Language of document : ECLI:EU:C:2013:604

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-3 ta’ Ottubru 2013 (1)

Kawża C‑363/12

Z

vs

A Government Department u the Board of Management of a Community School

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Equality Tribunal (l-Irlanda)]

“Politika soċjali — Arranġament ma’ omm surrogata — Dritt għal leave ta’ assenza ekwivalenti għal leave tal-maternità jew leave tal-adozzjoni — Direttiva 2006/54/KE — Ugwaljanza fit-trattament tal-irġiel u tan-nisa — Kamp ta’ applikazzjoni — Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità — Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Kamp ta’ applikazzjoni — Kunċett ta’ diżabbiltà — Parteċipazzjoni fil-ħajja professjonali — Artikolu 5 — Obbligu ta’ akkomodazzjoni raġonevoli”





1.        Arranġament ma’ omm surrogata, forma ta’ riproduzzjoni medikalment assistita li qed issir dejjem iktar komuni, jikkostitwixxi kwistjoni politika u soċjali sensittiva f’numru ta’ Stati Membri. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Equality Tribunal (l-Irlanda), flimkien mal-kawża CD (2), juru kemm huwa komuni l-arranġament ma’ omm surrogata, minkejja r-rwol marġinali relattiv li huwa għad għandu, u l-kumplessità tal-kwistjonijiet legali (u etiċi) involuti fir-regolament tiegħu. Tabilħaqq, il-leġiżlazzjoni tvarja fl-Istati Membri: l-arranġament ma’ omm surrogata jvarja minn sitwazzjoni fejn huwa legali u speċifikatament irregolat, għal sitwazzjoni illegali jew — bħalma huwa l-każ fl-Irlanda — mhux irregolata, u hemm diskrepanzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri dwar kif arranġamenti ma’ omm surrogata u, b’mod partikolari, il-proċessi involuti fihom, għandhom ikunu rregolati.

2.        Fil-każ quddiem il-qorti tar-rinviju, mara li ma tistax tinqabad tqila kellha l-wild ġenetiku tagħha permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata. Skont id-dritt tal-Unjoni, hija intitolata għal leave bi ħlas għall-assenza mill-impjieg ekwivalenti għal leave tal-maternità jew għal leave tal-adozzjoni? Dan huwa l-punt kruċjali tad-domandi mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt internazzjonali

3.        Il-premessa (e) tal-preambolu tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, tat-13 ta’ Diċembru 2006, dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (3) (iktar ʼil quddiem: “Il-Konvenzjoni tan-NU”) jirrikonoxxi li “d-diżabbiltà hija kunċett li qed jevolvi u li d-diżabbiltà tirriżulta mill-effett reċiproku bejn il-persuni bi ħsara [limitazzjonijiet] fis-saħħa [u] l-barrieri ta’ attitudni u ambjentali li jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor”.

4.        L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni tan-NU jiddikjara li persuni “b’diżabilità jinkludu dawk li għandhom ħsarat fiżiċi, mentali, intellettwali jew fis-sensi fuq perjodu twil li flimkien ma’ diversi ostakoli jistgħu jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor”.

B –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Direttiva 92/85/KEE

5.        It-tmien premessa tal-preambolu tad-Direttiva 92/85 (4) tenfasizza li ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew ħaddiema li qed ireddgħu jikkostitwixxu grupp ta’ riskju speċifiku u li hemm bżonn li jittieħdu miżuri sabiex tkun żgurata s-sigurtà u s-saħħa tagħhom.

6.        Skont l-erbatax-il premessa, il-vulnerabbiltà tal-ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentament jew li qed ireddgħu tirrendi neċessarju għalihom li jingħataw id-dritt ta’ leave tal-maternità.

7.        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/85, din id-direttiva għandha l-għan li “timplementa miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ta’ ħaddiema nisa tqal u dawk li welldu reċentement jew li qegħdin ireddgħu”.

8.        Skont l-Artikolu 8 l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 2 (5) huma intitolati għal żmien kontinwu ta’ leave tal‑maternità ta’ mill-inqas 14-il ġimgħa, allokati qabel u/jew wara l-ħlas skond il‑liġi u/jew prattika nazzjonali.

9.        Fir-rigward tal-perijodu tal-leave tal-maternità rregolat mill-Artikolu 8, l-Artikolu 11(2) jipprovdi li fil-perijodu ta’ leave tal-maternità għandu jkun żgurat ħlas u/jew intitolament għal allowance xierqa għal ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 2.

2.      Direttiva 2006/54/KE

10.      Il-premessa 23 fil-preambolu tad-Direttiva 2006/54 (6) tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonferma li trattament mhux favorevoli ta’ mara relatat mat-tqala jew mal-maternità jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta minħabba s-sess u tiddikjara għalhekk li dan it-trattament huwa kopert mid-Direttiva. B’riferiment ukoll għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-premessa 24 iżżid li huwa leġittimu li tiġi protetta l-kundizzjoni bijoloġika tal-mara waqt it-tqala u l-maternità, u li jiġu introdotti miżuri ta’ protezzjoni għall-maternità bħala mezz sabiex tintlaħaq ugwaljanza sostanzjali.

11.      Skont il-premessa 27, huma l-Istati Membri li għandhom “jiddeterminaw jekk jagħtux jew le [dritt] għal paternita jew/u leave għall-adozzjoni”. Barra minn hekk, huma l-Istati Membri li għandhom “jiddeterminaw kwalunkwe kondizzjoni, ħlief għal tkeċċija u ritorn għax-xogħol, li huma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta[d]-Direttiva”.

12.      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/54 jistabbilixxi definizzjonijiet li għandhom japplikaw għall-finijiet ta’ dik id-direttiva.

13.      Skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/54, hemm “diskriminazzjoni diretta” fejn “persuna waħda tiġi trattata minħabba s-sess b’mod inqas favorevoli minn kif tiġi trattata, ġiet trattata jew kieku tiġi trattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli”. Skont l-Artikolu 2(1)(b) hemm “diskriminazzjoni indiretta” meta “dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentament newtrali tista’ tqiegħed persuni ta’ sess minnhom fi żvantaġġ partikolari meta pparagunati ma persuni tas‑sess l‑ieħor, kemm‑il darba dik id‑dispożizzjoni, kriterju jew prattika ma tkunx ġustifikata b’mod oġġettiv minn mira leġittima, u l‑mezzi biex jintlaħaq din il‑mira ma jkunux xierqa u meħtieġa”. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(2)(ċ) jiddikjara li diskriminazzjoni taħt din id-direttiva għandha tinkludi “kwalunkwe trattament anqas favorevoli ta’ mara li jkollu x’jaqsam ma’ tqala jew leave tal-maternità fis-sens d-Direttiva 92/85[...]”.

14.      L-Artikolu 4 jipprojbixxi kull diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’sess “fir-rigward ta’ l-aspetti u l-kondizzjonjiet kollha ta’ rimunerazzjoni”.

15.      L-Artikolu 14 jipprojbixxi kull diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess fir-rigward tal-aċċess għall-impjiegi, aċċess għat-taħriġ, impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll sħubija u involviment f’organizzazzjoni ta’ ħaddiema.

16.      L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/54 jirrigwarda l-leave ta’ paternità u adozzjoni. Dan l-artikolu jipprovdi:

“Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jirrikonoxxu drittijiet distinti għal-lîf [leave] tal-paternità u/jew ta’ l-adozzjoni. Dawk l-Istati Membri li jirrikonoxxu drittijiet bħal dawn għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex iħarsu l-irġiel u n-nisa li jaħdmu kontra t-tkeċċija minħabba li jeżerċitaw dawk id-drittijiet u jiżguraw li, fit-tmiem ta’ lîf [leave] bħal dan, għandu jkollhom id-dritt li jerġgħu lura għall-impjiegi tagħhom jew għal karigi ekwivalenti b’termini u kondizzjonijiet li m’humiex inqas favorevoli għalihom, u li jibbenefikaw minn kwalunkwe titjib fil-kondizzjonijiet tax-xogħol li kien ikollhom id-dritt għalihom matul l-assenza tagħhom”.

3.      Direttiva 2000/78/KE

17.      Skont il-premessa 20 tal-preambolu tad-Direttiva 2000/78 (7), għandhom jiġu pprovduti miżuri xierqa sabiex jadattaw il-post tax-xogħol għad-diżabbiltà. Miżuri effettivi u prattiċi għandhom jinftehmu li jinkludu dawk li “jadattaw il-postijiet u t-tagħmir, ritmi tax-xogħol, id-distribuzzjoni tal-kompiti jew tad-dispożizzjoni ta’ riżorsi ta’ tħarrig jew integrazzjoni”.

18.      Il-premessa 21 tispeċifika li sabiex “jiġi stabbilit jekk il-miżuri inkwistjoni jikkawżawx piż sproporzjonat, għandu jittieħed kont b’mod partikulari ta’ l-ispejjeż finanzjarji u ta’ natura oħra li dan jimplika, ta’ l-iskala u r-riżorsi finanzjarji ta’ l-organizzazzjoni jew l-intrapriża u l-possibilità li jiġu ottenuti fondi pubbliċi jew assistenza oħra”.

19.      L-Artikolu 3 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78. Dan jipprovdi:

“1.      Fil-limiti tal-poteri konferiti fuq il-Kummissjoni, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni għandha tapplika għall-persuni kollha, fir-rigward tas-setturi pubbliċi u privati, inkluż korpi pubbliċi, fir-rigward ta’:

i)      il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor [...]

[...]

ċ) il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga; [...]”.

20.      Il-kunċett ta’ “akkomodazzjoni raġjonevoli” għal persuni b’diżabbiltà huwa ddefinit fl-Artikolu 5 tad-Direttiva. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li “dawk li jħaddmu għandhom jieħdu mizuri approprjati, meta meħtieġa f’każ partikolari, biex jippermettu persuna b’diżabilità li jkollha aċċess għal, u tipparteċipa fil-, jew tavvanza fl-impjieg [...], sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq min iħaddem”.

C –    Id-dritt Irlandiż

21.      Id-dritt Irlandiż ma jirregolax l-arranġament ma’ omm surrogata. Għalhekk ma hemm ebda dispożizzjoni għal leave bi ħlas għall-assenza minn impjieg ekwivalenti għal leave tal-maternità jew għal leave tal-adozzjoni għall-ġenituri li t-tfal tagħhom jitwieldu permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata.

22.      Fir-rigward tal-leave tal-maternità, l-Artikolu 8 tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Maternità tal-1994 (8) (kif emendat) jipprovdi li “impjegati” (enfasi miżjuda) għandhom ikunu intitolati għal leave minn impjieg, magħruf bħala “leave tal-maternità”. Il-perijodu statutorju minimu tal-leave tal-maternità huwa ta’ 26 ġimgħa. L-għoti tal-leave tal-maternità jeħtieġ li min iħaddem jiġi avżat bl-intenzjoni tal-ħaddiema li tieħu l-leave tal-maternità u li ċertifikat mediku jew ekwivalenti li jikkonferma t-tqala u l-ġimgħa li fiha mistenni l-ħlas ikun ippreżentat lill-persuna li timpjega.

23.      Il-leave tal-adozzjoni huwa rregolat mill-Att dwar il-Leave tal-Adozzjoni tal-1995 (9) (kif emendat). Skont l-Artikolu 6 ta’ dan l-att, omm adottiva jew raġel li jadotta waħdu li huwa impjegati huma intitolati għal leave tal-adozzjoni mid-data li fiha jingħata l-wild. Il-perijodu statutorju minimu ta’ leave tal-adozzjoni huma ta’ 24 ġimgħa mid-data li fiha jingħata l-wild. L-għoti tal-leave tal-adozzjoni jeħtieġ lil-persuna li timpjega jkun avżat minn qabel li ser issir l-adozzjoni u li dokumenti rilevanti li jiċċertifikaw l-adozzjoni jiġu ppreżentati lil min iħaddem (10).

II – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula

24.      Z hija għalliema fi skola ġestita minn korp pubbliku fl-Irlanda. Hija tbati minn kundizzjoni rara li għandha l-effett, li minkejja li hija għandha ovarji b’saħħithom u hija fertili, hija ma għandhiex utru u ma tistax tinqabad tqila.

25.      Sabiex ikollha wild, Z u r-raġel tagħha għamlu arranġament ma’ omm surrogata sabiex twelled tarbija f’California, l-Istati Uniti tal-Amerika. F’April 2010 twieldet tarbija permezz ta’ dan l-arranġament ma’ omm surrogata. Din it-tarbija hija l-wild ġenetiku tal-koppja u fiċ-ċertifikat tat-twelid Amerikan tat-tarbija l-omm surrogata ma tissemma imkien.

26.      It-termini u kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ Z jinkludu d-dritt għal leave tal-adozzjoni u għal leave tal-maternità bi ħlas. Ma hemm ebda dispożizzjoni espressa fil-leġiżlazzjoni Irlandiża jew fil-kuntratt ta’ xogħol ta’ Z għal leave minħabba twelid ta’ tarbija permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata.

27.      Madankollu, matul it-tqala tal-omm surrogata, Z applikat għal leave tal-adozzjoni. Wara li ġiet mċaħħda minn leave bi ħlas għall-assenza u offruta biss leave parentali mingħajr ħlas (11), Z ippreżentat ilment quddiem l-Equality Tribunal. Hija argumentat li hija kienet suġġetta għal diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess, ta’ status familjari u ta’ diżabbiltà.

28.      Minħabba dubji dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, l-Equality Tribunal iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      Fid-dawl tas-segwenti dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni Ewropea:

(i)      l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

(ii)      l-Artikoli 8 u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u/jew

(iii) l-Artikoli 21, 23, 33 u 34 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

[Id-Direttiva 2006/54/KE], u b’mod partikolari l-Artikoli 4 u 14 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li jkun hemm diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess meta mara — li l-wild ġenetiku tagħha jkun twieled permezz ta’ ftehim ma’ mara oħra li twelled it-tarbija għaliha, u li tkun responsabbli mill-kura tal-wild ġenetiku tagħha mit-twelid — ma tingħatax leave bi ħlas ekwivalenti għal leave tal-maternità u/jew għal leave tal-adozzjoni?

2.       Fil-każ li għall-ewwel domanda tingħata risposta negattiva, [id-Direttiva 2006/54/KE] hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija tad-dritt primarju tal-Unjoni Ewropea?

3.      Fid-dawl tas-segwenti dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni Ewropea:

(i)      l-Artikolu 10 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u/jew

(ii)      l-Artikoli 21, 26 u 34 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea

[Id-Direttiva 2000/78/KE], u b’mod partikolari l-Artikoli 3(1) u 5 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li jkun hemm diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà meta mara - li tbati minn diżabbiltà li tipprekludiha milli twelled tarbija, li l-wild ġenetiku tagħha jkun twieled permezz ta’ ftehim ma’ mara oħra li twelled it-tarbija għaliha, u li tkun responsabbli mill-kura tal-wild ġenetiku tagħha mit-twelid — ma tingħatax leave bi ħlas ekwivalenti għal leave tal-maternità u/jew għal leave tal-adozzjoni?

4.      Fil-każ li għat-tielet domanda tingħata risposta negattiva, [id-Direttiva 2006/78/KE] hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija tad-dritt primarju tal-Unjoni Ewropea?

5.      Il-[Konvenzjoni tan-NU] tista’ tiġi invokata għall-finijiet ta’ interpretazzjoni u/jew ta’ kontestazzjoni tal-validità tad-[Direttiva 2000/78/KE]?

6.      Fil-każ li għall-ħames domanda tingħata risposta affermattiva, [id-Direttiva 2000/78/KE], u b’mod partikolari l-Artikoli 3 u 5 tagħha, hija kompatibbli mal-Artikoli 5, 6, 27(1)(b) u 28(2)(b) tal-[Konvenzjoni tan-NU]?”

29.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn Z u minn A Government Department u the Board of Management of a Community School in Ireland, kif ukoll mill-Gvern Irlandiż u mill-Gvern Portugiż u mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni. Fis-seduta tat-28 ta’ Mejju 2013, saru sottomissjonijiet orali minn Z, mill-Gvern Irlandiż, mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

III – Analiżi

A –    Kwistjonijiet preliminari

30.      Sabiex jinftiehem aħjar il-kuntest soċjali ta’ dan il-każ, nikkunsidra li huwa neċessarju li nindirizza fil-qosor l-aspetti (legali u fattwali) prinċipali ta’ arranġament ma’ omm surrogata (12).

31.      Arranġament ma’ omm surrogata jieħu forom differenti. Fl-“arranġament ma’ omm surrogata tradizzjonali”, surrogi (nisa li jgħinu lill-ġenituri li jikkommissjonaw (13) jsiru ġenituri billi jġorru lit-tarbija għalihom) joħorġu tqal billi jużaw l-isperma tal-missier li qed jikkommissjona u l-ovuli tagħhom stess. Għall-kuntrarju l-arranġament ma’ omm surrogata ospitanti jew ta’ ġestazzjoni jinvolvi t-trattament ta’ fekondazzjoni in vitro (IVF) li permezz tiegħu l-omm li qed tikkommissjona arranġament ma’ omm surrogata jew id-donanti jipprovdu l-ovuli użati fil-proċess ta’ fertilizzazzjoni. F’arranġamenti ma’ omm surrogata ta’ ġestazzjoni, l-omm surrogata ma għandha ebda rabta ġenetika mat-tarbija li hija ġġorr.

32.      Ir-raġunijiet għaliex wieħed jirrikorri għal arranġament ma’ omm surrogata jistgħu jvarjaw b’mod sinjifikattiv. F’tarf wieħed tal-ispettru, hemm persuni li jiddeċiedu li jużaw l-arranġament ma’ omm surrogata għal raġunijiet ta’ konvenjenza personali. Fit-tarf l-ieħor, hemm koppji li, għal raġunijiet diversi relatati ma’ infertilità, mard jew diżabbiltà, ma jistax ikollhom tarbija bil-mezzi konvenzjonali. Arranġament ma’ omm surrogata jipprovdi wkoll mezz għall-koppji tal-istess sess sabiex jissodisfaw ix-xewqa tagħhom li jkollhom tarbija li hija ġenetikament relatata ma’ minn wieħed mill-ġenituri li jikkommissjonaw arranġament ma’ omm surrogata.

33.      Arranġament ma’ omm surrogata mhux biss jagħti lok għal kwistjonijiet legali kkumplikati dwar l-aspetti kuntrattwali ta’ dawn l-arranġamenti (bħal jekk li tidħol f’tali kuntratt għandux ikun ikkunsidrat legali u, anki, sa fejn ommijiet surrogati jistgħu jirċievu kumpens finanzjarju għas-servizz li huma jipprovdu). Kwistjonijiet oħra jqumu mat-twelid tat-tarbija.

34.      Skont l-Istat Membru kkonċernat, it-twelid ta’ tarbija permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata jqajjem numru ta’ kwistjonijiet legali kumplessi, inkluż: min għandu jkun ikkunsidrat bħala l-ġenituri legali tat-tarbija? B’mod iktar speċifiku (14): kif jiġu stabbiliti d-drittijiet parentali tal-ġenituri li jikkommissjonaw arranġament ma’ omm surrogata? Kwistjoni separata, iżda strettament marbuta, hija sa fejn benefiċċji, bħal leave tal-maternità jew leave tal-adozzjoni mħallas, jistgħu jingħataw lil ġenituri li jużaw arranġament ma’ omm surrogata. Ħlief għal xi eċċezzjonijiet, jidher li dawn u ħafna mistoqsijiet oħra, marbuta ma’ din il-forma partikolari ta’ riproduzzjoni medikalment assistita, għad iridu jkunu rregolati b’mod sodisfaċenti f’ħafna Stati Membri.

35.      Livell ta’ kumplessità ulterjuri jiżdied f’każijiet ta’ arranġament ma’ omm surrogata transkonfinali: l-element ta’ traskonfinalità jqajjem numru ta’ mistoqsijiet diffiċli fir-rigward, b’mod partikolari, tal-istatus familjari u ta’ immigrazzjoni tat-tfal li jitwieldu minn dawn l-arranġamenti. B’mod evident, in-natura kummerċjali ta’ dawn l-arranġamenti hija problematika fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri (15).

36.      F’ġurisdizzjonijiet b’leġiżlazzjoni permissiva dwar l-arranġament ma’ omm surrogata, bħall-Ukraina jew l-Istat ta’ California fl-Istati Uniti, il-ġenituri li jikkummissjonaw arranġament ma’ omm surrogata huma ttrattati bħala l-ġenituri legali tal-wild. Għall-kuntrarju, huwa komuni li d-dritt nazzjonali fl-Istati Membri tal-UE jipproteġi primarjament lill-mara li twelled (u l-konjuġi jew is-sieħeb tagħha). Ovvjament, f’dawn il-każijiet l-applikazzjoni stretta tar-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet u, b’mod partikolari, kunsiderazzjonijiet dwar l-ordni pubbliku fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-istatus tal-ġenituri li jikkommissjonaw arranġament ma’ omm surrogata u t-tfal li jitwieldu minn arranġamenti ma’ omm surrogata jistgħu jirriżultaw f’“limbu legali” diżappuntanti fejn tfal jiġu mċaħħda minn ġenituri u status legali (16).

37.      Għalhekk, mingħajr dubju, dan il-każ — bħal kull każ relatat ma’ arranġament ma’ omm surrogata fix-xenarju legali kurrenti — jinvolvi kwistjonijiet fundamentali dwar id-demarkazzjoni ta’ forom ta’ riproduzzjoni medikament assistiti li huma aċċettati soċjalment u kulturalment. F’dan is-sens, huwa diffiċli li jiġu sseparati l-kwistjonijiet legali hawn fuq imsemmija mill-kunsiderazzjonijiet politiċi, etiċi u kulturali li jikkaratterizzaw l-arranġament ma’ omm surrogata.

38.      Madankollu, nenfasizza li, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba biss tiddeċiedi jekk id-dritt ta’ mara li kellha l-wild ġenetiku tagħha permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata li tingħata leave bi ħlas għall-assenza ekwivalenti għal leave tal-maternità jew leave tal-adozzjoni huwiex protett taħt id-dritt tal-Unjoni. Filwaqt illi l-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta dwar il-validità tal-leġiżlazzjoni sekondarja inkwistjoni, nikkunsidra li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija l-ewwel u qabel kollox talba għal interpretazzjoni, ibbażata fuq l-interpretazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE rilevanti.

39.      Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tfittex gwida fuq żewġ kwistjonijiet. L-ewwel nett: id-Direttiva 2006/54 tipprekludi bħala diskriminatorju fuq il-bażi ta’ sess rifjut li jingħata leave bi ħlas għall-assenza ekwivalenti għal leave tal-maternità jew tal-adozzjoni lill-omm li kellha tarbija permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata? It-tieni nett: dan ir-rifjut jikkostitwixxi diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà taħt id-Direttiva 2000/78, peress li l-omm li qed tikkommissjona arranġament ma’ omm surrogata tbati minn kundizzjoni li minħabba fiha ma tistax twelled?

40.      Risposta affermattiva għal dawn il-mistoqsijiet teħtieġ neċessarjament li dawk id-direttivi japplikaw f’ċirkustanzi bħal dawk quddiem il-qorti tar-rinviju. Jekk inhu hekk, il-qalba tal-kwistjoni tinsab fid-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-istrumenti legali.

41.      Għal raġunijiet li ser nagħti fid-dettall iktar ’l isfel, jiena ma nikkunsidrax li dritt għal leave bi ħlas għall-assenza għal mara bħal Z jista’ jirriżulta mid-Direttiva 2006/54 jew mid-Direttiva 2000/78. L-ewwel ser nitratta d-Direttiva 2006/54 (u d-Direttiva 92/85, li tirregola b’mod speċifiku l-kwistjoni tal-leave tal-maternità taħt id-dritt tal-Unjoni). Insegwitu ngħaddi sabiex nikkunsidra d-Direttiva 2000/78.

B –    Diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess

1.      Ir-raġunament wara d-Direttiva 92/85 fir-rigward tal-leave tal-maternità

42.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tistabbilixxi jekk rifjut li jingħata leave bi ħlas għall-assenza ekwivalenti għal leave tal-maternità jew leave tal-adozzjoni jikkostitwixxix, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-każ quddiemha, diskriminazzjoni pprojbita mid-Direttiva 2006/54. Għalkemm id-digriet tar-rinviju ma jinkludi ebda riferiment espliċitu għad-Direttiva 92/85, jiena nikkunsidra li huwa neċessarju li nibda billi nikkjarifika l-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni mogħtija mid-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-leave tal-maternità. Dan għaliex dan il-każ iqajjem il-kwistjoni jekk mara li kellha l-wild ġenetiku tagħha permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata għandhiex tibbenefika minn protezzjoni komparabbli għal dik mogħtija mid-Direttiva 92/85, bl-istess mod bħal mara li twelled tarbija.

43.      Id-Direttiva 92/85 tirregola biss u esklużivament id-dritt għal leave tal-maternità taħt id-dritt tal-Unjoni.

44.      Kif Z stess tammetti, hija ma kinitx tqila u lanqas ma welldet għall-finijiet tad-Direttiva 92/85. Fir-rigward tal-protezzjoni mogħtija minn dik id-direttiva, li kienet adottata abbażi tal-Artikolu 118a tat-Trattat KEE (illum l-Artikolu 153 TFUE), huwa ċar li l-għan tal-protezzjoni li hija toffri huwa sabiex tinkoraġġixxi t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol għal ħaddiema tqal (17). Fi kliem sempliċi hija għandha l-għan li tipproteġi l-kundizzjoni fiżika u mentali tagħhom. Dan il-punt joħrog mit-tmien premessa tad-Direttiva li jidentifika ħaddiema tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu bħala grupp ta’ riskju speċifiku u jridu jittieħdu miżuri fir-rigward tas-sigurtà u s-saħħa tagħhom (18).

45.      Barra minn hekk, huwa ċar mill-erbatax-il premessa tal-preambolu tad-Direttiva 92/85, li tenfasizza l-vulnerabbiltà tal-ħaddiema li welldu, moqrija flimkien mal-Artikolu 8 ta’ dik id-direttiva, li jirrigwarda l-leave tal-maternità, li l-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà mogħtija bid-Direttiva hija intiża għal nisa li welldu tarbija. Fil-fatt, id-dritt tal-leave tal-maternità huwa ddefinit bħala perijodu ta’ “mill-inqas 14-il ġimgħa [...] allokati qabel u/jew wara l-ħlas” (enfasi miżjud). Għalhekk l-għan tal-Artikolu 8 huwa li jipproteġi l-mara matul perijodu li fih hija partikolarment vulnerabbli kemm qabel u wara l-ħlas. Fuq l-istess linja, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat dan l-aspett tal-leave tal-maternità billi osservat li l-leave tal-maternità, għall-kuntrarju tal-leave parentali, huwa intiż għall-ħarsien tal-kundizzjoni bijoloġika tal-mara u tar-relazzjonijiet partikolari bejn il-mara u t-tarbija matul il-perijodu li jsegwi t-tqala u l-ħlas (19).

46.      Fuq livell iktar ġenerali, id-Direttiva 92/85 hija intiża, inter alia, sabiex permezz tal-leave tal-maternità, tgħin ħaddiema nisa jirkupraw mit-tbatija fiżika u mentali tagħha tat-tqala u ta’ wara l-ħlas, kif ukoll tiffaċilità r-ritorn tagħhom fis-suq tax-xogħol fl-aħħar tal-leave tagħhom. Id-direttiva għalhekk topera bħala strument sabiex issaħħaħ l-ugwaljanza sostanzjali bejn is-sessi.

47.      Huwa minnu li, kif imsemmi iktar ’il fuq, fid-determinazzjoni tar-raġunament wara l-leave tal-maternità taħt id-Direttiva 92/85, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti wkoll importanza lir-relazzjoni speċjali li tiżviluppa wara t-twelid bejn il-mara u t-tarbija tagħha. Madankollu, jiena nemmen li dak l-għan jista’ jinftiehem biss fil-kuntest; bħala konsegwenza loġika tat-twelid (u tat-treddigħ). Jekk, dak l-għan jingħata sinjifikat indipendenti, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85 ma setax, fil-fehma tiegħi, ikun b’mod sinjifikattiv limitat biss għan-nisa li welldu, iżda kellu neċessarjament ikopri ommijiet adottivi u saħansitra, kwalunkwe ġenitur ieħor li jieħu ħsieb b’mod sħiħ tat-tarbija tat-twelid tiegħu jew tagħha.

48.      Preċiżament minħabba l-għan ċar hawn fuq imsemmi tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema f’kundizzjoni vulnerabbli, jiena ma nistax ninterpreta d-Direttiva 92/85 bħala li tipproteġi dritt għal leave bi ħlas għall-assenza ekwivalenti għal leave tal-maternità f’każ ta’ mara li kellha l-wild ġenetiku tagħha permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata. Fil-fatt, għalkemm Z hija l-omm ġenetika tat-tarbija li twieldet permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata, jiena ma jiniex konvint li dik iċ-ċirkustanza waħedha tista’ tinftiehem bħala li tagħti lok għal twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/85 sabiex tipproteġi, f’termini ġenerali, il-maternità, jew saħansitra l-paternità, bi ksur tal-formulazzjoni tagħha stess u tal-għanijiet tagħha li huma stabbiliti b’mod ċar.

49.      Madankollu, jiena nżid, li peress li l-livell ta’ protezzjoni ggarantita mid-Direttiva 92/85 huwa biss il-minimu aċċettat, l-Istati Membri jistgħu ovvjament jipprovdu protezzjoni usa’, kemm għall-ommijiet bijoloġiċi kif ukoll għall-ommijiet surrogi u adottivi (u għall-missirijiet). Jidhirli li l-Istati Membri għandhom libertà kunsiderevoli sabiex joffru, b’żieda mat-tip ta’ leave rregolat mill-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 92/85, dritt għal leave bi ħlas għall-assenza li jestendi — jekk jidhirlhom xieraq — anki għall-ħaddiema li ma welldux tarbija.

50.      Madankollu, sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma testendix id-dritt tal-leave tal-maternità għall-ommijiet li jikkommissjonaw arranġament ma’ omm surrogata, din ma tistax tkun interpretata bħala li tmur kontra d-Direttiva 92/85. Dan sempliċement għaliex Z ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni, ratione personae, tad-Direttiva 92/85.

51.      Fuq dan il-punt, irrid nenfasizza li t-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/85 — u, konsegwentement, l-estensjoni tad-dritt tal-leave bi ħlas għall-assenza minn impjieg għal ħaddiema mara li l-wild ġenetiku tagħha jitwieled minn omm surrogata — tirriżulta f’sitwazzjoni kontradittorja, li permezz tagħha d-Direttiva 92/85 testendi dritt għal leave bi ħlas għal ħaddiema mara li tuża arranġament ma’ omm surrogata, iżda ma testendix dan id-dritt, bl-istess mod, lil omm adottiva — jew saħansitra lil missirijiet, kemm permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata li taħdem kif ukoll b’mod ieħor. Kif inhuma l-affarijiet fil-preżent, ma hemm ebda obbligu li ġej mid-dritt tal-Unjoni li Stat Membru jipprovdi għal leave tal-adozzjoni jew parentali bi ħlas.

52.      Kif inhu ċar mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/85, moqri flimkien mat-tmien premessa tagħha, dik id-direttiva tkopri biss kategorija speċifika ta’ ħaddiema li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis li għandha bżonn ta’ protezzjoni speċjali. F’dan ir-rigward, ma naħsibx li mara li tuża arranġament ma’ omm surrogata tista’ titqabbel ma’ mara li, wara li kienet tqila u għaddiet mit-tbatija fiżika u mentali tat-tqala, twelled tarbija.

53.      Madankollu, kif tikkontempla l-qorti tar-rinviju, dan ma jeskludix per se protezzjoni taħt id-Direttiva 2006/54. Dan huwa kkonfermat mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-kawża Mayr (20), każ li jirrigwarda l-aspett ratione temporis tal-kunċett tat-tqala fil-kuntest tat-trattament tal-IVF.

2.      Is-sitwazzjoni ta’ Z hija koperta mid-Direttiva 2006/54?

54.      Sabiex tapplika d-Direttiva 2006/54, għandu jkun stabbilit li d-differenza fit-trattament li dwarha qed isir l-ilment hija fuq il-bażi ta’ sess. Sabiex nuri għaliex naħseb li dan ma huwiex il-każ hawn hekk, ser nibda billi nispjega għaliex għandha ssir distinzjoni bejn din il-kawża u Mayr. Insegwitu ser nindirizza l-kwistjoni tal-identifikazzjoni tal-komparatur korrett.

55.      Bħala punt preliminari, nosserva li l-ġurisprudenza estensiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ tqala u maternità taħt l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/54 u forom oħra ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ sess ipprojbiti taħt l-Artikoli 2(1)(a) jew 2(1)(b) ta’ dik id-direttiva, min-naħa l-oħra (21). Fil-fatt, skont il-prinċipju “ittratta każijiet simili b’mod simili” jew fi kliem ieħor “tittrattax każijiet mhux simili b’mod simili”, huwa aċċettat li filwaqt li konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ tqala jew ta’ maternità ma tippreżumix l-eżistenza ta’ komparatur minħabba l-kundizzjoni speċifika (ta’ sess) ta’ tqala jew ta’ maternità (22), tipi oħra ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ sess jippreżumuha.

56.      B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tas-sentenza Mayr, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li ħaddiema li tissottometti ruħha għal trattament IVF ma tistax tibbaża ruħha fuq il-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 92/85 fir-rigward tat-tkeċċija tagħha, jekk l-ovuli ffekondati jkunu għadhom ma ġewx ittrasferiti fl-utru tagħha (23). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tikkunsidra jekk din il-ħaddiema, li ma hijiex tqila fis-sens tad-Direttiva 92/85, tistax tibbaża ruħha fuq il-protezzjoni kontra diskriminazzjoni abbażi ta’ sess mogħtija mid-Direttiva 76/207/KEE (24), li issa ġiet issostitwita bid-Direttiva 2006/54 (25).  

57.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tkeċċija ta’ ħaddiema mara għax tissottometti ruħha għal trattament speċifiku (26) li jifforma stadju kruċjali tal-proċess ta’ fertilizzazzjoni in vitro u li jaffettwa direttament lin-nisa biss tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta abbażi ta’ sess (27). Dan ir-raġunament joriġina mis-sentenza Dekker (28) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-nisa biss jistgħu jkunu suġġetti għal trattament inqas favorevoli minħabba t-tqala. Permezz ta’ estensjoni ta’ dik il-linja ta’ ġurisprudenza, jidher illi l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Mayr għamlet distinzjoni bejn trattament mediku marbut ma’ sess speċifiku (relatat mat-tqala) u mard marbut ma’ sess speċifiku (relatat mat-tqala, iżda li jiġi wara li jispiċċa l-leave tal-maternità) (29).

58.      L-approċċ meħud fis-sentenza Mayr jidher li huwa marbut mill-qrib mal-għan li jrid jilħaq it-trattament IVF, li huwa li jinduċi tqala fil-mara kkonċernata permezz ta’ intervent mediku. Ir-riferiment għall-għan tal-Artikolu 2(3) (30) tad-Direttiva 76/207 li huwa tal-protezzjoni tan-nisa u b’mod partikolari, tal-ħaddiema tqal, jidher li jikkonferma li d-diskriminazzjoni pprojbita f’dak il-każ irriżultat mir-rabta intima li teżisti bejn, min-naħa l-waħda, il-fatturi (ta’ sess) speċifiċi tat-trattament inkwistjoni, li jistgħu jaffettwaw lin-nisa biss, u t-tqala, min-naħa l-oħra, li hija mogħtija protezzjoni speċjali taħt id-dritt tal-Unjoni (31).

59.      Peress li t-trattament inqas favorevoli li fuqu tilmenta Z ma huwiex relatat ma’ li hija — jew saħansitra ser issir — tqila b’riżultat tat-trattament IVF li għalih hija ssottomettiet ruħha, iżda ma’ li hija ġenitur femminili ta’ tarbija, jiena nikkunsidra li huwa neċessarju li jiġi identifikat komparatur maskili.

60.      Barra minn hekk, jiena nenfasizza li għall-kuntrarju tas-sentenza Mayr, il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju ma tirrigwardax tkeċċija. Hija tikkonċerna dritt għal forma speċifika ta’ rimunerazzjoni u tirrelata għalhekk b’mod iktar speċifiku mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 (għalkemm il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għall-Artikolu 14 tagħha), li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni abbażi ta’ sess “fir-rigward ta’ l-aspetti u l-kondizzjonjiet kollha ta’ rimunerazzjoni”.

61.      F’dan ir-rigward, jiena nsibha diffiċli sabiex naċċetta li Z kienet suġġetta għal diskriminazzjoni pprojbita fuq il-bażi ta’ sess.

62.      F’dan il-każ, id-differenza fit-trattament li minnha Z tilmenta ma huwiex ibbażat fuq sess, iżda fuq ir-rifjut mill-awtoritajiet nazzjonali li jqisu s-sitwazzjoni ta’ omm li tikkommissjona arranġament ma’ omm surrogata l-istess bħal dik jew ta’ mara li welldet jew ta’ omm adottiva. Isegwi għalhekk li d-Direttiva 2006/54 ma tapplikax għat-trattament inqas favorevoli li minnu tilmenta Z.

63.      Fil-fatt, jidher illi ġenitur maskili ta’ tarbija li titwieled permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata (jew anki, b’mod ieħor) ikun ittrattat bl-istess mod bħal Z f’sitwazzjoni komparabbli: għandu jkun preżunt li, l-istess bħal ġenitur femminili li tikkommissjona arranġament ma’ omm surrogata, huwa ma jkunx intitolat għal leave bi ħlas għall-assenza ekwivalenti għal leave tal-maternità jew leave tal-adozzjoni. Fil-fehma tiegħi, li d-Direttiva 2006/54 tiġi interpretata bħala li tipprekludi r-rifjut għall-għoti ta’ leave bi ħlas għall-assenza lil mara li tuża arranġament ma’ omm surrogata jkun kuntrarju għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Din l-interpretazzjoni jkollha l-effett kontradittorju ta’ diskriminazzjoni kontra rġiel li jsiru ġenituri u li jieħdu ħsieb ta’ tarbija b’mod sħiħ. Fil-fehma tiegħi, distinzjoni bejn is-sessi li ma tirrelatax mat-tbatija fiżika jew mentali speċifika tat-tqala u tat-twelid ta’ tarbija tfisser ukoll ġudizzju ta’ valur fir-rigward tad-differenza kwalitattiva bejn maternità kif ikkuntrastata mal-paternità in ġenerali.

64.      Fuq dan il-punt, jiena intendi li nargumenta li għal mara li ssir omm permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata, punt ta’ paragun xieraq jidher li jinsab — kif Z stess tammetti — f’omm adottiva (jew, kif jista’ jkun il-każ, maskili jew femminili) li ma wellditx tarbija. B’mod simili għal omm adottiva, hija saret omm mingħajr ma għaddiet mill-effetti fiżiċi u mentali tat-tqala u tal-ħlas — għalkemm ma nixtieq bl-ebda mod innaqqas mid-diffikultajiet involuti fl-użu ta’ arranġament ma’ omm surrogata (jew adozzjoni).

65.      Fir-rigward tal-adozzjoni, ma hemm ebda dispożizzjoni fid-dritt tal-Unjoni li timponi obbligu fuq l-Istati Membri sabiex jagħtu leave bi ħlas għall-assenza lill-ġenituri adottivi. L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/54 jipprovdi biss għall-protezzjoni minn diskriminazzjoni għall-irġiel u nisa li jagħmlu użu mil-leave tal-adozzjoni jew tal-paternità, fl-Istati Membri li jirrikonoxxu d-dritt għal dan il-leave. Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/54, moqri flimkien mal-premessa 27 tagħha, diskriminazzjoni fis-sens ta’ dik id-direttiva tista’ sseħħ biss fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ dritt li huwa rrikonoxxut bħala kwistjoni ta’ dritt nazzjonali. Bl-istess mod, id-Direttiva tħalli lill-Istati Membri liberi li jagħmlu l-arranġamenti li jidhrilhom xierqa fir-rigward ta’ dawn it-tipi ta’ leave (32). Fil-każ quddiem il-qorti tar-rinviju, Z ma soffriet ebda trattament inqas favorevoli għax ħadet il-leave tal-adozzjoni.

66.      Madankollu, jidhirli li trattament sfavorevoli fil-konfront ta’ ommijiet adottivi ma jistax ikun eskluż.

67.      F’dan ir-rigward, fejn id-dritt nazzjonali jipprovdi għal leave tal-adozzjoni bi ħlas — jew forma oħra ta’ leave, li ma huwiex ibbażat fuq il-kundizzjoni speċifika li l-persuna kkonċernata tkun għaddiet mit-tqala — għandu jkun il-qorti tar-rinviju li tevalwa, fid-dawl ta’ dak id-dritt nazzjonali, jekk l-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal ġenituri adottivi u ġenituri li kellhom wild permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata (u li huma rrikonoxxuti bħala l-ġenituri legali tal-wild) tikkostitwixxix diskriminazzjoni(33).

68.      Fil-qosor, jiena nqis li peress li d-differenza fit-trattament li Z tilmenta minnha ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess, id-Direttiva 2006/54 ma tistax tkun interpretata bħala li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprovdix għal leave bi ħlas għall-assenza minn impjieg, ekwivalenti għal leave tal-maternità jew leave tal-adozzjoni, għal mara li hija l-omm ġenetika ta’ tarbija li twieldet permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata (34).

3.      L-impatt tad-dritt primarju

69.      Fl-eventwalità li r-risposta għad-domanda 1 hija fin-negattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk id-Direttiva 2006/54 hijiex kompatibbli mal-Artikolu 3TUE, mal-Artikolu 8 TFUE u mal-Artikolu 156 TFUE kif ukoll mal-Artikoli 21, 23, 33 u 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”).

70.      L-ewwel nett, huwa ċar li, skont il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fit-trattament, id-dispożizzjonijiet iċċitati jistgħu joperaw bħala bażi għar-reviżjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni (35). Madankollu, fir-rigward tal-Artikolu 3 TUE (li jistabbilixxi għanjiet ġenerali għall-Unjoni Ewropea), u b’mod partikolari l-paragrafu 3 tiegħu, kif ukoll l-Artikoli 8 u 157 TFUE, jiena ninnota li dawk id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw, fil-partijiet rilevanti tagħhom, l-ugwaljanza fit-trattament tal-irġiel u tan-nisa. Meħuda inkunsiderazzjoni l-konklużjoni magħmula iktar ’il fuq li dritt għal leave bi ħlas għall-assenza ekwivalenti għal leave tal-maternità jew leave tal-adozzjoni għall-ommijiet li jikkummissjonaw arranġament ma’ omm surrogata ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 92/85 u 2006/54, fil-fehma tiegħi l-kwistjoni ta’ kompatibbiltà ta’ din id-direttiva tal-aħħar mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat imsemmija, ma tqumx.

71.      It-tieni nett, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (l-Artikoli 21, 23, 33 u 34) imsemmija mill-qorti tar-rinviju, huwa neċessarju li jitfakkar li, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati biss lill-Istati Membri fl-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, sabiex tapplika l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi stabbilita rabta suffiċjentement mill-qrib mad-dritt tal-Unjoni. F’dak is-sens, il-fatt li tinvoka dispożizzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma huwiex ser ibiddel sitwazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali f’sitwazzjoni koperta mid-dritt tal-Unjoni (36). Dan huwa hekk għax il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tapplika biss sa fejn każ jirrigwarda, mhux biss dispożizzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iżda wkoll regola oħra tad-dritt tal-Unjoni li hija direttament rilevanti għall-każ (37). Kif ippruvajt nuri iktar ’il fuq, din il-konnessjoni ma teżistix f’dan il-każ.

72.      Inżid ukoll li skont il-prinċipju espress fl-Artikolu 51(2) tagħha, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mis-setgħat mogħtija lill-Unjoni Ewropea. Hija lanqas “ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni [Ewropea] u ,ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati”.

73.      Filwaqt illi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (u d-dritt primarju fl-intier tiegħu) għandhom bla dubju jkunu osservati fl-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni (38), jiena ma nistax nara kif id-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ċċitati mill-qorti tar-rinviju jistgħu jintużaw b’tali mod li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni rationae materiae tad-Direttiva 2006/54. Kif muri iktar ’il fuq, l-ilment ta’ diskriminazzjoni inkwistjoni jirrigwarda l-fatt li Z ma kinitx ittrattata bl-istess mod bħal mara li welldet jew omm adottiva, sitwazzjoni li ma hijiex koperta minn din id-direttiva. Fi kliem sempliċi, strument leġiżlattiv partikolari li jirrifletti għażla leġiżlattiva fundamentali sabiex tissaħħaħ l-ugwaljanza sostantiva bejn is-sessi — skont l-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — ma jistax ikun interpretat, sempliċement billi jkunu invokati d-drittijiet fundamentali, bħala li jkopri forom ta’ diskriminazzjoni oħra (possibbli) (39). Lanqas ma tista’ din l-għażla taffettwa d-Direttiva 2006/54.

74.      Ċertament, fejn sitwazzjoni speċifika (jew kategorija ta’ persuni) jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ strument leġiżlattiv tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprova tirrimedja l-inkonsistenzi bejn il-liġi sekondarja u primarja permezz ta’ interpretazzjoni “ferm teleoloġik[a]” (40). Dan kien il-każ fis-sentenza Sturgeon (41), fejn id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (42) kienu interpretati fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fit-trattament sabiex jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni mogħtija minn dak ir-regolament fir-rigward ta’ passiġġieri li t-titjiriet tagħhom kellhom dewmien (43). Madankollu, tali interpretazzjoni teħtieġ, qabelkollox, li d-differenza fit-trattament ilmentata taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istrument leġiżlattiv inkwistjoni. Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża (44).

75.      Kif spjegajt iktar ’il fuq, ma nistax ninterpreta d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi eżistenti bħala li jimponu obbligu li jingħata leave bi ħlas għall-assenza lil mara, bħal Z li rrikorriet għal arranġament ma’ omm surrogata sabiex ikollha tarbija. Id-dritt tal-Unjoni jipprovdi espressament għal leave tal-maternità bi ħlas għal nisa li welldu tarbija. Fir-rigward ta’ tipi oħra ta’ leave (leave tal-adozzjoni jew parentali, b’mod partikolari) l-Istati Membri jżommu diskrezzjoni sostanzjali sabiex jagħmlu l-arranġamenti li jidhirlhom xierqa.

76.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li r-risposta għad-domandi 1 u 2 għandha tkun fis-sens li d-Direttiva 2006/54 ma tapplikax f’ċirkustanzi bħal dawk fil-każ quddiem il-qorti tar-rinviju fejn mara, li l-wild ġenetiku tagħha twieled permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata, hija mċaħħda mil-leave bi ħlas għall-assenza ekwivalenti għal leave tal-maternità u/jew leave tal-adozzjoni. Dik il-konklużjoni ma tikkontestax il-validità ta’ din id-direttiva.

C –    Diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà

1.      Protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2000/78

77.      Id-domandi 3, 4, 5 u 6 jirrigwardaw il-kwistjoni tad-diżabbiltà. B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta jekk rifjut li jingħata leave bi ħlas għall-assenza minn impjieg ekwivalenti għal leave tal-maternità jew leave tal-adozzjoni jikkostitwixxix diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà taħt id-Direttiva 2000/78 (b’mod partikolari d-domanda 3). Dan peress li l-omm ikkonċernata tbati minn kundizzjoni li tipprojbixxiha milli toħroġ tqila.

78.      F’dan il-kuntest, l-Equality Tribunal jixtieq ikun jaf ukoll x’rilevanza għandha tingħata lill-Konvenzjoni tan-NU fl-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78 u barra minn hekk, jekk din il-konvenzjoni tistax taffettwa l-validità ta’ din id-direttiva (domandi 5 u 6). Barra minn hekk id-domanda 4 tqajjem il-kwistjoni tal-validità fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni.

79.      Qabel xejn, nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat risposta parzjali għad-domanda 5 f’sentenza reċenti fis-sentenza reċenti Ring (45). F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li d-Direttiva 2000/78 għandha tkun interpretata, kemm jista’ jkun, b’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU (46). Skont l-Artikolu 216(2) TFUE, trattati internazzjonali konklużi mill-Unjoni Ewropea huma vinkolanti fuq l-istituzzjonijiet tagħha. Dawn għandhom għalhekk jipprevalu fuq l-atti tal-Unjoni (47).

80.      Fil-fatt, sa fejn id-Direttiva 2000/78 tikkostitwixxi wieħed mill-atti leġiżlattivi tal-Unjoni li jirreferu għall-kwistjonijiet rregolati minn dak l-istrument (48) — punt li dwaru jaqblu l-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet — huwa ċar li l-Konvenzjoni tan-NU tikkostitwixxi parametru importanti għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

81.      Fir-rigward tat-tieni kwistjoni mqajma mid-domandi 5 u 6, jiġifieri l-possibbiltà li tkun attakkata l-kompatibbiltà tad-Direttiva 2000/78 mal-Konvenzjoni tan-NU, hemm ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina biss il-validità tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni fid-dawl tat-trattat internazzjonali meta “[i]n-natura kif ukoll l-ekonomija [struttura]” ta’ dak it-trattat ma jippreludux dan u meta d-dispożizzjonijiet tat-trattat internazzjonali jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u ċari biżżejjed (49). Kif ser nispjega f’iktar dettall iktar ’l isfel, ma naħsibx li l-Konvenzjoni tan-NU u, b’mod iktar speċifiku, id-dispożizzjonijiet imsemmija mill-qorti tar-rinviju, jistgħu jservu bħala bażi sabiex tiġi kkontestata l-validità tad-Direttiva 2000/78.

82.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk id-Direttiva 2000/78 tapplikax fis-sitwazzjoni ta’ Z, ser nibda billi niddeskrivi fil-qosor l-iżvilupp tal-kunċett ta’ diżabbiltà fil-kuntest tad-Direttiva 2000/78. Insegwitu ser nindirizza l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

a)      Is-sitwazzjoni ta’ Z hija koperta bil-kunċett ta’ diżabbiltà taħt id-Direttiva 2000/78?

83.      Huwa stabbilit li jistgħu jiġu identifikati (tal-inqas) żewġ kunċetti kontrastanti ta’ diżabbiltà: il-kunċett mediku (jew individwali) u dak soċjali tad-diżabbiltà (50).

84.      Il-kunċett mediku jitfa’ enfasi partikolari fuq l-individwu, u fuq id-difett li jagħmilha diffiċli għall-persuna kkonċernata li tadatta għal jew tintegra fl-ambjent soċjali ta’ madwarha. Għall-kuntrarju tal-mudell mediku, il-kunċett soċjali ta’ diżabbiltà li huwa bbażat fuq approċċ sensittiv għall-kuntest, jenfasizza l-interazzjoni bejn id-difett u r-reazzjoni tas-soċjetà jew anki, l-organizzazzjoni tas-soċjetà sabiex takkomoda persuni b’diżabbiltà. Huwa importanti li dan il-mudell joffri kunċett iktar inklużiv ta’ diżabbiltà. Huwa ta’ sinjifikat partikolari li d-diżabbiltà tiddependi fuq il-kuntest u fuq is-sitwazzjoni: pereżempju, marda fit-tul bħad-dijabete jew anki allerġija tista’, skont iċ-ċirkustanzi, tikkostitwixxi diżabbiltà.

85.      Il-Konvenzjoni tan-NU tirrifletti l-mudell soċjali ta’ diżabbiltà. Hija tirrikonoxxi li d-diżabbiltà “tirriżulta mill-effett reċiprolu bejn il-persuni bi ħsara fis-saħħa [u] l-barrieri ta’ attitudni u ambjentali li jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-socjetà fuq bazi ma’ ħaddieħor.” (51). Skont din il-kunċett, id-diżabbiltà tirriżulta min-nuqqas tal-ambjent soċjali li jadatta għal u jakkomoda l-bżonnijiet ta’ persuni b’nuqqasijiet (52). Sa fejn il-mudell soċjali tad-diżabbiltà jestendi lil hinn mil-limiti ta’ dak li fi kliem iktar tradizzjonali jista’ jinftiehem bħala diżabbiltà (inkluż, fost oħrajn, diżabbiltà mentali), il-Konvenzjoni tan-NU toffri protezzjoni ikbar u estensiva kontra d-diskriminazzjoni iktar milli definizzjoni ristretta u bbażata fuq l-individwu. Fil-fatt, hija tirrikonoxxi li d-diżabbiltà hija “kostruzzjoni soċjali daqs kemm hija fatt mediku” (53).

86.      F’dan il-kuntest, jiena ninnota li l-kunċett ta’ diżabbiltà żviluppa b’mod kunsiderevoli fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest speċifiku tad-Direttiva 2000/78.

87.      Skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Chacón Navas (54), il-kunċett ta’ diżabbiltà għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi, mhux biss sabiex tiggarantixxi applikazzjoni uniformi iżda wkoll sabiex tiżgura li l-prinċipju ta’ ugwaljanza jkun osservat fis-sens sħiħ tiegħu (55). F’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet kunċett ta’ diżabbiltà ristrett: hija ddefinitu bħala limitazzjoni, ikkawżata minn defiċjenzi fiżiċi, mentali jew psikiċi li jxekklu l-parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali (56).

88.      Madankollu, is-sentenza Ring timmarka bidla distinta fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’dik il-kawża, il-kunċett tal-Unjoni ta’ diżabbiltà kien sar konformi ma’ dak tal-Konvenzjoni tan-NU.

89.      Abbażi tal-Konvenzjoni tan-NU, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li diżabbiltà għandha tinftiehem bħala “kunċett li qed jevolvi”. Fil-kuntest speċifiku tad-Direttiva 2000/78, dan il-kunċett jirreferi għal “limitazzjoni, li tirriżulta b’mod partikolari minn defiċjenzi fiżiċi, mentali jew psikiċi, li flimkien ma’ diversi ostakli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq il-bażi tal-ugwaljanza mal-ħaddiema l-oħra” (57). Filwaqt illi l-kawża tad-diżabbiltà (mit-twelid, minn inċident jew minn marda) hija irrilevanti, l-inkapaċità għandha tkun fuq “perijodu twil” (58).

90.      Madankollu, differenza sinjifikattiva donnha teżisti bejn id-definizzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU u dik mogħtija f’Ring. Filwaqt illi l-Konvenzjoni tan-NU tirreferi b’mod wiesa’ għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà, id-definizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tkopri biss parteċipazzjoni fil-ħajja professjonali.

91.      Fil-fehma tiegħi, dik id-differenza hija bbażata fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, li hija ddeterminata mill-għażliet ta’ politika magħmula mill-leġiżlatur f’dan il-qasam speċifiku. Għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, hija inseparabbilment marbuta mal-kwistjoni ta’ x’jaqa’ jew x’ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Unjoni. Il-kwistjoni essenzjalment hija għalhekk din li ġejja: il-kundizzjoni li tbati minnha Z tikkomprometti s-suċċess tagħha fil-ħajja professjonali?

92.      Fuq dak il-punt, jiena nenfasizza li l-għan li jrid jintlaħaq mid-Direttiva 2000/78, kif iddikjarat fl-Artikolu 1, huwa li tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex tikkumbatti diskriminazzjoni fir-rigward tal-impjieg u x-xogħol, fuq kwalunkwe raġuni li tirreferi għaliha din id-dispożizzjoni. Dawn ir-raġunijiet jinkludu d-diżabbiltà. Kif imsemmi iktar ’il fuq, il-kunċett kien sussegwentement iddefinit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (59).

93.      Ma għandi l-ebda dubju li kundizzjoni bħal dik li tbati minnha Z tista’ tikkostitwixxi limitazzjoni fuq perijodu twil, li “tirriżulta b’mod partikolari minn defiċjenzi fiżiċi, mentali jew psikiċi”. Minħabba x-xewqa tagħha li jkollha tarbija tagħha, il-kundizzjoni li minnha tbati Z hija ċertament waħda ta’ stress qawwi. Fil-fatt, taħt il-kunċett soċjali usa’ tad-diżabbiltà li jirriżulta mill-Konvenzjoni tan-NU, jista’ jagħti l-każ, li f’ċerti ċirkustanzi, dik id-defiċjenza tista’ xxekkel il-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva ta’ persuna fis-soċjetà.

94.      Madankollu, ma jiniex persważ li d-Direttiva 2000/78 tapplika għaċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża.

95.      Ma naħsibx li l-kundizzjoni li minnha tbati Z ixxekkel, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “flimkien ma’ diversi ostakli [...] l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq il-bażi tal-ugwaljanza mal-ħaddiema l-oħra” (enfasi miżjud). Fil-fatt, kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “diżabbiltà” fis-sens tad-Direttiva 2000/78 għandu jinftiehem fir-rigward tal-possibbiltajiet għal li dik il-persuna taħdem, u li teżerċita attività professjonali (60). Dan l-approċċ jidher li huwa konsistenti mal-għanijiet li trid tilħaq id-Direttiva, jiġifieri, li tikkumbatti d-diskriminazzjoni fil-kuntest speċifiku ta’ impjieg u, konsegwentement, li tippermetti persuna b’diżabbiltà li jkollha aċċess għal, u tipparteċipa f’impjieg.

96.      Fi kliem ieħor, minħabba n-natura intrinsikament kuntestwali tad-diżabbiltà, il-kwistjoni ta’ x’jikkostitwixxi diżabbiltà għall-finijiet tad-Direttiva 2000/78 għandha tkun eżaminata każ b’każ fid-dawl tar-ratio legis tal-istrument legali. Għalhekk, il-kwistjoni hija jekk id-defiċjenza inkwistjoni tikkostitwixxix — flimkien ma’ ostakoli speċifiċi, kemm jekk ikunu fiżiċi, attitudinali jew organizzattivi — xkiel għall-eżerċizzju ta’ attività professjonali.

97.      Minkejja li l-fatt li jista’ ikollha tfal b’mezzi konvenzjonali tista’ tkun ipperċepita bħala estremament inġusta minn persuna li tixtieq li jkollha tarbija tagħha, jiena ma nistax ninterpreta l-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni eżistenti bħala li jkopri sitwazzjonijiet li ma humiex marbuta mal-kapaċità li taħdem tal-persuna kkonċernata (61). F’dan ir-rigward, huwa neċessarju li tiġi enfasizzata n-natura funzjonali tal-kunċett tad-diżabbiltà taħt id-Direttiva 2000/78. Fil-fehma tiegħi, sabiex limitazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-direttiva, trid tkun stabbilita interazzjoni bejn din il-limitazzjoni u l-kapaċità tal-persuna kkonċernata li taħdem. Din ir-rabta donnha hija nieqsa f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju (62). Mill-proċess ma jidhirx li l-limitazzjoni li minnha tbati Z ixxekkilha milli tipparteċipa fil-ħajja professjonali.

98.      Għalhekk jiena tal-fehma li t-trattament inqas favorevoli li minnu tilmenta Z ma jistax jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

99.      Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li d-Direttiva 2000/78 tapplika fis-sitwazzjoni inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, jiena ser inżid is-segwenti kunsiderazzjonijiet fir-rigward tar-rekwiżit ta’ “akkomodazzjoni raġjonevoli” fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dik id-direttiva.

b)      Akkomodazzjoni raġonevoli: jintlaħaq bilanċ bejn l-interessi tal-persuna b’diżabbiltà u dawk tal-persuna li timpjega

100. Anki jekk, għall-grazzja tal-argument, jiġi preżunt li d-diskriminazzjoni li minnha tilmenta Z taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni rationae materiae tad-Direttiva, jiena ma narax kif l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 jista’ jiġi interpretat bħala li jeħtieġ li l-persuna li timpjega tagħti leave bi ħlas għall-assenza lil ħaddiema fiċ-ċirkustanzi tagħha. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, persuna li timpjega għandha, taħt ċerti kundizzjonijiet, tieħu miżuri xierqa sabiex jippermetti lil persuna b’diżabbiltà li jkollha aċċess għal, tipparteċipa fi jew tavvanza f’impjieg.

101. Ċertament, ma hemm xejn fil-formulazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 jew fil-premessa 20 tal-preambolu tagħha li jeskludi, qabelkollox, il-possibbiltà li l-Artikolu 5 jista’ jiġi interpretat bħala li jirrikjedi l-għoti ta’ leave bi ħlas għall-assenza sabiex jiżgura akkomodazzjoni raġonevoli.

102. Filwaqt li l-Artikolu 5 jeħtieġ biss li dawk li jħaddmu jieħdu “mizuri approprjati, meta meħtieġa f’każ partikulari”, il-premessa 20 tistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ miżuri li jistgħu jkunu xierqa sabiex jadattaw il-post tax-xogħol għal diżabbiltà: dawn il-miżuri jinkludu kemm miżuri organizzattivi u miżuri intiżi sabiex jadattaw il-postijiet għall-bżonnijiet tal-persuna b’diżabbiltà. Huwa ċar ukoll li l-bżonn u kemm huma xierqa l-miżuri għandu jkun evalwat f’kull każ individwali (63). Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 — li jippermetti persuni b’diżabbiltà li jibdew u jkomplu jaħdmu — dik id-dispożizzjoni għandha tkun interpretata b’mod wiesa’ (64).

103. Għaldaqstant, l-akkomodazzjoni raġonevoli għall-finijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 — u interpretata fid-dawl tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tan-NU — tista’ tirrekjedi spejjeż għall-persuna li timpjega (kemm minħabba l-adattament tal-postijiet jew il-miżuri organizzattivi). Madankollu, nenfasizza li l-Artikolu 5 jipprovdi wkoll li din l-akkomodazzjoni ma għandhiex tikkostitwixxi piż sproporzjonat fuq il-persuna li timpjega. Abbażi tal-premessa 21 fil-preambolu tad-Direttiva 2000/78, importanza partikolari għandha tingħata lill-“ispejjeż finanzjarji u ta’ natura oħra li dan jimplika, ta’ l-iskala u r-riżorsi finanzjarji ta’ l-organizzazzjoni jew l-intrapriża”.

104. Fuq dan il-punt, naħseb li jista’ jkun perfettament il-każ li, f’ċerti ċirkustanzi, l-għoti ta’ leave (mingħajr ħlas) jista’ jitqies xieraq sabiex jiżgura li l-ħaddiem b’diżabbiltà kkonċernat ikun jista’ jkompli jaħdem u jipparteċipa f’attività professjonali skont l-għanijiet tad-Direttiva 2000/78. Madankollu, insibha diffiċli li naċċetta li mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 jista’ jirriżulta obbligu fuq il-persuna li timpjega li jagħti leave bi ħlas għall-assenza.

105. Fil-fatt, ir-ratio legis wara r-rekwiżit ta’ akkomodazzjoni raġonevoli huwa li jinħoloq bilanċ bejn il-bżonnijiet tal-persuni b’diżabbiltajiet u l-persuna li jimpjegaw (65).

106. Fis-sentenza Ring, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol jista’ jikkostitwixxi miżura ta’ akkomodazzjoni raġonevoli taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78. Huwa għalhekk aċċettat li l-obbligu ta’ akkomodazzjoni raġonevoli jista’ jxekkel il-libertà ta’ min iħaddem fin-negozju tiegħu, u jimlika piż finanzjarju.

107. Filwaqt li t-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol jista’ forsi jikkostitwixxi piż finanzjarju kunsiderevoli fuq min iħaddem, huwa madankollu joħloq bilanċ bejn l-interessi tal-impjegat u dawk tal-persuna li timpjega: fil-fatt, bħala quid pro quo tal-akkomodazzjoni pprovduta, l-impjegat ikompli jikkontribwixxi fl-operat tal-istabbiliment. Għalkemm il-kwistjoni ma kinitx imqajma b’mod espliċitu fis-sentenza Ring, jidhirli li sabiex jinħoloq bilanċ xieraq bejn l-interessi involuti, it-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol bħala miżura ta’ akkomodazzjoni tinvolvi neċessarjament tnaqqis korrispondenti fil-paga tal-persuna kkonċernata.

108. Għall-kuntrarju tat-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol, l-għoti ta’ leave bi ħlas għall-assenza iħares biss l-interessi tal-impjegat. B’differenza għas-sitwazzjoni deskritta iktar ’il fuq, l-għoti ta’ leave bi ħlas għall-assenza mhux biss ipoġġi piż finanzjarju fuq il-persuna li timpjega, huwa jonqos ukoll milli jiżgura li bħala korrispettiv għall-aġġustament magħmul, l-impjegat b’diżabbiltà jkompli jipparteċipa fl-attività professjonali. Fil-fatt, jekk l-għoti ta’ leave bi ħlas għall-assenza kellu jkun ekwivalenti għat-tnaqqis tas-sigħat tax-xogħol, kellu jkun preżunt li l-impjegat (b’diżabbiltà) kien ser jirritorna għax-xogħol wara l-perijodu ta’ leave. Lanqas ma jista’ jkun eskluż li perijodi oħra jkunu neċessarji jekk l-impjegat jiddeċiedi li jkollu iktar tfal b’arranġament simili. Fid-dawl tad-diversi inċertezzi fl-għoti tal-leave bi ħlas għall-assenza mill-perspettiva tal-persuna li timpjega, dawn il-miżuri ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, ikunu pparagunati b’mod li jagħmel sens (66).

109. Barra minn hekk, il-limitazzjoni li minnha tbati mara bħal Z u l-bżonn tagħha li tieħu l-leave għall-assenza ma jidhrux li huma direttament marbuta. Fil-fatt, akkomodazzjoni raġonevoli teħtieġ li l-persunal li timpjega tieħu miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess għal u l-parteċipazzjoni f’attività professjonali (67). Dan huwa kkonfermat mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, moqri flimkien mal-premessa 20 tagħha.

110. Huwa ċertament minnu li l-akkomodazzjoni pprovduta għandha tkun adatta għal kull każ individwali. Madankollu, fejn il-miżuri inkwistjoni ma jkollhom ebda rabta apparenti mal-fatt li jkun żgurat li l-persuna b’diżabbiltà kkonċernata jkollha aċċess għal jew tkun tista’ tipparteċipa fil-ħajja tax-xogħol, l-Artikolu 5 ma jistax fil-fehma tiegħi jkun interpretat bħala li jobbliga lill-persuna li timpjega li tieħu dawn il-miżuri. Din hija l-pożizzjoni fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju. Mill-proċess jirriżulta li l-bżonn li tieħu l-leave ma huwiex neċessarjament marbut mal-fatt li Z tkun tista’ tkompli tipparteċipa f’attività professjonali, iżda pjuttost, konsegwenza tad-deċiżjoni tagħha li tirrikorri għal arranġament ma’ omm surrogata.

2.      L-impatt tad-dritt primarju u internazzjonali

111. Id-domandi 4, 5 u 6 jirrigwardaw il-validità tad-Direttiva 2000/78. B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju trid taċċerta jekk dik id-direttiva hijiex kompatibbli, min-naħa l-waħda, mal-Artikolu 10 TFUE u l-Artikoli 21, 26 u 34 tal-Karta u min-naħa l-oħra, mal-Konvenzjoni tan-NU.

112. L-Artikolu 10 TFUE jinkludi klawżola ġenerali li tistabbilixxi għan ta’ politika partikolari li bih l-Unjoni Ewropea hija impenjata. Hija tistabbilixxi l-għan li tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’, fost raġunijiet oħra, id-diżabbiltà: għan estiż bid-Direttiva 2000/78 fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol. Jiena tal-fehma li dik id-dispożizzjoni ta’ dritt primarju ma tistabbilixxi ebda drittijiet jew obbligi preċiżi li jistgħu jikkontestaw il-validità tad-Direttiva 2000/78.

113. Sa fejn id-Direttiva 2000/78 ma tapplikax, fil-fehma tiegħi, għaċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, jiena nirreferi — b’analoġija — għar-rimarki tiegħi dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fil-punti 71 sa 75 iktar ’il fuq.

114. Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ kompatibbiltà bejn id-Direttiva 2000/78 u l-Konvenzjoni tan-NU, jiena nosserva li l-obbligi stabbiliti f’dan l-istrument internazzjonali tal-aħħar jidhru li huma indirizzati lill-Istati Kontraenti. Dawn għandhom jieħdu miżuri xierqa — jekk neċessarju, billi jadottaw leġiżlazzjoni — sabiex jagħtu effett lid-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà kif stabbilit fil-Konvenzjoni tan-NU (68). Peress li nkitbet f’forma programmata, jiena ma nistax ninterpreta dik il-konvenzjoni bħala li tinkludi xi dispożizzjonijiet li jistgħu jissodisfaw il-kundizzjoni li d-dispożizzjoni għandha tkun inkundizzjonata u suffiċjentement preċiża, kif iddikjarat hawn fuq. Konsegwentement, jiena ma nikkunsidrax li l-Konvenzjoni tan-NU tista’ tkun il-bażi li fuqha tiġi kkontestata l-validità tad-Direttiva 2000/78 (69).

115. Madankollu ser nittratta fil-qosor id-dispożizzjonijiet imsemmija mill-qorti tar-rinviju.

116. L-ewwel nett, l-Artikoli 5, 6 u 28 tal-Konvenzjoni tan-NU (70) ma jirrigwardawx b’mod speċifiku l-impjieg u x-xogħol. Huma jistabbilixxu obbligi ġenerali indirizzati lill-Partijiet Kontraenti sabiex jieħdu passi sabiex jiżguraw li l-għanijiet tal-Konvenzjoni tan-NU jintlaħqu. Għaldaqstant, jiena ma narax kif dawk id-dispożizzjonijiet jistgħu jservu bħala bażi sabiex tkun ikkontestata l-validità tad-Direttiva 2000/78.

117. It-tieni nett, l-Artikolu 27(1)(b) tal-Konvenzjoni tan-NU jipprovdi li “L-Istati Partijiet għandhom iħarsu u jippromwovu l-kisba tad-dritt għax-xogħol, inkluż għal dawk li jġarrbu diżabbiltà matul l-impjieg tagħhom, billi jieħdu passi adegwati, inkluż permezz ta’ leġiżlazzjoni, biex, inter alia [...] [j]ipproteġu d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, għal kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u favorevoli, inklużi opportunitajiet indaqs u ħlas indaqs għal xogħol tal-istess valur [...]”.

118. Dik id-dispożizzjoni għalhekk tagħti diskrezzjoni lill-Partijiet Kontraenti sabiex jiddeterminaw il-miżuri li għandhom jadottaw. Għalhekk, il-libertà tal-Unjoni Ewropea sabiex tieħu miżuri leġiżlattivi sabiex tippromovi t-twettiq ta’ drittijiet imnaqqxa fil-Konvenzjoni tan-NU ma hijiex limitata bl-Artikolu 27(1)(b) tal-Konvenzjoni tan-NU.

119. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li r-risposta għad-domandi 3, 4, 5 u 6 għandha tkun fis-sens li d-Direttiva 2000/78 ma tapplikax f’ċirkustanzi, bħal dawk tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn mara li tbati minn kundizzjoni li biha ma jistax ikollha tfal u li l-wild ġenetiku tagħha twieled permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata tiġi mċaħħda mil-leave bi ħlas għall-assenza ekwivalenti għal leave tal-maternità u/jew leave tal-adozzjoni. Dik il-konklużjoni ma tikkontestax il-validità ta’ din id-direttiva.

D –    Kunsiderazzjonijiet finali

120. Minkejja l-konklużjoni li jiena wasalt għaliha iktar ’il fuq, jiena għandi simpatija kunsiderevoli għad-diffikultajiet li ġenituri li jikkommissjonaw arranġament ma’ omm surrogata bla dubju jaffaċċjaw minħabba l-inċertezza legali li tikkaratterizza l-arranġamenti ma’ omm surrogata f’numru ta’ Stati Membri. Madankollu, jiena ma naħsibx li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tissostitwixxi ruħha għal-leġiżlatur billi twettaq interpretazzjoni kostruttiva li tinvolvi li jkun hemm interpretazzjoni tad-Direttivi 2006/54 u 2000/78 (jew, fil-fatt id-Direttiva 92/85) fuq dak li sempliċement ma jeżistix fihom. Fil-fehma tiegħi, dan jammonta għal indħil fil-prerogattiva leġiżlattiva.

121. Fil-fatt, li jkun hemm interpretazzjoni b’mod ġudizzjarju li hemm dritt għal leave bi ħlas għall-assenza minn impjieg jinvolvi teħid ta’ pożizzjoni fuq kwistjonijiet ta’ natura etika, li għad iridu jkunu deċiżi mill-proċess leġiżlattiv. Jekk l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni tal-leave tal-maternità jew tal-leave tal-adozzjoni (jew saħansitra l-ħolqien ta’ forma separata ta’ leave għal arranġamenti ma’ omm surrogata) huwa kkunsidrat bħala xi ħaġa mixtieqa soċjalment, huma l-Istati Membri u/jew il-leġiżlatur tal-Unjoni li għandhom jistabbilixxu l-miżuri leġiżlattivi neċessarji sabiex jinkiseb dak l-għan.

IV – Konklużjoni

122. Għaldaqstant, nipproponi li Qorti tal‑Ġustizzja għandha tirrispondi għad‑domandi mressqa mill-Equality Tribunal fis-sens li ġej:

–        Id-Direttiva 2006/54 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) ma tapplikax f’ċirkustanzi fejn mara li l-wild ġenetiku tagħha twieled permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata tiġi mċaħħda minn leave bi ħlas għall-assenza ekwivalenti għal leave tal-maternità u/jew leave tal-adozzjoni.

Kunsiderazzjoni tal-kwistjonijiet imqajma ma wriet ebda fattur li jista’ jaffettwa l-validità tad-Direttiva 2006/54.

–        Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ma tapplikax f’ċirkustanzi, bħal dawk inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn mara li tbati minn kundizzjoni li biha ma jistax ikollha tfal toħroġ tqila u li l-wild ġenetiku tagħha jitwieled permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata tiġi mċaħħda minn leave bi ħlas għall-assenza minn impjieg ekwivalenti għal leave tal-maternità u/jew leave tal-adozzjoni.

Kunsiderazzjoni tal-kwistjonijiet imqajma ma wriet ebda fattur li jista’ jaffettwa l-validità tad-Direttiva 2000/78.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Kawża C‑167/12 CD, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


3 –      Irrattifikata mill-Unjoni Ewropea fit-23 ta’ Diċembru 2010. Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE, tas-26 ta’ Novembru 2009, dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (ĠU 2010 L 23, p. 35) (iktar ʼil quddiem: id-“Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48”).


4 – Direttiva tal-Kunsill, tad-19 ta’ Ottubru 1992 (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE), dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110).


5 – L-Artikolu 2 jiddefinixxi (a) “ħaddiema tqila” bħala “ħaddiema tqila li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali” u (b) “ħaddiema li welldet reċentement” bħala “ħaddiema li welldet reċentement fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha dwar il-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika”.


6 – Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid), (ĠU 2006 L 204, p. 23).


7 – Direttiva tal-Kunsill, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (Edizzjoni Speċjali bil-Malti; Kapitolu 5 Vol. 4, p. 79).


8 – Irish Statute Book, Nru34, 1994.


9 – Irish Statute Book, Nru 2, 1995.


10 – Rigward dawn iż-żewġ tipi ta’ leave, id-dritt għall-ħlas jiddependi fuq it-termini tal-kuntratt ta’ xogħol. Madankollu, il-persuna kkonċernata tista’ tkun intitolata għall-benefiċċju tal-maternità jew adozzjoni. L-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Konsolidazzjoni) 2005 jipprovdi għall-ħlas tal-benefiċċju tal-maternità (Kapitolu 9) u tal-benefiċċju tal-adozzjoni (Kapitolu 11), meta ċerti kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti.


11 – Id-Dipartiment tal-Istat responsabbli mill-edukazzjoni tal-Istat qabel li Z tingħata leave mingħajr ħlas għall-assenza għaż-żmien li fih hija tkun California qabel it-twelid tat-tarbija tagħha. Ladarba t-tarbija titwieled, Z setgħet tieħu wkoll il-leave parentali statutorju għall-perijodu mit-twelid tat-tarbija tagħha sal-aħħar tas-sena skolastika 2010 u kif ukoll mill-bidu tas-sena skolastika segwenti. In-numru massimu ta’ ġimgħat ta’ leave parentali li għalih hija kienet intitolata kien ta’ 14-il ġimgħa. Z kienet intitolata wkoll għall-ħlas ordinarju tagħha matul ix-xhur tas-sajf.


12 – Għal ħarsa ġenerali ta’ arranġament ma’ omm surrogata u l-kwistjonijiet legali involuti, ara, pereżempju, K. Trimmings u P. Beaumont, “General Report on Surrogacy”, fi K. Trimmings u P. Beaumont (eds), International Surrogacy Arrangements. Legal Regulation at the International Level, Hart Publishing, Oxford: 2013, p. 439 sa 549.


13 – “Ġenituri li jikkommissjonaw” huma koppji li jużaw arranġament ma’ omm surrogata bħala mezz sabiex ikollhom tarbija. Ġieli, it-terminu “ġenituri. F’xi każijiet t-terminu “ġenituri intenzjonati” huwa użat.


14 – Kif juri każ deċiż reċentement mill-High Court fl-Irlanda, din hija kwistjoni problematika speċjalment fir-rigward tad-drittijiet tal-omm li qed tikkummissjona. Ara M.R & Anor v An tArd Chlaraitheoir & Ors [2013] IEHC 91, li fih tressaq appell quddiem is-Supreme Court. Fil-fatt, jidher illi, f’numru ta’ Stati Membri, il-mara li twelled it-tarbija hija, skont il-maxim mater semper certa est, meqjusa bħala l-omm legali minkejja l-fatt li l-wild ma huwiex neċessarjament tagħha ġenetikament. Madankollu, l-istatus tal-missier ġenetiku jista’ jkun inqas ikkumplikat tant illi fil-biċċa l-kbira tal-ġurisdizzjonijiet il-preżunzjoni tal-paternità hija konfutabbli. Għal soluzzjonijiet legali adottati f’ġurisdizzjonijiet differenti, ara F. Monéger, (ed.), Surrogate motherhood: XVIIIth Congress, Washington, D.C. 25–30 July 2010, Société de legislation comparée, Paris: 2011.


15 – Ara, dwar arranġament ma’ omm surrogata internazzjonali kummerċjali, K. Brugger, “International law in the gestational surrogacy debate”, Fordham International Law Journal, 3(35) 2012, p. 665 sa 697. Billi tuża kliem iebes, hija tirreferi għal dan il-fenomenu, inter alia, bħala l-“kummerċ globali fil-ġwiefi” u l-“industrija” tal-arranġament ma’ omm surrogata.


16 –      Ara, pereżempju, K. Trimmings, u P. Beaumont, op.cit., f’p. 503 sa 528. Ara wkoll N. Gamble, “International surrogacy law conference in Las Vegas 2011”, Family Law, Frar 2012, p. 198 sa 201, speċjalment għall-eżempju ċċitati.


17 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2008, Mayr (C‑506/06, Ġabra p. 1‑1017, punt 31).


18 – Ara wkoll il-konklużjonijiet ippreżentati fis-27 ta’ Novembru 2007 mill-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Cólomer fil-kawża li tat lok għas-sentenza Mayr, punti 41 u 42.


19 – Sentenza tal-20 ta’ Settembru, 2007, Kiiski (C‑116/06, Ġabra p. I‑7643, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20 – Sentenza Mayr, punt 44.


21 – Ara, inter alia, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 1996, Gillespie et (C‑342/93, Ġabra p. I‑475, punt 17); tas-27 ta’ Ottubru 1998, Boyle et (C‑411/96, Ġabra p. I‑6401, punt 40); tat-30 ta’ Marzu 2004, Alabaster (C‑147/02, Ġabra I‑3101, punt 46); tat-8 ta’ Settembru 2005, McKenna (C‑191/03, Ġabra p. I‑7631, punt 50) u tal-1 ta’ Lulju 2010 Parviainen (C-471/08, Ġabra p. I‑6533, punt 40). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod repetittiv li nisa li jieħdu l-leave tal-maternità taħt id-Direttiva 92/85 jinsabu f’pożizzjoni speċjali, li teħtieġ li huma jingħataw protezzjoni speċjali iżda li ma hijiex komparabbli la ma’ dik ta’ raġel jew ta’ mara li jokkupaw effettivament il-post tax-xogħol tagħhom jew li jinsabu bil-leave tal-mard. Ara wkoll il-konklużjonijiet ippreżentati fil-21 ta’ Frar 2013 mill-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawżi magħquda Terveys — ja sosiaalialan neuvottelujärjestö TSN (C‑512/11 u C‑513/11, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, punti 47 u 48).


22 – Ara wkoll il-premessi 23 u 24 tal-preambolu tad-Direttiva 2006/54.


23 – Sentenza Mayr, punt 53.


24 – Direttiva tal-Kunsill, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187).


25 –      Sentenza Mayr, punt 54.


26 – Jiġifieri t-titqiba follikulari u t-trasferiment fl-utru tal-mara tal-ovulu mneħħi permezz ta’ dik it-titqiba follikulari immedjatament wara l-fertilizzazzjoni tagħha.


27 – Sentenza Mayr, punt 50.


28 – Sentenza tat-8 ta’ Novembru 1990, Dekker (C‑177/88, Ġabra p. I‑3941, punt 12). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, deċiżjoni li ma tinħatarx mara għaliex hija tqila tikkostitwixxi diskriminazzjoni illegali peress li n-nisa biss jistgħu jkunu mċaħħda minn impjieg minħabba tqala.


29 – Ara b’mod partikolari, is-sentenza McKenna, punti 45 sa 54 u l-ġurisprudenza ċċitata. Fil-fatt, minħabba l-kundizzjoni speċjali tat-tqala, ħaddiema tqal huma protetti kontra tkeċċija matul it-tqala sakemm jispiċċa l-leave tal-maternità. Madankollu, wara li jispiċċa l-leave tal-maternità, il-kwistjoni hija jekk ħaddiema femminili hijiex ittrattata bl-istess mod bħal ħaddiem maskili fir-rigward ta’ assenzi minħabba mard. Jekk inhu hekk, ma hemmx diskriminazzjoni abbażi tas-sess.


30 – L-Artikolu 2(3) ta’ dakinhar kien jipprovdi li d-Direttiva “hija mingħajr preġudizzju għal xi disposizzjonijiet rigward il-ħarsien tan-nisa, speċjalment dwar it-tqala u l-maternità”.


31Mayr, punt 51.


32 – F’dan ir-rigward, id-diskrezzjoni tal-Istati Membri hija limitata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE, tat-8 ta’ Marzu 2010, li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU 2010 L 68, p. 13). Skont il-Klawsola 2(1) tal-Ftehim Qafas, il-“ftehim jagħti lill-ħaddiema rġiel u dawk nisa d-dritt individwali għal leave tal-ġenituri għar-raġuni ta’ twelid jew adozzjoni ta’ wild biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild sal-età li tista’ tkun ta’ tmien snin li għandha tiġi definita mill-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali”.


33 –      Reċentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif stabbilit fid-dritt tal-Unjoni ma jestendix għal differenza fit-trattament bejn missirijiet bijoloġiċi u missirijiet adottivi taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-dritt tal-Unjoni. Ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013 (C‑5/12, Betriu Montull, punti 71 sa 73).


34 – Però d-Direttiva 2006/54 tista’ madankollu tapplika f’ċerti ċirkustanzi speċifiċi. Dan jidher li huwa l-każ fejn mara li saret omm permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata u li ngħatat leave bi ħlas għall-assenza abbażi tal-liġi nazzjonali tkun suġġetta għal diskriminazzjoni għax hija eżerċitat dak id-dritt għal leave, jew fejn dik il-mara titkeċċa essenzjalment għax saret omm jew anki, għax ħadet dak il-leave. Dak it-tip ta’ trattament ma huwiex, madankollu, inkwistjoni fil-każ quddiem il-qorti tar-rinviju.


35 – Fil-fatt, skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, miżura tal-Unjoni għandha tkun interpretata, kemm jista’ jkun, b’tali mod li ma jaffettwax il-validità tagħha u b’konformità mad-dritt primarju fl-intier tiegħu. Ara, inter alia, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2010, Chatzi (C‑149/10, Ġabra p. I‑8489, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36 – Għal kawżi reċenti li fihom, permezz ta’ digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat ġurisdizzjoni għax din ir-rabta ma setgħetx tkun stabbilita, ara, fost oħrajn, id-digriet tat-12 ta’ Lulju 2012, Currà et (C‑466/11); is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida (C‑40/11); u d-digriet, tas-7 ta’ Marzu 2013, Sindicato dos Bancários do Norte et (C‑128/12).


37 – Reċentement, rabta suffiċjentement mill-qrib mad-dritt tal-Unjoni kienet stabbilita, fost oħrajn, fis-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10 ara b’mod partikolari l-punt 27) u fis-sentenza, tal-21 ta’ Diċembru 2011, N.S. (C‑411/10 u C‑493/10 Ġabra p. I-13905, punt 68). Għal konklużjoni opposta, ara Betriu Montull, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 72.


38 – Sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2010, PPU McB (C‑400/10 PPU Ġabra p. I‑8965, punti 51 u 52), u tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C‑256/11, Ġabra p. I-11315, punt 71). Biex inkun ċar, jekk dispożizzjoni leġiżlattiva tal-Unjoni ma tistax tkun interpretata b’konformità mad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, dik id-dispożizzjoni għandha tkun iddikjarata invalida. Ara s-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2011, Association belge des Consommateurs Test Achats et (C‑236/09, Ġabra p. I‑773, punti 30 sa 34).


39 – Ara, b’mod simili, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Google Spain u Google (C‑131/12, li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, punt 54).


40 – Konklużjonijiet ippreżentati fit-2 ta’ Lulju 2009 mill-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża li wasslet għas-sentenza Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, Ġabra p. I‑10923, punt 91).


41Ibidem.


42 – Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).


43 – Sentenza Sturgeon et; ara l-punt 60, b’mod partikolari.


44 – Ara, mutatis mutandis, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1978, Defrenne (149/77, Ġabra p. 1365, punt 24).


45 – Sentenza tal-11 ta’ April 2013, Ring (C‑335/11 u C-337/11, li għadha ma ġietx ippubblika fil-Ġabra).


46Ibidem punt 32.


47 – Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, Ġabra p. I-13755, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, Digitalnet (C‑320/11, C‑330/11, C‑382/11 u C‑383/11, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


48 – Ara wkoll l-Appendiċi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48.


49 – Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Association Kokopelli (C‑59/11, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).


50 – Ara pereżempju, M. Oliver, ‘Understanding Disability: From Theory to Practice’, Palgrave Macmillan, Basingstoke: 2009 (2nd ed.); ara, b’mod partikolari, p. 44 sa 46.


51 –      Premessa (e) fil-preambolu tal-Konvenzjoni tan-NU u l-Artikolu 1 tagħha.


52 – Ara, pereżempju, L. Waddington, “The European Union and the United Nations Convention on the Rights of Persons with Disabilities: A Story of Exclusive and Shared Competences”, Maastricht Journal of European and Comparative Law, 4(18) 2011, p. 431 sa 453, f’p. 436.


53 – R. D. Kelemen, “Eurolegalism: The Transformation of Law and Regulation in the European Union”, Harvard University Press, Cambridge Massachusetts: 2011, p. 202.


54 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006 (C‑13/05, Ġabra p. I‑6467).


55Ibidem, punti 40 u 41.


56 –      Ibidem, punt 43.


57 – Sentenza Ring, punt 38.


58Ibidem, punt 39.


59 – Sentenzi Chacón Navas, punt 41, u Ring, punti 38 u 39.


60 – Sentenza Ring, punt 44.


61 – Madankollu, ma tistax tkun eskluża l-possibbiltà li din il-konlużjoni tkun differenti jekk, pereżempju, Z kienet imkeċċija fuq raġunijiet relatati mal-kundizzjoni li hija tbati minnha jew jekk ma kinitx ġiet impjegata biss minħabba l-limitazzjoni tagħha.


62 – Għal din ir-rabta fil-kuntest tal-liċenzji tas-sewqan, ara l-punt 31 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawża Glatzel (C‑356/12l, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).


63 – Ara wkoll l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tan-NU, li jipprovdi li “akkomodazzjoni raġjonevoli” tirreferi għal “tfisser modifika neċessarja u adegwata u aġġustamenti li ma jimponux piż sproporzjonat jew bla bżonn, meta tkun meħtieġa f’każ partikolari, biex jiġi assigurat li l-persuni b’diżabbiltà jistgħu jgawdu u jeżerċitaw fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha”.


64 – L-iktar reċenti, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑312/11, punt 58). Ara wkoll is-sentenza Ring, punt 56, u l-konklużjonijiet ippreżentati fis-6 ta’ Diċembru 2012 mill-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Ring, punti 54 sa 57.


65 – Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Ring, punt 59 in fine: Id-Direttiva 2000/78 “teżigi [...] bilanċ idoneju bejn l-interessi tal-ħaddiem b’diżabbiltà li jibbenefika minn miżuri ta’ sostenn u dawk tal-persuna li timpjega li ma tistax tkun marbuta li taċċetta mingħajr kundizzjoni kwalunkwe intervent fl-organizzazzjoni tal-impriża tagħha jew preġudizzju ekonomiku”.


66 – Fil-fehma tiegħi, punt ta’ paragun iktar xieraq jista’ jinsab fl-għoti ta’ leave mingħajr ħlas għall-assenza. Hawnhekk, id-differenza hija waħda ta’ livell, u mhux tat-tip. B’mod simili għat-tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol, l-impjegat ma jirċevix paga għall-perijodu li fih huwa jieqaf milli jwettaq il-kompiti tiegħu. Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li Z kellha l-possibbiltà li taħdem inqas sigħat kemm qabel kif ukoll wara t-twelid tat-tarbija tagħha.


67 – Ċertament, l-akkomodazzjoni inkwistjoni tieħu forom differenti. Barra mill-miżuri imsemmija iktar ’il fuq (l-addattament tal-postijiet u miżuri organizzattivi), jista’ perfettament ikun il-każ li akkomodazzjoni tirrikjedi wkoll bdil fir-ritmi tax-xogħol u distribuzzjoni tal-kompiti b’mod speċifiku. Pereżempju, fil-każ ta’ depressjoni, il-persuna li timpjega jista’ jkollha bżonn tiżgura li dawk li qed isofru minn depressjoni ma jiġux esposti għal sitwazzjonijiet ta’ stress.


68 – Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni tan-NU, li jipprovdi, taħt it-titolu ta’ “Obbligi Ġenerali” li “L-Istati Partijiet jintrabtu li jiżguraw u jippromwovu t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha għall-persuni b’diżabbiltà kollha mingħajr diskriminazzjoni ta’ ebda tip fuq il-bażi ta’ diżabbiltà”. Dik id-dispożizzjoni telenka wkoll numru ta’ miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Konvenzjoni tan-NU.


69 – B’hekk, ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat jekk “in-natura kif ukoll l-ekonomija [l-istruttura]” tal-Konvenzjoni tippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-validità tad-Direttiva 2000/78.


70 – L-Artikolu 5 jipprovdi fost oħrajn li l-Partijiet Kontraenti “għandhom jipprojbixxu kull diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà u jiggarantixxu lill-persuni b’diżabbiltà protezzjoni legali li hija ugwali u effettiva kontra d-diskriminazzjoni fuq kull bażi” u “għandhom jieħdu l-passi kollha adegwati biex jiżguraw li tingħata aġevolezza raġonevoli”. L-Artikolu 6 jirrikonoxxi b’mod speċifiku li nisa u bniet b’diżabbiltà huma suġġetti għall-forom ta’ diskriminazzjoni differenti u jirrekjedi lill-Partijiet Kontraenti sabiex “jieħdu miżuri biex jiżguraw it-tgawdija sħiħa u ugwali minnhom tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha”. L-Artikolu 28(2)(b) jirrikonoxxi d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà għall-protezzjoni soċjali mingħajr diskriminazzjoni u l-obbligu tal-Istati li jissalvagwardjaw u jippromwovu dak id-dritt, fost oħrajn billi jiżguraw “aċċess mill-persuni b’diżabbiltà, b’mod partikolari nisa u tfajliet b’diżabbiltà u persuni iktar anzjani b’diżabbiltà, għal programmi ta’ protezzjoni soċjali u programmi ta’ tnaqqis tal-faqar”.