Language of document : ECLI:EU:C:2012:790

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fit-13 ta’ Diċembru 2012 (1)

Kawża C-512/10

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja

“Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Direttiva 91/440/KE — Żvilupp ta’ linji tal-ferrovija Komunitarji — Direttiva 2001/14/KE — Allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura ferrovjarja — Artikolu 6(3) u Anness II tad-Direttiva 91/440 — Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14 — Amministratur tal-infrastruttura — Indipendenza organizzattiva u deċiżjonali — Struttura ta’ holding — Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 2001/14 — Artikolu 6(1) u Artikolu 7(3) u (4) tad-Direttiva 91/440 — Artikolu 7(3) u 8(1) tad-Direttiva 2001/14”





I –    Introduzzjoni

1.        Permezz tar-rikors tagħha għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) u l-Anness II tad-Direttiva 91/440/KEE (2), kif emendata permezz tad-Direttiva 2007/58/KE (3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/440”), l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14/KE (4) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/14”), kif ukoll l-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 2001/14, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14, moqri flimkien mal-Artikolu 7(3) u (4) tad-Direttiva 91/440, u l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14. Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li r-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni jiġi miċħud.

2.        Din il-kawża hija waħda minn għadd ta’ rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (5), ippreżentati mill-Kummissjoni fl-2010 u fl-2011, li jirrigwardaw l-applikazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttivi 91/440 u 2001/14, li s-suġġett prinċipali tagħhom huwa l-aċċess ġust u mhux diskriminatorju ta’ impriżi tal-ferroviji għall-infrastruttura, jiġifieri għan-netwerk ferrovjarju. Dawn ir-rikorsi huma mingħajr preċedent peress li joffru lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità għall-ewwel darba li tesprimi ruħha dwar il-liberalizzazzjoni tal-linji tal-ferrovija fl-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari li tinterpreta l-hekk imsejjaħ “l-ewwel pakkett ferrovjarju”.

3.        Fis-6 ta’ Settembru 2012, jiena diġà ppreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi C‑473/10, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija; C‑483/10, Il‑Kummissjoni vs Spanja; C‑555/10, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija; C‑556/10, Il‑Kummissjoni vs Il­Ġermanja, u C‑557/10, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall. Peress li din il-kawża tirrigwarda lmenti analogi għal dawk li jiena diġà kelli l-okkażjoni nanalizza fil-konklużjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, jiena ser nillimita ruħi biex nagħmel riferimenti għall-punti rilevanti tal-istess, mingħajr madankollu ma nirriproduċi l-argument kollu li jinsab imniżżel hemmhekk.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 91/440

4.        L-Artikolu 6(1) sa (3) tad-Direttiva 91/440 jipprovdi li:

“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri biex jassiguraw li accounts ta’ profitt u telf u paġni [karti] tal-bilanċ jinżammu u jkunu ppubblikati, minn naħa għall-kummerċ irrelatat mal-provvediment [provvista] ta’ servizzi ta’ trasport minn impriżi ferrovjarji u, minn naħa l-oħra, għall-kummerċ irrelatat ma’ l-immaniġġjar ta’ l-infrastruttura ferrovjarja. Fondi pubbliċi mħallsa lil waħda minn dawn iż-żewġ oqsma ta’ attività ma jistgħux jiġu trasferiti lill-oħra.

Il-kontijiet għal dawn iż-żewġ oqsma ta’ attività għandhom jinżammu b'mod li jirrifletti din il-projbizzjoni.

2. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu wkoll li din is-separazzjoni għandha teħtieġ l-organizzazzjoni ta’ diviżjonijiet distinti f’impriża waħda jew li l-infrastruttura għandha tkun immexxija minn entità separata.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jagħmlu ċert li l-funzjonijiet li jiddeterminaw aċċess ekwu u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura, elenkati fl-Anness II, jkunu fdati lill-korpi jew lid-ditti li ma jipprovdux huma stess xi servizzi ta’ trasport ferrovjarju. Irrispettivament mill-istrutturi organizzattivi, irid jinwera li dan l-oġġettiv jkun inkiseb.

L-Istati Membri jistgħu, madanakollu, jassennjaw lill-impriżi ferrovjarji jew lil kwalunkwe korp ieħor il-ġbir tal-ħlasijiet u r-responsabbiltà ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-infrastruttura ferrovjarja, bħall-investiment, il-manutenzjoni u l-iffinanzjar”.

5.        L-Anness II tad-Direttiva 91/440 jelenka l-funzjonijiet essenzjali msemmija fl-Artikolu 6(3):

–        preparazzjoni u teħid tad-deċiżjonjiet irrelatati ma’ l-illiċenzjar ta’ impriżi ferrovjarji inklużi l-għoti ta’ liċenzi individwali,,

–        it-teħid ta’ deċiżjonijiet irrelatati ma’ l-allokazzjoni ta’ passaġġi inklużi kemm id-definizzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni tad-disponibbiltà u l-allokazzjoni ta’ passaġġi tal-ferrovija individwali,

–        it-teħid ta’ deċiżjonijiet marbuta ma’l-iċċarġjar tal-infrastruttura,

–        l-osservanza tas-sorveljanza ta’ l-obbligi tas-servizz pubbliku meħtieġa fil-provvista ta’ ċerti servizzi.

6.        L-Artikolu 7(3) u (4) tad-Direttiva 91/440, jipprovdi dan li ġej:

“3. L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu lill-maniġer ta’ l-infrastruttura, waqt li jikkunsidraw kif imiss [josservaw] l-Artikoli 73, 87 u 88 tat-Trattat, finanzjament konsistenti ma’ l-inkarigi, id-daqs u r-rekwiżiti finanzjarji, b’mod partikolari sabiex ikopru investimenti ġodda.

4. Fil-qafas ta’ politika ġenerali stabbilita mill-Istat, l-amministratur ta’ l-infrastruttura għandu jagħmel pjan kummerċjali li jinkludi programmi ta’ investiment u dawk finanzjarji. Il-pjan għandu jkun iddisinjat biex jassigura l-[aħjar] użu u []iżvilupp [...] effiċjenti ta’ l-infrastruttura waqt li jassigura bilanċ finanzjarju u jipprovdi mezzi biex jintlaħqu dawn l-oġġettivi”.

2.      Id-Direttiva 2001/14

7.        Il-premessi 11 u 16 tad-Direttiva 2001/14 jipprovdu:

“Il-piżijiet u skemi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom jippermettu aċċess ugwali u non-diskriminatorju għall-impriżi kollha u jippruvaw sa fejn possibbli jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ l-utenti kollha u t-tipi[kollha] ta’ traffiku b’mod ġust u non-diskriminatorju.

[...]

Piżijiet u skemi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità għandhom jippermettu kompetizzjoni ġusta fid-dispożizzjoni ta’ servizzi tal-ferroviji”.

8.        L-Artikolu 4(2) tad-direttiva msemmija jipprovdi:

“Meta l-amministratur ta’ l-infrastruttura, fil-forma legali, l-organizzazzjoni jew fil-funzjonijiet ta’ teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu, mhuwiex indipendenti minn kull impriża tal-ferroviji, il-funzjonijiet, deskritti f’dan il-Kapitolu, ta’ xort’oħra mill-ġbir tal-piżijiet għandhom jitwettqu minn korp tal-piżijiet li hu indipendenti fil-forma legali, fl-organizzazzjoni u fit-teħid-tad-deċiżjonijiet tiegħu minn kull impriża tal-ferroviji”.

9.        Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/14/KE:

“1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kundizzjonijiet, inklużi meta approprjat ħlasijiet bil-quddiem, biex jaċċertaw li, taħt kundizzjonijiet normali tal-kummerċ u f’terminu raġonevoli, il-kontijiet ta’ amministratur ta’ l-infrastruttura għandhom għall-inqas jibbilanċjaw dħul minn piżijiet ta’ l-infrastruttura, iż-żejjed [l-eċċessi] minn attivitajiet kummerċjali oħrajn u fondi [l-finanzjament] mill-Istat fuq naħa waħda, u spejjeż infrastrutturali oħrajn fuq in-naħa l-oħra

[...]

2. Amministraturi ta’ l-infrastruttura għandhom, b’ konsiderazzjoni xierqa [filwaqt li josservaw ir-rekwiżiti tas-] għas-sigurtà u għall-manutenzjoni u t-titjib tal-kwalità tas-servizz ta’ l-infrastruttura, jingħataw inċ[]entivi biex inaqqsu l-ispejjeż tal-fornitura ta’ l-infrastruttura u l-livell ta’ piżijiet ta’ l-aċċes[]s.

3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li d-dispożizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 tiġi implimentata, jew permezz ta’ ftehim kontrattwali bejn l-awtorità kompetenti u l-amministratur ta’ l-infrastruttura li jkopri terminu ta’ mhux inqas minn tliet snin li jipprovdi għal fondi mill-Istat jew permezz ta’ l-istabbiliment ta’ miżuri regolatorji xierqa b’poteri adegwati”.

10.      L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14/KE jipprovdi li:

“Bla ħsara għall-paragrafi 4 jew 5 jew għall-Artikolu 8, il-piżijiet għall-pakkett minimu ta’ l-aċċess u aċċess għall-binarju għal faċilitajiet tas-servizzi għandhom jiġu stabbiliti abbażi ta’ l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija [it-tariffi mħallsa għall-provvisti minimi kollha u għall-aċċess permezz tan-netwerk għall-infrastruttura ta’ servizzi huma ugwali għall-ispiża direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju]”.

11.      L-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva huwa miktub kif ġej:

“Sabiex ikun hemm rkupru sħiħ ta’ l-ispejjeż magmula mill-amministratur ta’ l-infrastruttura, Stat Membru jista’, jekk is-suq jiflaħ dan, jimponi mark-ups fuq bażi ta' prinċcipji effiċjenti, trasparenti u non-diskriminatorji, waqt li jiggarantixxu kompetitività ottima partikolarment ta’ merkanzija internazzjonali bil-ferrovija. Is-sistema tal-piżijiet [tat-tariffi­] għandha tirrispetta ż-żidiet akkwistati minn impriżi tal-ferroviji.

Iżda l-livell tal-piżijiet m’għandux jeskludi l-użu ta’ infrastruttura minn taqsimiet tas-suq li jistgħu iħallsu għall-inqas l-ispejjeż magħmula direttament b’riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrovija, u rata tar-ritorn [profitt] li jiflaħ għaliha s-suq”.

12.      Skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva Nru 2001/14/KE:

“Meta l-amministratur ta’ l-infrastruttura, fil-forma legali, l-organizzazzjoni jew fil-funzjonijiet tiegħu ta' teħid tad-deċiżjonijiet, mhuwiex indipendenti minn kull impriża tal-ferroviji, il-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u deskritti f’dan il-Kapitolu għandhom jitwettqu minn korp ta’ allokazzjoni li hu huwa indipendenti fil-forma legali, l-organizzazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu minn kull impriża tal-ferroviji”.

B –    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

1.      Il-liġi tat-8 ta’ Settembru 2000

13.      L-Artikolu 15 tal-liġi tat-8 ta’ Settembru 2000 dwar il-bejgħ, ir-ristrutturazzjoni u l-privatizzazzjoni tal-impriża pubblika Polskie Koleje Państwowe (ustawa z dnia 8 września 2000 r. o komercjalizacji, restrukturyzacji i prywatyzacji przedsiębiorstwa państwowego “Polskie Koleje Państwowe” (6), kif emendata, iktar ’il quddiem il-“liġi tat-8 ta’ Settembru 2000”) jipprovdi li:

“1. PKP SA għandha toħloq kumpannija b’responsabbiltà limitata responsabbli biex tmexxi l-linji ferrovjarji, li taħdem taħt l-isem “PKP Polskie Linie Kolejowe Spółka Akcyjna”, imsejħa iktar ’il quddiem “PLK SA”.

2. PLK SA, b’effett mill-ġurnata tar-reġistrazzjoni tagħha fir-reġistru tal-kummerċ, tassumi d-drittijiet u obbligi ta’ PKP SA fil-qasam tal-ġestjoni tal-linji ferrovjarji, fis-sens tal-liġi msemmija fl-Artikolu 14(2)(2).

2a. Sakemm PLK SA tibqa’ tibbenefika mill-fondi pubbliċi biex tiffinanzja l-investimenti tagħha fl-infrastruttura, l-azzjonijiet ta’ din il-kumpannija ma għandhom jagħtu dritt għal ebda dividend.

3. It-tmexxija tal-linji ferrovjarji minn PLK SA tinkludi wkoll ir-responsabbiltajiet imsemmija fl-Artikolu 49(1) tal-liġi tas-27 ta’ Ġunju 1997 dwar it-trasport ferrovjarju, imwettqa mill-gwardjani tal-linji, li ġew integrati fl-istruttura organizzattiva ta’ PLK SA.

4. PLK SA għandha ssir l-amministratriċi tal-linji fis-sens tal-liġi msemmija fl-Artikolu 14(2)(2).

4a. PLK SA għandha tamministra l-linji ferrovjarji u l-infrastrutturi ferrovjarji l-oħra, iddefiniti fil-liġi tat-28 ta’ Marzu 2003 (7) dwar it-trasport ferrovjarju, ħlief għall-immobbli u l-binjiet allokati għat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija kif ukoll l-artijiet okkupati mill-imsemmija immobbli u binjiet.

4b. L-eċċezzjoni msemmija fil-paragrafu 4a ma tkoprix il-binjiet li jinsabu fuq l-art li tifforma parti integrali mil-linji ferrovjarji.

5. Il-Ministru responsabbli mit-Trasport japprova l-istatuti ta’ PLK SA u l-emendi magħmulin lilhom.

6. L-assemblea ġenerali ta’ PLK SA għandha taħtar il-membri tal-bord ta’ sorveljanza ta’ PLK SA minn fost il-persuni proposti għal dan il-għan mill-Ministru responsabbli mit-Trasport. In-numru tal-membri tal-bord ta’ superviżjoni ta’ PLK SA għandu jkun stabbilit fl-istatuti.

7. L-ispejjeż tal-baġit tal-Istat f’sena finanzjarja partikolari, li jkunu ddedikati għall-finanzjament tal-linji ferrovjarji ta’ interess nazzjonali jżidu l-kapital maħruġ minn PLK SA; l-azzjonijiet li jikkorrispondu mat-tkabbir fil-kapital għandhom jinżammu mit-teżor pubbliku, irrappreżentat mill-Ministru responsabbli mit-Trasport.

8. L-azzjonijiet ta’ PLK SA miżmuma minn PKP SA u mit-Teżor pubbliku ma jistgħux jinbiegħu, bla ħsara għall-paragrafu 8a.

8a. L-azzjonijiet ta’ PLK SA miżmuma minn PKP SA jistgħu jinbiegħu biss lit-Teżor pubbliku.

9. F’każ ta’ privatizzazzjoni jew ta’ likwidazzjoni ta’ PKP SA, l-azzjonijiet ta’ PLK SA li jkunu miżmuma minn PKP SA għandhom jittieħdu mit-Teżor pubbliku, irrappreżentat mill-Ministru responsabbli mit-Trasport. F’każ ta’ privatizzazzjoni ta’ PKP SA, għandu jkun hemm tnaqqis tal-kapital azzjonarju ta’ PKP SA permezz tal-kanċellament ta’ numru ta’ azzjonijiet b’valur ekwivalenti għall-valur nominali tal-azzjonijiet ta’ PLK SA meħuda mit-Teżor pubbliku”.

2.      Il-liġi dwar it-trasport ferrovjarju

14.      L-Artikolu 5(1) sa (3) tal-liġi tat-28 ta’ Marzu 2003 dwar it-trasport ferrovjarju (ustawa z dnia 28 marca 2003 r. o transporcie kolejowym (8), kif emendata, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar it-trasport ferrovjarju”) jipprovdi li:

“1. It-tmexxija tal-infrastruttura ferrovjarja tikkonsisti f’dan li ġej:

1)      il-bini u l-manutenzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja;

2)      l-operat tal-ferroviji fuq il-linji ferrovjarji;

3)      iż-żamma tal-infrastruttura ferrovjarja fi stat li jiggarantixxi l-operat tal-ferroviji f’sigurtà assoluta;

4)      il-provvista ta’ rotot għall-moviment tal-ferroviji fuq il-linji ferrovjarji u l-provvista ta’ servizzi relatati magħhom;

5)      l-amministrazzjoni tal-beni immobbli li jifformaw parti mill-infrastruttura ferrovjarja.

2. L-amministratur tal-infrastruttura, iktar ’il quddiem l-‘amministratur’, jamministra l-infrastruttura ferrovjarja u jiggarantixxi l-iżvilupp tagħha kif ukoll il-modernizzazzjoni tagħha.

3. L-amministratur ma huwiex awtorizzat li jipprovdi servizzi ta’ trasport ferrovjarju, ħlief għal dawk is-servizzi teknoloġiċi pprovduti għall-ħtiġijiet tiegħu stess, b’riżerva għall-paragrafu 4”.

15.      Skont l-Artikolu 13(1) ta’ din il-liġi:

“Il-President tal-Uffiċċju tat-trasport ferrovjarju, iktar ’il quddiem ‘il-President tal-UTF’, għandu jkollu l-kompetenza fil-qasam tar-regolamentazzjoni tat-trasport ferrovjarju biex:

1)      japprova u jikkoordina t-tariffi għall-użu tar-rotot mogħtija, filwaqt li jivverifika l-konformità tagħhom mar-regoli għall-iffissar ta’ dawn it-tariffi;

[...]

3)      jikkontrolla li l-amministraturi josservaw it-trattament ugwali tat-trasportaturi ferrovjarji kollha, b’mod partikolari fil-qasam tal-ipproċessar tal-talbiet għall-għoti ta’ rotot u tal-iffissar tat-tariffi;

4)      jikkontrolla jekk l-amministratur ikunx stabbilixxa b’mod korrett it-tariffi bażiċi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja u t-tariffi supplimentari għall-provvista ta’ servizzi;

5)      jeżamina t-talbiet tat-trasportaturi ferrovjarji li jirrigwardaw:

[...]

b)      l-għoti ta’ rotot u tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja; [...]”.

16.      L-Artikolu 14(1) tal-Liġi dwar it-trasport ferrovjarju jipprovdi li:

“Il-President tal-UTF għandu jordna, permezz ta’ deċiżjoni, it-tneħħija ta’ kull irregolarità fit-terminu impost f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-obbligi tal-amministraturi, tat-trasportaturi ferrovjarji kif ukoll tal-utenti tal-linji ferrovjarji, fil-qasam tas-sigurtà tat-trasport ferrovjarju [...]”.

17.      Skont l-Artikolu 33(1) sa (8) ta’ din il-liġi:

“1. L-amministratur għandu jistabbilixxi l-ammont tat-tariffi dovuti għall-użu tal-infrastruttura mit-trasportaturi ferrovjarji.

2. It-tariffa bażika għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja hija ffissata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-ispiża, sostnuta mill-amministratur, li hija imputabbli direttament għall-użu tas-servizz ferrovjarju.

3. It-tariffa għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja għandha tkun komposta mit-tariffa bażika u minn tariffi komplementari.

3a. Fil-kuntest tat-tariffa bażika, l-amministratur għandu japplika tariffa separata għal

1) l-aċċess minimu għall-infrastruttura ferrovjarja li tinkludi s-servizzi msemmija fil-paragrafu (1) tat-taqsima I tal-anness tal-liġi;

2) l-aċċess għall-faċilitajiet marbuta mal-manutenzjoni tal-ferroviji li jinkludu s-servizzi msemmija fil-paragrafu (2) tat-taqsima I tal-anness għal-liġi.

4. It-tariffa bażika għall-aċċess minimu għall-infrastruttura ferrovjarja hija kkalkolata billi jiġu mmultiplikati l-movimenti tal-ferroviji mar-rati unitarji stabbiliti skont il-kategorija tal-linja ferrovjarja u t-tip ta’ ferrovija, u dan b’mod separat għat-trasport tal-passiġġieri u dak tal-merkanzija.

4a. L-amministratur jista’ japplika rata unitarja minima ta’ tariffa bażika għall-aċċess minimu għall-infrastruttura ferrovjarja. Ir-rata minima għandha tapplika skont il-modalitajiet ekwivalenti għal kull trasportatur ferrovjarju tal-passiġġieri għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja marbut mal-attivitajiet imwettqa skont il-kuntratt ta’ servizz pubbliku.

[...]

4c. It-tariffa bażika ta’ aċċess għat-tagħmir marbut mal-manutenzjoni tal-ferroviji hija kkalkolata billi jiġu mmultiplikati s-servizzi ordnati mar-rati unitarji korrispondenti, li l-ammont tagħhom ivarja skont it-tip ta’ servizzi msemmija fil-paragrafu (2) tat-taqsima I tal-anness għal-liġi.

5. Ir-rata unitarja tat-tariffa bażika għall-aċċess minimu għall-infrastruttura ferrovjarja hija stabbilita skont kull ferrovija, għal kull kilometru ta’ vjaġġ.

5a. L-amministratur, biex jiffissa r-rati unitarji tat-tariffa bażika, għandu jnaqqas mill-ammont previst tal-ispejjeż għal provvista tal-infrastruttura ferrovjarja lit-trasportaturi ferrovjarji s-sussidju previst għar-rinnovazzjoni u l-manutenzjoni tal-infrastruttura li jkun ġej mill-baġit tal-Istat jew tal-awtoritajiet lokali u r-riżorsi previsti provenjenti mill-Fondi tal-ferroviji.

[…]

5c. Iż-żieda fir-rati unitarji tat-tariffa bażika għat-trasport ferrovjarju ta’ persuni mwettqa skont kuntratt ta’ servizzi pubbliċi, matul il-perijodu ta’ validità tal-ħinijiet fis-sens tal-Artikolu 30(5) ma tistax taqbeż il-livell tal-indiċi tal-inflazzjoni previst fl-abbozz ta’ liġi finanzjarja tas-sena rilevanti.

6. L-amministratur huwa marbut li jippubblika, skont il-prattika fis-seħħ, l-ammont u t-tipi ta’ rati tat-tariffa bażika u dawk supplimentari, filwaqt li jiddistingwi bejn it-trasport ta’ passiġġieri u t-trasport ta’ beni.

7. Ir-rati unitarji tat-tariffa bażika u tat-tariffi supplimentari, esklużi t-tariffi għall-użu tar-rotot, għandhom jintbagħtu flimkien mal-kalkoli tal-ammont tagħhom, lill-President tal-UTF.

8. Il-President tal-UTF għandu japprova r-rati, f’terminu ta’ 30 jum minn meta jirċevihom, jew jirrifjuta li japprovahom jekk huwa jikkonstata ksur tar-regoli msemmija fil-paragrafi 2-6, fl-Artikolu 34 jew fl-Artikolu 35”.

18.      L-Artikolu 38a(1) u (2) tal-Liġi dwar it-trasport ferrovjarju jipprovdi li:

“1. Il-Ministru responsabbli mit-Trasport jista’ jikkofinanzja, mill-baġit tal-Istat jew mill-Fondi tal-ferroviji, l-ispejjeż għar-rinnovazzjoni u l-manutenzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja, sabiex inaqqas l-ispejjeż u l-ammont tat-tariffi ta’ użu, jekk l-infrastruttura tiġi pprovduta mill-amministratur skont il-prinċipji definiti fil-liġi.

2. Il-missjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha titwettaq abbażi ta’ kuntratt konkluż bejn il-Ministru responsabbli mit-Trasport u l-amministratur għal perijodu ta’ 3 snin jew iktar”.

3.      Il-liġi dwar il-ġlieda kontra l-kompetizzjoni żleali

19.      L-Artikolu 3 tal-Liġi tas-16 ta’ April 1993 dwar il-ġlieda kontra l-kompetizzjoni żleali (ustawa o zwalczaniu nieuczciwej konkurencji) (9), kif emendata, jipprovdi li:

“1. Kull aġir li jmur kontra l-liġi jew kontra l-moralità li jhedded jew jikser l-interessi ta’ imprenditur jew klijent ieħor, jikkostitwixxi att ta’ kompetizzjoni żleali.

2. Huma atti ta’ kompetizzjoni żleali: [...] il-ksur ta’ sigrieti tal-kummerċ, l-inċitament għar-rexissjoni jew għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt, [...] il-malafama jew it-tifħir żleali, l-ostakolu għall-aċċess għas-suq, il-korruzzjoni ta’ persuna li teżerċita funzjonijiet pubbliċi [...]”.

4.      Il-kodiċi tax-xogħol

20.      L-Artikolu 100 tal-liġi dwar il-kodiċi tax-xogħol (ustawa z dnia 26 czerwca 1974 r. Kodeks pracy) (10), kif emendata, jipprovdi li:

“§2. L-impjegat huwa obbligat b’mod partikolari:

[...]

4)      li jħares l-interessi tal-istabbiliment, jipproteġi l-beni tiegħu u josserva l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li l-iżvelar tagħha jista’ jesponi għad-danni lill-persuna li timpjega,

5)      li josserva l-kunfidenzjalità kif iddefinita fid-dispożizzjonijiet partikolari,

6)      [...]”.

III – Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.      Fl-10 ta’ Mejju 2007, id-dipartimenti tal-Kummissjoni bagħtu kwestjonarju lill-awtoritajiet Pollakki sabiex jivverifikaw it-traspożizzjoni min-naħa tar-Repubblika tal-Polonja tad-direttivi tal-ewwel pakkett ferrovjarju. Dawn weġbuh fil-5 ta’ Lulju 2007.

22.      Fis-26 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni, abbażi tal-informazzjoni kkomunikata mir-Repubblika tal-Polonja, bagħtet intimazzjoni lil dan l-Istat Membru sabiex jikkonforma ruħu mad-direttivi tal-ewwel pakkett ferrovjarju. L-irregolaritajiet prinċipali identifikati kienu jikkonċernaw in-nuqqas ta’ indipendenza tal-entità li teżerċita l-funzjonijiet essenzjali fis-sens tal-Anness II tad-Direttiva 91/440 u l-ġbir tat-tariffi ta’ aċċess għall-infrastruttura fis-sens tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14, moqri flimkien mal-Artikolu 30(3) ta’ din id-direttiva. Fis-26 ta’ Awwissu 2008, il-Polonja wieġbet għall-intimazzjoni tal-Kummissjoni.

23.      Fid-9 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Polonja opinjoni motivata li fiha akkużatha li ma ħaditx il-miżuri neċessarji biex tiggarantixxi l-indipendenza tal-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja fil-konfront tat-trasportaturi ferrovjarji, kif ukoll biex tiggarantixxi l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(3) u (4) tad-Direttiva 91/440, tal-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 2001/14, tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14, moqri flimkien mal-Artikolu 7(3) u (4) tad-Direttiva 91/440, u tal-Artikoli 7(3) u 8(1) tad-Direttiva 2001/14. Fid-9 ta’ Diċembru 2009, ir-Repubblika tal-Polonja wieġbet għall-imsemmija opinjoni motivata u kkontestat in-nuqqasijiet indikati mill-Kummissjoni.

24.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fis-26 ta’ Ottubru 2010.

25.      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ April 2011, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Taljana tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja.

26.      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja kif ukoll ir-Repubblika Ċeka kienu rrappreżentati waqt is-seduta li nżammet fl-20 ta’ Settembru 2012.

IV – L-argumenti tal-partijiet

A –    Fuq l-ewwel ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ indipendenza tal-amministratur tal-infrastruttura

1.      L-argumenti tal-partijiet

27.      Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-funzjonijiet essenzjali eżerċitati mill-amministratur tal-infrastruttura għandhom ikunu żgurati minn entità indipendenti mill-impriżi ferrovjarji mhux biss fuq livell legali, imma wkoll fuq dak ekonomiku. Meta l-funzjonijiet jiġu eżerċitati minn kumpannija li tiddependi minn kumpannija holding li lilha jappartjenu l-fornituri tas-servizzi ta’ trasport ferrovjajru, il-kumpannija msemmija tagħmel parti mill-istess “impriża” bħall-fornituri inkwistjoni, sakemm ma jintweriex li l-kumpannija msemmija hija libera li taġixxi indipendentement minnhom.

28.      Skont il-Kummissjoni, l-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali minn kumpannija li tkun dipendenti fuq kumpannija holding ferrovjarja jista’ jkun konformi mar-rekwiżiti ta’ indipendenza ddefiniti fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440, kif ukoll fl-Artikolu 4(2) u fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14, jekk ikunu jeżistu mekkaniżmi li jiggarantixxu l-awtonomija deċiżjonali vera tal-kumpannija msemmija fil-konfront tal-kumpannija holding, u li l-kumpannija holding ma tkunx f’pożizzjoni li tikkontrolla d-deċiżjonijiet tal-imsemmija kumpannija.

29.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika li hija ppreżentat fl-Anness 5 tad-dokument ta’ ħidma SEC(2006) 530 tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, anness mar-rapport dwar l-implementazzjoni tal-ewwel pakkett ferrovjarju (iktar ’il quddiem l-“Anness 5 tad-dokument ta’ ħidma SEC(2006)530”) (11) kriterji li bihom hija tevalwa l-indipendenza tal-amministraturi tal-infrastruttura integrati mal-kumpanniji holding ferrovjarji nazzjonali.

30.      F’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Polonja ma pprevedietx mekkaniżmi effettivi sabiex tiggarantixxi l-indipendenza organizzattiva u deċiżjonali tal-amministratur tal-infrastruttura li jeżerċita l-funzjonijiet essenzjali.

31.      Ir-Repubblika tal-Polonja, min-naħa tagħha, takkuża b’mod ġenerali lill-Kummissjoni li ma għamlitx analiżi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, u lanqas uriet li dawn jiggarantixxu indipendenza suffiċjenti b’mod li jiżguraw aċċess ugwali u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura skont l-għan imfittex mid-Direttiva 91/440.

32.      Il-Polonja ssostni b’mod partikolari li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440, li ma jipprojbixxix lill-entità li ġiet fdata bil-funzjonijiet essenzjali li tagħmel parti mill-kumpannija holding bħalma hi l-grupp PKP, jeżiġi biss li jintlaħaq l-għan ta’ aċċess ugwali u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma ppreżentat ebda punt ta’ fatt jew ta’ liġi li jindika li dan l-għan ma ntlaħaqx fil-Polonja.

33.      Fir-rigward tal-Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14, il-Polonja ssostni li dawn id-dispożizzjonijiet isemmu l-indipendenza ġuridika, organizzattiva u deċiżjonali tal-amministratur, mingħajr madankollu ma jiddefinixxu dawn il-kunċetti u lanqas ma jsemmu l-indipendenza ekonomika. Skont dan l-Istat Membru, dawn il-kunċetti għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-għan tad-direttiva msemmija, li huwa kompletament imwettaq mill-Polonja.

34.      Fir-rigward tal-Anness 5 tad-dokument ta’ ħidma SEC(2006)530, il-Polonja tosserva li dan id-dokument ġie ppubblikat diversi snin wara l-pubblikazzjoni tad-Direttiva 91/440 u l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha, kif ukoll tliet snin wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/14.

35.      Għal dak li jikkonċerna s-sitwazzjoni tal-amministratur tal-infrastruttura, PLK SA, il-Polonja tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni meta tgħid li dan ma huwiex indipendenti fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440.

36.      Fin-nota ta’ intervent tagħha, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-għan li jikkonsisti f’li jiġi żgurat li l-funzjonijiet essenzjali jiġu fdati lil awtoritajiet jew impriżi li ma humiex huma stess fornituri ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju, huwa mwettaq manifestament fil-kuntest tal-mudell organizzativ tal-kumpannija holding, u dan peress li l-funzjonijiet imsemmija huma mogħtija lil kumpannija distinta, li teżerċita biss attività ta’ amministrazzjoni ta’ infrastruttura u, bħala tali, ma tipprovdix hija stess servizzi ta’ trasport ferrovjarju. Malli dan ir-rekwiżit ikun sodisfatt, l-Istati Membri jibqgħu liberi — fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali li tagħtihom id-direttiva u skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà — li jippermettu lil gruppi ferrovjarji nazzjonali sabiex jistrutturaw ruħhom bil-modi li huma jidhrilhom l-iktar xierqa, u għaldaqstant ukoll billi jadottaw strutturi ta’ grupp immexxija minn kumpannija holding komuni.

37.      Fir-risposta għan-nota ta’ intervent tar-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni tirribatti li l-fatt li l-funzjonijiet essenzjali jiġu fdati lil awtoritajiet jew impriżi li jipprovdu huma stess servizzi ta’ trasport ferrovjarju ma huwiex minnu nnifsu l-għan tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440, iżda jservi biex jiżgura li jiġi ggarantit aċċess ekwu u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura. Il-fatt li l-organu li jeżerċita l-funzjonijiet essenzjali jiġi sseparat mill-impriżi ferrovjarji mill-aspett legali biss, jiġifieri li tinħoloq, fil-kuntest tal-kumpannija holding, kumpannija separata mill-impriżi ferrovjarji li lilhom jiġi fdat l-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali, ma huwiex suffiċjenti biex jiġi ggarantit aċċess ekwu u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura ferrovjarja tal-organi kollha kkonċernati li ma humiex il-kumpannija holding. Jirriżulta wkoll li f’każ ta’ kumpannija holding, il-ħolqien ta’ mekkaniżmi li jiggarantixxu l-indipendenza deċiżjonali ta’ dak l-organu fir-rigward tal-kumpanniji l-oħra tal-kumpannija holding (impriżi ferrovjarji u l-kumpannija parent tagħhom) huwa ta’ importanza kardinali.

2.      Eżami tal-ewwel ilment

38.      Kif diġà esponejt fil-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (12), id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6(3) u tal-Anness II tad-Direttiva 91/440, kif ukoll l-Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14, li jipprevedu l-obbligu ta’ indipendenza tal-organu responsabbli mill-funzjonijiet essenzjali, ma jistgħux jiġġustifikaw interpretazzjoni li biha l-Istati Membri li jkunu għażlu l-mudell tal-kumpannija holding, ikunu obbligati li jadottaw miżuri leġiżlattivi, regolatorji jew konvenzjonali li jikkorrispondu mal-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fl-Anness 5 tad-dokument ta’ ħidma SEC(2006) 530.

39.      Konsegwentement, fil-kuntest ta’ rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirrigwarda t-traspożizzjoni żbaljata jew mhux kompleta tad-dispożizzjonijiet imsemmija tad-Direttiva 2001/14, il-Polonja ma tistax tiġi akkużata li ma adottatx regoli partikolari:

–        li jipprojbixxu lill-membri tal-bord ta’ ġestjoni jew tal-kunsill ta’ sorveljanza, lill-membri tal-korpi li jmexxu jew lill-kollaboraturi ta’ PKP SA, tal-impriżi li jiddependu minnha jew ta’ impriżi ta’ trasport ferrovjarju, li jeżerċitaw funzjonijiet fi ħdan il-bord ta’ ġestjoni jew tal-kunsill ta’ sorveljanza ta’ PLK SA, kemm matul l-eżerċizzju tal-mandat tagħhom kif ukoll matul perijodu twil biżżejjed wara tmiemu; l-istess japplika għall-persuni li jwettqu funzjonijiet identiċi fi ħdan il-PLK SA u li jżommu rabtiet simili ma’ kumpanniji oħra tal-grupp;

–        li joħolqu mekkaniżmi li kapaċi jiggarantixxu l-indipendenza reċiproka tal-entitajiet li jiżguraw it-trasport ferrovjarju u l-amministrazzjoni tal-infrastruttura;

–        li jipprevedu mekkaniżmi ta’ protezzjoni tal-aċċess għas-sistemi tal-informatika bil-għan li jiżguraw l-indipendenza tal-entità responsabbli mill-funzjonijiet essenzjali fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet imsemmija;

–        li jintroduċu restrizzjonijiet applikabbli għall-komunikazzjonijiet bejn il-persunal tal-entità responsabbli mill-funzjonijiet essenzjali u l-entitajiet l-oħra taħt il-kontroll tal-kumpannija holding.

40.      Għandu jiġi kkonstatat li l-ilment tal-Kummissjoni ma huwiex ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tad-Direttiva 91/440 u tad-Direttiva 2001/14, iżda pjuttost fuq traspożizzjoni mhux kompleta tal-imsemmija atti tad-dritt tal-Unjoni. Fuq kollox, il-Kummissjoni ma pproduċietx provi konkreti li juru li r-rekwiżit tal-indipendenza tal-entità responsabbli mill-funzjonijiet essenzjali ma ġiex segwit fil-prattika.

41.      Il-fatt li attwalment ċerti persuni huma parti kemm mill-korpi ta’ PKP SA kif ukoll minn dawk tat-trasportaturi ferrovjarji, iżda li tali sitwazzjoni ma teżistix fil-konfront ta’ PLK SA, jaħdem, fil-fehma tiegħi, favur il-pożizzjoni tal-Polonja meta tgħid li t-Teżor pubbliku Pollakk jieħu ħsieb li jiżgura l-indipendenza tal-amministratur tal-infrastruttura fil-kuntest tad-deċiżjonijiet ta’ ħatra fi ħdan il-korpi tal-grupp PKP. Għandu jingħad ukoll li t-Teżor pubbliku huwa proprjetarju ta’ 100 % mill-azzjonijiet ta’ PKP SA, il-kumpannija parent tal-grupp, u li l-Ministru responsabbli mit-Trasporti jippreżenta fil-laqgħa ġenerali ta’ PLK SA l-lista tal-kandidati tiegħu kollha quddiem il-kunsill ta’ sorveljanza. Issa, dawn il-mudelli ta’ tmexxija jikkontradixxu s-suspett li PKP SA, bħala kumpannija parent, tista’, billi tikkontrolla t-tmexxija ta’ PLK SA, tippreġudika l-indipendenza tal-amministrazzjoni tal-infrastruttura.

42.      Fir-rigward tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-inapplikabbiltà u l-allegata ineffettività, minn naħa waħda, tal-liġi dwar il-ġlieda kontra l-kompetizzjoni żleali fir-rigward tal-gruppi ta’ kumpanniji u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 100 tal-kodiċi tax-xogħol, għall-finijiet tal-protezzjoni tal-indipendenza tal-amministratur tal-infrastruttura, nikkunsidra li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex tistabbilixxi li l-ispjegazzjonijiet tal-Polonja huma żbaljati f’dan ir-rigward.

43.      Iktar minn hekk, l-istess bħar-raġunament li għamilt fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, ma jidhirlix li huwa koerenti f’dan il-każ, li jkun meħtieġ minn Stat Membru, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li jadotta regoli supplimentari jekk is-suġġetti kkonċernati ma josservawx, ex hypothesi, l-obbligi legali eżistenti li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni ġenerali adottata mill-Istat Membru biex tkun protetta l-indipendenza tal-kumpannija sussidjarja (13). Issa, rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jistax ikun ibbażat fuq sempliċi ipotesi li l-qafas u d-direzzjoni ta’ amministratur tal-infrastruttura jistgħu ma josservawx id-dispożizzjonijiet legali, ħaġa li toħloq fil-konfront tal-Istat Membru kkonċernat l-obbligu li jadotta regoli partikolari iktar dettaljati.

44.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel ilment tal-Kummissjoni.

B –    Fuq it-tieni ilment ibbażat fuq l-assenza fit-tul ta’ bilanċ finanzjarju

1.      L-argumenti tal-partijiet

45.      Il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika tal-Polonja li ma ħaditx il-miżuri xierqa biex tiżgura fil-ħin il-bilanċ finanzjarju tal-amministratur tal-infrastruttura, jiġifieri PLK SA. Din l-ommissjoni tikkostitwixxi, għaldaqstant, ksur tal-obbligi li hija għandha skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14, moqri flimkien mal-Artikolu 7(3) u (4) tad-Direttiva 91/440. Il-Kummissjoni tippreċiża f’dan ir-rigward li jirriżulta mit-tweġiba tal-Gvern Pollakk għall-opinjoni motivata li l-ispejjeż u d-dħul kienu bbilanċjati biss fl-2012.

46.      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-bilanċ finanzjarju tal-amministratur tal-infrastruttura jintlaħaq jekk jittieħed inkunsiderazzjoni ir-riżultat tal-attività qabel it-tnaqqis tad-deprezzamenti. Issa, minn imkien ma jirriżulta mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14 li l-bilanċ finanzjarju għandu jintlaħaq billi jiġu integrati l-ispejjeż tad-deprezzament, u b’mod partikolari dawk tal-linji ferrovjarji li huma, jew li fil-futur mhux ser jintużaw iktar, b’mod li l-ispejjeż tar-rinnovazzjoni eventwali tagħhom ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-iffissar tat-tariffi ta’ aċċess għall-infrastruttura.

2.      Eżami tat-tieni lment

47.      Infakkar, qabel xejn, li dan l-ilment tal-Kummissjoni jikkorrispondi grosso modo għall-istess kwistjoni li ġiet ittrattata fil-kuntest tat-tieni lment fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑557/10) li l-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Ottubru 2012 (14).

48.      Fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall iċċitata iktar ’il fuq, l-ilment tal-Kummissjoni kien madankollu bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 91/440 u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14 li jirriżulta mill-assenza ta’ adozzjoni, min-naħa tar-Repubblika Portugiża, tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma mal-obbligi msemmija f’dawn l-artikoli. Id-dispożizzjonijiet imsemmija jimponu fuq l-Istati Membri li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet xierqa sabiex jiġi ggarantit li l-kontijiet tal-amministratur tal-infrastruttura jkunu bbilanċjati. Kif esponejt fil-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (15), irriżulta ċar mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Portugiż bħala tweġiba għat-tieni lment tal-Kummissjoni li, minkejja l-obbligi previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal dan il-għan, ir-Repubblika Portugiża ma kinitx ħadet il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma mal-obbligi msemmija fl-Artikoli 7(3) tad-Direttiva 91/440 u 6(1) tad-Direttiva 2001/14 fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

49.      Min-naħa l-oħra, f’din il-kawża, ir-Repubblika tal-Polonja tafferma li pprovdiet lill-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja finanzjamenti suffiċjenti b’ammont dejjem jikber, u l-iżbilanċ fil-kontijiet irrilevat mill-Kummissjoni jsib spjegazzjoni fl-ammont ta’ deprezzament tal-infrastrutturi, b’mod partikolari, il-linji li għandhom jiġu likwidati. Ir-Repubblika tal-Polonja tiddefendi, għaldaqstant, interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14 fis-sens li l-imsemmija dispożizzjoni ma timponix fuq l-Istat Membru li jilħaq bilanċ fil-kontabbiltà tal-profitt u t-telf, imma biss li jipprovdi l-finanzjament neċessarju sabiex ir-riżultat tal-attività qabel it-tnaqqis tad-deprezzamenti jkun ibbilanċjat.

50.      Għaldaqstant, hija din l-interpretazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni li hija fiċ-ċentru tad-diskussjoni. Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma tiċħadx li r-Repubblika tal-Polonja pprovdiet finanzjament sabiex ittejjeb is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-amministratur tal-infrastruttura u ħadet miżuri għal dan il-għan. Madankollu, il-Kummissjoni tafferma li l-imsemmi finanzjament ma kienx suffiċjenti fir-rigward tal-miżuri intiżi li jirrimedjaw b’mod sostenibbli l-kawżi tal-iżbilanċ finanzjarju, bħalma huma, pereżempju, it-tneħħija tal-parti mir-rotot ferrovjarji li ma humiex vijabbli.

51.      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tar-reviżjoni tal-ewwel pakkett ferrovjarju, proposta mill-Kummissjoni fl-2010 (16), il-Kummissjoni tikkontempla li tgħaqqad il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 91/440 f’dispożizzjoni ġdida li tikkorrispondi mal-paragrafu 3 tal-Artikolu 8 tat-test emendat. Iktar minn hekk, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14 ser jiġi sostitwit, b’xi emendi, biex isir il-paragrafu 4 tal-imsemmi Artikolu 8 (17).

52.      L-abbozz tal-Artikolu 8(4) tad-direttiva riformulata, fil-verżjoni tagħha adottata mill-Parlament fit-tieni qari fit-3 ta’ Lulju 2012, jaqra kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontijiet tal-profitti u t-telf tal-amministratur tal-infrastruttura, fil-kundizzjonijiet normali ta’ attività u fir-rigward ta’ perijodu raġonevoli li ma jaqbiżx il-ħames snin, ikollhom tal-inqas bilanċ bejn, minn naħa waħda, id-dħul mit-tariffi ta’ użu tal-infrastruttura, l-eċċessi li jirriżultaw minn attivitajiet kummerċjali oħra, id-dħul mhux rimborsabbli minn sorsi privati u l-finanzjament mill-Istat, inkluż, jekk ikun il-każ, il-ħlasijiet mill-Istat, u min-naħa l-oħra, l-ispejjeż ta’ infrastruttura” (18). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

53.      Jidher għaldaqstant biċ-ċar illi kieku d-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq daħlet fis-seħħ, huma fil-fatt il-profitt u t-telf li għandhom ikunu bbilanċjati. Fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, wieħed irid jara madankollu jekk dan huwiex diġà l-każ taħt id-Direttivi 2001/14 u 91/440. Indipendentement mill-pożizzjoni li tista’ tiġi adottata f’dan ir-rigward, it-test tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma huwiex mingħajr ambigwità.

54.      Nikkonstata, l-ewwel nett, li kuntrarjament għad-direttivi dwar il-kontabbiltà tal-Unjoni (ara, pereżempju, id-Direttiva 78/660 (19)), li jużaw il-kliem “spiża” (“coût”) “piż” (“charge”), jew “ħlas” (“frais”) [imma mhux “spejjeż” (“dépenses”)], l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14 juża l-kunċett “spejjeż infrastrutturali” (20). Għalkemm din hija sempliċi għażla terminoloġika mingħajr xi effett kbir, dan juri fi kwalunkwe każ li t-terminoloġija tal-kontabbiltà adottata għall-finijiet tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14 ma tosservax rigorożament in-nomenklatura magħquda.

55.      Iktar minn hekk, ir-riferiment għall-kliem “ħlasijiet bil-quddiem” (Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14) li, fil-kuntest tar-riformulazzjoni, saru “ħlasijiet mill-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Artikolu 8(4) tat-test iċċitat iktar ’il fuq), joħloq inċertezza fir-rigward tal-portata tal-obbligu li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 6(1), peress li l-bilanċ tal-kont tal-profitti u telf ma jiddependix fuq il-mument tal-ħlas tas-somma inkwistjoni. Il-ħlas ta’ sussidju Statali ex ante jew ex post ma jaffettwax għaldaqstant il-bilanċ tal-kont tal-profitti u telf peress li l-għajnuna inkwistjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fis-sena finanzjarja li għaliha tingħata, indipendentement mill-mument tal-ħlas tagħha (21). Għal din ir-raġuni, il-qari tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14, propost mir-Repubblika tal-Polonja, fis-sens li l-obbligu li jiġu bbilanċjati l-kontijiet huwa intiż li jipproteġi mhux il-bilanċ fil-kontabbiltà iżda l-likwidità tal-amministratur, ma jidhirx li huwa infondat.

56.      Madankollu, minkejja l-valur ta’ dawn l-argumenti, nikkunsidra li l-obbligu li għandu l-Istat Membru li “jistabbilixx[i] kundizzjonijiet [...] biex jaċċerta[] li [...] il-kontijiet ta’ amministratur ta’ l-infrastruttura għandhom għall-inqas jibbilanċjaw” id-dħul u l-ispejjeż infrastrutturali, għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-bilanċ fil-kont tal-profitti u telf.

57.      Kieku tiġi adottata interpretazzjoni differenti, id-dispożizzjoni inkwistjoni ma jkollhiex kamp ta’ applikazzjoni għaliha stess, meta pparagunata mal-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 91/440 li jikkontemplaw, minn naħa waħda, finanzjament statali suffiċjenti fid-dawl tal-missjonijiet, dimensjoni u bżonnijiet finanzjarji tal-amministratur tal-infrastruttura, u min-naħa l-oħra, l-obbbligu għall-amministratur tal-infrastruttura li jistabbilixxi pjan kummerċjali li jippermetti li jintlaħaq il-bilanċ finanzjarju fil-kuntest tal-politika ġenerali adottata mill-Istat. Jidher għaldaqstant li dawn l-aħħar dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jiggarantixxu l-likwidità tal-amministratur tal-infrastruttura, mentri l-Artikolu 6(1) jikkontempla, minkejja l-imperfezzjonijiet fil-kitba tiegħu, il-bilanċ fil-kontabbiltà.

58.      Nirrileva, barra minn hekk, li d-deprezzamenti jikkorrispondu mat-telf ta’ valur tal-istokk kapitali minħabba l-użu jew minħabba li l-infrastruttura ma tibqax tintuża, kif jirriżulta fil-kont tal-profitti u t-telf fil-forma ta’ spejjeż annwali, sabiex jiżdied il-finanzjament proprju meħtieġ għall-investimenti ta’ sostituzzjoni mal-iskadenza tal-perijodu ta’ użu tal-infrastruttura. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 35(1)(b) tad-Direttiva 78/660, “Il-prezz tax-xiri jew l-ispiża tal-produzzjoni ta’ attiv fiss b’ħajja utli ekonomika limitata għandhom jitnaqqsu b’aġġustamenti tal-valur kalkolati biex iħassru l-valur ta’ dak l-ativ sistematikament fuq il-ħajjiet utli u ekonomiċi tagħhom.”. Ir-reġistrazzjoni tad-deprezzamenti tal-attiv tikkostitwixxi obbligu ta’ kontabbiltà li mingħajru l-kontijiet annwali ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, bħalma hija PLK SA, ma jkunux jistgħu jagħtu stampa fidila tal-patrimonju, tas-sitwazzjoni finanzjarja kif ukoll tar-riżultati tal-kumpannija, skont l-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva.

59.      Għandu jingħad ukoll li n-neċessità li l-valur tal-attiv jiġi deprezzat ma tiddependix mill-kwistjoni dwar jekk l-impriża għandhiex l-intenzjoni li tirrinova xi attiv fiss jew le. Nosserva li l-fatt li impriża ma hijiex f’pożizzjoni li tkopri d-deprezzamenti tal-attiv tagħha juri li l-attivitajiet tagħha ma għandhomx bażi vijabbli u solida sostenibbli, peress li ma hijiex kapaċi tiffinanzja bid-dħul tagħha stess investimenti meħtieġa sabiex tissostitwixxi l-attiv fiżiku eżistenti tagħha wara l-perijodu ta’ użu ekonomiku tagħhom. F’dan il-każ, l-istampa fidila ta’ tali impriża hija dik ta’ kumpannija bi żbilanċ finanzjarju, anki jekk hija ma għandhiex problemi ta’ likwidità.

60.      Għal dawn ir-raġunijiet, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Polonja li l-kontabbiltà tal-amministratur tal-infrastruttura hija bbilanċjata minkejja l-fatt li l-bilanċ tal-kont tal-profitti u t-telf ma huwiex tal-inqas newtrali, minħabba l-impatt tad-deprezzamenti. L-iżbilanċ fil-kont tal-profitti u t-telf tal-ġestjonarju tal-infrastruttura ma huwiex madankollu suffiċjenti, minnu nnifsu, biex jiġi konkluż li l-Istat Membru inkwistjoni ma ssodisfax l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14. Fil-fatt, biex wieħed jasal għal din il-konklużjoni jkun irid jiġi stabbilit ukoll, skont il-kliem stess tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, li l-iżbilanċ fil-kontabbiltà għandu jirriżulta “taħt kundizzjonijiet normali tal-kummerċ” u “f’terminu raġonevoli”.

61.      Il-Kummissjoni ssostni, f’dan ir-rigward, li jekk l-amministratur tal-infrastruttura jakkumula t-telf f’livell ekwivalenti għal dak indikat mill-Gvern Pollakk fit-tweġiba tiegħu għall-ittra ta’ intimazzjoni, ikun impossibbli li jintlaħaq il-bilanċ finanzjarju msemmi fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14. Skont il-Kummissjoni, l-Istat Membru inkwistjoni ma tax lill-amministratur tal-infrastruttura finanzjament suffiċjenti fir-rigward tal-missjonijiet tiegħu, id-daqs tiegħu u l-bżonnijiet finanzjarji tiegħu. Għandu jitfakkar fuq dan il-punt li, mit-tweġiba tal-Gvern Pollakk għall-opinjoni motivata, jirriżulta li l-amministratur ser jirreġistra telf sal-2012.

62.      Skont l-informazzjoni mogħtija fir-rikors, id-defiċit tal-amministratur żdied minn 2% fl-2006 għal 10 % (skont il-previżjonijiet) fl-2009. Matul l-istess perijodu, il-finanzjament mill-Istat żdied minn 10.8 % għal 19.3 % (skont il-previżjonijiet), filwaqt li l-kopertura tal-ispejjeż mid-dħul provenjenti mit-tariffi tal-aċċess għall-infrastruttura naqset parallelment minn 79.4 % fl-2006 għal 64.4 % fl-2009 (skont il-previżjonijiet).

63.      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni madankollu li huwa previst li, fl-2015, l-Istat ikopri l-ispejjeż marbuta mal-infrastruttura sal-livell ta’ 37.5 %; u dan ser jinvolvi, fil-fehma tagħha, tnaqqis sostanzjali fir-rati tat-tariffi għat-trasportaturi ferrovjarji.

64.      Fil-kontroreplika tagħha, il-Polonja tfakkar li hija ppreżentat, fit-tweġiba tagħha għall-opinjoni motivata, il-pjan governattiv li jipprevedi ż-żieda fil-finanzjament lill-amministratur tal-infrastruttura, li għandha bħala għan il-bilanċ tal-baġit fl-2012. Barra minn hekk, l-Istat Membru inkwistjoni jikkontempla li jilħaq il-bilanċ tal-baġit ukoll fl-istadju tal-pjanifikazzjoni tad-dħul u tal-ispejjeż ta’ PLK SA. Filwaqt li tindika li r-riżultat finali ser jiddependi mill-evoluzzjoni, il-Polonja tippreċiża li fl-2009, ġie rreġistrat tnaqqis fil-volum tat-trasport ferrovjarju ta’ merkanzija bi 17 % meta pparagunat mas-sena preċedenti.

65.      F’dan ir-rigward, nosserva li t-test tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14 fis-seħħ ma jinkludi ebda preċiżazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ “terminu raġonevoli”, li skont ir-riformulazzjoni msemmija iktar ’il fuq tal-ewwel pakkett ferrovjarju, ma jistax jaqbeż ħames snin. Mill-proċess jirriżulta li l-Polonja tat l-ewwel sussidju ta’ 340 miljun zloty lil PLK SA fl-2006, wara li l-amministratur beda l-attivitajiet tiegħu. Is-sussidju statali annwali żdied għal 900 miljun zloty fl-2010, biex laħaq l-1 200 miljun zloty fl-2012, li hija s-sena li matulha għandu jintlaħaq il-bilanċ finanzjarju. Fl-aħħar nett, matul is-snin sussegwenti, huw previst li l-imsemmi sussidju għandu jiżdied b’100 miljun zloty kull sena.

66.      Skont l-informazzjoni li tinsab fil-proċess, in-netwerk ferrovjarju Pollakk huwa kkonċentrat ħafna, fi stat ħażin u, fil-parti l-kbira tiegħu, ma tantx iħalli profitt. Kif irrilevajt, l-amministrazzjoni indipendenti tal-infrastruttura ferrovjarja bdiet biss reċentement, u l-ewwel sussidju statali ngħata fl-2006. Fl-istess ħin, minkejja l-għoti repetut ta’ finanzjamenti mill-Istat Pollakk lill-amministratur tal-infrastruttura, id-dħul ta’ dan tal-aħħar naqas, parzjalment minħabba l-kriżi ekonomika sinjifikattiva li qed tħabbat wiċċha magħha l-Unjoni Ewropea. L-ippjanar finanzjarju mwettaq mill-Istat Pollakk jipprevedi madankollu li jintlaħaq bilanċ finanzjarju fl-2012.

67.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, u b’kuntrast mas-sitwazzjoni tal-Portugall li kienet is-suġġett tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑557/10), ma jidhirlix li huwa possibbli li jiġi affermat li r-Repubblika tal-Polonja ma ddefinixxietx il-kundizzjonijiet xierqa biex il-kontabbiltà tal-amministratur tal-infrastruttura, f’kundizzjonijiet normali ta’ attività u f’perijodu raġonevoli, juru tal-inqas bilanċ bejn id-dħul u l-ispejjeż infrastrutturali.

68.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni lment tal-Kummissjoni.

C –    Fuq it-tielet ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ miżuri ta’ inċentivi tal-ġestjonarju tal-infrastruttura

1.      L-argumenti tal-partijiet

69.      Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Polonja, bil-fatt li naqset milli tintroduċi, skont ma jipprovdi l-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 2001/14, skema ta’ inċentivi sabiex jinkoraġġixxu lill-amministratur inaqqas l-ispejjeż u t-tariffi ta’ użu tal-infrastruttura, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dawn id-dispożizzjonijiet. Il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari li l-Artikolu 38a tal-liġi dwar it-trasport ferrovjarju ma joħloqx skema ta’ inċentivi sabiex jinkoraġġixxu lill-amministratur inaqqas l-ispejjeż ta’ provvista tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi ta’ aċċess.

70.      L-ewwel nett, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li d-Direttiva 2001/14 tipprevedi l-obbligu għall-Istati Membri li jieħdu miżuri ta’ inċentivi sabiex iżidu l-effikaċità tal-amministraturi, mingħajr madankollu ma tiddefinixxi n-natura tal-miżuri msemmija. Il-Polonja ssostni, madankollu, li l-Ministru Pollakk responsabbli mit-Trasport jiddeċiedi kull sena ma’ PKP SA, li hija kkontrollata 100 % mit-Teżor pubbliku, li jippremja lill-membri tal-bord tad-diretturi tal-kumpanniji bil-għan li jżid l-effikaċità tal-amministratur. Il-Polonja ssostni, barra minn hekk, li jintużaw strumenti oħra ta’ tmexxija tal-impriża fir-rigward ta’ PLK SA.

71.      Ir-Repubblika Ċeka, min-naħa tagħha, issostni li r-rekwiżit ta’ miżuri ta’ inċentivi sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ provvista tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi ta’ aċċess jikkostitwixxi l-għan finali tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14, jiġifieri sitwazzjoni li għandha tintlaħaq. Issa, kif tipprevedi espliċitament din id-dispożizzjoni, huwa meħtieġ li jinħolqu kundizzjonijiet minn qabel għal dan il-għan. Għaldaqstant, l-Istat Membru, meta jipprova jilħaq dan l-għan, għandu jiżgura s-sigurtà, iż-żamma u t-titjib tal-kwalità tas-servizz tal-infrastruttura.

72.      Skont ir-Repubblika Ċeka, f’sitwazzjoni fejn l-infrastruttura hija miżmuma ħażin ħafna, dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħux ikunu ssodisfatti. Konsegwentement, il-konklużjoni ta’ kuntratt bejn l-Istat u l-amministratur tal-infrastruttura dwar il-finanzjament tal-ispejjeż ta’ tiswija jew ta’ manutenzjoni tal-infrastruttura hija miżura li hija intiża li tilħaq l-għan finali stabbilit fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14 u li għandha titqies bħala suffiċjenti fid-dawl tal-kundizzjonijiet konkreti tal-istat tal-infrastruttura.

73.      Fit-tweġiba tagħha għan-nota ta’ intervent tar-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni ssostni li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14 hija żbaljata. Fil-fehma tagħha, din id-dispożizzjoni ma tissuġġettax l-obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ inċentivi, għall-istat tal-infrastruttura ferrovjarja. Fil-fatt, tali obbligu li jaqa’ fuq l-Istat Membru jeżisti minnu nnifsu. Għaldaqstant, il-konklużjoni ta’ ftehim bejn l-Istat u l-amministratur tal-infrastruttura fir-rigward tal-finanzjament tal-ispejjeż ta’ tiswija u manutenzjoni tal-infrastruttura, li ma jinvolvix miżuri li jinċentivaw lill-amministratur sabiex inaqqas l-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi ta’ aċċess, ma tissodisfax l-obbligu previst minn din id-dispożizzjoni.

2.      Eżami tat-tielet ilment

74.      Infakkar, l-ewwel nett, li t-tielet ilment tal-Kummissjoni li huwa bbażat fuq l-assenza ta’ miżuri li jinċentivaw lill-amministratur tal-infrastruttura sabiex jillimita l-ispejjeż marbuta mas-servizz ta’ infrastruttura jew il-livell tat-tariffi ta’ aċċess, huwa, essenzjalment, identiku għat-tielet ilment fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq (22). Għal din ir-raġuni, nagħmel riferiment għar-raġunament legali magħmul f’dawk il-konklużjonijiet.

75.      Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Pollakka u l-implementazzjoni tagħha, jeżistu madankollu, differenzi importanti fir-rigward tas-sitwazzjoni li tipprevali fil-Ġermanja. Konsegwentement, il-konklużjoni tiegħi li l-ilment invokat kontra l-Ġermanja għandu jiġi miċħud ma għandhiex tapplika b’mod awtomatiku għall-każ tal-Polonja.

76.      Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14, l-amministratur tal-infrastruttura, b’kunsiderazzjoni xierqa għas-sigurtà u għall-manutenzjoni u t-titjib tal-kwalità tas-servizz tal-infrastruttura, jingħata inċentivi sabiex inaqqas l-ispejjeż ta’ provvista tal-infrastruttura u l-livell ta’ tariffi tal-aċċess. B’kuntrast ma’ dak li japplika għall-każ tat-titjib tal-prestazzjonijiet tan-netwerk ferrovjarju skont l-Artikolu 11 tad-direttiva msemmija, l-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva ma jeħtieġx li l-miżuri ta’ inċentivi jridu jkunu “skema”.

77.      Madankollu, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2001/14 jipprevedi żewġ possibbiltajiet distinti għat-twettiq tal-obbligu msemmi fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu. Irid ikun jew ftehim pluriannwali konkluż bejn l-amministratur tal-infrastruttura u l-awtorità kompetenti u li jipprevedi l-finanzjament mill-Istat, jew il-ħolqien ta’ miżuri regolamentari xierqa, li jipprevedu l-kompetenzi neċessarji.

78.      Nikkonstata, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 38a(1) u (2) tal-liġi dwar it-trasport ferrovjarju jidher li jipprovdi kuntest leġiżlattiv xieraq għall-implementazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 2001/14. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjonijiet jiddefinixxu l-awtorità kompetenti (jiġifieri l-Ministru responsabbli mit-Trasport), l-għodda disponibbli (jiġifieri l-finanzjament Statali), l-għan (jiġifieri t-tnaqqis tal-ispejjeż u tal-ammont tat-tariffi ta’ użu) u l-forma tal-miżuri inkwistjoni (jiġifieri kuntratt pluriannwali).

79.      Madankollu, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ċċitati iktar ’il fuq ma jidhrux li huma suffiċjenti, waħedhom, sabiex jittrasponu l-obbligi previsti fl-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 2001/14. Fil-fatt, il-mekkaniżmu ta’ inċentivi li jiddefinixxi r-rabta kawżali bejn l-għanijiet ekonomiċi li għandu jilħaq l-amministratur tal-infrastruttura u l-miżuri meħuda mill-Ministru fil-qasam tal-finanzjament tal-ispejjeż ta’ rinnovazzjoni u manutenzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja ma huwiex iddefinit hemmhekk.

80.      Iktar minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali lanqas ma jistabbilixxu miżuri regolamentari xierqa, li jipprevedu s-setgħat neċessarji sabiex l-amministratur tal-infrastruttura jagħti rendikont tal-amministrazzjoni tiegħu lil awtorità kompetenti, bħalma huwa l-President tal-UTF, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2001/14. Issa, ma jidhirlix li huwa kkontestat li l-leġiżlatur Pollakk għażel, f’dan il-kuntest, favur il-konklużjoni ta’ kuntratt pluriannwali.

81.      Ir-Repubblika tal-Polonja, fl-iskritturi tagħha, issemmi diversi eżempji li hija tikkunsidra bħala inċentivi, fir-rigward tal-membri tal-bord ta’ amministrazzjoni u tad-diretturi tal-amministratur tal-infrastruttura, sabiex tiżdied l-effikaċità ta’ dan tal-aħħar. Il-Polonja ssemmi wkoll strumenti ta’ tmexxija tal-impriża u ta’ finanzjament tal-amministratur tal-infrastruttura.

82.      Madankollu, jidhirli li huwa paċifiku li r-Repubblika tal-Polonja ma ssostnix li l-miżuri li hija tiddeskrivi fir-risposta u fil-kontroreplika tagħha, anki jekk dawn jistgħu jitqiesu bħala miżuri ta’ inċentivi, huma inklużi f’kuntratt pluriannwali ta’ finanzjament fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2001/14. F’dan ir-rigward, għandu jsir paragun mal-Leistungs‑ und Finanzierungsvereinbarung (“LuFV”) konkluż bejn il-Ġermanja u DB Netz, li jistabbilixxi numru ta’ miżuri li fil-fehma tiegħi jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/14 (23).

83.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti tar-Repubblika Ċeka, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-obbligi tal-Istati Membri previsti fl-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 2001/14 ma jiddependux fuq l-istat tal-infrastruttura. Dan premess, huwa ovvju li l-għażla tal-miżuri ta’ inċentivi li għandhom jiġu adottati, u, b’mod iktar partikolari, l-għanijiet konkreti mfittxija mill-Istat Membru permezz ta’ dawn il-miżuri, jiddependu mir-rekwiżiti ta’ sigurtà u tal-livell tal-kwalità ta’ servizzi tal-infrastruttura. Għaldaqstant, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) u (3) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri huma obbligati jieħdu inkunsiderazzjoni l-istat tal-infrastruttura, ħaġa li bl-ebda mod ma teżentahom mill-obbligu kemm li jikkonkludu kuntratti pluriannwali tal-finanzjament li jinkludu miżuri ta’ inċentivi, kif ukoll li jistabbilixxu qafas regolamentari għal dan il-għan.

84.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad, nikkonkludi li t-tielet ilment tal-Kummissjoni għandu jiġi milqugħ.

D –    Fuq ir-raba’ lment ibbażat fuq il-kalkolu tat-tariffa għall-aċċess minimu

1.      L-argumenti tal-partijiet

85.      Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Polonja ma ssodisfatx l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14. Hija ssostni li l-kunċett ta’ “spiża direttament involuta [imputabbli] bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija” fis-sens tal-Artikolu 7(3) tal-imsemmija direttiva jirreferi għal dak tal-“ispiża marġinali”. Dan tal-aħħar jikkorrispondi biss, fil-fehma tal-Kummissjoni, mal-ispejjeż li jinħolqu mill-movimenti effettivi tal-ferroviji, u mhux mal-ispejjeż fissi li jkopru, barra l-ispejjeż marbuta mal-operat tas-servizz ferrovjarju, l-ispejjeż ġenerali tal-funzjonament tal-infrastruttura li jridu jitħallsu anki fl-assenza ta’ moviment tal-ferroviji.

86.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Polonja rrikonoxxiet, fir-risposta tagħha għall-opinjoni motivata, li l-livell tar-rati unitarji tat-tariffa bażika għall-aċċess minimu għall-infrastruttura kien jiddependi mix-xogħlijiet previsti fir-rigward tal-operat, mill-ispiża prevista għall-provvista tal-infrastruttura ferrovjarja fil-kuntest tal-aċċess minimu u mill-finanzjament previst għat-tiswija u l-manutenzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja. Issa, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, dawn il-fatturi ma humiex direttament marbuta mal-ispejjeż diretti li jirriżultaw mill-operat, iżda huma intiżi li jirkupraw l-ispejjeż kollha inkorsi mill-amministratur.

87.      Għal dak li jikkonċerna l-possibbiltajiet ta’ żieda fit-tariffi skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14, il-Kummissjoni ssostni li l-Istati Membri għandhom l-obbligu, kif jirriżulta mill-qari tal-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ din id-dispożizzjoni, li jimplementaw mekkaniżmu ta’ kontroll li jinkludi s-setturi kollha tas-suq tat-trasportaturi ferrovjarji u l-kapaċià tagħhom li jħallsu. Skont il-Kummissjoni, id-Direttiva 2001/14 tħalli f’idejn l-Istati Membri biex jimplementaw mekkaniżmu li jidentifika r-“reżistenza tas-suq” u jiżgura li ma jiġux esklużi ċerti setturi tas-suq li, sal-lum, setgħu jħallsu t-tariffa għall-aċċess minimu għall-infrastruttura. F’dan il-każ, il-liġi Pollakka dwar it-trasport ferrovjarju ma tistabbilixxix mekkaniżmi li jippermettu li jiġi vverifikat li s-setturi kollha tas-suq li huma mistennija jkopru l-ispejjeż diretti għandhom il-kapaċità li jifilħu żieda fit-tariffi intiża li tirkupra l-ispejjeż inkorsi mill-amministratur tal-infrastruttura (jiġifieri l-ispejjeż li ma humiex dawk diretti).

88.      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-liġi dwar it-trasport ferrovjarju ġiet emendata matul il-proċedura prekontenzjuża, skont ir-rekwiżiti tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, l-Artikolu 33 tal-liġi dwar it-trasport ferrovjarju jgħid li t-tariffa bażika għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja hija ffissata fid-dawl tal-ispiża li l-amministratur ibati direttament minħabba l-movimenti tal-ferroviji li jagħmel it-trasportatur ferrovjarju.

89.      Ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta, barra minn hekk, l-ilment tal-Kummissjoni, li permezz tiegħu tgħid li skont il-leġiżlazzjoni Pollakka, l-ispejjeż imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjajru jikkorrispondu mal-ispejjeż globali ta’ manutenzjoni u l-ispejjeż globali ta’ operat. B’risposta għall-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-kunċett ta’ “spiża direttament involuta [imputabbli] bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija” jirreferi għall-“ispiża marġinali”, il-Polonja ssostni li din hija infondata. Dan l-Istat Membru josserva f’dan ir-rigward li, peress li d-Direttiva 2001/14 ma tagħtix definizzjoni tal-“ispiża direttament involuta [imputabbli] bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija”, l-Istati Membri għandhom ċerta libertà biex jiddefinixxu, filwaqt li josservaw l-għanijiet tad-direttiva, l-elementi kostituttivi u biex inaqqsu l-ammont tat-tariffa għal aċċess.

90.      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Kummissjoni ma spjegatx fuq liema bażi, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Polonja, hija kkonstatat li l-ispejjeż meħuda inkunsiderazzjoni biex tiġi kkalkolata t-tariffa għall-aċċess minimu kien miżjud bir-rata ta’ profitt imsemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14.

91.      Min-naħa tagħha, ir-Repubblika Ċeka ssostni, f’dak li jikkonċerna l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq traspożizzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14, li bl-ebda mod ma jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li huma biss l-ispejjeż marġinali li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “spiża direttament involuta [imputabbli] bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija”. Skont dan l-Istat Membru, peress li la d-Direttiva 2001/14 u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni, ma telenka l-ispejjeż li jikkorrispondu ma’ dan il-kunċett, il-kriterju determinanti huwa biss il-kwistjoni dwar jekk tistax tiġi stabbilita, għal dawn l-ispejjeż, relazzjoni diretta mal-operat tas-servizz ferrovjarju.

2.      Eżami tar-raba’ lment

92.      Nirrileva l-ewwel nett li jiena diġà kelli l-okkażjoni nagħti l-fehma tiegħi dwar l-interpretazzjoni tal-espressjoni “spiża direttament involuta [imputabbli] bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija” fil-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-Kawża C‑545/10, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (24). Konsegwentement, fil-kuntest tar-risposta għal dan l-ilment tal-Kummissjoni, ser nillimita ruħi biex nagħmel riferiment għall-imsemmija konklużjonijiet mingħajr madankollu ma nirriproduċi l-argument sħiħ li jinsab hemmhekk.

93.      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “spiża direttament involuta [imputabbli] bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija” jiena pproponejt lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkunsidra li fid-dawl, minn naħa waħda, tal-impreċiżjoni tad-Direttiva 2001/14, u min-naħa l-oħra, tal-assenza ta’ definizzjoni preċiża ta’ dan il-kunċett kif ukoll ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li telenka preċiżament l-ispejjeż li ma jaqgħux taħt dan il-kunċett, l-Istati Membri għandhom ċerta marġni ta’ diskrezzjoni ekonomika għall-finijiet tat-traspożizzjoni u tal-applikazzjoni tal-kunċett inkwistjoni. Fid-dawl tan-natura estremament teknika ta’ din il-kwistjoni u tad-diversi studji ta’ esperti intiżi li jistabbilixxu definizzjoni kif ukoll metodoloġija komuni fi ħdan l-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tagħti preċiżazzjonijiet utli f’dan ir-rigward. B’mod partikolari jidhirli li jkun inutli li wieħed jipprova jippreċiża s-sens legali ta’ dan il-kunċett tad-dritt tal-Unjoni, meta dan il-kunċett huwa wieħed ekonomiku li l-applikazzjoni prattika tiegħu tqajjem diffikultajiet prattiki kunsiderevoli.

94.      Madankollu, anki jekk ma jidhirlix li huwa possibbli li jiġi ddefinit, b’lista eżawrjenti, dak li jinkludi jew ma jinkludix il-kunċett ta’ “spiża direttament involuta [imputabbli] bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija”, xorta waħda jibqa’ l-fatt li d-definizzjonijiet użati f’dan ir-rigward mill-Istati Membri jistgħu, f’ċerti każijiet, jinkludu l-ispejjeż li jeċċedu manifestament il-limiti tal-kunċett użat fid-direttiva. Fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jeħtieġ għaldaqstant li jiġi analizzat jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru akkużat tippermettix li fil-kalkolu tat-tariffi mħallsa għall-provvisti minimi kollha u għall-aċċess permezz tan-netwerk għall-infrastrutturi ferrovjarji elementi li ma humiex direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju.

95.      Għaldaqstant, għal dak li jikkonċerna t-traspożizzjoni tar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14, ta’ ammont ta’ tariffa limitat għall-ispiża direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju, il-leġiżlazzjoni Pollakka tidher li tinkludi l-elementi neċessarji kollha biex l-amministratur tal-infrastruttura u l-awtorità ta’ kontroll ikunu jistgħu jiffissaw it-tariffi skont l-imsemmi rekwiżit.

96.      F’dan ir-rigward, infakkar li skont l-Artikolu 33 tal-liġi dwar it-trasport ferrovjajru, it-tariffa bażika għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja hija stabbilita billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-ispiża, li jħallas l-amministratur, li tkun direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju (paragrafu 2); it-tariffa tal-użu tal-infrastruttura ferrovjarja hija komposta mit-tariffa bażika u minn tariffi komplementari (paragrafu 3); fil-kuntest tat-tariffa bażika, l-amministratur japplika tariffa distinta għall-aċċess minimu għall-infrastruttura ferrovjarja (25) (paragrafu 3a, punt 1); it-tariffa bażika tal-aċċess minimu għall-infrastruttura ferrovjarja hija stabbilita billi jiġu mmultiplikati l-movimenti tal-ferroviji mar-rati unitarji stabbiliti skont il-kategorija tal-linja ferrovjarja u t-tip ta’ ferrovija, u dan b’mod separat għat-trasport ta’ passiġġieri u dak tal-merkanzija; l-amministratur jista’ japplika rata unitarja minima ta’ tariffa bażika għall-aċċess minimu għall-infrastruttura ferrovjarja. Ir-rata minima tapplika skont il-modalitajiet ekwivalenti għal kull trasportatur ferrovjarju tal-passiġġieri għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja marbuta mal-attivitajiet imwettqa skont il-kuntratt ta’ servizz pubbliku (paragrafu 4a) (26); it-tariffa bażika ta’ aċċess għall-faċilitajiet marbuta mal-manutenzjoni tal-ferroviji hija kkalkolata billi jiġu mmultiplikati s-servizzi ordnati mar-rati unitarji korrispondenti, li l-ammont tagħhom ivarja skont it-tip ta’ servizzi msemmija fil-paragrafu 2 tat-taqsima 1 tal-anness għal-liġi dwar it-trasport ferrovjarju (paragrafu 4c), u r-rata unitarja tat-tariffa bażika tal-aċċess minimu għall-infrastruttura ferrovjarja hija stabbilita għal kull ferrovija, għal kilometru ta’ vjaġġ (paragrafu 5).

97.      Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi huma kkonkretizzati bid-dispożizzjonijiet iktar iddettaljati li jinsabu fir-regolament tal-Ministru tal-Infrastruttura dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess (iktar ’il quddiem ir-“regolament tal-Ministru”) (27). Id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 6 u 7 tal-imsemmi regolament jiddefinixxu l-modalitajiet ta’ kalkolu tat-tariffa bażika msemmija fl-Artikolu 33(4) tal-liġi dwar it-trasport ferrovjarju u tar-rati unitarji tat-tariffa bażika.

98.      Fuq kollox, skont il-punti 1 sa 4 tal-Artikolu 8(1) tar-regolament tal-Ministru, l-amministratur tal-infrastruttura jieħu inkunsiderazzjoni, biex jikkalkola r-rati tat-tqegħid għall-provvista tal-infrastruttura ferrovjarja, l-ispejjeż diretti li jkopru l-ispejjeż ta’ manutenzjoni, l-ispejjeż ta’ ġestjoni tat-traffiku ferrovjarju u d-deprezzament. Minbarra dan, l-amministratur jieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-ispejjeż indiretti tal-attività li jkopru l-ispejjeż raġonevoli tal-amministratur tal-infrastruttura li ma humiex l-ispejjeż imsemmija iktar ’il fuq, l-ispejjeż finanzjarji marbuta mar-rimbors tas-self li l-amministratur ikun daħal għalih biex jiżviluppa u jimmodernizza l-infrastruttura pprovduta u x-xogħol tal-operat marbut mad-diversi kategoriji ta’ linji u ferroviji. Skont l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament “ir-rata minima msemmija fl-Artikolu 33(4a) tal-liġi (dwar it-trasport ferrovjarju), ma tistax tkun inqas minn 75 % tar-rata stabbilita għal kategorija ta’ linja ferrovjarja partikolari u tal-piż gross totali tal-ferrovija”.

99.      Kif irrilevajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka, iċċitati iktar ’il fuq, l-approċċ tal-Kummissjoni huwa kkaratterizzat minn interpretazzjoni wisq restrittiva tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14. Fil-fatt, l-ispejjeż marbuta mas-sinjaletika, mal-ġestjoni tat-traffiku, mal-manutenzjoni u mat-tiswijiet jistgħu jvarjaw, tal-inqas parzjalment, skont it-traffiku u, konsegwentement, jitqiesu bħala direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju.

100. Il-leġiżlazzjoni Pollakka tat-tip infraleġiżlattiv jidhirli, madankollu, li twassal neċessarjament, għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-tariffa mħallsa għall-provvisti minimi kollha u għall-aċċess permezz tan-netwerk għall-infrastrutturi, għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ spejjeż li ma jistgħux ikunu direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju.

101. Għaldaqstant, pereżempju, l-ispejjeż ta’ manutenzjoni u ta’ ġestjoni tat-traffiku msemmija fl-Artikolu 8 tar-regolament tal-Ministru jistgħu jitqiesu parzjalment biss bħala li huma direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju, peress li jinkludu spejjeż ta’ natura fissa li l-amministratur għandu jbati wara li jqiegħed għall-użu parti min-netwerk ferrovjarju, anki fl-assenza ta’ moviment tal-ferroviji. Fir-rigward tal-ispejjeż finanzjarji, imsemmija wkoll minn dik id-dispożizzjoni, din ir-relazzjoni tidher li hija nieqsa kompletament. Għandu jingħad ukoll li r-regolament tal-Ministru jippermetti li jiġu inklużi d-deprezzamenti fil-kalkolu tat-tariffi għal aċċess, iżda l-Gvern Pollakk, fil-kuntest tat-tieni lment, jafferma li fil-prattika dan ma kienx il-każ (28).

102. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad, nikkonkludi li jista’ jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14, min-naħa tar-Repubblika tal-Polonja.

103. Min-naħa l-oħra, l-ilmenti tal-Kummissjoni bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14, ma jistgħux jintlaqgħu. Fil-fatt, l-Istat Membru inkwistjoni jikkontesta li għamel użu mill-possibbiltà miftuħa mill-imsemmija dispożizzjoni, li tippermetti li jkun hemm żieda fit-tariffi ta’ aċċess. Issa, nikkunsidra li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex tirribatti din l-affermazzjoni.

104. Barra minn hekk, id-Direttiva 2001/14 ma tobbligax lill-Istati Membri li jistabbilixxu, permezz ta’ leġiżlazzjoni jew regolament, metodu speċifiku sabiex titkejjel ir-“reżistenza tas-suq”. Huwa minnu li l-Istati Membri għandhom jadottaw qafas regolamentari xieraq biex l-amministratur tal-infrastruttura jkun jista’, fil-kuntest tal-indipendenza tal-amministrazzjoni tiegħu, jevalwa “jekk is-suq jiflaħx” għal din iż-żieda fit-tariffi skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva. Madankollu, kif irrilevajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, id-direttiva tagħti lill-amministratur tal-infrastruttura, fil-qasam tal-iffissar tat-tariffi, rwol li jimplika għażliet li jeħtieġu marġni ta’ diskrezzjoni b’mod partikolari fir-rigward tal-metodoloġija li għandha tiġi applikata (29).

105. Għal dawn ir-raġunijiet, nikkunsidra li r-raba’ lment tal-Kummissjoni għandu jintlaqa’ sa fejn ir-Repubblika tal-Polonja ppermettiet li, fil-kalkolu tat-tariffi mħallsa għall-provvisti minimi kollha u għall-aċċess permezz tan-netwerk għall-infrastrutturi ta’ servizzi jiġu inklużi spejjeż li ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala spejjeż direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju fis-sens tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-kumplament tar-raba’ lment tal-Kummissjoni.

V –    Fuq l-ispejjeż

106. Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura (30), jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Peress li l-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja tilfu diversi talbiet, nipproponi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

107. Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika Ċeka, li ġew aċċettati jintervjenu f’din il-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

VI – Konklużjoni

108. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)      Ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha

–        skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà, billi ma adottatx miżuri li jinkoraġġixxu lill-amministraturi jnaqqsu l-ispejjeż ta’ provvista tal-infrastruttura u l-livell ta’ tariffi ta’ aċċess; u

–        skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14, billi ppermettiet li, fil-kalkolu tat-tariffi mħallsa għall-provvisti minimi kollha u għall-aċċess permezz tan-netwerk għall-infrastrutturi ta’ servizzi jiġu inklużi spejjeż li ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala spejjeż direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Taljana għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.


1 – Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


2 –      Direttiva tal-Kunsill, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341).


3 –      Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u d-Direttiva 2001/14/KE dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji (ĠU L 315, p. 44).


4 –      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404). Għandu jiġi nnutat li t-titolu tad-Direttiva 2001/14 ġie emendat bl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/49/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol 8, p. 227). Minn dakinhar, it-titolu tagħha sar “Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji”.


5 – Dawn huma l-kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja: Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑473/10); Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑483/10); Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑528/10); Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (C‑545/10); Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑555/10) ; Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑556/10); Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑557/10, sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012); Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑625/10); Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (C‑627/10); Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑369/11), u Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑412/11).


6 –      Dz. U ta’ 2000, Nru 84, pożizzjoni 948.


7 –      Dz. U ta’ 2007, Nru 16, pożizzjoni 94.


8 –      Dz. U ta’ 2007, Nru 16, pożizzjoni 94.


9 –      Dz. U ta’ 2003, Nru 153, pożizzjoni 1503.


10 –      Dz. U ta’ 1998, Nru 21, pożizzjoni 94.


11 – Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni tal-ewwel pakkett ferrovjarju (COM(2006) 189 finali).


12 – Ara, b’mod partikolari, il-punti 71 sa 91 tal-konklużjonijiet fil-Kawża C‑555/10, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija.


13 –      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, iċċitati iktar ’il fuq (punt 89).


14 –      Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑557/10, punti 43 sa 50).


15 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, iċċitata iktar ’il fuq (punt 41).


16 – Ara l-proposta COM(2010) 475.


17 – Ara “Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fit-tieni qari fit-3 ta’ Lulju 2012 bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Direttiva 2012/.../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (Riformulazzjoni) (A7‑0196/2012)”, Artikolu 8 (“Finanzjament tal-amministratur tal-infrastruttura”) u Anness X (tabella ta’ korrispondenza).


18 – Skont il-premessa erbatax tar-reviżjoni (dokument A7‑0196/2012) “il-kont tal-profitti u t-telf ta’ amministratur tal-infrastruttura għandu jkun ibbilanċjat fuq perijodu raġonevoli li, malli jiġi stabbilit, jista’ jinqabeż f’ċirkustanzi eċċezzjonali bħalma huma d-deterjorament sinjifikattiv u immedjat tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ Stat Membru li jaffettwa sostanzjalment il-livell ta’ traffiku fuq l-infrastruttura tiegħu jew il-livell ta’ finanzjament pubbliku disponibbli. Skont ir-regoli tal-kontabbiltà internazzjonali, l-ammont tas-self li jservi biex jiffinanzja l-proġetti ta’ infrastruttura ma għandux jinżel fil-kontabbiltà tal-profitti u t-telf.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Min-naħa l-oħra, il-premessi tad-Direttiva 2001/14 ma jippreċiżawx l-għan imfittex mil-leġiżlatur fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva.


19 –      Ara r-raba’ Direttiva tal-Kunsill, tal-25 ta’ Lulju tal-1978, ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji (78/660/KE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 21). Din ir-rimarka tapplika wkoll, mutatis mutandis, għall-verżjoni Ġermaniża u Ingliża tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq.


20 – Għaldaqstant, għandu jiġi nnutat li l-Artikolu 6 għandu t-titolu “Ir-Rendikonti ta’l-infrastruttura u ta’ l-ispejjeż” u li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) jitkellem ukoll fuq “spejjeż infrastrutturali”.


21 – Ara l-Artikolu 18 tad-Direttiva 78/660 dwar il-kontijiet ta’ regolarizzazzjoni tal-karta tal-bilanċ, fir-rigward tal-allokazzjoni tad-dħul u spejjeż għal sena sussegwenti.


22 – Ara, b’mod partikolari, il-punti 93 sa 104 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑556/10.


23 – Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq (punti 90 u 91, kif ukoll 97 u 98).


24 –      Ara l-konklużjonijiet fil-Kawża C‑545/10, iċċitata iktar ’il fuq (punti 60 sa 84).


25 – Dawn is-servizzi huma elenkati fil-paragrafu 1 tat-taqsima I tal-anness tal-liġi dwar it-trasport ferrovjarju f’termini kważi identiċi għal dawk tal-punt 1 tal-Anness II tad-Direttiva 2001/14.


26 – L-interpretazzjoni a contrario sensu tal-Artikolu 33(4a) tal-liġi dwar it-trasport ferrovjarju, kif proposta mill-Kummissjoni u kkontestata mill-Istat Membru, li biha r-rata unitarja minima tat-tariffa tapplika biss għat-trasportaturi u għall-attivitajiet abbażi ta’ kuntratti oħra li ma humiex dawk tat-trasport ta’ passiġġieri tas-servizz pubbliku, ma hijiex l-unika waħda possibbli. Il-kliem tad-dispożizzjoni jistgħu jiġu interpretati wkoll fis-sens li l-applikazzjoni tar-rata unitarja minima hija obbligatorja għall-amministratur tal-infrastruttura fil-każ ta’ kuntratti ta’ trasport ta’ passiġġieri tas-servizz pubbliku, filwaqt li tikkostitwixxi sempliċi fakultà fil-każijiet l-oħra.


27 – Regolament tal-Ministru tal-Infrastruttura, tas-27 ta’ Frar 2009, dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess u tal-użu tal-infrastruttura ferrovjarja (Rozporządzenie Ministra Infrastruktury z dnia 27 lutego 2009 r. w sprawie warunków dostępu i korzystania z infrastruktury kolejowej), (Dz. U. de 2009, Nru 35, pożizzjoni 274).


28 – Għalkemm jikkorrispondu approssimattivament għall-użu fiżiku u ekonomiku tal-attiv, id-deprezzamenti ma jvarjawx skont l-operat reali tal-infrastruttura. Fir-realtà, id-deprezzamenti ma humiex stabbiliti abbażi tal-użu reali tal-infrastruttura iinvoluti għat-traffiku, imma skont ir-regoli tal-kontabbiltà, b’mod li ma humiex, minnhom infushom, direttament involuti għall-operat tas-servizz ferrovjarju.


29 –      Ara l-konklużjonijiet fil-Kawża C‑556/10, iċċitata iktar ’il fuq (punt 81).


30 –      Dan jirrigwarda l-att li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2012.