Language of document :

Appell ippreżentat fil-5 ta’ Marzu 2018 mir-Repubblika tal-Polonja mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fl-1 ta’ Diċembru 2017 fil-Kawża T-849/16, PGNiG Supply & Trading vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-181/18 P)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna)

Parti oħra fil-proċedura: PGNiG Supply & Trading GmbH, il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tal-14 ta’ Diċembru 2017, PGNiG Supply & Trading vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-849/16;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lil kull parti tħallas l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament ta’ PGNiG Supply & Trading tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 6950 finali tat-28 ta’ Ottubru 2016 dwar ir-reviżjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni tal-pipeline tal-gass OPAL, mogħtija mid-Direttiva 2003/55/KE, għar-regoli relatati mal-aċċess minn terzi u mar-regolamentazzjoni tariffarji, fejn iddeċidiet li ma għandhiex locus standi.

Fil-fehma tar-Repubblika tal-Polonja, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat simultanjament fil-punti 6, 10, 11 u 43 tad-digriet appellat tagħha, konstatazzjonijiet fuq il-mertu tat-tilwima li kienet tikkonċerna l-validità tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni. B’konnessjoni ma’ dan, ir-Repubblika tal-Polonja tippreżenta l-aggravji li ġejjin li jikkonċernaw id-digriet appellat.

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 130(1) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura, kif ukoll kisret id-drittijiet tar-Repubblika tal-Polonja għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u għal dritt għal smigħ xieraq iggarantiti mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll kisret il-prinċipju ta’ kontradittorju, peress li fid-digriet appellat tagħha għamlet konstatazzjonijiet fattwali u legali dwar il-mertu, rigward il-validità tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni, qabel ma setgħet tagħti deċiżjoni dwar il-mertu fil-proċedura fil-Kawża T-883/16, Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Kummissjoni.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-evalwazzjoni ġuridika tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni, peress li kkunsidrat li din id-deċiżjoni kienet tipprevedi li 50 % tal-kapaċitajiet tal-pipeline tal-gass OPAL bejn Greifswald u Brandov kienu suġġetti għal aċċess minn terzi permezz ta’ bejgħ b’irkant trasparenti u mhux diskriminatorju, sabiex persuni oħra jkunu jistgħu jiksbu dawn il-kapaċitajiet, u fost l-oħrajn, sabiex id-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni ma twassal għal ebda eżenzjoni supplimentari, iżda bil-kontra tannulla eżenzjoni eżistenti. Skont ir-Repubblika tal-Polonja l-evalwazzjoni tan-natura ġuridika u effettiva tad-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata, peress li din id-deċiżjoni sempliċement apparentement tintroduċi soluzzjonijiet ippreżentati bħala trasparenti u mhux diskriminatorji. Effettivament, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tapplika mekkaniżmu li jippermetti impriżi mill-grupp Gazprom li jkollhom l-użu esklużiv ta’ mill-inqas 90 % tal-kapaċitajiet tal-pipeline tal-gass OPAL (50 % minn dawn il-kapaċitajiet huma kompletament eżenti mir-rekwiżiti għal aċċess minn terzi, waqt li 40 % minn dawn il-kapaċitajiet huma dinamiċi u relatati, li Gazprom biss tista’ tirriżerva).

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu li timmotiva b’mod xieraq id-digriet appellat. Hija ma spjegatx fuq liema premessi kienet wettqet il-konstatazzjonijiet dwar il-mertu fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni. Konsegwentement, ma huwiex possibbli li jsiru magħrufa r-raġunijiet li minħabba fihom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kapaċitajiet tal-pipeline tal-gass OPAL kienu aċċessibbli għal impriżi li ma kinux konnessi mal-grupp Gazprom, u li ser ikollu effett pożittiv fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-gass naturali.

____________