ konsultazzjoni li, min-naħa tagħha, wasslet għal numru ta’ lmenti u ta’ osservazzjonijiet, inkluż min-naħa ta’ Coordination Bruxelles-Europe.

22      Fit-12 ta’ Diċembru 2013, permezz tad-digriet kontenzjuż, il-Gvern tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale approva r-RRUŻ inkwistjoni.

23      Permezz ta’ rikors ippreżentat fil-31 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) rikors intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet. Huma b’mod partikolari kkritikaw lill-imsemmi gvern b’nuqqas ta’ osservanza, sa fejn ma wettaqx evalwazzjoni ambjentali konformi mad-Direttiva ESA, tal-proċeduri previsti minn din tal-aħħar. B’mod partikolari, skonthom, l-istudju dwar l-impatt ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa mill-imsemmija direttiva.

24      Fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jargumentaw, essenzjalment, li d-dritt Belġjan jagħmel distinzjoni bejn il-miżuri li jaqgħu taħt l-ippjanar tat-territorju u dawk li jaqgħu taħt l-ippjanar urbanistiku, filwaqt li jipprevedi biss fir-rigward tal-ewwel li għandha titwettaq evalwazzjoni tal-effetti ambjentali. Issa, skonthom, id-Direttiva ESA tkopri l-“pjanijiet u l-programmi” mingħajr ma tagħmel tali differenzazzjoni.

25      Fid-difiża tiegħu, il-Gvern tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale jsostni li d-digriet kontenzjuż la jikkostitwixxi pjan u lanqas programm, fis-sens ta’ din id-direttiva, u li, għaldaqstant, l-obbligi proċedurali stabbiliti fiha ma japplikawx għall-adozzjoni ta’ tali digriet.

26      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-eventwali fondatezza tar-rikors li għandha quddiemha jiddependi mill-kwistjoni ta’ jekk l-imsemmi digriet jaqax taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”, fis-sens tad-Direttiva ESA.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 2(a) tad-[Direttiva ESA] għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi fil-kunċett ta’ ‘pjanijiet u programmi’ regolament dwar l-urbanistika [ippjanar urbanistiku] adottat minn awtorità reġjonali:

–        li jinkludi kartografija li tistabbilixxi ż-żona ta’ applikazzjoni tiegħu, limitata għal distrett wieħed, u li tiddelimita fi ħdan din iż-żona ġżejjer differenti li għalihom japplikaw regoli differenti fir-rigward tal-lok u tal-għoli tal-bini; u

–        li jipprevedi wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ ppjanar għal żoni li jinsabu madwar il-bini, kif ukoll indikazzjonijiet preċiżi dwar l-applikazzjoni spazjali ta’ ċerti regoli li jistabbilixxi li jieħdu inkunsiderazzjoni t-toroq, linji dritti ttraċċjati perpendikularment għal dawn it-toroq u distanzi fir-rigward tal-allinjament ta’ dawn it-toroq;

–        li għandu bħala għan it-trasformazzjoni tad-distrett ikkonċernat; u

–        li jistabbilixxi regoli dwar il-kompożizzjoni tal-fajls ta’ applikazzjonijiet għall-urbanistika sottomessi għall-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent f’dan id-distrett?”

 Fuq id-domanda preliminari

28      Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li, għalkemm id-domanda preliminari tirreferi biss għall-Artikolu 2 tad-Direttiva ESA, kif isostnu diversi parteċipanti fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża kemm li jiġi ddeterminat jekk RRUŻ, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqax taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u kemm li jiġi ddeterminat jekk tali regolament jaqax fost dawk li għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti ambjentali, fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.

29      Issa, il-fatt li qorti nazzjonali tkun, minn aspett formali, ifformulat it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha b’riferiment għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jistgħu jkunu utli għall-għoti ta’ deċiżjoni fil-kawża li l-qorti nazzjonali jkollha quddiemha, irrispettivament minn jekk din tal-aħħar tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domandi tagħha. F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige, C-549/15, EU:C:2017:490, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 3 tad-Direttiva ESA jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tissuġġetta l-obbligu li pjan jew programm partikolari jkunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali għall-kundizzjoni li l-pjan jew il-programm, previsti f’din id-dispożizzjoni, ikunu jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

31      Għaldaqstant, id-domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tinftiehem fis-sens li qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3 tad-Direttiva ESA għandhomx jiġu interpretati fis-sens li RRUŻ, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jiffissa ċerti rekwiżiti għat-twettiq ta’ proġetti ta’ proprjetà immobbli, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, fis-sens ta’ din id-direttiva, u għandu, għalhekk, ikun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti ambjentali.

32      Preliminarjament, għandu l-ewwel nett jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 4 tad-Direttiva ESA, l-evalwazzjoni ambjentali hija għodda importanti għall-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali fit-tfassil u fl-adozzjoni ta’ ċerti pjanijiet u programmi.

33      It-tieni nett, skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan ta’ din id-direttiva huwa li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u li tikkontribwixxi għall-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali fit-tfassil u fl-adozzjoni ta’ pjanijiet u ta’ programmi sabiex jiġi promoss żvilupp sostenibbli, filwaqt li tipprevedi li, konformement mal-imsemmija direttiva, ċerti pjanijiet u programmi li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Associazione Italia Nostra Onlus, C‑444/15, EU:C:2016:978, punt 47).

34      Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-finalità tal-istess direttiva, jiġifieri li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent, id-dispożizzjonijiet li jiddelimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u b’mod partikolari dawk li jistabbilixxu d-definizzjonijiet tal-atti koperti minnha, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et, C-290/15, EU:C:2016:816, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandha tingħata risposta għad-domanda preliminari.

 Fuq l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESA

36      L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESA jiddefinixxi l-“pjanijiet u l-programmi” bħala dawk li jissodisfaw żewġ kundizzjonijiet kumulativi, jiġifieri, minn naħa, li jkunu tfasslu u/jew ġew adottati minn awtorità ta’ livell nazzjonali, reġjonali jew lokali jew li jkunu tfasslu minn awtorità sabiex jiġu adottati mill-parlament jew mill-gvern, permezz ta’ proċedura leġiżlattiva u, min-naħa l-oħra, li jkunu meħtieġa minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi.

37      Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din id-dispożizzjoni fis-sens li għandhom jitqiesu li huma “meħtieġa” fis-sens ta’ u għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva ESA u għaldaqstant, li huma suġġetti għall-evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent fil-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-direttiva, dawk il-pjanijiet u l-programmi li l-adozzjoni tagħhom hija rregolata minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari nazzjonali li jiddeterminaw l-awtoritajiet kompetenti sabiex jadottawhom kif ukoll il-proċedura għat-tfassil tagħhom (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et, C‑567/10, EU:C:2012:159, punt 31).

38      Fil-fatt, l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ESA tal-pjanijiet u tal-programmi li l-adozzjoni tagħhom ma tkunx ta’ natura obbligatorja tippreġudika l-effett utli tal-imsemmija direttiva fid-dawl tal-finalità tagħha, jiġifieri li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et, C-567/10, EU:C:2012:159, punti 28 kif ukoll 30).

39      F’dan il-każ, mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-digriet kontenzjuż kien ġie adottat minn awtorità reġjonali fuq il-bażi tal-Artikoli 88 et seq. tal-CoBAT.

40      Minn dan isegwi li l-kundizzjonijiet deskritti fil-punt 36 ta’ din is-sentenza huma ssodisfatti.

 Fuq l-Artikolu 3 tad-Direttiva ESA

41      Għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva ESA, huma suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali sistematika l-pjanijiet u l-programmi li, minn naħa, ikunu mfassla għal ċerti setturi u li, min-naħa l-oħra, jiddefinixxu l-qafas li fih l-implimentazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva EEA tkun tista’ tiġi awtorizzata fil-futur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie, C-105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:355, punt 43).

42      Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva ESA jirriżulta li din id-dispożizzjoni tkopri b’mod partikolari s-settur ta’ “pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art”.

43      Kif issostni l-Kummissjoni Ewropea, il-fatt li din id-dispożizzjoni tirreferi kemm għall-“ippjanar tat-territorju” u kemm għall-“użu tal-art” jindika b’mod ċar li s-settur inkwistjoni ma huwiex limitat għall-użu tal-art, fis-sens strett tal-kelma, jiġifieri d-diviżjoni tat-territorju f’żoni u d-definizzjoni tal-attivitajiet li jistgħu jitwettqu f’dawn iż-żoni, iżda jkopri neċessarjament qasam usa’.

44      Mill-Artikolu 88 tal-CoBAT jirriżulta li regolament reġjonali dwar l-ippjanar urbanistiku jikkonċerna b’mod partikolari l-kostruzzjonijiet u l-madwar tagħhom, fuq il-livell fost oħrajn tat-triq, tal-konservazzjoni, tas-sigurtà, tal-ekwilibriju, tal-enerġija, tal-akustika, tal-ġestjoni tal-iskart u tal-estetika.

45      Għaldaqstant, tali att jaqa’ fis-settur ta’ “pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art” fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva ESA.

46      Fir-rigward tat-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, sabiex jiġi stabbilit jekk regolament reġjonali dwar l-ippjanar urbanistiku, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiddefinixxix il-qafas li fih l-implimentazzjoni ta’ proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva EEA ser tkun tista’ tiġi awtorizzata fil-futur, għandhom jiġu eżaminati l-kontenut u l-finalità ta’ dan ir-regolament, fid-dawl tal-portata tal-evalwazzjoni ambjentali tal-proġetti, kif prevista fl-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie, C-105/09 u C-110/09, EU:C:2010:355, punt 45).

47      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva EEA, għandu jitfakkar li, taħt it-titolu 10 ta’ dan l-anness tal-aħħar, jinsabu l-proġetti ta’ infrastruttura li jinkludu, fil-punt (b) ta’ dan it-titolu, ix-xogħlijiet ta’ żvilupp urban.

48      Għandu jiġi osservat li l-att kontenzjuż jinkludi regoli applikabbli għall-kostruzzjonijiet kollha, jiġifieri għall-bini, irrispettivament min-natura tagħhom, u għall-madwar tagħhom inklużi ż-“żoni ta’ spazju miftuħ” u ż-“żoni ta’ mogħdija”, kemm jekk privati u kemm jekk aċċessibbli għall-pubbliku.

49      F’dan ir-rigward, dan l-att jinkludi kartografija li ma tipprevedix biss il-limiti tal-applikazzjoni ta’ dan l-att iżda li tiddelimita diversi żoni li għalihom japplikaw regoli distinti fir-rigward tal-pożizzjoni u tal-għoli tal-kostruzzjonijiet.

50      B’mod iktar speċifiku, l-imsemmi att jinkludi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw b’mod partikolari n-numru, il-pożizzjoni u d-daqs tal-bini, kif ukoll is-superfiċi ta’ art meħuda mill-bini; iż-żoni liberi, inklużi l-pjantaġġuni f’dawn iż-żoni; il-ġbir tal-ilma tax-xita, inkluża l-kostruzzjoni ta’ lqugħ f’każ ta’ maltemp u ta’ tankijiet għall-irkupru tal-ilma, id-disinn tal-bini b’rabta mal-użu potenzjali tiegħu, mat-tul tal-ħajja tiegħu u mat-twaqqigħ tiegħu; il-koeffiċjent ta’ bijotopju, jiġifieri l-proporzjon bejn is-superfiċi ppjanati b’mod ekoloġiku u s-superfiċi tal-art; l-ippjanar tal-bjut, b’mod partikolari mill-perspettiva tal-integrazzjoni fil-pajsaġġ u tal-veġetazzjoni.

51      Fir-rigward tal-finalità tal-att kontenzjuż, l-għan tiegħu huwa li jibdel id-distrett f’distrett “urban, dens u mħallat” u jikkonċerna l-“iżvilupp mill-ġdid tad-distrett Ewropew kollu”. B’mod iktar speċifiku, l-imsemmi att jinkludi kapitolu intitolat “Dispożizzjonijiet dwar il-kompożizzjoni tal-fajl ta’ applikazzjoni għal ċertifikat u għal awtorizzazzjoni ta’ ppjanar urbanistiku”, li ma jinkludix biss regoli sostantivi li għandhom jiġu applikati meta jinħarġu l-awtorizzazzjonijiet iżda wkoll regoli proċedurali dwar il-kompożizzjoni tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet u għal ċertifikati ta’ ppjanar urbanistiku.

52      Minn dan isegwi li digriet, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkontribwixxi, minħabba l-kontenut u l-finalità tiegħu, għall-implimentazzjoni ta’ proġetti elenkati fl-imsemmi anness.

53      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-att kontenzjuż jiddefinixxix il-qafas li fih l-implimentazzjoni ta’ tali proġetti ser tkun tista’ tiġi awtorizzata fil-futur, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” ikopri kull att li jistabbilixxi, billi jiddefinixxi r-regoli u l-proċeduri ta’ kontroll applikabbli fis-settur ikkonċernat, ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-awtorizzazzjoni u għall-implimentazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et, C-290/15, EU:C:2016:816, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54      Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tagħha, din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” hija intiża li tiżgura li rekwiżiti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali.

55      Għaldaqstant, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 25 u 26 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kunċett ta’ “ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet” għandu jinftiehem b’mod kwalitattiv u mhux kwantitattiv. Fil-fatt, għandhom jiġu evitati strateġiji possibbli għall-evażjoni tal-obbligi stabbiliti mid-Direttiva ESA li jistgħu jimmaterjalizzaw minn frammentazzjoni ta’ miżuri u li għalhekk inaqqsu l-effett utli ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et, C-290/15, EU:C:2016:816, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56      Mill-qari tal-att kontenzjuż jirriżulta li dan ir-regolament jinkludi b’mod partikolari rekwiżiti fir-rigward tal-iżvilupp taż-żoni li jinsabu fil-madwar tal-bini u spazji liberi oħra, taż-żoni ta’ mogħdija, ta’ żoni bi btieħi u ġonna, taċ-ċnut, tal-konnessjonijiet tal-kostruzzjonijiet għan-netwerks u għall-kanalizzazzjoni, il-ġbir tal-ilma tax-xita u diversi karatteristiċi tal-kostruzzjonijiet, b’mod partikolari n-natura konvertibbli u sostenibbli tagħhom, uħud mill-aspetti esterni tagħhom jew inkella l-aċċess ta’ vetturi għalihom.

57      Fid-dawl tal-mod kif huma ddefiniti, il-kriterji u l-modalitajiet stabbiliti minn tali att jista’ jkollhom, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tagħha, effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent urban.

58      Fil-fatt, kif enfasizzat il-Kummissjoni, tali kriterji u modalitajiet jista’ jkollhom effett fuq il-wasla tad-dawl, fuq ir-riħ, fuq il-pajsaġġ urban, fuq il-kwalità tal-arja, fuq il-bijodiversità, fuq il-ġestjoni tal-ilma, fuq in-natura dejjiema tal-kostruzzjonijiet u, b’mod iktar ġenerali, fuq l-emissjonijiet fiż-żona kkonċernata. B’mod iktar partikolari, kif isemmi l-preambolu tal-att kontenzjuż, id-daqs u t-tqassim ta’ bini għoli jista’ jkollhom effetti mhux mixtieqa fir-rigward tad-dell u tar-riħ.

59      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, li r-realità u l-portata tagħhom għandhom madankollu jiġu evalwati mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-att kontenzjuż, għandu jitqies li att, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva ESA, li għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti ambjentali.

60      Tali kunsiderazzjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-oġġezzjoni mqajma mill-Gvern Belġjan dwar id-dimensjoni ġenerali tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, minbarra li mill-formulazzjoni stess tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESA jirriżulta li l-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” jista’ jkopri atti normattivi adottati permezz tal-proċess leġiżlattiv jew regolatorju, din id-direttiva ma tinkludix preċiżament dispożizzjonijiet speċifiċi dwar politiki jew dwar regolamenti ġenerali li jeħtieġu delimitazzjoni fil-konfront tal-pjanijiet u tal-programmi, fis-sens tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, il-fatt li RRUŻ, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jinkludi regoli ġenerali, għandu ċertu livell astratt u jsegwi għan ta’ trasformazzjoni tad-distrett jikkostitwixxi illustrazzjoni tad-dimensjoni programmatika jew pjanifikattriċi tiegħu u ma jipprekludix l-inklużjoni tiegħu fil-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et, C-290/15, EU:C:2016:816, punti 52 u 53).

 Fuq l-eventwali akkumulazzjoni ta’ evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent

61      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-applikazzjonijiet sussegwenti għal awtorizzazzjoni ta’ ppjanar urbanistiku, li fir-rigward tagħhom ir-regoli dwar il-kompożizzjoni tal-fajls huma ffissati mir-RRUŻ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ser ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

62      Għandu jitfakkar li l-għan essenzjali tad-Direttiva ESA huwa li l-“pjanijiet u l-programmi” li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali fil-kuntest tat-tfassil tagħhom u qabel l-adozzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, C-41/11, EU:C:2012:103, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

63      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-evalwazzjoni ambjentali hija mistennija li titwettaq fi stadju kemm jista’ jkun bikri sabiex il-konklużjonijiet tagħha jkunu għadhom jistgħu jinfluwenzaw l-eventwali deċiżjonijiet meħuda. Fil-fatt, huwa f’dan l-istadju li jkunu jistgħu jiġu analizzati d-diversi partijiet tal-alternattiva u li jkunu jistgħu jitwettqu l-għażliet strateġiċi.

64      Barra minn hekk, filwaqt li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva ESA jipprevedi l-possibbiltà li tintuża l-informazzjoni utli miksuba f’livelli oħra tal-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni jew bis-saħħa ta’ strumenti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni, l-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva jispeċifika li evalwazzjoni ambjentali mwettqa taħt din id-direttiva għandha tkun bla ħsara għar-rekwiżiti tad-Direttiva EEA.

65      Barra minn hekk, evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa taħt id-Direttiva EEA ma tistax teżenta mill-obbligu li titwettaq l-evalwazzjoni ambjentali meħtieġa taħt id-Direttiva ESA, sabiex jiġu indirizzati l-aspetti ambjentali speċifiċi għaliha.

66      B’hekk, il-fatt, imqajjem mill-qorti tar-rinviju, li applikazzjonijiet sussegwenti għal awtorizzazzjoni ta’ ppjanar urbanistiku ser ikunu suġġetti għal proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fis-sens tad-Direttiva EEA ma jistax idaħħal inkwistjoni n-neċessità li titwettaq evalwazzjoni ambjentali ta’ pjan jew ta’ programm li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva ESA u li jistabbilixxi l-qafas li fih dawn il-proġetti ta’ ppjanar urbanistiku ser ikunu sussegwentement awtorizzati, sakemm l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-programm ma tkunx diġà twettqet, fis-sens tal-punt 42 tas-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et, (C-567/10, EU:C:2012:159).

67      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 2(a), l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva ESA għandhom jiġu interpretati fis-sens li regolament reġjonali dwar l-ippjanar urbanistiku, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jiffissa ċerti rekwiżiti għall-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ proprjetà immobbli, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” li jistgħu jkollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent, fis-sens ta’ din id-diretiva, u, għaldaqstant, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti ambjentali.

 Fuq l-ispejjeż

68      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(a), l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, għandhom jiġu interpretati fis-sens li regolament reġjonali dwar l-ippjanar urbanistiku, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jiffissa ċerti rekwiżiti għall-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ proprjetà immobbli, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” li jistgħu jkollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent, fis-sens ta’ din id-direttiva, u, għaldaqstant, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti ambjentali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.