Language of document : ECLI:EU:C:2014:1195

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

5 ta’ Ġunju 2014 (*)

“Drittijiet tal-awtur — Soċjetà tal-informazzjoni — Direttiva 2001/29/KE — Artikolu 5(1) u (5) — Riproduzzjoni — Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet — Twettiq ta’ kopji ta’ sit tal-internet fuq l-iskrin u fil-cache tal-hard disk waqt il-browsing fuq l-internet — Att temporanju ta’ riproduzzjoni — Att tranżitorju jew inċidentali — Parti integrali u essenzjali ta’ proċess tekniku — Użu legali — Sinjifikat ekonomiku indipendenti”

Fil-Kawża C‑360/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Ġunju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Ġunju 2013, fil-proċedura

Public Relations Consultants Association Ltd

vs

Newspaper Licensing Agency Ltd et,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Safjan, J. Malenovský (Relatur), A. Prechal u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Public Relations Consultants Association Ltd, minn M. Hart, solicitor,

–        għal Newspaper Licensing Agency Ltd et, minn S. Clark, solicitor,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Santoro, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda, bħala aġent.

Wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Public Relations Consultants Association Ltd (iktar ’il quddiem “PRCA”) u Newspaper Licensing Agency Ltd et (iktar ’il quddiem “NLA”) dwar l-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni tad-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur għall-konsultazzjoni ta’ siti tal-internet li tinvolvi t-twettiq ta’ kopji ta’ dawk is-siti fuq l-iskrin tal-kompjuter tal-utent u fil-cache tal-internet tal-hard disk ta’ dak il-kompjuter.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 5, 9, 31 u 33 tad-Direttiva 2001/29 huma redatti kif ġej:

“(5)      L-iżvilupp teknoloġiku kabbar u ddiversifika l-gwidi tal-kreazzjoni, il-produzzjoni u l-isfruttament. Filwaqt li m’huma meħtieġa l-ebda kunċetti ġodda għall-protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, il-liġi preżenti dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tiġi ad[a]ttata u miżjuda biex tirreaġixxi b’mod adekwat għar-realtajiet ekonomiċi bħal forom ġodda ta’ sfruttament.

[...]

(9)      Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. [...]

[...]

(31)      Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utent[i] ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. [...]

[...]

(33)      Id-dritt esklussiv ta’ riproduzzjoni għandu jkun bla ħsara għal eċċezzjoni biex tippermetti ċerti atti ta’ riproduzzjoni temporanj[i], li huma riproduzzjonijiet temporanji jew inċidentali, li jagħmlu parti integrali u essenzali mill-proċess teknoloġiku u mwettaq għal fini unika li tippermetti jew trasmissjoni effiċjenti f’network bejn partijiet terzi permezz ta’ intermedjarju, jew użu legali ta’ xogħol jew suġġett ieħor li għandu jsir. L-atti ta’ riproduzzjoni relatati m’għandu jkollhom l-ebda valur ekonomiku separat għalihom waħedhom. Sa fejn dawn jissodisfaw dawn il-kondizzjonijiet, din l-eċċezzjoni għandha tinkludi atti li bihom jista’ jsir browsing kif ukoll atti ta’ ħażna, inklużi dawk li bihom jagħmluha possibbli għal sistemi ta’ trasmissjoni li jiffunzjonaw b’mod effiċjenti, kemm-il darba li l-intermedjarju ma jimmodifikax l-informazzjoni u ma jfixkilx l-użu legali tat-teknoloġija, rikonoxxuta b’mod wiesgħa u użata mill-industrija, biex jikseb data dwar l-użu ta’ l-informazzjoni. Użu għandu jiġi kkunsidrat legali fejn ikun awtorizzat mid-detentur tad-drittijiet jew ma jkunx ristrett bil-liġi.”

4        L-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

a)      għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom [...]”.

5        Skont l-Artikolu 5(1) u (5) tal-imsemmija direttiva:

“1.      Atti temporanji ta’ riproduzzjoni msemmija fl-Artikolu 2, li huma temporanji jew inċidentali, li huma parti integrali u essenzjali tal-proċess teknoloġiku u li l-iskop uniku tagħhom huwa li jkunu jistgħu jsiru:

a)      trasmissjoni f’network bejn partijiet terzi minn intermedju, jew

b)      użu legali

ta’ xogħol jew suġġett ieħor li għandu jsir, u li ma jkollhom ebda sinifikat ekonomiku indipendenti, għandhom ikunu eżenti mid-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2.

[...]

5.      L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

 Id-dritt tar-Renju Unit

6        L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29 ġie traspost fid-dritt nazzjonali permezz tal-Artikolu 28A tal-Liġi tal-1988 dwar id-Drittijiet tal-Awtur, id-Disinni u l-Privattivi (Copyright, Designs and Patents Act 1988).

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7        PRCA hija organizzazzjoni li tgħaqqad professjonisti tar-relazzjonijiet pubbliċi. Dawn tal-aħħar jagħmlu użu mis-servizz ta’ monitoraġġ tal-mezzi ta’ komunikazzjoni offrut mill-grupp ta’ kumpanniji Meltwater (iktar ’il quddiem “Meltwater”) li jqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom, online, rapporti ta’ monitoraġġ ta’ artikoli tal-istampa ppubblikati fuq l-internet, liema rapporti jitwettqu skont kliem-ċavetta pprovdut mill-klijenti.

8        NLA huwa korp stabbilit mill-edituri ta’ gazzetti fir-Renju Unit bil-għan li jipprovdi liċenzji kollettivi li jikkonċernaw il-kontenut tal-gazzetti.

9        NLA qies li Meltwater u l-klijenti tagħha kellhom jiksbu awtorizzazzjoni tad-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur sabiex jipprovdu u jirċievu s-servizzi ta’ monitoraġġ tal-mezzi ta’ komunikazzjoni rispettivament.

10      Meltwater qabel li jabbona għal liċenzja ta’ database fuq l-Internet. Madankollu, PRCA baqgħet issostni li l-fatt li l-klijenti ta’ Meltwater jirċievu, online, rapporti ta’ monitoraġġ ma kienx jeħtieġ liċenzja.

11      Aditi bil-kawża, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division u l-Court of Appeal (England & Wales) iddeċidew li l-membri ta’ PRCA kellhom jiksbu liċenzja jew kunsens ta’ NLA sabiex jirċievu s-servizz ta’ Meltwater.

12      PRCA appellat din id-deċiżjoni quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom billi sostniet, b’mod partikolari, li l-membri tagħha ma għandhomx bżonn ta’ awtorizzazzjoni tad-detenturi ta’ drittijiet meta kulma dawn jagħmlu huwa li jikkonsultaw ir-rapporti ta’ monitoraġġ fuq is-sit tal-internet ta’ Meltwater.

13      NLA sostna li din l-attività teħtieġ l-awtorizzazzjoni tad-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur, sa fejn il-konsultazzjoni tas-sit tal-internet twassal għat-twettiq ta’ kopji fuq l-iskrin tal-kompjuter tal-utent (iktar ’il quddiem “kopji fuq l-iskrin”) u ta’ kopji fil-“cache” tal-internet tal-hard disk ta’ dak il-kompjuter (iktar ’il quddiem il-“kopji fil-cache”). Issa, dawn il-kopji jikkostitwixxu “riproduzzjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, li ma jaqgħux fl-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 5(1) ta’ dik id-direttiva.

14      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kawża quddiemha tirrigwarda l-punt dwar jekk l-utenti tal-internet, li jikkonsultaw siti tal-internet fuq il-kompjuters tagħhom, mingħajr ma jniżżluhom jew jistampawhom, jippreġudikawx id-drittijiet tal-awtur minħabba t-twettiq ta’ kopji fuq l-iskrin jew kopji fil-cache, sakemm huma ma jkollhomx l-awtorizzazzjoni tad-detenturi ta’ drittijiet li jwettqu tali kopji.

15      F’dan ir-rigward, qabelxejn il-qorti tar-rinviju tindika li, meta utent tal-internet jikkonsulta sit tal-internet fuq il-kompjuter tiegħu, mingħajr ma jniżżlu, il-proċessi tekniċi inkwistjoni jeħtieġu t-twettiq tal-imsemmija kopji. Dan it-twettiq huwa l-konsegwenza awtomatika tal-browsing fuq l-internet u huwa ma jeħtieġ ebda intervent mill-bniedem ħlief id-deċiżjoni li jaċċessa s-sit tal-internet inkwistjoni. Il-kopji fuq l-iskrin u l-kopji fil-cache jinżammu ikkonservati biss għat-tul normali tal-proċessi assoċjati mal-użu tal-internet. Barra minn hekk, it-tħassir ta’ dawn il-kopji ma jeħtieġ ebda intervent mill-bniedem. Ċertament, il-kopji fil-cache jistgħu jitħassru deliberatament mill-utent tal-internet ikkonċernat. Madankollu, jekk huwa ma jagħmilx hekk, dawn il-kopji normalment jiġu ssostitwiti minn kontenuti oħra wara ċertu żmien, li jiddependi mill-kapaċità tal-cache, kif ukoll mill-kobor u mill-frekwenza ta’ użu tal-internet mill-utent tal-internet ikkonċernat.

16      Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-kopja fuq l-iskrin hija parti essenzjali tat-teknoloġija involuta, li mingħajrha s-sit tal-internet ma jistax jiġi kkonsultat, u tibqa’ fuq l-iskrin sakemm l-utent tal-internet jitlaq mis-sit inkwistjoni. Il-cache tal-internet hija karatteristika universali tat-teknoloġija attwali tal-browsing fuq l-internet, li mingħajrha l-internet ma jkunx jista’ jlaħħaq mal-volumi attwali tat-trasmissjoni tad-data online u ma jaħdimx b’mod korrett. It-twettiq ta’ kopji fuq l-iskrin u ta’ kopji fil-cache għaldaqstant huwa indispensabbli għall-funzjonament korrett u effiċjenti tal-proċessi tekniċi involuti fil-browsing fuq l-internet.

17      Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti tenfasizza li, normalment, meta utent tal-internet jagħmel browsing fuq l-internet, huwa ma jfittixx li jagħmel kopja tal-istampa sakemm huwa ma jagħżilx li jniżżilha jew li jistampaha. L-għan tiegħu huwa li jikkonsulta l-kontenut tas-sit internet magħżul. Għaldaqstant, il-kopji fuq l-iskrin u l-kopji fil-cache huma sempliċement il-konsegwenza inċidentali tal-użu tal-kompjuter tiegħu sabiex jikkonsulta sit tal-internet.

18      Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju kkonkludiet li l-kopji fuq l-iskrin u l-kopji fil-cache jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl‑Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29. Madankollu, rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa opportun sabiex jiggarantixxi l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea.

19      F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li hija għandha dubju dwar jekk l-imsemmija kopji humiex temporanji, jekk dawn humiex ta’ natura tranżitorja jew inċidentali u jekk dawn jikkostitwixxux parti integrali mill-proċess tekniku. Għall-kuntrarju, hija tqis li tali kopji neċessarjament jissodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court of the United Kingdom iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“F’ċirkustanzi fejn:

–        utent [finali] jara paġna internet mingħajr ma jniżżel, jistampa jew inkella b’xi mod jagħmel kopja tagħha[;]

–        kopji ta’ dik il-paġna internet isiru b’mod awtomatiku fuq l-iskrin u fil-“cache” tal-internet fil-ħard disk [tal-kompjuter] tal-utent;

–        il-ħolqien ta’ dawk il-kopji huwa indispensabbli għall-proċessi tekniċi involuti għal browsing korrett u effettiv fuq l-internet;

–        il-kopja tal-iskrin tibqa’ fuq l-iskrin sa meta l-utent jitlaq mill-paġna internet ikkonċernata, fejn titħassar b’mod awtomatiku permezz tal-operazzjoni normali tal-kompjuter;

–        il-kopja “cache” tibqa’ fil-cache sakemm tiġi sovraskritta minn materjal ieħor hekk kif l-utent jara iktar paġni internet, meta titħassar b’mod awtomatiku permezz tal-operazzjoni normali tal-kompjuter; u

–        il-kopji jinżammu għal mhux iktar mill-iżvolġiment tal-proċessi komuni assoċjati mal-użu tal-internet li għalihom isir riferiment [fir-raba’ u l-ħames inċiżi];

Tali kopji huma (i) temporanji, (ii) tranżitorji jew inċidentali u (iii) parti integrali u essenzjali tal-proċess teknoloġiku fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29/KE?”

 Fuq id-domanda preliminari

21      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kopji fuq l-iskrin u l-kopji fil-cache, imwettqa minn utent finali waqt il-konsultazzjoni ta’ sit tal-internet, jissodisfawx il-kundizzjonijiet li dawn il-kopji għandhom ikunu temporanji, għandhom ikunu ta’ natura tranżitorja jew inċidentali u jikkostitwixxu parti integrali u essenzjali ta’ proċess tekniku, u, għaldaqstant, jekk dawn il-kopji jistgħux jitwettqu mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

 Osservazzjonijiet preliminari

22      Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29, att ta’ riproduzzjoni jkun eżentat mid-dritt ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva bil-kundizzjoni:

–        li huwa temporanju;

–        li huwa tranżitorju jew inċidentali;

–        li jikkostitwixxi parti integrali u essenzjali ta’ proċess tekniku;

–        li l-għan ta’ dan il-proċess ikun li jippermetti jew trażmissjoni f’netwerk bejn terzi minn intermedjarju jew użu legali ta’ xogħol jew oġġett protett, u

–        li l-imsemmi att ma għandux sinjifikat ekonomiku indipendenti.

23      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjonijiet elenkati hawn fuq għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta, peress li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29 jikkostitwixxi deroga għar-regola ġenerali stabbilita minnha li teħtieġ li d-detentur tad-dritt tal-awtur jawtorizza kull riproduzzjoni tax-xogħol protett tiegħu (sentenzi Infopaq International, C-5/08, EU:C:2009:465, punti 56 u 57, kif ukoll Football Association Premier League et, C-403/08 u C-429/08, EU:C:2011:631, punt 162).

24      Madankollu, mill-istess ġurisprudenza jirriżulta li l-eżenzjoni prevista bl-imsemmija dispożizzjoni għandha tirrendi possibbli u għandha tiżgura l-iżvilupp u l-funzjonament ta’ teknoloġiji ġodda, kif ukoll għandha żżomm bilanċ xieraq bejn id-drittijiet u l-interessi ta’ detenturi ta’ drittijiet u ta’ utenti ta’ xogħlijiet protetti li jixtiequ jibbenefikaw minn dawk it-teknoloġiji (ara s-sentenza Football Association Premier League et, EU:C:2011:631, punt 164).

 Fuq l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29

25      Il-qorti tar-rinviju indikat li l-kopji fuq l-iskrin u l-kopji fil-cache jissodisfaw ir-raba’ u l-ħames kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29, b’mod li l-osservanza tal-ewwel sat-tielet kundizzjonijiet hija s-suġġett tal-preżenti rinviju.

26      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, li tgħid li l-att ta’ riproduzzjoni għandu jkun temporanju, mill-proċess jirriżulta, minn naħa, li l-kopji fuq l-iskrin jitħassru malli l-utent tal-internet jitlaq mis-sit tal-internet ikkonsultat. Min-naħa l-oħra, il-kopji fil-cache normalment jiġu ssostitiwiti awtomatikament minn kontenut ieħor wara ċertu żmien, liema żmien jiddependi mill-kapaċità tal-cache, kif ukoll mill-kobor u mill-frekwenza ta’ użu ta’ internet mill-utent tal-internet ikkonċernat. Minn dan isegwi li dawn il-kopji għandhom natura temporanja.

27      F’dawn il-kundizzjonijiet għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija kopji jissodisfaw l-ewwel kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29.

28      Skont it-tielet kundizzjoni, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, l-atti ta’ riproduzzjoni inkwistjoni għandhom jikkostitwixxu parti integrali u essenzjali ta’ proċess tekniku. Din il-kundizzjoni teħtieġ li żewġ elementi jkunu ssodisfatti b’mod kumulattiv, jiġifieri li, minn naħa, l-atti ta’ riproduzzjoni jitwettqu kompletament fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ proċess tekniku u, min-naħa l-oħra, li t-twettiq ta’ dawn l-atti ta’ riproduzzjoni jkunu neċessarji, fis-sens li l-proċess tekniku ma jkunx jista’ jiffunzjona b’mod korrett u effiċjenti mingħajr dawn l-atti (ara s-sentenza Infopaq International, EU:C:2009:465, punt 61, u d-digriet Infopaq International, C-302/10, EU:C:2012:16, punt 30).

29      Fir-rigward, qabelxejn, l-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ elementi, għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża prinċipali, il-kopji fuq l-iskrin u l-kopji fil-cache jinħolqu u jitħassru bil-proċess tekniku użat għall-konsultazzjoni tas-siti tal-internet, b’mod li dawn jitwettqu totalment fil-kuntest tiegħu.

30      F’dan ir-rigward, ma huwiex rilevanti li l-proċess inwistjoni jingħata bidu mill-utent tal-internet u li dan jingħalaq b’att temporanju ta’ riproduzzjoni bħalma hija l-kopja fuq l-iskrin.

31      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li billi l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29 ma jipreċiżax f’liema stadju tal-proċess tekniku għandhom jintervjenu l-atti temporanji ta’ riproduzzjoni, ma jistax jiġi eskluż li tali atti jagħtu bidu jew jagħlqu dan il-proċess (digriet Infopaq International, EU:C:2012:16, punt 31).

32      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-imsemmija dispożizzjoni ma tipprekludix li l-proċess tekniku jinvolvi intervent mill-bniedem u, b’mod partikolari, li dan jingħata bidu jew jinġieb fi tmiemu b’mod manwali (ara, f’dan is-sens, id-digriet Infopaq International, EU:C:2012:16, punt 32).

33      Minn dan isegwi li l-kopji fuq l-iskrin u l-kopji fil-cache għandhom jitqiesu bħala li jagħmlu parti integrali mill-proċess tekniku inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

34      Fir-rigward, sussegwentement, tat-tieni wieħed mill-elementi msemmija fil-punt 28 tal-preżenti sentenza, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, anki jekk il-proċess inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jiġi implementat mingħajr l-intervent tal-atti ta’ riproduzzjoni kkonċernati, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, f’dan il-każ, l-imsemmi proċess ma jistax jiffunzjona b’mod korrett u effiċjenti.

35      Fil-fatt, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-kopji fil-cache jiffaċilitaw b’mod kunsiderevoli l-browsing fuq l-internet, peress li mingħajr dawn il-kopji, dan tal‑aħħar ma jistax ilaħħaq mal-volumi attwali tad-data ttrasferita online. Mingħajr it-twettiq ta’ tali kopji, il-proċess użat għall-konsultazzjoni tas-siti tal-internet tkun ħafna inqas effiċjenti u ma jkunx jista’ jopera b’mod korrett.

36      F’dak li jikkonċerna l-kopji fuq l-iskrin, ma ġiex ikkonstatat li, fl-istat attwali, it-teknoloġija tal-viżwalizzazzjoni tas-siti tal-internet fuq il-kompjuters teħtieġ it-twettiq ta’ tali kopji sabiex tkun tista’ tiffunzjona b’mod korrett u effiċjenti.

37      Konsegwentement, il-kopji fuq l-iskrin u l-kopji fil-cache għandhom jitqiesu bħala li huma parti essenzjali mill-proċess tekniku inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

38      Minn dan isegwi li ż-żewġ kategoriji ta’ kopji jissodisfaw it-tielet kundizzjoni prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29.

39      It-tieni kundizzjoni, li għandha tiġi eżaminata fit-tielet lok, hija kundizzjoni alternattiva. Fil-fatt, l-att ta’ riproduzzjoni għandu jkun jew tranżitorju jew inċidentali.

40      Fir-rigward tal-ewwel wieħed miż-żewġ elementi, għandu jitfakkar li att jiġi kklassifikat bħala “tranżitorju” fir-rigward tal-proċess tekniku użat jekk it-tul tal-ħajja tiegħu jkun limitat għal dak li huwa neċessarju għall-funzjonament tajjeb tiegħu, peress li dan il-proċess għandu jkun wieħed awtomatizzat b’mod li jħassar tali atti b’mod awtomatiku, mingħajr intervent mill-bniedem, minn meta tintlaħaq il-funzjoni tiegħu intiża li tippermetti t-twettiq ta’ tali proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Infopaq International, EU:C:2009:465, punt 64).

41      Madankollu, ir-rekwiżit ta’ tħassir awtomatiku ma jipprekludix li tali tħassir ikun preċedut minn intervent mill-bniedem intiż li jġib fi tmiemu l-użu tal-proċess tekniku. Fil-fatt, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 32 tal-preżenti sentenza, huwa permess li l-proċess tekniku inkwistjoni fil-kawża prinċipali jingħata bidu u jinġieb fi tmiemu b’mod manwali.

42      Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostni NLA, att ta’ riproduzzjoni ma jitlifx in-natura tranżitorja tiegħu sempliċement mill-fatt li t-tħassir bis-sistema tal-kopja ġġenerata tkun ippreċeduta mill-intervent tal-utent finali intiż li jġib fi tmiemu l-proċess tekniku kkonċernat.

43      Fir-rigward tal-element l-ieħor imsemmi fil-punt 39 tal-preżenti sentenza, att ta’ riproduzzjoni jista’ jiġi kklassifikat bħala “inċidentali” jekk huwa la għandu eżistenza u lanqas għan awtonomu fir-rigward tal-proċess tekniku li huwa jagħmel parti minnu.

44      Fil-kawża prinċipali, fir-rigward qabelxejn tal-kopji fuq l-iskrin, għandu jitfakkar li dawn jitħassru b’mod awtomatiku mill-kompjuter fil-mument li l-utent tal-internet jitlaq mis-sit tal-internet ikkonċernat u, għaldaqstant, fil-mument fejn huwa jġib fi tmiemu l-proċess tekniku użat għall-konsultazzjoni ta’ dan is-sit.

45      F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti, kuntrarjament għal dak li jsostni NLA, li l-kopja fuq l-iskrin tkompli teżisti sakemm l-utent tal-internet iħalli l-browser tiegħu miftuħ u jibqa’ fuq is-sit tal-internet ikkonċernat peress li, matul dan il-perijodu, il-proċess tekniku użat għall-konsultazzjoni ta’ dan is-sit jibqa’ attiv.

46      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li t-tul tal-ħajja tal-kopji fuq l-iskrin hija limitata għal dak li huwa neċessarju għall-funzjonament tajjeb tal-proċess tekniku użat għall-konsultazzjoni tas-sit tal-internet ikkonċernat. Konsegwentement, dawn il-kopji għandhom jiġu kklassifikati bħala “tranżitorji”.

47      F’dak li jikkonċerna, sussegwentement, il-kopji fil-cache, ċertament hemm lok li jiġi rrilevat li, b’differenza għall-kopji fuq l-iskrin, huma ma jitħassrux fil-mument li fejn l-utent tal-internet iġib fi tmiemu l-proċess tekniku użat għall-konsultazzjoni tas-sit tal-internet ikkonċernat, peress li dawn huma miżmuma fil-cache għall-finijiet ta’ konsultazzjoni ulterjuri possibbli ta’ dan is-sit.

48      Madankollu, ma huwiex neċessarju li tali kopji jkunu kklassifikati bħala “tranżitorji” la darba jiġi ddeterminat li dawn huma ta’ natura inċidentali fir-rigward tal-proċess tekniku użat.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-proċess tekniku inkwistjoni jiddetermina b’mod sħiħ l-għan li għalih dawn il-kopji jitwettqu u jintużaw, filwaqt li l-imsemmi proċess jista’, hekk kif jirriżulta mill-punt 34 tas-sentenza preżenti, jiffunzjona, għalkemm b’mod inqas effiċjenti, mingħajr ma jitwettqu tali kopji. Min-naħa l-oħra, mill-proċess jirriżulta li l-utenti tal-internet li jużaw il-proċess tekniku inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux iwettqu l-kopji fil-cache b’mod differenti milli dan il-proċess.

50      Minn dan jirriżulta li l-kopji fil-cache la għandhom eżistenza u lanqas għan awtonomu meta mqabbel mal-proċess tekniku inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, għaldaqstant, għandhom jiġu kklassifikati bħala “inċidentali”.

51      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-kopji fuq l-iskrin u l-kopji fil-cache jissodisfaw it-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29.

52      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-kopji inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfaw mill-ewwel sat-tielet kundizzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni.

53      Madankollu, sabiex tiġi invokata l-eċċezzjoni prevista bl-imsemmija dispożizzjoni, kif interpretata fil-punt ta’ qabel dan tal-preżenti sentenza, hemm bżonn li dawn il-kopji jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Football Association Premier League et, EU:C:2011:631, punt 181).

 Fuq l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29

54      Skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, it-twettiq ta’ att temporanju ta’ riproduzzjoni huwa eżentat mid-dritt ta’ riproduzzjoni biss f’ċerti każijiet speċjali li ma jippreġudikawx l-operat normali tax-xogħol u lanqas ma jikkawżaw dannu mhux ġustifikat għall-interessi leġittimi tad-detenturi tad-drittijiet.

55      F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jitfakkar li peress li l-kopji fuq l-iskrin u l-kopji fil-cache jitwettqu biss bl-għan li ssir konsultazzjoni tas-siti tal-internet, huma jikkostitwixxu, għal dan l-għan, każ speċjali.

56      Sussegwentement, l-imsemmija kopji ma jikkawżaw ebda dannu mhux ġustifikat għall-interessi leġittimi tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur minkejja li dawn jippermettu, bħala prinċipju, lill-utenti tal-internet l-aċċess għax-xogħlijiet ippreżentati fuq siti tal-internet mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ dawn id-detenturi.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li x-xogħlijiet jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti tal-internet mill-edituri tas-siti tal-internet li huma obbligati, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jiksbu awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur ikkonċernati, u dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni jikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens ta’ dan l-artikolu.

58      L-interessi leġittimi tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur ikkonċernati għalhekk huma protetti b’mod korrett.

59      F’dawn il-kundizzjonijiet, ma huwiex ġustifikat li jiġi meħtieġ mill-utenti tal-internet li huma jiksbu awtorizzazzjoni oħra li tippermettilhom jibbenefikaw minn din l-istess komunikazzjoni diġà awtorizzata mid-detentur tad-drittjiet tal-awtur inkwistjoni.

60      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li t-twettiq tal-kopji fuq l-iskrin u tal-kopji fil-cache ma jippreġudikax l-operat normali tax-xogħlijiet.

61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-konsultazzjoni tas-siti tal-internet permezz tal-proċess tekniku inkwistjoni hija operat normal tax-xogħlijiet li jippermetti lill-utenti tal-internet jibbenefikaw mill-komunikazzjoni lill-pubbliku magħmula mill-editur tas-sit tal-internet ikkonċernat. Peress li t-twettiq tal-kopji inkwistjoni jagħmel parti mill-imsemmija konsultazzjoni, dan ma jistax jikkawża dannu lil tali operat tax-xogħlijiet.

62      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-kopji fuq l-iskrin u l-kopji fil-cache jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29.

63      F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 għandu jkun interpretat fis-sens li l-kopji fuq l-iskrin u l-kopji fil-cache, imwettqa minn utent finali matul il-konsultazzjoni ta’ sit tal-internet, jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jistabbilixxu li dawn il-kopji għandhom ikunu temporanji, għandhom ikunu ta’ natura tranżitorja jew inċidentali u għandhom jagħmlu parti integrali u essenzjali ta’ proċess tekniku, kif ukoll jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(5) ta’ dik id-direttiva u għaldaqstant jistgħu jitwettqu mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

 Fuq l-ispejjeż

64      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jkun interpretat fis-sens li l-kopji fuq l-iskrin tal-kompjuter tal-utent u l-kopji fil-“cache” tal-hard disk ta’ dak il-kompjuter, imwettqa minn utent finali matul il-konsultazzjoni ta’ sit tal-internet, jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jistabbilixxu li dawn il-kopji għandhom ikunu temporanji, għandhom ikunu ta’ natura tranżitorja jew inċidentali u għandhom jagħmlu parti integrali u essenzjali ta’ proċess tekniku, kif ukoll jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(5) ta’ dik id-direttiva u għaldaqstant jistgħu jitwettqu mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.