Language of document : ECLI:EU:C:2017:863

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fl-14 ta’ Novembru 2017 (1)

Kawża C498/16

Maximilian Schrems

vs

Facebook Ireland Limited

[talba għal deċiżjoni preliminari mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija)]

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001— Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumatur — Kunċett ta’ konsumatur — Midja soċjali — Kontijiet tal-Facebook u paġni tal-Facebook — Trasferiment ta’ drittijiet minn konsumaturi li għandhom id-domiċilju tagħhom fl-istess Stat Membru, fi Stati Membri oħra u fi Stati li ma humiex membri — Rimedju kollettiv”






I.      Introduzzjoni

1.        Maximilian Schrems beda proċeduri legali kontra Facebook Ireland Limited quddiem qorti fl-Awstrija. Huwa jallega li l-kumpanija kisret id-drittijiet għall-ħajja privata u tal-protezzjoni tad-data tiegħu. Seba’ utenti oħra ta’ Facebook ttrasferewlu d-drittijiet tagħhom għal allegazzjonijiet tal-istess ksur bi tweġiba għall-istedina online ta’ M. Schrems biex jagħmlu hekk. Huma għandhom id-domiċilju tagħhom fl-Awstrija, fi Stati Membri oħra tal-Unjoni, u fi Stati li ma humiex membri.

2.        Din il-kawża tqajjem żewġ kwistjonijiet legali. L-ewwel nett, min hu “konsumatur”? Fid-dritt tal-Unjoni, il-konsumatur jitqies bħala l-parti l-inqas b’saħħitha li teħtieġ protezzjoni. Għal dan il-għan, matul is-snin inbnew elementi ta’ protezzjoni legali pjuttost robusti għall-konsumaturi, inkluża l-possibbiltà ta’ kap ta’ ġurisdizzjoni speċjali għall-kuntratti konklużi mill-konsumatur kif hemm previst fl-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 (2). Dak effettivament joħloq forum actoris għall-konsumaturi: konsumatur jista’ jħarrek lill-parti kontraenti l-oħra fil-post tad-domiċilju tiegħu. M. Schrems jissottometti li l-qrati ta’ Vjenna, l-Awstrija, għandhom ġurisdizzjoni li jiddeċiedu fuq kemm id-drittijiet tiegħu kif ukoll fuq id-drittijiet ittrasferiti, peress li huwa konsumatur fis-sens tal-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament Nru 44/2001.

3.        It-tassonomija dejjem hija kwistjoni kkumplikata. Anki jekk ikun hemm qbil fuq xi elementi ta’ definizzjoni, dejjem se jkun hemm każijiet mhux ordinarji li ma jistgħux jiġu kkategorizzati b’mod preċiż. Barra minn hekk, l-ispeċi jevolvu maż-żmien. Jista’ “konsumatur” li jsir dejjem iktar involut f’tilwim legali isir, gradwalment, “litigant professjonali f’materji tal-konsumatur”, u għalhekk ma jkollux iktar bżonn ta’ protezzjoni speċjali? Dan huwa, fi ftit kliem, il-qofol tal-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija).

4.        It-tieni domanda tirrigwarda l-ġurisdizzjoni internazzjonali għal tilwim dwar kuntratti konklużi mill-konsumatur meta jkunu ġew ittrasferiti d-drittijiet. Jekk wieħed jassumi li r-rikorrent għadu konsumatur huwa nnifsu, jista’ dan jistrieħ ukoll fuq dak il-kap tal-ġurisdizzjoni speċjali għad-drittijiet ittrasferiti ta’ konsumaturi oħra li għandhom id-domiċilju tagħhom fl-istess Stat Membru, fi Stati Membri oħra tal-Unjoni, u/jew fi Stati li ma humiex membri? Fi kliem ieħor, jista’ l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxi ġurisdizzjoni speċjali addizzjonali fid-domiċilju taċ-ċessjonarju, u b’hekk tinfetaħ b’mod effettiv il-possibbiltà li jinġabru d-drittijiet tal-konsumatur minn madwar id-dinja?

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolament Nru 44/2001

5.        L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001, jgħid dan li ġej:

“1.      F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ’l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni, mingħajr preġudizju għall-Artikolu 5 u punt 5 tal-Artikolu 5, jekk:

(a)      ikun kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti bin-nifs b’termini ta’ kreditu; jew

(b)      ikun kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti; jew

(ċ)      fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, b’xi meżżi, imexxi tali attivitajiet għal dak l-Istat Membru jew għal diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u li l-kuntratt jidħol fl-iskop ta’ attivitajiet bħal dawk.

[…]”

6.        L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li:

“1.      Konsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt jew fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih jkun domiċiljat dak il-parti jew fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur.

2.      Jistgħu jitressqu proċeduri kontra konsumatur mill-parti l-oħra tal-kuntratt biss fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.

[…]”

B.      Id-dritt Awstrijak

7.        Skont l-Artikolu 227 taz-Zivilprozessordnung (iktar ’il quddiem iż-“ZPO”, il-kodiċi ta’ proċedura ċivili Awstrijak):

“(1)      Diversi talbiet ta’ rikorrent kontra l-istess konvenut, anki jekk ma jiżdidux flimkien [il-Paragrafu 55 tal-Jurisdiktionsnorm (liġi dwar il-ġurisdizzjoni tal-qorti)], jistgħu jiġu affermati fl-istess azzjoni, jekk għat-talbiet kollha

1.      il-qorti li tkun qed tisma’ l-kawża għandha ġurisdizzjoni u

2.      ikun permess l-istess tip ta’ proċeduri.

(2)      Madankollu, talbiet li ma jaqbżux l-ammont speċifikat fil-Paragrafu 49(1)(1) tal-liġi dwar il-ġurisdizzjoni tal-qorti jistgħu jingħaqdu ma’ talbiet li jaqbżu dak l-ammont, u talbiet li għandhom jinstemgħu quddiem imħallef uniku, jistgħu jingħaqdu ma dawk li għandhom jinstemgħu quddiem Awla. Fl-ewwel każ, il-ġurisdizzjoni hija determinata mill-ammont ogħla; fit-tieni każ, l-Awla għandha tiddeċiedi dwar it-talbiet kollha.”

III. Il-fatti

8.        Skont il-fatti stabbiliti mill-qorti tar-rinviju, M. Schrems (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”) jispeċjalizza fil-liġi tal-IT u l-liġi dwar il-protezzjoni tad-data. Huwa qiegħed jikteb teżi għall-PhD dwar l-aspetti legali (ċivili, kriminali u amministrattivi) tal-protezzjoni tad-data.

9.        Ir-rikorrent ilu juża Facebook sa mill-2008. L-ewwel, kien juża Facebook esklużivament għal skopijiet privati taħt isem falz. Mill-2010, huwa uża kont tal-Facebook f’ismu stess, spellut bl-użu tal-alfabet Ċirilliku, għall-użu privat tiegħu - itella’ ritratti, jagħmel posts online u juża s-servizz tal-messenger għaċ-chat. Huwa għandu madwar 250 “ħbieb tal-Facebook”. Mill-2011 ir-rikorrent ukoll uża paġna tal-Facebook. Dik il-paġna fiha informazzjoni dwar il-lectures li jagħti, il-parteċipazzjonijiet tiegħu f’diskussjonijiet f’panels u dehriet fil-midja, il-kotba li kiteb, il-ġbir ta’ fondi li nieda u informazzjoni dwar il-proċeduri legali li beda kontra Facebook Ireland (iktar ’il quddiem il-“konvenuta”).

10.      Fl-2011, ir-rikorrent ressaq 22 ilment kontra l-konvenuta quddiem il-Kummissarju Irlandiż għall-Protezzjoni tad-Data. B’risposta għal dawk l-ilmenti, il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data ħareġ reviżjoni li kien fiha rakkomandazzjonijiet lill-konvenuta u, sussegwentement, reviżjoni ta’ monitoraġġ. F’Ġunju 2013 ir-rikorrent ressaq ilment ieħor kontra Facebook Ireland fir-rigward tal-programm ta’ sorveljanza PRISM (3) li wassal għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni “Port Salv” (4) minn din il-Qorti tal-Ġustizzja (5).

11.      Dwar is-suġġett tal-proċeduri legali tiegħu kontra l-konvenuta, ir-rikorrent ippubblika żewġ kotba, ta lectures (xi drabi għal remunerazzjoni), irreġistra bosta websajts [blogs, petizzjonijiet online, azzjonijiet ta’ crowdfunding (finanzjament kollettiv) għal proċeduri legali kontra l-konvenuta] kiseb diversi premjijiet u waqqaf l-assoċjazzjoni Verein zur Durchsetzung des Grundrechts auf Datenschutz (assoċjazzjoni għall-infurzar tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data, iktar ’il quddiem l-“assoċjazzjoni”) (6).

12.      L-għan iddikjarat tal-inizjattivi tar-rikorrent huwa li tiġi applikata pressjoni fuq Facebook. L-attivitajiet tiegħu ġibdu l-interess tal-midja. Il-proċeduri legali tiegħu kontra Facebook ġibdu l-attenzjoni ta’ ħafna xandara tat-TV fuq kanali tat-televiżjoni u programmi tar-radju Awstrijaċi, Ġermaniżi u internazzjonali. Kien hemm mill-inqas 184 artikolu tal-istampa fuq is-suġġett, inklużi pubblikazzjonijiet internazzjonali u online.

13.      Il-qorti tar-rinviju tgħid li r-rikorrent huwa impjegat minn ommu. Id-dħul tiegħu ġej minn dak l-impjieg kif ukoll mill-kiri ta’ appartament. Barra minn hekk, huwa jirċievi dħul ta’ ammonti mhux magħrufa mill-bejgħ tal-kotba msemmija iktar ’il fuq u mill-avvenimenti li jkun mistieden għalihom bħala riżultat tal-proċeduri legali li huwa għamel kontra l-konvenuta.

14.      Fil-proċeduri ineżami, ir-rikorrent jallega li l-konvenuta wettqet diversi ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data bi ksur tad-dritt Awstrijak, Irlandiż u tal-Unjoni (7). Ir-rikorrent jitlob sensiela ta’ rimedji: stqarrija dikjaratorja (dwar l-istatus tal-konvenuta bħala fornitur ta’ servizz u d-dmir tagħha li tosserva l-istruzzjonijiet; l-istatus tagħha bħala kontrollur; sa fejn l-ipproċessar tad-data jsir għall-finijiet tiegħu stess; u l-invalidità ta’ termini kuntrattwali); rimedju kawtelatorju (relatat mal-użu tad-data); l-iżvelar (dwar l-użu tad-data tal-applikant); il-produzzjoni ta’ kontijiet; u talba għad-danni (dwar it-tibdil ta’ termini kuntrattwali, il-kumpens, u l-arrikkiment indebitu).

15.      Ir-rikors fil-kawża prinċipali ġie ppreżentat bl-appoġġ ta’ kumpannija li tiffinanzja l-litigazzjoni għal ħlas ta’ 20 % tad-dħul u bl-appoġġ ta’ aġenzija ta’ relazzjonijiet pubbliċi. Ir-rikorrent ġabar grupp ta’ 10 individwi b’nukleu ta’ ħamsa biex isostnuh fil-“kampanja tiegħu kontra Facebook”. Mhux ċar jekk dawn il-persuni jirċevux xi remunerazzjoni mir-rikorrent. L-infrastruttura meħtieġa titħallas mill-kont privat tar-rikorrent. La hu u lanqas l-assoċjazzjoni ma għandhom impjegati.

16.      Wara l-istedina li tella’ online r-rikorrent, iktar minn 25 000 ruħ ittrasferew id-drittijiet tagħhom kontra l-konvenuta lir-rikorrent permezz ta’ waħda mill-websajts irreġistrati minnu. Sad-9 ta’ April 2015, 50 000 persuna oħra kienu fuq lista ta’ stennija. Huma inklużi biss seba’ drittijiet fil-proċeduri preżenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Dawk id-drittijiet ġew ittrasferiti lir-rikorrent minn konsumaturi li għandhom id-domiċilju tagħhom fl-Awstrija, fil-Ġermanja u fl-Indja.

17.      Il-qorti tal-ewwel istanza Awstrijaka, il-Landesgericht für Zivirechtssachen Wien (qorti reġjonali għal kwistjonijiet ċivili, Vjenna, l-Awstrija), ċaħdet ir-rikors. Hija ddikjarat li, fid-dawl tal-attivitajiet imsemmijin iktar ’il fuq konnessi mad-drittijiet tar-rikorrent, l-użu tiegħu ta’ Facebook kien inbidel maż-żmien. Huwa kien qed juża Facebook ukoll għal skopijiet professjonali u dan ipprekludih milli jistrieħ fuq il-ġurisdizzjoni speċjali dwar kuntratti konklużi mill-konsumatur. Dik il-qorti ddikjarat ukoll li l-ġurisdizzjoni għall-konsumaturi li fuqha setgħu jistrieħu ċ-ċedenti ma hijiex trasferibbli liċ-ċessjonarju.

18.      Il-qorti tal-appell, l-Oberlandesgericht Wien (qorti reġjonali ogħla, Vjenna, l-Awstrija) biddlet parzjalment dik id-deċiżjoni. Hija aċċettat l-ammissibbiltà tal-azzjoni fir-rigward tad-dritt “personali” tar-rikorrent, magħmula fir-rigward tal-kuntratt konkluż mill-konsumatur ta’ M. Schrems stess. Dik il-qorti kienet tal-fehma li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001 kellhom jiġu evalwati fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt.

19.      Madankollu, il-qorti tal-appell ċaħdet dik il-parti tal-appell li tirrigwarda d-drittijiet ittrasferiti. Hija ddeċidiet li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għall-konsumaturi jistgħu jintużaw għall-vantaġġ ta’ konsumatur biss minn dawk li huma partijiet f’azzjoni legali. Bħala riżultat, ir-rikorrent ma setax jistrieħ b’suċċess fuq it-tieni parti tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001 meta ried jeżegwixxi d-drittijiet ittrasferiti.

20.      Iż-żewġ partijiet ikkontestaw id-deċiżjoni tal-appell quddiem l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija). Dik il-qorti ssospendiet il-proċeduri nazzjonali u għamlet żewġ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      L-Artikolu 15 tar-Regolament [Nru 44/2001] għandu jiġi interpretat fis-sens li ‘konsumatur’ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jitlef din il-kwalità meta, wara li jkun uża għal perijodu relattivament twil kont Facebook privat, jippubblika kotba b’rabta mal-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu, u xi kultant jagħti wkoll konferenzi remunerati, jopera siti internet, jiġbor donazzjonijiet sabiex jeżerċita d-drittijiet u jaċċetta t-trasferiment tad-drittijiet ta’ bosta konsumaturi b’korrispettiv għall-garanzija li jirritornalhom l-ammont miksub, wara tnaqqis tal-ispejjeż legali, fil-każ li jirbaħ il-kawża?

(2)      L-Artikolu 16 tar-Regolament […] Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li konsumatur jista’ jinvoka fi Stat Membru flimkien mad-drittijiet proprji tiegħu li jirriżultaw minn kuntratt konkluż minn konsumatur fil-ġurisdizzjoni tar-rikorrent, ukoll drittijiet simili ta’ konsumaturi oħra li għandhom id-domiċilju tagħhom

(a)      fl-istess Stat Membru,

(b)      fi Stat Membru ieħor: jew

(c)      fi Stat terz,

meta dawn id-drittijiet, li jirriżultaw minn kuntratti konklużi minn konsumaturi bl-istess konvenuta fl-istess kuntest legali, ġew ittrasferiti lilu u meta l-operazzjoni ta’ trasferiment ma taqax taħt attività professjonali tar-rikorrent iżda hija intiża sabiex jiġu eżerċitati kollettivament id-drittijiet?”

21.      M. Schrems, Facebook Ireland, il-Gvern Awstrijak, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. M. Schrems, Facebook Ireland, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li saret fid-19 ta’ Lulju 2017.

IV.    Evalwazzjoni

22.      Dawn il-konkużjonijiet huma strutturati kif ġej: l-ewwel nett se nistabbilixxi jekk ir-rikorrent jistax jitqies bħala “konsumatur” fir-rigward tat-talbiet tiegħu stess (A). It-tieni nett, jekk wieħed jassumi li tabilħaqq huwa konsumatur, se neżamina l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni bbażata fuq il-forum speċjali tal-konsumatur fir-rigward tad-drittijiet ittrasferiti lir-rikorrent minn konsumaturi oħra (B).

A.      L-ewwel domanda: min huwa konsumatur?

23.      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk ir-rikorrent jistax jiġi kkunsidrat li huwa konsumatur fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għat-talbiet tiegħu stess kontra l-konvenuta. B’mod partikolari, tistaqsi jekk l-istatus ta’ konsumatur jistax jintilef jekk, wara li tkun użat kont Facebook għal skopijiet privati, persuna tidħol f’attivitajiet bħal pubblikazzjoni, għoti ta’ lectures, ħolqien ta’ websajts, jew ġbir ta’ donazzjonijiet. Il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll li wħud minn dawk l-attivitajiet marbuta mat-talbiet tar-rikorrent (il-lectures) kienu remunerati. Barra minn hekk, ir-rikorrent stieden lil konsumaturi oħra biex jittrasferulu d-drittijiet tagħhom. Huwa ssuġġerit li kwalunkwe għoti ta’ flus mid-drittijiet ittrasferiti jingħataw liċ-ċedenti wara tnaqqis ta’ spejjeż legali.

24.      Il-partijiet kollha li ssottomettew osservazzjonijiet, bl-eċċezzjoni tal-konvenuta, jaqblu li f’dak li jirrigwarda t-talbiet tiegħu stess kontra Facebook Ireland, ir-rikorrent għandu jitqies li huwa konsumatur.

25.      Il-konvenuta għandha fehma opposta. Hija ssostni li r-rikorrent ma jistax jistrieħ fuq il-kap ta’ ġurisdizzjoni speċjali għall-konsumaturi. Dan minħabba li, fiż-żmien rilevanti, meta ppreżenta r-rikors, huwa uża Facebook għal skopijiet kummerċjali. Il-konvenuta tressaq żewġ argumenti biex issostni dan. L-ewwel nett, l-istatus ta’ konsumatur jista’ jintilef maż-żmien. Id-data li għandha titqies sabiex jiġi evalwat l-istatus ta’ konsumatur hija d-data meta tressqet it-talba. Ma hijiex id-data tal-bidu tal-kuntratt. Ir-rikorrent kien involut f’attivitajiet professjonali marbuta mat-talbiet tiegħu kontra l-konvenuta. Bħala riżultat ta’ dan ma jistax jibqa’ jitqies li huwa konsumatur għall-iskopijiet ta’ dawk it-talbiet. It-tieni nett, it-twaqqif ta’ paġna Facebook iddedikata għall-attivitajiet tar-rikorrent imsemmija iktar ’il fuq ifisser li l-użu li għamel tal-kont Facebook huwa professjonali, jew kummerċjali. Dan għaliex kemm il-kont Facebook kif ukoll il-paġna Facebook jifformaw parti minn relazzjoni kuntrattwali waħda.

26.      Bla ħsara għal iktar verifiki mill-qorti tar-rinviju, u sakemm id-drittijiet li jikkonċernaw l-allegat ksur tal-ħajja privata u tad-data personali li sostna r-rikorrent jirrigwardaw l-kont Facebook tiegħu, jiena inklinat li naqbel li r-rikorrent jista’ jitqies li huwa konsumatur fir-rigward tat-talbiet li jirriżultaw mill-kuntratt tal-konsumatur tiegħu stess.

27.      Madankollu, qabel ma wieħed jasal għal proposta bħal din, hemm bżonn ta’ analiżi ta’ żewġ elementi ta’ definizzjoni tal-kunċett tradizzjonali ta’ “konsumatur” li jidher li huma kemxejn imċajpra fil-kawża ineżami. Fis-Subtaqsima (1) se neżamina fuq liema bażi individwu jista’ jiġi kkaratterizzat bħala konsumatur għall-finijiet tar-Regolament Nru 44/2001 (a) u jekk l-istatus ta’ konsumatur jistax jinbidel maż-żmien fir-rigward tal-istess relazzjoni kuntrattwali (b). Imbagħad se nindirizza l-kunċett ta’ konsumatur fil-kuntest speċifiku tal-midja soċjali u Facebook, li joħolqu sfidi saħansitra ikbar għad-definizzjonijiet tradizzjonali ta’ konsumatur (Subtaqsima 2).

1.      Il-kunċett ta’ konsumatur

a)      L-iskop tal-kuntratt: professjonali jew privat?

28.      L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jillimita l-forum ta’ konsumatur speċjali għal “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ‘l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu”.

29.      F’dik id-dispożizzjoni wieħed jista’ jara żewġ elementi: l-ewwel nett, il-konsumatur ma huwiex iddefinit b’mod ġenerali u astratt, iżda dejjem fir-rigward ta’ “kuntratt”. It-tieni nett, dak il-kuntratt għandu jiġi konkluż “għal skop” li jaqa’ barra min-“negozju jew professjoni” ta’ persuna partikolari.

30.      L-ewwel element huwa importanti f’din il-kawża. Dan ifisser li evalwazzjoni tal-istatus ta’ konsumatur hija dejjem speċifika għall-kuntratt: ir-relazzjoni kuntrattwali speċifika inkwistjoni għandha tiġi kkunsidrata. Ma huwiex evalwazzjoni astratt jew globali tal-istatus personali predominanti.

31.      It-tieni element, “negozju jew professjoni”, jirrigwarda f’termini wesgħin l-attività ekonomika ta’ dak li jkun. Dan ma jfissirx li l-kuntratt inkwistjoni għandu jkun neċessarjament marbut ma’ profitt ekonomiku immedjat. Pjuttost, dan ifisser li dak il-kuntratt ġie konkluż b’rabta ma’ attività ekonomika strutturata kontinwa.

32.      Dan l-approċċ għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jidher li jirriżulta minn linja konsistenti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-passat, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat approċċ fejn l-istatus ta’ konsumatur ikun marbut ma’ perċezzjoni ġenerali tal-attivitajiet jew l-għarfien ta’ individwu partikolari. Id-determinazzjoni tal-istatus ta’ konsumatur għandha ssir b’riferiment għall-pożizzjoni ta’ dik il-persuna f’kuntratt partikolari, wara li jiġu kkunsidrati n-natura u l-għan ta’ dak il-kuntratt (8). Għalhekk, kif ingħad b’mod ċar minn diversi Avukati Ġenerali (9) u kif ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “konsumatur” huwa ta’ “natura oġġettiva u huwa indipendenti mill-għarfien konkret li l-persuna kkonċernata jista’ jkollha, jew mill-informazzjoni li din il-persuna għandha realment” (10).

33.      Dan ifisser li l-istess persuna tista’, anki fl-istess jum, tkun qed taġixxi bħala professjonist u bħala konsumatur, skont in-natura u l-għan tal-kuntratt li ġie konkluż. Pereżempju, avukat professjonali li jispeċjalizza fid-dritt tal-konsumatur xorta jista’ jkun konsumatur, minkejja l-attività u l-għarfien professjonali tiegħu, kull meta jidħol f’relazzjoni kuntrattwali għal skopijiet privati.

34.      Bħala konsegwenza, huwa l-iskop li għalih ġie konkluż kuntratt li huwa importanti. Verament, irrispettivament minn kemm huwa ta’ għajnuna, dak il-kriterju jista’ ma jkunx dejjem ċar. Jista’ jkun hemm kuntratti bi “skop doppju”, li jservu kemm skopijiet professjonali kif ukoll dawk privati. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità teżamina din il-kwistjoni fil-kawża magħrufa Gruber dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell. Jirriżulta minn dik id-deċiżjoni li fil-każ ta’ kuntratti bi skop doppju, l-istatus ta’ konsumatur jinżamm biss jekk il-konnessjoni bejn il-kuntratt u n-negozju jew il-professjoni tal-persuna kkonċernata hija “tant żgħira li tkun marġinali”, li jfisser li kellha biss rwol negliġibbli fil-kuntest li fih ġie konkluż il-kuntratt (ikkunsidrat fl-intier tiegħu) (11).

b)      Iż-żmien: approċċ statiku jew dinamiku

35.      Il-kwistjoni ta’ kuntratti bi “skop doppju”, fejn iż-żewġ għanijiet jeżistu fl-istess ħin (tipikament il-mument tal-formazzjoni tal-kuntratt), hija differenti mill-kwistjoni li tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni temporali tal-iskop u tal-għan ta’ relazzjoni kuntrattwali. Jista’ l-użu ta’ kuntratt jinbidel minn kuntratt ta’ natura esklużivament privata għal wieħed ta’ natura esklużivament professjonali, jew viċi versa? B’riżultat ta’ dan, l-istatus ta’ konsumatur jista jintilef maż-żmien?

36.      Ir-rikorrent, kif ukoll il-Gvern Ġermaniż u dak Awstrijak iqisu li l-istatus ta’ konsumatur ma jistax jintilef. Il-fehma tagħhom hi li l-punt ta’ riferiment huwa meta l-kuntratt ġie konkluż.

37.      Bil-maqlub, il-konvenuta targumenta favur approċċ “dinamiku” għall-kunċett ta’ konsumatur, li hija pożizzjoni li l-Kummissjoni ma topponix. Skont dan l-approċċ, l-istatus tal-konsumatur għandu jiġi ddeterminat fil-mument meta l-azzjoni tiġi ppreżentata.

38.      Nifhem li kunsiderazzjonijiet ta’ prevedibbiltà u ta’ aspettattivi leġittimi tal-partijiet kontraenti huma ta’ importanza primarja. Għalhekk, il-partijiet kontraenti għandhom ikunu jistgħu jiddependu fuq l-istatus tal-parti l-oħra, li kien iddeterminat fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt.

39.      Madankollu, f’termini astratti u f’każijiet pjuttost eċċezzjonali, approċċ “dinamiku” għall-istatus ta’ konsumatur ma għandux jiġi eskluż għal kollox. Dan jista’ jkun potenzjalment rilevanti fil-każ li kuntratt ma jispeċifikax l-għan tiegħu, jew ikun miftuħ għal użi differenti, u jdum għal perijodu twil ta’ żmien, jew saħansitra jkun indeterminat. Huwa konċepibbli li f’każijiet bħal dawn, l-iskop li għalih jintuża ċertu servizz kuntrattwali jista’ jinbidel – mhux biss parzjalment, imma anki kompletament.

40.      Immaġina li s-Sinjura Smith iffirmat kuntratt relatat ma’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, bħal kont tal-email. Meta ġie konkluż, is-Sinjura Smith użat il-kuntratt għal skopijiet purament privati. Madankollu, iktar tard, bdiet tuża dak il-kont għan-negozju tagħha. Għaxar snin wara, hija spiċċat tuża s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika esklużivament għal skopijiet kummerċjali. Jekk it-termini kuntrattwali oriġinali ma jeskludux dan l-użu, u ma kien hemm l-ebda tiġdid, modifika jew emenda tal-kuntratt f’dawk l-10 snin, jista’ dan l-użu jibqa’ jiġi deskritt bħala “privat”?

41.      Għalhekk jiena nissuġġerixxi li ma jingħalaqx kompletament il-bieb għal bidliet sussegwenti fl-użu bħal dawn. Jistgħu jiġru. Madankollu, dawn għandhom ikunu rriservati għal xenarji eċċezzjonali. L-assunzjoni ġusta u korretta tibqa’ li l-għan li għalih il-kuntratt ġie konkluż oriġinarjament huwa deċiżiv. Jekk, u biss jekk, mill-fatti tal-każ jirriżulta b’mod ċar li dik l-assunzjoni ma għadhiex valida li l-istatus ta’ konsumatur jista’ jerġa’ jiġi evalwat.

c)      Konklużjoni provviżorja

42.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jirriżulta li l-element ċentrali li fuqu għandu jiġi evalwat l-istatus ta’ konsumatur għall-finijiet tal-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament Nru 44/2001 huma n-natura u l-għan tal-kuntratt li għalih tirreferi (jirreferu) t-talba (talbiet). F’kawżi kumplessi fejn in-natura u l-għan ta’ kuntratt huma mħallta, jiġifieri, kemm privat kif ukoll professjonali, għandu jkun hemm evalwazzjoni dwar jekk il-“kontenut” professjonali jistax jitqies bħala marġinali. Jekk dan hu tabilħaqq il-każ, l-istatus tal-konsumatur xorta jista’ jinżamm. Barra minn hekk, ma għandux jiġi eskluż li f’ċerti sitwazzjonijiet eċċezzjonali, minħabba l-kontenut indeterminat u t-terminu potenzjalmet twil tal-kuntratt, l-istatus ta’ waħda mill-partijiet jista’ jinbidel maż-żmien.

2.      Konsumatur soċjalment fin-netwerking

43.      L-applikazzjoni tal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq fil-kuntest tal-midja soċjali ma hijiex sempliċi għal kollox (a). Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ għarfien tan-natura eżatta tar-relazzjonijiet kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkompli jtappan l-evalwazzjoni (b). Madankollu, ser nipprova ngħin lill-qorti tar-rinviju billi niddeskrivi l-għażliet possibbli li jistgħu, bla ħsara għal iktar verifiki fattwali, jimmaterjalizzaw (ċ).

a)      Dwar għażliet binarji u status mħallta

44.      Il-pjattaformi tal-midja soċjali bħal Facebook ma joqogħdux faċilment fid-definizzjonijiet kemxejn ċari u netti tar-Regolament Nru 44/2001. L-Artikolu 15(1) ta’ dak ir-regolament jiġbed linja bejn min hu u min ma huwiex konsumatur. Madankollu, numru ta’ użi u utenti attwali ta’ Facebook ma jogħqodux f’din il-klassifikazzjoni binarja.

45.      Ovvjament, hemm il-każijiet ċari. Minn naħa, hemm il-profil ta’ żagħżugħ b’sensiela ta’ selfies strambi b’kummenti li fihom iktar emoticons u marki ta’ esklamazzjoni milli kliem. Dan iħaddan univers soċjali wieħed, imma ċertament mhux professjonali, imkejjel bin-numru ta’ “likes” irċevuti u ħbieb tal-Facebook. Min-naħa l-oħra, hemm il-preżentazzjoni evidentement kummerċjali ta’ kumpannija kbira li, minkejja l-użu ta’ Facebook bħala mezz ta’ reklamar, jirnexxilha jkollha numru sorprendenti ta’ “friends” (ħbieb) u “followers” (segwaċi).

46.      Madankollu, bejn dawn iż-żewġ spettri, wieħed li huwa b’mod ċar privat u l-ieħor distintivament professjonali, hemm ħamsin sfumatura ta’ blu (tal-Facebook). B’mod partikolari, kont Facebook li huwa privat jista’ jintuża wkoll għal skopijiet ta’ awtopromozzjoni b’impatt jew skop professjonali. Kwalunkwe individwu jista’ jippubblika dwar il-kisbiet professjonali tiegħu u attivitajiet ta’ natura (kważi) professjonali u jaqsamhom ma’ komunità ta’ “ħbieb”. Kontenut professjonali fil-forma ta’ komunikazzjoni ta’ diskorsi jew pubblikazzjonijiet pubbliċi jista’ saħansitra jsir dominanti u jkun kondiviżi ma komunitajiet vasti ta’ “ħbieb”, “ħbieb tal-ħbieb”, jew isir għal kollox “pubbliku”.

47.      Dan mhux biss fil-każ ta’ artisti tal-mużika, plejers tal-futbol, politikanti u attivisti soċjali, imma wkoll akkademiċi, jew numru ta’ professjonijiet oħra. Immaġina professur tal-fiżika versatili, li fil-bidu fetaħ kont Facebook biss biex jaqsam ritratti personali mal-ħbieb. Iżda, gradwalment, huwa jibda wkoll jikteb dwar ir-riċerka ġdida tiegħu. Huwa jikteb dwar id-dokumenti, lectures, u dehriet pubbliċi oħra ġodda tiegħu. Huwa wkoll kok u fotografu akkanit, u jpoġġi online għadd ta’ riċetti, flimkien ma’ ritratti meħudin f’postijiet ta’ konferenzi madwar id-dinja. Xi wħud minn dawn ir-ritratti, li għandhom valur artistiku, huma offruti għall-bejgħ. Dak kollu hu miżgħud bl-istampi tal-qtates maħbubin tiegħu u jagħmel kummentarju kontinwu spirituż dwar is-sitwazzjoni politika (attwali), b’dawn l-aħħar kummenti ta’ spiss innotat mill-midja u li jwasslu għal stediniet għal għoti ta’ diskorsi u intervisti madwar l-Ewropa kollha.

48.      Fil-fehma tiegħi, użi bħal dawn ma jagħtux karattru professjonali jew kummerċjali lill-kont Facebook. Fil-fatt, in-natura ta’ netwerk soċjali, li huwa mfassal biex jinkoraġġixxi l-iżvilupp u l-komunikazzjoni personali, tista’ kważi inevitabbilment twassal għal sitwazzjoni fejn id-dinja professjonali ta’ individwu tinfiltra fin-netwerk. Dawn id-dimensjonijiet kollha huma, madankollu, b’mod ċar espressjoni tal-persuna u tal-personalità tagħha. Għalkemm huwa ċar li b’xi mod jew ieħor, uħud minn dawk l-użi fil-fatt jikkontribwixxu għal “awtopromozzjoni” u t-titjib tal-fama professjonali ta’ dak li jkun, dawn jistgħu jagħmlu hekk fit-tul biss. Ma humiex immirati biex jiġġeneraw effett kummerċjali immedjat.

49.      B’kuntrast, illum hemm professjonijiet sħaħ li jħalltu l-linja bejn il-konnessjonijiet privati u professjonali fil-komunikazzjoni bl-internet, b’mod partikolari fuq in-netwerks soċjali. Xi użi jistgħu jidhru li huma privati, imma li huma ta’ natura kompletament kummerċjali. Dawk li jinfluwenzaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-midja soċjali, “prosumers” (konsumaturi professjonali), jew maniġers ta’ komunità jistgħu jużaw il-kontijiet personali tagħhom fuq netwerks soċjali bħala għodda ta’ ħidma essenzjali (12).

50.      Għalkemm dawn ix-xenarji kumplessi kienu s-suġġett ta’ ċerta diskussjoni fil-kuntest tal-każ inkwistjoni, mhux konvint li s-soluzzjoni għalihom hija meħtieġa fil-kawża ineżami. Skont il-fatti pprovduti mill-qorti tar-rinviju, ir-rikorrent uża l-kont Facebook li huwa stabbilixxa bejn l-2008 u l-2010 esklużivamentgħal skopijiet privati. Mill-2011 huwa uża wkoll paġna Facebook. Donnu jidher, għalhekk, li l-użu inizjali u kontinwat tal-kont Facebook huwa essenzjalment wieħed privat. Madankollu, ħaġa li ma hijiex ċara u li għandha tiġi indirizzata hija r-relazzjoni eżatta bejn il-kontijiet Facebook u l-paġni Facebook u n-natura korrispondenti tar-relazzjoni kuntrattwali bejn r-rikorrent u l-konvenuta.

b)      Dwar il-kontijiet Facebook u l-paġni Facebook

51.      Waqt is-seduta, kemm ir-rikorrent kif ukoll il-konvenuta ġew mistiedna jiċċaraw l-irqaqat kuntrattwali tal-kontijiet Facebook u tal-paġni Facebook. Iż-żewġ partijiet ikkonċernati ddefendew, madankollu, pożizzjonijiet irrikonċiljabbli. Ir-rikorrent isostni li hemm żewġ kuntratti differenti għall-paġna Facebook u għall-kont Facebook, peress li l-utent kellu jaċċetta termini u kundizzjonijiet separati. Barra minn hekk, huwa jsostni li filwaqt li kont Facebook huwa personali, il-paġni Facebook jistgħu jiġu amministrati minn persuni differenti. Fil-fatt, ir-rikorrent jallega li huwa abbanduna l-paġna Facebook li huwa ħoloq u li hu ma għadux wieħed mill-amministraturi tagħha. Il-konvenuta, madankollu, issostni li kemm il-kont Facebook kif ukoll il-paġna Facebook huma parti mill-istess relazzjoni kuntrattwali waħda. Ma tistax tinħoloq paġna Facebook mingħajr profil Facebook u t-tnejn huma inseparabbli mill-kont Facebook inizjali.

52.      Jekk ir-rikorrent u l-konvenuta humiex marbuta b’kuntratt wieħed jew iktar u jekk it-talbiet inkwistjoni tar-rikorrent dwar il-ħajja privata u l-ksur tal-protezzjoni tad-data personali jirrigwardawx esklużivament il-kont Facebook jew ukoll il-paġna Facebook huma kwistjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti mill-qorti nazzjonali. Madankollu, hemm xi elementi li jinsabu fil-fajl disponibbli għal din il-Qorti tal-Ġustizzja u fl-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet ikkonċernati li jistgħu forsi jgħinu lill-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward.

53.      L-ewwel nett, kont Facebook jinħoloq permezz tal-aċċettazzjoni tat-termini ġenerali tas-servizz ta’ Facebook. It-tieni nett, Facebook joffri iktar servizzi li huma disponibbli għall-utenti li diġà għandhom kont Facebook. Wieħed minn dawk is-servizzi huwa l-possibbiltà li jinfetħu paġni Facebook, li jingħad li huma għal skopijiet ta’ negozju, kummerċjali jew professjonali. Filwaqt li kont Facebook huwa meħtieġ sabiex tkun tista’ titwaqqaf paġna Facebook, jidher li jkollhom jiġu aċċettati termini addizzjonali ta’ servizz. It-tielet nett, għalkemm kont Facebook fil-forma bażika tiegħu [profil Facebook, inkluża t-“timeline” (kronoloġija) jew il-wall (ħajt), ritratti, ħbieb] ġeneralment jista’ jintuża għal skopijiet privati, madankollu l-użu professjonali tiegħu ma huwiex eskluż. Madankollu, kif isostni l-konvenuta fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, skont il-punt 4.4 tal-kundizzjonijiet tal-użu tal-2013, l-utenti jaqblu li ma jużawx “il-kronoloġija personali primarjament għall-qligħ kummerċjali [tagħhom] stess, u trid tuża Paġna Facebook għal dawk l-iskopijiet”.

c)      L-għażliet

54.      Għalhekk, abbażi tal-konstatazzjonijiet eventwali mill-qorti tar-rinviju, żewġ sitwazzjonijiet huma possibbli. L-ewwel nett, kien hemm żewġ kuntratti separati (wieħed għall-kont Facebook u l-ieħor għall-paġna Facebook). It-tieni nett, kien hemm kuntratt wieħed li jkopri ż-żewġ “prodotti”.

55.      Kieku kien hemm żewġ kuntratti separati u t-talbiet inkwistjoni jirrigwardaw il-kont Facebook, l-istatus ta’ konsumatur tar-rikorrent ikollu jiġi ddeterminat esklużivament fir-rigward tan-natura u l-għan tal-kuntratt dwar dak il-kont. L-użu tal-paġna Facebook ma jbiddilx l-evalwazzjoni tal-istatus ta’ konsumatur skont il-kont Facebook.

56.      Għalhekk ir-rikorrent igawdi status ta’ konsumatur jekk, kif jidher mid-digriet tar-rinviju, huwa uża l-kont Facebook tiegħu għal skopijiet privati matul il-perijodu rilevanti. Fil-fatt, mill-evalwazzjoni speċifika tal-kuntratt u oġġettiva tal-istatus ta’ konsumatur jirriżulta li l-fatt li r-rikorrent speċjalizza akkademikament u huwa impenjat f’attivitajiet f’qasam marbut mat-talbiet tiegħu stess kontra Facebook, ma huwiex, fih innifsu, deċiżiv. L-għarfien, l-esperjenza, l-impenn ċiviku jew il-fatt li jkun kiseb ċerta fama minħabba l-litigazzjoni fihom innifishom ma jipprekludux lil dak li jkun milli jkun konsumatur.

57.      Fil-fehma tiegħi, din il-konklużjoni tibqa’ l-istess anki fil-każ fejn iż-żewġ kuntratti kienu marbuta f’forma ta’ kuntratt prinċipali (il-kont Facebook) u kuntratt supplimentari konness (il-paġna Facebook). Fil-fatt, fil-każ li jkun hemm żewġ kuntratti separati, anki jekk interkonnessi mill-qrib, in-natura tal-ftehim anċillari ma tistax tbiddel in-natura tal-kuntratt prinċipali (13).

58.      Jekk kien hemm kuntratt wieħed biss li jinkludi l-kont Facebook u l-paġna Facebook, allura t-test tal-kawża Gruber isir rilevanti. Skont dak it-test, il-qorti nazzjonali jkollha teżamina sa fejn il-kontenut professjonali jista’ jitqies negliġibbli.

59.      Madankollu, fir-rigward tas-sentenza fil-kawża Gruber, għandhom jiġu enfasizzati żewġ punti addizzjonali. L-ewwel nett, l-għan tas-sentenza Gruber, fil-fehma tiegħi, u dak li għandu jibqa’ negliġibbli fi ħdan kuntratt wieħed, huma attivitajiet li għandhom għan u impatt kummerċjali immedjat, fis-sens li l-għan ewlieni ta’ tali użu hija attività strutturata u li tagħmel profitt. It-tieni nett, id-dinamiżmu potenzjali tar-relazzjoni kuntrattwali jkollu jiġi evalwat jekk in-natura u l-għan tal-kuntratt ma joħorġux mit-termini tiegħu, u, fuq il-fatti aċċertati, ikun hemm evoluzzjoni ċara tat-tip tal-kapaċità li fiha r-rikorrent ikun għamel użu minn kuntratt wieħed bħal dan.

60.      Madankollu, fiż-żewġ tipi ta’ evalwazzjoni, hija meħtieġa ċerta flessibbiltà fil-kuntest speċifiku tal-midja soċjali (14), fejn numru ta’ użi li jikkonċernaw ir-reputazzjoni u l-fama professjonali jirrappreżentaw estensjoni tal-personalità tal-utent. Jekk ma jkunx hemm impatt kummerċjali dirett u immedjat, dawn jibqgħu każijiet ta’ użu privat.

d)      Konklużjoni provviżorja

61.      Bħala riżultat ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, u bla ħsara għal verifika mill-qorti nazzjonali, jidher li r-rikorrent jista’ jitqies bħala konsumatur fir-rigward tat-talbiet tiegħu stess li jirriżultaw mill-użu privat tal-kont Facebook tiegħustess.

62.      Għaldaqstant nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-twettiq ta’ attivitajiet bħal pubblikazzjoni, l-għoti ta’ lectures, it-tħaddim ta’ websajts, jew il-ġbir ta’ fondi għall-infurzar ta’ drittijiet ma jinvolvix it-telf tal-istatus tal-konsumatur għal drittijiet li jikkonċernaw il-kont proprju ta’ Facebook użat għal finijiet privati.

B.      Domanda 2: ġurisdizzjoni fuq drittijiet ittrasferiti

63.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-konsumatur jistax jinvoka l-forum speċjali tal-konsumatur previst fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001, mhux biss fir-rigward tad-drittijiet tiegħu biss, imma anki fir-rigward tad-drittijiet ittrasferiti lilu minn konsumaturi oħra li għandhom id-domiċilju tagħhom fl-istess Stat Membru, fi Stati Membri oħra u fi Stati li ma humiex membri. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar din il-possibbiltà fil-każ li d-drittijiet ittrasferiti lir-rikorrent jirriżultaw minn provvisti lil konsumatur li jinvolvu l-istess konvenuta u l-istess kuntest legali.

64.      Ir-rikorrent u l-Gvern Awstrijak, dak Ġermaniż u dak Portugiż isostnu li M. Schrems jista’ joqgħod fuq il-forum tal-konsumatur tiegħu stess għad-drittijiet tiegħu kif ukoll għad-drittijiet kollha li ġew ittrasferiti lilu minn konsumaturi oħra (irrispettivament mill-post tad-domiċilju taċ-ċedenti).

65.      Il-konvenuta ssostni l-pożizzjoni opposta: il-forum tal-konsumatur ma huwiex applikabbli għad-drittijiet ittrasferiti. Parti biss fir-relazzjoni kuntrattwali tista’ tuża l-forum speċjali previst fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Anki kieku kellu jiġi aċċettat li r-rikorrent huwa konsumatur, huwa ma għandux dak l-istatus fir-rigward tad-drittijiet ittrasferiti.

66.      Il-Kummissjoni taqbel mal-konvenuta li r-rikorrent ma jistax jinvoka fil-qorti tal-post tad-domiċilju tiegħu d-drittijiet ittrasferiti lilu minn konsumaturi li għandhom id-domiċilji tagħhom fi Stati Membri oħra jew fi Stati li ma humiex membri. Madankollu, il-forum speċjali tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jista’ japplika, skont il-Kummissjoni, fir-rigward ta’ drittijiet ittrasferiti minn konsumaturi Awstrijaċi oħra anki jekk ikollhom id-domiċilju tagħhom x’imkien ieħor f’dak l-Istat Membru.

67.      Ikolli nammetti li ma narax kif l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001 propost mir-rikorrent tista’ tiġi rrikonċiljata mat-test u mal-loġika ta’ dik id-dispożizzjoni. Fis-sottomissjonijiet tiegħu, ir-rikorrent tabilħaqq jagħmel għadd ta’ proposti interessanti dwar il-ħtieġa għal azzjoni kollettiva għall-protezzjoni tal-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea. Madankollu, fil-fehma tiegħi, irrispettivament minn kemm huma b’saħħithom fuq il-livell ta’ politika, ħafna minn dawk l-argumenti pjuttost jirreferu għal riflessjonijiet dwar il-futur potenzjali tad-dritt, imma jsibu appoġġ limitat fid-dritt kif inhu llum.

68.      Nibda billi noffri kjarifika qasira, imma fil-kuntest ta’ din il-kawża ferm meħtieġa, dwar in-natura tal-proċeduri fil-kawża prinċipali u l-portata tat-tieni domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja (Subtaqsima 1). Imbagħad ser nipproponi l-evalwazzjoni tiegħi tad-domanda, ibbażata fuq interpretazzjoni litterali, sistematika u teleoloġika tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati (Subtaqsima 2), qabel ma ndur fuq l-argumenti wiesgħin ta’ politika tar-rikorrent (Subtaqsima 3).

1.      Kjarifiki preliminari

a)      Kawżi kollettivi l-“mod Awstrijak”

69.      Il-perċezzjoni ta’ dak li jikkwalifika bħala kawża kollettiva tista’ naturalment tvarja, skont id-definizzjoni preċiża li ġiet adottata. Madankollu, ikolli nammetti li għandi diffikultà, meta nħares mill-qrib lejn it-test u l-implementazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali dwar il-kawża preżenti, jiġifieri l-Artikolu 227 taż-ZPO, biex nirreferi għal dik id-dispożizzjoni bħala strument ta’ “kawża kollettiva” (15), ċertament għal dak li jirrigwarda r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni territorjali.

70.      Kif ġie spjegat fid-diversi osservazzjonijiet ippreżentati lil din il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 227(1) taż-ZPO jippermetti li drittijiet differenti ta’ rikorrent wieħed kontra l-istess konvenut jinstemgħu flimkien fl-istess proċeduri jekk jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, il-qorti adita għandu jkollha ġurisdizzjoni għal kull waħda mit-talbiet individwali, inkluża l-kompetenza territorjali tagħha. It-tieni nett, għandu jkun possibbli li kull talba tkun suġġetta għall-istess tip ta’ proċedura.

71.      L-implementazzjoni effettiva ta’ dik id-dispożizzjoni tista’ tintwera mill-fatti ta’ kawża li jidhirli li hija d-deċiżjoni ewlenija tal-Oberste Gerichtshof (qorti suprema) dwar il-kwistjoni (16). F’dak il-każ, 684 konsumatur li allegaw li rati ta’ interessi fuq il-krediti tal-konsumatur tagħhom kienu qed jiksru l-leġiżlazzjoni applikabbli ttrasferew id-drittijiet tagħhom kontra l-bank ikkonċernat lil persuna ġuridika, il-“Bundeskammer für Arbeiter und Angestellte (qorti federali tax-xogħol, l-Awstrija). Meta ddeċidiet fuq punt ta’ liġi fil-livell ta’ appell, il-Qorti Suprema qablet li dawk id-drittijiet jistgħu jitqiegħdu flimkien f’sett wieħed ta’ proċeduri. Madankollu, is-sentenza kienet tikkonċerna esklużivament il-kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni materjali. Kif ġie ddikjarat b’mod ċar mill-qorti, il-ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti Awstrijaka adita qatt ma ġiet ikkontestata (17).

72.      B’riżultat ta’ dan, jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 227(1) taż-ZPO jiġu ssodisfatti, dawk li jistgħu jsiru sa ċertu punt flessibbli, kif jipprevedi l-Artikolu 227(2) taż-ZPO, huma kwistjonijiet ta’ kompetenza ratione materiae, imma mhux ratione loci.

73.      Fil-qosor, jidhirli li skont il-liġi nazzjonali, l-Artikolu 227 taż-ZPO ma huwiex bażi legali suffiċjenti la għal bidla fil-ġurisdizzjoni internazzjonali u lanqas għall-ħolqien ta’ forum ġdid għall-konsumatur-ċessjonarju.

b)      Il-kostruzzjoni tal-kawża preżenti

74.      Hemm it-tieni element li għandu jiġi enfasizzat. Il-kawża fil-qorti nazzjonali tinftiehem bħala trasferiment ta’ dritt li joħroġ minn kuntratt: kien hemm trasferiment lir-rikorrent ta’ diversi drittijiet li għandhom l-istess kontenut bħad-drittijiet tiegħu kontra l-konvenuta. Huwa għalhekk daħal fil-vesti ta’ dawk l-utenti l-oħra ta’ Facebook fir-rigward biss tad-drittijiet partikolari ttrasferiti. Minkejja dan, il-kuntratti bejn dawk l-utenti u l-konvenuta għadhom fis-seħħ għall-kwistjonijiet l-oħra kollha bejn il-partijiet kontraenti oriġinali. Proċeduralment, ir-rikorrent (li huwa ċessjonarju) huwa l-uniku rikorrent fil-proċeduri prinċipali.

75.      F’dan il-kuntest, ir-rikorrent qiegħed essenzjalment jippromwovi, fuq il-bażi tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001 biss, il-ħolqien tat-tieni saff ta’ ġurisdizzjoni speċjali. Huwa ma jargumentax li l-forum speċjali inizjali tal-“konsumatur” taċ-ċedent ma jinżammx, li jfisser li ċ-ċedenti oriġinali xorta potenzjalment għad jistgħu jfittxu ġudizzjarjament lill-konvenuta fir-rigward tal-elementi l-oħra tal-kuntratt mhux ittrasferiti, fil-post ta’ domiċilju tagħhom. Dak li qed jargumenta effettivament ir-rikorrent huwa li l-forum speċjali tal-konsumatur previst fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jista’ jintuża mill-ġdid biex jinħoloq it-tieni forum speċjali, din id-darba għaċ-ċessjonarju u għad-drittijiet ittrasferti.

76.      Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, huwa xi ftit sorprendenti li r-rikorrent jinvoka l-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza fir-rigward tal-mekkaniżmu Awstrijak imsemmi iktar ’il fuq biex isostni l-fehma tiegħu. Dawk il-prinċipji jillimitaw l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. Ma narax kif inhuma rilevanti f’din il-kawża biex tiġi stabbilita l-kompetenza ġurisdizzjonali. Dan huwa iktar u iktar hekk peress li l-liġi nazzjonali ma tipprovdix għall-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni internazzjonali li huwa qed jippromwovi.

2.      L-interpretazzjoni tal-liġi kif inhi issa

77.      Fid-dawl taż-żewġ kjarifiki preliminari pprovduti fit-taqsima preċedenti, huwa ċar li l-każ tar-rikorrent jistrieħ biss fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Tista’ dik id-dispożizzjoni fiha nnifisha tistabbilixxi kap ġdid u speċjali ta’ ġurisdizzjoni lil konsumatur ieħor li ma kienx parti fil-kuntratt tal-konsumatur oriġinali inkwistjoni?

a)      It-test

78.      Ir-rikorrent isostni li l-konsumatur li jressaq it-talba mhux bilfors li jkun l-istess konsumatur li jkun parti fil-kuntratt tal-konsumatur. Kemm hu kif ukoll il-Gvern Ġermaniż, jargumentaw li l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jirreferi għal “[k]onsumatur” bħala l-persuna li tista’ tressaq it-talba mhux għal “il-konsumatur”. Skont ir-rikorrent, il-fatt li jkun meħtieġ li l-partijiet kontraenti jkunu identiċi għall-partijiet fil-proċeduri jkun jammonta għal kundizzjoni mhux miktuba contra legem għall-applikazzjoni tal-Artikolu 16(1), li ma hijiex ammissibbli skont ir-Regolament.

79.      Dan l-argument ma jikkonvinċix. Il-kliem kemm tal-Artikolu 15 kif ukoll tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 44/2001 jenfasizza b’mod ċar l-importanza tal-identità tal-partijiet għar-relazzjoni kuntrattwali konkreta fid-determinazzjoni tal-applikabbiltà ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

80.      L-ewwel nett, li wieħed jasal għal konklużjonijiet sinjifikattivi bħal dawn mill-użu sempliċi ta’ artikolu indefinit fil-bidu ta’ sentenza tidher kemxejn imġebbda. Dan l-argument jibda jiġġarraf meta wieħed jeżamina verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħal dawk fil-lingwi Slavi, li ma jużawx artikoli (in)definiti u fejn għalhekk ma ssir l-ebda distinzjoni bħal din. Fuq kollox, madankollu, anki fil-lingwi li jużaw artikoli u jagħmlu din id-distinzjoni, ikun pjuttost loġiku li peress li l-kelma “konsumatur” tissemma għall-ewwel darba f’sentenza, l-ewwel riferiment huwa “għal konsumatur” (artikolu indefinit), filwaqt li t-tieni riferiment għall-istess konsumatur f’dik is-sentenza jkun “il-konsumatur”.

81.      It-tieni nett, il-kliem tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa ċar: “[k]onsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt” (18). Bl-istess mod, l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li “[j]istgħu jitressqu proċeduri kontra konsumatur mill-parti l-oħra tal-kuntratt biss fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konsumatur” (19).

82.      Il-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirreferi b’mod ċar għall-parti kontraenti l-oħra. Dan juri li l-forum speċjali huwa dejjem limitat għall-partijiet konkreti u speċifiċi tal-kuntratt. Bħala riżultat, id-dissoċjazzjoni tal-partijiet kontraenti mill-kuntratt tmur kontra l-interpretazzjoni naturali ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Għalhekk, naqbel bis-sħiħ mal-Avukat Ġenerali Darmon li l-espressjonijiet “[k]onsumatur jista’ jressaq proċedimenti” u “[j]istgħu jitressqu proċeduri kontra konsumatur” jindikaw li l-protezzjoni tingħata “expressis verbis biss safejn huwa personalment l-attur jew il-konvenut fil-proċeduri” (20).

b)      il-Kuntest

83.      Hemm tliet argumenti sistemiċi ulterjuri li jsaħħu l-pożizzjoni kontra l-proposta tar-rikorrent sabiex il-partijiet fil-proċeduri jiġu ddisassoċjati mill-partijiet fir-relazzjoni kuntrattwali.

84.      L-ewwel nett, loġikament, l-Artikolu 16 għandu jiġi interpretat flimkien mal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001. Dan tal-aħħar jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sezzjoni 4, iddedikata għall-ġurisdizzjoni fuq kuntratti konklużi mill-konsumatur. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 japplika fil-każ li tliet kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, jiġifieri, l-ewwel nett, parti li tkun ikkonkludiet il-kuntratt ikollha l-kwalità ta’ konsumatur li jaġixxi f’kuntest li jista’ jitqies bħala estranju għall-attivitajiet professjonali tiegħu, it-tieni nett, il-kuntrattbejn tali konsumatur u professjonist ikun effettivament ġiet konkluż u, it-tielet nett, tali kuntratt ikun jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 15(1)(a) sa (ċ)” (21).

85.      Interpretazzjoni li tgħid li l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 44/2001 jinkludi talbiet magħmula minn konsumatur fuq il-bażi ta’ kuntratti konklużi minn konsumaturi oħra taqta’ r-rabta loġika bejn l-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament Nru 44/2001. Din twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kap ta’ ġurisdizzjoni speċjali lil hinn mill-każijiet espliċitament previsti minn dawk id-dispożizzjonijiet.

86.      Fil-fatt, kif eżaminat fil-punti 28 sa 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari, u kif ammess mir-rikorrent, il-kap speċjali ta’ ġurisdizzjoni relatat mal-konsumaturi għandu l-għan li jipproteġi persuna fil-kapaċità tagħha ta’ konsumatur f’kuntratt partikolari. Għalhekk ikun kemxejn paradossali li jkun permess li tali rabta intima bejn l-istatus ta’ konsumatur u kuntratt partikolari tiġi ddilwita billi jingħata l-forum speċjali tal-konsumatur fuq il-bażi ta’ dritt li joħroġ minn kuntratt konkluż minn persuna oħra.

87.      It-tieni nett, b’kuntrast mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jirreferi għal “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” mingħajr ma żżid iktar speċifikazzjonijiet dwar l-identità tal-partijiet kontraenti li jistgħu jinvokawh, l-Artikolu 16(1) ta’ dak ir-regolament huwa ħafna iktar preċiż u limitat. Din l-aħħar dispożizzjoni ssemmi espressament il-konsumatur u l-parti l-oħra fil-kuntratt. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tabilħaqq tippermetti iktar libertà u flessibilità f’termini ta’ identità tar-rikorrent, sakemm ikun hemm obbligu assunt b’mod liberu (22). F’ċirkustanzi limitati din tippermetti l-infurzar ta’ obbligi kuntrattwali minn parti terza, li ma kinitx il-parti kontraenti inizjali. Madankollu, il-kliem evidentement differenti u idjaq tal-Artikolu 16(1) ma jippermettix interpretazzjoni bħal din.

88.      It-tielet nett, il-forum tal-konsumaturi previst fl-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament Nru 44/2001 jitbiegħed mhux biss mir-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1) ta’ dak ir-regolament (li jagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru fejn il-konvenut għandu d-domiċilju tiegħu), iżda wkoll mir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali għal kuntratti, stabbilita fl-Artikolu 5(1) ta’ dak ir-regolament (li jgħid li l-ġurisdizzjoni hija tal-qrati tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li fuqu hija bbażata t-talba). Bħala konsegwenza, l-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament Nru 44/2001 ma għandhomx jiġu interpretati bħala li jestendu l-privileġġ tal-forum actoris barra mis-sitwazzjonijiet li għalihom ġie stabbilit b’mod espliċitu (23).

c)      l-Iskop

89.      Il-qofol tal-argumenti tar-rikorrent huwa bbażat fuq argumentazzjoni teleoloġika. Dawk l-argumenti jistgħu jinġabru fi tlieta.

90.      L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostni li peress li ċ-ċedent u ċ-ċessjonarju huma konsumaturi, it-tnejn jistħoqqilhom protezzjoni. L-għan tad-dispożizzjoni inkwistjoni li l-parti vulnerabbli tiġi protetta jipprekludi interpretazzjoni li l-partijiet kontraenti għandhom ikunu l-istess bħall-partijiet fit-tilwima

91.      It-tieni nett, fir-rigward tal-għan ta’ prevedibbiltà tal-forum ġeneralment segwit mir-Regolament Nru 44/2001, ir-rikorrent isostni li l-konvenuta ma għandhiex aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-eżistenza ta’ forum partikolari. Iċ-ċertezza tal-forum tal-konsumatur hija limitata għaliex il-konsumatur jista’ dejjem ibiddel id-domiċilju tiegħu. Għalhekk, ma huwiex importanti jekk il-forum jinbidel fuq il-bażi ta’ bidla ta’ domiċilju jew ta’ trasferiment ta’ drittijiet permezz ta’ trasferiment. Barra minn hekk, Facebook imexxi l-attivitajiet tiegħu (fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001) lejn id-dinja kollha, inkluża l-Awstrija. Il-konvenuta setgħet għalhekk tipprevedi talbiet li jitressqu quddiem il-qrati Awstrijaċi.

92.      It-tielet nett, ir-rikorrent jissuġġerixxi li l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat bħala li jippermetti l-forum tal-konsumatur-ċessjonarju għal drittijiet ittrasferiti biex iħeġġeġ rimedju kollettiv għal raġunijiet konnessi mal-vulnerabbiltà tal-konsumaturi, protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-għan li jiġu evitati proċeduri paralleli multipli.

93.      Argumenti relatati mal-għan tal-protezzjoni tal-konsumatur bħala l-parti l-iktar dgħajfa (1) u dawk li jirrigwardaw il-prevedibbiltà tal-forum u l-evitar ta’ proċeduri paralleli (2) huma argumenti li, fil-fehma tiegħi, huma rilevanti fir-rigward tar-Regolament Nru 44/2001 kif inhu bħalissa. Għalhekk se neżamina kull wieħed minnhom wara xulxin fil-bqija ta’ din it-taqsima, qabel ma nikkonkludi dwar il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni lokali (3).

1)      L-għan tal-protezzjoni tal-“parti l-anqas b’saħħitha”

94.      Ir-rikorrent isostni li l-pożizzjoni tiegħu dwar l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001 hija sostnuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-element determinanti għall-applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni speċjali tal-konsumatur huwa l-adegwatezza astratta għal protezzjoni (24).

95.      Fuq il-livell ta’ dikjarazzjoni ġenerali, ma nistax ma naqbilx li din il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement tat importanza kbira lill-għan li l-konsumaturi jiġu protetti bħala partijiet l-inqas b’saħħithom meta jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet relatati mal-ġurisdizzjoni speċjali tal-konsumaturi fir-Regolament Nru 44/2001. Madankollu, fuq il-livell ta’ proposti legali konkreti, ma nistax naqbel ma’ kif ippreżenta l-ġurisprudenza r-rikorrent.

96.      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt diġà kellha l-opportunità teżamina jekk il-forum actoris tal-konsumaturi huwiex applikabbli għal dawk li huma ċ-ċessjonarji ta’ drittijiet tal-konsumatur li ma humiex huma stess partijiet fil-kuntratt. Fis-sentenzi Henkel u Shearson Lehman Hutton, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ġurisdizzjoni speċjali tal-konsumatur ma kinitx applikabbli għal persuni legali li jaġixxu bħala ċessjonarji tad-drittijiet ta’ konsumatur. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal dik il-konklużjoni mhux biss għaliex, kif jissottometti r-rikorrent, dawk il-persuni ġuridiċi (kumpannija privata u assoċjazzjoni tal-konsumaturi) ma kinux “partijiet inqas b’saħħithom”, imma wkoll, kif iddikjarat b’mod ċar fiż-żewġ deċiżjonijiet, għaliex dawk il-persuni ma kinux huma nnifishom partijiet fil-kuntratt (25).

97.      It-tieni nett, skont ir-rikorrent, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tistrieħ fuq ħtieġa astratta ta’ protezzjoni tal-konsumatur bħala l-element determinanti għall-istabbiliment tal-forum, irrispettivament min-natura ttrasferita tad-drittijiet. F’dan ir-rigward, kemm il-Gvern Awstrijak kif ukoll ir-rikorrent irreferew għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Vorarlberger Gebietskrankenkasse, fejn ġie ddikjarat li kuntrarjament għall-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, “il-korp li lilu ġew ittrasferiti ipso jure d-drittijiet tal-persuna li hija direttament leża, li huwa nnifsu jista’ jitqies bħala l-parti l-inqas b’saħħitha, għandu jkun jista’ jibbenefika mir-regoli speċjali ta’ ġurisdizzjoni definiti fl-imsemmija dispożizzjonijiet. […] dan huwa minnu b’mod partikolari fil-każ tal-werrieta tal-vittma ta’ inċident” (26).

98.      Peress li l-użu ta’ dik il-kawża jista’ jkun għadu ta’ rilevanza fid-dawl ta’ sentenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża MMA IARD (27), li sfumat b’mod kunsiderevoli l-approċċ adottat fil-kawża Vorarlberger Gebietskrankenkasse, l-analoġija ma’ din il-kawża ma hijiex xierqa għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, il-kap tal-ġurisdizzjoni speċjali għal materji relatati mal-assigurazzjoni huwa kkonċepit b’mod differenti u, huwa, fih innifsu, ferm usa’ (28). It-tieni nett, u iktar importanti, fil-kawża Vorarlberger Gebietskrankenkasse, it-talba kienet li jinżamm il-forum speċjali lidiġà jeżisti u li jitħalla jgħaddih lil parti terza. Dak li effettivament qed jitlob ir-rikorrent huwa l-ħolqien ta’ forum speċjali ġdid partikolari għaċ-ċessjonarju jew is-suċċessur tad-drittijiet, f’sitwazzjoni fejn dawk id-drittijiet ġew ittrasferiti purament għal skopijiet ta’ litigazzjoni.

2)      Il-prevedibbiltà u l-evitar ta’ proċeduri paralleli

99.      Ir-rikorrent, kif ukoll il-Gvern Ġermaniż u dak Awstrijak, enfasizzaw li l-applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni speċjali tal-konsumatur, tal-konsumatur-ċessjonarju għad-drittijiet kollha ttrasferiti (jew ttrasferiti minn konsumaturi li għandhom id-domiċilju tagħhom fl-istess Stati Membri, fi Stati Membri oħra jew fi Stati li ma humiex membri) ma timminax l-għanijiet taċ-ċertezza legali u tal-prevedibbiltà. L-ewwel nett, iċ-ċertezza tal-forum tal-konsumatur hija limitata xorta waħda għaliex il-konsumatur jista’ dejjem jibdel id-domiċilju tiegħu. It-tieni nett, Facebook imexxi l-attivitajiet tiegħu (fis-sens tal-Artikolu 15 (1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001) lejn id-dinja kollha, inkluża l-Awstrija. Għalhekk ikun prevedibbli għal dik il-kumpannija li t-talbiet jitressqu quddiem il-qrati Awstrijaċi. It-tielet nett, il-“konċentrazzjoni” tat-talbiet saħansitra tkun ta’ vantaġġ għall-konvenuta, li ma jkollhiex għalfejn taffaċċja talbiet differenti fi Stati Membri differenti. Barra minn hekk, ir-riskju li jkun hemm deċiżjonijiet diverġenti jiġi evitat. Barra minn dan, r-rikorrent jargumenta li mhux qed jitlob ir-rikonoxximent ta’ forum ġdid li hu ma jkunx diġà intitolat għalih, peress li huwa diġà jgawdi l-ġurisdizzjoni ta’ konsumatur fir-rigward tat-talbiet tiegħu stess.

100. Ċertament huwa veru li skont il-premessa 11 tar-Regolament Nru 44/2001, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna. Barra minn hekk, skont il-premessa 15, fl-“interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri.”

101. Ikolli nammetti li nifhem l-imperattiv tal-prevedibbiltà tal-ġurisdizzjoni inkorporata fir-Regolament Nru 44/2001 primarjament biex topera fuq il-fatti ta’ relazzjoni legali konkreta. Għalhekk il-kwistjoni essenzjalment hija: jekk nimpenja ruħi f’tali u f’tali relazzjoni legali, x’tista’ tkun aktarx il-ġurisdizzjoni internazzjonali?

102. Is-sinjifikat ta’ “prevedibbiltà” li qed isostni r-rikorrent huwa mibni b’mod ċar fuq approċċ differenti. Dan effettivament jirreplika l-istess loġika diġà avvanzata fil-livell semantiku, li jissuġġerixxi li anki f’termini ta’ prevedibbiltà, jekk professjonist ikollu “konsumatur” f’ġurisdizzjoni waħda, għandu jkun jista’ jipprevedi raġonevolment li jista’ jiġi mfittex minn “kwalunkwe konsumatur” jew effettivament mill-“konsumaturi kollha tiegħu” f’dik il-ġurisdizzjoni.

103. Jiena ma naqbilx. Madankollu, anki jekk dak li jkun jaqbel mal-approċċ li qed isostni r-rikorrent, quod non, xorta jifdal numru ta’ problemi.

104. L-ewwel nett, kif issostni l-konvenuta, hemm kunsiderazzjonijiet importanti marbuta maċ-ċertezza legali, bħal ma huwa r-riskju ta’ forum ta’ konvenjenza (forum shopping).

105. Huwa minnu li l-post tad-domiċilju tal-konsumatur ma huwiex stabbilit b’mod permanenti. Bħal ma huwa l-każ fir-rigward tar-regola tal-Istat Membru fejn għandu d-domiċilju tiegħu l-konvenut, dan jista’ jvarja (29). Madankollu, dan ma jfissirx li l-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali huma assolutament mingħajr rilevanza. Is-soluzzjoni proposta mir-rikorrent tippermetti konċentrazzjoni ta’ talbiet u l-possibbiltà ta’ għażla, għal azzjonijiet kollettivi, tal-post tal-qrati l-iktar favorevoli, billi jiġu ttrasferiti d-drittijiet kollha lil konsumatur domiċiljat f’dik il-ġurisdizzjoni. Kif tgħid il-konvenuta, soluzzjoni bħal din tista’ twassal għal trasferiment immirat bla restrizzjoni lill-konsumaturi fi kwalunkwe ġurisdizzjoni, tkun liema tkun, li għandha l-iktar ġurisprudenza favorevoli, b’inqas spejjeż jew b’għajnuna ġurisdizzjonali iktar ġeneruża, li potenzjalment twassal għal piż żejjed fuq ċerti ġurisdizzjonijiet (30).

106. It-tieni nett, il-ħolqien ta’ forum ġdid għall-konsumatur għall-konsumatur-ċessjonarju fir-rigward ta’ drittijiet ittrasferiti minn konsumaturi oħra x’aktarx iwassal għal frammentazzjoni u multiplikazzjoni ta’ fora. Minn naħa, iċ-ċessjonarju ma jidħolx fil-pożizzjoni kuntrattwali taċ-ċedent. Ma hemmx surroga fil-pożizzjoni tal-konsumatur jew fid-drittijiet sostantivi marbuta mal-kuntratt. Id-drittijiet ittrasferiti huma speċifikament isseparati mill-kuntratt u dak isir għall-iskop speċifiku tal-litigazzjoni. Il-forum tal-konsumatur taċ-ċedent inizjali jibqa’ jippersisti fir-rigward ta’ drittijiet kuntrattwali oħra, li jwasslu għal frammentazzjoni potenzjali ta’ drittijiet li jirriżultaw minn kuntratt wieħed. Min-naħa l-oħra, imbagħad ikun naturalment possibbli għaċ-ċedent li jittrasferixxi drittijiet differenti li jirriżultaw mill-kuntratt tal-konsumatur tiegħu lil ċessjonarji differenti. Jekk kull wieħed minn dawk iċ-ċessjonarji jkunu konsumaturi, allura jista’ jinħoloq numru ta’ ġurisdizzjonijiet speċjali b’mod parallel.

107. Dan it-tħassib isir ħafna iktar qawwi fil-każ ta’ drittijiet ċeduti minn konsumaturi li għandhom id-domiċilju tagħhom fi Stati li ma humiex membri (31). Il-possibbiltà li jitressqu quddiem il-forum tal-konsumatur-ċessjonarju drittijiet li jirriżultaw minn kuntratti konklużi mill-konsumaturi li għandhom id-domiċilju tagħhom fi Stati li ma humiex membri ma tantx toqgħod mat-test tar-Regolament Nru 44/2001. Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li r-Regolament Nru 44/2001 japplika indipendentement minn jekk l-attur għandux id-domiċilju tiegħu fi Stat li ma huwiex Membru jew le (32). Madankollu, l-Artikolu 15(1)(ċ), li huwa rilevanti għal din il-kawża, jeħtieġ li l-“kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, b’xi meżżi, imexxi tali attivitajiet għal dak l-Istat Membru jew għal diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u li l-kuntratt jidħol fl-iskop ta’ attivitajiet bħal dawk”. Bħala riżultat ta’ dan, għalkemm l-Artikolu 16 jirriferi biss għall “post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur”, ir-rimarki preċedenti jagħmluha ċara li dak il-“post” għandu jkun fi Stat Membru.

108. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent straħ fuq is-sentenza fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide (33) sabiex issostni li l-Qorti tal-Ġustizzja espliċitament irrikonoxxiet li azzjoni kollettiva ma tipprekludix l-applikazzjoni tal-kapijiet speċjali ta’ ġurisdizzjoni skont ir-Regolament Nru 44/2001.

109. Madankollu, f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat espliċitament fir-rigward tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 li “trasferiment ta’ djun, imwettaq mid-debitur inizjali, fih innifsu ma jistax ikollu effett fuq id-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni” (34). Bħala konsegwenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li r-rekwiżit għall-applikazzjoni ta’ dak il-kap tal-ġurisdizzjoni (il-post tal-avveniment dannuż) “għandu jiġi eżaminat għal kull dejn kumpensatorju indipendentement minn trasferiment jew minn ġbir fi grupp li tiegħu huwa s-suġġett” (35).

110. Fil-qosor, il-proposti mressqa mir-rikorrent fil-proċeduri preżenti ftit isibu appoġġ fil-ġurisprudenza. Għal darba oħra, id-differenza ewlenija hija li dak li r-rikorrent qiegħed effettivament jitlob ma huwiex it-trasferiment ta’ forum speċjali, imma l-ħolqien ta’ forum ġdid għal konsumatur ieħor li ma kienx parti fil-kuntratt oriġinali.

111. Dik il-pożizzjoni tmur kontra l-loġika bażika tar-regola dwar t-trasferiment u s-suċċessjoni. Il-ġurisprudenza invokata mir-rikorrent kienet tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-forum speċjali (tal-konsumatur) jistax jinżamm jew jekk jintilifx. Imma, li dak li jkun jargumenta li għandu jinħoloq forum speċjali ġdid għaċ-ċessjonarju b’mod ċar imur ferm lil hinn minn din id-diskussjoni.

112. Barra minn hekk, il-kwistjoni tat-trasferiment u tas-suċċessjoni fid-drittijiet, fil-kuntest tar-Regolament Nru 44/2001, hija kwistjoni trasversali applikabbli għal numru ta’ kapijiet ta’ ġurisdizzjoni differenti. Għaldaqstant, kwalunkwe soluzzjoni milħuqa mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-regoli dwar it-trasferiment ta’ drittijiet skont l-Artikolu 16(1) naturalment ikollha riperkussjonijiet fuq ir-Regolament kollu.

3)      Konklużjoni provviżorja (u nota ta’ għeluq fuq il-ġurisdizzjoni lokali)

113. Għal dawn ir-raġunijiet, ma naħsibx li l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jista’ jiġi interpretat bħala li jistabbilixxi ġurisdizzjoni speċjali ġdida għal konsumatur fir-rigward ta’ drittijiet ittrasferiti lilu fuq l-istess suġġett minn konsumaturi oħra li għandhom id-domiċilju tagħhom fi Stat Membru ieħor jew fi Stati li ma humiex membri.

114. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għamlet it-tieni domanda tagħha wkoll fir-rigward tat-tielet kategorija ta’ drittijiet ittrasferiti: dawk ittrasferiti mill-konsumaturi li għandhom id-domiċilju tagħhom fl-istess Stat Membru. Kif qalet il-qorti tar-rinviju, uħud mid-drittijiet ittrasferiti jiġu minn konsumaturi oħra li għandhom id-domiċilju tagħhom fl-Awstrija. Barra minn hekk, huwa veru li l-kliem tal-Artikolu 16(1) jirreferi għal ġurisdizzjoni lokali: “fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur”. L-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001, għall-kuntrarju tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, għalhekk ma jiddeterminax biss il-ġurisdizzjoni internazzjonali, imma wkoll il-ġurisdizzjoni interna, bil-għan li joffri protezzjoni usa’ lill-konsumaturi.

115. Fis-sottomissjonijiet tagħha, il-Kummissjoni taqsam it-tħassib relatat maċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà tal-forum fir-rigward tad-drittijiet ittrasferiti mill-konsumaturi li għandhom id-domiċilju tagħhom fi Stati li ma humiex membri u fi Stati Membri oħra. Madankollu, hija tammetti l-possibbiltà li jiġi applikat il-forum tad-domiċilju tal-konsumatur ċessjonarju dejjem sakemm iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju jkunu konsumaturi, it-talbiet ikunu identiċi u li t-tnejn jistgħu jagħżlu l-forum ġewwa l-istess Stat Membru. Il-Kummissjoni tispjega li din is-soluzzjoni, għalkemm apparentement tikkontradixxi l-kliem tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001, hija mezz aħjar biex iservi l-għan tad-dispożizzjonijiet relatati mal-forum speċjali tal-konsumatur.

116. Insibha diffiċli nsegwi l-proposta għaliex, unikament fuq il-bażi tar-Regolament Nru 44/2001, għandha tintlaħaq konklużjoni differenti fir-rigward tad-drittijiet ittrasferiti mill-konsumaturi residenti fl-istess Stat Membru bħall-konsumatur-ċessjonarju, wara li jitieħed inkunsiderazzjoni t-test tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jindika bħala l-qrati kompetenti dawk tal-“post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur”. Fin-nuqqas ta’ argumenti konvinċenti oħra, fuq il-bażi tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001, l-istess konklużjoni għandha tkun valida għat-tliet kategoriji kollha msemmija fit-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju (drittijiet ittrasferiti minn konsumaturi li għandhom id-domiċilju tagħhom f’diversi Stati Membri, fi Stati li ma humiex membri u ġewwa Stat Membru).

117. Madankollu, il-fatt li l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jistabbilixxix ġurisdizzjoni speċjali ġdida ma jfissirx, fil-fehma tiegħi, li dan kien jipprekludih jekk kien previst internament mid-dritt nazzjonali. Il-loġika tal-ġurisdizzjoni lokali fl-Artikolu 16(1) hija li l-konsumatur ma jistax jiġi mċaħħad minnha. F’kull każ, jekk waħda addizzjonali tiġi pprovduta taħt id-dritt nazzjonali, ġewwa dak l-Istat Membru, dan, fil-fehma tiegħi ma jmurx kontra l-kliem jew l-għanijiet tar-Regolament. Madankollu, dan ma jidhirx li huwa l-każ f’din il-kawża, peress li l-argumenti tar-rikorrent għad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni (anki fi ħdan l-istess Stat Membru) jidhru li jiddependu esklużivament fuq l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001 (36).

118. Għaldaqstant nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-risposta għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li “fuq il-bażi tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001, konsumatur ma jistax jinvoka, fl-istess ħin bħad-drittijiet tiegħu, drittijiet fuq l-istess suġġett ittrasferiti minn konsumaturi oħra li għandhom id-domiċilju tagħhom f’postijiet oħra tal-istess Stat Membru, fi Stati Membri oħra jew fi Stati li ma humiex membri”.

3.      Fuq il-ħtieġa għal rimedju kollettiv fi kwistjonijiet tal-konsumatur fl-Unjoni (u dwar il-perikoli tal-leġiżlazzjoni ġudizzjarja)

119. Numru ta’ argumenti mressqa mir-rikorrent f’din il-kawża huma, għallinqas fil-fehma tiegħi, essenzjalment argumenti ta’ politika. Dawn jissuġġerixxu, b’xi mod jew ieħor, li f’isem sett ta’ valuri pjuttost astratti, bħall-ħtieġa għal rimedju kollettiv f’affarijiet tal-konsumatur fl-Unjoni jew it-trawwim ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva fi kwistjonijiet tal-konsumatur, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta l-Artikolu 16(1) bil-mod propost mir-rikorrent.

120. Ma hemmx dubju li r-rimedju kollettiv iservi l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumatur ġudizzjarja effettiva. Jekk ikun iddisinjat u implementat tajjeb, jista’ jipprovdi wkoll benefiċċji sistemiċi ulterjuri lis-sistema ġudizzjarja, bħalma huwa t-tnaqqis tal-ħtieġa għal proċeduri paralleli (37). Madankollu, kif ġustament jindika l-konvenuta, dawn l-argumenti tar-rikorrent jappartjenu pjuttost għall-isfera de lege ferenda.

121. Ir-Regolament Nru 44/2001 ma jipprovdix dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-trasferiment tad-drittijiet (38) jew proċeduri għal rimedju kollettiv. Din il-lakuna (preżunta jew reali) ilha tiġi diskussa fid-duttrina legali, li esprimiet il-fehma li r-Regolament ma huwiex bażi suffiċjenti għal azzjonijiet kollettivi transkonfinali fl-Unjoni (39). L-applikazzjoni tal-forum tal-konsumatur f’każijiet ta’ azzjoni kollettiva hija s-suġġett ta’ dibattitu mqanqal (40).

122. Iktar importanti minn hekk forsi, dawk il-problemi ġew ukoll rikonoxxuti b’mod wiesa’ mill-Kummissjoni, li għamlet diversi tentattivi biex tippromwovi l-adozzjoni ta’ strumenti tal-Unjoni dwar ir-rimedju kollettiv (41). Dawk il-proposti għadhom ma wasslu għall-ebda adozzjoni ta’ strument leġiżlattiv vinkolanti. Sa issa, ġiet adottata biss rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (42), li ġiet invokata wkoll mir-rikorrent fil-proċeduri preżenti.

123. Ma nemminx li huwa r-rwol ta’ qorti, inkluża tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’kuntest bħal dan, li tipprova toħloq rimedju kollettiv f’materji tal-konsumatur b’daqqa ta’ pinna. Hemm tliet raġunijiet ewlenin għalfejn tali kors ta’ azzjoni ma jkunx għaqli. L-ewwel nett, dan ikun imur b’mod ċar kontra l-kliem u l-loġika tar-Regolament, u għalhekk iwassal effettivament għall-ktib mill-ġdid tiegħu. It-tieni nett, il-kwistjoni hija delikata u kumplessa wisq. Hemm bżonn ta’ leġiżlazzjoni komprensiva, mhux intervent ġudizzjarju iżolat fi strument leġiżlattiv relatat iżda kemxejn remot li b’mod ċar mhux tajjeb għal dak il-għan. Dan eventwalment jista’ jikkawża iktar problemi milli joffri soluzzjonijiet sistemiċi. It-tielet nett, għalkemm forsi la huma mingħajr intoppi u lanqas mgħaġġla, id-deliberazzjoni u d-diskussjoni leġiżlattiva fil-livell tal-Unjoni għadhom għaddejjin. Dak il-proċess leġiżlattiv ma għandux ikun antiċipat ġudizzjarjament jew jinġieb fix-xejn.

V.      Konklużjoni

124. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari tal-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija) kif ġej:

(1)      L-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li t-twettiq ta’ attivitajiet bħal pubblikazzjoni, l-għoti ta’ lectures, it-tħaddim ta’ websajts, jew il-ġbir ta’ fondi għall-infurzar ta’ drittijiet ma jinvolvix it-telf tal-istatus tal-konsumatur għal drittijiet li jikkonċernaw il-kont proprju ta’ Facebook użat għal finijiet privati.

(2)      Fuq il-bażi tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001, konsumatur ma jistax jinvoka, fl-istess ħin bħad-drittijiet tiegħu, drittijiet fuq l-istess suġġett ittrasferiti minn konsumaturi oħra li għandhom id-domiċilju tagħhom f’postijiet oħra tal-istess Stat Membru, fi Stati Membri oħra jew fi Stati li ma humiex membri.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).


3      Programm li jagħti lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti aċċess għal data maħżuna fuq servers fl-Istati Uniti li huma proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn firxa ta’ kumpanniji tal-internet, inkluż Facebook USA.


4      Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/520/KE, tas-26 ta’ Lulju 2000, skond id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv u li tirrigwarda mistoqsijiet li jsiru ta’ spiss maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-USA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 16, Vol. 1, p. 119)


5      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650).


6      Skont il-qorti tar-rinviju, l-assoċjazzjoni hija organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li l-għanijiet tagħha huma l-infurzar legali attiv tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni legali tad-dejta personali. Din tappoġġa każijiet ta’ prova ta’ interess pubbliku miġjuba kontra impriżi li potenzjalment jipperikolaw dak id-dritt, u l-ispejjeż jiġu koperti minn donazzjonijiet.


7      Skont il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrent jallega diversi ksur tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).


8      Ara, fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1978 L 304, p. 36, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 1997, Benincasa (C‑269/95, EU:C:1997:337, punt 16).


9      Ara pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs għall-kawżaGruber (C‑464/01, EU:C:2004:529, punt 34) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón għall-kawża Costea (C‑110/14, EU:C:2015:271, punti 29 u 30). Għalkemm din l-aħħar kawża kienet tirrigwarda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), il-Qorti tal-Ġustizzja ġeneralment tfittex li tieħu inkunsiderazzjoni d-definizzjonijiet differenti ta’ konsumatur fi strumenti differenti “sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlatur Ewropew fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi, kif ukoll il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni […]” – ara s-sentenza tal-5 ta Diċembru 2013, Vapenik(C‑508/12, EU:C:2013:790, punt 25).


10      Sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, Costea(C‑110/14, EU:C:2015:538, punt 21).


11      Sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Gruber (C‑464/01, EU:C:2005:32, punt 39), dwar l-Artikoli 13 sa 15 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.


12      Dawn l-“influwenzaturi” jistgħu jiġu ddefiniti bħala “utenti ta’ kuljum u ordinarji tal-Internet li jakkumulaw segwitu relattivament kbir fuq blogs u midja soċjali permezz tan-narrazzjoni testwali u viżiva tal-ħajja u tal-istil ta’ ħajja personali tagħhom, jikkomunikaw mas-segwaċi tagħhom fi spazji diġitali u fiżiċi, u jimmonetizzaw is-segwaċi tagħhom billi jintegraw ‘advertorials’ (riklamar f’forma editorjali) ġewwa l-blog jew il-pubblikazzjonijiet tagħhom fil-midja soċjali.” [traduzzjoni libera] Abidin, C., “Communicative Intimacies: Influencers and Perceived Interconnectedness”, Ada: A Journal of Gender, New Media, and Technology, ħarġa 8, 2015, p. 29.


13      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, Costea (C‑110/14, EU:C:2015:538, punt 29).


14      Iktar ’il fuq, punti 44 sa 50.


15      Ġie ssuġġerit li minkejja l-fatt li din id-dispożizzjoni ma ġietx imfassla bl-idea li tinħoloq sistema ta’ rimedju kollettiv, fil-prattika serviet bħala għodda utli biex tiżviluppa mekkaniżmu sui generis għal rimedju kollettiv permezz tat-trasferiment ta’ drittijiet simili ta’ diversi persuni lil parti terza li tikkonsolidahom u ssegwihom f’sett wieħed ta’ proċeduri. Għalkemm din is-sistema tintuża komunement permezz ta’ trasferiment lil organizzazzjonijiet tal-konsumatur, id-drittijiet jistgħu jiġu ttrasferiti wkoll lill-individwi. Ara wkoll, pereżempju, Micklitz, H.-W., u Purnhagen, K. P., Evaluation of the effectiveness and efficiency of collective redress mechanisms in the European Union – Country report Austria, 2008 u Steindl, B. H., “Class Action and Collective Action in Arbitration and Litigation – Europe and Austria”, NYSBA International Section Seasonal Meeting 2014, Rebuilding the Transatlantic Marketplace: Austria and Central Europe as Catalysts for Entrepreneurship and Innovation. http://www.nysba.org.


16      OGH 12.7.2005, 4 Ob 116/05w.


17      OGH 12.7.2005, 4 Ob 116/05w, punt 1 (p. 3 sa 5). L-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) żiedet tgħid ukoll li l-konsolidazzjoni ta’ drittijiet minn persuni differenti permezz ta’ tali ċessjoni ta’ drittijiet (“Inkassozession”) lil rikorrent skont l-Artikolu 227 taż-ZPO hija ammissibbli biss u jekk it-talbiet jikkondividu bażi legali simili u l-kwistjonijiet li għandhom jiġu evalwati jirrigwardaw essenzjalment l-istess kwistjonijiet ta’ natura fattwali jew legali, li jirrigwardaw il-kwistjoni prinċipali jew kwistjoni preliminari rilevanti ħafna komuni għat-talbiet kollha.


18      Enfasi miżjuda.


19      Enfasi miżjuda. Jista’ jingħad ukoll li jkun pjuttost interessanti li jkun magħruf xi tkun tfisser allura l-proposta tar-rikorrent għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament, li fil-verżjoni bl-Ingliż ukoll jirreferi għall-konsumatur b’artikolu indefinit, imma jipprovdi għal xenarju bil-maqlub għal dak tal-Artikolu 16(1): “Proceedings may be brought against a consumer by the other party to the contract only in the courts of the Member State in which the consumer is domiciled”. Madankollu jidher li f’verżjonijiet lingwistiċi oħra jintużaw artikoli differenti. Dan jenfasizza li dikjarazzjonijiet ta’ prinċipju ma jistgħux isiru abbażi tal-karattru definit jew indefinit tal-artikolu użat f’dan il-kuntest.


20      Emfasi fl-oriġinal. Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon għall-kawża Shearson Lehman Hutton (C‑89/91, EU:C:1992:410, punt 26 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9), b’referenza għall-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.


21      Pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna (C‑419/11, EU:C:2013:165, punt 30), u tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa(C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 23). Enfasi miżjuda.


22      Fir-rigward tal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell: ara pereżempju s-sentenza tal-5 ta’ Frar 2004, Frahuil (C‑265/02, EU:C:2004:77, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).Fir-rigward tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, ara s-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna (C‑419/11, EU:C:2013:165, punt 46); tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 39); u s-sentenza tal-21 ta’ April 2016, Austro-Mechana (C‑572/14, EU:C:2016:286, punt 36). [Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi tad‑19 ta’ Ottubru 2017 għall-kawża Flightright et (Kawżi magħquda C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2017:787).


23      Ara, f’dak is-sens, pereżempju s-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna(C‑419/11, EU:C:2013:165 punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      Ir-rikorrent jirriferi konkretament għal erba’ deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja: is-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1993, Shearson Lehman Hutton (C‑89/91, EU:C:1993:15); tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel (C‑167/00, EU:C:2002:555); tal-15 ta’ Jannar 2004, Blijdenstein, (C‑433/01, EU:C:2004:21); u tas-17 ta’ Settembru 2009, Vorarlberger Gebietskrankenkasse (C‑347/08, EU:C:2009:561).


25      Sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1993, Shearson Lehman Hutton (C‑89/91, EU:C:1993:15, punt 23) u tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel (C‑167/00, EU:C:2002:555, punti 33 u 38).


26      Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, (C‑347/08, EU:C:2009:561, punt 44).


27      Sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017 (C‑340/16, EU:C:2017:576).


28      Il-każ kien jikkonċerna l-kap speċjali tal-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-parti li tkun ġarrbet il-ħsara fis-sens tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001. L-għan ta’ dik id-dispożizzjoni huwa li żżid il-partijiet li huma leżi fil-lista tal-atturi tal-Artikolu 9(1)(b) ta’ dak ir-regolament “mingħajr ma ċ-ċirku ta’ dawn il-persuni jiġi ristrett biss għal dawk li jkun sofrewh direttament”. Għalhekk, il-kunċett ta’ partijiet “[li jkunu ġarrbu l-ħsara]” huwa xieraq biex ikopri minnu nnifsu ċ-ċessjonarji li jistgħu jitqiesu li ġarrbu ħsara. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-“kunċett ta’ ‘parti l-anqas b’saħħitha’ għandu sinjifikat usa’ f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni milli f’materji ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi jew f’materji ta’ kuntratti individwali tax-xogħol” – ara s-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, MMA IARD (C‑340/16, EU:C:2017:576, punti 32 u 33).


29      Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Hypoteční banka (C‑327/10, EU:C:2011:745, punt 42).


30      Barra minn hekk, dik il-possibbiltà tista’ tkun pjuttost interessanti għal numru ta’ kolletturi ta’ drittijiet (claim collectors) li għaldaqstant jistgħu jfasslu bidliet fl-istruttura korporattiva tagħhom (fejn id-drittijiet ma jiġux ittrasferiti lil persuna ġuridika, imma pjuttost lil persuna fiżika, konsumatur ieħor).


31      Mingħajr teħid inkunsiderazzjoni, kompletament, tal-kwistjoni tal-liġi applikabbli li tirregola l-kuntratti konklużi minn utenti f’pajjiżi terzi, li fil-fatt ma għandhiex tkun deċiżiva fi kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni (imma tista’ tkun ta’ ċerta rilevanza għall-kwistjoni ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja).


32      Ara, fil-qafas tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Group Josi (C‑412/98, EU:C:2000:399, punt 57).


33      Sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015 (C‑352/13, EU:C:2015:335).


34      Sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 35). Bl-istess mod, ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB(C‑147/12, EU:C:2013:490, punt 58).


35      Sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 36).


36      Kif ikkjarifikat iktar ’il fuq fil-punti 74 sa 76.


37      Ara pereżempju r-Riżoluzzjoni Nru 1/2008 dwar Azzjonijiet tal-Grupp Transnazzjonali, tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tad-Dritt, adottata fil-Konferenza tagħha ta’ Rio de Janeiro. Il-punt 3 ta’ din ir-riżoluzzjoni huwa ddedikat għall-ġurisdizzjoni. Skont il-punt 3.1: Kawża ta’ grupp transnazzjonali tista’ tinġieb fil-forum tal-konvenut. Skont il-punt 3.3. “Kawża ta’ grupp transnazzjonali tista’ tinġieb ukoll fil-qrati ta’ pajjiż ieħor marbut mill-qrib mal-partijiet u t-tranżazzjonijiet, sakemm is-smigħ tal-kawża f’dak il-pajjiż għandu jkun jista’ jaqdi raġonevolment l-interessi tal-grupp u ma jkunx intagħżel biex jiffrustra dawk l-interessi”.


38      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston għall-kawża Flight Refund (C‑94/14, EU:C:2015:723, punt 60).


39      Ara, fost l-oħra, Hess. B, “Collective Redress and the Jurisdictional Model of the Brussels I Regulation”, f’Nuyts, A., u Hatzimihail, N. E., Cross-Border Class Actions. The European Way, SELP, 2014, paġni 59 sa 68, f’p. 67; Nuyts, A., The Consolidation of Collective Claims under Brussels I, f’Nuyts, A., u Hatzimihail, N. E., Cross-Border Class Actions. The European Way, SELP, 2014, p. 69 sa 84; Danov, M., “The Brussels I Regulation: Cross-Border Collective Redress Proceedings and Judgments”, Journal of Private International Law, Vol. 6, 2010, p. 359 sa 393, f’p. 377.


40      Ara, pereżempju, Tang, Z. S. “Consumer Collective Redress in European Private International Law” Journal of Private international Law, vol. 7, 2011, paġni 101, 147, f’ Tang, Z. S., Electronic Consumer Contracts in the Conflict of Laws, it-tieni edizzjoni, Hart, 2015, p. 284 et seq; Lein, E., “Cross-Border Collective Redress and Jurisdiction under Brussels I: A Mismatch” f’Fairgrieve, D., u Lein, E., Extraterritoriality and Collective Redress, Oxford University Press, Oxford, 2012, f’p. 129.


41      Ara, inter alia, White paper dwar Azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust, COM (2008) 165 finali; Green Paper tal-Kummissjoni “Green Paper Dwar ir-Rimedju Kollettiv tal-Konsumaturi” COM(2008) 794 finali; Dokument ta’ Konsultazzjoni tal-Kummissjoni għad-diskussjoni dwar is-segwitu għall-Green Paper dwar “Ir-Rimedju Kollettiv tal-Konsumaturi” 2009; dokument ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn Approċċ Ewropew Koerenti għar-Rimedju Kollettiv” SEC(2011) 173 finali; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Lejn Qafas Orizzontali Ewropew għar-Rimedju Kollettiv” COM (2013)401/2.


42      Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ Ġunju 2013, dwar prinċipji komuni għal mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv ta’ inġunzjoni u kumpensatorji fl-Istati Membri li jirrigwardaw il-ksur tad-drittijiet skont il-Liġi tal-Unjoni, (ĠU 2013, L 201, p. 60).