Language of document :

Appell ippreżentat fit-22 ta’ Novembru 2017 minn Bayerische Motoren Werke AG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fit-12 ta’ Settembru 2017 fil-Kawża T-671/14, Bayerische Motoren Werke AG vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-654/17 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Bayerische Motoren Werke AG (rappreżentanti: M. Rosenthal, G. Drauz u M. Schütte, Rechtsanwälte)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Freistaat Sachsen

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Il-Ħames Awla) tat-12 ta’ Settembru 2017 fil-Kawża T-671/14.

tannulla, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Lulju 2014 fil-Każ SA.32009 (2011/C), li hija kkontestata fir-rikors, sa fejn tiddikjara inkompatibbli mas-suq intern is-somma ta’ EUR 28 257 273, li tikkorrispondi mal-parti mill-għajnuna ta’ EUR 45 257 273 mitluba li teċċedi EUR 17-il miljun, jekk u sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li ma hijiex fil-pożizzjoni li tagħti deċiżjoni finali, sussidjarjament tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

sussidjarjament, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Lulju 2014 fil-Każ SA.32009 (2011/C), li hija kkontestata fir-rikors, sa fejn tipprojbixxi u tiddikjara inkompatibbli mas-suq intern taħt l-Artikolu 6(2) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, fil-verżjoni tas-6 ta’ Awwissu 2008, l-għoti ta’ kwalunkwe għajnuna eżentata mill-obbligu ta’ notifika għall-proġetti ta’ investiment tal-appellanti, sa fejn dik l-għajnuna taqbeż l-ammont ta’ EUR 17-il miljun.

tikkundanna lill-appellati għall-ispejjeż tal-proċeduri skont l-Artikoli 138(1) u 184(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tqajjem l-aggravji li ġejjin:

L-ewwel aggravju: ksur tal-Artikolu 107(3) TFUE

Is-sentenza tikser l-Artikolu 107(3) TFUE, peress li l-Qorti Ġenerali, f’evalwazzjoni li ma kinitx tinkludi żbalji ta’ liġi, kienet ikollha tasal għall-konklużjoni li n-nuqqas li jsir eżami separat dwar jekk u sa fejn l-għoti tal-għajnuna kienx ikollu l-effett li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni kien jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE.

Is-sentenza appellata tonqos milli tirrikonoxxi li l-appellata ma setgħetx tillimita l-eżami tagħha sabiex sempliċement tevalwa l-ispejjeż supplimentari stmati minn qabel tal-proġett f’sit żvantaġġat u “tippreżumi” distorsjoni tal-kompetizzjoni għal kwalunkwe għajnuna li taqbeż dak il-limitu, filwaqt li kompletament ma tiħux inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni fis-suq konkreta tal-appellanti.

It-tieni aggravju: ksur tal-Artikolu 288 TFUE, tal-Artikoli 3 u 13(1) tar- REĠS 2008 u tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni.

Is-sentenza tikser l-Artikolu 288 TFUE kif ukoll l-Artikoli 3 u 13(1) tar- Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (REĠS 2008), peress li l-Qorti Ġenerali, f’evalwazzjoni li ma kinitx tinkludi żbalji ta’ liġi, ma kinitx tagħti lill-appellata kompetenza addizzjonali għall-eżami tal-għajnuna u lanqas ma kienet tirrikonoxxi d-dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà tagħha permezz ta’ deċiżjoni, sa fejn din l-għajnuna, sal-limitu minimu taħt l-Artikolu 6(2) REĠS 2008, kienet diġà ġiet iddikjarata materjalment kompatibbli mas-suq intern abbażi tad-dritt sekondarju tal-Unjoni Ewropea ta’ livell ogħla.

Minbarra dan, bħala konsegwenza tas-sentenza appellata, il-projbizzjoni dwar ir-riċezzjoni ta’ għajnuna għal iktar minn EUR 17-il miljun, sal-limitu minimu tar-REĠS 2008, tiddiskrimina kontra l-appellanti fil-konfront tal-kompetituri tagħha. Dan iseħħ peress li kien ikun possibbli għal kwalunkwe kompetitur – anki dominanti – f’sitwazzjoni paragunabbli li jirċievi għajnuna, sal-limitu minimu, għal investiment li bħala livell ikun paragunabbli, taħt l-InvZulG (il-Liġi dwar l-Ġħajnuna għall-Investimenti) Ġermaniża.

____________