Language of document : ECLI:EU:C:2006:632

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

C. STIX-HACKL

ippreżentati fit-3 ta’ Ottubru 2006 1(1)

Kawża C-522/04

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Renju tal-Belġju

“Nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu – Artikoli 18, 39, 43, 49 u 56 tat-Trattat KE u Artikoli 28, 31, 36 u 40 tal-Ftehim ŻEE – Artikoli 5(1) u 53(2) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/83/KE tal-5 ta’ Novembru 2002 dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU L 345, 2002, p. 1) – Leġiżlazzjoni fiskali li b’mod partikolari tagħti trattament inqas favorevoli lil kontribuzzjonijiet għal skemi ta’ rtirar imħallsa lill-impriżi ta’ assigurazzjoni stabbiliti f’pajjiż barrani, tassazzjoni fil-Belġju fuq il-kapital u fuq il-valuri ta’ tisrif, imħallsa lil benefiċjarji li jkunu ttrasferixxew ir-residenza tagħhom f’pajjiż barrani, kif ukoll obbligu għal dawn l-impriżi li jkollhom rappreżentant residenti fil-Belġju biex jiġi żgurat il-ħlas tat-taxxa annwali fuq kuntratti ta’ assigurazzjoni”





1.        Permezz ta’ dan ir-rikors, li ġie ppreżentat taħt it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tallega li r-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 18, 39, 43, 49 u 56 tat-Trattat KE, l-Artikoli 28, 31, 36 and 40 tal-Ftehim ŻEE, u l-Artikoli 4 u 11(2) tad-Direttiva 92/96/KEE ta’ l-10 ta’ Novembru 1992 (2) – wara l-emenda ta’ l-Artikoli 5(1) u 53(2) tad-Direttiva 2002/83/KE tal-5 ta’ Novembru 2002. (3)

2.        L-allegat ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet joriġina mill-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni, jiġifieri l-Code des impôts sur les revenus de 1992 (Kodiċi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul 1992; iktar ’il quddiem “CIR 92’) u l-Code des taxes assimilées au timbre (Kodiċi dwar taxxi assimilati għat-taxxa fuq il-boll; iktar ’il quddiem il-“CTAT”):

–        tissuġġetta l-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet supplementari ta’ min iħaddem għall-pensjoni u ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja għall-kundizzjoni, li tinsab fl-Artikolu 59 tas-CIR 92, li l-kontribuzzjonijiet iridu jitħallsu lil impriża ta’ assigurazzjoni jew fond ta’ previdenza stabbiliti fil-Belġju;

–        tissuġġetta t-tnaqqis mit-taxxa ta’ tfaddil fit-tul mogħti taħt l-Artikoli 145/1 u 145/3 tas-CIR 92 għal kontribuzzjonijiet personali għall-pensjoni supplementari u l-assigurazzjoni fuq il-ħajja fil-forma ta’ tnaqqis effettwat minn min iħaddem mis-salarju ta’ l-impjegat għall-kundizzjoni li l-kontribuzzjonijiet iridu jitħallsu lil impriża ta’ assigurazzjoni jew fond ta’ previdenza stabbilit fil-Belġju;

–        tistabbilixxi fl-Artikolu 364a tas-CIR 92 li meta l-kapital, il-valuri ta’ tisrif u t-tfaddil imsemmija fl-Artikolu 34 tas-CIR 92 jitħallsu jew jiġu allokati lil persuna taxxabbli li tkun ittrasferixxiet ir-residenza jew il-post ewlieni ta’ l-assi tagħha f’pajjiż barrani, il-ħlas jew allokazzjoni jitqiesu li jkunu saru fil-jum ta’ qabel dak it-trasferiment u, skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 364a, tittratta bl-istess mod bħal allokazzjoni kwalunkwe trasferiment imsemmi fl-Artikolu 34(2)(3), sabiex b’hekk kull kumpannija ta’ assigurazzjoni għandha l-obbligu li żżomm f’ras il-għajn ammonti fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul, skond l-Artikolu 270 tas-CIR 92, minn kapital u valuri ta’ tisrif imħallsa lil persuna mhux residenti li kienet, f’xi mument partikolari, residenti fil-Belġju għal skopijiet ta’ taxxa, kemm-il darba dawk l-ammonti jkunu ġew akkumulati, għal kollox jew f’parti, matul il-perijodu meta l-persuna in kwisjoni kienet residenti fil-Belġju għall-finijiet tat-taxxa, minkejja li ftehim bilaterali fiskali ffirmati mill-Belġju jagħtu d-dritt lil Stat Kontraenti ieħor biex jintaxxa dak id-dħul;

–        timponi taxxa, skond l-Artikolu 364b tas-CIR 92, fuq trasferimenti ta’ kapital jew ta’ valuri ta’ tisrif akkumulati permezz ta’ kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem jew kontribuzzjonijiet personali għal benefiċċji supplementari ta’ l-irtirar, meta t-trasferiment isir mill-fond tal-pensjoni jew l-istituzzjoni ta’ assigurazzjoni li magħhom ikunu ġew akkumulati l-kapital jew valuri ta’ tisrif, favur il-benefiċjarju jew persuni intitolati minnu, fuq fond tal-pensjoni jew istituzzjoni ta’ assigurazzjoni oħra stabbiliti barra l-Belġju, filwaqt li dan it-trasferiment ma jikkostitwixxix tranżazzjoni taxxabbli jekk il-kapital jew valuri ta’ tisrif jiġu ttrasferiti lil fond ta’ pensjoni jew istituzzjoni ta’ assigurazzjoni oħra stabbiliti fil-Belġju;

–        teżiġi, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 224/2a tar-Règlement général sur les taxes assimilées au timbre (Regolament ġenerali dwar taxxi assimilati mat-taxxa tal-boll), li l-kumpanniji ta’ assigurazzjoni barranin li ma jkollhomx post tan-negozju fil-Belġju jiksbu awtorizzazzjoni, qabel ma jipprovdu s-servizzi tagħhom fil-Belġju, ta’ rappreżentant tat-taxxa residenti fil-Belġju, li jassumi personalment, bil-miktub, ir-responsabbiltà lejn l-Istat għall-ħlas tat-taxxa annwali fuq kuntratti ta’ assigurazzjoni, imgħax u multi li jistgħu jkunu dovuti fuq kuntratti relatati ma’ riskji li jistgħu jseħħu fil-Belġju.

I –  Kuntest legali

A –    Dritt Komunitarju

1.      Liġi prinċipali

3.        L-Artikolu 18 KE jistabbilixxi:

“1.      Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu jkollu d-dritt tal-moviment u tar-residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri, suġġett għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti fit-Trattat u fil-miżuri adottati biex jagħtuh effett.

[…]”

4.        L-Artikolu 39 KE jistabbilixxi:

“1. Għandu jkun żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan il-Komunità.

2. Dan jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta’ l-Istati Membri dwar l-impieg, il-paga u l-kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.

3. Għandu jinkludi d-dritt, bla ħsara għal-limitazzjonijiet gustifkati minħabba ordni pubbliku, sigurtà pubblika u saħħa pubblika:

a)       li jaċċetta offerti ta’ impieg li jkunu saru,

b)       li jispostja ruħu liberament għal dan l-iskop fit-territorju ta’ l-Istati Membri,

ċ)       li joqgħod f’kull Stat Membru sabiex jaħdem f’impieg skond il-liġijiet, regolamenti u regoli amministrattivi li jirregolaw l-impieg tal-ħaddiema ta’ dak l-Istat,

d)       li jgħix fit-territorju ta’ Stat Membru wara li jkun okkupa impieg hemm, bil-kondizzjonijiet li l-applikazzjoni tagħhom għandha tkun soġġetta għal regolamenti li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni.

[…]”

5.        L-Artikolu 43 KE jistabbilixxi:

“Fil-qafas tad-disposizzjonijiet ta’ hawn taħt ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ l-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandhom jiġu projbiti. Tali projbizzjoni għandha testendi ruħha wkoll għal restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment ta’ aġenziji, fergħat u sussidjarji, minn ċittadini ta’ Stat Membru stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

Il-libertà ta’ l-istabbiliment tinkludi d-dritt li tibda u teżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasa, kif ukoll li tikkostitwixxi u tmexxi impriżi u b’mod partikolari kumpanniji li jaqgħu taħt it-tifsira ta’ l-Artikolu 58, paragrafu 2, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-liġijiet tal-pajjiż ta’ l-istabbiliment, għaċ-ċittadini tiegħu stess, bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu dwar il-kapital.”

6.        L-Artikolu 49 KE jistabbilixxi:

“Fil-qafas tad-disposizzjonijiet ta’ hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu provduti servizzi fil-Komunità għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.

Il-Kunsill jista’, b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jestendi l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għal servizzi mogħtija minn ċittadini ta’ Stat terz li jkunu stabbiliti fil-Komunità.”

7.        L-Artikolu 56 KE jistabbilixxi:

“1. Fil-kwadru tad-disposizzjonijiet indikati f’dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tkun projbita.

2. Fil-kwadru tad-disposizzjonijiet indikati f’dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq pagamenti bejn l-Istati Membri u l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandha tkun [ip]projbita.”

8.        L-Artikolu 28 tal-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea (il-“Ftehim ŻEE”) essenzjalment jirrepeti d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 39 KE, l-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE dawk ta’ l-Artikolu 43 KE u l-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE dawk ta’ l-Artikolu 49 KE, waqt li l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE jittratta l-moviment liberu tal-kapital suġġett għal ċerti limiti.

2.      Leġiżlazzjoni sekondarja

9.        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/83/KE, li jirrigwarda l-qasam ta’ applikazzjoni ta’ l-awtorizzazzjoni meħtieġa sabiex jiġi pprovdut servizz ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtorizzazzjoni għandha tkun valida għall-Komunità intiera. Għandha tippermetti intrapriża ta’ l-assigurazzjoni biex issegwi negozju hemmhekk, taħt jew id-dritt ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi”

10.      L-Artikolu 53(2) ta’ l-istess Direttiva jistabbilixxi:

“Taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti bil-liġi nazzjonali, kull Stat Membru għandu jawtorizza lil aġenziji u fergħat stabbiliti fit-territorju tiegħu u koperti b’dan it-Titolu biex jittrasferixxu l-[portafolji] tal-kuntratti kollha tagħhom jew parti minnhom lil intrapriża ta’ l-assigurazzjoni b’uffiċċju ewlieni fi Stat Membru ieħor, jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru jiċċertifikaw li wara li jieħu kont tat-trasferiment l-uffiċċju ta’ l-aċċettazzjoni jippossjedi l-marġini neċessarju ta’ likwidità.”

B –    Il-liġi Belġjana

1.      Taxxa diretta – CIR 92

11.      L-Artikolu 59(1) tas-CIR 92 jistabbilixxi:

“Il-kontribuzzjonijiet u l-premiums ta’ min iħaddem imsemmija fl-Artikolu 52(3)(b) jistgħu jitnaqqsu bħala spejjeż tan-negozju biss taħt dawn il-kundizzjonijiet u fi ħdan dawn il-limiti:

(1) iridu jitħallsu b’mod definittiv lil impriża ta’ l-assigurazzjoni jew istituzzjoni ta’ previdenza stabbilita fil-Belġju; […]”.

12.      L-Artikolu 145/1 tas-CIR 92, fil-verżjoni li kienet applikabbli fl-1 ta’ Jannar 2004, kien jistabbilixxi:

“Fil-limiti u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 145/2 sa 145/16, għandhom jitnaqqsu mit-taxxa dawn l-ispejjeż li jkunu attwalment tħallsu matul il-perijodu taxxabbli:

(1) kontribuzzjonijiet personali u premiums imsemmija fl-Artikolu 34(1)(2)(a) sa (c), fil-forma ta’ tnaqqis li jsir minn min iħaddem mis-salarju ta’ l-impjegat, jew fil-forma ta’ tnaqqis li jsir minn impriża mill-ħlas ta’ direttur li ma jkunx taħt kuntratt ta’ impjieg;

(2) kontribuzzjonijiet supplementari tal-pensjoni u ta’ assigurazzjoni tal-ħajja li l-persuna taxxabbli tkun ħallset b’mod definittiv fil-Belġju għall-ħolqien ta’ pensjoni jew somma kapitali li titħallas matul il-ħajja tal-persuna assigurata jew mal-mewt tagħha b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja konkluż minnha personalment, kemm-il darba dak il-kapital ma jkunx intiż li jħallas jew jiggarantixxi self fuq proprjetà immobbli msemmija fl-Artikolu 104(9).

13.      L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 145/3 tas-CIR 92 jistabbilixxi:

“Il-kontribuzzjonijiet personali u l-premiums msemmija fl-Artikolu 145/1(1) għandhom jiġu kkunsidrati għat-tnaqqis kemm-il darba dawn jitħallsu b’mod definittv lil impriża ta’ assigurazzjoni jew istituzzjoni ta’ previdenza stabbiliti fil- Belġju u li l-benefiċċji li jitħallsu ma’ l-irtirar, kemm statutorji kif ukoll mhux statutorji, fil-forma ta’ dħul annwali, ma jaqbżux it-80 % ta’ l-aħħar dħul annwali gross normali u jikkunsidraw perijodu normali ta’ attività professjonali. L-indiċjar tad-dħul huwa permess.”

14.      L-Artikolu 364a tas-CIR 92 jistabbilixxi skond kif ġej:

“Meta l-kapital, il-valuri ta’ tisrif u t-tfaddil imsemmija fl-Artikolu 34 jitħallsu jew jiġu allokati lil persuna taxxabbli li qabel tkun ittrasferixxiet ir-residenza tagħha jew il-post primarju ta’ assi tagħha f’pajjiż barrani, il-ħlas jew allokazzjoni jitqiesu li jkunu seħħu fil-jum ta’ qabel dak it-trasferiment.

Għall-iskopijiet ta’ l-ewwel paragrafu, kull trasferiment imsemmi fl-Artikolu 34(2)(3) għandu jiġi ttrattat bl-istess mod bħal allokazzjoni.”

15.      L-Artikolu 364b tas-CIR 92 jistabbilixxi:

“Meta kapital jew valuri ta’ tisrif, li jkunu ġew akkumulati permezz tal-kontribuzzjonijiet personali msemmija fl-Artikolu 52a jew l-Artikolu 145/1(1), il-kontribuzzjonijiet ta’ min iħallas jew il-kontribuzzjonijiet ta’ kumpannija jiġu ttrasferiti, mill-istituzzjoni ta’ previdenza jew impriża ta’ assigurazzjoni li magħhom ikunu ġew akkumulati, favur il-benefiċjarju jew persuni intitolati minnu, taħt impenn ta’ pensjoni jew ftehim ta’ pensjoni simili, dik it-tranżazzjoni ma titqiesx li hija ħlas jew allokazzjoni, anki jekk it-trasferiment isir fuq talba tal-benefiċjarju, bla ħsara għad-dritt li tiġi imposta taxxa fil-ħin ta’ ħlas jew allokazjoni sussegwenti mill-istituzzjoni jew impriża lill-benefiċjarju.

L-ewwel subparagrafu mhuwiex applikabbli għat-trasferiment ta’ kapital jew valuri ta’ tisrif lil istituzzjoni ta’ previdenza jew impriża ta’ assigurazzjoni stabbilita f’pajjiż barrani.”

2.      Tassazzjoni indiretta – CTAT

16.      L-Artikolu 173 tal-CTAT jistabbilixxi:

“Il-kuntratti ta’ assigurazzjoni huma suġġetti għal taxxa annwali jekk waħda mit-tliet kundizzjonijiet speċifikati hawn isfel tkun sodisfatta:

(1) l-assiguratur iwettaq negozju professjonali ta’ assigurazzjoni, u jkollu l-post prinċipali ta’ negozju tiegħu, jew aġenzija, fergħa, rappreżentant jew post ieħor tan-negozju fil-Belġju;

(2) il-persuna assigurata jkollha d-domiċilju jew residenza ordinarja tagħha fil-Belġju;

(3) is-suġġett tal-kuntratt ikun proprjetà mobbli jew immobbli li tinsab fil-Belġju.”

17.      L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 176/1 tas-CTAT jistabbilixxi:

“L-ammont ta’ taxxa dovuta jiġi kkalkulat fuq l-ammont totali ta’ premiums jew kontribuzzjonijiet, flimkien ma’ l-ispejjeż, li jridu jitħallsu jew jiġu sostnuti matul is-sena tat-taxxa jew mill-persuni assigurati jew mill-benefiċjarji u dawk li jħaddmuhom.”

18.      L-Artikolu 177 tas-CTAT jistabbilixxi:

“It-taxxa annwali fuq kuntratti ta’ assigurazzjoni għandha titħallas:

(1) mill-assoċjazzjonijiet ta’ assigurazzjoni, fondi, kumpanniji jew impriżi, aġenziji tal-pensjonijiet u persuni ġuridiċi responsabbli għall-implementazzjoni ta’ l-obbligu ta’ solidarjetà fil-kuntest ta’ l-iskemi tal-pensjoni msemmija fil-Liġi tat-28 ta’ April 2003 dwar pensjonijiet supplementari u s-sistema fiskali applikabbli għalihom u għal ċerti benefiċċji addizzjonali dwar is-sigurtà soċjali, u mill-assiguraturi l-oħrajn kollha li jkollhom il-post prinċipali ta’ negozju tagħhom, jew aġenzija, fergħa, rappreżentant jew post ieħor tan-negozju fil-Belġju;

(2) minn aġenti jew intermedjarji oħra residenti fil-Belġju, għal kuntratti konklużi bl-intervent tagħhom ma’ assiguraturi barranin li ma jkollhomx rappreżentant kif imsemmi fl-Artikolu 178 fil-Belġju;

(3) mill-persuna assigurata, fi kwalunkwe każ ieħor.”

19.      L-Artikolu 224/2a tar-regolament Ġenerali dwar taxxi assimilati mat-taxxa tal-boll jistabbilixxi:

“Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 177(3) tal-[CTAT], l-impriża ta’ assigurazzjoni barranija għandha tħallas it-taxxa u, fejn rilevanti, l-imgħaxijiet u l-multi, f’isem il-persuna assigurata. Għal dan l-iskop, kull impriża ta’ assigurazzjoni barranija li ma jkollha ebda aġenzija, fergħa, rappreżentant jew post ieħor tan-negozju fil-Belġju u li tkun tixtieq toffri li tissottoskrivi kuntratti relatati ma’ riskji li jistgħu jseħħu fil-Belġju għandha, qabel ma twettaq dawn l-operazzjonijiet, tikseb l-awtorizzazzjoni mill-Ministru għall-Finanzi għal rappreżentant tat-taxxa residenti fil-Belġju li jassumi personalment, bil-miktub, ir-responsabbiltà lejn l-Istat għall-ħlas tat-taxxa annwali fuq kuntratti ta’ assigurazzjoni, imgħaxijiet u multi li jistgħu jkunu dovuti fir-rigward tal-kuntratti hawn fuq imsemmija.”

II –  Proċedura prekontenzjuża

20.      Fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha tas-6 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni spjegat lir-Renju tal-Belġju għalfejn kienet ikkonstatat li l-Istat kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 18, 39, 43, 49 u 56 KE, l-Artikoli 28, 31, 36 u 40 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikoli 4 u 11(2) tad-Direttiva 92/96/KEE.

21.      Fir-risposta tagħhom, li ntbagħtet fid-9 ta’ Mejju 2003, l-awtoritajiet Belġjani ddikjaraw li minħabba xoljiment tal-Kmamar qabel l-elezzjoni ġenerali (li saret fit-18 ta’ Mejju 2003) il-Gvern ma kellux biżżejjed poter biex jieħu inizjattivi leġiżlattivi biex jemenda l-liġi Belġjana skond kif indikat fl-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni.

22.      Madankollu, huma ddikjaraw li d-dispożizzjonijiet nazzjonali ddaħħlu bħala miżura kontra l-evażjoni tat-taxxa (Artikolu 364a tas-CIR 92) u li l-kapaċità li jinħatar rappreżentat responsabbli għat-taxxa annwali fuq kuntratti ta’ assigurazzjoni ġiet ikkonfermata b’dikjarazzjoni mniżżla fil-minuti tal-Kunsill li approva t-tielet direttiva dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja u kienet konformi mal-komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-ġid komuni fis-settur ta’ assigurazzjoni. (4) Dawn l-obbligi kienu imposti kemm fuq kumpanniji barranin li offrew is-servizzi tagħhom fil-Belġju permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll fuq kumpanniji barranin stabbiliti fil-Belġju. Il-ħatra ta’ rappreżentanti kienet neċessarja u proporzjonata sabiex jiġi żgurat li tinġabar it-taxxa annwali fuq il-kuntratti ta’ assigurazzjoni (Artikolu 177(3) tas-CTAT u Artikolu 224/2b(2) tar-Regolament Ġenerali dwar taxxi assimilati mat-taxxa tal-boll).

23.      Wara li osservat li r-risposta ta’ l-awtoritajiet Belġjani kienet tkopri biss iż-żewġ miżuri hawn fuq imsemmija u li meta l-Gvern Belġjan ippreżenta abbozz ta’ liġi dwar pensjonijiet supplementari fit-13 ta’ Jannar 2003, huwa rrikonoxxa li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma kinitx għal kollox konformi mad-dritt Komunitarju, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju tal-Belġju, fid-19 ta’ Diċembru 2003, opinjoni motivata dwar ksur tal-prinċipji tal-libertà ta’ movement għall-ħaddiema, tal-libertà ta’ stabiliment, tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-moviment liberu ta’ kapital, u tad-direttivi dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja, permezz ta’ dispożizzjonijiet fiskali dwar it-taxxa fuq id-dħul u t-taxxa annwali fuq kuntratti ta’ assigurazzjoni.

24.      Fir-rigward tal-ħatra ta’ rappreżentant biex jiżgura l-ġbir tat-taxxa annwali fuq kuntratti ta’ assigurazzjoni, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li dan ir-rekwiżit jikkostitwixxi restrizzjoni għal libertà li jiġu pprovduti servizzi li jgawdu l-kumpanniji u l-istituzzjonijiet ta’ assigurazzjoni stabbiliti fi Stati Membri oħra. Il-ħlas tat-taxxa jista’ jiġi żgurat b’mezzi inqas restrittivi, bħal talbiet għal informazzjoni lill-impriża jew korp barrani, talbiet għal informazzjoni u kontrolli fuq persuni assigurati residenti fil-Belġju, u ftehim ta’ skambji ta’ informazzjoni ma’ Stati Membri oħrajn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/44/KE tal-15 ta’ Ġunju 2001(5) emenda d-Direttiva 76/308/KEE dwar l-għajnuna reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet li jirriżultaw minn ħidmiet li jiffurmaw parti mis-sistema li tiffinanzja l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija, u ta’ imposti agrikoli u dazji doganali. L-assistenza reċiproka dwar l-irkupru ġiet estiża għat-taxxi fuq il-premiums ta’ assigurazzjoni u l-Istati Membri kienu obbligati li jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tagħhom tkun konformi ma’ dik tad-Direttiva sat-30 ta’ Ġunju 2002. Peress li t-taxxa annwali fuq kuntratti ta’ assigurazzjoni hija kkalkulata fuq l-ammont totali ta’ premiums jew kontribuzzjonijiet, flimken ma’ spejjeż, dik it-taxxa taqa’ taħt l-isfera ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/44/KE. Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li, kieku r-Renju tal-Belġju kellu jsostni l-argumenti tiegħu, direttiva, u wisq iktar komunikazzjoni dwar l-interpretazzjoni, ma tistax tiġi interpretata jew applikata b’mod li ma tkunx konformi mat-Trattat KE u l-Ftehim ŻEE.

25.      Fir-risposta tiegħu ta’ l-24 ta’ Frar 2004, ir-Renju tal-Belġju kkonferma r-rieda tiegħu li jikkonforma ma’ l-opinjoni motivata, u talab “ftit paċenzja u komprensjoni fir-rigward tal-perijodu li [kien] ser ikun meħtieġ biex il-leġiżlazzjoni Belġjana tinġieb għal kollox konformi mal-leġiżlazzjoni Ewropea”. Wara li t-terminu ta’ skadenza stabbilit fl-opinjoni mmotivata skada fit-23 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni ressqet dan ir-rikors.

26.      B’ittra tal-5 ta’ Mejju 2006, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-Gvern Belġjan jippreċiża jekk ir-Renju tal-Belġju kienx għadu jsostni l-osservazzjonijiet li saru fir-risposta għall-ittra ta’ intimazzjoni. Jidher, mir-risposta tal-Gvern Belġjan, li ġiet irċevuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Ġunju 2006, li r-Renju tal-Belġju essenzjalment sostna l-pożizzjoni tiegħu, waqt li rrefera għal emendi leġiżlattivi li kienu ser isiru, fir-rigward ta’ l-Artikoli 59, 145, 364a u 364b tas-CIR 92, u emendi leġiżlattivi diġà fis-seħħ, fir-rigward ta’ l-Artikolu 224/2a tar-Regolament ġenerali dwar taxxi assimilati mat-taxxa tal-boll.

III –  Analiżi ta’ l-ilmenti

27.      L-allegat nuqqas li jiġu mwettqa obbligi jirrigwarda l-leġiżlazzjoni Belġjana kemm dwar it-tassazzjoni diretta (id-dispożizzjonijiet iċċitati taċ-CIR 92) kif ukoll dik tat-tassazzjoni indiretta (l-Artikolu 177(3) tal-CTAT u l-Artikolu 224/2a tar- Regolament ġenerali dwar taxxi assimilati mat-taxxa tal-boll).

28.      Rigward it-tassazzjoni diretta, il-Kummissjoni essenzjalment tikkritika żewġ tipi ta’ dispożizzjonijiet: dawk li jagħtu vantaġġi fiskali speċifiċi – f’dan il-każ it-tnaqqis mit-taxxa tal-kontribuzzjonijiet ta’ dawk li jħaddmu (Artikolu 59 tas-CIR 92) u tal-kontribuzzjonijiet personali (Artikoli 145/1 u 145/3 tas-CIR 92) lil skemi ta’ pensjoni tax-xogħol u ta’ assigurazzjoni tal-ħajja – għal kontribuzzjonijiet imħallsa lil impriżi ta’ assigurazzjoni jew fondi ta’ previdenza stabbiliti fil-Belġju; u dawk li jissuġġettaw il-ħlas jew l-allokazzjoni tal-kapital, valuri ta’ tisrif jew tfaddil lil persuna taxxabbli li ma tkunx għadha residenti għal skopijiet fiskali (Artikolu 364a tas-CIR 92) kif ukoll it-trasferiment ta’ kapital jew valuri ta’ tisrif akkumulati taħt skemi tal-pensjoni tax-xogħol lil impriża ta’ assigurazzjoni jew fond tal-pensjoni stabbiliti barra l-Belġju (Artikolu 364b tas-CIR 92) lil sistema fiskali differenti minn dik applikata għal dawk l-operazzjonijiet li ma jkollhomx element transkonfinali.

29.      Rigward it-tassazzjoni indiretta, il-Kummissjoni tikkritika l-obbligu impost fuq assiguraturi barranin li joperaw taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jiġifieri mingħajr post tan-negozju fil-Belġju, li jiksbu awtorizzazzjoni minn qabel għal rappreżentant tat-taxxa residenti fil-Belġju li jkun personalment responsabbli lill-Istat għall-ħlas tat-taxxa annwali fuq kuntratti ta’ assigurazzjoni u imgħaxijiet u multi li jistgħu jkunu dovuti taħt kuntratti relatati ma’ riskji li jistgħu jseħħu fil-Belġju (Artikolu 224/2a tar-Regolament ġenerali dwar taxxi assimilati mat-taxxa tal-boll).

30.      Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza tagħha Danner(6) l-ilmenti fformulati mill-Kummissjoni kontra d-dispożizzjonijiet iċċitati dwar it-tassazzjoni diretta jidhru li jistgħu jistabbilixxu, prima facie, l-allegati ksur tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat tal-KE u l-Ftehim ŻEE u implementati b’mod partikolari mid-Direttiva 92/96, jew ta’ mill-inqas xi wħud minn dan il-ksur. Barra minn hekk, il-Gvern Belġjan ma jikkontestax l-allegat nuqqas li jiġu mwettqa l-obbligi, iżda jnaqqas il-portata tagħhom billi jirreferi b’mod partikolari għal diversi ftehim iffirmati mill-Belġju biex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja. Min-naħa l-oħra, l-ilment dwar l-obbligu li jinħatar – u jiġi awtorizzat – rappreżentant tat-taxxa huwa ġdid u għal din ir-raġuni għandu jingħata attenzjoni partikolari. Minkejja l-emenda sussegwenti tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni (7) l-Gvern Belġjan ikkontesta dan l-allegat ksur li jiġu mwettqa l-obbligi.

A –    Restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u diskriminazzjoni kontra kumpanniji ta’ assigurazzjoni barranin

1.      Kundizzjonijiet li jirregolaw it-tnaqqis mit-taxxa tal-kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem u dawk personali għal skemi ta’ pensjonijiet tax-xogħol

a)      Argumenti ewlenin tal-partijiet

31.      Il-Kummissjoni hija tal-fehma li d-dispożizzjonijiet fiskali li taħthom il-kontribuzzjonijiet ta’ dawk li jħaddmu (Artikolu 59 tas-CIR 92) u kontribuzzjonijiet personali (Artikoli 145/1 u 145/3 tas-CIR 92) għal skemi tal-pensjoni tax-xogħol jistgħu jitnaqqsu biss jekk jitħallsu lil korpi stabbiliti fil-Belġju, bl-esklużjoni ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa lill-korpi stabbiliti barra l-Belġju, imorru kontra l-libertà li jiġu pprovduti servizzi [Artikolu 49 KE, Artikoli 36 u 37 tal-Ftehim ŻEE, Artikolu 4 tad-Direttiva 92/96 (issa l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/83)].

32.      Il-Gvern Belġjan ma jikkontestax direttament l-analiżi tal-Kummissjoni, iżda jsemmi li xi kultant kienu jingħataw tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem u tnaqqis mit-taxxa għal kontribuzzjonijiet personali mħallsa lil istituzzjonijiet stabbiliti f’pajjiż barrani, b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ ċerti ftehim bilaterali ma’ Stati Membri jew pajjiżi terzi, jew anki fuq il-bażi ta’ ċerti ċirkulari amministrattivi. Barra minn hekk, fir-risposta tiegħu lill-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Mejju 2006, il-Gvern Belġjan isemmi abbozz ta’ liġi preliminari li jemenda l- Artikoli 59, 145, 364a u 364b tas-CIR 92 skond kif riedet il-Kummissjoni.

b)      Evalwazzjoni

33.      M’hemmx dubju li restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tirriżulta mill-kundizzjonijiet, stabbiliti fl-Artikoli 59 u 145 tas-CIR 92, fir-rigward tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem u dawk personali għal skemi ta’ pensjoni tax-xogħol.

34.      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-Istati Membri, dawn ta’ l-aħħar madankollu għandhom jeżerċitaw dik il-kompetenza b’mod konformi mad-dritt Komunitarju. (8)

35.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat f’diversi okkażjonijiet li, “fil-perspettiva tas-suq waħdieni u sabiex ikunu jistgħu jinkisbu l-għanijiet tiegħu, l-Artikolu 59 tat-Trattat jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kull leġiżlazzjoni nazzjonali li jista’ jkollha l-effett li tirrendi l-provvista ta’ servizzi bejn l-Istati Membri aktar diffiċli mill-provvista ta’ servizzi fi ħdan Stat Membru wieħed”. (9) [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

36.      F’Danner, b’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li “minħabba l-funzjoni importanti li għandha l-possibbiltà li jinkiseb tnaqqis mit-taxxa fuq dik il-bażi, fil-ħin meta jiġi ffirmat kuntratt ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni, dik il-leġiżlazzjoni tista’ tiskoraġġixxi lill-individwi milli jagħmel assigurazzjoni volontarja tal-pensjoni ma’ istituzzjonijiet stabbiliti fi Stat Membru ieħor u tista’ tiskoraġġixxi lil dawk l-istituzzjonijiet milli joffru s-servizzi tagħhom [fis-suq in kwistjoni]”. (10) [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

37.      Peress li l-Artikoli 59, 145/1 u 145/3 tas-CIR 92 jillimitaw il-possibbiltà ta’ tnaqqis mit-taxxa tal-kontribuzzjonijiet ta’ min iħallas u l-kontribuzzjonijiet personali supplementari ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja u tal-pensjoni għal ħlasijiet li jsiru lil impriżi ta’ assigurazzjoni jew tal-fondi ta’ previdenza stabbiliti fil-Belġju, dawn jikkostitwixxu restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, in kwantu dawn jistgħu jiskoraġġixxu lill-persuni kkonċernati milli jikkonkludu kuntratti ma’ operaturi stabbiliti fi Stat Membru ieħor u jistgħu jiskoraġġixxu lill-operaturi milli joffru dawn il-kuntratti fil-Belġju jekk ma jkollhomx post tan-negozju hemmhekk.

38.      L-ilment tal-Kummissjoni b’hekk jidher li huwa fondat f’dan ir-rigward.

2.      Taxxa fuq it-trasferiment ta’ kapital jew valuri ta’ tisrif

a)      L-argumenti ewlenin tal-partijiet

39.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-regola fl-Artikolu 364b tas-CIR 92 hija diskriminatorja. Din ir-regola tistabbilixxi li t-trasferiment ta’ kapital jew ta’ valuri ta’ tisrif akkumulati permezz ta’ kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem jew kontribuzzjonijiet personali tal-pensjoni supplementari huwa taxxabbli meta t-trasferiment isir lil fond tal-pensjoni jew istituzzjoni ta’ assigurazzjoni stabbilita f’pajjiż barrani, waqt li dawk it-trasferimenti m’humiex tranżazzjonijiet taxxabbli meta l-kapital jew valuri ta’ tisrif jiġu ttrasferiti għal fond tal-pensjoni jew istituzzjoni ta’ assigurazzjoni stabbilita fil-Belġju.

40.      Id-dispożizzjonijiet nazzjonali hawn fuq imsemmija jmorru wkoll kontra l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/83/KE, li jistabbilixxi li l-awtorizzazzjoni miksuba fi Stat Membru hija valida fil-Komunità kollha u tippermetti lil impriża li teżerċita negozju hemmhekk, kemm taħt id-dritt ta’ stabbiliment kemm taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif ukoll kontra l-Artikolu 53(2) ta’ l-istess Direttiva li tistabbilixxi li kull Stat Membru għandu jawtorizza impriżi ta’ assigurazzjoni li l-uffiċċju prinċipali tagħhom ikun stabbilit fit-territorju tiegħu biex jittrasferixxu l-attività kollha tagħhom jew parti minnhom lil destinatarju stabbilit fil-Komunità.

41.      Fir-risposta tiegħu, il-Gvern Belġjan ma jikkontestax l-ilmenti fformulati mill-Kummissjoni. Fir-risposta tiegħu lill-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Mejju 2006, huwa jirreferi għall-ittra tiegħu tad-9 ta’ Mejju 2003 u jindika li l-Artikolu 364b tas-CIR 92 ġie fformulat mill-ġdid fl-abbozz ta’ liġi preliminari hawn fuq imsemmi (11) skond kif riedet il-Kummissjoni.

b)      Evalwazzjoni

42.      Jirriżulta mill-formulazzjoni stess ta’ l-Artikolu 364b tas-CIR 92 li t-trasferiment bejn fondi tal-pensjonijiet jew istituzzjonijiet ta’ assigurazzjoni ta’ kapital jew valuri ta’ tisrif akkumulati permezz ta’ kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem jew kontribuzzjonijiet personali tal-pensjoni supplementari m’huwiex meqjus bħala ħlas jew allokazzjoni – li huwa taxxabbli – ħlief jekk il-fond tal-pensjoni jew l-istituzzjoni ta’ assigurazzjoni li lilhom isir it-trasferiment ikunu stabbiliti f’pajjiż barrani. Għaldaqstant għandu jingħad li dan it-trasferiment jiġi ttrattat b’mod partikolari għal skopijiet ta’ taxxa meta d-destinatarju jkun stabbilit f’pajjiż barrani.

43.      It-taxxa b’hekk tiġi imposta minħabba l-qsim tal-fruntjiera, li b’hekk tista’ tikkostitwixxi ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-kumpanniji ta’ assigurazzjoni jew l-istituzzjonijiet stabbiliti fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, ir-regola in kwistjoni tista’ tiskoraġġixxi lill-persuni assigurati milli jittrasferixxu kapital, jew valuri ta’ tisrif, lil operatur barrani. F’dan ir-rigward, l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Belġjan, fir-risposta tiegħu tat-30 ta’ Mejju 2006, dwar is-sinjifikat prattiku tad-dispożizzjonijiet tas-CIR 92 in kwistjoni tirrigwarda biss l-Artikolu 364a tas-CIR 92.

44.      L-ilment tal-Kummissjoni b’hekk jidher li huwa fondat ukoll f’dan ir-rigward.

3.      L-obbligu li jinħatar rappreżentant tat-taxxa

a)      Argumenti ewlenin tal-partijiet

45.      L-obbligu ġenerali u assolut impost fuq impriżi ta’ assigurazzjoni barranin li jaħtru rappreżentant residenti fil-Belġju, li jrid jagħti garanzija personali għall-ħlas tat-taxxa annwali fuq kuntratti ta’ assigurazzjoni, għandu jitqies, skond il-Kummissjoni, li m’huwiex proporzjonat u li jnaqqas il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra. L-iskop tiegħu, li hu li jiġi żgurat il-ħlas tat-taxxa, fil-fatt jista’ jinkiseb b’metodi inqas restrittivi.

46.      Il-Gvern Belġjan ikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni fl-ittra tiegħu tad-9 ta’ Mejju 2003, li t-termini tagħhom huma riprodotti fir-risposta. Il-ħatra ta’ rappreżentant tat-taxxa tibqa’ neċessarja sabiex jiġi żgurat li t-taxxa tinġabar b’mod korrett u m’għandha ebda effett fuq l-awtorizzazzjoni ta’ l-impriża ta’ assigurazzjoni jew it-trasferiment ta’ l-attività tagħha. Fl-ittra tiegħu tat-30 ta’ Mejju 2006, ir-rappreżentant tal-Gvern Belġjan ikkonferma din il-pożizzjoni, waqt li semma’ emenda għal-leġiżlazzjoni in kwistjoni li saret fil-liġi qafas tas-27 ta’ Diċembru 2005: (12) taħt id-dispożizzjonijiet il-ġodda, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006, l-impriżi ta’ assigurazzjoni li l-post prinċipali tan-negozju tagħhom ikun barra ż-Żona Ekonomika Ewropea biss jibqgħu marbuta li jaħtru rappreżentant tat-taxxa.

b)      Evalwazzjoni

47.      Il-kwistjoni dwar jekk huwiex permissibbli r-rekwiżit li jinħatar rappreżentant tat-taxxa fir-rigward ta’ impriżi ta’ assigurazzjoni li joperaw taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fir-rigward tal-libertajiet fundamentali stabbiliti mit-Trattat tal-KE, qatt ma ġiet issollevata qabel u tidher li hija kwistjoni ta’ sinjifikat kunsiderevoli, peress li dan ir-rekwiżit jinsab ukoll taħt sistemi legali oħrajn. (13)

48.      Ir-rekwiżit li jinħatar rappreżentant tat-taxxa li jkun responsabbli, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-liġi Belġjana in kwistjoni, għall-ħlas tat-taxxa annwali fuq kuntratti ta’ assigurazzjoni għandu l-obbjettiv li jiggarantixxi l-ħlas tat-taxxa u li ma ssirx evażjoni tat-taxxa. Dan huwa obbjettiv ta’ interess pubbliku. (14)

49.      Ir-rekwiżit li jinħatar rappreżentant tat-taxxa huwa ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, in kwantu dan jimponi piż finanzjarju addizzjonali fuq istituzzjonijiet ta’ assigurazzjoni mhux stabbiliti fil-Belġju. Dan ir-rekwiżit huwa partikolarment oneruż għall-istituzzjonijiet ikkonċernati, peress li d-deċiżjoni li joperaw taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista’ tkun dovuta preċiżament għall-fatt li ma jkunx hemm kumpannija li hija parti lill-istess grupp fl-Istat Membru ospitanti; huwa verament f’dawn iċ-ċirkustanzi li jista’ jkun diffiċli li jinstab rappreżentant tat-taxxa li jkun lest jassumi r-responsabbiltà personali imposta fuqu mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni. Fi kwalunkwe każ, m’hemmx dubju li l-ħlas dovut lir-rappreżentant tat-taxxa jista’ jammonta għal somma kunsiderevoli, li huwa piż għall-istituzzjoni ta’ assigurazzjoni li topera taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

50.      Id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali in kwistjoni jistgħu jitqiesu li huma diskriminatorji peress li r-rekwiżit li jinħatar rappreżentant tat-taxxa huwa ristrett għal istituzzjonijiet ta’ assigurazzjoni li m’humiex stabbiliti fil-Belġju. (15) Madankollu, huwa minnu li distinzjoni bejn persuni taxxabbli residenti u mhux residenti ġiet ikkunsidrata oġġettivament ġustifikabbli fil-qasam tat-tassazzjoni diretta. (16)

51.      Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ġustament tosserva li l-ġbir tat-taxxa annwali fuq kuntratti ta’ assigurazzjoni (17) taqa’ taħt l-isfera ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, (18) kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/93/KE tas-7 ta’ Ottubru 2003. (19) L-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri, kif organizzata minn dawk id-direttivi, tikkostitwixxi miżura kontra l-evażjoni tat-taxxa, u b’hekk teskludi l-ħtieġa li jinżamm ir-rekwiżit li jinħatar rappreżentant tat-taxxa. (20)

52.      Isegwi mill-kunsiderazzjonijiet suesposti li r-rekwiżit li jinħatar rappreżentant tat-taxxa stabbilit fl-Artikolu 224/2a tar-Regolament ġenerali dwar taxxi assimilati mat-taxxa tal-boll jikkostitwixxi ostaklu mhux ġustifikabbli għal- libertà li jiġu pprovduti servizzi. Għaldaqstant ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi milqugħ fuq dan il-punt ukoll.

B –    Restrizzjonijiet tal-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà ta’ stabbiliment

1.      Argumenti ewlenin tal-partijiet

53.      Il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet li jipprojbixxu t-tnaqqis mit-taxxa tal-kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem jew it-tnaqqis mit-taxxa għal kontribuzzjonijiet personali mħallsa lil istituzzjonijiet stabbiliti fi Stati Membri oħra jmorru wkoll kontra l-libertà ta’ movement ta’ persuni impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom, iggarantiti fl-Artikoli 39 u 43 KE. Il-ħaddiema li jkunu ħadmu fi Stat Membru u ħallsu kontribuzzjonijiet fi skema ta’ pensjoni tax-xogħol f’dak l-Istat u mbagħad imorru jaħdmu fil-Belġju ma jistgħux jibbenefikaw minn vantaġġi fiskali fir-rigward ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa f’dak l-Istat l-ieħor. Madankollu, id-dħul minn dawn l-iskemi huwa taxxabbli fil-Belġju jekk il-persuni kkonċernati jkunu residenti fil-Belġju meta jirċievu d-dħul.

54.      Id-dispożizzjoni li tistabbilixxi li t-trasferiment ta’ kapital jew valuri ta’ tisrif akkumulati permezz ta’ kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem jew kontribuzzjonijiet personali tal-pensjoni supplementari huwa taxxabbli meta t-trasferiment isir lejn fond tal-pensjoni jew istituzzjoni ta’ assigurazzjoni stabbilita f’pajjiż barrani hija wkoll ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà ta’ stabbiliment. Din tpoġġi f’pożizzjoni żvantaġġata lill-impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom li jkunu jixtiequ jmorru jgħixu fi Stat Membru ieħor u, f’dak il-ħin, li jittrasferixxu l-imsemmi kapital jew valuri ta’ tisrif.

55.      Il-Kummissjoni tissottometti wkoll li l-Artikolu 364a tas-CIR 92, li joħloq il-fictio juris li l-ħlas jew allokazzjoni ta’ kapital, valuri ta’ tisrif u tfaddil imsemmija fl-Artikolu 34 tas-CIR 92 iseħħu fil-jum ta’ qabel it-trasferiment tar-residenza jew tal-post prinċipali ta’ assi f’pajjiż barrani, jikkostitwixxi interferenza mhux ġustifikata tal-moviment liberu tal-ħaddiema u tal-libertà ta’ stabbiliment.

56.      Fl-aħħar nett, l-Artikoli 59, 145/1, 145/3, 364a u 364b tas-CIR 92 jippreġudikaw id-dritt ġenerali ta’ movement liberu tal-persuni, irrikonoxxut fl- Artikolu 18 KE.

57.      Fir-risposta tiegħu, il-Gvern Belġjan ma kkontestax espliċitament l-argument tal-Kummissjoni. Fir-rigward ta’ l-Artikolu 364a tas-CIR 92, huwa madankollu spjega fir-risposta tiegħu tat-30 ta’ Mejju 2006, filwaqt li rrefera wkoll għal dan il-punt fir-risposta tiegħu tad-9 ta’ Mejju 2003, li l-Artikolu 364a tas-CIR 92 huwa applikabbli biss fil-każ li l-Belġju ma jkunx iffirma ftehim sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja jew meta dan il-ftehim jagħti lill-Belġju d-dritt li jintaxxa d-dħul, sabiex b’hekk ma jkunx hemm tassazzjoni doppja. Barra minn hekk, il-kapital jiġi intaxxat biss mill-ħin meta attwalment jiġi mħallas jew allokat, bl-istess mod bħal għal persuni taxxabbli residenti. Il-Gvern Belġjan jindika fl-aħħar nett li l-Artikolu 364a tas-CIR 92 ġie fformulat mill-ġdid fl-abbozz ta’ liġi preliminari hawn fuq imsemmi (21) skond kif riedet il-Kummissjoni.

2.      Evalwazzjoni

58.      Fir-rigward tar-restrizzjonijiet dwar il-possibbiltà li jitnaqqsu mit-taxxa l-kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem u l-kontribuzzjonijiet personali għal skemi ta’ pensjoni tax-xogħol fejn l-istituzzjoni ta’ assigurazzjoni tkun stabbilita barra l-Belġju, m’hemm ebda dubju li għandu jiġi kkonstatat ksur ta’ l-Artikoli 39 u 43 KE u tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Ftehim ŻEE. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (22) dawn ir-restrizzjonijiet ixekklu lill-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom milli jmorru fl-Istat Membru in kwistjoni biex jaħdmu, waqt li jżommu l-iskema tal-pensjoni tax-xogħol fl-Istat Membru ta’ oriġini.

59.      L-Artikolu 364a tas-CIR 92 – li jistabbilixxi li, fil-każ ta’ trasferiment ta’ residenza jew tal-post prinċipali ta’ assi f’pajjiż barrani, il-ħlas jew l-allokazzjoni ta’ kapital, valuri ta’ tisrif u tfaddil jitqiesu li jkunu seħħu fil-jum ta’ qabel it-trasferiment – ukoll jikkostitwixxi ostaklu għall-moviment liberu ta’ l-impjegati u l-libertà ta’ stabbiliment ta’ persuni li jaħdmu għal rashom. Dan jinvolvi fictio juris li tippermetti t-tassazzjoni fuq il-bażi tal-qsim ta’ fruntjiera mill-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha in kwistjoni.

60.      Il-kjarifiki li saru mill-Gvern Belġjan, fir-risposta tiegħu tat-30 ta’ Mejju 2006, dwar is-sinjifikat prattiku ta’ din ir-regola ma jippermettux li tintlaħaq konklużjoni differenti, kif jidher mill-informazzjoni mibgħuta, li l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 364a tas-CIR 92 tat lok għall-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali. Jidher illi fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, emenda għall-Artikolu 364a tas-CIR 92 biss tista’ tissalvagwardja d-drittijiet mogħtija mid-dritt Komunitarju, b’mod partikolari fl-Artikoli 39 u 43 KE, lill-individwi kollha.

61.      L-Artikolu 364b tas-CIR 92 jippreġudika wkoll il-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 39 and 43 KE – u mill-Artikoli 28 u 31 tal-Ftehim ŻEE – in kwantu din tissuġġetta għal trattament fiskali żvantaġġuż it-trasferimenti ta’ kapital jew ta’ valuri ta’ tisrif li l-persuni taxxabbli jkunu jixtiequ jagħmlu waqt li jeżerċitaw dawn il-libertajiet.

62.      Fil-każ ta’ l-Artikolu 364a u l-Artikolu 364b tas-CIR 92, dan ir-raġunament jista’ jiġi applikat, mutatis mutandis, fil-kuntest ta’ l-Artikolu 18 KE.

63.      L-ilmenti bbażati fuq ksur ta’ l-Artikoli 18, 39 u 43 KE, u l-Artikoli 28 u 31 tal-Ftehim ŻEE, b’hekk jidhru li huma fondati.

C –    Moviment liberu tal-kapital

1.      Argumenti ewlenin tal-partijiet

64.      Skond il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni wkoll jikkostitwixxu ostakli għall-moviment liberu tal-kapital, kontra l-Artikolu 56 KE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE.

65.      It-trasferimenti tal-prestazzjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni għandhom jitqiesu li huma movimenti ta’ kapital skond l-intestatura X ta’ l-Anness I tad- Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE ta’ l-24 ta’ Ġunju 1988 (23) u l-limitazzjoni tal-possibbiltà ta’ tnaqqis mit-taxxa tal-kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem, u tal-kontribuzzjonijiet personali, f’każijiet fejn il-kontribuzzjonijiet isiru lil korpi stabbiliti fil-Belġju tammonta għal restrizzjoni diskriminatorja tal-moviment liberu tal-kapital.

66.      L-Artikoli 364a u 364b tas-CIR 92 ukoll jikkostitwixxu restrizzjonijiet diskriminatorji tal-moviment liberu tal-kapital.

67.      Il-Gvern Belġjan ma kkontestax l-argumenti tal-Kummissjoni.

2.      Evalwazzjoni

68.      Il-Kummissjoni ġustament tirreferi għan-nomenklatura tad-Direttiva 88/361 għalkemm din m’hijiex applikabbli direttament ratione temporis għall-każ preżenti.

69.      Madankollu jirriżulta li l-allegat preġudizzju għall-moviment liberu tal-kapital joriġina biss indirettament mir-restrizzjonijiet hawn fuq imsemmija ta’ libertajiet fundamentali oħrajn, peress li t-trattament fiskali ta’ kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni, tad-drittijiet tal-benefiċjarji jew ta’ operazzjonijiet għat-trasferiment ta’ kapital jew valuri ta’ tisrif fih innifsu ma waqqafx dawn l-operazzjonijiet. Skond il-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Safir, (24) jiena nikkonferma l-pożizzjoni adottata minni fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka: (25) l-eżistenza ta’ ostaklu għall-moviment liberu tal-kapital tista’ tiġi eskluża meta l-allegata restrizzjoni tirriżulta indirettament minn restrizzjonijiet għal libertajiet fundamentali oħrajn.

70.      F’dan il-kuntest, għaldaqstant m’hemm ebda ksur ta’ l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 56 KE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE.

IV –  Fuq l-Ispejjeż

71.      Wara li ġew eżaminati l-motivi kollha, jirriżulta li l-parti konvenuta għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, peress li dan intalab mill-Kummissjoni. In-nuqqas ta’ ksur ta’ l-Artikolu 56 KE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE ma jbiddilx din il-konklużjoni, fil-fehma tieħi, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kollha tat lok għall-ksur li jiena nipproponi li għandhom jiġu kkonstatati mill-Qorti tal-Ġustizzja u, barra minn hekk, il-Gvern Belġjan ma kkontestax l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 56 KE u/jew l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE.

V –  Konklużjoni

72.      Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

(1)      tiddikjara li:

–        billi jissuġġetta l-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet supplementari ta’ min iħaddem għall-pensjoni u l-assigurazzjoni fuq il-ħajja għall-kundizzjoni, li tinsab fl-Artikolu 59 tas-CIR 92, li l-kontribuzzjonijiet iridu jitħallsu lil impriża ta’ assigurazzjoni jew fond ta’ previdenza stabbiliti fil-Belġju;

–        billi jagħmel it-tnaqqis mit-taxxa ta’ tfaddil fit-tul mogħti taħt l-Artikoli 145/1 u 145/3 tas-CIR 92 għal kontribuzzjonijiet personali għall-pensjoni supplementari u l-assigurazzjoni fuq il-ħajja fil-forma ta’ tnaqqis effettwat minn min iħaddem mis-salarju ta’ l-impjegat suġġett għall-kundizzjoni li l-kontribuzzjonijiet iridu jitħallsu lil impriża ta’ assigurazzjoni jew fond ta’ previdenza stabbilit fil-Belġju;

–        billi jistabbilixxi fl-Artikolu 364a tas-CIR 92 li meta l-kapital, il-valuri ta’ tisrif u t-tfaddil msemmija fl-Artikolu 34 tas-CIR 92 jitħallsu jew jiġu allokati lil persuna taxxabbli li tkun ittrasferixxiet ir-residenza jew il-post ewlieni ta’ assi tagħha f’pajjiż barrani, il-ħlas jew allokazzjoni jitqiesu li jkunu saru fil-jum ta’ qabel dak it-trasferiment u, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 364a, tittratta bl-istess mod bħal allokazzjoni kwalunkwe trasferiment imsemmi fl-Artikolu 34(2)(3), sabiex b’hekk kull kumpannija ta’ assigurazzjoni għandha l-obbligu li żżomm f’ras il-għajn ammonti fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul, skond l-Artikolu 270 tas-CIR 92, minn kapital u valuri ta’ tisrif imħallsa lil persuna mhux residenti li kienet, f’xi mument partikolari, residenti fil-Belġju għal skopijiet ta’ taxxa, kemm-il darba dawk l-ammonti jkunu ġew akkumulati, għal kollox jew in parti, matul il-perijodu meta l-persuna in kwisjoni kienet residenti fil-Belġju għall-finijiet tat-taxxa, minkejja li ftehim bilaterali fiskali ffirmati mill-Belġju jagħtu d-dritt lil Stat Kontraenti ieħor biex jintaxxa dak id-dħul;

–        billi impona taxxa, skond l-Artikolu 364b tas-CIR 92, fuq trasferimenti ta’ kapital jew ta’ valuri ta’ tisrif akkumulati permezz ta’ kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem jew kontribuzzjonijiet personali għal benefiċċji supplementari ta’ l-irtirar, meta t-trasferiment isir mill-fond tal-pensjoni jew l-istituzzjoni ta’ assigurazzjoni li magħhom ikunu ġew akkumulati l-kapital jew valuri ta’ tisrif, favur il-benefiċjarju jew persuni intitolati minnu, lil fond tal-pensjoni jew istituzzjoni ta’ assigurazzjoni oħra stabbiliti barra l-Belġju, waqt li dan it-trasferiment ma jikkostitwixxix tranżazzjoni taxxabbli jekk il-kapital jew valuri ta’ tisrif jiġu ttrasferiti lil fond ta’ pensjoni jew istituzzjoni ta’ assigurazzjoni oħra stabbiliti fil-Belġju;

–        billi li impona rekwiżit, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 224/2a tar-Regolament ġenerali dwar taxxi assimilati mat-taxxa tal-boll, li l-kumpanniji ta’ assigurazzjoni barranin li ma jkollhomx post tan-negozju fil-Belġju jiksbu awtorizzazzjoni, qabel ma jipprovdu s-servizzi tagħhom fil-Belġju, ta’ rappreżentant tat-taxxa residenti fil-Belġju, li jassumi personalment, bil-miktub, ir-responsabbiltà lejn l-Istat għall-ħlas tat-taxxa annwali fuq kuntratti ta’ assigurazzjoni, imgħax u multi li jistgħu jkunu dovuti fuq kuntratti relatati ma’ riskji li jistgħu jseħħu fil-Belġju;

ir-Renju tal-Belġju naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 18, 39, 43 u 49 KE, l-Artikoli 28, 31 u 36 tal-Ftehim ŻEE, u l-Artikoli 4 u 11(2) tad-Direttiva 92/96/KEE ta’ l-10 ta’ Novembru 1992 – wara l-emenda ta’ l-Artikoli 5(1) u 53(2) tad-Direttiva 2002/83/KE tal-5 ta’ Novembru 2002;

(2)      tikkundanna lir-Renju tal-Belġju jbati l-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Direttiva tal-Kunsill 92/96/KEE ta’ l-10 ta’ Novembru 1992 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi relatati ma’ assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja u li temenda d-Direttivi 79/267/KEE u 90/619/KEE (it-tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja) (ĠUL 360, 1992, p. 1).


3 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/83/KE tal-5 ta’ Novembru 2002 dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU L 345, 2002, p. 1).


4 – ĠU C 43, 2000, p. 5.


5 – ĠU L 175, 2001, p. 17.


6 – Kawża C-136/00, Ġabra p. I-8147.


7 – B’risposta għal domanda li saritlu mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Belġjan indika li l-obbligu li jiġi maħtur rappreżentant tat-taxxa kien ġie limitat, sa mill-1 ta’ Jannar 2006, mil-liġi qafas tas-27 ta’ Diċembru 2005, għal impriżi ta’ l-assigurazzjoni li m’humiex stabbiliti fil-Belġju u li l-post prinċipali tan-negozju tagħhom ikun jinsab barra ż-ŻEE.


8 – Kawża C-80/94 Wielockx, Ġabra p. I-2493, punt 16; Kawża C-264/96, ICI, Ġabra p. I‑4695, punt 19; Kawża C-311/97 Royal Bank of Scotland, Ġabra I-2651, punt 19; Kawża C-35/98 Verkooijen, Ġabra p. I-4071, punt 32; u Danner, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 28.


9 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Kummissjoni vs Franza C-381/93, Ġabra p. I-5145, punt 17, u Danner, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 29.


10 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 30, u s-sentenza tat-28 ta’ April 1998, Safir (C-118/96, Ġabra p. I‑1897, punt 23).


11 – Ara l-nota ta’ qiegħ il-paġna 31.


12 – Artikoli 140 et seq., Moniteur belge tat-30 ta’ Diċembru 2005, p. 57315.


13 – Ara per eżempju l-Artikolu 990 I(III) tal-Code Général des Impôts (Kodiċi Fiskali Ġenerali; ‘CGI’) fil-liġi Franċiża, fir-rigward ta’ l-impożizzjoni ta’ taxxa ta’ 20 % fuq somom dovuti lil benefiċjarji ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja wara l-mewt tal-persuna assigurata: ‘L-istituzzjonijiet u l-entitajiet ta’ l-assigurazzjoni li huma meqjusa li m’humiex stabbiliti fi Franza u li huma awtorizzati joffru servizzi hemmhekk taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandhom jaħtru rappreżentant residenti fi Franza li jassumi personalment ir-responsabbiltà għall-ħlas tat-taxxa msemmija fil-punt I.’


14 – Sentenza ta’ l-24 ta’ Marzu 1994 fil-kawża C-275/92 (Schindler, Ġabra p. I-1039, punt 63). Ara wkoll il-komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni “Libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-ġid komuni fis-settur ta’ l-assigurazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (COM 2000/C 43/03, ĠU C 43, 2000, pġ. 5), Taqsima II(2)(b). Ara wkoll, fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital, l-Artikolu 58(1)(b) KE.


15 – Ara f’dan is-sens il-komunikazzjoni interpretattiva ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, Taqsima II(2)(c): “Meta r-restrizzjoni in kwistjoni tkun diskriminatorja, jiġifieri meta Stat Membru jimponi fuq impriża ta’ l-assigurazzjoni Komunitarja miżuri li m’humiex imposti jew imposti b’mod aktar vantaġġuż fuq l-impriżi ta’ l-assigurazzjoni tiegħu, din tista’ tiġi ġġustifikata biss fuq il-bażi ta’ l-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 46 tat-Trattat (politika pubblika, sigurtà pubblika u saħħa pubblika).”


16 – Ara b’mod partikolari s-sentenza ta’ l-14 ta’ Frar 1995, Schumacker, (C-279/93,Ġabra p. I-225, punti 31 u 32), u tat-12 ta’ Ġunju 2003, Gerritse (C-234/01, Ġabra p. I-5933, punt 43).


17 – B’differenza mit-taxxa msemmija fl-Artikolu 990 I tas-CGI, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13.


18 – Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (ĠU L 336, 1977, p. 15).


19 – Direttiva tal-Kunsill 2003/93/KE tas-7 ta’ Ottubru 2003, li temenda d-Direttiva 77/799/KEE dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u indiretta (ĠU L 264, 2003, p. 23).


20 – Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi kkontestat li jeżistu oqsma armonizzati fejn id-dritt Komunitarju jippermetti lill-Istati Membri jeżiġu l-ħatra ta’ rappreżentant tat-taxxa, per eżempju fil-qasam tat-taxxa tas-sisa (Artikolu 10(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti dwar l-arranġamenti ġenerali għal prodotti suġġetti għat-taxxa tas-sisa u ż-żamma, il-moviment u s-sorveljanza ta’ dawn il-prodotti, ĠU L 76, 1992, p. 1) u fil-qasam tal-VAT (Direttiva tal-Kunsill 2000/65/KE tas-17 ta’ Ottubru 2000 li temenda d-Direttiva 77/388/KEE fir-rigward tad-determinazzjoni tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 269, 2000, pġ. 44).


21 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 31.


22 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi ta’ l-1 ta’ Ġunju 2006 fil-Kawża pendenti C-150/04, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata.


23 – … għall-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 67 tat-Trattat (ĠU L 178, 1988, p. 5).


24 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 17.


25 – Ara b’mod partikolari l-punti 49 sa 53.