Language of document : ECLI:EU:T:2011:356

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Lulju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Multi – Gravità tal-ksur – Ċirkustanzi aggravanti”

Fil-Kawża T‑39/07,

Eni SpA, stabbilita f’Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn G. M. Roberti u I. Perego, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci, G. Conte u V. Bottka, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament, għal dak li jikkonċerna lil Eni SpA, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 5700 finali, tad-29 ta’ Novembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.638 – Gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni), jew, sussidjarjament, għall-annullament jew it-tnaqqis tal-multa imposta fuq Eni,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn F. Dehousse (Relatur), li qed jaġixxi bħala President, I. Wiszniewska-Białecka u N. Wahl, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Ottubru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tad-Deċiżjoni C (2006) 5700 finali, tad-29 ta’ Novembru 2006 (Każ COMP/F/38.638 – Gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni, iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonstatat li diversi impriżi kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) meta pparteċipaw f’akkordju fis-suq tal-prodotti msemmija iktar ’il fuq.

2        L-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata huma:

–        Bayer AG, stabbilita f’Leverkusen (il-Ġermanja);

–        The Dow Chemical Company, stabbilita f’Midland, Michigan (l-Istati Uniti) (iktar ’il quddiem, “Dow Chemical”);

–        Dow Deutschland Inc., stabbilita f’Schwalbach (il-Ġermanja);

–        Dow Deutschland Anlagengesellschaft mbH (li kienet Dow Deutschland GmbH & Co. OHG), stabbilita f’Schwalbach;

–        Dow Europe, stabbilita f’Horgen (l-Isvizzera);

–        Eni SpA, stabbilita f’Ruma (l-Italja);

–        Polimeri Europa SpA, stabbilita fi Brindisi (l-Italja) (iktar ’il quddiem, “Polimeri”);

–        Shell Petroleum NV, stabbilita f’Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi);

–        Shell Nederland BV, stabbilita f’Den Haag;

–        Shell Nederland Chemie BV, stabbilita f’Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi);

–        Unipetrol a.s., stabbilita fi Praga (ir-Repubblika Ċeka);

–        Kaučuk a.s., stabbilita fi Kralupy nad Vltavou (ir-Repubblika Ċeka);

–        Trade-Stomil sp. z o.o., stabbilita f’Łódź (il-Polonja) (iktar ’il quddiem, “Stomil”).

3        Dow Deutschland, Dow Deutschland Anlagengesellschaft u Dow Europe huma kkontrollati kompletament, direttament jew indirettament, minn Dow Chemical (iktar ’il quddiem, flimkien, “Dow”) (premessi 16 sa 21 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        L-attività ta’ Eni fir-rigward tal-prodotti kkonċernati inizjalment kienet żgurata minn EniChem Elastomeri Srl, li hija kkontrollata indirettament minn Eni, permezz tas-sussidjarja tagħha EniChem SpA (iktar ’il quddiem, “EniChem SpA”). Fl-1 ta’ Novembru 1997, EniChem Elastomeri ġiet amalgamata ma’ EniChem SpA. Eni kienet tikkontrolla 99.97 % minn EniChem SpA. Fl-1 ta’ Jannar 2002, EniChem SpA ttrasferiet l-attività kimika strateġika tagħha (inkluża l-attività marbuta mal-gomma butadiene u mal-gomma styrene-butadiene maħduma bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni) lis-sussidjarja tagħha, Polimeri, li hija 100 % proprjetà tagħha. Eni bdiet tikkontrolla direttament u kompletament lil Polimeri fil-21 ta’ Ottubru 2002. B’effett mill-1 ta’ Mejju 2003, EniChem SpA biddlet isimha għal Syndial SpA (premessi 26 sa 32 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tuża l-isem “EniChem” b’riferiment għal kull kumpannija proprjetà ta’ Eni (iktar ’il quddiem, “EniChem”) (premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        Shell Nederland Chemie hija sussidjarja ta’ Shell Nederland, li min-naħa tagħha hija kkontrollata totalment minn Shell Petroleum (iktar ’il quddiem, flimkien, “Shell”) (premessi 38 sa 40 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Kaučuk inħolqot fl-1997, wara l-amalgamazzjoni bejn Kaučuk Group a.s. u Chemopetrol Group a.s.. Fil-21 ta’ Lulju 1997, Unipetrol akkwistat l-attiv, drittijiet u obbligi kollha tal-impriżi li amalgamaw. Unipetrol iżżomm 100 % mill-ishma ta’ Kaučuk (premessi 45 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, skont id-deċiżjoni kkontestata, Tavorex s.r.o. (iktar ’il quddiem, “Tavorex”), stabbilita fir-Repubblika Ċeka, irrappreżentat lil Kaučuk (u lill-predeċessur tagħha Kaučuk Group) fl-esportazzjoni li saret bejn l-1991 sat-28 ta’ Frar 2003. Dejjem skont id-deċiżjoni kkontestata, sa mill-1996 Tavorex irrappreżentat lil Kaučuk fil-laqgħat tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika (premessa 49 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Skont id-deċiżjoni kkontestata, Stomil irrappreżentat lill-produttriċi Pollakka Chemical Company Dwory S.A. (iktar ’il quddiem “Dwory”) fl-attivitajiet tagħha ta’ esportazzjoni għal madwar 30 sena, sa mill-inqas is-sena 2001. Dejjem skont id-deċiżjoni kkontestata, Stomil irrappreżentat lil Dwory, bejn l-1997 u l-2000, fil-laqgħat tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika (premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Il-perijodu kkunsidrat għat-tul tal-ksur japplika mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002 (għal Bayer, Eni u Polimeri), mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-31 ta’ Mejju 1999 (għal Shell Petroleum, Shell Nederland u Shell Nederland Chemie), mill-1 ta’ Lulju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002 (għal Dow Chemical), mill-1 ta’ Lulju 1996 sas-27 Novembru 2001 (għal Dow Deutschland), mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-28 ta’ Novembru 2002 (għal Unipetrol u Kaučuk), mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-22 ta’ Frar 2000 (għal Stomil), mit-22 ta’ Frar 2001 sat-28 ta’ Frar 2002 (għal Dow Deutschland Anlagengesellschaft) u mis-26 ta’ Novembru 2001 sat-28 ta’ Novembru 2002 (għal Dow Europe) (premessi 476 sa 485 u l-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Il-gomma butadiene (iktar ’il quddiem il-“GB”) u l-gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni (iktar ’il quddiem, il-“GSB”) huma gomom sintetiċi li jintużaw essenzjalment fil-produzzjoni ta’ tajers. Dawn iż-żewġ prodotti huma reċiprokament sostitwibbli u jistgħu jiġu ssostitwiti wkoll b’gomom sintetiċi oħra kif ukoll b’gomma naturali (premessi 3 sa 6 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Minbarra l-produtturi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, hemm produtturi oħra li jinsabu fl-Asja u fil-Lvant tal-Ewropa li biegħu kwantitajiet limitati ta’ GB u GSB fit-territorju taż-ŻEE. Barra minn hekk, parti kbira mill-GB hija prodotta direttament mill-produtturi l-kbar tat-tajers (premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Fl-20 ta’ Diċembru 2002, Bayer ikkuntattjat lid-dipartimenti tal-Kummissjoni u esprimiet xewqitha li tikkoopera skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem, l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni”), fir-rigward tal-GB u tal-GSB. Għal dak li jirrigwarda l-GSB, Bayer ipprovdiet dikjarazzjoni orali li tiddeskrivi kif jaħdem l-akkordju. Din id-dikjarazzjoni orali ġiet irrekordjata fuq kasett (premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Fl-14 ta’ Jannar 2003, Bayer ipprovdiet dikjarazzjoni orali li tiddeskrivi kif jaħdem l-akkordju għal dak li jirrigwarda l-GB. Din id-dikjarazzjoni orali ġiet irrekordjata fuq kasett. Bayer ipprovdiet ukoll il-minuti tal-laqgħat tal-kumitat GB tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika (premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Fil-5 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni nnotifikat lil Bayer bid-deċiżjoni tagħha li tagħtiha l-immunità kundizzjonali mill-multi (premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Fis-27 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni għamlet żjara ta’ verifika, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli 85 [81 KE] u 86 [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3) fil-bini ta’ Dow Deutschland & Co. (premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Bejn ix-xahar ta’ Settembru 2003 u x-xahar ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni bagħtet lill-impriżi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata diversi talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) (premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Fis-16 ta’ Ottubru 2003, Dow Deutschland u Dow Deutschland & Co. iltaqgħu mad-dipartimenti tal-Kummissjoni u esprimew xewqithom li jikkooperaw skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni. F’dik il-laqgħa, saret preżentazzjoni orali ta’ kif jaħdem l-akkordju għall-GB u għall-GSB. Din il-preżentazzjoni orali ġiet irrekordjata. Infetaħ ukoll fajl li fih iddaħħlu dokumenti li jirrigwardaw l-akkordju (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Fl-4 ta’ Marzu 2005, Dow Deutschland ġiet informata bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkonċedilha tnaqqis fil-multa ta’ bejn wieħed u ieħor 30 sa 50 % (premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Fis-7 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura u bagħtet l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata – ħlief għal Unipetrol – kif ukoll lil Dwory. L-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet adottata wkoll fil-konfront ta’ Tavorex, iżda ma ġietx notifikata lilha, inkwantu Tavorex kienet ilha falluta mix-xahar ta’ Ottubru 2004. Il-proċedura li kienet tikkonċernaha għaldaqstant ingħalqet (premessi 49 u 74 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      L-impriżi kkonċernati ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub dwar din l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata). Huma kellhom ukoll aċċess għall-fajl, fil-forma ta’ CD-ROM, u għad-dikjarazzjonijiet orali u għad-dokumenti relatati magħhom fl-uffiċċji tal-Kummissjoni (premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Fit-3 ta’ Novembru 2005, il-Manufacture française des pneumatiques Michelin (iktar ’il quddiem, “Michelin”) talbet li tintervjeni. Hija ppreżentat kummenti bil-miktub fit-13 ta’ Jannar 2006 (premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Fis-6 ta’ April 2006, il-Kummissjoni adottat it-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward l-impriżi kkonċernati ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub (premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Fit-12 ta’ Mejju 2006, Michelin ippreżentat ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 [KE] sa 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81) (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      Fit-22 ta’ Ġunju 2006, l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, ħlief għal Stomil, kif ukoll Michelin, ħadu sehem fis-seduta quddiem il-Kummissjoni (premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Fin-nuqqas ta’ provi suffiċjenti dwar il-parteċipazzjoni ta’ Dwory fl-akkordju, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħlaq il-proċedura fil-konfront tagħha (premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tagħlaq il-proċedura fil-konfront ta’ Syndial (premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Barra minn hekk, għalkemm inizjalment kienu ntużaw żewġ numri ta’ każijiet differenti (wieħed għall-GB u l-ieħor għall-GSB) (COMP/E-1/38.637 u COMP/E-1/38.638), il-Kummissjoni użat, wara l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, numru uniku (COMP/F/38.638) (premessi 90 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Fid-29 ta’ Novembru 2006, il-proċedura amministrattiva wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mill-Kummissjoni.

27      Skont l-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, l-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE, billi pparteċipaw, fil-perijodi indikati, fi ftehim wieħed u kontinwu li fil-kuntest tiegħu huma ftehmu li jiffissaw il-miri ta’ prezzijiet, li jaqsmu l-klijenti permezz ta’ ftehim ta’ nuqqas ta’ aggressjoni u jiskambjaw informazzjoni sensittiva dwar prezzijiet, kompetituri u klijenti fis-setturi tal-GB u tal-GSB:

a)      Bayer, mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002;

b)      Dow Chemical, mill-1 ta’ Lulju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002; Dow Deutschland, mill-1 ta’ Lulju 1996 sas-27 ta’ Novembru 2001; Dow Deutschland Anlagengesellschaft, mit-22 ta’ Frar 2001 sat-28 ta’ Frar 2002; Dow Europe, mis-26 ta’ Novembru 2001 sat-28 ta’ Novembru 2002;

ċ)      Eni, mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002; Polimeri, mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002;

d)      Shell Petroleum, mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-31 ta’ Mejju 1999; Shell Nederland, mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-31 ta’ Mejju 1999; Shell Nederland Chemie, mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-31 ta’ Mejju 1999;

e)      Unipetrol, mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-28 ta’ Novembru 2002; Kaučuk, mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-28 ta’ Novembru 2002;

f)      Stomil, mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-22 ta’ Frar 2000.

28      Abbażi tal-konstatazzjonijiet fattwali u tal-evalwazzjonijiet legali mwettqa fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq l-impriżi kkonċernati multi li l-ammont tagħhom ġie kkalkulat skont il-metodoloġija esposta fil-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem, il-“linji gwida”), kif ukoll fl-Avviż dwar il-kooperazzjoni.

29      L-Artikolu 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jimponi l-multi li ġejjin:

a)      Bayer: EUR 0;

b)      Dow Chemical: EUR 64.575 miljun, li minnhom:

i)       EUR 60.27 miljun, in solidum ma’ Dow Deutschland;

ii)      EUR 47 355 miljun, in solidum ma’ Dow Deutschland Anlagengesellschaft u Dow Europe;

ċ)      Eni u Polimeri, in solidum: EUR 272.25 miljun;

d)      Shell Petroleum, Shell Nederland u Shell Nederland Chemie, in solidum: EUR 160 875 miljun;

e)      Unipetrol u Kaučuk, in solidum: EUR 17.55 miljun;

f)      Stomil: EUR 3.8 miljun.

30      L-Artikolu 3 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jordna lill-impriżi elenkati fl-Artikolu 1 li immedjatament itemmu l-ksur deskritt f’dan l-istess artikolu, jekk huma ma għamlux dan diġà, u li ma jirrepetu l-ebda att jew aġir deskritt fl-Artikolu 1, jew xi att jew aġir li jkollu effett jew għan ekwivalenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

31      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’ Istanza (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) fis-16 ta’ Frar 2007, Eni ppreżentat din il-kawża.

32      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2009, N. Wahl ġie nnominat biex jikkompleta l-Awla sussegwentement għall-impediment ta’ wieħed mill-membri tagħha.

33      Abbażi tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L‑Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

34      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din stiednet lill-partijiet iwieġbu għal ċerti mistoqsijiet u biex jipprovdulha ċerti dokumenti. Il-partijiet wieġbu għal dawn it-talbiet fit-termini mogħtija.

35      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Ottubru 2009.

36      Eni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, inkwantu timputalha r-responsabbiltà għall-aġir li huwa s-suġġett tal-multa inkwistjoni;

–        sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas il-multa li ġiet imposta fuqha skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

37      Il‑Kummissjoni titlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil Eni għall-ispejjeż.

 Id-dritt

38      Eni tinvoka żewġ motivi insostenn tat-talbiet tagħha. Permezz tal-ewwel motiv tagħha, Eni tikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni imputatilha r-responsabbiltà tal-ksur. Permezz tat-tieni motiv tagħha, Eni ssostni li l-Kummissjoni ffissat l-ammont tal-multa b’mod żbaljat.

A –  Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-imputazzjoni illegali tal-ksur lil Eni

39      Eni tindika li, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li kumpannija parent tkun 100 % proprjetarja tal-kapital ta’ kumpannija oħra jwassal għall-preżunzjoni li l-kumpannija parent għandha influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha, ħaġa li teskludi li din ikollha awtonomija vera biex tistabbilixxi l-politika kummerċjali tagħha stess. F’dak il-każ, skont l-interpretazzjoni li Eni tat lid-deċiżjoni kkontestata, l-oneru tal-prova jinqaleb, fejn l-impriża kkonċernata jkollha għalhekk turi li l-preżunzjoni bbażata fuq il-kontroll tal-kapital kollu ma hijiex fondata.

40      L-ewwel motiv ta’ Eni jinqasam f’erba’ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, Eni ssostni li l-Kummissjoni applikat kriterju żbaljat ta’ evalwazzjoni tar-responsabbiltà ta’ kumpannija parent. Fil-kuntest tat-tieni parti, Eni ssostni li l-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat responsabbiltà oġġettiva għal dak li jikkonċernaha. Fil-kuntest tat-tielet parti, Eni tindika li hija pprovdiet, waqt il-proċedura amministrattiva, elementi li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li hija ma kinitx influwenzat il-politika kummerċjali ta’ Syndial/Polimeri. Fil-kuntest tar-raba’ parti, Eni tafferma li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tar-responsabbiltà limitata tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju u l-prinċipji komuni fir-rigward tar-responsabbiltà.

a)     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet għall-imputabbiltà tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

41      Filwaqt li indikat li l-oneru ta’ prova li kien hemm ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni jaqa’ fuq il-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, u l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003), Eni ssostni li l-approċċ adottat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jmur kontra l-ġurisprudenza u l-prattika tagħha stess.

42      Fir-rigward tal-ġurisprudenza, filwaqt li tirreferi fl-ewwel lok għas-sentenzi mogħtija fil-kawża Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni mill-Qorti Ġenerali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, T‑354/94, Ġabra p. II‑2111) u, fl-appell, mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, iktar ’il quddiem, is-“sentenza Stora”), Eni ssostni li dawn is-sentenzi jikkonfermaw il-prinċipju li jistabbilixxi li r-responsabbiltà għall-aġir ta’ sussidjarja tista’ tiġi imputata lill-kumpannija parent tagħha biss jekk is-sussidjarja ma tistabbilixxix b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija parent (sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-fatt biss li kumpannija tkun proprjetarja tal-kapital ta’ kumpannija oħra ma jistax iwassal biex hija tkun responsabbli għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza Stora, iċċitata iktar ’il fuq). Eni tirreferi wkoll għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo ppreżentati fis-sentenza Stora, iċċitata iktar ’il fuq (Ġabra p. I‑9928), li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet segwiet. F’dik il-kawża, l-aġir tar-rikorrenti waqt il-proċedura amministrattiva u l-parteċipazzjoni ta’ diversi kumpanniji mill-grupp Stora fl-akkordju, ippermettew li jiġi konkluż li l-fatt li Stora kienet 100 % proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarji tagħha kien biżżejjed biex tiġi imputata lilha r-responsabbiltà tal-aġir tagħhom. Minn dan Eni tikkonkludi li huma biss ċirkustanzi partikolari ħafna, u fi kwalunkwe każ, supplimentari, li jippermettu li titqies bħala li ġiet stabbilita r-responsabbiltà tal-kumpannija kap tal-grupp, mingħajr ma huma neċessarji investigazzjonijiet oħra biex jiġi verifikat jekk hija eżerċitatx effettivament xi influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha li jikser l-Artikolu 81 KE.

43      Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal konklużjonijiet simili f’kawżi oħra li fihom qamet kwistjoni analoga. Eni tagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il‑Kummissjoni (C‑196/99 P, Ġabra p. I‑11005) u tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425). Dawn is-sentenzi, għalkemm jikkonċernaw kumpanniji sister, huma rilevanti inkwantu jikkonfermaw li, biex jiġi konkluż liema persuna ġuridika hija responsabbli fi ħdan il-grupp, il-Kummissjoni għandha tanalizza fid-dettall ir-relazzjonijiet kollha eżistenti bejn l-impriżi ta’ dak il-grupp. Eni tirreferi wkoll għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, Ġabra p. I‑289). B’kuntrast ma’ dak li ssostni l-Kummissjoni, din is-sentenza ma hijiex kontra l-pożizzjoni ta’ Eni. Fil-fatt, hija tikkonferma li s-sempliċi fatt li kumpannija tkun proprjetarja tal-kapital kollu ta’ kumpannija oħra ma jfissirx li hija għandha influwenza effettiva fuq il-ġestjoni.

44      Lanqas il-Qorti Ġenerali ma ddeċidiet li l-fatt li kumpannija parent tkun 100 % proprjetarja tal-kapital ta’ kumpannija li tkun materjalment wettqet il-ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni ma jippermetti, minnu nnifsu, li jiġġustifika li l-kumpannija parent tinżamm responsabbli, jekk ma jkunx hemm elementi oħra tali li juru li din tkun eżerċitat effettivament is-setgħat li hija għandha bis-saħħa tas-sehem li hija għandha fil-kumpannija. Eni ssemmi, f’dan ir-rigward, diversi “indizji” li jippermettu li jikkonfermaw il-preżunzjoni li toħroġ mill-fatt li kumpannija tkun proprjetarja tal-kapital, liema indizji ġew identifikati mill-Qorti Ġenerali f’ċerti kawżi.

45      Eni tirrikonoxxi li, f’żewġ sentenzi reċenti, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, meta kumpannija parent tkun tikkontrolla 100 % mis-sussidjarja tagħha li tkun ħatja ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur, teżisti preżunzjoni konfutabbli fis-sens li l-imsemmija kumpannija parent teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha u li, għaldaqstant, hija l-kumpannija parent li għandha tirribatti din il-preżunzjoni billi tipproduċi provi li jkunu jistgħu juru l-awtonomija tas-sussidjarja tagħha (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il‑Kummissjoni, T‑314/01, Ġabra p. II‑3085, u Akzo Nobel vs Il‑Kummissjoni, T‑330/01, Ġabra p. II‑3389). Madankollu, il-qari ddettaljat ta’ dawn iż-żewġ sentenzi juri li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimputaw lill-kumpanniji parent ir-responsabbiltà għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq mis-sussidjarji tagħhom tqiesu li huma legali, fuq dan il-punt, biss peress li kienu bbażati fuq serje ta’ provi iktar preċiżi, li Eni tirrileva li jmorru lil hinn mis-sempliċi pussess tal-kapital.

46      Fir-rigward tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni (T‑43/02, Ġabra p. II‑3435), li ssemmiet mill-Kummissjoni fl-iskritturi tagħha, il-kwistjoni tal-preżunzjoni tar-responsabbiltà ġiet ittrattata hemmhekk b’mod inċidentali biss u bil-għan biss li jiġi affermat li din ma tapplikax f’dak il-każ. Barra minn hekk, Eni tenfasizza li l-kumpannija parent Jungbunzlauer Holding AG ma kinitx implikata fil-ksur sanzjonat, minkejja li kienet proprjetarja tal-kapital kollu tar-rikorrenti f’dik il-kawża u ta’ Jungbunzlauer GmbH.

47      Minn dan, Eni tikkonkludi li, fid-dawl b’mod partikolari tas-sentenza Avebe vs Il‑Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, l-eventwali preżunzjoni ta’ “influwenza deċiżiva” tal-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha li tkun 100 % proprjetà tagħha, tista’ tiġi kontemplata biss jekk il-pussess tal-kapital kollu jkun akkumpanjat b’“indizji suffiċjentement importanti”. Fi kwalunkwe każ, il-kumpannija kkonċernata jkollha dejjem il-possibbiltà li “[t]irribatt[i] din il-preżunzjoni billi matul il-proċedura amministrattiva [t]ipprovd[i] lill-Kummissjoni [bi ]prov[i] suffiċjenti” (sentenza Akzo Nobel vs Il‑Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq.

48      L-approċċ adottat minn Eni kien ġie kkonfermat, barra minn hekk, fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il‑Kummissjoni (T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, Ġabra p. II‑947). Din is-sentenza tafferma, espliċitament, li t-teżi tal-Kummissjoni fejn tgħid li s-sempliċi preżunzjoni bbażata fuq il-pussess tal-kapital kollu tippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-kumpannija parent ma hijiex legalment fondata. Il-pussess ta’ 100 % mill-kapital jista’, ċertament, jikkostitwixxi indizju ta’ influwenza determinanti, iżda ma huwiex biżżejjed minnu nnifsu biex iservi ta’ prova tal-istess. Skont din is-sentenza, fil-fatt, f’dak il-każ, jibqa’ meħtieġ li jiġu prodotti iktar provi fir-rigward tar-rata ta’ parteċipazzjoni.

49      Fir-rigward tal-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, Eni tirrileva li, sakemm ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Jannar 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E‑1/37.773 – AMCA, iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni AMCA”), ir-responsabbiltà ta’ kumpannija għall-ksur tal-Artikolu 81 KE qatt ma ġiet ikkonstatata minħabba s-sempliċi fatt tal-kontroll eżerċitat fuq kumpannija oħra. Fin-nuqqas ta’ elementi oħra, il-Kummissjoni la imputat u lanqas estendiet ir-responsabbiltà għall-kumpannija li kienet il-kap tal-grupp.

50      Eni tirreferi, b’mod partikolari, għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E‑1/38.240 – Tubi industrijali) (miġbura fil-qosor fil-ĠU 2004, L 125, p. 50), u għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Ottubru 2004 (Każ COMP/C.38.238/B.2 – Tabakk mhux maħdum – Spanja) u tal-20 ta’ Ottubru 2005 (Każ COMP/C.38.281/B.2 – Tabakk mhux maħdum – l-Italja), dwar proċeduri skont l-Artikolu 81 KE. Eni tfakkar it-tagħlim li hija tislet minn dawn id-deċiżjonijiet, li kienu ġew eżaminati fid-dettall waqt it-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

51      Minn dawn id-deċiżjonijiet jirriżulta li l-prattika tal-Kummissjoni kienet, mingħajr dubju – tal-inqas sal-2005 –, li ma tagħtix importanza deċiżiva għall-pussess, min-naħa ta’ kumpannija parent, tal-kapital kollu ta’ impriża li tkun ipparteċipat materjalment fi ksur, biex tistabbilixxi l-influwenza li hija kellha fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Is-sehem ta’ 100 % jew ta’ kważi 100 % “itaffi” l-oneru tal-prova li l-Kummissjoni trid tipproduċi, iżda qatt ma jneħħieh kompletament. Eni ssemmi, sussegwentement, il-provi li l-Kummissjoni tathom importanza partikolari fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet oħra. Ebda prova minn dawn ma teżisti fir-rabtiet li jgħaqqdu lil Eni u Polimeri jew Syndial.

52      Barra minn hekk, Eni tindika li taf bil-ġurisprudenza li tevita, fl-applikazzjoni tal-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, kull kontestazzjoni bbażata fuq il-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni. Madankollu, il-Qorti Ġenerali indikat li, anki fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (f’dak il-każ, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17) għal kull każ, il-Kummissjoni hija obbligata li tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt, fosthom il-prinċipju tat-trattament ugwali, kif interpretat mill-qrati Komunitarji (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni T‑59/02, Ġabra p. II‑3627). Is-setgħa diskrezzjonali li l-Kummissjoni teżerċita hija xorta waħda limitata permezz tal-osservanza tal-prinċipji fundamentali. Barra minn hekk, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn l-iffissar tal-ammont tal-multa, fejn il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali, u l-identifikazzjoni tal-persuna jew persuni suġġetti għad-dritt responsabbli għal ksur. F’dan l-aħħar każ, il-Kummissjoni ma għandhiex setgħa diskrezzjonali. Dan huwa kkonfermat mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott ippreżentati fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et (C‑280/06, Ġabra p. I‑10893, I‑10896). Għaldaqstant hija ma tistax tinvoka tali setgħa biex tinjora l-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha. Fl-aħħar nett, Eni tirrileva li l-bdil fil-prattika tal-Kummissjoni ma huwiex akkumpanjat bil-motivazzjoni xierqa u speċifika li hija meħtieġa meta l-istituzzjoni tkun trid titbiegħed minn prattika preċedenti stabbilita. Eni ssostni li tali motivazzjoni kienet meħtieġa b’mod partikolari f’dan il-każ, fejn din il-linja ġdida twassal biex timputa r-responsabbiltà lil persuni suġġetti għad-dritt li bl-ebda mod ma pparteċipaw fil-ksur issanzjonat (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 1994, AWS Benelux vs Il‑Kummissjoni, T‑38/92, Ġabra p. II‑211).

53      Bħala konklużjoni, Eni ssostni li, inkwantu l-Kummissjoni tistrieħ biss fuq il-preżunzjoni tal-influwenza determinanti li hija eżerċitat fuq Polimeri minħabba l-pussess li hija għandha ta’ 100 % mill-kapital ta’ din tal-aħħar, biex timputalha r-responsabbiltà għall-aġir akkużat, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji dwar ir-responsabbiltà tal-kumpanniji parent għall-ksur imwettaq mis-sussidjarji tagħhom, kif iddefinixxiethom il-ġurisprudenza Komunitarja fir-rigward tal-Artikoli 81 KE u 82 KE u l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, li titfa’ fuq il-Kummissjoni l-oneru li tipprova l-ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni.

54      Fir-rigward tal-“elementi l-oħra” li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, u li ġew invokati mill-Kummissjoni fl-iskritturi tagħha, Eni tindika l-ewwel nett li r-rapporti ġerarkiċi li ssemmew kienu jeżistu u kienu limitati għas-sussidjarji tagħha, mingħajr ma jaffettwaw lill-kumpanniji iktar ’il fuq fil-ġerarkija. Il-Kummissjoni llimitat ruħha biex tirrileva li l-kumpannija parent kellha prerogattivi ordinarji li jirrigwardaw il-ħatra tal-bord tad-diretturi. Għaldaqstant ma kienx hemm element distint ta’ kontroll. Imbagħad, lanqas il-fatt li Eni ma neħħiet qatt l-attivitajiet tagħha fis-settur kimiku ma jikkostitwixxi tali element. Wara kollox, din l-affermazzjoni, li ma tagħmilx sens, ma tinsabx fid-deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-“organizzazzjoni sistematika mill-ġdid” imsemmija mill-Kummissjoni, din issemmiet fid-deċiżjoni kkontestata biex tikkontesta r-rilevanza ta’ punt imressaq minn Eni stess. Barra minn hekk, din l-organizzazzjoni mill-ġdid turi li l-attivitajiet mhux essenzjali, fosthom il-kimika, baqgħu jsiru fi ħdan kumpanniji distinti, u dan b’kuntrast għal setturi oħra.

55      Il-Kummissjoni titlob li din l-ewwel parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda. Hija ssostni, essenzjalment, li, meta kumpannija parent tkun 100 % proprjetarja tal-kapital ta’ sussidjarja, ikun hemm preżunzjoni li l-kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

56      Il-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni kkontestata, li kumpannija parent tista’ titqies li hija responsabbli għall-aġir illegali ta’ sussidjarja jekk din tal-aħħar ma tiddeċidix b’mod awtonomu fuq l-aġir tagħha fis-suq. Il-Kummissjoni tirreferi, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, għall-kunċett ta’ impriża fid-dritt tal-kompetizzjoni (premessi 333 u 334 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tindika, ukoll, li hija tista’ tippreżumi li sussidjarja li tkun 100 % proprjetà ta’ kumpannija parent tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija parent tagħha mingħajr ma jkollha tivverifika jekk dik il-kumpannija parent eżerċitatx effettivament din is-setgħa. Hija dik il-kumpannija parent jew is-sussidjarja tagħha li għandha tirribatti din il-preżunzjoni billi tipproduċi provi li juru li s-sussidjarja ddeċidiet b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq minflok ma applikat l-istruzzjonijiet tal-kumpannija parent tagħha, b’mod li huma evitaw li jiġi applikat il-kunċett ta’ impriża (premessa 335 tad-deċiżjoni kkontestata).

57      Sussegwentement, il-Kummissjoni tindika li EniChem SpA hija responsabbli għall-parteċipazzjoni diretta tagħha fil-ksur. Hija tippreċiża li l-attività ta’ Eni fir-rigward tal-prodotti kkonċernati kienet inizjalment żgurata minn EniChem Elastomeri Srl, li hija kkontrollata indirettament minn Eni, permezz tas-sussidjarja tagħha EniChem SpA. Kif tfakkar fil-punt 4 iktar ’il fuq, fl-1 ta’ Novembru 2007, EniChem Elastomeri ġiet amalgamata ma’ EniChem SpA. Eni kienet tikkontrolla 99.97 % minn EniChem SpA. Fl-1 ta’ Jannar 2002, EniChem SpA ttrasferiet l-attività kimika strateġika tagħha (inkluża l-attività marbuta mal-GB u mal-GSB) lis-sussidjarja tagħha, Polimeri, li hija proprjetà tagħha fil-100 %. Eni bdiet tikkontrolla direttament u kompletament lil Polimeri fil-21 ta’ Ottubru 2002. B’effett mill-1 ta’ Mejju 2003, EniChem SpA biddlet isimha għal Syndial (premessi 26 sa 32 u 365 sa 367 tad-deċiżjoni kkontestata).

58      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrileva li Eni kienet tikkontrolla, direttament jew indirettament, kważi 100 % mill-kapital ta’ EniChem Elastomeri, ta’ EniChem SpA, ta’ Syndial u ta’ Polimeri, fejn diversi elementi jikkonfermaw, fil-fehma tagħha, li wieħed seta’ jippreżumi li Eni kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarji tagħha. Barra minn hekk, filwaqt li fakkret, b’mod partikolari, li Polimeri kienet reġgħet bdiet bl-attività kimika strateġika ta’ EniChem SpA mill-1 ta’ Jannar 2002 u li kien hemm riskju serju li, fil-mument tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, Syndial ma jibqalhiex attiv biżżejjed biex tħallas il-multa, il-Kummissjoni kkunsidrat li Polimeri kellha tinżamm responsabbli għall-aġir ta’ Syndial u ddeċidiet li ma tindirizzax id-deċiżjoni kkontestata lil Syndial. Il-Kummissjoni kkonkludiet minn dan li d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi indirizzata lil Polimeri u lil Eni, li kellhom jinżammu responsabbli in solidum tal-ksur (premessi 365 sa 401 tad-deċiżjoni kkontestata).

59      L-ewwel parti tal-ewwel motiv imqajjem minn Eni hija bbażata, essenzjalment, fuq il-premessa legali li ma teżistix preżunzjoni li kumpannija parent li tkun 100 % proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarja tagħha teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tagħha.

60      Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward, li d-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni jirrigwarda l-attivitajiet tal-impriżi u li l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-kunċett ta’ impriża, impoġġi f’dak il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija komposta minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Meta entità ekonomika bħal din tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur. Il-ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni għandu inekwivokament jiġi imputat lil persuna ġuridika li fil-konfront tagħha jkunu jistgħu jiġu imposti multi u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tkun indirizzata lil din il-persuna. Jeħtieġ ukoll li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tindika wkoll f’liema kwalità l-persuna ġuridika tkun qiegħda tiġi akkużata bil-fatti allegati (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punti 54 sa 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta din tal-ewwel, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, ma tiddeterminax awtonomament l-aġir tagħha fis-suq iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi. Fil-fatt, dan l-argument huwa validu għaliex, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, impriża waħda, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija qabel. Għaldaqstant, il-fatt li kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża waħda jippermetti li l-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 60 iktar ’il fuq, punti 58 u 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent tkun 100 % proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kumpannija parent hija proprjetarja tal-kapital kollu tas-sussidjarja sabiex jitqies li din tal-ewwel teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din tal-aħħar. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tirribatti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq. Għalkemm huwa minnu li fil-punti 28 u 29 tas-sentenza Stora, punt 42 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet, minbarra l-proprjetà ta’ 100 % tal-kapital tas-sussidjarja, ċirkustanzi oħra, bħan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-influwenza li l-kumpannija parent teżerċita fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha u r-rappreżentazzjoni komuni taż-żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat dawn iċ-ċirkustanzi biss bl-għan li tesponi l-elementi kollha li fuqhom il-Qorti Ġenerali kienet ibbażat ir-raġunament tagħha u mhux sabiex tissuġġetta l-implementazzjoni tal-preżunzjoni msemmija qabel għall-produzzjoni ta’ indizji supplimentari fir-rigward tal-fatt li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat influwenza (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 60 iktar ’il fuq, punti 60 sa 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni Eni, teżisti preżunzjoni konfutabbli li kumpannija parent li tkun 100 % proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarja tagħha teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tagħha. Il-premessa legali ta’ Eni hija għaldaqstant żbaljata.

64      Fir-rigward tal-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni msemmija minn Eni, u inkwantu din tal-aħħar tinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, għandu jitfakkar l-ewwel nett li, għall-motivi msemmija fil-punti 60 sa 62 iktar ’il fuq, l-aġir ta’ sussidjarja li tikser ir-regoli ta’ kompetizzjoni jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent. Imbagħad, għandu jiġi rrilevat li l-imputazzjoni tal-ksur lill-kumpannija parent hija fakultà li titħalla għad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Bank der österreichischen Sparkassen vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 82, u tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 331). F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt biss li l-Kummissjoni ddeċidiet, fil-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha, li ċ-ċirkustanzi ta’ kawża ma kinux jiġġustifikaw li l-aġir ta’ sussidjarja jiġi imputat lill-kumpannija parent tagħha ma jfissirx li hija obbligata li tagħmel l-istess evalwazzjoni f’deċiżjoni sussegwenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, magħrufa bħala “PVC II”, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 990). Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jitfakkar li, meta impriża tkun kisret l-Artikolu 81(1) KE, hija ma tistax tevita kull sanzjoni minħabba li operatur ekonomiku ieħor ma ġiex impost multa, anki jekk il-Qorti Ġenerali ma għandhiex is-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar quddiemha (ara s-sentenza PVC II, iċċitata iktar ’il fuq, punt 1237, u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Inkwantu, bl-argumenti tagħha dwar il-prattika deċiżjonali preċedenti, Eni tinvoka ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-elementi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata (imsemmija fil-punti 56 sa 58 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni pprovdiet motivazzjoni suffiċjenti tar-raġunijiet li għalihom hija kienet iddeċidiet li timputa lil Eni l-aġir tas-sussidjarji tagħha.

66      Fl-aħħar nett, inkwantu, bl-argumenti tagħha dwar il-prattika deċiżjonali preċedenti, Eni tinvoka l-ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, għandu jitfakkar li l-prattika tal-Kummissjoni, kif tirriżulta mill-każ ineżami, hija bbażata fuq interpretazzjoni preċiża tal-Artikolu 81(1) KE. Il-prinċipju taċ-ċertezza legali ma jistax, għaldaqstant, jostakola l-orjentazzjoni mill-ġdid tal-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni, T‑99/04, Ġabra p. II‑1501, punt 163).

67      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-ewwel parti tal-ewwel motiv imqajjem minn Eni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)     Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-applikazzjoni żbaljata tar-responsabbiltà oġġettiva

 L-argumenti tal-partijiet

68      Skont Eni, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tmur lil hinn mis-sempliċi preżunzjoni ta’ imputabbiltà lill-kumpannija parent tal-ksur possibbli mwettaq mis-sussidjarji tagħha li huma 100 % proprjetà tagħha u tasal biex tikkontempla r-responsabbiltà oġġettiva pura u sempliċi tal-kumpannija parent, stabbilita bi preżunzjoni inkonfutabbli. Dan l-approċċ imur kontra kemm l-Artikolu 81 KE kif ukoll il-prinċipji ġenerali tal-individwalità tar-responsabbiltà u tal-pieni.

69      Eni tenfasizza, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni affermat li, fil-prinċipju, l-elementi għar-rifjut imressqa kienu essenzjalment irrilevanti. Din il-pożizzjoni turi li l-portata tad-deċiżjoni kkontestata hija li toħloq responsabbiltà inkonfutabbli. Il-Kummissjoni ddeċidiet, għaldaqstant, li n-nuqqas ta’ mogħdija ta’ informazzjoni bejn is-sussidjarji u l-kumpannija parent, in-nuqqas ta’ struzzjonijiet reċiproċi bejn id-diversi kumpanniji tal-grupp, il-fatt li Eni kienet topera bħala sempliċi kumpannija holding finanzjarja fir-rigward tal-impriżi tas-settur tal-kimika kif ukoll il-kwistjoni tal-għarfien li kellha l-kumpannija kap tal-grupp fir-rigward tal-ksur possibbli tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq mis-sussidjarji tagħha, kienu irrilevanti.

70      Il-fatt li Eni ħatret “direttament jew indirettament”, “il-parti l-kbira mill-membri tal-bord tad-diretturi, jekk mhux kollha” fi ħdan is-sussidjarji tagħha jikkostitwixxi, f’għajnejn il-Kummissjoni, l-element suffiċjenti minnu nnifsu biex tiddeċiedi li l-ksur preżunt tar-regoli ta’ kompetizzjoni mwettaq minn Syndial/Polimeri kien imputabbli lilha. Madankollu, il-pussess (jew anki il-parti l-kbira biss) tal-kapital jimplika naturalment tali setgħa. Għaldaqstant, Eni ma tarax liema tista’ tkun il-prova kuntrarja li tista’ tirribatti din il-preżunzjoni.

71      Id-Deċiżjoni AMCA (ara l-punt 49 iktar ’il fuq), li tanalizza Eni, turi radikalizzazzjoni tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li trendi r-responsabbiltà tal-kumpanniji parent bħala responsabbiltà oġġettiva. Dan jikkostitwixxi ksur tal-prinċipji fundamentali tal-individwalità tar-responsabbiltà u tal-pieni, peress li r-responsabbiltà tal-kumpannija parent tkun ibbażata fuq is-sempliċi pussess ta’ sehem fil-persuni ġuridiċi distinti. Minn dan isegwi wkoll ksur tal-prinċipju tal-legalità stess.

72      Ċertament, il-prinċipju tar-responsabbiltà personali għandu jkun aġġustat meta jiġi applikat fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva u meta jkunu involuti persuni ġuridiċi, li fil-konfront tagħhom ma huwiex possibbli li wieħed jitkellem fuq intenzjoni li jiksru l-liġi stricto sensu. Madankollu, anki l-entitajiet kollettivi huma “kapaċi li jiksru r-regoli li għalihom huma suġġetti”, bil-“konsegwenza li evidentement wieħed ma jistax jimputalhom il-ksur li huma ma wettqux” (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer ippreżentati fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, I‑133). Bħalma l-ġurisprudenza kkonfermat diversi drabi, ma hemmx dubju li, fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll fid-dawl tan-natura u l-grad ta’ severità tas-sanzjonijiet marbutin magħhom, ir-responsabbiltà għat-twettiq ta’ dan il-ksur hija ta’ natura personali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125) u li persuna ġuridika tista’ tiġi sanzjonata biss għal dawk il-fatti li huma speċifikament imputati lilha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 2005, ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni, C‑65/02 P u C‑73/02 P, Ġabra p. I‑6773). Il-Qorti Ġenerali fakkret dawn il-prinċipji fis-sentenzi tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni (T‑279/02, Ġabra p. II‑897), u tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il‑Kummissjoni (T‑304/02, Ġabra p. II‑1887). L-identifikazzjoni tal-persuna li lilha huwa imputabbli ksur ma tista’ qatt ma tagħtix każ in-natura personali tar-responsabbiltà, li għandha tkun bilfors marbuta, konsegwentement, mar-rwol li l-impriża destinatarja tad-deċiżjoni kellha fis-settur ta’ attività milquta bl-akkordju. Minn dan jirriżulta li l-oriġini tar-responsabbiltà fil-qasam tal-kompetizzjoni ma hijiex il-pussess ta’ ishma mill-kapital, iżda r-responsabbiltà għall-ġestjoni.

73      Fl-aħħar nett, Eni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni tafferma li l-mogħdija ta’ informazzjoni bejn is-sussidjarja u l-kumpannija parent ma humiex importanti mentri, barra minn hekk, hija kompliet ukoll b’analiżi dettaljata ta’ din il-mogħdija ta’ informazzjoni u tal-obbligi li għandhom il-persuni li pparteċipaw materjalment fl-allegat aġir antikompetittiv. Barra minn hekk, ir-riżultat ta’ din l-analiżi ma huwiex konklużiv, peress li ma wasalx sa Eni (premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, fid-dawl tan-natura ġdida tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-bażi għar-responsabbiltà għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, din il-motivazzjoni superfiċjali ma tidhirx li hija konformi mal-Artikolu 253 KE. Eni tindika f’dan ir-rigward li, “meta hija titbiegħed ħafna mid-deċiżjonijiet preċedenti, hija l-Kummissjoni li għandha l-obbligu li tiżviluppa r-raġunament tagħha b’mod espliċitu” (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1975, Groupement des fabricants de papiers peints de Belgique et vs Il‑Kummissjoni, 73/74, Ġabra p. 1491).

74      Il-Kummissjoni titlob li t-tieni parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda. Hija ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata ma tużax l-applikazzjoni ta’ responsabbiltà oġġettiva.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

75      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, Eni titlaq mill-premessa li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, stabbilixxiet preżunzjoni inkonfutabbli tar-responsabbiltà tal-kumpannija parent għall-atti tas-sussidjarji li huma 100 % proprjetà tagħha.

76      Issa, din il-premessa hija żbaljata.

77      Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar li hija setgħet tippreżumi li sussidjarja 100 % proprjetà tal-kumpannija parent kienet tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija mill-kumpannija parent tagħha, mingħajr ma għandha tivverifika jekk il-kumpannija parent kinitx effettivament eżerċitat dik is-setgħa, u li kienet il-kumpannija parent jew is-sussidjarja tagħha li kellhom jirribattu din il-preżunzjoni. Il-Kummissjoni ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li setgħu jiġu prodotti provi biex jintwera li s-sussidjarja kienet stabbilixxiet b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq minflok applikat l-istruzzjonijiet tal-kumpannija parent tagħha, b’mod li huma evitaw li jiġi applikat il-kunċett ta’ “impriża” (premessa 335 tad-deċiżjoni kkontestata).

78      Minn dan jirriżulta li, b’kuntrast għal dak li ssostni Eni, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx preżunjoni inkonfutabbli fid-deċiżjoni kkontestata. Il-fatt li l-Kummissjoni, fil-premessi 383 sa 394 tad-deċiżjoni kkontestata, ċaħdet l-argumenti mressqa minn Eni biex tirribatti l-preżunzjoni li toħroġ mill-kontroll li hija għandha ta’ 100 % fis-sussidjarji tagħha ma jwassalx biex irendi l-preżunzjoni msemmija bħala inkonfutabbli. Il-Kummissjoni esprimiet biss il-pożizzjoni tagħha fejn qalet li l-argumenti mressqa minn Eni ma kinux jippermettu li tinqaleb din il-preżunzjoni. Dan ma jipprekludix lil Eni, kif għamlet ukoll fil-kuntest tat-tielet parti ta’ dan il-motiv, milli tikkontesta l-pożizzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

79      Minn dan jirriżulta wkoll li l-argument dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni mressaq minn Eni f’dan ir-rigward huwa infondat.

80      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, it-tieni parti tal-ewwel motiv imqajjem minn Eni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 ċ) Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żball fl-analiżi tal-elementi mressqa minn Eni

 L-argumenti tal-partijiet

81      Filwaqt li tikkontesta t-teżi tal-Kummissjoni dwar il-preżunzjoni li kellha kontriha, Eni ssostni li hija invokat, waqt il-proċedura amministrattiva, sensiela strutturata ta’ data u informazzjoni tali li juru li l-kumpanniji tal-grupp li joperaw fis-settur tal-kimika aġixxew b’mod awtonomu.

82      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-analiżi tal-mogħdija ta’ informazzjoni bejn il-kumpanniji tal-grupp, il-Kummissjoni kkonkludiet li “r-relazzjonijiet ta’ dipendenza bejn id-diversi persuni responsabbli għall-attivitajiet marbutin mal-[GB/GSB kienu wasslu] direttament għall-[president-direttur ġenerali (PDG)] ta’ EniChem SpA u ta’ Polimeri” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-mogħdija ta’ informazzjoni ma tippermetti bl-ebda mod li wieħed jasal sa Eni. Fil-fatt, il-Kummissjoni rnexxielha tasal sal-bord tad-diretturi tal-kumpanniji operazzjonali b’mod indirett biss u permezz ta’ deskrizzjoni artifiċjali. Eni tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata u tippreċiża li s-sitwazzjoni hekk deskritta tirrifletti l-organizzazzjoni interna normali ta’ kumpannija kummerċjali kwalunkwe. Madankollu ma tirriżulta ebda indikazzjoni fir-rigward tal-livell li fih id-diversi deċiżjonijiet jittieħdu fi ħdan il-kumpannija operazzjonali inkwistjoni. Is-sitwazzjoni preżenti hija sostanzjalment differenti minn dawk li jikkaratterizzaw lill-kawżi l-oħra, fejn il-persuni li kienu materjalment ħadu sehem fil-ksur f’isem is-sussidjarja kellhom obbligi preċiżi li jagħtu kont lill-kumpannija parent. Eni tirreferi, fuq dan il-punt, għal diversi deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. Minn dan l-aspett, ukoll, is-sitwazzjoni ta’ Eni hija differenti minn dik ta’ Dow, ta’ Shell u ta’ Unipetrol.

83      Il-Kummissjoni affermat, mingħajr ma pprovdiet motivazzjoni f’dan ir-rigward, li hija “ma [kellhiex] tipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ mogħdija ta’ informazzjoni biex tapplika l-preżunzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 392 tad-deċiżjoni kkontestata) u li “l-allegazzjoni [ta’ Eni] fejn din qalet li hija injorat [l-aġir antikompetittiv tas-sussidjarji tagħha] kollu ma [kinitx] rilevanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 383 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, il-konstatazzjoni dwar il-mogħdija ta’ informazzjoni bejn il-kumpanniji tal-grupp u, konsegwentement, l-għarfien li l-kumpannija parent għandha tal-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq huwa element rilevanti li jservi biex juri li l-kumpannija kap tal-grupp kienet involuta, fil-fatt, fit-tmexxija tal-attivitajiet tas-sussidjarji tagħha.

84      Barra minn hekk, l-affermazzjoni li “bl-ebda mod ma hu meħtieġ li kumpannija tieħu f’idejha l-ġestjoni ta’ kuljum tal-attivitajiet ta’ sussidjarja biex hija teżerċita influwenza determinanti għall-politika kummerċjali tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata) hija żbaljata, peress li l-“influwenza determinanti” li kumpannija parent teżerċita fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq twassal għal involviment attiv tal-ewwel kumpannija fil-ġestjoni tat-tieni waħda. F’dan il-każ, ebda element ma juri li l-politika kummerċjali u l-għanijiet ta’ Syndial/Polimeri kienu ġew stabbiliti definittivament minn Eni. Din iżżid tgħid li l-Kummissjoni, fl-iskritturi tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, tipprova timminimizza l-importanza ta’ din iċ-ċirkustanza, billi tikkunsidra li dan huwa, jekk xejn, “element supplimentari” li jiżdied mal-preżunzjoni. Dan iwassal madankollu biex jikkonferma n-nuqqas ta’ imputabbiltà lil Eni tar-responsabbiltà tal-ksur.

85      Fit-tieni lok, Eni tindika li waqt il-proċedura amministrattiva sostniet li hija qatt ma kienet direttament attiva fis-settur milqut bil-ksur. Hija enfasizzat ukoll li l-kimika ma kinitx tagħmel parti mill-attività prinċipali tagħha. Hija kkonvertiet, matul is-snin 1990, minn kumpannija holding f’kumpannija operazzjonali, u għaddiet minn proċess kumpless ta’ tqassim tal-attivitajiet f’diversi dipartimenti, fejn l-attivitajiet marbutin mal-kimika ġew esklużi. Barra minn hekk, l-attivitajiet imsemmija kienu ġew razzjonalizzati u dan il-proċess tlesta, matul is-sena 2002, permezz tat-trasferiment lil Polimeri tal-attivitajiet kollha tal-grupp li kienu marbutin mal-kimika. Il-profitti netti ta’ Polimeri, fl-2002, b’mod partikolari fir-rigward tas-settur ikkonċernat, ipparagunati ma’ dawk ta’ Eni għall-istess sena, juru li l-attivitajiet marbutin mal-kimika jirrappreżentaw attivitajiet ta’ importanza żgħira fil-politika industrijali tal-grupp. L-awtonomija tas-settur tal-kimika tinsab ikkonfermata ukoll bir-regoli tal-grupp għat-tmexxija ta’ impriża, li ġew deskritti minn Eni matul il-proċedura amministrattiva. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet dwar l-istrateġiji industrijali tas-sussidjarji jiġu diskussi u adottati fi ħdan id-diversi “dipartimenti operattivi” u d-diversi “diviżjonijiet” ta’ dawn l-impriżi, mingħajr ebda parteċipazzjoni diretta la mill-membri tal-bord tad-diretturi, la mill-president tal-kumpannija operazzjonali u inqas u inqas mil-livelli l-oħra tal-kumpannija parent. Barra minn hekk, l-istatut ta’ Eni u r-regoli tagħha għat-tmexxija ta’ impriża juru li hija għandha, fil-konfront tas-sussidjarji tagħha, rwol ta’ sempliċi koordinatriċi teknika u finanzjarja, u li hija tipprovdilhom l-assistenza finanzjarja meħtieġa. Fir-rigward tal-għajnuna finanzjarja ipotetika mogħtija minn Eni lis-sussidjarji tagħha, li l-Kummissjoni ssemmi fl-iskritturi tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, dawn ma ssemmewx fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, dan l-element ma huwiex rilevanti, peress li kull azzjonist jista’ jipparteċipa fi tranżazzjonijiet finanzjarji li jikkonċernaw kumpannija li fiha huwa jkollu sehem.

86      Filwaqt li tagħmel riferiment għall-premessi 387, 388, 390 u 391 tad-deċiżjoni kkontestata, Eni ssostni li l-Kummissjoni għamlet eżami superfiċjali, jekk mhux manifestament żbaljat, tal-informazzjoni pprovduta matul il-proċedura amministrattiva. Id-deċiżjoni kkontestata tinjora sistematikament kull element li jista’ jdgħajjef il-premessa li minnha telqet il-Kummissjoni, jiġifieri li l-kumpannija li tikkontrolla 100 % mill-kapital ta’ kumpannija oħra għandha dejjem tkun dikjarata li hija responsabbli għall-aġir ta’ din is-sussidjarja.

87      Barra minn hekk, l-affermazzjoni li “d-definizzjoni tal-attività prinċipali u d-deskrizzjoni tar-rwol ta’ kumpannija parent bħala li hija dik ta’ ‘kumpannija holding’ ma jikkostitwixxux argumenti probatorji f’dak li jikkonċerna l-awtonomija effettiva ta’ sussidjarja” tmur kontra l-prattika stabbilita tal-Kummissjoni, li ġiet ikkonfermata reċentement fil-kawża Tabakk mhux maħdum – l-Italja (ara l-punt 50 iktar ’il fuq). Tali trattament differenti, li wara kollox ma huwiex motivat, jikkostitwixxi wkoll ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, prinċipju li l-Kummissjoni hija obbligata li tosserva meta teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha.

88      Eni tirrileva wkoll li, tal-inqas sal-2001, hija ma kellhiex direttament 100 % mill-kapital tal-impriżi attivi fil-produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni tal-GB u tal-GSB u li hija akkwistat il-kapital ta’ Polimeri fil-21 ta’ Ottubru 2002 biss, jiġifieri fil-mument tal-għeluq tal-proċedura amministrattiva. Fir-rigward tal-argument li Eni għamlet “organizzazzjoni permanenti mill-ġdid tal-attivitajiet” tas-sussidjarji, dan ma jżid xejn mat-teżi tal-Kummissjoni.

89      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tirrileva li “n-nuqqas ta’ sovrappożizzjoni fit-tmexxija ma jistax jitqies bħala fattur sinjifikattiv u terġa’ inqas determinanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 393 tad-deċiżjoni kkontestata). Permezz ta’ din l-affermazzjoni, il-Kummissjoni tevita li tieħu pożizzjoni fuq l-elementi mressqa minn Eni matul il-proċedura amministrattiva, li juru li ebda persuna ma eżerċitat simultanjament funzjonijiet ta’ tmexxija fi ħdan il-kumpanniji tas-settur tal-GB u tal-GSB u fi ħdan il-kumpannija parent.

90      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni, fl-iskritturi tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, li, biex tinqaleb il-preżunzjoni li tapplika kontra kumpannija parent li tkun 100 % proprjetarja tal-kapital ta’ sussidjarja li tkun wettqet ksur, irid isir riferiment għaċ-ċirkustanzi partikolari u mhux tas-soltu. Din il-pożizzjoni tikkonferma li, fil-każijiet kollha ta’ parteċipazzjoni fil-kontroll konformi mad-dritt komuni, il-kumpannija parent għandha titqies, minħabba dak il-fatt biss, bħala responsabbli in solidum għall-ksur possibbli tar-regoli ta’ kompetizzjoni min-naħa tas-sussidjarja tagħha. It-teżi tal-Kummissjoni hija estremista u massimalista u tikkontradixxi l-prattika preċedenti tagħha, u twassal għaldaqstant għal trattament mhux ugwali.

91      Bħala konklużjoni, Eni ssostni li l-provi li hija pproduċiet biex turi l-awtonomija tas-sussidjarji tagħha ġew jew eżaminati u miċħuda mingħajr ma ġew evalwati fil-kuntest u fit-totalità tagħhom, jew inkella ġew miċħuda f’termini tant ġenerali li l-motivi għar-rifjut ma jistgħux jinftiehmu. Dan jikkostitwixxi wkoll ksur enormi tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

92      Il-Kummissjoni titlob li t-tielet parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda. Hija ssostni, essenzjalment, li l-elementi mressqa minn Eni ma humiex suffiċjenti biex tinqaleb il-preżunzjoni li teżisti f’dan il-każ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

93      Għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni setgħet tippreżumi li, minħabba l-pussess dirett jew indirett tal-kapital kollu tas-sussidjarji tagħha, Eni kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tagħhom.

94      Għaldaqstant kien l-obbligu ta’ Eni li tirribatti din il-preżunzjoni billi turi li s-sussidjarji msemmija kienu jiddeterminaw il-politika kummerċjali tagħhom b’mod awtonomu, b’mod li ma tikkostitwixxix entità ekonomika waħda magħha u, għaldaqstant, impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

95      B’mod iktar partikolari, kien l-obbligu ta’ Eni li tressaq kull element li jirrigwarda r-rabtiet ta’ organizzazzjoni, ekonomiċi u legali bejnha u bejn il-kumpanniji sussidjarji tagħha u li hija tikkunsidra li huma ta’ natura tali li jipprovaw li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika waħda. Matul l-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali għandha fil-fatt tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jiġu ppreżentati quddiemha, fejn in-natura u l-importanza tagħhom jistgħu jvarjaw skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ eżaminat (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T‑112/05, Ġabra p. II‑5049, punt 65).

96      Fl-ewwel lok, permezz ta’ ċerti argumenti tagħha, Eni ssostni essenzjalment li, fid-dawl tar-rwol li hija ngħatat, b’mod partikolari bl-istatut tagħha, hija ma setgħetx teżerċita influwenza determinanti fuq l-operazzjonijiet kummerċjali tas-sussidjarji tagħha. B’mod partikolari, hija tirrileva li għandha rwol ta’ “sempliċi koordinatriċi teknika u finanzjarja”. Hija qatt ma kienet “direttament attiva fis-settur ikkonċernat”. Ħadd ma eżerċita simultanjament funzjonijiet ta’ tmexxija fi ħdan is-sussidjarji tagħha u fi ħdan Eni. L-għarfien li għandha l-kumpannija parent fir-rigward tal-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq huwa, ukoll, element rilevanti. F’dan il-każ, il-mogħdija ta’ informazzjoni rrilevata mill-Kummissjoni ma kinitx tippermetti li wieħed jasal sa Eni.

97      Għalhekk ma hijiex relazzjoni ta’ istigazzjoni, fir-rigward tal-ksur, bejn il-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja u inqas u inqas ma hija l-implikazzjoni tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda huwa l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens espost iktar ’il fuq li jawtorizza lill-Kummissjoni li tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji. Għaldaqstant, l-imputazzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kumpannija sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha ma teħtieġx il-prova li l-kumpannija parent tinfluwenza l-politika tal-kumpannija sussidjarja tagħha fil-qasam speċifiku li kien is-suġġett tal-ksur (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punti 58 u 83). B’mod partikolari, il-fatt li Eni għandha rwol ta’ sempliċi koordinatriċi teknika u finanzjarja, u li hija tipprovdi lis-sussidjarji tagħha l-assistenza finanzjarja meħtieġa, ma huwiex biżżejjed biex jeskludi li hija teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarji msemmija billi tikkoordina b’mod partikolari l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, kumpannija li tikkoordina b’mod partikolari l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp hija intiża li tikkonsolida l-ishma f’diversi kumpanniji u għandha l-funzjoni li tiżgura l-uniformità fit-tmexxija tagħhom, b’mod partikolari permezz ta’ dan il-kontroll finanzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Arkema vs Il‑Kummissjoni, T‑168/05, Ġabra p. II-180, punt 76).

98      Fir-rigward tal-allegat fatt li l-attivitajiet marbutin mal-kimika għandhom importanza żgħira fil-politika industrijali tal-grupp, dan ma huwiex prova li Eni ħalliet lis-sussidjarji tagħha awtonomija totali biex jistabbilixxu l-aġir tagħhom fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bolloré et vs Il‑Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 144).

99      Fit-tieni lok, għall-finijiet ta’ kompletezza, il-Kummissjoni ssemmi fid-deċiżjoni kkontestata elementi addizzjonali li jippermettu li jiġi kkunsidrat li Eni kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarji tagħha. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tirrileva li r-rabtiet ġerarkiċi jwasslu direttament għall-PDG ta’ EniChem SpA (li saret Syndial) u għal dik ta’ Polimeri. Eni ma tikkontestax din il-konklużjoni, iżda tippreċiża biss li dik kienet organizzazzjoni interna normali ta’ kumpannija kummerċjali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tindika, fil-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-PDG ta’ EniChem SpA (li saret Syndial) u ta’ Polimeri huma responsabbli quddiem il-bord tad-diretturi tagħhom. Issa, dawn il-bordijiet tad-diretturi kienu direttament jew indirettament maħtura minn Eni, ħaġa li hija ma tikkontestax.

100    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-premessi 387, 388, 390 u 391 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat, b’kuntrast ma’ dak li ssostni Eni, li l-Kummissjoni ma għamlitx eżami superfiċjali tal-elementi mressqa matul il-proċedura amministrattiva. Il-Kummissjoni wieġbet preċiżament għall-argumenti ppreżentati minn Eni. Mill-bqija, Eni ma tispjegax kif il-pożizzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward hija “manifestament żbaljata” kif issostni li hija fir-rikors tagħha.

101    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni, l-argumenti ta’ Eni għandhom jiġu miċħuda għall-istess raġunijiet bħal dawk żviluppati fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv u msemmija fil-punti 64 sa 66 iktar ’il fuq.

102    Fil-ħames lok, fir-rigward tal-fatt li Eni ma kellhiex direttament – iżda indirettament – 100 % mill-kapital tal-impriżi attivi fil-produzzjoni tal-GB u tal-GSB, għandu jiġi kkunsidrat li dan l-element ma huwiex tali, minnu nnifsu, li juri li Eni u l-impriżi inkwistjoni ma kinux jifformaw entità ekonomika waħda.

103    Fis-sitt lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, għandu jitfakkar li, fost il-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju fil-proċeduri amministrattivi, hemm b’mod partikolari l-prinċipju msemmi, li miegħu jiżdied l-obbligu tal-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Jannar 1992, La Cinq vs Il‑Kummissjoni, T‑44/90, Ġabra p. II‑1, punt 86, u tal-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il‑Kummissjoni, T‑31/99, Ġabra p. II‑1881, punt 99). Issa, fid-dawl b’mod partikolari tal-elementi msemmija fil-punt 100 iktar ’il fuq, xejn ma jippermetti li jingħad li l-Kummissjoni ma eżaminatx, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi tal-każ ineżami.

104    Jirriżulta minn dawn l-elementi kollha li l-argumenti mressqa fil-kuntest ta’ din il-parti tal-ewwel motiv ma humiex ta’ natura tali li jikkontestaw il-fatt li Eni u s-sussidjarji tagħha setgħu jitqiesu bħala entità ekonomika waħda.

105    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, it-tielet parti tal-ewwel motiv imqajjem minn Eni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 d) Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju tar-responsabbiltà limitata tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju u tal-prinċipji komuni fil-qasam tar-responsabbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

106    Skont Eni, l-azzjoni tal-Kummissjoni hija inkompatibbli mal-prinċipji normalment aċċettati fid-dritt Komunitarju u fid-dritt nazzjonali tal-kumpanniji kif ukoll mal-kriterji ta’ dawn fir-rigward tal-allokazzjoni tar-responsabbiltà, li jikkonfermaw, u għandhom ukoll bħala bażi prinċipali, in-natura totalment personali tar-responsabbiltà msemmija. Il-prinċipju tar-responsabbiltà limitata jikkundizzjona b’mod inevitabbli l-kriterji ta’ imputazzjoni tar-responsabbiltà. Iċ-ċirku ta’ persuni responsabbli għal ksur jew għal att illegali ma jistax jitwessa’ iktar mis-sussidjarja li twettaq materjalment il-fatti, biex jolqot ukoll, b’mod sussidjarju jew indipendenti, lill-kumpannija parent tagħha, u dan abbażi ta’ preżunzjoni inkonfutabbli marbuta mal-istruttura tal-kapital tal-grupp.

107    Il-Kummissjoni kkunsidrat, mingħajr motivazzjoni partikolari, li dawn il-prinċipji ma kinux rilevanti f’dan il-każ, b’mod partikolari peress li jikkonċernaw oqsma legali oħra. Eni tagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, għall-premessa 396 tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, min jinterpreta regola Komunitarja ma jistax arbitrarjament jinjora l-portata u l-implikazzjonijiet ta’ kunċett komuni għall-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri, taħt il-premessa li dak il-prinċipju jaqa’ formalment taħt qasam legali differenti minn dak li fih ikun irid jiġi applikat.

108    Fir-rigward tal-prinċipju tar-responsabbiltà limitata fid-dritt komuni tal-kumpanniji, dan jimplika li l-membri ma humiex responsabbli għall-obbligi tal-kumpannija ħlief sal-limitu tal-kontribuzzjoni tagħhom u li, konsegwentement, il-kumpannija twieġeb għall-obbligi tagħha bil-patrimonju tagħha biss. Fi kliem ieħor, il-membri – kemm jekk ikunu persuni fiżiċi jew, bħal fil-każ ta’ gruppi ta’ kumpanniji, jekk ikunu persuni ġuridiċi – ma jassumu ebda responsabbiltà fil-konfront ta’ terzi. Dan il-prinċipju ġie aċċettat fid-dritt Komunitarju. Eni tirreferi, f’dan ir-rigward, għal diversi direttivi li jirrigwardaw id-dritt tal-kumpanniji.

109    F’dan il-kuntest, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà limitata, is-sempliċi kontroll tal-kumpannija holding, li tkun il-kap tal-grupp, ma jwassalx bilfors, u fuq kollox lanqas awtomatikament, għat-tneħħija tal-awtonomija tad-diversi impriżi li għandhom personalità ġuridika distinta. L-abbandun tal-prinċipju tar-responsabbiltà limitata jiġi aċċettat biss fejn ikun hemm abbuż mill-użu tal-kumpannija, jiġifieri f’każ li jkun hemm numru ta’ indizji konkordanti li juru l-eżistenza ta’ ċentru ta’ interessi wieħed, inkluż fis-sens legali. Dawn il-prinċipji huma rikonoxxuti fl-Istati Uniti, fi Franza u fir-Renju Unit, pajjiżi li fir-rigward tagħhom Eni tagħmel analiżi tal-leġiżlazzjoni applikabbli fid-dritt tal-kumpanniji. Fir-rigward tal-Istati Uniti, Eni tirreferi għal żewġ opinjonijiet miktuba minn esperti. Fil-fehma tagħha, dawn l-opinjonijiet iwasslu biex jikkorroboraw l-argumenti esposti b’mod analitiku fl-ewwel motiv tar-rikors. Dawn l-opinjonijiet ma jikkostitwixxux motiv ġdid jew motiv li ġie espost sommarjament biss.

110    Apparti minn dawn il-prinċipji, li fil-fehma tagħha huma rikonoxxuti fid-dritt tal-Istati Membri, Eni tinvoka wkoll ir-regoli li japplikaw, fid-dritt tal-kompetizzjoni, għas-suċċessjonijiet ta’ impriżi. F’dan ir-rigward, hija l-persuna fiżika jew ġuridika li tmexxi l-impriża kkonċernata fil-mument li fih twettaq il-ksur li, fil-prinċipju, għandha twieġeb għalih, anki jekk, fil-mument li fih ġiet adottata d-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur, l-operat tal-impriża kien taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna oħra. Eni tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il‑Kummissjoni (C‑279/98 P, Ġabra p. I‑9693), SCA Holding vs Il‑Kummissjoni (C‑297/98 P, Ġabra p. I‑10101) u tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Enichem Anic sv Il‑Kummissjoni (T‑6/89, Ġabra p. II‑1623). Dan il-kriterju ta’ kontinwità ekonomika jista’ japplika biss u esklużivament fil-każ fejn il-persuna ġuridika responsabbli mill-operat tal-impriża tkun waqfet teżisti legalment wara t-twettiq tal-ksur (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 72 iktar ’il fuq). Anki f’dan il-każ, dan ma huwiex mekkaniżmu awtomatiku li jistrieh biss fuq ir-rabta strutturali li twassal li tiġi sanzjonata persuna oħra li ma hijiex l-operatur oriġinali, iżda fil-fatt in-neċessitajiet speċifiċi u motivati, u b’mod partikolari dik li jiġu evitati skemi legali li jippermettu li jiġu evitati r-regoli ta’ kompetizzjoni. Fi kliem ieħor, il-kriterju tal-kontinwità ekonomika japplika biss b’mod eċċezzjonali. Fil-fatt, “li wieħed jiffoka fuq l-att u mhux fuq il-persuna li hija l-awtriċi tiegħu, filwaqt li din għadha teżisti u tista’ twieġeb għall-aġir tagħha, imur kontra l-prinċipji tal-ħtija u tal-individwalità tal-pieni” (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer ippreżentati fis-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 72 iktar ’il fuq). Eni tirreferi ukoll għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott ippreżentati fis-sentenza ETI et, punt 52 iktar ’il fuq.

111    Bħala konklużjoni, Eni ssostni li l-fatt li l-ksur tal-Artikolu 81 KE, li hija akkużata bih f’dan il-każ, ikun fondat jew ġustifikat fuq is-sempliċi fatt tal-pussess ta’ sehem ta’ kontroll, fuq applikazzjoni ta’ preżunzjoni inkonfutabbli u mhux kontestabbli, iwassal, b’mod mhux ġustifikat, biex joħloq sors ta’ responsabbiltà oġġettiva, jiġifieri, mingħajr ħtija, u indiretta inkwantu tirrigwarda fatti li l-awtriċi materjali tagħhom hija persuna oħra. Dan iwassal sabiex jiġu ppreġudikati d-drittijiet tad-difiża, kemm minħabba l-inverżjoni tal-oneru tal-prova, kif ukoll minħabba l-limitazzjoni stess fuq il-possibbiltà li tiġi prodotta prova kuntrarja. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata f’dan ir-rigward b’nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li l-Kummissjoni ma tindikax ir-raġunijiet partikolari li wasslu biex jiġi adottat dan l-approċċ.

112    Il-Kummissjoni titlob biex ir-raba’ parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda. Hija tenfasizza, b’mod partikolari, li l-argumenti ta’ Eni diġà ġew miċħuda fil-premessa 396 tad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

113    Ir-raba’parti tal-ewwel motiv imqajjem minn Eni hija bbażata fuq il-premessa li r-responsabbiltà tagħha ġiet ikkonstatata mill-Kummissjoni minħabba s-sempliċi fatt li hija kellha sehem ta’ kontroll, skont preżunzjoni inkonfutabbli u li ma hijiex kontestabbli. Dan iwassal, skont Eni, biex jinħoloq sors ta’ responsabbiltà oġġettiva, jiġifieri mingħajr ħtija, u indiretta.

114    Issa, għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma użatx preżunzjoni inkonfutabbli f’dan il-każ. Eni setgħet għaldaqstant tikkontesta l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur li ġie kkonstatat fil-konfront tagħha, ħaġa li hija għamlet, wara kollox, matul il-proċedura amministrattiva u fil-kuntest tat-tielet parti ta’ dan il-motiv.

115    Minn dan jirriżulta li r-raba’ parti tal-ewwel motiv imqajjem minn Eni hija bbażata fuq premessa żbaljata.

116    Barra minn hekk, għar-raġunijiet esposti fil-punti 60 sa 62 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tista’ timputa lill-kumpannija parent ir-responsabbiltà għal ksur imwettaq minn sussidjarja, sakemm is-sussidjarja msemmija ma tiddeċidix b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq. F’dan il-każ, mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-kuntest tal-ewwel tliet partijiet ta’ dan il-motiv jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball f’dan ir-rigward.

117    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti mressqa minn Eni li jikkonċernaw ir-regoli li japplikaw, fid-dritt tal-kompetizzjoni, waqt is-suċċessjonijiet ta’ impriżi, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma ineffettivi peress li r-responsabbiltà ta’ Eni, li ġiet ikkonstatata f’dan il-każ mill-Kummissjoni, ma tirriżultax minn sitwazzjoni bħal din. Jekk wieħed jippreżumi li, bl-argumenti tagħha, Eni tikkontesta fil-fatt ir-responsabbiltà li ġiet ikkonstatata fir-rigward tagħha għall-ksur imwettaq minn EniChem SpA (li saret Syndial), anki jekk Syndial ma hijiex id-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, dawn għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li essenzjalment issostni Eni, meta żewġ entitajiet jikkostitwixxu entità ekonomika waħda, il-fatt illi l-entità li tkun wettqet il-ksur tkun għadha teżisti ma jeskludix, minnu nnifsu, li tiġi ssanzjonata l-entità li lilha ttrasferiet l-attivitajiet ekonomiċi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 72 iktar ’il fuq, punti 355 sa 358, u s-sentenza Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 132). B’mod partikolari, tali implementazzjoni tas-sanzjoni hija ammissibbli meta dawn l-entitajiet kienu taħt il-kontroll tal-istess persuna u, fid-dawl tar-rabtiet stretti li jgħaqqduhom fuq livell ekonomiku u organizzattiv, applikaw fil-biċċa l-kbira l-istess direttivi kummerċjali (sentenza ETI et, punt 52 iktar ’il fuq, punt 49). F’dan il-każ, huwa paċifiku li, waqt l-aġir li jikkostitwixxi ksur tagħhom, EniChem SpA u Polimeri kienu kompletament proprjetà, direttament jew indirettament, tal-istess kumpannija, jiġifieri ta’ Eni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prinċipju tar-responsabbiltà personali ma jipprekludix li s-sanzjoni għall-ksur imwettaq, fl-ewwel lok, minn EniChem SpA u segwit, sussegwentement, minn Polimeri tkun imposta kollha kemm hi fuq din tal-aħħar, kif ġie stabbilit fil-premessi 369 sa 373 tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ETI et, punt 52 iktar ’il fuq, punt 51). Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt li Eni kienet il-kumpannija parent ta’ EniChem SpA u ta’ Polimeri, ma kien hemm xejn li jipprekludi li l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ dawn l-impriżi, inkluż dak li jirriżulta mit-trasferiment tal-attivitajiet ta’ EniChem SpA (li saret Syndial), jiġi imputat lil Eni, minkejja li Syndial ma hijiex id-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata.

118    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-raba’ parti tal-ewwel motiv imqajjem minn Eni għandha tiġi miċħuda bħala infondata, u għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-ewwel motiv kollu kemm hu.

2.     Fuq it-tieni motiv, imqajjem sussidjarjament, ibbażat fuq l-iffissar illegali tal-ammont tal-multa

119    Sussidjarjament, Eni ssostni li l-multa li ġiet imposta fuqha in solidum ma’ Polimeri għandha tiġi annullata jew, tal-inqas, imnaqqsa b’mod sinjifikattiv, peress li l-ammont tagħha ġie ffissat b’mod illegali.

120    It-tieni motiv ta’ Eni jinqasam fi tliet partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, hija tikkontesta l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv. Fil-kuntest tat-tieni parti, hija ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkonstatat iċ-ċirkustanza aggravanti marbuta mar-reċidiva f’dan il-każ. Fil-kuntest tat-tielet parti, hija ssostni li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-esklużjoni ta’ Syndial meta kkalkulat il-multa.

a)     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-applikazzjoni żbaljata ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv

 L-argumenti tal-partijiet

121    Fl-ewwel lok, Eni tenfasizza li, bil-fatt li ffissat l-ammont inizjali tal-multa skont il-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni biss in-natura tal-ksur, u injorat kompletament l-effetti reali tiegħu fuq is-suq. Eni tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-premessa 462 tad-deċiżjoni kkontestata.

122    Madankollu, il-partijiet fil-proċedura amministrattiva pprovdew elementi li jippermettu li jiġu evalwati l-effetti tal-ksur. B’mod partikolari, Syndial sostniet li l-impriżi li pparteċipaw fl-allegat akkordju kellhom biss sehem limitat mis-suq kollu tal-GB (30 %) u tal-GSB (40 %).

123    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li huwa diffiċli li jiġi sostnut li l-eventwali ftehim bejn l-impriżi kkonċernati seta’ kellu impatt sinjifikattiv fuq il-prezzijiet. Il-Kummissjoni injorat din l-informazzjoni fil-kuntest tat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Anki jekk jiġi aċċettat li l-linji gwida jawtorizzaw lill-Kummissjoni biex ma tikkalkulax l-effetti tal-ksur, xorta waħda jibqa’ l-fatt li hija kellha teħodhom inkunsiderazzjoni biex tevalwa l-gravità tal-ksur, kif mill-bqija tikkonfermah il-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni u l-ġurisprudenza (sentenza Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 72 iktar ’il fuq).

124    Fit-tieni lok, biex tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità tal-awturi tal-ksur li jippreġudikaw effettivament il-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni u jiżguraw “effett suffiċjentement dissważiv” tal-multa, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-bejgħ tal-GB u tal-GSB tal-impriżi kkonċernati (premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll fuq id-dħul mill-bejgħ globali tal-gruppi li lilhom jappartjenu l-impriżi msemmija (premessa 474 tad-deċiżjoni kkontestata).

125    Ir-riżultat għal Eni jmur manifestament kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma tieħu inkunsiderazzjoni l-element suġġettiv, jiġifieri l-għarfien dwar in-natura antikompetittiva tal-aġir inkwistjoni, jew ukoll id-daqs u l-kobor tas-suq ikkonċernat, li l-valur globali tiegħu fiż-ŻEE kien, fl-2001, ta’ EUR 550 miljun (premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata).

126    Barra minn hekk, id-daqs tad-dħul mill-bejgħ globali tal-grupp ta’ Eni huwa sopravvalutat, ħaġa li hija projbita mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali. Eni tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni (T‑220/00, Ġabra p. II‑2473). Filwaqt li aċċettat il-kriterju tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp biex jiġi stabbilit l-effett dissważiv, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, sabiex tevita riżultati mekkanistiċi u sproporzjonati, kellu bilfors jittieħed inkunsiderazzjoni l-“piż speċifiku” tal-impriża fis-suq ikkonċernat mill-ksur. Issa, kif diġà ntwera fil-kuntest tal-ewwel motiv, u kif inhu kkonfermat mid-deċiżjoni kkontestata, l-attivitajiet tas-settur tal-kimika ma kienu qatt parti mill-attività prinċipali ta’ Eni. Għaldaqstant, bil-fatt li ħadet inkunsiderazzjoni biss id-dħul mill-bejgħ globali tal-grupp u bil-fatt li applikat, konsegwentement, koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ tnejn għall-ammont tal-multa b’għan dissważiv, il-Kummissjoni imponiet fuq Eni multa eċċessiva u sproporzjonata.

127    Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda. Hija tikkunsidra, essenzjalment, li hija ma wettqitx żball fid-deċiżjoni dwar il-gravità tal-ksur.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

128    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, minkejja t-titolu tal-ewwel parti tat-tieni motiv, Eni tikkontesta, fil-fatt, il-konstatazzjoni tal-gravità tal-ksur, ħaġa li hija kkonfermat waqt is-seduta.

129    Il-gravità tal-ksur għandha tkun stabbilita abbażi ta’ numru kbir ta’ elementi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom obbligatorjament jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 465, u Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 241).

130    Fost l-elementi ta’ natura li jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur hemm l-aġir ta’ kull impriża, ir-rwol li kull waħda minnhom kellha fil-konklużjoni tal-akkordju, il-profitt li huma setgħu jieħdu minnu, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Komunità (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punt 130 u l-ġurisprudenza ċċitata).

131    Barra minn hekk, il-linji gwida jipprovdu, b’mod partikolari, li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura nfisha tal-ksur, l-impatt reali tiegħu fis-suq meta dan jista’ jkun ikkalkulat u d-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat. Il-ksur huwa għalhekk ikklassifikat fi tliet kategoriji, li jippermetti li ssir distinzjoni bejn il-ksur ftit serju, il-ksur serju u l-ksur serju ħafna (l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-punt 1 A tal-linji gwida).

132    Minbarra dan, il-linji gwida jipprovdu li, apparti n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fis-suq u d-daqs ġeografiku tas-suq, jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur biex joħolqu dannu sinjifikattiv lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u li tiġi stabbilita l-multa f’livell li jiggarantixxi effett suffiċjentement dissważiv (ir-raba’ paragrafu tal-Punt 1 A tal-linji gwida).

133    Is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi fuq l-impriżi li, intenzjonalment jew b’negliġenza, iwettqu ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE tikkostitwixxi waħda mis-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni bl-għan li tippermettilha li twettaq il-missjoni ta’ sorveljenza li jagħtiha d-dritt Komunitarju, missjoni li tinkludi l-obbligu li ssegwi politika ġenerali bl-għan li tapplika fir-rigward tal-kompetizzjoni l-prinċipji stabbiliti mit-Trattat u torjenta f’dan is-sens l-aġir tal-impriżi. Konsegwentement, sabiex tiġi evalwata l-gravità ta’ ksur bl-għan li jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tiżgura n-natura dissważiva tal-azzjoni tagħha, b’mod speċjali għat-tipi ta’ ksur partikolarment dannużi għat-twettiq tal-għanijiet tal-Komunità (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punti 105 u 106; sentenzi tal-Qorti Ġenerali ABB Asea Brown Boveri vs Il‑Kummissjoni, punt 103 iktar ’il fuq, punt 166, u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 169).

134    Dan jitlob li l-ammont tal-multa jiġi aġġustat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt mixtieq fuq l-impriża li fuqha din tiġi imposta, u dan sabiex il-multa ma ssirx bla effett, jew għall-kuntrarju eċċessiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża inkwistjoni, skont ir-rekwiżiti bbażati, minn naħa, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-multa u, min-naħa l-oħra, fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Impriża ta’ daqs kbir, li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha riżorsi finanzjarji kunsiderevoli meta pparagunata ma’ dawk tal-membri l-oħra tal-akkordju, tista’ timmobilizza iktar faċilment il-fondi meħtieġa għall-ħlas tal-multa tagħha, li jiġġustifika, bil-għan li jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti, l-impożizzjoni, b’mod partikolari bl-applikazzjoni ta’ multiplikatur, ta’ multa proporzjonalment iktar għolja minn dik li jissanzjona l-istess ksur imwettaq minn impriża li ma jkollhiex dawn ir-riżorsi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punti 241 u 243; ara wkoll is-sentenzi ABB Asea Brown Boveri vs Il‑Kummissjoni, punt 103 iktar ’il fuq, punt 170, u tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il‑Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punt 235).

135    Għandu jingħad ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, b’mod partikolari, ir-rilevanza tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ kull impriża li tipparteċipa fl-akkordju sabiex tiffissa l-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il‑Kummissjoni, C‑291/98 P, Ġabra p. I‑9991, punti 85 u 86, u tal-14 ta’ Lulju 2005, Acerinox vs Il‑Kummissjoni, C-57/02 P, Ġabra p. I‑6689, punti 74 u 75; ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il‑Kummissjoni, C‑289/04 P, Ġabra p. I‑5859, punt 17).

136    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-għan ta’ dissważjoni li l-Kummissjoni għandha d-dritt li ssegwi fl-iffissar tal-ammont ta’ multa huwa intiż li jiżgura li l-impriżi josservaw ir-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti mit-Trattat għat-tmexxija tan-negozju tagħhom fi ħdan il-Komunità jew fiż-ŻEE. Minn dan isegwi li l-fattur ta’ dissważjoni li jista’ jiġi inkluż fil-kalkolu tal-multa huwa evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, u mhux biss is-sitwazzjoni partikolari tal-impriża kkonċernata. Dan il-prinċipju japplika, b’mod partikolari, meta l-Kummissjoni tkun stabbilixxiet “multiplikatur ta’ dissważjoni” li bih tkun żdiedet il-multa imposta fuq impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Showa Denko vs Il-Kummissjoni, punt 135 iktar ’il fuq, punti 23 u 24).

137    F’dan il-każ, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, indikat li, l-ewwel nett, l-impriżi kkonċernati kienu kkonkludew ftehim li kienu jirrigwardaw miri ta’ prezzijiet kif ukoll fuq it-tqassim tas-suq u kienu skambjaw data kummerċjali sensittiva. Għall-Kummissjoni, dawn il-prattiki huma, min-natura tagħhom, ksur serju ħafna (premessa 461 u l-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, il-Kummissjoni indikat li ma kienx possibbli li jiġi kkwantifikat l-impatt konkret tal-akkordju fis-suq taż-ŻEE. Il-Kummissjoni żiedet ukoll li, anki jekk ma kienx possibbli li jiġi kkwantifikat l-impatt konkret tal-akkordju, il-ftehim inkwistjoni kienu ġew implementati mill-impriżi kkonċernati u għalhekk kellhom effett fis-suq. Il-Kummissjoni kkonkludiet billi ppreċiżat li hija ma tiħux inkunsiderazzjoni l-impatt fis-suq sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-multi (premessa 462 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni rrilevat li l-ksur kien ikopri t-territorju taż-ŻEE kollu (premessa 463 tad-deċiżjoni kkontestata). Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur inkwistjoni seta’ jiġi kklassifikat bħala serju ħafna (premessa 464 tad-deċiżjoni kkontestata).

138    Wara dan kollu, il-Kummissjoni applikat trattament differenti bejn l-impriżi kkonċernati abbażi tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tagħhom li jikkonċerna l-GB u l-GSB għas-sena 2001, l-aħħar sena kompleta tal-ksur, ħlief għal Shell (1998) u Stomil (1999). Il-Kummissjoni kklassifikat l-impriżi kkonċernati f’ħames kategoriji. EniChem tinsab fl-ewwel kategorija (EUR 55 miljun bħala ammont inizjali tal-multa) (premessi 465 sa 473 tad-deċiżjoni kkontestata).

139    Il-Kummissjoni indikat ukoll li, fi ħdan il-kategorija tal-ksur serju ħafna, l-iskala ta’ sanzjonijiet kienet tippermetti li jiġi stabbilit l-ammont tal-multi f’livell li jiżgura natura suffiċjentement dissważiva, u dan filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni d-daqs ta’ kull impriża. Filwaqt li bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ dinji tal-impriżi kkonċernati, li sar fis-sena 2005, il-Kummissjoni rrilevat li kien hemm differenza kbira fid-daqs bejn Kaučuk (EUR 2 718 biljun ta’ dħul mill-bejgħ) u Stomil (EUR 38 miljun ta’ dħul mill-bejgħ), minn naħa, u l-impriżi kkonċernati l-oħra, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari Bayer (EUR 27 383 biljun ta’ dħul mill-bejgħ), jiġifieri l-ewwel waħda mill-impriżi ta’ daqs kbir imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Abbażi ta’ dan, u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kellu jiġi impost ebda koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv fuq Kaučuk u Stomil u, fir-rigward ta’ Bayer, kien xieraq li jiġi applikat koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.5. Fl-aħħar nett, dejjem abbażi ta’ dan u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni imponiet koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.75 lil Dow (EUR 37.221 biljun ta’ dħul mill-bejgħ), ta’ 2 lil EniChem (EUR 73 738 biljun ta’ dħul mill-bejgħ) u ta’ 3 lil Shell (EUR 246 549 biljun ta’ dħul mill-bejgħ) (premessa 474 tad-deċiżjoni kkontestata).

140    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tar-rikors tagħha, Eni ma tikkontestax l-għan li jikkostitwixxi ksur tal-akkordju, kif imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fl-Artikolu 1 tad-dispożittiv. F’dan ir-rigward, mid-deskrizzjoni tal-ksur serju ħafna fil-linji gwida jirriżulta li ftehim jew prattiki miftehma li jirrigwardaw b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, l-iffissar ta’ miri ta’ prezzijiet jew it-tqassim ta’ ishma mis-suq jistgħu, abbażi biss tan-natura tagħhom stess, jiġu kklassifikati bħala “serji ħafna”, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-Kummissjoni turi effett konkret tal-ksur fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 75; ara wkoll, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il‑Kummissjoni, T‑49/02 sa T‑51/02, Ġabra p. II‑3033, punt 178 u tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra p. II‑881, punt 345). Bl-istess mod, hija ġurisprudenza stabbilita li l-akkordji orizzontali fil-qasam tal-prezzijiet jagħmlu parti mill-ksur l-iktar serju tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni u, għaldaqstant, waħidhom jistgħu jiġu kklassifikati bħala serji ħafna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il‑Kummissjoni, T‑202/98, T‑204/98 u T‑207/98, Ġabra p. II‑2035, punt 103, u Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 133 iktar ’il fuq, punt 147).

141    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonstatat li l-prattiki inkwistjoni kienu, min-natura tagħhom, ksur serju ħafna.

142    Fit-tieni lok, fir-rigward tas-sentenza Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 72 iktar ’il fuq, invokata minn Eni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, il-Kummissjoni kienet qieset l-effett konkret tal-akkordju, ħaġa li hija ma għamlitx f’dan il-każ. Għaldaqstant Eni ma tistax tistrieħ fuq is-sentenza Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 72 iktar ’il fuq, biex tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward.

143    Fit-tielet lok, fir-rigward tar-riferiment li għamlet Eni, fl-iskritturi tagħha, għad-daqs tas-suq inkwistjoni, fit-territorju taż-ŻEE, għas-sena 2001 (jiġifieri EUR 550 miljun), jew għas-sehem mis-suq li kellhom l-impriżi kkonċernati, għandu jiġi kkunsidrat li, għalkemm dawn l-elementi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biex tiġi stabbilita l-gravità tal-ksur, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi rilevanti oħra tal-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punt 132 u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, T‑329/01, Ġabra p. II‑3255, punt 102). F’dan il-każ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ksur inkwistjoni huwa intrinsikament serju ħafna u li huwa jkopri t-territorju kollu taż-ŻEE. B’mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat li l-impriżi kkonċernati ftiehmu li jiffissaw il-miri tal-prezzijiet, li jaqsmu l-klijenti permezz ta’ ftehim li ma jidħlux f’kompetizzjoni aggressiva u li jiskambjaw informazzjoni sensittiva dwar il-prezzijiet, dwar il-kompetituri u l-klijenti. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-punt 1 A tal-linji gwida, l-ammont tal-multa maħsub għal ksur serju ħafna huwa ogħla minn EUR 20 miljun. Imbagħad, għandu jiġi rrilevat li l-bejgħ ta’ EniChem għall-prodotti inkwistjoni, fl-2001, jitla’ għal ammont ta’ iktar minn EUR 164 miljun (premessa 468 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, Eni ma tikkontestax li l-ammont tal-multa li tikkonċernaha ma jaqbiżx il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha mwettaq fis-sena kummerċjali preċedenti, kif previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fejn dan il-limitu huwa intiż li jevita li l-impriża kkonċernata titpoġġa fl-impossibbiltà li tħallas il-multa inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 133 iktar ’il fuq, punt 119). Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, l-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa għal EUR 55 miljun, qabel ma jiġi applikat koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv, ma jidhirx li hu sproporzjonat.

144    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-allegat fatt li l-impriżi kkonċernati kellhom biss sehem limitat mis-suq kollu tal-GB u tal-GSB, Eni ppreċiżat, waqt is-seduta, li l-evalwazzjoni tagħha kienet ibbażata fuq suq li jinkludi dawn iż-żewġ prodotti kif ukoll il-gomma naturali, fejn dan l-aħħar prodott ma huwiex imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ta’ Eni f’dan ir-rigward huma ineffettivi.

145    Fil-ħames lok, fir-rigward tan-nuqqas ta’ “għarfien dwar in-natura antikompetittiva”, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata u mill-gravità tal-ksur li EniChem SpA bilfors kellha konjizzjoni tan-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha. Barra minn hekk, għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni imputat, ġustament, ir-responsabbiltà tal-ksur inkwistjoni lil Eni. Għaldaqstant, l-argumenti mressqa minnha għandhom jiġu miċħuda.

146    Fis-sitt lok, fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv, għandu jiġi enfasizzat li r-rabta bejn, minn naħa, id-daqs u r-riżorsi globali tal-impriżi u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jiġi żgurat l-effett dissważiv tal-multa ma jistgħux jiġu kkontestati. Fil-fatt għandu jitfakkar li impriża ta’ daqs kbir, li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha riżorsi finanzjarji kunsiderevoli meta pparagunati ma’ dawk tal-membri l-oħra tal-akkordju, tista’ timmobilizza iktar faċilment il-fondi meħtieġa għall-ħlas tal-multa tagħha (sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 134 iktar ’il fuq, punt 235).

147    Din il-kwistjoni hija differenti minn dik tal-klassifikazzjoni tal-impriżi fi ħdan il-kategorija tal-ksur serji ħafna, klassifikazzjoni li tista’ tirrikjedi li jittieħed inkunsiderazzjoni d-daqs speċifiku tal-impriżi fis-suq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, punt 126 iktar ’il fuq, punti 88 u 89). Għaldaqstant, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball meta ddeċidiet li tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali tal-impriżi fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv.

148    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll id-daqs speċifiku tal-impriżi kkonċernati fis-suq inkwistjoni meta użat l-ammont tal-bejgħ tal-impriżi għall-GB u l-GSB fl-aħħar sena tal-ksur, għall-finijiet biex tiddeċiedi fuq l-ammont tal-multa għall-kategorija tal-ksur serji ħafna.

149    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-ewwel parti tat-tieni motiv imqajjem minn Eni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)     Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq iż-żieda mhux ġustifikata tal-ammont bażiku tal-multa minħabba reċidiva

 L-argumenti tal-partijiet

–       L-argumenti ta’ Eni

150    Filwaqt li tirreferi għall-premessi 487 u 488 tad-deċiżjoni kkontestata, Eni tirrikonoxxi li l-aġir kollużorju sanzjonat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 86/398/KEE, tat-23 ta’ April 1986, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (Każ IV/31.149 – Polypropylene) (ĠU L 230, p. 1, iktar ’il quddiem, id-“Deċiżjoni Polypropylene”), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, 94/599/KE, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (Każ IV/31.865 – PVC) (ĠU L 239, p. 14, iktar ’il quddiem, id-“Deċiżjoni PVC II”), imsemmija mill-Kummissjoni biex tissostanzja r-reċidiva, setgħu jitqiesu li jixbhu lil dawk allegati fid-deċiżjoni kkontestata.

151    Madankollu, il-kundizzjoni suġġettiva tar-reċidiva – jiġifieri l-fatt li l-ksur inkwistjoni twettaq mill-istess impriża – ma hijiex sodisfatta.

152    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, Eni tirrileva li l-attivitajiet inkwistjoni kienu jikkonċernaw prodotti u swieq differenti minn dawk li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata u kienu diġà ġew ittrasferiti għal ċertu żmien qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II.

153    Fit-tieni lok, il-persuni ġuridiċi sanzjonati fid-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II huma differenti minn Eni. L-impriża tal-grupp milquta b’dawn id-deċiżjonijiet hija EniChem SpA, li saret Syndial, jew Anic SpA. Issa, dawn l-impriżi ma humiex destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. Eni ma kienet imdaħħla f’ebda waħda mid-deċiżjonijiet imsemmija mill-Kummissjoni, la bħala parteċipanta attiva fl-akkordji msemmija u lanqas minħabba l-kontroll taż-żewġ kumpanniji tal-grupp.

154    Fit-tielet lok, il-konklużjoni tal-Kummissjoni hija inkompatibbli mal-prinċipju tar-responsabbiltà limitata u tan-natura personali tagħha, inkwantu hija timputa ċirkustanza aggravanti lill-kumpannija parent, minkejja li r-responsabbiltà tal-imsemmija kumpannija ma kinitx ikkonstatata fid-deċiżjonijiet preċedenti. Dan in-nuqqas huwa tant iktar gravi li jaqa’ taħt l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ sanzjoni limitati mill-prinċipju tal-legalità, li l-osservanza tiegħu għandha tiggarantixxi lill-impriżi li s-sanzjonijiet li l-Kummissjoni tkun tista’ timponi fuqhom skont l-Artikolu 81 KE ikunu pjenament prevedibbli. Mill-bqija, l-espressjonijiet vagi u mhux definiti ta’ “ksur simili” u ta’ “l-istess impriża”, użati mill-Kummissjoni, jiżvelaw nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward.

155    Fir-raba’ lok, Eni tikkontesta s-setgħa tal-Kummissjoni li tikkonstata ċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva, u dan indipendentement miż-żmien li għadda bejn il-ksur. Hija tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni (C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331), u għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro ppreżentati fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza (Ġabra p. I‑1337). Hija żżid tgħid li, b’kuntrast mas-sentenza msemmija, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-Kummissjoni kienet debitament ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti, din l-analiżi hija difettuża f’dan il-każ, mingħajr ma mmotivat dan in-nuqqas b’mod adegwat.

–       L-argumenti tal-Kummissjoni

156    Preliminarjament, il-Kummissjoni tirrileva li l-kwistjoni tar-reċidiva kienet tqajmet fit-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mingħajr ma Eni oġġezzjonat, la fir-risposta u lanqas fis-seduta.

157    Fuq il-mertu, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tindika li, peress li d-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni jirrikonoxxi li kumpanniji differenti li jappartjenu lill-istess grupp jikkostitwixxu entità ekonomika waħda, hija setgħet, kieku riedet, timponi l-multa fuq l-istess kumpannija parent fid-deċiżjonijiet preċedenti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssostni li hija setgħet legalment tikkunsidra, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-istess impriża kienet diġà ġiet sanzjonata għall-istess tip ta’ ksur (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il‑Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071). Hija tenfasizza li, fis-sentenza msemmija, il-Qorti Ġenerali approvat l-applikazzjoni ta’ żieda fil-multa minħabba reċidiva, lil kumpannija oħra tal-grupp, b’mod iktar preċiż lil kumpannija sister ta’ dik li kienet ġiet sanzjonata preċedentement. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ reċidiva, fid-dawl tal-għan li huwa għandu, ma jimplikax neċessarjament il-konstatazzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja preċedenti, iżda biss dik ta’ ksur preċedenti (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 133 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, ma tagħmilx differenza li l-Kummissjoni ma imponietx multa lil Eni bħala tali fil-kawżi li wasslu għad-deċiżjonijiet PVC II u Polypropylene. Min-naħa l-oħra, deċiżiv huwa l-fatt li l-kumpanniji destinatarji tad-deċiżjonijiet preċedenti kienu kompletament ikkontrollati minn Eni. Barra minn hekk, ma jistax jiġi aċċettat li l-kumpanniji tal-grupp, li jkunu jikkostitwixxu l-istess impriża, ma jiġux ikklassifikati bħala reċidivi sempliċement minħabba l-istruttura organizzattiva tal-grupp innifsu.

158    Fit-tieni lok, ma huwiex importanti li l-ksur preċedenti kienu jikkonċernaw setturi distinti u li, fil-frattemp, dawn ġew trasferiti lil persuni ġuridiċi oħra. Iż-żieda fil-multa minħabba reċidiva hija bbażata fuq il-fatt li l-konstatazzjoni preċedenti ta’ ksur ma kinitx biżżejjed biex tipprekludi li jkun hemm aġir illegali ġdid min-naħa tal-impriża. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ppreċiżat li huwa obbligu tal-persuna fiżika jew ġuridika li kienet tmexxi lill-impriża inkwistjoni fil-mument meta twettaq il-ksur, li twieġeb għal dan il-ksur, anki jekk, fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li kkonstatat il ksur, l-operat tal-impriża kien tqiegħed taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna oħra (sentenza Cascades vs Il‑Kummissjoni, punt 110 iktar ’il fuq). Dawn il-kriterji għandhom japplikaw fil-qasam ta’ reċidiva.

159    Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 155 iktar ’il fuq, affermat mill-ġdid li reċidiva eventwali tidher fost l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati waqt l-analiżi tal-gravità tal-ksur, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, u li, f’dan il-kuntest, ir-rikorrenti hija dejjem f’pożizzjoni li tipprevedi l-konsegwenzi legali tal-aġir tagħha. L-istess japplika fir-rigward tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, l-applikazzjoni ta’ żieda għar-reċidiva ma tippreġudikax il-prinċipju tal-legalità.

160    Fir-raba’ lok, illum huwa paċifiku li l-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ reċidiva jagħmlu parti mis-setgħa tal-Kummissjoni u din tal-aħħar ma tistax tkun marbuta minn terminu ta’ preskrizzjoni possibbli sabiex twettaq tali konstatazzjoni (sentenza tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 155 iktar ’il fuq). Fi kwalunkwe każ, il-ksur li jirrigwarda l-polypropylene u l-PVC ġew ikkonstatati permezz tad-deċiżjonijiet adottati fl-1986 u l-1994 rispettivament. Huwa perfettament loġiku, normali u xieraq li dawn il-preċedenti jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-każ ta’ ksur ġdid li jkun twettaq wara l-1996. Iż-żmien li għadda bejn iż-żewġ ksur ma huwiex rilevanti minnu nnifsu (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, T‑141/94, Ġabra p. II‑347). Fir-rigward tal-intervall ta’ żmien li għadda bejn id-deċiżjonijiet preċedenti u l-bidu tal-ksur il-ġdid, dan hu daqs, jew anki inqas, minn dak li diġà ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 157 iktar ’il fuq, u tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 155 iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni żżid tgħid li, skont din l-aħħar sentenza, hija “tista’” tieħu inkunsiderazzjoni ż-żmien li għadda wara l-ksur preċedenti bħala li jikkostitwixxi wieħed mill-indizji li jwasslu li jikkonfermaw il-ħsieb li jiġu evitati r-regoli ta’ kompetizzjoni. F’dan il-każ, il-Kummissjoni eżaminat preċiżament din il-kwistjoni fil-premessa 489 tad-deċiżjoni kkontestata u kkonkludiet li r-reċidiva kellha tittieħed inkunsiderazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

161    Il-punt 2 tal-linji gwida jsemmi, bħala eżempju taċ-ċirkustanzi aggravanti, il-“ksur ripetut ta’ l-istess tip magħmul mill-istess impriża(/i)”.

162    Il kunċett ta’ reċidiva, hekk kif jinftiehem f’ċertu numru ta’ ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, jimplika li persuna tkun wettqet ksur ġdid wara li kienet ġiet issanzjonata għal ksur li jixxiebah (sentenzi Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, punt 160 iktar ’il fuq, punt 617, u Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 157 iktar ’il fuq, punt 284).

163    Ir-reċidiva eventwali tidher fost l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati waqt l-analiżi tal-gravità tal-ksur inkwistjoni (sentenzi Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 72 iktar ’il fuq, punt 91, u tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 155 iktar ’il fuq, punt 26).

164    F’dan il-każ, il-Kummissjoni tirrileva, fid-deċiżjoni kkontestata, li EniChem kienet diġà destinatarja ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ akkordju (jiġifieri d-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II). Dan juri li l-ewwel multi ma kinux suffiċjenti biex din l-impriża tbiddel l-aġir tagħha. Minn dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li din ir-reċidiva tikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti li tiġġustifika żieda ta’ 50 % fl-ammont bażiku tal-multa (premessa 487 tad-deċiżjoni kkontestata).

165    Eni ssemmi, b’mod partikolari, il-fatt li hija ma kinitx id-destinatarja tad-deċiżjonijiet preċedenti msemmija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

166    Mill-imsemmija deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, il-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tal-Artikolu 81 KE, għall-finijiet tal-applikazzjoni taċ-ċirkustanza aggravanti marbuta mar-reċidiva, ħaġa li l-Kummissjoni tikkonferma fl-iskritturi tagħha. B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni kkunsidrat, essenzjalment, li l-istess impriża kienet irrepetiet aġir li jikkostitwixxi ksur, u dan anki jekk il-persuni ġuridiċi involuti fil-ksur inkwistjoni ma kinux identiċi. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-kunċett ta’ impriża, fis-sens tal-Artikolu 81 KE, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva legali, din l-unità ekonomika hija komposta minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara s-sentenza ċċitata fil-punt 60 iktar ’il fuq). F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat li, meta l-Kummissjoni tkun trid tinvoka l-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tal-Artikolu 81 KE, hija għandha tipproduċi provi dettaljati u preċiżi li jikkorroboraw l-asserzjoni tagħha.

167    Issa, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni tagħmel riferiment, fil-premessa 487 tad-deċiżjoni kkontestata, għal “EniChem”, b’mod ġenerali, fejn din il-kelma tinsab iddefinita, fil-premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala “kull kumpannija proprjetà ta’ Eni SpA”. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-kelma użata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-reċidiva, hija relattivament impreċiża, tal-inqas fir-rigward tal-persuni ġuridiċi li jikkostitwixxu l-entità ekonomika destinatarja tad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II. Barra minn hekk, anki jekk wieħed jippreżumi li l-persuni ġuridiċi inkwistjoni huma dawk imsemmija fil-premessi 26 sa 35 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi enfasizzat li l-kumpannija li hija destinatarja tad-deċiżjoni Polypropylene, jiġifieri Anic, ma hijiex waħda mill-persuni ġuridiċi msemmija f’dawn il-premessi. Barra minn hekk, il-premessi 26 sa 35 tad-deċiżjoni kkontestata huma intiżi essenzjalment biex jiddeskrivu l-evoluzzjoni tal-kumpanniji proprjetà ta’ Eni matul il-ksur, li seħħ wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II. Dawn il-premessi ma humiex, għaldaqstant, tali li jagħtu informazzjoni ddettaljata u preċiża biżżejjed tal-iżvilupp tal-kumpanniji li kienu proprjetà ta’ Eni qabel il-ksur sanzjonat permezz tad-deċiżjoni kkontestata.

168    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tirreferi, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 262 tad-deċiżjoni kkontestata, għad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II, fejn indikat li “Eni” kienet involuta fid-deċiżjonijiet imsemmija. Għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-kelma “Eni” ma ġietx iddefinita bil-miktub fid-deċiżjoni kkontestata, u dan b’kuntrast ma’ dak li sar fir-rigward tal-kelma “EniChem”. B’mod partikolari, mill-premessi 26 sa 36 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tirreferi għall-kumpannija Eni, bħala l-kumpannija parent tal-kumpanniji l-oħrajn, hija tuża l-kelma “Eni SpA”.

169    Fit-tielet lok, anki jekk wieħed jippreżumi li bl-użu tal-kelma “Eni” fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 262 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għall-kumpanniji li jagħmlu parti mill-“impriża” fis-sens tal-Artikolu 81 KE, kif ikkostitwita mill-persuni ġuridiċi kkontrollati minn Eni, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma pproduċiet ebda prova ddettaljata u preċiża f’dan ir-rigward fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni tillimita ruħha biex tirrileva, fl-iskritturi tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, li Eni kienet tikkontrolla “kompletament” lill-kumpanniji destinatarji tad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II. Issa, apparti l-fatt li din l-affermazzjoni ma hija kkorroborata minn ebda prova, din ma reġgħetx issemmiet fid-deċiżjoni kkontestata.

170    Fir-raba’ lok, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ ineżami, l-iżvilupp tal-istruttura u tal-kontroll tal-kumpanniji kkonċernati huwa partikolarment kumpless. B’mod iktar preċiż, id-deċiżjoni Polypropylene kienet indirizzata lil Anic, mingħajr ma jidher isem Eni fid-deċiżjoni msemmija. Fir-rigward tad-deċiżjoni PVC II, il-Kummissjoni ssemmi fiha, fil-premessa 8, il-fatt li Anic kienet “saret” EniChem SpA u, fil-premessa 43, il-fatt li dan l-iżvilupp kien seħħ minħabba “diversi organizzazzjonijiet mill-ġdid”, mingħajr preċiżazzjonijiet oħra. Iktar minn hekk, anki hemmhekk, isem Eni ma kienx jidher f’din id-deċiżjoni. Għandu jingħad ukoll li, f’din il-kawża, l-attività ta’ Eni fir-rigward tal-prodotti kkonċernati kienet inizjalment żgurata minn EniChem Elastomeri (qabel ma din l-aħħar kumpannija amalgamat f’EniChem SpA fl-1997, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni PVC II) u li l-attivitajiet ta’ EniChem SpA ġew sussegwentement ittrasferiti lil Polimeri, ħaġa li tkompli żżid mal-kumplessità tal-iżvilupp strutturali tal-impriżi kkonċernati. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kellha tkun partikolarment preċiża u tipproduċi l-provi kollha meħtieġa biex tqis lill-kumpanniji destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata u l-kumpanniji destinatarji tad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II bħala li kienu jifformaw l-istess “impriża” fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

171    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma pproduċietx provi ddettaljati u preċiżi biżżejjed li jippermettu li jiġġustifikaw li l-istess “impriża”, fis-sens tal-Artikolu 81 KE, kienet irrepetiet xi aġir illegali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tintlaqa’ u konsegwentement, l-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat, inkwantu jistabbilixxi l-ammont tal-multa imposta fuq Polimeri fl-ammont ta’ EUR 272.25 miljun.

c)     Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żball fil-kalkolu tal-multa, marbut mal-esklużjoni ta’ Syndial

 L-argumenti tal-partijiet

172    Eni tfakkar li, wara li l-ewwel inkludiet lil Syndial fost il-persuni responsabbli għall-ksur, fejn indirizzatilha kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni ddeċidiet madankollu li teskludiha minn fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni mmotivat din l-għażla bil-fatt li kien hemm “riskju serju li malli f’din il-kawża tittieħed u tiġi eżegwita deċiżjoni li timponilha multa, Syndial ma jibqax ikollha attiv biżżejjed biex tħallas il-multa” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata).

173    Issa, il-kriterju adottat mill-Kummissjoni biex teskludi lil Syndial ma huwiex konformi mal-prinċipji li jikkonċernaw is-suċċessjonijiet u t-trasferimenti ta’ impriżi.

174    Filwaqt li tirreferi għall-argumenti żviluppati fil-kuntest tal-ewwel motiv, Eni ssostni li, jekk, wara li kumpannija tiġi trasformata, l-impriża li tkun meqjusa responsabbli tkompli teżisti, hija tibqa’ responsabbli għall-ksur eventwali li hija tkun akkużata bih. L-unika eċċezzjoni għal dan il-prinċipju hija jekk il-persuna ġuridika ma tibqax teżisti. Madankollu, dan ma ġarax f’dan il-każ, peress li – kif tirrileva wkoll id-deċiżjoni kkontestata – Syndial għadha teżisti u ma hiijiex fi proċeduri għal stralċ. Eni żżid tgħid li, bl-imputazzjoni lil Polimeri tar-responsabbiltà tal-allegat aġir antikompetittiv imwettaq minn kumpanniji oħra tal-grupp qabel ma Polimeri daħlet fis-settur tal-kimika, il-Kummissjoni injorat il-fatt li, sa tmiem is-sena 2001, din il-kumpannija kienet impriża komuni li kienet taħt il-kontroll konġunt ta’ Eni u ta’ Union Carbide.

175    L-esklużjoni mhux ġustifikata ta’ Syndial taffettwa l-ammont tal-multa. Eni tirrileva, f’dan ir-rigward, li d-dħul mill-bejgħ globali ta’ Syndial, għas-sena ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kien ta’ EUR 860 miljun u li, f’każ ta’ responsabbiltà in solidum, l-ammont totali tal-multa ma jistax jeċċedi l-10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-“iżgħar impriża”. Hija tirreferi, fuq dan il-punt, għad-duttrina. Għalkemm Syndial ittieħdet inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni taċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva, hija ġiet indebitament eskluża għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limitu fuq l-ammont tal-multa ta’ 10 % previst mil-leġiżlazzjoni. Minn dan jirriżulta li l-ammont totali tal-multa imposta lil Eni jikser l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u jidher li hu r-riżultat ta’ użu ħażin ta’ poter manifest.

176    Il-Kummissjoni titlob li t-tielet parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda. Hija ssostni, b’mod partikolari, li l-esklużjoni ta’ Syndial ma taffettwax l-ammont tal-multa imposta fuq Eni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

177    Il-fatt li multa tiġi imposta in solidum fuq diversi kumpanniji minħabba li huma jikkostitwixxu impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE ma jfissirx li, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-limitu previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, l-obbligu ta’ kull waħda minnhom huwa limitat għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ li hija tkun għamlet matul l-aħħar sena finanzjarja. Fil-fatt, il-limitu ta’ 10 %, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkalkulat abbażi tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-entità ekonomika waħda li taġixxi bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE, peress li huwa biss id-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji li jikkostitwixxu l-impriża li jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tal-impriża inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il‑Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punti 528 u 529 u tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punt 90).

178    Għaldaqstant, anki jekk wieħed jippreżumi li Syndial kienet destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont tal-multa li għall-ħlas tagħha Eni kienet tkun responsabbli in solidum ma kellux ikun limitat għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Syndial. Minn dan jirriżulta li l-argumenti ta’ Eni huma ineffettivi.

179    Barra minn hekk, jekk wieħed jippreżumi li bl-argumenti tagħha, Eni tikkontesta fil-fatt ir-responsabbiltà li ġiet ikkonstatata fil-konfront tagħha għall-ksur imwettaq minn EniChem SpA (li saret Syndial), filwaqt li Syndial ma hijiex destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda għall-istess raġunijiet kif imsemmija fil-punt 117 iktar ’il fuq. Il-fatt li, sa tmiem is-sena 2001, Polimeri kienet impriża komuni li kienet taħt il-kontroll konġunt ta’ Eni u ta’ Union Carbide ma jistax ibiddel din il-konklużjoni, peress li huwa paċifiku li t-trasferiment tal-attivitajiet bejn EniChem SpA (li saret Syndial) u Polimeri seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002.

180    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, it-tielet parti tat-tieni motiv imqajjem minn Eni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

181    Minn dawn ir-raġunijiet kollha jirriżulta li t-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi milqugħa u, konsegwentement għandu jiġi annullat l-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu jiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq Eni għal EUR 272.25 miljun, u għandhom jiġu miċħuda l-kumplament tat-talbiet għal annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata.

B –  Fuq it-talbiet għat-tibdil fl-ammont tal-multa

182    Qabelxejn, għar-raġunijiet esposti fil-punti 166 sa 171 iktar ’il fuq, jeħtieġ li l-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, tibdel l-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata, u dan peress li l-Kummissjoni, biex waslet għall-ammont ta’ EUR 272.25 miljun, ikkonstatat b’mod żbaljat, fil-konfront ta’ Eni, iċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva.

183    Hemm lok, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, sabiex l-ammont tal-multa jiġi stabbilit b’mod xieraq, li l-metodu ta’ kalkolu applikat mill-Kummissjoni għall-bqija, jibqa’ l-istess.

184    L-ammont finali tal-multa imposta fuq Eni huwa stabbilit, għaldaqstant, fl-ammont ta’ EUR 181.5 miljun.

 Fuq l-ispejjeż

185    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż. Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(c) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 5700 finali, tad-29 ta’ Novembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.638 - Gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni), huwa annullat sa fejn jistabbilixxi l-ammont tal-multa imposta fuq Eni SpA għal EUR 272.25 miljun.

2)      L-ammont tal-multa imposta fuq Eni huwa ffissat għal EUR 181.5 miljun.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Dehousse

Wiszniewska-Białecka

Wahl

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Lulju 2011.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

1.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-imputazzjoni illegali tal-ksur lil Eni

a) Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet għall-imputabbiltŕ tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

b) Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-applikazzjoni żbaljata tar-responsabbiltŕ oġġettiva

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

ċ) Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żball fl-analiżi tal-elementi mressqa minn Eni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

d) Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju tar-responsabbiltŕ limitata tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju u tal-prinċipji komuni fil-qasam tar-responsabbiltŕ

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2. Fuq it-tieni motiv, imqajjem sussidjarjament, ibbażat fuq l-iffissar illegali tal-ammont tal-multa

a) Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-applikazzjoni żbaljata ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

b) Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq iż-żieda mhux ġustifikata tal-ammont bażiku tal-multa minħabba reċidiva

L-argumenti tal-partijiet

–  L-argumenti ta’ Eni

–  L-argumenti tal-Kummissjoni

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

c) Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żball fil-kalkolu tal-multa, marbut mal-esklużjoni ta’ Syndial

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

B – Fuq it-talbiet għat-tibdil fl-ammont tal-multa

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.