Language of document : ECLI:EU:C:2017:940

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

6 ta’ Diċembru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Regolament (KE) Nru 1083/2006 – Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, Fond Soċjali Ewropew u Fond ta’ Koeżjoni – Kuntratt għall-finanzjament tal-kostruzzjoni ta’ awtostrada konkluż mal-Bank Ewropew għall-Investiment qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea – Kunċett ta’ ‘irregolarità’ fis-sens tar-Regolament Nru 1083/2006”

Fil-Kawża C‑408/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Lulju 2016, fil-proċedura

Compania Naţională de Administrare a Infrastructurii Rutiere SA, li qabel kienet Compania Națională de Autostrăzi și Drumuri Naționale din România SA

vs

Ministerul Fondurilor Europene Direcția generală managementul fondurilor externe

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn J. Malenovský, President tal-Awla, D. Šváby (Relatur) u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Compania Naţională de Administrare a Infrastructurii Rutiere SA, minn C. Homor, A. Docu, R. Simionescu, I. L. Axente u N. C. Mărgărit kif ukoll minn A. Filipescu, H. Nicolae u M. Curculescu,

–        għal Ministerul Fondurilor Europene - Direcția Generală Managementul FondurilorExterne minn D. C. Dinu, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u A. Tokár kif ukoll minn L. Nicolae, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), kif ukoll tal-punt 7 tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 9(5), u tal-Artikolu 60(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond tal-Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 25).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Compania Națională de Administrare a Infrastructurii Rutiere SA, li qabel kienet il-Compania Naţională de Autostrăzi şi Drumuri Naţionale din România SA (iktar ’il quddiem “CNADNR”), u l-Ministerul Fondurilor Europene ‑ Direcţia Generală Managementul Fondurilor Externe (il-Ministeru tal-fondi Ewropej – direzzjoni ġenerali tal-ġestjoni ta’ fondi barranin, ir-Rumanija) dwar deċiżjoni tal-Autoritatea de Management pentru Programul Operaţional Sectorial “Transport” (awtorità tal-ġestjoni tal-programm operazzjonali settorjali “Trasport”, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem l-“AMPOST”), li imponiet korrezzjoni finanzjarja minħabba ksur tad-Direttiva 2004/18 fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku dwar xogħlijiet kofinanzjati, inizjalment mill-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI), imbagħad integralment u retrospettivament mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Protokoll ta’ Adeżjoni

3        L-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-kondizzjonijiet u l-arranġamenti għall-ammissjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 29, iktar ’il quddiem il-“protokoll ta’ adeżjoni”) jipprovdi:

“Mid-data ta’ l-adeżjoni, […] l-atti adottati mill-istituzzjonijiet qabel l-adeżjoni għandhom jorbtu lill-Bulgarija u lir-Rumanija u għandhom japplikaw f’dawk l-Istati taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti [fit-Trattat li Jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa], fit-Trattati tal-KEEA u f’dan il-protokoll.”

4        Ir-raba’ parti ta’ dan il-protokoll, intitolat “Dispożizzjonijiet Temporanji”, jinkludi Titolu III, iddedikat għad-“Dispożizzjonijiet Finanzjarji”, li fih l-Artikolu 27, li jiddikjara, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-impenji finanzjarji assunti qabel l-adeżjoni taħt l-istrumenti finanzjarji ta’ qabel l-adeżjoni msemmija fil-paragrafu 1 kif ukoll dawk magħmula taħt il-Faċilità ta’ Transizzjoni msemmija fl-Artikolu 31 wara l-adeżjoni, inkluż il-konklużjoni u r-reġistrazzjoni ta’ impenji u ħlasijiet legali individwali sussegwenti magħmula wara l-adeżjoni għandhom ikomplu jiġu ggvernati mir-regoli u r-regolamenti ta’ l- istrumenti finanzjarji ta’ qabel l-adeżjoni u jiġu addebitati lill-kapitoli korrispondenti tal-budget sa l-għeluq tal-programmi u l-proġetti konċernati. Minkejja dan, il-proċeduri tal-akkwist pubbliku li nbdew wara l-adeżjoni għandhom jitwettqu skont id-disposizzjonijiet pertinenti tal-Unjoni.”

5        Il-ħames parti tal-imsemmi protokoll, intitolat “Dispożizzjonijiet Relattivi għall-Implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll”, jinkludi Titolu II intitolat għal “Applikabbiltà ta’ l-Atti tal-Istituzzjonijiet”, li jinkludi l-Artikolu 53, li jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom idaħħlu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw, mid-data ta’ l-adeżjoni, mad-disposizzjonijiet ta’ liġijiet kwadru Ewropej u dawk ir-regolamenti Ewropej li jorbtu fir-rigward tar-riżultat li għandu jintlaħaq iżda jħallu l-għażla ta’ forom u metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali fis-sens ta’ l-Artikolu I-33 [tat-Trattat li Jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa], u ta’ direttivi u deċiżjonijiet fis-sens ta’ l-Artikolu 249 [KE] u ta’ l-Artikolu 161 tat-Trattat tal-KEEA, sakemm ma jkunx previst terminu perentorju ieħor f’dan il-Protokoll. Huma għandhom jikkomunikaw dawk il-miżuri lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mid-data ta’ l-adeżjoni jew, fejn hu xieraq, fi żmien it-terminu perentorju previst f’dan il-Protokoll.”

 Id-Direttiva 2004/18

6        Il-premessa 22 tad-Direttiva 2004/18 tiddikjara:

“Dispożizzjonijiet għandhom isiru għal-każijiet fejn ikun possibbli li toqgħod lura milli tapplika l-miżuri għall-kordinament tal-proċeduri […] minħabba regoli speċifiċi fuq l-għoti ta’ kuntratti […] li huma speċifiċi għall-organizzazzjonijiet internazzjonali li jkunu applikabbli.”

7        L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kuntratti mogħtija fis-segwiment ta’ regoli internazzjonali”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi li huma iggvernati minn regoli ta’ proċedura differenti u mogħtija:

[…]

(c)      fis-segwiment għall-proċedura partikolari ta’ organizzazzjoni internazzjonali.”

 Ir-Regolament Nru 1083/2006

8        Il-premessa 22 tar-Regolament Nru 1083/2006 tiddikjara li:

“L-attivitajiet tal-Fondi u l-operazzjonijiet li huma jgħinu jiffinanzjaw għandhom ikunu koerenti mal-linji politiċi l-oħra tal-Komunità u jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni Komunitarja.”

9        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-termini li ġejjiin għandhom ikollhom it-tifsiriet mogħtija lilhom hawnhekk:

[…]

7)      ‘irregolarità’ kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja li jirriżulta minn att jew omissjoni min-naħa ta’ operatur ekonomiku li għandu, jew li kieku jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea billi tiġi addebitata nefqa mhux ġustifikata lill-baġit ġenerali.”

10      L-Artikolu 9(5) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“L-operazzjonijiet ffinanzjati mill-Fondi għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u ta’ l-atti adottati taħtu.”

11      Fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tat-Titolu III tar-Regolament Nru 1083/2006, intitolat “Proġetti kbar”, l-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Bħala parti minn programm operattiv, il-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni jistgħu jiffinanzjaw infiq fir-rigward ta’ operazzjoni li jkun fiha sensiela ta’ xogħlijiet, attivitajiet jew servizzi maħsuba fiha nfisha sabiex twettaq kompitu indiviżibbli ta’ natura ekonomika jew teknika preċiża, li jkollha għanijiet identifikati b’mod ċar u li l-kost totali tagħha huwa aktar minn EUR 25 miljun fil-każ ta’ l-ambjent u EUR 50 miljun f’oqsma oħra (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘proġetti kbar’).”

12      L-Artikolu 41 tal-imsemmi regolament, intitolat “Deċiżjoni tal-Kummissjoni”, jipprovdi:

“1.      Il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni tal-proġett kbir, jekk meħtieġ billi tikkonsulta esperti barranin, inkluż il-BEI, fid-dawl tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 40, tal-konsistenza tiegħu mal-prijoritajiet tal-programm operattiv, tal-kontribut tiegħu sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ dawk il-prijoritajiet u tal-koerenza tiegħu ma’ linji politiċi oħra Komunitarji.

2.      Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni kemm jista’ jkun malajr iżda mhux aktar tard minn 3 xhur wara l-preżentazzjoni mill-Istat Membru jew mill-awtorità ta’ ġestjoni ta’ proġett kbir, bil-kondizzjoni li l-preżentazzjoni ssir skond l-Artikolu 40. Dik id-deċiżjoni għandha tiddefinixxi s-suġġett fiżiku, l-ammont li għalih tapplika r-rata ta’ ko-finanzjament għall-assi prijoritarju, u l-pjan annwali ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-EDRF jew il-Fond ta’ Koeżjoni.

3.      Fejn il-Kummissjoni tirrifjuta li tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fondi għal proġett kbir, hija għandha tinnotifika lill-Istat Membru dwar ir-raġunijiet tagħha fi żmien il-perjodu u l-kondizzjonijiet relatati stabbiliti fil-paragrafu 2.”

13      L-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1083/2006 huwa fformulat kif ġej:

“L-awtorità ta’ ġestjoni għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni u l-implementazzjoni tal-programm operattiv skond il-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba u b’mod partikolari sabiex:

a)      tiżgura li l-operazzjonijiet jiġu magħżula għall-finanzjament skond il-kriterji applikabbli għall-programm operattiv u li jikkonformaw mar-regoli Komunitarji u nazzjonali applikabbli għall-perjodu sħiħ ta’ l-implementazzjoni tagħhom;

[…]”

14      L-Artikolu 98(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa b’konnessjoni mal-irregolaritajiet individwali jew sistemiċi li jiġu individwati fl-operazzjonijiet jew fil-programmi operazzjonali. Il-korrezzjonijiet li jsiru minn Stat Membru għandhom jikkonsistu f’kanċellament tal-kontribuzzjoni pubblika kollha jew parti minnha mill-programm operattiv. L-Istati Membri għandhom jieħdu kont tan-natura u l-gravità ta’ l-irregolaritajiet u t-telf finanzjarju għall-Fond.

Ir-riżorsi mill-fondi rilaxxati b’dan il-mod jistgħu jerġgħu jintużaw mill-Istat Membru sal-31 ta’ Diċembru 2015 għall-programm operattiv konċernat skond id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3.”

 Il-Gwida tal-BEI

15      Il-BEI għandu “Gwida għall-Għoti ta’ Kuntratti għal Proġetti Ffinanzjati mill-BEI”. Din il-gwida, fil-verżjoni tagħha tal-2004 (iktar ’il quddiem il-“Gwida tal-BEI”) għandha bħala għan li tinforma lill-promoturi tal-proġetti fejn il-kuntratti huma ffinanzjati kompletament jew parzjalment, mill-BEI, modalitajiet li għandhom isegwu sabiex jipproċessaw il-kuntratti għal xogħlijiet, provvisti u ta’ servizzi neċessarji għall-proġett ikkonċernat u li jibbenefika minn finanzjament mogħti mill-BEI. Hija strutturata fi tliet kapitoli u tiddistingwi r-regoli li jirregolaw l-operazzjonijiet fi ħdan l-Unjoni, li huma s-suġġett tal-Kapitolu 2, dawk li jirregolaw l-operazzjonijiet barra l-Unjoni Ewropea, li huma s-suġġett tal-Kapitolu 3. Taħt il-Kapitolu 3 tal-Gwida tal-BEI, huwa ppreċiżat li “[i]l-pajjiżi [kandidati] […] jinkorporaw gradwalment id-direttivi [tal-Unjoni] għal-leġiżlazzjoni tagħhom. F’[din] il-gwida, dawn il-pajjiżi jaqgħu taħti id-dispożizzjonijiet stipulati fil-Kapitolu 3 ‘Operazzjonijiet barra l-Unjoni Ewropea’, sad-data li fiha huma impenjati, matul in-negozjati tagħhom mal-Kummissjoni, biex japplikaw id-direttivi [Ewropej] dwar l-għoti tal-kuntatti sa fejn dawn ikunu ġew effettivament trasposti fil-liġi nazzjonali f’dik id-data. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 2 ‘Operazzjonijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea’ jsiru applikabbli lilhom.”

 Id-dritt Rumen

 Id-DEG Nru 34/2006

16      Id-Direttiva 2004/18 ġiet trasposta fid-dritt Rumen permezz tal-Ordonanta de urgenţă a Guvernului nr. 34/2006 din 19 aprilie 2006 privind atribuirea contractelor de achiziţie publică, a contractelor de concesiune de lucrări publice şi a contractelor de concesiune de servicii (Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 34/2006 dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi, tal-kuntratti għal konċessjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi u ta’ kuntratti għal konċessjoni ta’ servizzi, Monitorul Oficial al României Partea I Nru°418 tal-15 ta’ Mejju 2006, iktar ’il quddiem id-“DEG Nru°34/2006”). L-Artikolu 14(1) ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“Dan id-digriet ta’ emerġenza ma japplikax meta l-kuntratt pubbliku jingħata bħala riżultat ta’:

[…]

c)      l-applikazzjoni ta’ proċeduri speċifiċi ta’ organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet internazzjonali;

[…]”

 Id-DEG Nru 72/2007

17      L-Ordonanţa de urgenţă a Guvernului nr.72/2007 din 28 iunie 2007 privind unele măsuri derogatorii de la OUG nr. 34/2006 (Id-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 72/2007, tat-28 ta’ Ġunju 2007, dwar ċerti miżuri derogatorji għad-DUG Nru 34/2006 Monitorul Oficial al României, Partea I Nru 441 tad-29 ta’ Ġunju 2007, iktar ’il quddiem id-“DEG Nru°72/2007”), jinkludi artikolu wieħed skont liema:

“B’deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ [d-DEG Nru 34/2006], […] fir-rigward ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet ‑ is-self BEI VI, konkluż f’Diċembru 2006, awtostrada Arad-Timişoara-Lugoj […], [CNADNR] tkompli tapplika għad-dispożizzjonijiet tal-Gwida ta’ [l-BEI], Kapitolu 3; […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Il-proġett ta’ kostruzzjoni tal-awtostrada Arad-Timişoara-Lugoj inizjalment kien is-suġġett ta’ kuntratt ta’ finanzjament konkluż fit-23 ta’ Diċembru 2003, bejn ir-Rumanija, il-BEI u l-awtorità kontraenti tal-kuntratt għal xogħlijiet fil-kawża prinċipali, CNADNR.

19      Abbażi ta’ dan il-kuntratt, ġie konkluż ftehim ta’ self għall-iffinanzjar tal-kostruzzjoni ta’ diversi taqsimiet tal-awtostrada. bejn dawn l-istess partijiet, fit-2 ta’ Diċembru 2004. Dan il-ftehim jistipula li “CNADNR tosserva l-proċeduri tal-BEI dwar ix-xiri tal-beni, l-assigurazzjoni tas-servizzi u l-impenn tax-xogħlijiet neċessarji għall-proġetti, li hija tinnegozja konformement mad-dispożizzjonijiet [ta’ dan il-kuntratt ta’ finanzjament]” jiġifieri “permezz tal-intermedjarju ta’ sejħiet għall-offerti internazzjonali miftuħa għall-kandidati tal-pajjiżi kollha”.

20      Fil-kuntest ta’ dan il-ftehim ta’ self u bil-għan li torganizza l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-awtostrada Arad-Timişoara-Lugoj, CNADNR tat kuntratt, fit-28 ta’ Frar 2006, għall-provvista tas-servizzi ta’ konsulenti neċessarji għat-tħejjija tal-fajl tal-għoti ta’ dan il-kuntratt. Peress li r-Rumanija ma kinitx għadha membru tal-Unjoni, il-fajl tal-għoti tal-imsemmi kuntratt ġie imħejji konformement mal-Kapitolu 3 tal-gwida tal-BEI, intitolat “Operazzjonijiet barra l-Unjoni […]”.

21      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, minn naħa, il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-awtostrada Arad-Timişoara-Lugoj beda fis-17 ta’ Lulju 2007, taħt il-forma ta’ sejħa għal offerti ristretta bil-pre-klassifikazzjoni bil-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pre-klassifikazzjoni, u, min-naħa l-oħra, li dan il-kuntratt ingħata fil-15 ta’ Diċembru 2008.

22      Fis-27 ta’ Ottubru 2009, ir-Rumanija talbet lill-Kummissjoni li l-proġett ta’ kostruzzjoni tal-awtostrada Arad-Timişoara-Lugoj jibbenefika fil-kuntest ta’ programm operazzjonali settorjali “Trasport 2007-2013” b’finanzjament retrospettiv skont il-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni bħala “proġett kbir” fis-sens tal-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1083/2006.

23      Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet suċċessivi, adottati rispettivament fl-2010 u fl-2014, il-Kummissjoni approvat il-finanzjament sħiħ tal-imsemmi proġett skont il-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni. Għalhekk kuntratt ta’ finanzjament emenda s-sors tal-finanzjament tal-istess proġett b’tali mod li dan issa jibbenefika minn fondi Ewropej mhux rimborsabbli taħt il-programm operazzjonali settorjali “Trasport 2007-2013”.

24      Bil-għan li tirrimborsa l-ispejjeż magħmula mill-awtorità kontraenti u meħuda inkunsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi fil-każ ta’ finanzjament retrospettiv tal-proġetti, l-AMPOST spezzjona l-fajl tal-għoti tal-kuntratt għal xogħlijiet fil-kawża prinċipali. Wara din l-ispezzjoni, din l-awtorità kkonstatat irregolaritajiet permezz ta’ nota tad-29 ta’ Ġunju 2015, u imponiet permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Awwissu 2015 korrezzjoni finanzjarja ta’ 10 % tal-valur tal-ispejjeż eliġibbli tal-kuntratt għal xogħlijiet konkluż fil-15 ta’ Diċembru 2008.

25      L-AMPOST immotivat din il-korrezzjoni finanzjarja billi fakkret, fl-ewwel lok, li sabiex tagħti finanzjament Ewropew li ma huwiex rimborsabbli għal operazzjoni, il-Kummissjoni teżiġi li d-dispożizzjonijiet tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tal-istedina sabiex tipparteċipa għall-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt ikkonċernat ikunu osservati. F’dan ir-rigward, din l-awtorità qieset li d-Direttiva 2004/18 kienet applikabbli għall-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt għal xogħlijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali peress li dan tal-aħħar beda biss wara l-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni. Fit-tieni lok, l-AMPOST irrilevat li tliet kriterji ta’ pre-klassifikazzjoni previsti minn dan il-kuntratt kienu iktar restrittivi minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/18, jiġifieri, l-ewwel nett, kriterju dwar is-sitwazzjoni personali tal-kandidat u, b’mod partikolari, l-anteċedenti ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratti li tikser l-Artikoli 44 u 45 tad-Direttiva 2004/18, it-tieni nett, kriterju dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kandidat li huwa kontra l-Artikolu 47 ta’ din id-direttiva u, it-tielet nett, kriterju dwar l-esperjenza ta’ kandidat li ma josservax l-Artikolu 48 tal-imsemmija direttiva. Fl-aħħar lok, l-AMPOST madankollu rrilevat li l-użu ta’ dawn il-kriterji kien awtorizzat skont id-dritt intern, jiġifieri, id-DEG Nru 72/2007, li tidderoga espressament mid-DEG Nru 34/2006, digriet li ttraspona d-Direttiva 2004/18.

26      CNADNR ippreżentat, quddiem il-qorti tar-rinviju, rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-AMPOST tal-24 ta’ Awwissu 2015, kif ukoll tan-nota tal-konstatazzjoni tal-irregolaritajiet u tal-iffissar tal-korrezzjonijiet finanzjarji tad-29 ta’ Ġunju 2015, maħruġa dwar il-proġett ta’ kostruzzjoni tal-awtostrada Arad-Timişoara-Lugoj.

27      Insostenn tar-rikors tagħha, CNADNR tqis li l-korrezzjoni finanzjarja ta’ 10 % tal-valur tal-ispejjeż eliġibbli tal-kuntratt għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-awtostrada Arad-Timişoara-Lugoj hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tad-DEG Nru 34/2006, tad-DEG Nru 72/2007 kif ukoll tad-Direttiva 2004/18. CNADNR issostni li l-awtorità kontraenti ma setgħetx tiġi kkritikata talli stabbilixxiet kriterji ta’ pre-klassifikazzjoni illegali jew restrittivi fir-rigward ta’ din id-direttiva, sa fejn, ab initio, l-għoti ta’ dan il-kuntratt ġie mwettaq konformement mal-Kapitolu 3 tal-gwida tal-BEI.

28      Il-Ministeru tal-fondi Ewropej – direzzjoni ġenerali tal-ġestjoni ta’ fondi barranin isostni li l-kontrolli ġew imwettqa mill-AMPOST, konformement mad-Direttiva 2004/18, preċiżament għaliex il-proċedura tal-għoti tal-kuntratt ikkonċernat kienet deroga mill-applikazzjoni tad-DEG Nru 34/2006. Fil-fatt, fid-dawl tal-modifika tas-sors tal-finanzjament, peress li l-operazzjoni issa hija ffinanzjata mill-Fond ta’ Koeżjoni fil-kuntest tal-programm operazzjonali settorjali “Trasport 2007-2013”, din l-awtorità kellha tiżgura li l-għoti ta’ dan il-kuntratt josserva d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ir-regoli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

29      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, fuq il-leġiżlazzjoni applikabbli ratione temporis u ssemmi, f’dan ir-rigward, mhux biss l-Artikolu 27 tal-Protokoll ta’ Adeżjoni, li jikkonċerna l-impenji finanzjarji meħuda mill-Istati Membri kkonċernati qabel l-adeżjoni tagħhom fl-Unjoni, iżda wkoll l-Artikolu 53 ta’ dan il-protokoll, li jipprevedi d-dħul fis-seħħ immedjat, li jibda jiddekorri mid-data tal-adeżjoni ta’ dawn l-Istati Membri fl-Unjoni, ta’ regoli ta’ dritt sekondarju.

30      Fi-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt jekk huwa possibbli li tinterpreta l-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2004/18, skont liema din id-direttiva ma tapplikax għall-kuntratti pubbliċi rregolati minn regoli proċedurali differenti u mogħtija skont il-proċedura speċifika ta’ organizzazzjoni internazzjonali, li tawtorizza lil Stat Membru ma japplikax, wara l-adeżjoni tiegħu fl-Unjoni, din id-direttiva sa fejn huwa marbut b’kuntratt ta’ finanzjament konkluż mal-BEI qabel l-adeżjoni tiegħu fl-Unjoni, u skont liema l-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi huma suġġetti għal kriterji speċifiċi iktar restrittivi minn dawk previsti mill-imsemmija direttiva.

31      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll fuq il-punt jekk id-Direttiva 2004/18 tipprekludi att normattiv ta’ dritt intern adottat mill-Istat Membru kkonċernat wara l-adeżjoni tiegħu fl-Unjoni u li jimponi fuq l-awtorità kontraenti li ssegwi l-gwida tal-BEI b’deroga mill-att normattiv li ttraspona din id-direttiva.

32      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li, wara l-adeżjoni fl-Unjoni, Stat kandidat li bbenefika minn finanzjament matul il-perijodu tan-negozjati ma huwiex iktar suġġett għall-Kapitolu 3 tal-Gwida tal-BEI dwar l-operazzjonijiet esterni, iżda issa huwa suġġett għall-Kapitolu 2, intitolat “Operazzjonijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea” ta’ din il-gwida, li jikkonferma li d-Direttiva 2004/18 hija applikabbli.

33      Fit-tielet lok, sa fejn l-AMPOST irrilevat li ċerti kriterji ta’ pre-klassifikazzjoni previsti mill-kuntratt għal xogħlijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu iktar restrittivi minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/18, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, f’dan il-kuntest, jekk tali kuntratt jistax jitqies bħala konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u eliġibbli għal finanzjament Ewropew li ma huwiex rimborsabbli mogħti retrospettivament.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2004/18/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru li ma jikkonformax ruħu, wara l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni […], mad-direttiva inkwistjoni sa fejn jibbenefika minn kuntratt ta’ finanzjament konkluż mal-[…], qabel l-adeżjoni, li abbażi tiegħu l-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi japplikaw il-kriterji speċifiċi imposti mill-entità li tipprovdi l-finanzjament, bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, li huma iktar restrittivi minn dawk previsti mid-direttiva?

2)      Id-Direttiva 2004/18/KE għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi l-eżistenza ta’ att leġiżlattiv ta’ dritt intern, bħalma huwa [d-DEG] Nru 72/2007, li tipprevedi li d-dispożizzjonijiet tal-[Gwida tal-BEI] japplikaw b’deroga għall-att leġiżlattiv li jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali, f’dan il-każ [id-DEG]Nru 34/2006, għal raġunijiet bħal dawk indikati fin-nota ta’ informazzjoni, [dwar dan l-ewwel digriet] sabiex jiġi osservat il-kuntratt ta’ finanzjament konkluż qabel l-adeżjoni?

3)      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(5) u tal-Artikolu 60(a) tar-Regolament Nru 1083/2006, proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku organizzata skont id-dispożizzjonijiet tal-[Gwida tal-BEI] u skont d-dritt intern tista’ titiqes li hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u eliġibbli għal finanzjament Ewropew mhux rimborsabbli, mogħti retroattivament?

4)      Jekk id-domanda preċedenti tingaħta risposta negattiva, fil-każ ta’ kuntratt iddikjarat konformi mar-rekwiżiti tal-programm operattiv settorali ‘Transport 2007-2013’, tali preżunzjoni ta’ ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi (stabbiliment ta’ kriterji ta’ pre-kwalifikazzjoni tal-offerenti bħal dawk previsti fil-[Gwida tal-BEI] iktar restrittivi minn dawk previsti fid-Direttiva 2004/18 […]) jikkostitwixxu ‘irregolarità’ fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006, li joħloq obbligu fuq l-Istat Membru inkwistjoni li jimponi korrezzjoni finanzjarja/tnaqqis tal-perċentwali skont l-Artikolu 98(2) tal-imsemmi regolament?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

35      Sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, preliminarjament, għandu jiġi vverifikat li d-Direttiva 2004/18 hija applikabbli ratione temporis sa fejn ċerti fatti msemmija mill-qorti tar-rinviju seħħew qabel l-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni. Fil-fatt, mill-Artikolu 2 tal-Protokoll ta’ Adeżjoni jirriżulta li l-atti adottati mill-istituzzjonijiet qabel l-adeżjoni għandhom jorbtu lir-Rumanija u għandhom japplikaw f’dan l-Istat, taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-Trattati u f’dan il-protokoll, mid-data tal-imsemmija adeżjoni.

36      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 53(1) tal-imsemmi protokoll jirriżulta li r-Rumanija daħħlet fis-seħħ il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma, mid-data tal-adeżjoni tagħha fl-Unjoni, mad-dispożizzjonijiet tad-direttivi li jorbtu l-Istati Membri destinatarji kollha fir-rigward tar-riżultat li għandu jintlaħaq, iżda jħallu l-għażla ta’ forom u ta’ mezzi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali sakemm ma jkunx previst terminu perentorju ieħor f’dan l-istess protokoll.

37      Issa, għandu jiġi kkonstatat li terminu bħal dan ma ġiex previst sabiex tiġi trasposta d-Direttiva 2004/18 fid-dritt intern. Għaldaqstant, ir-Rumanija kellha tikkonforma ma’ din id-direttiva mid-data tal-adeżjoni tagħha fl-Unjoni konformement mal-prinċipju tal-applikazzjoni immedjata u integrali tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-konfront tal-Istati Membri l-ġodda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 1998, KappAhl, C‑233/97, EU:C:1998:585, punt 15).

38      Madankollu, għandu jiġi żgurat li d-Direttiva 2004/18 hija applikabbli għal proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

39      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-direttiva applikabbli għal kuntratt pubbliku, bħala prinċipju, hija dik fis-seħħ fid-data li fiha l-awtorità kontraenti tagħżel it-tip ta’ proċedura li għandha tiġi segwita u tiddeċiedi definittivament il-kwistjoni ta’ jekk hemmx jew le, obbligu li ssir sejħa għal offerti qabel l-għoti ta’ dan il-kuntratt (sentenza tas-7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz, C‑324/14, EU:C:2016:214, punt 83).

40      Issa, meta proċedura ta’ għoti hija s-suġġett ta’ pubblikazzjoni ta’ avviż dwar kuntratt, għandu jitqies li d-data li fiha l-awtorità kontraenti tiddeċiedi definittivament il-kwistjoni jekk hemmx lok li tipproċedi bi jew mingħajr sejħa minn qabel għall-għoti tal-kuntratt hija d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Għalhekk, huwa f’din id-data li għandha tiġi evalwata l-legalità tal-kundizzjonijiet dwar proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

41      F’dan il-każ, il-proċedura tal-għoti tal-kuntratt għal xogħlijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet is-suġġett ta’ avviż ta’ kuntratt ippubblikat fis-suppliment ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-17 ta’ Lulju 2007, wara l-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni. Peress li l-Protokoll ta’ Adeżjoni ma ppreveda l-ebda miżura tranżitorja li tista’ tipposponi l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18, għalhekk hemm lok li jitqies li din id-direttiva hija applikabbli ratione temporis għal proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

42      Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2004/18, u b’mod partikolari l-Artikolu 15(c) tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tipprevedi, għall-finijiet ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku konkluż wara d-data tal-adeżjoni tiegħu fl-Unjoni fid-dawl tat-twettiq ta’ proġett mibdi abbażi ta’ kuntratt ta’ finanzjament konkluż mal-BEI qabel l-imsemmija adeżjoni, l-applikazzjoni tal-kriterji speċifiċi previsti mid-dispożizzjonijiet tal-gwida tal-BEI li ma humiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

43      L-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2004/18 jiddikjara li din id-direttiva ma għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi li huma rregolati minn regoli ta’ proċedura speċifiċi għal organizzazzjoni internazzjonali.

44      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li dan l-artikolu, fid-dawl tal-premessa 22 tad-Direttiva 2004/18, jelenka tliet każijiet ta’ kuntratti pubbliċi li fihom ma għandhiex tapplika din id-direttiva sa fejn dawn il-kuntratti huma rregolati minn regoli ta’ proċedura differenti. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmi artikolu huwa inkluż fit-Taqsima 3 intitolata “Kuntratti esklużi”, tal-Kapitolu II intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, tat-Titolu II huwa stess intitolat “Regoli fuq kuntratti pubbliċi” tad-Direttiva 2004/18.

45      Għalhekk, kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2004/18 kif ukoll mill-kuntest li fih huwa inkluż, jirriżulta li dan l-artikolu jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva. Issa, tali eċċezzjoni għandha neċessarjament tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-20 ta’ Ġunju 2013, Consiglio Nazionale degli Ingegneri, C‑352/12, mhux ippubblikat, EU:C:2013:416, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Sabiex wieħed jevalwa jekk proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, irregolata mill-Kapitolu 3 tal-gwida tal-BEI, tistax taqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2004/18, għandu jiġi vverifikat jekk tali proċedura tistax tiġi meqjusa bħala rregolata minn regoli tal-proċedura speċifiċi għal organizzazzjoni internazzjonali.

47      Issa, kif ġie kkonstatat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, l-avviż ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie ppubblikat wara l-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, proċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax titqies bħala rregolata mir-regoli tal-proċedura speċifiċi għal organizzazzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2004/18.

49      Għalhekk, ir-Rumanija ma tistax tibbaża ruħha, wara d-data tal-adeżjoni tagħha fl-Unjoni, fuq l-eċċezzjoni dwar l-osservanza tar-regoli speċifiċi għal organizzazzjoni internazzjonali prevista fl-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2004/18.

50      Barra minn hekk, u kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, interpretazzjoni bħal din hija kkorroborata mill-formulazzjoni tal-gwida tal-BEI li biha, mid-data tal-adeżjoni tiegħu fl-Unjoni, Stat kandidat li bbenefika minn finanzjament mill-BEI għat-twettiq ta’ proġett ma huwiex iktar suġġett għall-Kapitolu 3 ta’ din il-gwida, dwar l-operazzjonijiet esterni tal-Unjoni, iżda issa huwa suġġett għall-Kapitolu 2 tal-imsemmija gwida, dwar l-operazzjonijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea, u għandu japplika d-direttivi dwar il-proċedura għall-għoti tal-kuntratti pubbliċi.

51      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-Direttiva 2004/18 tipprekludi l-eżistenza ta’ att normattiv ta’ dritt intern, bħal ma huwa d-DEG Nru 72/2007, li jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3 tal-gwida tal-BEI japplikaw b’deroga għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għall-ewwel u t-tieni domanda magħmula li d-Direttiva 2004/18, u b’mod partikolari l-Artikolu 15(c) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tipprevedi, għall-finijiet ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku konkluża wara d-data tal-adeżjoni tiegħu fl-Unjoni fid-dawl tat-twettiq ta’ proġett mibdi abbażi ta’ kuntratt ta’ finanzjament konkluż mal-BEI qabel l-imsemmija adeżjoni, l-applikazzjoni tal-kriterji speċifiċi previsti mid-dispożizzjonijiet tal-gwida tal-BEI li ma humiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

53      Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(5), u l-Artikolu 60(a) tar-Regolament Nru 1083/2006 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha ġew applikati kriterji iktar restrittivi minn dawk stabbiliti fid-Direttiva 2004/18 tista’ titqies konformi mad-dritt tal-Unjoni u eliġibbli għal finanzjament Ewropew mhux rimborsabbli, mogħti retrospettivament, u jekk, jekk ikun il-każ, il-punt 7 tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ kriterji ta’ pre-klassifikazzjoni tal-offerenti iktar restrittivi minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/18 tikkostitwixxi “irregolarità”. fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja skont l-Artikolu 98 ta’ dan ir-regolament.

54      Rigward l-ewwel aspett, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1083/2006, moqri fid-dawl tal-premessa 22 ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li l-Fondi Ewropej huma intiżi biss sabiex jiffinanzjaw operazzjonijiet konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-atti adottati skont dan.

55      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 60(a) tar-Regolament Nru 1083/2006, hija l-awtorità ta’ ġestjoni li għandha tissorvelja li l-operazzjonijiet magħżula fid-dawl ta’ finanzjament huma konformi matul il-perijodu kollu tal-implementazzjoni tagħhom, mar-regoli tal-Unjoni u mar-regoli nazzjonali applikabbli.

56      Għalhekk, ir-Regolament Nru 1083/2006 jagħmel parti mid-dispożittiv li jiżgura l-ġestjoni tajba tal-fondi tal-Unjoni u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016, Județul Neamț u Județul Bacău, C‑260/14 u C‑261/14, EU:C:2016:360, punt 34).

57      Minn dan isegwi li l-Unjoni għandha l-kompitu li tiffinanzja permezz tal-intermedjarju tal-Fondi tagħha biss azzjonijiet imwettqa b’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni, inklużi r-regoli applikabbli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016, Wroclaw ‑ Miasto na prawach powiatu, C‑406/14, EU:C:2016:562, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      F’dan il-każ, huwa paċifiku li, għall-finijiet tal-pre-klassifikazzjoni tal-offerenti, CNADNR segwiet ir-regoli tal-Kapitolu 3 tal-gwida tal-BEI. F’dan ir-rigward, il-fatt li jiġu segwiti r-regoli ta’ din il-gwida ma jistax jeskludi, ab initio, li r-regoli tal-Unjoni kif jirriżultaw mid-Direttiva 2004/18 jiġu osservati. Madankollu, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-kriterji ta’ pre-klassifikazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma iktar restrittivi minn dawk iddikjarati fl-Artikoli 44, 45 u 47 tad-Direttiva 2004/18.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-kuntest ta’ liema ġew applikati kriterji iktar restrittivi minn dawk iddikjarati fid-Direttiva 2004/18, ma tistax titqies li twettqet b’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni.

60      Fir-rigward tat-tieni aspett evokat fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, mid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006 jirriżulta li ksur tad-dritt tal-Unjoni jikkostitwixxix “irregolarità” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni biss jekk ikollu bħala effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea billi tiġi ddebitata nefqa mhux iġġustifikata lil dan il-baġit. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali ksur għandu jitqies li huwa irregolarità biss sa fejn dan seta’, bħala tali, ikollu effett baġitarju. Min-naħa l-oħra, ma huwiex meħtieġ li tintwera l-eżistenza ta’ effett finanzjarju speċifiku (sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016, Wroclaw ‑ Miasto na prawach powiatu, C‑406/14, EU:C:2016:562, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Konsegwentement, għandu jitqies li ksur tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jikkostitwixxi “irregolarità”, fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006, sa fejn il-possibbiltà li dan il-ksur kellu effett fuq il-baġit tal-Fond ikkonċernat ma tistax tiġi eskluża (sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016, Wroclaw ‑ Miasto na prawach powiatu, C‑406/14, EU:C:2016:562, punt 45)

62      F’dan il-każ, l-użu ta’ kriterji ta’ pre-klassifikazzjoni iktar restrittivi minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/18 jikkostitwixxi “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006, sa fejn il-possibbiltà li dan l-użu kellu effett fuq il-baġit tal-Fond inkwistjoni ma tistax tiġi eskluża.

63      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, l-AMPOST wriet li l-kriterji ta’ pre-klassifikazzjoni tal-offerenti kienu iktar restrittivi minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/18 u li kellhom bħala effett li jirrestrinġu ċ-ċirku ta’ parteċipanti fil-proċedura ta’ kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’tali mod li l-effett fuq il-baġit tal-fond ma tistax tiġi eskluża, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

64      Fl-aħħar nett, rigward il-punt dwar jekk l-imsemmija irregolarità tiġġustifikax l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja skont l-Artikolu 98 tar-Regolament Nru 1083/2006, għandu jiġi rrilevat li huma l-Istati Membri li għandhom jagħmlu korrezzjoni finanzjarja ladarba tkun ġiet ikkonstatata irregolarità.

65      F’dan ir-rigward, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jobbliga lill-awtorità nazzjonali kompetenti li tiddetermina l-ammont tal-korrezzjoni li għandu jiġi applikat fid-dawl tat-tliet kriterji, jiġifieri n-natura tal-irregolarità kkonstatata, il-gravità tagħha u t-telf finanzjarju li jirriżulta minnha għall-fond ikkonċernat (sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016, Wroclaw ‑ Miasto na prawach powiatu, C‑406/14, EU:C:2016:562, punt 47)

66      Meta tkun kwistjoni, bħal fil-kawża prinċipali, ta’ irregolarità okkażjonali, u mhux sistematika, dan ir-rekwiżit tal-aħħar jimplika neċessarjament eżami każ b’każ, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ kull każ rilevanti fid-dawl ta’ kull wieħed minn dawn it-tliet kriterji.

67      F’dan il-każ, il-fatt li CNADNR aġixxiet konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali li kien jobbligaha li tidderoga mid-Direttiva 2004/18, b’tali mod li ma kellha l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliċi li kellha ssegwi, hija ċirkustanza ta’ natura li jkollha effett fuq l-ammont finali tal-korrezzjoni finanzjarja li għandha tiġi applikata, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ.

68      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li:

–        -      L-Artikolu 9(5) u l-Artikolu 60(a) tar-Regolament Nru 1083/2006 għandhom jiġu interpretati fis-sens li proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-kuntest ta’ liema ġew applikati kriterji iktar restrittivi minn dawk iddikjarati fid-Direttiva 2004/18, ma tistax titqies bħala li twettqet b’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni u ma hijiex eliġibbli għal finanzjament Ewropew mhux rimborsabbli, mogħti retrospettivament.

–        -      L-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ kriterji ta’ pre-klassifikazzjoni tal-offerenti iktar restrittivi minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/18 jikkostitwixxi “irregolarità” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja skont l-Artikolu 98 ta’ dan ir-regolament, sa fejn il-possibbiltà li dan l-użu kellu effett fuq il-baġit tal-fond inkwistjoni ma tistax tiġi eskluża, li għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika dan.

 Fuq l-ispejjeż

69      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] u b’mod partikolari l-Artikolu 15(c) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru jipprevedi, għall-finijiet ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku konkluż wara d-data tal-adeżjoni tiegħu fl-Unjoni fid-dawl tat-twettiq ta’ proġett mibdi abbażi ta’ kuntratt ta’ finanzjament konkluż mal-Bank Ewropew tal-Investiment qabel l-imsemmija adeżjoni, l-applikazzjoni tal-kriterji speċifiċi previsti mid-dispożizzjonijiet tal-gwida tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi tal-Bank Ewropew tal-Investiment li ma humiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

2)      L-Artikolu 9(5) u l-Artikolu 60(a) tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 1083/2006, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond tal-Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999, għandhom jiġu interpretati fis-sens li proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-kuntest ta’ liema ġew applikati kriterji iktar restrittivi minn dawk iddikjarati fid-Direttiva 2004/18, ma tistax titqies li twettqet b’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni u ma hijiex eliġibbli għal finanzjament Ewropew mhux rimborsabbli, mogħti retrospettivament.

L-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ kriterji ta’ pre-klassifikazzjoni tal-offerenti iktar restrittivi minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/18 jikkostitwixxi “irregolarità” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja skont l-Artikolu 98 ta’ dan ir-regolament, sa fejn il-possibbiltà li dan l-użu kellu effett fuq il-baġit tal-fond inkwistjoni ma tistax tiġi eskluża, li għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika dan.

Firem


* Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.