Language of document : ECLI:EU:C:2009:429

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fis-7 ta’ Lulju 2009 1(1)

Kawża C‑555/07

Seda Kücükdeveci

vs

Swedex GmbH & Co. KG

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesarbeitsgericht Düsseldorf (il‑Ġermanja)]

“Direttiva 2000/78/KE – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-tkeċċija li, għall-kalkolu tat-terminu tal-avviż tat-temm ta’ impjieg, ma tiħux inkunsiderazzjoni l-perijodu tax-xogħol maħdum qabel l-impjegat ikun laħaq l-età ta’ 25 sena – Leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 – Rwol u setgħat tal-qorti nazzjonali – Prinċipji ġenerali tad-dritt – Invokabbiltà ta’ esklużjoni ta’ direttiva f’kawża bejn individwi”





1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża għal darba oħra s-sistema legali u l-portata tal-projbizzjoni tad‑diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fid-dritt Komunitarju. Hija tagħtiha l‑opportunità li tiċċara l-portata li għandha tingħata lis-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (2).

2.        B’mod iktar preċiż, il-kawża preżenti ser twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża s-sistema legali tal-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età u l-funzjoni li dan għandu f’sitwazzjoni fejn ikun skada t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (3). B’mod partikolari, iridu jiġu ddeterminati r-rwol u s-setgħat tal-qorti nazzjonali fil-konfront ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddiskrimina abbażi tal-età, meta l-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali seħħew wara t-terminu għat‑traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78 u fil-konfront tal-fatt li l-kawża tirrigwarda żewġ individwi.

3.        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn S. Kücükdeveci u l‑kumpannija li kienet tħaddimha qabel, Swedex GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Swedex”), fir-rigward tal-kalkolu tat-terminu tal-avviż tat-temm tal‑impjieg li japplika għat-tkeċċija tagħha.

4.        F’dawn il-konklużjonijiet, jiena ser nispjega, l-ewwel nett, għaliex, f’din il-kawża, id-Direttiva 2000/78 tikkostitwixxi l-liġi ta’ referenza fir-rigward ta’ liema trid tiġi stabbilita l-eżistenza jew le ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

5.        Sussegwentement, jiena ser nindika li din id-direttiva, fil-fehma tiegħi, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-perijodi ta’ impjieg maħduma minn ħaddiem qabel ma jkun laħaq l-età ta’ 25 sena ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-terminu taż-żmien ta’ impjieg li, minnu nnifsu, iservi biex jiġi stabbilit it-terminu tal-avviż tat-temm ta’ impjieg li min iħaddem irid jirrispetta f’każ ta’ tkeċċija.

6.        Fl-aħħar nett, jiena ser nesponi r-raġunijiet li għalihom jiena nqis li, f’sitwazzjoni fejn il-qorti tar-rinviju ma tistax tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha b’konformità mad-Direttiva 2000/78, l-istess qorti, skont il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju u fid-dawl tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età, għandha s-setgħa li ma tapplikax id-dritt nazzjonali li jmur kontra din id-direttiva, u dan inkluż f’kuntest ta’ kawża bejn żewġ individwi.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-Direttiva 2000/78

7.        Skont l-ewwel Artikolu tad-Direttiva 2000/78, l-istess direttiva għandha “[l]-iskop [...] li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

8.        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.     Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

[…]

[...]”

9.        L-Artikolu 3(1) tad-direttiva msemmija jippreċiża:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

ċ)      il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]”

10.      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi:

“Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

a)      l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

b)      l-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

c)      l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar”.

11.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2000/78, it‑traspożizzjoni tal-istess direttiva fis-sistema legali tal-Istati Membri kellha ssir mhux iktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003. Madankollu, skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-istess artikolu:

“Sabiex jittieħed kont ta’ kondizzjonijiet partikolari, l-Istati Membri jistgħu, jekk neċessarju, jkollhom perijodu addizzjonali ta’ 3 snin mit-2 ta’ Diċembru 2003, jiġifieri total ta’ 6 snin, biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età u ta’ diżabilità. F’dak il-kaz għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih. [...]”

12.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja użat din il-fakultà, b’mod li t‑traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 dwar id‑diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u d-diżabbiltà kellha ssir mhux aktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2006 f’dan l-Istat Membru.

B –    Id-dritt nazzjonali

13.      L-Artikolu 622 tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż (Bürgerliches Gesetzbuch, iktar ’il quddiem il-“BGB”), intitolat “Terminu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg fir‑relazzjonijiet ta’ impjieg”, jipprovdi:

“1)   Ir-relazzjoni ta’ impjieg ta’ ħaddiem jew ta’ impjegat (bil-paga) tista’ tiġi tterminata b’avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ erba’ ġimgħat mill-15 tax-xahar jew mill-aħħar tax-xahar.

2)     F’każ ta’ tkeċċija min-naħa ta’ min iħaddem, it-terminu għall-avviż tat‑temm ta’ impjieg huwa dan li ġej:

–        xahar żmien b’effett mill-aħħar tax-xahar meta r-relazzjoni ta’ impjieg fl-istabbiliment jew fl-impriża tkun damet sentejn;

–        xahrejn żmien b’effett mill-aħħar tax-xahar meta tkun damet 5 snin;

–        3 xhur żmien b’effett mill-aħħar tax-xahar meta tkun damet 8 snin;

–        4 xhur żmien b’effett mill-aħħar tax-xahar meta tkun damet 10 snin;

[…]

Il-perijodi ta’ impjieg maħduma mill-impjegat qabel ma jkun laħaq l-età ta’ 25 sena m’għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu taż-żmien ta’ impjieg [(4)]”.

14.      L-Artikoli 1, 2 u 10 tal-Liġi ġenerali fuq it-trattament ugwali (Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz) tal-14 ta’ Awwissu 2006 (5), li ttrasponiet id‑Direttiva 2000/78, jipprovdu:

“Artikolu 1 – L-għan tal-liġi

Din il-liġi għandha l-għan li timpedixxi jew telimina kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġni etnika, is-sess, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-identità sesswali.

Artikolu 2 – Kamp ta’ applikazzjoni

[…]

4)     It-tkeċċijiet huma rregolati esklużivament mid-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ġenerali u partikolari kontra t-tkeċċija.

[…]

Artikolu 10 – Legalità ta’ ċerti trattamenti differenti ibbażati fuq l-età

Minkejja l-Artikolu 8, it-trattament differenti marbut mal-età huwa permess meta dan ikun oġġettivament u raġjonevolment iġġustifikat u bbażat fuq għan leġittimu. Il-mezzi biex jintlaħaq dan l-għan għandhom ikunu xierqa u meħtieġa. Dawn id-differenzi fit-trattament jistgħu jinkludu b’mod partikolari:

1.     l-implementazzjoni ta’ kundizzjonijiet speċjali ta’ aċċess għall-impjieg u għat-taħriġ professjonali, ta’ impjieg u ta’ xogħol, inklużi l-kundizzjonijiet tal-ħlas u tkeċċija, għaż-żgħażagħ, ħaddiema anzjani u dawk li għandhom lil min jieħdu ħsieb, bil-għan li titħeġġeġ l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew li tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom.

[…]”

II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15.      S. Kücükdeveci twieldet fit-12 ta’ Frar 1978. Hija kienet impjegata ma’ Swedex fl-4 ta’ Ġunju 1996, jiġifieri fl-età ta’ 18-il sena.

16.      Swedex keċċietha b’ittra tad-19 ta’ Diċembru 2006, b’effett, minħabba l‑avviż tat-temm ta’ impjieg meħtieġ bil-liġi, mill-31 ta’ Jannar 2007.

17.      B’rikors ippreżentat fid-9 ta’ Jannar 2007, S. Kücükdeveci kkontestat it‑tkeċċija tagħha quddiem l-Arbeitsgericht Mönchengladbach (il-Ġermanja). Insostenn tar-rikors tagħha, hija sostniet b’mod partikolari li t-tkeċċija kellha effett biss fit-30 ta’ April 2007, u dan minħabba li l-punt 4 tal-ewwel sentenza tal‑Artikolu 622(2) tal-BGB itawwal it-terminu tal-avviż tat-temm ta’ impjieg għal erba’ xhur b’effett mill-aħħar tax-xahar meta l-impjegat ikun ilu iktar minn għaxar snin fl-impjieg mal-impriża.

18.      Fil-fehma tagħha, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 622(2) tal-BGB, fejn tipprovdi li l-perijodi ta’ impjieg maħduma qabel l-età ta’ 25 sena ma jittiħdux inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-terminu tal-avviż tat-temm ta’ impjieg, tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li tmur kontra d-dritt Komunitarju. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni nazzjonali ma għandhiex tiġi applikata.

19.      Peress li l-Arbeitsgericht Mönchengladbach laqa’ t-talba ta’ S. Kücükdeveci, Swedex iddeċidiet li tinterponi appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-Landesarbeitsgericht Düsseldorf (il-Ġermanja).

20.      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, din il-qorti tosserva li, anki jekk l‑organizzazzjoni tal-protezzjoni tal-impjieg jista’ jkollha impatt indirett fuq il‑komportament ta’ min iħaddem fil-qasam tar-reklutaġġ, ma ntweriex li l-limitu ta’ 25 sena jsegwi u jwettaq b’mod konkret l-għanijiet li jaqgħu taħt il-politika tal‑impjieg u tas-suq tax-xogħol.

21.      Skont l-imsemmija qorti, il-fatt li ż-żieda fit-terminu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg tintrabat ma’ età minima jistrieħ essenzjalment fuq l-idea tal-leġiżlatur Ġermaniż fil-qasam tal-politika soċjali u familjari kif ukoll fuq il-kunsiderazzjoni li l-impjegati anzjani jintlaqtu iktar bl-effetti tal-qgħad minħabba l-obbligi familjari u ekonomiċi tagħhom u minħabba t-tnaqqis fil-flessibbiltà u fil-mobbiltà professjonali tagħhom. L-aħħar sentenza tal-Artikolu 622(2) tal-BGB tirrifletti l‑evalwazzjoni tal-leġiżlatur li l-ħaddiema żgħażagħ ġeneralment jirreaġixxu iktar faċilment u iktar malajr meta jitilfu xogħolhom u li, minħabba l-età tagħhom, wieħed jista’ jeżiġi mingħandhom iktar flessibbiltà u mobbiltà. B’konformità mal‑għan tal-protezzjoni tal-ħaddiema iktar anzjani u impjegati għal żmien twil, l‑Artikolu 622(2) tal-BGB jipprovdi b’mod ċar li l-perijodu ta’ impjieg maħdum qabel l-età ta’ 25 sena ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni u li huwa biss minn din l-età li l-ħaddiema għandhom jibbenefikaw eventwalment mit-termini itwal ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg skont it-tul tal-impjieg mal-impriża.

22.      Il-qorti tar-rinviju ma hijiex konvinta mill-antikonstituzzjonalità tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 622(2) tal-BGB. Mill-banda l-oħra, hija tesprimi dubji fir‑rigward tal-konformità ta’ din id-dispożizzjoni mad-dritt Komunitarju.

23.      B’mod iktar preċiż, fid-dawl tal-argument magħmul mill-Qorti tal‑Ġustizzja fis-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, u “kunsiderazzjoni[jiet] oħra marbuta ma’ l-istruttura tas-suq tax-xogħol in kwistjoni u tas-sitwazzjoni personali ta’ l-interessat” imressqa hemmhekk, il-qorti tar-rinviju tiddubita li l‑inugwaljanza fit-trattament tista’ tkun oġġettivament iġġustifikata skont il‑prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju jew fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 2000/78.

24.      Barra minn hekk, hija ssostni li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din id-direttiva ma tistax tipproduċi effett dirett fil-kawża prinċipali. Hija tirrileva wkoll, filwaqt li tistrieħ fuq iż-żewġ sentenzi reċenti tal-Qorti tal‑Ġustizzja li fakkru u ppreċiżaw l-obbligu li għandhom il-qrati nazzjonali biex jagħtu interpretazzjoni konformi (6), li xorta jibqa’ r-rekwiżit li l-leġiżlazzjoni nazzjonali trid tkun waħda li tista’ tiġi interpretata. Bl-applikazzjoni tal-kriterji li, waqt l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l‑għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti trid tilħaq (7), il-qorti tar‑rinviju ssostni li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 622(2) tal-BGB, li d-diċitura tagħha hija ċara, ma tistax tiġi interpretata.

25.      Għaldaqstant, hija tistaqsi x’konsegwenzi l-qorti nazzjonali għandha tislet mill-eventwali inkompatibbiltà bejn din id-dispożizzjoni u l-prinċipju ġenerali tad‑dritt Komunitarju li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

26.      Il-qorti tar-rinviju, f’dan ir-rigward, tagħmel enfasi fuq il-fatt li l‑Kostituzzjoni Ġermaniża tobbliga lill-qrati nazzjonali japplikaw ir-regoli leġiżlattivi fis-seħħ. Hija tiddubita li s-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, tista’ tinftiehem fis-sens li l-qrati nazzjonali, meta jimplementaw id-dritt primarju Komunitarju, għandhom is-setgħa li ma japplikawx liġijiet nazzjonali li jmorru kontra d-dritt Komunitarju msemmi. Din is-sitwazzjoni ġġib ir-riskju, fil-fatt, li jkun hemm diverġenzi fil-ġurisprudenza bejn il-qrati tal-Istati Membri li jistgħu jiddeċiedu jekk japplikawx jew le leġiżlazzjoni nazzjonali skont jekk iqisux li tmur jew ma tmurx kontra d-dritt primarju Komunitarju. Dawn il-ħsibijiet iwasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk, fis‑sentenza tagħha, Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, hija riditx teskludi li l-qrati nazzjonali jistgħu jkunu obbligati, bis-saħħa tad-dritt intern tagħhom, jagħmlu talba għal deċiżjoni preliminari qabel ma jiddeċiedu dwar l-inapplikabbiltà ta’ regola leġiżlattiva nazzjonali għax tikser id-dritt primarju Komunitarju. Fl-aħħar nett, hija tindika li l-inapplikabbiltà tad-dritt nazzjonali li jmur kontra d-dritt Komunitarju, kif stipulata fis-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, tqajjem il‑kwistjoni dwar il-ħarsien tal-aspettattivi leġittimi tal-individwi fir-rigward tal‑applikazzjoni ta’ liġijiet fis-seħħ, iktar u iktar meta tqum il-kwistjoni dwar il‑kompatibbiltà tagħhom mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.

27.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landesarbeitsgericht Düsseldorf iddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      a)     Liġi nazzjonali li tistabbilixxi li t-terminu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg li għandu jiġi rrispettat minn min iħaddem jiżdied b’mod progressiv skont it-tul tas-servizz, iżda li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ impjieg li l-impjegat ikun ħadem qabel ma laħaq l-età ta’ 25 sena, tikser il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età stabbilita mid-dritt Komunitarju, b’mod partikolari d-dritt Komunitarju primarju jew id-Direttiva 2000/78 [...]?

b)      Jista’ jiġi ġġustifikat il-fatt li min iħaddem għandu jirrispetta biss terminu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg bażiku f’każ ta’ tkeċċija ta’ impjegati żgħażagħ minħabba li dan għandu interess ekonomiku fit-tmexxija tal-persunal flessibbli - fejn termini itwal ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg jistgħu jkunu ta’ ħsara għal dan l-interess ekonomiku - u li l-impjegati żgħażagħ jiġu mċaħħda mill-protezzjoni tal-istabbiltà tax-xogħol u mill-possibbiltà li jużaw id-dispożizzjonijiet (li jagħtu lill-impjegati iktar anzjani termini ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg itwal), pereżempju għaliex, fir-rigward tal-età tagħhom u/jew tal-fatt li għandhom inqas obbligi soċjali, familjari u privati, jista’ b’mod raġjonevoli jkun meħtieġ minnhom flessibbiltà u mobbiltà professjonali u personali ikbar?

2)      Fil-każ ta’ risposta fil-pożittiv għad-domanda 1 a) u ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda 1 b):

Il-qorti ta’ Stat Membru li jkollha quddiemha kwistjoni bejn persuni privati għandha tinjora liġi manifestament kuntrarja għad-dritt Komunitarju jew għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fiduċja li l-individwi għandhom fl-applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali fis-seħħ fis-sens li n-nuqqas ta’ applikazzjoni sseħħ biss wara deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-liġi inkwistjoni jew fuq liġi essenzjalment simili?”

III – Analiżi

A –    Fuq l-ewwel domanda (a) u (b)

28.      Din l-ewwel domanda tittratta, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk id‑dritt Komunitarju għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li biha l-perijodi ta’ impjieg maħduma qabel l-età ta’ 25 sena ma jittiħdux inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-terminu tal-avviż tat-temm ta’ impjieg f’każ ta’ tkeċċija. Qabel ma tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ li bħalma l-qorti tar-rinviju titlobna nagħmlu, nippreċiżaw liema hija l-liġi Komunitarja ta’ referenza f’din il-kawża, jiġifieri l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li jikkostitwixxi, skont il-Qorti tal‑Ġustizzja, prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju (8), jew id-Direttiva 2000/78.

1.      Liema hija l-liġi Komunitarja ta’ referenza?

29.      Jiena nsostni li hija d-Direttiva 2000/78 li, f’sitwazzjoni bħalma hija dik tal-kawża prinċipali, għandha tikkostitwixxi l-liġi ta’ referenza sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età pprojbita mid-dritt Komunitarju.

30.      L-ewwel nett, jiena nfakkar li kemm mit-titolu u mill-preambolu kif ukoll mill-kontenut u mill-għan tagħha, jirriżulta li d-Direttiva 2000/78 hija intiża li tistabbilixxi qafas ġenerali biex tiżgura li kull persuna tingħata trattament ugwali fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, billi tingħatalha protezzjoni effettiva kontra diskriminazzjonijiet ibbażati fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-ewwel artikolu, li fosthom hemm l-età (9).

31.      Jiena nosserva li l-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali seħħew wara l‑iskadenza tat-terminu li minnu kienet tgawdi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tittrasponi din id-direttiva, jiġifieri wara t-2 ta’ Diċembru 2006.

32.      Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, ma hemmx dubju li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva msemmija. F’dan ir-rigward, jiena nfakkar li, skont l-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2000/78, din “tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat [...] f’dak li jirrigwarda [...] il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”. Peress li l-Artikolu 622 tal-BGB huwa dispożizzjoni li tirregola waħda mill-kundizzjonijiet li fihom tista’ sseħħ it-tkeċċija, huwa għandu jiġi meqjus bħala li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

33.      L-analiżi tiegħi, li tikkonsisti f’li jiġi stabbilit jekk l-aħħar sentenza tal-Artikolu 622(2) tal-BGB tmurx kontra l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età kif stabbilita mid-dritt Komunitarju, ser tistrieħ għalhekk prinċipalment fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 li jippreċiżaw dak li għandu jitqies bħala trattament differenti bbażat fuq l-età li jmur kontra d-dritt Komunitarju. Din id-direttiva tikkostitwixxi b’hekk il-kuntest dettaljat li jippermetti li jiġi stabbilit jekk teżistix diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fil-qasam tal-impjieg u x-xogħol.

34.      Konsegwentement, jiena ma nara ebda raġuni għalfejn il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni għandu jingħata sinjifikat differenti skont l-età li tillimitani fl-interpretazzjoni tiegħu inkwantu din il-pożizzjoni tippreżenta inkonvenjent kbir li jneħħi kull effett utli tad-Direttiva 2000/78. Madankollu, dan ma jfissirx li l-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li huwa l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età mhu se jkollu ebda rwol fl-analiżi tiegħi ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Peress li huwa marbut b’mod indistakkabbli mad-Direttiva 2000/78, li għandha l-għan prinċipali li tiffaċilita l‑implementazzjoni tiegħu, dan il-prinċipju ġenerali għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, kif se nispjega fil-kuntest tar-risposta għat-tieni domanda, meta tkun kwistjoni dwar jekk tistax u taħt liema kundizzjonijiet tista’ tiġi invokata d‑Direttiva 2000/78 fil-kuntest ta’ kawża bejn individwi.

35.      Wara li ġie ppreċiżat dan, irid jiġi eżaminat issa jekk id-Direttiva 2000/78, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija l-aħħar sentenza tal-Artikolu 622(2) tal-BGB.

2.      Id-Direttiva 2000/78 tipprekludi l-aħħar sentenza tal-Artikolu 622(2) tal-BGB?

36.      L-ewwel nett, jiena nikkonstata li, inkwantu l-aħħar sentenza tal-Artikolu 622(2) tal-BGB teskludi l-perijodi ta’ impjieg maħduma mill-ħaddiema qabel l-età ta’ 25 sena mill-kalkolu taż-żmien ta’ impjieg li, minnha nnifisha, tippermetti li jiġi stabbilit it-terminu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg applikabbli fil-każ ta’ tkeċċija, hija toħloq b’hekk trattament differenti li huwa bbażat direttament fuq l-età, kif inhu kkontemplat fl-Artikolu 2(1) u (2)(a) tad-Direttiva 2000/78. Fil-fatt, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 622(2) tal-BGB timponi, b’mod dirett, trattament inqas favorevoli għall-ħaddiema mkeċċija li jkunu bdew relazzjoni ta’ impjieg ma’ min iħaddimhom qabel l-età ta’ 25 sena meta mqabbla mal-ħaddiema mkeċċija li bdew tali relazzjoni wara dik l-età. Iktar minn hekk, din il-miżura titfa’ fi żvantaġġ lill-ħaddiema żgħażagħ meta mqabbla mal-ħaddiema iktar anzjani, fejn dawk iż-żgħażagħ jistgħu jiġu esklużi, kif turi s-sitwazzjoni ta’ S. Kücükdeveci, mill-mekkaniżmu ta’ protezzjoni rappreżentat miż-żieda, b’mod progressiv, tat-termini ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg skont iż-żmien li wieħed ikun dam fl-impriża.

37.      Madankollu, jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 2000/78 li trattament differenti fuq bażi ta’ età ma għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 2 tal-istess direttiva “jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għan[i]jiet ikunu approprjati u neċessarji”. Dawn l-għanijiet leġittimi, li huma għanijiet li jidħlu fil-qasam tal-politika soċjali (10), jistgħu b’hekk jiġġustifikaw it-trattament differenti marbut mal-età, li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 2000/78 jipprovdi diversi eżempji tal-istess trattament.

38.      Ir-rappreżentant tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, waqt is-seduta, espona l-kuntest ġenerali li fih ġie introdott il-limitu ta’ 25 sena. Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur Ġermaniż, fl-1926, daħħal sistema ta’ żieda b’mod progressiv tat-termini ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg għat-tkeċċija skont it-tul tar-relazzjoni tal-impjieg. L-introduzzjoni ta’ limitu ta’ 25 sena li minnu jibdew jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ impjieg kellha l-għan li teżenta parzjalment lil min iħaddem minn din iż-żieda gradwali tat-termini ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg. Jidher li din kienet dispożizzjoni li ffaċilitat il-kompromess politiku sabiex tiġi adottata l-miżura prinċipali li tirrappreżenta din iż-żieda. Iktar minn hekk, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni jidher li huwa l-għoti ta’ iktar flessibbiltà lil min iħaddem meta jkun jixtieq ikeċċi lill-ħaddiema żgħażagħ, peress li din il-flessibbiltà ta’ dawk li huma iżgħar tikkumpensa b’xi mod il-piż li jitgħabba bih min iħaddem biż-żieda b’mod progressiv tat-termini ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg skont it-tul tar-relazzjoni tal-impjieg. Fi kliem ieħor, il-leġiżlatur Ġermaniż ipprova jilħaq bilanċ bejn it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-ħaddiema skont iż‑żmien mgħoddi fl-impjieg mal-impriża u l-interess ta’ min iħaddem biex jiġġestixxi l-persunal b’mod flessibbli.

39.      Barra minn hekk, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jippermettu li jiġi ppreċiżat il-kuntest li fih ġie adottat l-Artikolu 622(2) tal-BGB. Meħud b’mod globali, dan l-artikolu huwa intiż li jsaħħaħ il-protezzjoni tal-ħaddiema anzjani kontra l-qgħad. Il-leġiżlatur Ġermaniż telaq mill-premessa li s-sitwazzjoni tal-qgħad tolqot lill-ħaddiema anzjani b’iktar qawwa milli tolqot lill-ħaddiema żgħażagħ peress li l-ħaddiema anzjani għandhom ċerti obbligi familjari u ekonomiċi li ġeneralment il-ħaddiema żgħażagħ ma għandhomx u li, barra minn hekk, għandhom inqas mobbiltà professjonali. Fiż-żmien li ġiet adottata d‑dispożizzjoni kkontestata, jiġifieri fil-bidu tas-seklu XX, jidher li l-ħaddiema, prinċipalment tas-sess maskil, kienu normalment jiffurmaw familja bejn wieħed u ieħor mat-tletinijiet. Peress li ġeneralment, iż-żgħażagħ ma jkollhomx piżijiet familjari qabel dik l-età, kienu jsibu ruħhom protetti biżżejjed bl-applikazzjoni tat-terminu bażiku tal-avviż tat-temm ta’ impjieg. Barra minn hekk, dawn jirreaġixxu b’iktar faċiltà u iktar malajr meta jitilfu l-impjieg tagħhom.

40.      Ġie argumentat ukoll li l-limitu ta’ 25 sena jista’ jiġi analizzat bħala li għandu għan leġittimu ta’ politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol peress li għandu l-effett li jnaqqas ir-rata ogħla tal-qgħad tal-ħaddiema żgħażagħ billi joħloq kundizzjonijiet li jistgħu jiffaċilitaw ir-reklutaġġ ta’ din il-kategorija ta’ età. Fi kliem ieħor, il-fatt li jrid jiġi rrispettat biss it-terminu bażiku ta’ avviż tat‑temm ta’ impjieg iħajjar lil min iħaddem sabiex jingaġġa iktar ħaddiema żgħażagħ.

41.      Fid-dawl ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet, jista’ jingħad li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 622(2) tal-BGB li tipprovdi li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ impjieg maħduma qabel l-età ta’ 25 sena, għandha għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, jiġifieri għan ta’ politika soċjali?

42.      Fil-fehma tiegħi, trid issir distinzjoni bejn il-miżura fejn jiżdied b’mod progressiv it-terminu tal-avviż tat-temm ta’ impjieg f’każ ta’ tkeċċija skont iż‑żmien mgħoddi fl-impjieg mal-impriża, minn dik li tirrigwarda l-iffissar tal-età minima ta’ 25 sena sabiex wieħed jibbenefika minn dik iż-żieda.

43.      L-għan tal-avviż tat-temm ta’ impjieg imtawwal huwa b’mod ċar dak li jipproteġi lill-ħaddiema li l-leġiżlatur Ġermaniż iqis li l-kapaċità li jaddattaw ruħhom u l-possibbiltajiet ta’ taħriġ mill-ġdid tagħhom jonqsu meta l-impjegati jkunu ilhom fl-impriża. Jekk min iħaddem jiddeċiedi li jkeċċi ħaddiem li jkun ilu fl-impjieg mal-impriża, it-terminu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg itwal jiffaċilita ċertament lil dan il-ħaddiem isib xogħol ieħor, b’mod partikolari fit-tiftix ta’ impjieg ġdid. Din il-protezzjoni msaħħa tal-ħaddiem imkeċċi li taħdem skont iż‑żmien li huwa jkun ħadem fl-impriża tista’, fil-fehma tiegħi, tkun ikkunsidrata bħala li għandha għan ta’ politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol fis-sens tal‑Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

44.      Mill-banda l-oħra, l-identifikazzjoni ta’ għan leġittimu fis-sens ta’ din l‑istess dispożizzjoni hija iktar diffiċli fir-rigward tal-fatt li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ impjieg maħduma qabel l-età ta’ 25 sena.

45.      L-ewwel nett, fir-rigward tal-affermazzjoni li tali miżura jkollha effett pożittiv fuq ir-reklutaġġ tal-ħaddiema żgħażagħ, din tidher li hija tejorika. Mill‑banda l-oħra, ma hemmx dubju li termini qosra ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg bilfors ikollhom impatt negattiv fuq it-tiftix ta’ impjieg ġdid min-naħa tal‑ħaddiema żgħażagħ. Għaldaqstant, l-introduzzjoni ta’ limitu ta’ 25 sena li minnu tibda taħdem is-sistema ta’ żieda tat-termini tal-avviż tat-temm ta’ impjieg ma tiffavorixxix l-integrazzjoni professjonali tal-ħaddiema żgħażagħ fis-sens tat‑tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2000/78.

46.      L-għan prinċipali ta’ din il-miżura, kif jirriżulta mill-kuntest ġenerali tagħha, huwa li min iħaddem ikun jista’ jiġġestixxi b’iktar flessibbiltà l-kategorija tal-ħaddiema żgħażagħ, peress li l-leġiżlatur Ġermaniż sostna li dawn kellhom inqas bżonn li jkunu protetti f’każ ta’ tkeċċija milli l-ħaddiema anzjani. Il‑problema, għaldaqstant, hija li jiġi stabbilit jekk dan l-interess ta’ min iħaddem biex ikun jista’ jiġġestixxi b’iktar flessibbiltà kategorija partikolari ta’ ħaddiema jistax jitqies bħala li jifforma parti mill-għanijiet li jaqgħu fil-politika soċjali msemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, bħalma huma dawk tal-politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol.

47.      Fis-sentenza Age Concern England, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal‑Ġustizzja indikat li, permezz tan-natura tagħhom ta’ interess ġenerali, dawn l‑għanijiet leġittimi jiddistingwu ruħhom minn motivi purament individwali li japplikaw għas-sitwazzjoni ta’ min iħaddem, bħat-tnaqqis tal-ispejjeż jew it-titjib tal-kompetittività, mingħajr ma huwa madankollu possibbli li jiġi eskluż li regola nazzjonali tirrikonoxxi, fit-twettiq tal-imsemmija għanijiet leġittimi, ċertu grad ta’ flessibbiltà lil min iħaddem (11). Minn dan jien niddeduċi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma teskludix li miżura nazzjonali li tirrigwarda l-politika tal-impjieg u tas-suq tax‑xogħol tista’ tissarraf fl-għoti ta’ “ċertu grad ta’ flessibbiltà lil min iħaddem”. Madankollu jidher li huwa diffiċli li wieħed jammetti li din il-flessibbiltà mogħtija lil min iħaddem tista’ tikkostitwixxi għan leġittimu fih innifsu. Il-Qorti tal‑Ġustizzja, fil-fatt, ippreċiżat li l-għanijiet “leġittimi” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, huma ta’ “natura ta’ interess ġenerali”. F’dan il-każ, dan l‑aspett ta’ interess ġenerali jidher nieqes fil-miżura li tipprovdi li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ impjieg maħduma qabel l-età ta’ 25 sena li twassal, fl-aħħar mill-aħħar, sabiex tiġi eskluża kategorija ta’ ħaddiema, f’dan il‑każ dik il-kategorija l-iktar żagħżugħa, minn sistema ta’ protezzjoni fil-qasam tat-tkeċċija.

48.      Barra minn hekk, jiena niddubita r-rilevanza ta’ waħda mill-premessi li fuqhom hija bbażata l-aħħar sentenza tal-Artikolu 622(2) tal-BGB, jiġifieri li l-ħaddiema żgħażagħ jirreaġixxu iktar faċilment u iktar malajr mill-ħaddiema l-oħra meta jitilfu l-impjieg tagħhom. Il-qgħad sostanzjali taż-żgħażagħ fis-soċjetajiet tagħna ma jirriflettix din il-premessa li x’aktarx kienet tapplika fl-1926, iżda li ma għadhiex tapplika llum il-ġurnata.

49.      Għal dawn ir-raġunijiet, jiena nsostni li l-miżura li tipprovdi li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ impjieg maħduma qabel l-età ta’ 25 sena għall‑kalkolu tat-termini tal-avviż tat-temm ta’ impjieg f’każ ta’ tkeċċija ma għandhiex għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

50.      Fi kwalunkwe każ, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li din il-miżura għandha għan leġittimu ta’ politika soċjali, bħalma huwa dak tal-politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol, jiena nsostni li din il-miżura tmur lil hinn minn dak li hu xieraq u meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

51.      Ċertament, l-Istati Membri għandhom, bla ebda dubju, marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla mhux biss ta’ għan partikolari fost oħrajn fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fl-adozzjoni tal-miżuri biex jintlaħaq tali għan (12). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li s-sempliċi affermazzjonijiet ġenerali li jirrigwardaw r-raġonevolezza ta’ miżura partikolari li tipparteċipa fil-politika tax-xogħol, tas-suq tax-xogħol jew tat-tagħlim professjonali ma humiex biżżejjed sabiex jintwera li l-għan ta’ din il-miżura huwa tali li jiġġustifika li ssir deroga minn dan il-prinċipju u lanqas ma jikkostitwixxu elementi li jippermettu raġonevolment li jiġi meqjus li l-mezzi magħżula huma xierqa għat-twettiq ta’ dan il-għan (13). B’hekk, anki jekk wieħed jippreżumi li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 622(2) tal-BGB għandha l-għan li tiffaċilita r-reklutaġġ ta’ ħaddiema żgħażagħ, u għaldaqstant l-integrazzjoni professjonali ta’ din il-kategorija ta’ ħaddiema, ma jeżisti ebda element tanġibbli li jikkorrobora din l-affermazzjoni jew li juri l-kapaċità ta’ din il-miżura biex jintlaħaq dan l-għan. Għaldaqstant, in-natura xierqa u meħtieġa tal-miżura msemmija ma ġietx ippruvata.

52.      Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 622(2) tal‑BGB twassal għal sitwazzjoni fejn il-ħaddiema kollha li bdew jaħdmu qabel l-età ta’ 25 sena u li jiġu mkeċċija, bħal S. Kücükdeveci, ftit wara li jilħqu dik l-età, huma esklużi, b’mod ġenerali, indipendentement mis-sitwazzjoni personali u familjari tagħhom kif ukoll mil-livell ta’ taħriġ tagħhom, minn element importanti tal-protezzjoni tal-ħaddiema f’każ ta’ tkeċċija. Barra minn hekk, din l-esklużjoni ġenerali stabbilita fl-1926 inżammet fis-seħħ mingħajr ma ntwera, fil-fehma tiegħi, li l-iffissar ta’ dak il-limitu fl-età huwa adattat għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali kontemporanja ta’ din il-kategorija ta’ ħaddiema.

53.      Din hija r-raġuni għaliex jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik tal-kawża prinċipali, li tipprovdi, b’mod ġenerali, li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ impjieg maħduma qabel l-età ta’ 25 sena għall-kalkolu tat-termini ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg fil-każ ta’ tkeċċija

B –    Fuq it-tieni domanda

54.      Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar x’konsegwenzi hija għandha tislet mill-inkompatibbiltà tal-aħħar sentenza tal‑Artikolu 622(2) tal-BGB mad-Direttiva 2000/78. B’mod partikolari, hija obbligata li ma tapplikax din id-dispożizzjoni nazzjonali meta hija għandha quddiemha kawża bejn individwi? Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha l‑obbligu li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja qabel tiddeċiedi li ma tapplikax dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt Komunitarju?

55.      Din l-aħħar domanda, fil-fehma tiegħi, ma teħtieġx ħafna elaborazzjoni. Fil-fatt, huwa ċar mis-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (14), li l-qorti nazzjonali, bħala qorti Komunitarja tad-dritt komuni, hija obbligata tapplika b’mod sħiħ id-dritt Komunitarju u li tipproteġi d-drittijiet li dan jagħti lill‑individwi, billi ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt Komunitarju. Dan id-dmir li għandha l-qorti nazzjonali li ma tapplikax id‑dispożizzjonijiet nazzjonali li jostakolaw l-effettività sħiħa tar-regoli Komunitarji bl-ebda mod ma huwa suġġett għall-kundizzjoni li għandha ssir talba għal deċiżjoni preliminari minn qabel quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, peress li tali kundizzjoni f’ħafna każijiet tibdel il-possibbiltà li ssir talba għal deċiżjoni preliminari li għandhom il-qrati nazzjonali skont it-tieni paragrafu tal‑Artikolu 234 KE f’obbligu ġenerali ta’ rinviju.

56.      L-ewwel parti tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija, mill‑banda l-oħra, iktar delikata u ma ssibx risposta ċara mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

57.      Il-kwistjoni dwar jekk direttiva trasposta ħażin jew li ma ġietx trasposta minn Stat Membru, tistax tiġi invokata fil-kuntest ta’ kawża bejn individwi diġà rċeviet risposta ċara min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’diversi okkażjonijiet. B’hekk, l-istess Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod kostanti, li direttiva ma tistax, minnha nfisha, toħloq obbligi fir-rigward ta’ individwu u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata kontrih. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, minn dan isegwi li anki dispożizzjoni ċara, preċiża u inkundizzjonata ta’ direttiva intiża sabiex tikkonferixxi drittijiet jew sabiex timponi obbligi fuq individwi ma tistax tiġi applikata bħala tali fil-kuntest ta’ kawża bejn individwi biss (15). Il-Qorti tal‑Ġustizzja tirrifjuta b’hekk milli tagħmel pass li jkollu bħala konsegwenza li jxebbah id-direttivi mar-regolamenti, billi tirrikonoxxi li l-Komunità għandha s‑setgħa li timponi b’effett immedjat obbligi fuq l-individwi filwaqt li hija għandha din il-kompetenza biss f’dawk il-każijiet fejn hija ngħatat is-setgħa li tadotta regolamenti (16). Din il-pożizzjoni tirrispetta n-natura partikolari tad‑direttiva li, strettament, ma toħloqx direttament obbligi ħlief fuq l-Istati Membri destinatarji u ma tistax timponi obbligi fuq l-individwi ħlief permezz ta’ miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni (17).

58.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkumpensat dan ir-rifjut strett tal-effett dirett orizzontali tad-direttivi billi enfasizzat l-eżistenza ta’ soluzzjonijiet alternattivi li jistgħu jissodisfaw lill-individwu li jħossu milqut minħabba n-nuqqas jew it-traspożizzjoni ħażina ta’ direttiva.

59.      L-ewwel alternattiva għan-nuqqas ta’ effett dirett orizzontali tad-direttivi jikkonsisti fl-obbligu li għandha l-qorti nazzjonali li tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha safejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha (18). Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jitlob li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jinsab fil-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (19).

60.      Fis-sentenza tagħha Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’kawża bejn individwi, ippreċiżat it-triq li għandha tieħu l-qorti nazzjonali, biex b’hekk naqqset ftit iktar il-qasma bejn l-invokabbiltà ta’ interpretazzjoni konformi u l-invokabbiltà ta’ direttiva għall-finijiet li tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali li jkun imur kontra d-dritt Komunitarju. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li, jekk id-dritt nazzjonali, permezz tal-applikazzjoni tal-metodi ta’ interpretazzjoni li huwa jirrikonoxxi, jippermetti, f’ċerti ċirkustanzi, li dispożizzjoni tas-sistema legali interna tiġi interpretata b’tali mod li jkun evitat kunflitt ma’ regola oħra ta’ dritt intern jew li, għal dan il-għan, tkun limitata l-portata ta’ din id-dispożizzjoni billi tkun applikata biss safejn tkun kompatibbli mal-imsemmija regola, il-qorti hija obbligata tuża l-istess metodi sabiex tilħaq ir-riżultat intenzjonat mid-direttiva (20).

61.      Madankollu, huwa paċifiku li l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ direttiva meta din tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt intern huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, u b’mod partikolari minn dawk taċ-ċertezza legali u tan-nonretroattività, u din id-direttiva ma tistax isservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (21).

62.      It-tieni alternattiva għan-nuqqas ta’ effett dirett orizzontali tad-direttivi tista’ tiġi attivata preċiżament fil-każ fejn ir-riżultat preskritt minn direttiva ma jistax jintlaħaq permezz ta’ xi interpretazzjoni. Fil-fatt, id-dritt Komunitarju jobbliga lill-Istati Membri li jħallsu d-danni li huma kkawżaw lill-individwi minħabba n-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, kemm-il darba jkunu sodisfatti tliet kundizzjonijiet. Qabel kollox, id-direttiva inkwistjoni għandu jkollha bħala skop l-għoti ta’ drittijiet lill-individwi. Il-kontenut ta’ dawn id‑drittijiet għandu, imbagħad, ikun jista’ jiġi identifikat abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva. Fl-aħħar, għandu jkun hemm rabta kawżali bejn il-ksur tal-obbligu tal-Istat Membru u d-dannu subit (22).

63.      Fl-aġġar nett, it-tielet alternattiva qiegħda fid-differenza li teżisti bejn l‑effett dirett orizzontali tad-direttivi u l-invokabbiltà tal-istess direttivi bil-għan li jiġi eskluż id-dritt nazzjonali li jmur kontra dak Komunitarju, inkluż fil-kuntest ta’ kawża bejn individwi. Din is-soluzzjoni twassal biex jingħad li jekk id-direttivi ma jistgħux jiġu ssostitwiti bi dritt nazzjonali li jkun assenti jew difettuż biex jimponi direttament obbligi fuq individwu, huma jistgħu tal-inqas jiġu invokati sabiex jeskludu d-dritt nazzjonali li jkun imur kontra d-dritt Komunitarju, fejn huwa biss id-dritt nazzjonali mneżża’ mid-dispożizzjonijiet tiegħu li jkunu jmorru kontra d-direttiva li jiġi mbagħad applikat mill-qorti nazzjonali biex isolvi l‑kwistjoni bejn l-individwi.

64.      Madankollu din id-differenza bejn l-effett dirett magħruf “tas-sostituzzjoni” tad-direttivi u l-invokabbiltà ta’ esklużjoni tal-istess direttivi qatt ma kienet is-suġġett ta’ rikonoxximent ġenerali u espliċitu mill-Qorti tal-Ġustizzja (23). Għalhekk il-portata ta’ din it-tielet alternattiva tibqa’ għalissa limitata ħafna (24).

65.      Fi ftit kliem, il-linja ta’ ġurisprudenza preżenti li tirrigwarda l-effett tad-direttivi fil-kawżi bejn individwi hija s-segwenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja tibqa’ kontra r-rikonoxximent tal-effett dirett orizzontali tad-direttivi u tidher li ssostni li ż-żewġ alternattivi prinċipali rappreżentati mill-obbligu tal-interpretazzjoni konformi u r-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-ksur tad-dritt Komunitarju huma, fil-parti l-kbira tagħhom, suffiċjenti kemm biex jiżguraw l-effettività sħiħa tad-direttivi u wkoll biex jissodisfaw lill-individwi li jħossuhom milquta bl-aġir illegali tal-Istati Membri.

66.      Ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju tista’ għaldaqstant, b’mod klassiku, tikkonsisti f’referenza għall-ġurisprudenza li jiena għadni kif semmejt, billi jiġi indikat lill-qorti nazzjonali li hija obbligata tuża l-għodda kollha tagħha biex tagħti lid-dritt nazzjonali tagħha interpretazzjoni konformi mal-għan imfittex mid-Direttiva 2000/78 u, fin-nuqqas, li tipprova timplementa tali interpretazzjoni, li tistieden lil S. Kücükdeveci sabiex tiftaħ kawża kontra r‑Repubblika Federali tal-Ġermanja fejn iżżommha responsabbli minħabba t‑traspożizzjoni mhux kompluta ta’ din id-direttiva.

67.      Madankollu, ma huwiex b’dan il-mod li jien se nipproponi lill-Qorti tal‑Ġustizzja sabiex tiddeċiedi, u dan għar-raġunijiet segwenti.

68.      Fl-ewwel lok, kif ġustament tirrileva l-Landesarbeitsgericht Düsseldorf, l-obbligu li tingħata interpretazzjoni konformi ma japplikax ħlief jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tista’ tkun suġġetta għall-interpretazzjoni. F’dan il-każ, din il-qorti Ġermaniża ssostni li dan ma huwiex il-każ tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 622(2) tal-BGB. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mistoqsija minn qorti li tindikalha li d-diċitura ta’ din id-dispożizzjoni hija ċara u li, anki jekk tagħmel dak kollu li jaqa’ fil-kompetenza tagħha biex tilħaq l-għan tad-Direttiva 2000/78, hija ma tistax tagħti lid-dispożizzjoni msemmija interpretazzjoni konformi ma’ dak li tikkontempla d-direttiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena nsostni li ma jkunx sodisfaċenti li l-qorti tar-rinviju tintalab tagħmel eżerċizzju li hija tħossha li ma tistax tagħmel b’mod effettiv fid-dawl tal‑istat tad-dritt nazzjonali tagħha.

69.      Fit-tieni lok, jekk tingħata risposta li tiggwida lil S. Kücükdeveci biex tiftaħ kawża biex iżżomm responsabbli lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, din ikollha bħala effett prinċipali t-telf tal-kawża tagħha, bil-konsegwenzi pekunjarji li jirriżultaw u minkejja li tkun ippruvata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li tmur kontra d-Direttiva 2000/78, u li tobbligaha tiftaħ kawża ġudizzjarja oħra. Tali soluzzjoni, fil-fehma tiegħi, tkun tmur kontra d-dritt għal rikors effettiv li għandu jkollhom, skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/78, il‑persuni li jikkunsidraw ruħhom ittrattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Minn dan l-aspett, il-ġlieda effettiva kontra d-diskriminazzjonijiet li jmorru kontra d-dritt Komunitarju tinvolvi li l-qorti nazzjonali kompetenti tkun tista’ tagħti lill-persuni tal-kategorija żvantaġġjata, immedjatament u mingħajr l-obbligu li tistieden lill-vittmi li jiftħu kawża kontra l-Istat biex iżommuh responsabbli, l-istess vantaġġi li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija privileġġjata (25). Din hija r-raġuni li għaliha jiena nsostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tikkuntenta b’risposta bbażata fuq l-eżistenza ta’ kawża kontra l-Istat minħabba t-traspożizzjoni mhux kompluta ta’ din id-direttiva.

70.      Jiena nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi approċċ iktar ambizzjuż f’termini ta’ ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet li jmorru kontra d-dritt Komunitarju, approċċ li, mill-bqija, bl-ebda mod ma jikkuntrasta mal-ġurisprudenza klassika tagħha dwar in-nuqqas ta’ effett dirett orizzontali tad-direttivi. Din il-pożizzjoni, li fil-parti l-kbira tagħha hija bbażata fuq il-karatteristika tad-direttivi li jiġġieldu d-diskriminazzjoni u fuq il-ġerarkija tar-regoli fi ħdan is-sistema legali Komunitarja, tikkonsisti fil-fatt li direttiva li tkun ġiet adottata sabiex tiffaċilita l-implementazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni titqies li ma tistax tnaqqas il-portata tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja trid, għaldaqstant, kif hija għamlet fir-rigward tal-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju nnifsu, tirrikonoxxi li direttiva li għandha bħala suġġett li tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ kawża bejn individwi sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali li tkun tmur kontriha.

71.      L-imsemmija pożizzjoni, fil-fehma tiegħi, hija wkoll l-unika waħda li tista’ ssib konċiljazzjoni ma’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha Mangold, iċċitata iktar ’il fuq. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li liġi nazzjonali li tawtorizza, bla ebda restrizzjonijiet, sakemm ma jkunx hemm rabta stretta ma’ kuntratt ta’ impjieg preċedenti għal żmien mhux determinat konkluż mal-istess persuna li tħaddem, il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat meta l-ħaddiem jilħaq l-età ta’ 52 sena ma setgħetx tkun iġġustifikata skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Id-diffikultà prinċipali li ltaqgħet magħha l-Qorti tal-Ġustizzja kienet biex tiddetermina l-konsegwenzi li l-qorti nazzjonali kellha tislet minn din l-interpretazzjoni f’sitwazzjoni fejn, minn banda, il-kawża prinċipali kellha bħala partijiet żewġ individwi u, mill-banda l-oħra, it-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva ma kienx għadu skada fid-data li fiha ġie konkluż il-kuntratt tal-impjieg inkwistjoni.

72.      Wara li għelbet dawn iż-żewġ ostakoli, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza tagħha, li toħroġ mis-sentenza Simmenthal, iċċitata iktar ’il fuq, li hija l-qorti nazzjonali li qed tisma’ l-kawża dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età, li għandha tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni ġuridika tal-partijiet li tirriżulta mid-dritt Komunitarju u li tiggarantixxi l-effett totali tiegħu billi ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jmorru kontra d-dritt Komunitarju (26). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li dan il-prinċipju seta’ jiġi invokat fil-kuntest ta’ kawża bejn individwi sabiex tiġi prekluża l-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali li hija diskriminatorja.

73.      Biex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-fatt li fid-data li fiha ġie konkluż il-kuntratt, it-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78 ma kienx għadu skada, ma kienx tali li jikkontesta l-konstatazzjoni dwar l-inkompatibbiltà bejn il-liġi nazzjonali inkwistjoni u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Fl-ewwel lok, hija bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tagħha li toħroġ mis-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter‑Environnement Wallonie (27), fejn jirriżulta li, matul it-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri ma għandhomx jadottaw dispożizzjonijiet li serjament jikkompromettu r-riżultat li jrid jintlaħaq mill-istess direttiva (28).

74.      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li d-Direttiva 2000/78 ma tinkludix hija stess il-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tal-impjieg u tax-xogħol. Fil-fatt, skont l-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva għandha biss l-għan “li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali”, il-prinċipju stess tal-projbizzjoni ta’ dawn il-forom ta’ diskriminazzjoni li għandu s-sors tiegħu, kif jirriżulta mill-ewwel u mir-raba’ premessa tal-imsemmija direttiva, f’diversi strumenti internazzjonali u tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri (29). Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-età għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju (30).

75.      Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-ġurisprudenza tagħha li biha, meta leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja, li trid tagħti deċiżjoni preliminari, għandha tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li huma neċessarji għall-evalwazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni ma’ tali prinċipju. F’dan il-każ, id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni taqa’ effettivament fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju bħala miżura li timplementa d‑Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (31). Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-ħarsien tal‑prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali, b’mod partikolari fir-rigward tal-età, ma jistax, bħala tali, jiddependi mill-iskadenza tat-terminu mogħti lill-Istati Membri biex tiġi trasposta direttiva intiża sabiex tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età (32).

76.      Ma għandux jiġi injorat il-fatt li s-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, kienet is-suġġett ta’ diversi kritiki. Jekk jiena nżomm mas-sinjifikat prinċipali ta’ din is-sentenza, jiġifieri li r-rispett tal-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li huwa l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età, ma jistax jiddependi fuq l-iskadenza tat-terminu mogħti lill-Istati Membri biex jittrasponu d-Direttiva 2000/78 u li, għaldaqstant, il-qorti nazzjonali hija marbuta li tiżgura l-effett sħiħ ta’ dan il-prinċipju billi ma tapplikax kull dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li tmur kontra d-dritt Komunitarju, inkluż fil-kuntest ta’ kawża bejn individwi, jiena nsostni li dik il-kritika timmerita li tiġi spjegata.

77.      B’hekk, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-eżistenza stess tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, jiena inklinat li ngħid li l-enfasi fuq dan il-prinċipju min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkorrispondi mal-evoluzzjoni ta’ dan id-dritt kif tirriżulta, minn banda, mill-inklużjoni tal-età bħala kriterju ta’ diskriminazzjoni li huwa pprojbit mill-Artikolu 13(1) KE u, mill-banda l-oħra, mill-istabbiliment tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età bħallikieku hija dritt fundamentali, kif jirriżulta mill-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (33). Ċertament, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja kien ikun iktar konvinċenti kieku kien ibbażat fuq dawn l-elementi, iktar milli biss fuq l-istrumenti internazzjonali u t-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri li, fil-parti l-kbira tagħhom, ma għandhomx prinċipju speċifiku li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Madankollu, jidhirli li huwa importanti li jiġi enfasizzat li, bil-fatt li uriet l-eżistenza ta’ dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija konformi mal-volonta espressa mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Komunitarji sabiex jiġġieldu b’mod effikaċi d-diskriminazzjonijiet marbutin mal-età. Taħt dan l-aspett, ma hijiex sorpriża li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età, bħala espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni u bħala dritt fundamentali, jibbenefika mill-istat importanti ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju.

78.      F’dak li jirrigwarda sussegwentement il-konsegwenzi li l-Qorti tal-Ġustizzja siltet, fis-sentenza Mangold tagħha, iċċitata iktar ’il fuq, mill-eżistenza ta’ dan il-prinċipju, jidhirli li dawn huma koerenti mal-ġurisprudenza li hija żviluppat b’mod progressiv fir-rigward tal-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni.

79.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, b’hekk, ilha li stabbilixxiet li l-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju (34). Dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet simili ma jiġux ittrattati b’mod differenti, sakemm id-differenza ma tkunx iġġustifikata oġġettivament (35). Huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett tiegħu (36).

80.      Bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, l-imsemmi prinċipju għandu diversi funzjonijiet. Huwa jippermetti lill-qorti Komunitarja timla l-lakuni li jistgħu joħolqu d-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju jew sussidjarju. Barra minn hekk, dan il-prinċipju huwa strument ta’ interpretazzjoni li jista’ jiċċara s-sens u l‑portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju (37) kif ukoll mezz ta’ stħarriġ tal-validità tal-atti Komunitarji (38).

81.      Barra minn hekk, ir-rispett tal-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni jorbot ukoll lill-Istati Membri meta jimplementaw il-liġijiet Komunitarji. B’hekk, l-Istati Membri huma marbutin, safejn huwa possibbli, li japplikaw dawn il-liġijiet f’ċirkustanzi li jirrispettaw l-eżiġenzi li joħorġu mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fis-sistema legali Komunitarja (39). F’dan ir‑rigward, kif indikajt qabel, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal‑Ġustizzja, li trid tagħti deċiżjoni preliminari, għandha tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li huma neċessarji għall-evalwazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali li tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja trid tiżgura r-rispett (40). Jekk jirriżulta li, fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra d-dritt Komunitarju, il-qorti nazzjonali jkollha ma tapplikahiex u dan skont il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju.

82.      Ir-raġunament użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, jieħu inkunsiderazzjoni dawn id-diversi elementi li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tagħha sabiex tiggarantixxi l-effettività tal-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali indipendentement mill-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78. Dan ir-raġunament, fil-fehma tiegħi, huwa konformi mal‑ġerarkija tal-liġijiet fi ħdan is-sistema legali Komunitarja.

83.      Biex jintwera l-mod li bih il-Qorti tal-Ġustizzja tara r-relazzjoni bejn regola tad-dritt Komunitarju primarju u regola tad-dritt Komunitarju sussidjarju, huwa interessanti li jsir paragun mal-mod li bih hija fissret ir-relazzjoni bejn l‑Artikolu 119 tat-Trattat KEE [li sar l-Artikolu 119 tat-Trattat KE (l-Artikoli 117 sa 120 tat-Trattat KE ġew issostitwiti bl-Artikoli 136 KE sa 143 KE)], li jistabbilixxi l-prinċipju tal-ugwaljanza fil-pagi tal-ħaddiema rġiel u nisa, u d‑Direttiva 75/117/KEE (41).

84.      B’hekk fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ April 1976, Defrenne (42), il-Qorti tal‑Ġustizzja rrilevat li d-Direttiva 75/117 tippreċiża, f’ċerti aspetti, il-portata materjali tal-Artikolu 119 u tipprovdi, barra minn hekk, diversi dispożizzjonijiet intiżi, essenzjalment, sabiex itejbu l-protezzjoni legali tal-ħaddiema eventwalment milquta minn nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju tal-ħlas indaqs stabbilit mill-Artikolu 119 (43). Hija kkunisdrat li din id-direttiva għandha bħala għan li tiffavorixxi, permezz ta’ numru ta’ miżuri li għandhom jiġu adottati fuq livell nazzjonali, l-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 119 tat-Trattat, mingħajr ma tista’, madankollu, tnaqqas l-effikaċja ta’ dan l-artikolu (44). Fis-sentenza tagħha tal-31 ta’ Marzu 1981, Jenkins (45), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fl-istess sens, li l‑Artikolu 1 tad-direttiva msemmija, intiż essenzjalment li jiffaċilita l-applikazzjoni konkreta tal-prinċipju tal-ugwaljanza fil-ħlas li jinsab fl-Artikolu 119 tat-Trattat, bl-ebda mod ma jaffettwa l-kontenut jew il-portata ta’ dan il-prinċipju, kif definit f’dan l-artikolu (46). Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret reċentament din il-ġurisprudenza fis-sentenza tagħha tat-3 ta’ Ottubru 2006, Cadman (47).

85.      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, jidher li huwa perfettament loġiku li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, issostni li n-nuqqas ta’ skadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78 ma setax jaffettwa l-effikaċja tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età u li, biex tiġi żgurata din l-effikaċja, kien l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tevita l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijet tal-liġi nazzjonali li jmorru kontra d-dritt Komunitarju. Barra minn hekk, il-fatt li l-kawża prinċipali kienet tikkonċerna żewġ individwi ftit li xejn seta’ jipprekludi li dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju jibbenefika minn invokabbiltà ta’ esklużjoni, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’diversi okkażjonijiet, diġà għamlet pass iktar importanti meta rrikonoxxiet l-effett dirett orizzontali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li fihom espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni (48).

86.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi jekk tixtieqx iżżomm l-istess approċċ għas-sitwazzjonijiet li seħħew wara l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78. Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għandha tkun fl-affermattiv, peress li jekk tittieħed pożizzjoni differenti jfisser li tinkiser il-loġika li fuqha hija bbażata s-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq.

87.      Fil-fatt, peress li d-Direttiva 2000/78 hija strument intiż li jiffaċilità l-applikazzjoni konkreta tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età u, b’mod partikolari, biex itejjeb il-protezzjoni legali tal-ħaddiema eventwalment milquta bil-ksur ta’ dan il-prinċipju, hija ma tistax, inkluż u a fortiori, wara l-iskadenza tat-terminu mogħti lill-Istati Membri sabiex jittrasponu l-istess direttiva, taffettwa l-portata tal-prinċipju msemmi. F’dan ir-rigward, ikun diffiċli li wieħed jifhem li l-konsegwenzi tas-supremazija tad-dritt Komunitarju jiddgħajfu wara l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78. Iżda, fuq kollox, jiena ma nistax naċċetta li l-protezzjoni tal-individwi kontra d-diskriminazzjonijiet ipprojbiti mid-dritt Komunitarju titnaqqas fl-intensità wara l-iskadenza ta’ dak it-terminu meta l-għan tar-regola inkwistjoni huwa li jipproteġihom iktar. Għaldaqstant, id-Direttiva 2000/78, fil-fehma tiegħi, għandha tkun tista’ tiġi invokata f’kawża bejn individwi sabiex ma tiġix applikata dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt Komunitarju.

88.      Dan l-approċċ ma jwassalx, f’dan il-każ, biex il-Qorti tal-Ġustizzja tirrevedi l-ġurisprudenza tagħha dwar in-nuqqas ta’ effett dirett orizzontali tad-direttivi. Fil-fatt, din il-kawża tittratta biss l-esklużjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-Direttiva 2000/78, f’dan il-każ, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 622(2) tal-BGB, b’mod li l-qorti nazzjonali tkun permessa tapplika d-dispożizzjonijiet rimanenti ta’ dan l-artikolu, jiġifieri t-termini ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg ikkalkolati skont it-tul tal-impjieg. Għaldaqstant, f’dan il-każ, ma hijiex kwistjoni li tiġi applikata direttament id-Direttiva 2000/78 għal komportament privat indipendenti li mhu suġġett għall-ebda regolament statali partikolari bħal, pereżempju, id-deċiżjoni li jieħu min iħaddem biex ma jimpjegax lil ħaddiema li għandhom iktar minn 45 sena jew ta’ inqas minn 35 sena. Hija biss din is-sitwazzjoni li twassal biex wieħed jistaqsi dwar jekk din id-direttiva għandhiex tingħata veru effett dirett orizzontali (49).

89.      Barra minn hekk, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tippersisti fil-volontà tagħha li ma tistabbilixxix b’mod ġenerali d-differenza bejn l-effett dirett magħruf “tas-sostituzzjoni” u l-invokabbiltà ta’ esklużjoni, il-karatteristika tad-direttivi li jiġġieldu d-diskriminazzjoni jippermettulha, fil-fehma tiegħi, li tadotta soluzzjoni li l-portata tagħha hija iktar limitata u li, fl-istess ħin, għandha l-mertu li hija koerenti mal-ġurisprudenza li hija żviluppat fir-rigward tal-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni. Minn dan l-aspett, huwa minħabba li hija timplimenta dan il-prinċipju, fid-dimensjoni tiegħu li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li d-Direttiva 2000/78 tingħata dritt ta’ invokabbiltà msaħħa fil-kawżi bejn individwi.

90.      Biex nagħlaq, jiena nixtieq nirrimarka li, fid-dawl tal-intervent dejjem jikber tad-dritt Komunitarju fir-relazzjonijiet bejn persuni privati, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fehma tiegħi, sejra tkun inevitabbilment irrinfaċċjata b’ipoteżijiet oħra li, fil-kuntest ta’ kawżi bejn individwi, iqajmu l-kwistjoni tal-invokabbiltà ta’ direttivi li jikkontribwixxu sabiex jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali. Dawn l-ipoteżijiet jiżdiedu sew jekk il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea takkwista fil-futur saħħa legali vinkolanti, peress li fost id-drittijiet fundamentali msemmija f’din il-Karta, numru minnhom jinsabu fl-acquis communautaire fil-forma ta’ direttivi (50). Minn dan l-aspett, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-fehma tiegħi, tirrifletti fuq il-punt dwar jekk l-identifikazzjoni ta’ drittijiet iggarantiti mid-direttivi bħala drittijiet fundamentali tippermettix li tissaħħaħ l-invokabbiltà tal-istess direttivi fil-kuntest ta’ kawżi bejn individwi. Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tippreċiża r-risposta li hija tixtieq tagħti lil din id-domanda importanti.

IV – Konklużjoni

91.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi:

“1)      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl‑impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, kif inhi dik tal-kawża prinċipali, li tipprovdi, b’mod ġenerali, li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ impjieg maħduma qabel l-età ta’ 25 sena fil-kalkolu tat-termini ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg f’każ ta’ tkeċċija.

2)      Huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li ma tapplikax din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, inkluż f’kuntest ta’ kawża bejn individwi”.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – C‑144/04, Ġabra p. I‑9981.


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.


4 – Din l-aħħar sentenza kienet teżisti diġà, essenzjalment, fl-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar it-termini ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg tal-impjegati (Gesetz über die Fristen für die Kündigung von Angestellten) tad-9 ta’ Lulju 1926.


5 – BGBl. 2006 I, p. 1897.


6 – Sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, Ġabra p. I‑8835, punt 119), kif ukoll tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punt 124).


7 – Il-qorti tar-rinviju, f’dan ir-rigward, issemmi sentenza tal-Bundesverfassungsgericht tas-7 ta’ Ġunju 2005 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, Ġabra p. I‑11519, punt 34).


8 – Sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq (punt 75).


9 – Sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa (C‑411/05, Ġabra p. I‑8531, punt 42).


10 – Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England (C‑388/07, Ġabra p. I‑9597, punt 46).


11 – Punt 46.


12 – Sentenza Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq (punt 68).


13 – Sentenza Age Concern England, iċċitata iktar ’il fuq (punt 51).


14 – 106/77, Ġabra p. 629.


15 – Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Carp (C‑80/06, Ġabra p. I‑4473, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16 – Sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C‑91/92, Ġabra p. I‑3325, punt 24).


17 – Ara D. Simon La directive européenne, Dalloz, 1997, p. 73.


18 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et (C‑378/07 sa C‑380/07, Ġabra p. I‑3071, punt 197).


19 – Sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 200).


20 – Sentenza Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 116).


21 – Sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 199 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22 – Ibid. (punt 202 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23 – Għal spjegazzjoni ġenerali tad-distinzjoni bejn dawn iż-żewġ effetti tad-dritt Komunitarju, ara, partikolarment, il-punti 24 sa 90 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Linster (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2000, C‑287/98, Ġabra p. I‑6917), kif ukoll Simon, D., “Synthèse générale”, Les principes communs d’une justice des États de l’Union européenne, Actes du colloque des 4 et 5 décembre 2000, La Documentation française, Pariġi, 2001, p. 321, fejn jingħad li “jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħtix effett dirett lil ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, dan sempliċement minħabba li dawk id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu applikati mill-qrati nazzjonali mingħajr ma’ dawn l-istess qrati jkollhom jeċċedu l-missjoni ġudizzjarja tagħhom u jissostitwixxu lil-leġiżlatur nazzjonali, li f’dan il-każ għandu marġni ta’ diskrezzjoni li ma tistax tintuża mill-qorti mingħajr ma jiġu affettwati l-prinċipji fundamentali tas-separazzjoni tal-poteri” (p.332). Bl-invokabbiltà ta’ esklużjoni, l-eżerċitar ta’ din id-diskrezzjoni bl-ebda mod ma tiġi affettwata. Din tirrigwarda biss li jiġi vverifikat li, f’dan l-eżerċizzju, l-Istat Membru baqa’ fil-limiti ta’ din il-marġni ta’ diskrezzjoni.


24 – Is-sentenzi tat-30 ta’ April 1996, CIA Security International (C‑194/94, Ġabra p. I‑2201), kif ukoll tas-26 ta’ Settembru 2000, Unilever (C‑443/98, Ġabra p. I‑7535) jiġu spiss iċċitati bħala li jirrikonoxxu l-invokabbiltà ta’ esklużjoni tad-direttivi fil-kuntest ta’ kawża bejn individwi. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, ikkunsidrat li regola teknika li ma tkunx ġiet notifikata skont dak li timponi d-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE, tat-28 ta’ Marzu 1983, li tistabbilixxi proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tar-rekwiżiti u regoli tekniċi (ĠU L 109, p. 8), ħaġa li skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tikkostitwixxi “vizzju sostanzjali tal-proċedura”, ma għandhiex tiġi applikata mill-qorti nazzjonali, inkluż f’kuntest ta’ kawża bejn individwi (sentenzi iċċitati iktar ’il fuq CIA Security International, punt 48, u Unilever, punt 50). Hija ġġustifikat il-bidla hekk magħmula mill-ġurisprudenza klassika tagħha bil-fatt li d-“Direttiva 83/189 ma tiddefinixxix il-kontenut materjali tar-regola tad-dritt li fuqu għandha tibbaża l-qorti nazzjonali biex taqta’ kawża pendenti quddiemha. Hija la toħloq drittijiet u lanqas obbligi fuq l-individwi” (sentenza Unilever, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).


25 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2008, Velasco Navarro (C‑246/06, Ġabra p. I‑105, punt 38).


26 – Sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq (punti 77 u 78).


27 – C‑129/96, Ġabra p. I‑7411.


28 – Punt 45. Ara wkoll is-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq (punt 67).


29 – Sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq (punt 74).


30 – Ibidem (punt 75).


31 – ĠU L 175, p. 43. Ara s-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq (punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32 – Sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq (punt 76).


33 – Din il-Karta ġiet proklamata solennement l-ewwel darba, fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nizza (ĠU C 364, p. 1) imbagħad, it-tieni darba, fit-12 ta’ Diċembru 2007 fi Strasburgu (ĠU C 303, p. 1).


34 – Sentenza tad-19 ta’ Ottubru 1977, Ruckdeschel et (117/76 u 16/77, Ġabra p. 1753, punt 7).


35 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Novembru 1986, Klensch et (201/85 u 202/85, Ġabra p. 3477, punt 9), kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2002, Rodríguez Caballero (C‑442/00, Ġabra p. I‑11915, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36 – Sentenza Rodríguez Caballero, iċċitata iktar ’il fuq (punt 32).


37 – Ara, b’mod partikolari, l-influwenza li seta’ kellu l-prinċipju ta’ trattament ugwali fuq id-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, p. 40), fis-sentenza tat-30 ta’ April 1996, P./S. (C‑13/94, Ġabra p. I‑2143, punti 18 sa 20).


38 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑122/95, Ġabra p. I‑973, punti 54 sa 72).


39 – Sentenza Rodríguez Caballero, iċċitata iktar ’il fuq (punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40 – Ibidem (punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


41 – Direttiva tal-Kunsill, tal-10 ta’ Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga indaqs għall-irġiel u għan-nisa (ĠU L 45, p. 19).


42 – 43/75, Ġabra p. 455.


43 – Punt 54.


44 – Punt 60.


45 – 96/80, Ġabra p. 911.


46 – Punt 22.


47 – C‑17/05, Ġabra p. I‑9583, punt 29.


48 – Ara, b’mod partikolari s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch (36/74, Ġabra p. 1405); Defrenne, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll tas-6 ta’ Ġunju 2000, Angonese (C‑281/98, Ġabra p. I‑4139). Barra minn hekk, għall-konferma reċenti tal-effett dirett orizzontali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet fundamentali, bħalma huwa l-Artikolu 43 KE, ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union (C‑438/05, Ġabra p. I‑10779, punti 57 sa 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


49 – Il-problema tkun allura iktar kumplessa biex tiġi riżolta, peress li, apparti l-ostaklu kbir marbut man-natura tal-att tad-dritt Komunitarju sussidjarju li huwa d-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun ikkonfrontata b’hekk bil-kwistjoni iktar ġenerali dwar jekk il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni tistax tirregola kull tip ta’ relazzjoni bejn persuni privati. F’dan ir-rigward, jiena ninnota li n-natura imperattiva tal-projbizzjoni ta’ ċerti forom ta’ diskriminazzjoni stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju diġà wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħtihom l-iktar applikabbiltà wiesgħa possibbli, partikolarment fil-kuntest ta’ rapport bejn persuni privati [ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Defrenne (punt 39), u Angonese (punti 34 sa 36)]. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/78 li jipprovdi li din “tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat” juri li l-leġiżlatur Komunitarju jifhem il-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet bħala li testendi għar-relazzjonijiet tax-xogħol irregolati mid-dritt privat. Ara, barra minn hekk, barra mill-kuntest Komunitarju, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Pla u Puncernau vs Andorra tat-13 ta’ Lulju 2004, (ECHR 2004‑VIII), fejn il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tidher li tammetti li d-dritt li ma jkunx hemm diskriminazzjoni previst fl-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, japplika ukoll fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn persuni privati, u allura tiftaħ il-possibbiltà li tiġi vverifikata l-kompatibbiltà tal-atti purament privati fid-dawl ta’ dan l-artikolu (fuq dan il-punt, ara Sudre F., Droit européen et international des droits de l’homme, id-disa’ Edizzjoni, PUF, Pariġi, 2008, p. 264).


50 – Fuq dan is-suġġett, ara O. De Schutter, “Les droits fondamentaux dans l’Union européenne: une typologie de l’acquis”, Classer les droits de l’homme, 2004, p. 315. L-awtur jiċċita bħala eżempji d-dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-ħaddiema fi ħdan l-impriża (l-Artikolu 27), il-protezzjoni tal-ħaddiem f’każ ta’ tkeċċija inġusta (l-Artikolu 30), id-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u ekwi (l-Artikolu 31), il-projbizzjoni fuq tfal għax-xogħol u l-protezzjoni taż-żgħażagħ fix-xogħol (l-Artikolu 32), il-garanzija li wieħed jista’ jirrikkonċilja l-ħajja familjari mal-ħajja professjonali (l-Artikolu 33), kif ukoll id-dritt għas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti [l-Artikolu 34(2)] (p. 346 u 347).