Language of document : ECLI:EU:C:2012:246

Kawżi magħquda C-578/10 sa C-580/10

Staatssecretaris van Financiën

vs

L. A. C. van Putten et

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)

“Artikoli 18 KE u 56 KE — Vetturi bil-mutur — Użu fi Stat Membru ta’ vettura bil-mutur privata mislufa li hija rreġistrata fi Stat Membru ieħor — Tassazzjoni ta’ din il-vettura fl-ewwel Stat Membru meta tintuża għall-ewwel darba fin-netwerk nazzjonali tat-toroq”

Sommarju tas-sentenza

1.        Moviment liberu tal-kapital — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Kamp ta’ applikazzjoni

(Artikolu 56 KE; Direttiva tal-Kunsill 88/361, Anness I)

2.        Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali

(Artikolu 56 KE)

1.        Is-self għal użu transkonfinali, mingħajr ħlas, ta’ vettura bil-mutur jikkostitwixxi moviment tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56.

Fil-fatt, qabel xejn, is-“Self” jaqa’ taħt it-Titolu XI tal-Anness I tad-Direttiva 88/361 għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat, mingħajr ma hija meħtieġa preċiżazzjoni dwar in-natura oneruża jew mingħajr ħlas ta’ dan is-self jew dwar l-għan partikolari tiegħu. Sussegwentement, sabiex jiġi ddeterminat jekk it-trattament fiskali minn Stat Membru ta’ ċerti tranżazzjonijiet jaqax taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-kapital, ma hemmx għalfejn issir id-distinzjoni bejn it-tranżazzjonijiet imwettqa bi flus u dawk imwettqa in natura. Fl-aħħar nett, mill-fatt li fit-titolu msemmi iktar ’il fuq huma inklużi l-wirt u l-legati jirriżulta li n-natura mingħajr ħlas ta’ tranżazzjoni ma tipprekludix, fiha nfisha, il-kwalifika tagħha bħala moviment tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56 KE. Barra minn hekk, it-tqegħid għad-dispożizzjoni mingħajr ħlas ta’ vettura bil-mutur għall-finijiet tal-użu tagħha jikkostitwixxi vantaġġ li jirrappreżenta valur ekonomiku partikolari, li jikkorrispondi għall-ispejjeż tal-użu ta’ vettura bil-mutur tal-kiri tal-istess tip u għall-istess tul ta’ żmien.

(ara l-punti 32-36)

2.        L-Artikolu 56 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq ir-residenti tiegħu li jkunu ssellfu vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor mingħand resident ta’ dan tal-aħħar, mal-ewwel użu ta’ din il-vettura fin-netwerk nazzjonali tat-toroq, il-ħlas tat-taxxa kollha, normalment dovuta mar-reġistrazzjoni ta’ vettura fl-ewwel Stat Membru, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-użu tal-imsemmija vettura f’dan in-netwerk tat-toroq u mingħajr ma din il-persuna tkun tista’ tinvoka ebda dritt għal eżenzjoni jew għal rimbors meta din il-vettura la tkun intiża sabiex tintuża essenzjalment fl-ewwel Stat Membru b’mod permanenti u lanqas, fil-fatt ma tintuża b’dan il-mod.

Jekk il-vetturi mhux irreġistrati fi Stat Membru jkunu intiżi sabiex jintużaw essenzjalment fit-territorju tiegħu b’mod permanenti jew jekk ikunu, fil-fatt, użati b’dan il-mod, ma tkun teżisti verament differenza fit-trattament bejn il-persuna residenti f’dan l-istat u li tuża mingħajr ħlas tali vettura u l-persuna li tuża, fl-istess kundizzjonijiet, vettura rreġistrata f’dan l-istess Stat Membru u li għalhekk kienet suġġetta għat-taxxa fil-mument tar-reġistrazzjoni tagħha. Għalhekk, il-ħtieġa ta’ taxxa, mal-ewwel użu fin-netwerk nazzjonali tat-toroq fl-Istat Membru kkonċernat ta’ vetturi mhux irreġistrati f’dan l-Istat tkun iġġustifikata, bħat-taxxa dovuta mar-reġistrazzjoni tal-vetturi fl-imsemmi Stat. Min-naħa l-oħra, jekk il-vetturi ma jkunux intiżi sabiex jintużaw essenzjalment b’mod permanenti jew, fil-fatt, ma jkunux użati b’dan il-mod, tkun teżisti verament differenza fit-trattament bejn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni u l-impożizzjoni inkwistjoni ma tkunx iġġustifikata. Fil-fatt, f’tali kundizzjonijiet, ir-rabta tal-imsemmija vetturi mat-territorju tal-Istat Membru ma tkunx biżżejjed sabiex tiġi ġġustifikata l-impożizzjoni ta’ taxxa normalment dovuta fil-mument tar-reġistrazzjoni ta’ vettura f’dan l-istat.

(ara l-punti 50-52, 56 u d-dispożittiv)