Language of document : ECLI:EU:C:2014:65

KONKLUŻJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI

Sharpston

mogħtija fis-6 ta’ Frar 2014 (1)

Kawża C‑398/12

Procura della Repubblica

vs

M

[talba għal deċiżjoni preliminari mit-Tribunale di Fermo (l-Italja)]

“Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen (KIFS) — Prinċipju ta’ ne bis in idem — Deċiżjoni wara smigħ preliminari li ‘ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri’ li tipprojbixxi prosekuzzjoni ulterjuri tal-istess persuna għall-istess fatti u/jew provi — Deċiżjoni suġġetta għall-possibbiltà li jkun hemm provi oħra — Prosekuzzjoni kriminali fi Stat Membru ieħor għal reat li joriġina mill-istess fatti”





1.        Wara investigazzjoni kriminali dettaljata, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru partikolari (il-Belġju) ċaħdu talba biex il-persuna investigata tintbagħat biex tiġi ġġudikata u minflok ikkonkludew li ma kienx hemm lok li jinfetħu proċeduri (2). Dik id-deċiżjoni effettivament waqqfet kwalunkwe prosekuzzjoni (li seta’ kien hemm) qabel ma saret kawża, iżda din setgħet, skont id-dritt nazzjonali, tkun annullata jekk ikun hemm fatti u/jew provi ġodda kontra l-persuna kkonċernata. Bit-talba tiegħu għal deċiżjoni preliminari, it-Tribunale di Fermo (il-Qorti tad-Distrett ta’ Fermo) (l-Italja) jixtieq ikun jaf jekk, skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen (iktar ’il quddiem il-“KIFS” (3)), il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprekludi li dik il-persuna titressaq quddiem qrati kriminali ta’ Stat Membru ieħor għal reat li jirriżulta mill-istess fatti.

 Il-kuntest legali

 Id-dritt tal-UE

2.        L-Artikolu 3(2) TUE jipprovdi li:

“L-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda l-kontrolli tal-fruntieri esterni, l-asil, l-immigrazzjoni kif ukoll il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha.ˮ

3.        L-Artikolu 67(1) TFUE jgħid li:

“L-Unjoni għandha tikkonsisti fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja b’rispett għad-drittijiet fundamentali u s-sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti ta’ l-Istati Membri.ˮ

4.        Skont it-tieni premessa tal-Protokoll Nru 19 TFUE (4), il-Partijiet Kontraenti jixtiequ li jippreżervaw l-acquis ta’ Schengen u “jiżviluppaw dan l-acquis sabiex jikkontribwixxu għall-kisba ta’ l-objettiv li ċ-ċittadini jkollhom spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interniˮ.

5.        Skont l-Artikolu 2 ta’ dak il-Protokoll, l-acquis ta’ Schengen, li jinkludi l-KIFS (5), għandu japplika għall-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1 tal-Protokoll. Dawn jinkludu r-Renju tal-Belġju u r-Repubblika Taljana.

6.        Il-Kapitolu 3 tat-Titolu III tal-KIFS (“Pulizija u Sigurtà”) iġib l-isem “Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem” u jinkludi l-Artikoli 54 sa 58.

7.        L-Artikolu 54 jgħid:

“Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.”

8.        L-Artikolu 57 jistabbilixxi regoli biex ikun żgurat li l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet Kontraenti jikkooperaw biex jiskambjaw informazzjoni biex jimplementaw il-prinċipju ta’ ne bis in idem.

9.        L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jgħid:

“L-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.”

10.      L-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (6) jgħidu, fir-rigward tal-Artikolu 50, li “ir-regola non bis in idem tapplika mhux biss fil-ġurisdizzjoni ta’ Stat wieħed iżda wkoll bejn il-ġurisdizzjonijiet ta’ diversi Stati Membri. Dan jikkorrispondi ma’ l-acquis fid-dritt ta’ l-Unjoni; ara l-Artikoli 54 sa 58 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen […] Fir-rigward tas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru. 7 [tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-‘KEDB’)], jiġifieri l-applikazzjoni tal-prinċipju fl-istess Stat Membru, id-dritt li huwa ggarantit għandu l-istess sens u l-istess ambitu bħad-dritt korrispondenti fil-KEDB.”

 Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

11.      L-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB jipprovdi:

“(1)      Ħadd ma jista’ jkun ipproċessat jew jerġa’ jiġi kkastigat għal darb’oħra fi proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istess Stat għal xi reat li dwaru jkun diġà ġie finalment liberat jew misjub ħati skond il-liġi u l-proċedura penali ta’ dak l-Istat.

(2)      Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma għandhomx iżommu milli l-każ jerġa’ jinfetaħ skont il-liġi u l-proċcedura penali ta’ l-Istat in kwistjoni, jekk ikun hemm provi ta’ xi fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelati, jew inkella jekk ikun ħemm xi vizzju fondamentali fil-proċedimenti ta’ qabel, li jista’ jkollhom effett fuq kif jiżvolġi l-każ.”

12.      Ir-Rapport ta’ Spjegazzjoni (7) tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB jgħid, b’rabta mal-Artikolu 4:

“(29) Il-prinċipju stabbilit f’din id-dispożizzjoni japplika biss wara li l-persuna tkun ġiet illiberata jew misjuba ħatja skont il-liġi u l-proċedura penali tal-Istat inkwistjoni. Dan ifisser li kellu jkun hemm deċiżjoni finali kif iddefinit hawn fuq, fil-paragrafu 22 [(8)].

(30)      Każ, iżda, jista’ jerġa’ jinfetaħ skont il-liġi tal-Istat inkwistjoni jekk ikun hemm provi ta’ xi fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelati, jew jekk ikun jidher li kien hemm xi difett fundamentali fil-proċeduri, li seta’ jkollu effett fuq kif żvolġa l-każ favur il-persuna jew bi ħsara għaliha.

(31)      Il-kliem ‘fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelati’ jinkludu mezzi ġodda ta’ prova b’rabta ma’ fatti li kienu jeżistu qabel. Barra minn hekk, dan l-Artikolu ma jipprekludix ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri favur il-persuna misjuba ħatja jew kull tibdil ieħor fis-sentenza għall-benefiċċju tal-persuna misjuba ħatja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13.      Skont id-definizzjoni li hemm fir-Rapport ta’ Spjegazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Validità Internazzjonali ta’ Sentenzi Kriminali (9), deċiżjoni tkun finali “jekk, skont l-espressjoni tradizzjonali, tkun kisbet il-qawwa ta’ res judicata. Dan huwa l-każ meta d-deċiżjoni tkun irrevokabbli, jiġifieri meta ma jkun hemm ebda rimedji ordinarji oħra jew meta l-partijiet ikunu eżawrew tali rimedji jew ikunu ħallew it-terminu jiskadi mingħajr ma jkunu użawhom”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt nazzjonali

 Id-dritt Belġjan

14.      L-Artikolu 128 tal-Code d’instruction criminelle Belġjan (il-Kodiċi ta’ Investigazzjoni Kriminali: iktar ’il quddiem il-“KIK”) jgħid li meta ssir talba għal persuna li tkun investigata biex tintbagħat biex titqiegħed taħt att ta’ akkuża, “Jekk l-awla ta’ smigħ preliminari [Chambre de Conseil] tikkonkludi li l-fatti ma juru ebda delitt, reat jew kontravenzjoni, jew li ma hemmx fatti u/jew provi kontra l-akkużat, hija għandha tiddikjara li l-proċeduri ma għandhomx jissoktaw”.

Dan huwa magħruf bħala deċiżjoni li “ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri”.

15.      L-Artikolu 246 tal-KIK jgħid:

“Meta l-awla tal-att tal-akkuża [Chambre de mises en accusation] tkun iddeċidiet li ma jkunx hemm lok li l-każ jintbagħat għal kawża kriminali, l-akkużat jista’ ma jiġix iġġudikat sussegwentement abbażi tal-istess fatti, sakemm ma jkunx hemm fatti u/jew provi ġodda.”

16.      L-Artikolu 247 tal-KIK jgħid:

“Dikjarazzjonijiet ta’ xhieda, dokumenti u proċessi verbal li ma kinux possibbli li jkunu sottomessi għal eżami mil-awla tal-att tal-akkuża, u li jkunu jistgħu jew isaħħu l-provi li l-awla tal-att tal-akkuża tkun sabet dgħajfin wisq, jew li jippreżentaw il-fatti b’modi ġodda li jkunu utli biex tkun stabbilita l-verità, jitqiesu bħala fatti u/jew provi ġodda.”

17.      Il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tal-Belġju rriteniet (10) li l-Artikoli 246 u 247 tal-KIK japplikaw mhux biss għal deċiżjonijiet tal-awla tal-att tal-akkuża li jipprovdu li l-każ ma jitkompliex f’kawża kriminali, iżda wkoll għall-istanzi kollha li fihom qrati tal-istruttorja, inkluża l-awla ta’ smigħ preliminari msemmija fl-Artikolu 128 tal-KIK, ikunu għalqu investigazzjoni b’deċiżjoni li ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri.

18.      Jekk jiġu żvelati fatti u/jew provi ġodda, l-Artikolu 248 tal-KIK jitlob li l-uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja rilevanti jew il-maġistrat inkwirenti jibagħtu kopji tad-dokumenti u/jew tal-materjal ta’ provi minnufih lill-avukat ġenerali quddiem il-qorti tal-appell, li jista’ jitlob lill-president tal-awla tal-att tal-akkuża biex jaħtar l-imħallef li quddiemu jkollha ssir istruttorja ġdida fuq talba tal-uffiċċju tal-prosekuzzjoni (11).

 Id-dritt Taljan

19.      L-Artikolu 604 tal-Kodiċi Kriminali jgħid li atti ta’ vjolenza sesswali mwettqa minn ċittadini Taljani jistgħu jinġiebu quddiem qorti kriminali fl-Italja anki jekk ikunu twettqu barra l-pajjiż.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domanda preliminari

20.      M, ċittadin Taljan li għandu r-residenza tiegħu fil-Belġju, kien investigat fil-Belġju b’rabta ma’ allegazzjonijiet ta’ diversi atti ta’ vjolenza sesswali jew, fi kwalunkwe każ, atti illegali ta’ natura sesswali, wara sensiela ta’ rapporti magħmulin fil-bidu tal-2004 minn Q, il-mara ta’ ibnu. Kien allegat li bejn Mejju 2001 u Frar 2004, M kien wettaq dawk l-atti fil-Belġju kontra n-neputija tiegħu, N, tifla minuri (imwielda fid-29 ta’ April 1999).

21.      Il-pulizija Belġjana għamlet investigazzjoni estensiva li matulha ġabret għadd kbir ta’ dokumenti, interrogat għadd ta’ persuni, inkluża N, u kisbet għadd ta’ rapporti ta’ esperti. Il-kwistjonijiet koperti mir-rapporti ta’ esperti kienu jinkludu: jekk il-minuri N ġarrbitx sinjali fiżiċi u/jew psikoloġiċi tal-vjolenza rrapportata; jekk min għamel l-ilment, Q, setgħetx titqies affidabbli; u jekk M kellux diżordni ta’ personalità fir-rigward tas-sess.

22.      Wara dik l-investigazzjoni, fil-15 ta’ Diċembru 2008 l-awla tas-smigħ preliminari tat-Tribunal de première instance de Mons (il-Qorti tal-ewwel istanza ta’ Mons) iddeċidiet li ma kienx hemm lok li jinfetħu proċeduri u temmet il-proċeduri kriminali, minflok ma rreferiet il-każ lill-qorti tal-kawża. Hija għamlet hekk għaliex ma kienx hemm fatti u/jew provi biżżejjed biex isostnu l-akkużi magħmulin kontra M.

23.      Fil-21 ta’ April 2009, l-awla tal-att tal-akkuża tal-Cour d’appel de Mons (il-Qorti tal-Appell ta’ Mons) ikkonfermat id-deċiżjoni li ma kienx hemm lok li jinfetħu proċeduri. Din is-sentenza mbagħad kienet ikkonfermata mill-Cour de cassation b’sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009. Dik id-deċiżjoni kkonkludiet definittivament il-proċeduri fil-Belġju, suġġetti biss għall-possibbiltà li jkun hemm fatti u/jew provi ġodda (kif previst mill-Artikoli 246 u 247 tal-KIK).

24.      Sadattant, wara li kien sar rapport minn Q lill-pulizija Taljana fit‑23 ta’ Novembru 2006, kienu nfetħu proċeduri kriminali kontra M fl-Italja fit-Tribunale di Fermo, li kienu msejsin fuq l-istess fatti li kienu taw bidu għall-investigazzjoni fil-Belġju. Wara saret investigazzjoni estensiva li essenzjalment kopriet l-istess motivi bħal tal-investigazzjoni li kienet qed issir fl-istess żmien fil-Belġju. Fid-19 ta’ Diċembru 2008 (jiġifieri erbat ijiem wara li l-awla tas-smigħ preliminari tat-Tribunal de première instance de Mons kienet ikkonkludiet li ma kienx hemm lok li jinfetħu proċeduri, il-maġistrat inkwirenti tat-Tribunale di Fermo bagħat lil M biex ikun iġġudikat mill-formazzjoni kulleġġjali ta’ dik il-qorti.

25.      Waqt is-smigħ li sar fid-9 ta’ Diċembru 2009 quddiem it-Tribunale di Fermo, M issottometta li huwa kien intitolat jinvoka l-prinċipju ta’ ne bis in idem minħabba s-sentenza tal-ġimgħa ta’ qabel (tat-2 ta’ Diċembru 2009) tal-Cour de cassation Belġjana, li kienet ġabet fi tmiemhom l-istess proċeduri fil-Belġju.

26.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Fermo (l-Italja) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda li ġejja:

“Sentenza definittiva li ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri mogħtija minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, firmatarju tal-KIFS [Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen], wara kumpilazzjoni twila fil-kuntest ta’ investigazzjoni magħmula fil-kuntast ta’ proċedura li tista’ tkun is-suġġett ta’ ftuħ mill-ġdid fil-każ ta’ produzzjoni ta’ provi ġodda, tipprekludi l-ftuħ jew l-iżvolġiment ta’ proċeduri dwar l-istess fatti u fil-konfront tal-istess persuna fi Stat Membru ieħor?ˮ

27.      Kienu sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub minn Q, mill-Gvern tal-Awstrija, tal-Belġju, tal-Ġermanja, tal-Italja, tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Polonja u tal-Isvizzera u mill-Kummissjoni. Fis-smigħ li sar fit-12 ta’ Settembru 2013, Q, il-Gvern tal-Ġermanja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Polonja kif ukoll il-Kummissjoni kienu rrappreżentati u għamlu sottomissjonijiet orali.

 Evalwazzjoni

28.      Ir-risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju tiddependi mill-interpretazzjoni tal-frażi “inqata b’mod finaliˮ fl-Artikolu 54 tal-KIFS. Deċiżjoni li ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri, bħal dik mogħtija fil-proċeduri Belġjani, taqta’ b’mod finali l-kawża kontra l-persuna biex imbagħad japplika l-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 54?

29.      Il-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 54 tal-KIFS u l-prinċipju ta’ ne bis in idem (12), dwar deċiżjonijiet li jtemmu proċeduri kriminali meħudin kemm qabel kif ukoll wara kawża, ma tagħtix tweġiba inekwivoka għal dik il-kwistjoni.

30.      Meta d-deċiżjoni tiġi wara kawża, il-ġurisprudenza tistabbilixxi li ne bis in idem japplika kemm jekk l-akkużat ikun illiberat kif ukoll jekk ikun instab ħati. Dak huwa minnu għal verdett ta’ ħtija milħuq wara kawża li tkun saret in absentia (minkejja obbligu skont id-dritt nazzjonali li jkunu istitwiti proċeduri ġodda jekk il-persuna tkun wara ġiet arrestata (13)) u għal liberazzjoni minħabba nuqqas ta’ provi wara kawża sħiħa (14). Fl-aħħar każ, il-Qorti tal-Ġustizzja espressament ċaħdet li tiddeċiedi l-kwistjoni ġenerali dwar jekk liberazzjoni li ma kinitx imsejsa fuq id-determinazzjoni tal-merti tal-każ setgħetx tagħti lok għall-Artikolu 54 tal-KIFS. Hija sempliċement ikkonfermat li liberazzjoni minħabba nuqqas ta’ provi “hija bbażata fuq tali evalwazzjoniˮ u għalhekk japplika l-prinċipju ta’ ne bis in idem fl-Artikolu 54 tal-KIFS (15).

31.      Meta d-deċiżjoni tittieħed qabel ma tintemm il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet approċċ liberali. Il-prinċipju ta’ ne bis in idem japplika meta — mingħajr ma jkollha x’taqsam qorti — il-prosekutur pubbliku jwaqqaf il-proċeduri kontra l-akkużat li jkun qabel li jħallas multi fir-rigward tal-imġiba tiegħu (16). Il-Qorti tal-Ġustizzja hemmhekk identifikat l-objettiv tal-Artikolu 54 tal-KIFS bħala wieħed “li jiġi evitat li persuna, minħabba l-fatt li din teżerċita d-dritt tagħha taċ-ċirkolazzjoni libera, tkun sottomessa għal proċedimenti penali għall-istess fatti fuq territorju ta’ diversi Stati Membriˮ u għaddiet biex issostni li, biex jinkiseb b’mod sħiħ dak l-objettiv, l-Artikolu 54 kellu japplika “wkoll għal deċiżjonijiet li jwaqqfu definittivament proċedimenti kriminali fi Stat Membru, għalkemm dawn ġew adottati mingħajr l-intervent qorti u ma jiħdux il-forma ta’ sentenzaˮ (17).

32.      Il-prinċipju ta’ ne bis in idem japplika wkoll meta l-prosekuzzjoni “fl-ewwelˮ Stat Membru ma tintlaqax minħabba preskrizzjoni (18) minkejja li l-liġijiet tal-Istati Kontraenti dwar it-termini ta’ preskrizzjoni ma jkunux ġew armonizzati, bir-riżultat li prosekuzzjoni tista’ ma tkunx preskritta “fit-tieniˮ Stat Membru. (Is-sottomissjoni tal-Kummissjoni f’dan il-każ — li deċiżjoni biss li tkun ittieħdet wara kawża li tkun illiberat l-akkużat minħabba nuqqas ta’ provi għandha tagħti lok għall-applikazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KIFS — jidhirli li ma treġix fid-dawl ta’ dik is-sentenza (19)). Il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet fis-sentenza Gasparini et li l-prinċipju ta’ ne bis in idem neċessarjament jimplika li l-Istati Kontraenti jkollhom fiduċja reċiproka fis-sistemi tagħhom tal-ġustizzja kriminali u li konsegwentement, kull Stat jirrikonoxxi l-liġi kriminali fis-seħħ fl-Istati Kontraenti l-oħra wkoll meta r-riżultat ikun differenti kieku kellu jkun applikat id-dritt nazzjonali tiegħu stess (20).

33.      B’kuntrast, fis-sentenza Miraglia (21) il-proċeduri kriminali fil-Pajjiżi l-Baxxi twaqqfu minħabba li kien hemm proċeduri kontra l-istess akkużat fl-Italja dwar l-istess fatti. Id-deċiżjoni li ordnat li l-proċeduri jitwaqqfu pprekludiet kwalunkwe prosekuzzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi dwar l-istess atti kriminali u kwalunkwe kooperazzjoni ġudizzjarja ma’ awtoritajiet barranin, sakemm ma jkunx hemm provi ġodda (22). Il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li deċiżjoni ġudizzjarja bħal din, li kienet ittieħdet mingħajr ma kien stabbilit xejn dwar il-merti tal-każ, ma setgħetx tikkostitwixxi deċiżjoni finali li tagħlaq il-każ kontra dik il-persuna skont it-tifsira tal-Artikolu 54 tal-KIFS biex ma titħalliex issir il-prosekuzzjoni fl-Italja (23). Jekk id-deċiżjoni Olandiża (meħuda preċiżament għax kien hemm proċeduri għaddejjin fl-Italja) tqieset li kienet biżżejjed biex tagħti lok għal ne bis in idem, din setgħet “tirrendi aktar diffiċli, jew li tostakola kull possibbiltà konkreta li tipprojbixxi fl-Istati Membri konċernati l-imġiba illeċita li tagħha huwa akkużat il-konvenut (24)”. Il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, saħqet dwar l-importanza li jkun żgurat il-moviment liberu tal-persuni flimkien maż-żamma ta’ miżuri adatti dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità (25) (li, kif jingħad fl-Artikolu 3(2) TUE), huwa l-għan tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V li jistabbilixxi żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja).

34.      Fis-sentenza Turanský (26), kienet ittieħdet deċiżjoni li ordnat is-sospensjoni tal-proċeduri kriminali qabel ma l-akkużat kien mixli. Skont id-dritt nazzjonali, dik id-deċiżjoni ma kinitx tipprekludi milli jkunu istitwiti proċeduri kriminali ġodda dwar l-istess atti. Il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li d-deċiżjoni ta’ sospensjoni ma kinitx “[qatgħet] b’mod finaliˮ l-kawża biex tagħti lok għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem (27). Il-Qorti tal-Ġustizzja hemmhekk stabbilixxiet “it-test Turanskýˮ dwar jekk kawża tkunx “[inqatgħet] b’mod finaliˮ. Id-deċiżjoni “għandha ttemm [...] il-proċeduri kriminali u ġġib magħha l-estinzjoni tal-azzjoni kriminali b’mod finaliˮ (28) u “għandu preliminarjament jiġi vverifikat, [...] li d-dritt nazzjonali tal-Istat kontraenti li l-awtoritajiet tiegħu ħadu d-deċiżjoni inkwistjoni jikkunsidra li din tal-aħħar hija finali u vinkolanti, u jiġi żgurat li hija tagħti lok, f’dan l-Istat, għall-protezzjoni mogħtija mill-prinċipju ta’ ne bis in idemˮ (29). Dak it-test kien approvat u applikat fis-sentenza Mantello (kawża dwar mandat ta’ arrest Ewropew (30)).

35.      F’termini ġenerali, l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja s’issa jidhirli li mhux differenti minn dak tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem b’rabta mal-Artikolu 4(1) tal-Protokoll 7 tal-KEDB. Il-garanzija skont dak l-Artikolu “issir rilevanti [...] meta liberazzjoni jew kundanna preċedenti jkunu diġà kisbu l-qawwa ta’ res judicataˮ (31). [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Kif ir-Rapport ta’ Spjegazzjoni rilevanti għal dak il-Protokoll ikompli jiċċara, “dan hu l-każ meta d-deċiżjoni tkun irrevokabbli, jiġifieri meta ma jkun hemm ebda rimedji ordinarji oħra jew meta l-partijiet ikunu eżawrew tali rimedji jew ikunu ħallew it-terminu jiskadi mingħajr ma jkunu użawhˮ (32). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

36.      Il-formulazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fl-Artikolu 50 tal-Karta jirrifletti dak li hemm fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7. L-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta jgħidu li l-Artikolu 50 japplika “mhux biss fil-ġurisdizzjoni ta’ Stat wieħed iżda wkoll bejn il-ġurisdizzjonijiet ta’ diversi Stati Membriˮ, u jżid li “[f]ir-rigward tas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7, jiġifieri l-applikazzjoni tal-prinċipju fl-istess Stat Membru, id-dritt li huwa ggarantit għandu l-istess sens u l-istess ambitu bħad-dritt korrispondenti fil-KEDBˮ.

 Id-deċiżjoni li “ma hemmx lok li jinfetħu proċeduriˮ qatgħet b’mod finali l-kawża ta’ M fil-Belġju?

37.      Ordinarjament il-qrati tal-Istat Membru li fihom it-talba ta’ ne bis in idem titqajjem (f’dan il-każ l-Italja) ikollhom jiddeċiedu dwar dik il-kwistjoni abbażi tal-informazzjoni u għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 57 tal-KIFS mill-Istat Membru li fih id-deċiżjoni, invokata biex tagħti lok għal dak il-prinċipju, tkun ingħatat (f’dan il-każ il-Belġju (33)). It-test li għandu jkun applikat huwa dak stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Turanský (34). Bħal fil-każ preżenti, il-qorti nazzjonali tista’, jekk ikun meħtieġ, iddur fuq din il-qorti għal iktar għajnuna billi titlobha deċiżjoni preliminari.

38.      Jidher mid-digriet tar-rinviju li l-effett skont il-liġi Belġjana tad-deċiżjoni tal-Cour de cassation tat-2 ta’ Diċembru 2009 huwa li ma jistax ikun hemm prosekuzzjoni ulterjuri tal-akkużat dwar l-istess fatti. Il-prosekuzzjoni ma kinitx “sospiżaˮ informalment; iżda twaqqfet formalment milli tissokta. Huwa minnu li jistgħu jinfetħu proċeduri wara deċiżjoni li “ma hemm lok li jinfetħu proċeduriˮ meta jsiru disponibbli fatti u/jew provi ġodda; imma l-possibbiltà hija ċirkoskritta. Il-fatti u/jew materjal ta’ provi l-ġodda għandhom ikunu jistgħu jew isaħħu l-provi li l-awla tal-att tal-akkuża (jew, bħal f’dan il-każ, l-awla tas-smigħ preliminari) tkun sabet li kienu wisq dgħajfa jew li jippreżentaw il-fatti b’modi ġodda li jkunu utli biex tkun stabbilita l-verità (l-Artikolu 247 tal-KIK). Il-proċeduri jistgħu jinfetħu biss meta jitlob il-prosekutur pubbliku, li għandu diskrezzjoni dwar jekk jagħmilx jew le talba bħal dan (l-Artikolu 248 tal-KIK (35)). Jidhirli li parti ċivili ma tistax iġġiegħel lill-prosekutur pubbliku jipprova jerġa’ jiftaħ il-proċeduri kriminali jew jibda prosekuzzjoni privata msejsa fuq il-fatti u/jew provi eżaminati meta jkun instab li “ma hemmx lok li jinfetħu proċeduriˮ. F’dan il-każ, kienet segwita l-proċedura ordinarja għal appelli b’rabta ma’ dak li kien instab u l-proċedura kienet eżawrita bid-deċiżjoni tal-Cour de cassation. Id-deċiżjoni tal-awla tas-smigħ preliminari tat-Tribunal de première instance ta’ Mons, b’hekk kisbet il-qawwa ta’ res judicata u M huwa protett b’dik id-deċiżjoni minn prosekuzzjoni fil-Belġju. It-test Turanský huwa, għalhekk, sodisfatt.

39.      Il-Gvern Belġjan, madankollu, kien tal-fehma (fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub — huwa ma kienx preżenti għas-smigħ) li deċiżjoni bħal dik ma kinitx definittiva għaliex kienet teżisti l-possibbiltà li l-proċeduri jerġgħu jinfetħu jekk ikun hemm fatti u/jew provi ġodda; u li l-prinċipju ta’ ne bis in idem fl-Artikolu 54 tal-KIFS, għalhekk, ma japplikax. Jidhirli li hemm żewġ linji ta’ ħsieb li jistgħu jkunu l-bażi ta’ sottomissjoni bħal din. L-ewwel waħda hija li kien aċċident sfortunat ta’ żmien li l-kawża kriminali fl-Italja ma nbdietx qabel ma kienet għaddiet ġimgħa mid-deċiżjoni tal-Cour de cassation Belġjana u li meta (bħal f’dan il-każ) l-allegazzjonijiet kontra akkużat ikunu gravi u koroh, huwa “għanduˮ, sa fejn ikun possibbli, jinġieb quddiem qorti. It-tieni waħda hija li l-prinċipju ta’ ne bis in idem qatt ma jistax japplika “fit-tieniˮ Stat Membru sakemm ikun hemm kull possibbiltà, żgħira jew remota kemm tkun, li l-proċeduri kriminali “fl-ewwelˮ Stat Membru jissoktaw jew jinbdew mill-ġdid. Ser inqis iż-żewġ aspetti wieħed wara l-ieħor.

 Kwistjoni ta’ żmien?

40.      Wieħed mill-aspetti l-iktar li jolqtok tar-rinviju msemmi hija l-kronoloġija tal-ġrajjiet. Iż-żewġ investigazzjonijiet kriminali estensivi, fil-Belġju u fl-Italja, tmexxew b’mod parallel. Il-qrati taż-żewġ Stati Membri mbagħad kellhom x’jaqsmu wkoll fis-sekwenza li ġejja: a) id-deċiżjoni “li ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri” ingħatat mill-awla tas-smigħ preliminari tat-Tribunal de première instance de Mons, fil-Belġju (fil-15 ta’ Diċembru 2008); b) M intbagħat biex jitqiegħed taħt att ta’ akkuża mill-maġistrat inkwirenti tat-Tribunale di Fermo, fl-Italja (fid‑19 ta’ Diċembru 2008); ċ) id-deċiżjoni li “ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri” ġiet ikkonfermata mill-awla tal-att tal-akkuża tal-Qorti tal-Appell ta’ Mons, fil-Belġju (fil-21 ta’ April 2009); d) is-sentenza tal-Qorti tal-Appell ta’ Mons ġiet ikkonfermata mill-Cour de cassation, fil-Belġju (fit-2 Diċembru 2009); u fl-aħħar nett e) sar is-smigħ tal-kawża kriminali mill-formazzjoni kulleġġjali tat-Tribunale di Fermo, fl-Italja (fid-9 ta’ Diċembru 2009).

41.      Jista’ jkun ta’ għajnuna li jkunu eżaminati diversi punti f’waqthom f’dik is-sekwenza biex isir magħruf jekk l-akkużat M jistax jinvoka l-prinċipju ta’ ne bis in idem tal-Artikolu 54 tal-KIFS u, jekk hu hekk, f’liema stadju u għaliex huwa għandu jkun jista’ jagħmel hekk.

42.      Fid-data meta l-maġistrat inkwirenti tat-Tribubale di Fermo bagħat lil M biex jitqiegħed taħt att ta’ akkuża (fid-19 ta’ Diċembru 2008), l-awla tas-smigħ preliminari tal-Tribunal de première instance de Mons kienet għadha kif sabet li “ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri” (fil-15 ta’ Diċembru 2008). Madankollu, dik id-deċiżjoni ma kinitx deċiżjoni li kienet saret “definittiva” skont id-dritt Belġjan. Setgħet tkun (u tabilħaqq kienet) appellata. F’dak il-waqt, għalhekk, M ma kienx f’qagħda li jinvoka l-prinċipju ta’ ne bis in idem biex iwaqqaf il-proċeduri fl-Italja.

43.      Kieku l-kawża ta’ M fl-Italja nbdiet u ntemmet u ngħata verdett qabel il-21 ta’ April 2009 (id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell ta’ Mons) jew tabilħaqq qabel it-2 ta’ Diċembru 2009 (id-deċiżjoni tal-Cour de cassation tal-Belġju), l-analiżi kienet tkun l-istess. Għalkemm f’kull każ kien ikun hemm deċiżjoni preċedenti b’rabta mal-istess persuna u l-istess fatti fi Stat Membru ieħor, dik id-deċiżjoni ma kinitx issir għalissa “definittiva” skont id-dritt nazzjonali.

44.      Il-pożizzjoni, iżda, tinbidel fit-2 ta’ Diċembru 2009. Minn dik id-data, M — kieku kien fil-Belġu — kien ikun protett minn prosekuzzjoni mogħtija bid-deċiżjoni definittiva tal-Cour de cassation li kkonfermat li kien instab li “ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri”. Huwa minnu li, jekk isiru magħrufin fatti u/jew provi ġodda, l-Artikolu 248 tal-KIK jitlob li l-uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja rilevanti jew il-maġistrat inkwirenti jibagħtu minnufih kopji tad-dokumenti u tal-provi lill-avukat ġenerali quddiem il-Qorti tal-Appell. Dik il-proċedura hija mandatorja. L-avukat ġenerali imbagħad jidher li għandu setgħa diskrezzjonali (36). Huwa “jista’” (aktarx jekk iqis li l-fatti u/jew il-materjal ta’ provi l-ġodda jkunu ser jagħmlu d-differenza meħtieġa) jitlob lill-president tal-awla tal-att tal-akkuża biex dan jaħtar imħallef li quddiemu jkollha titmexxa istruttorja ġdida. Jekk dan ikun tal-fehma li l-fatti u/jew il-provi l-ġodda ma jagħmlux differenza jew li ma humiex suffiċjenti, aktarx li ma jiħux dak il-pass. Iżda, jekk ma jkunx instab tali materjal ġdid u jekk ma tkunx adottata dik l-proċedura, M ikun ħieles minn prosekuzzjoni (37).

45.      Persuna ma għandhiex titlef il-protezzjoni li tgawdi bil-liġi kriminali nazzjonali għax teżerċita d-drittijiet tagħha tal-moviment liberu. Għal dik ir-raġuni, l-effett tad-deċiżjoni tal-Cour de cassation tal-Belġju tat-2 ta’ Diċembru 2009 għandu jkun li M ma jitħalliex ikun iġġudikat fl-Italja wara dik id-data.

46.      Biex kollox ikun komplut, għandi nittratta erba’ punti oħra.

47.      L-ewwel nett, jiena naħseb li d-data li tiswa għandha tkun id-data li fiha tittieħed deċiżjoni ġudizzjarja minn qorti, mhux id-data (sussegwenti) li fiha dik id-deċiżjoni jsiru jafu biha l-prosekutur jew il-qorti fi Stat Membru ieħor. Dak l-approċċ huwa dettat mill-ħtieġa li jkun hemm ċertezza legali. Id-data tad-deċiżjoni hija ċerta. Id-data tan-notifika hija varjabbli u tista’ tkun affettwata minn elementi barranin.

48.      It-tieni nett, persuna mibgħuta biex tkun iġġudikata tkun “fil-periklu” sal-waqt meta tingħata d-deċiżjoni li tiddetermina r-riżultat tal-kawża tagħha. Jista’ jgħaddi xi ftit taż-żmien (li wieħed jittama li s-soltu ma jkunx daqshekk twil bħal f’dan il-każ) bejn id-data li fiha persuna tintbagħat biex tkun iġġudikata u d-data li fiha l-kawża tagħha tinbeda; u l-kawża nnifisha tista’ tieħu xi żmien biex tintemm. Il-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa maħsub biex ma jkunx hemm prosekuzzjoni ulterjuri tal-istess persuna għall-istess fatti. Isegwi, fl-opinjoni tiegħi, li l-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jiqafx japplika meta l-persuna tintbagħat biex tkun iġġudikata jew fil-jum li fih tibda l-kawża tagħha. Minflok, dak il-prinċipju jista’ jiġi invokat sakemm ikun iddeterminat ir-riżultat tal-kawża.

49.      It-tielet nett, ladarba persuna tkun ġiet iġġudikata u kkundannata “fit-tieni” Stat Membru, il-fatt li deċiżjoni kontra l-istess persuna bbażata fuq l-istess fatti “fl-ewwel” Stat Membru wara ssir definittiva ma huwiex rilevanti. Dan għaliex meta l-persuna kienet iġġudikata fit-tieni Stat Membru ma kienx (għad) hemm deċiżjoni definittiva fl-ewwel Stat Membru. Ċertament id-deċiżjoni fit-tieni Stat Membru tista’ tkun appellata, skont id-dritt nazzjonali, għal kull motiv ta’ appell rikonoxxut mil-liġi kriminali ta’ dak l-Istat Membru. Madankollu, l-Artikolu 54 tal-KIFS ma jistax ikunx invokat.

50.      Ir-raba’ nett, jeħtieġ li tingħata xi forma ta’ tweġiba għall-mistoqsija, “x’għandu jingħad dwar iż-żmien moħli tal-pulizija u n-nefqa pubblika għal investigazzjoni dettaljata fit-tieni Stat Membru jekk japplika l-prinċipju ta’ ne bis in idem f’ċirkustanzi bħal dawn u l-prosekuzzjoni ta’ persuna li tkun diġà ntbagħtet biex tkun iġġudikata ma tkunx tista’ tissokta?ˮ

51.      Jidher b’mod ċar li hemm kwistjoni bażika, li jistħoqqilha titqies serjament, dwar “il-kilba għal prosekuzzjoni” u l-possibbiltà ta’ kunflitti ta’ ġurisdizzjoni f’affarijiet kriminali. Bħalissa ma hemmx regoli li dwarhom hemm qbil fl-UE kollha dwar l-allokazzjoni ta’ ġurisdizzjoni kriminali (38). L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem issolvi l-problema b’mod limitat, u xi drabi b’mod arbitrarju (39). Ma jissostitwixxix azzjoni għas-soluzzjoni ta’ kunflitti bħal dawn skont sett ta’ kriterji miftiehma.

52.      Fil-fatt issa hemm xi dispożizzjoni fid-dritt tal-UE għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn awtoritajiet investigattivi fi Stati Membri differenti (40). Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI (41), li kienet ippubblikata u daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2009 (u għalhekk ġiet wara l-proċeduri Taljani fil-kawża prinċipali), teżiġi li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tagħmel kuntatt mal-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor jekk ikollha motivi raġonevoli biex temmen li jkunu qed jitmexxew proċeduri paralleli hemmhekk, bil-għan li jinbdew konsultazzjonijiet diretti. Dawk il-konsultazzjonijiet għandu jkollhom l-għan li jevitaw konsegwenzi ħżiena li jirriżultaw minn proċeduri paralleli bħal dawn, u jistgħu, meta jkun xieraq, iwasslu għall-konċentrazzjoni tal-proċeduri kriminali fi Stat Membru wieħed.

53.      Sa ċertu punt, dak jindirizza l-kwistjonijiet li huma l-bażi ta’ dan il-każ (u li kienu tqajmu wkoll fis-kawża Miraglia). Madankollu, id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI ma tarmonizzax liġijiet u proċeduri nazzjonali f’dan il-qasam tad-dritt. B’mod partikolari hija ma tobbligax Stat Membru li jirrinunzja jew jeżerċita ġurisdizzjoni (42). Jekk u sakemm il-leġiżlatura tindirizza l-kwistjoni ta’ proċeduri paralleli b’mod iktar komplet, il-prinċipju ta’ ne bis in idem tal-Artikolu 54 tal-KIFS ikollu, minħabba ħtieġa, jibda jitħaddem biex jagħmel tajjeb għad-differenza.

 “Jekk proċeduri (jistgħu) jerġgħu jinfetħu, ne bis in idem ma japplikax”

54.      La l-Artikolu 54 tal-KIFS u lanqas l-Artikolu 50 tal-Karta ma jindirizzaw espressament x’jista’ jsir mill-prinċipju ta’ ne bis in idem jekk isiru disponibbli fatti u/jew provi ġodda. L-Ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 50 tal-Karta huma ta’ għajnuna billi jindikaw li, fejn japplika d-dritt tal-Karta fil-kuntest ta’ Stat Membru wieħed, “id-dritt li huwa ggarantit għandu l-istess sens u l-istess ambitu bħad-dritt korrispondenti fil-KEDB”.

55.      Lura, għalhekk, lejn il-KEDB, l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll 7 tal-KEDB jgħid li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1) (li jipproteġi d-dritt li wieħed ma jkunx iġġudikat jew ikkastigat darbtejn għall-istess reat) ma jipprekludux li jerġa’ jinfetaħ il-każ “jekk ikun hemm provi ta’ fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelatiˮ. Ir-Rapport ta’ Spjegazzjoni tal-Protokoll 7 jikkjarifika (43) li l-kliem “provi ta’ fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelatiˮ jinkludi mezzi ġodda ta’ prova b’rabta ma’ fatti li kien hemm qabel. Għalhekk, il-possibbiltà eċċezzjonali skont id-dritt Belġjan li proċeduri kriminali jerġgħu jinfetħu wara deċiżjoni li “ma hemm lok li jinfetħu proċeduriˮ tixbah ħafna dak previst mill-Artikolu 4(2) tal-Protokoll 7.

56.      Skont kif nifhem il-Protokoll 7 tal-KEDB, l-Artikolu 4(1) jistabbilixxi l-protezzjoni b’ne bis in idem. L-Artikolu 4(2) imbagħad għandu deroga li tippermetti li każ jerġa’ jinfetaħ (skont il-liġi u l-proċedura penali tal-Istat inkwistjoni) minkejja li l-prinċipju ta’ ne bis in idem ikun japplika xorta oħra. Dak ma jfissirx (u, naħseb, ma għandux ikun raġonevolment interpretat li jfisser) li sakemm ikun hemm teoretikament il-possibbiltà li jinstabu “mezzi ġodda ta’ prova b’rabta ma’ fatti li kien hemm qabelˮ, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma japplikax. Teoretikament, dejjem jistgħu jinqalgħu fatti u/jew provi ġodda li jkunu ta’ suppliment għal dawk disponibbli qabel. L-interpretazzjoni li qed isostni l-Belġju, tnaqqas mill-elementi essenzjali tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. Minkejja li jinstab li “ma hemmx lok li jinfetħu proċeduriˮ li l-ogħla qorti tikkonferma u li tikseb il-qawwa ta’ res judicata, akkużat ikun qed jiġi miċħud mill-istess protezzjoni li dritt nazzjonali jirrikonoxxi li għandu jkollu. Kieku t-tieni proċeduri nbew fil-Belġju (minflok fl-Italja) mingħajr fatti u/jew provi ġodda, huwa ċar li dawn kienu jiġu pprojbiti minħabba dik id-deċiżjoni.

57.      Il-konklużjoni għandha tkun differenti meta t-tieni proċeduri jkunu “fit-tieniˮ Stat Membru differenti?

58.      Ma naħsibx li dan huwa l-każ. L-għan tal-Artikolu 54 tal-KIFS huwa, preċiżament, li persuna li teżerċita drittijiet ta’ moviment liberu ma titħalliex titlef il-protezzjoni ta’ ne bis in idem li kieku kienet tgawdi. Huwa ċar li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem b’deċiżjoni fi Stat Membru wieħed (hawnhekk il-Belġju) tista’ tintuża biex tiġi prekluża prosekuzzjoni fi Stat Membru ieħor (hawnhekk l-Italja) ukoll jekk il-qrati tat-tieni Stat Membru jistgħu jaslu għal konklużjoni differenti fuq il-bażi ta’ essenzjalment l-istess fatti u/jew provi. Il-possibbiltà ta’ riżultati differenti hija, madankollu, konsegwenza tal-fatt li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jopera minkejja n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni, billi huwa bbażat fuq livell għoli ta’ fiduċja reċiproka (44).

59.      Madankollu, minn perspettiva iktar fundamentali, huwa ċar li l-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jipprekludix il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri jekk ikun hemm fatti u/jew provi ġodda (45). Jekk f’dan il-każ l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni Taljani jqiegħdu dak li għandhom disponibbli fil-pussess tagħhom għad-dispożizzjoni tal-kollegi tagħhom Belġjani, dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jevalwaw dak il-materjal fattwali jew ta’ provi u jiddeċiedu jekk jippruvawx jerġgħu jiftħu l-proċeduri Belġjani skont l-Artikoli 246, 247 u 248 tal-KIK. Madankollu, jien nenfasizza li (fil-fehma tiegħi) proċeduri ulterjuri kontra akkużat li jibbenefika minn deċiżjoni definittiva li “ma hemmx lok li jinfetħu proċeduriˮ għandhom jinbdew fl-Istat Membru li fih tkun ittieħdet dik id-deċiżjoni (jiġifieri fl-ewwel Stat Membru). Il-qrati fit-tieni Stat Membru ma għandhomx l-għażla li jaqbżu l-proċess (u l-garanziji proċedurali offruti lill-akkużat mil-liġi nazzjonali tal-ewwel Stat Membru) billi jiddeċiedu li jużaw dawk li jistgħu jkunu (jew ma jkunux) fatti u/jew provi “ġoddaˮ biex jiġġudikaw lil dak l-akkużat.

 Konklużjoni

60.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għad-domanda mressqa mit-Tribunale di Fermo (l-Italja):

“L-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen għandu jkun interpretat fis-sens li deċiżjoni definittiva li ‘ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri’ li ttemm proċeduri kriminali, meħuda wara investigazzjoni dettaljata, li tipprekludi prosekuzzjoni ulterjuri tal-istess persuna għall-istess fatti iżda li, skont id-dritt nazzjonali, tista’ tkun annullata jekk ikun hemm fatti u/jew provi ġodda, hija deċiżjoni li taqta’ l-kawża b’mod finali u tagħti lok għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit f’dak l-Artikolu.”


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 –      Nota mhux rilevanti għall-verżjoni Maltija.


3 – Il-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9.


4 – Protokoll (Nru 19) dwar l-Acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2012, C 326, p. 290).


5 – L-anness tal-Protokoll tat-Trattat ta’ Amsterdam li jintegra l-Acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea (ĠU 1997, C 340, p. 93) jelenka dawk il-kwistjonijiet li jagħmlu parti mill-Acquis ta’ Schengen. Dawn jinkludu, fil-paragrafu 2, il-KIFS.


6 – ĠU 2007, C 303, p. 17.


7 – ETS Nru 117.


8 –      Il-paragrafu 22 jirreferi għad-definizzjoni li hemm fir-Rapport ta’ Spjegazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Validità Internazzjonali ta’ Sentenzi Kriminali (ara l-punt 13 iktar ’l isfel).


9 – ETS Nru 070.


10 – Cass. 7 ta’ Settembru 1982, Pas. 1983, I, 27‑30.


11 –      Nota mhux rilevanti għall-verżjoni Maltija.


12 – Sentenzi tal-11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge (C‑187/01 u C‑385/01, Ġabra p. I‑1345); tal-10 ta’ Marzu 2005, Miraglia (C‑469/03, Ġabra p. I-2009); tat-28 ta’ Settembru 2006, Gasparini et (C‑467/04, Ġabra p. I‑9199); tat-28 ta’ Settembru 2006, Van Straaten (C‑150/05, Ġabra p. I-9327); tal-11 ta’ Diċembru 2008, Bourquain (C‑297/07, Ġabra p. I‑9425); u tat-22 ta’ Diċembru 2008, Turanský (C‑491/07, Ġabra p. I‑11039).


13 – Ara s-sentenza Bourquain, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 39 u 40.


14 – Ara s-sentenza Van Straaten, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 58. L-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colmer innota li ħadd minn dawk li ssottomettew osservazzjonijiet ma kkontesta li l-prinċipju ta’ ne bis in idem kien effikaċi f’tali sitwazzjoni fis-sistema legali nazzjonali (ara l-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu).


15 – Punt 60 tas-sentenza.


16 – Sentenza Gözütok u Brügge, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 48.


17 – Punt 38 tas-sentenza.


18 – Sentenza Gasparini et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 33.


19 – Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod ċar kienet tal-fehma, meta ddeċidiet li l-prinċipju ne bis in idem kien tabilħaqq japplika, li kien immaterjali li l-applikazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni kienet tfisser li l-akkużat qatt ma kienf’perikolu fl-ewwel proċeduri.


20 – Sentenza Gasparini et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 29 u 30.


21 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.


22 – Ara l-punt 22 tas-sentenza.


23 – Punt 35 tas-sentenza. F’dan ir-rigward ara wkoll, fil-kuntest tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschaappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 62), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li deċiżjoni ta’ annullament li kienet ittieħdet mingħajr ebda provvediment dwar il-mertu ma setgħetx titqies li hija liberazzjoni li tagħti lok għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.


24 – Sentenza Miraglia, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 33.


25 – Ibid., punt 34.


26 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.


27 – Sentenza Turanský, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 39 u 40.


28 – Sentenza Turanský, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 34.


29Ibid., punt 35.


30 – Sentenza tas-16 ta’ Novembru 2010, Mantello Kawża (C‑261/09, punt 46). L‑Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34) jelenka n-ne bis in idem bħala motiv biex ma jkunx hemm eżekuzzjoni mandatorja tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Fis-sentenza Mantello l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat (fil-punt 40) li, “Fid-dawl tal-għan komuni tal-Artikolu 54 tal-KFS u tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas [...], għandu jiġi aċċettat li l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett ipprovduta fil-kuntest tal-KFS tapplika wkoll fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafasˮ. L-Awla Manja għaddiet (fil-punti 45 sa 47) biex tiċċita dik il-ġurisprudenza u biex tapprova t-test Turanský.


31 – Qorti Ewropea DB, Sergey Zolotukhin vs Ir-Russja, sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, Nru 14939/03, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2009-I, p. 291, § 83.


32 – Iċċitat fil-punt 13 iktar ’il fuq.


33 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Mantello, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 48 u 49.


34 – Ara l-punt 34 iktar ’il fuq.


35 – Ara wkoll il-punt 44 iktar ’l isfel.


36 –      L-espressjoni bil-Franċiż “[…] sur la réquisition du procureur général […]ˮ timplika fil-fatt li dan għandu l-possibbiltà li jippreżenta jew le tali talba.


37 – Ara l-punt 38 iktar ’il fuq.


38 – Għal attentati biex tkun indirizzata l-problema, ara l-Green Paper tal-Kummissjoni (SEC (2005) 1767) dwar Konflitti ta’ Ġurisdizzjoni u l-Prinċipju ta’ ne bis in idem fi Proċedimenti Kriminali, u l-Anness tagħha, COM(2005) 696 finali (tat-23 ta’ Diċembru 2005) u r-reazzjonijiet għaliha. Ara wkoll il-kumment ta’ M. Fletcher, “The problem of multiple criminal prosecutions: building an effective EU response”, fil-Yearbook of European Law Vol. 26 (2007), p. 33-56. Għal kawżi ta’ ne bis in idem li — mill-anqas sa ċertu punt — setgħu saru minħabba nuqqas ta’ sodisfazzjon għall-fatt li l-awtoritajiet fi Stat Membru ieħor kienu l-ewwel li bdew prosekuzzjoni, ara (pereżempju) il-kawżi li wasslu għas-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2006, Van Esbroeck (C‑436/04, Ġabra p. I‑2351, u tat-18 ta’ Lulju 2007, Kraaijenbrink, (C‑367/05, Ġabra p. I‑6619).


39 – Għal diskussjoni studjata dwar din il-kwistjoni b’ambitu usa’, ara M. Fletcher, R. Lööf u B. Gilmore, EU Criminal Law and Justice (Elgar European Law, 2008), p. 131-138, l-iktar p. 132‑133.


40 – F’dak li għandu x’jaqsam ma’ korpi istituzzjonali, ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta’ Frar 2002 li tistabbilixxi Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 197); u l-Konvenzjoni bbażata fuq l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-istabbiliment ta’ Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Konvenzjoni Europol) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 8, p. 12).


41 – Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ eżerċiżżju ta’ ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 328, p. 42).


42 – Ara l-premessa 11 tal-preambolu tad-Deċiżjoni Qafas.


43 – Ara l-punt 31, iċċitat fil-punt 12 iktar il fuq.


44 – Ara l-konklużjonijiet tal-Presidenza (Nru 200/1/99) li segwew il-Kunsill Ewropew f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999 kif ukoll il-punt 30 tas-sentenza Gasparini et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 u fil-punt 32 iktar ’il fuq.


45 – Ara l-punti 54 sa 56 iktar ’il fuq.