Language of document : ECLI:EU:C:2012:456

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fit-12 ta’ Lulju 2012 (1)

Kawża C‑202/11

Anton Las

vs

PSA Antwerp NV

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbeidsrechtbank te Antwerpen (il-Belġju)]

“Interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE – Moviment liberu tal-ħaddiema – Restrizzjonijiet – Użu ta’ lingwi – Leġiżlazzjoni li tistabbilixxi obbligu fuq impriża fir-reġjun ta’ lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju li tirrediġi bl-Olandiż, taħt piena ta’ nullità, id-dokumenti kollha dwar ir-relazzjonijiet ta’ xogħol – Kuntratt ta’ xogħol ta’ natura internazzjonali – Artikolu 4 TUE – Diversità lingwistika – Identità nazzjonali – Nuqqas ta’ proporzjonalità tal-miżuri inkwistjoni”





I –    Introduzzjoni

1.        F’din il-kawża, l-arbeidsrechtbank te Antwerpen (tribunal industrijali ta’ Anvers, il-Belġju) jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45 TFUE (2) jipprekludux leġiżlazzjoni bħal ma huwa d-digriet tal-Komunità Fjamminga tar-Renju tal-Belġju, adottat fid-19 ta’ Lulju 1973, li jirregola l-użu tal-lingwi fir-relazzjonijiet soċjali bejn min jimpjega u l-ħaddiema kif ukoll fl-atti u d-dokumenti ta’ impriżi mitluba mil-liġi u mir-regolamenti (3) (iktar ’il quddiem, id-“digriet Fjamming dwar l-użu tal-lingwi”).

2.        Bis-saħħa ta’ din il-liġi, meta min jimpjega għandu s-sede tal-operat tiegħu fir-reġjun ta’ lingwa Olandiża (4), l-użu ta’ din il-lingwa huwa obbligatorju fir-“relazzjonijiet soċjali” kollha fis-sens wiesa’, għaliex dak il-kunċett jidher li jinkludi, barra l-kuntratti ta’ xogħol, il-kuntratti kollha individwali u kollettivi, kemm verbali kif ukoll bil-miktub, li jiġu stabbiliti bejn min jimpjega u l-ħaddiema u li għandhom relazzjoni diretta jew indiretta mal-impjieg.

3.        Rekwiżiti simili mutatis mutandis jinsabu fir-regoli ta’ dritt industrijali tal-entitajiet l-oħra tal-Belġju u ta’ ċerti Stati Membri tal-Unjoni, iżda dawn jagħtu lok għal regoli ddettaljati għal implementazzjoni differenti.

4.        It-talba għal deċiżjoni preliminari saret lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ kawża, dwar il-pagament ta’ diversi ammonti wara t-tkeċċija tiegħu, bejn A. Las, ċittadin Olandiż residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi iżda li kien jaħdem prinċiparjament fil-Belġju, u min kien jimpjegah, PSA Antwerp NV (iktar ’il quddiem, “PSA Antwerp”), kumpannija stabbilita fi Flanders iżda li tifforma parti minn grupp internazzjonali.

5.        Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-ħaddiema jipprekludix, għar-raġuni li jinħoloq ostakolu mhux iġġustifikat u/jew sproporzjonat għal dik il-libertà, li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru timponi, taħt kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk previsti mid-digriet inkwistjoni, l-użu ta’ lingwa stabbilita għar-redazzjoni ta’ dokumenti bil-miktub ta’ xogħol, u dan meta r-relazzjonijiet ta’ xogħol inkwistjoni jinkitbu f’kuntest transkonfinali.

6.        Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà qiegħdet il-binarji essenzjali sabiex tirrispondi għal din id-domanda, meta ddeċidiet fis-sentenza Groener (5).li “[i]d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEE ma jipprekludux l-adozzjoni ta’ politika intiża għad-difiża u għall-promozzjoni tal-lingwa ta’ Stat Membru li hija kemm il-lingwa nazzjonali kif ukoll l-ewwel lingwa uffiċjali. Madankollu, l-implementazzjoni ta’ dik il-politika ma għandhiex twassal għal ksur ta’ libertà fundamentali bħal ma hija dik tal-moviment liberu tal-ħaddiema. Għalhekk, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-miżuri maħsuba sabiex jimplementaw tali politika ma għandhomx f’kull każ ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għan imfittex u r-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tagħhom ma għandhomx iwasslu għal diskriminazzjoni għad-detriment taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra”.

II – Il-kuntest ġuridiku

7.        Id-digriet Fjamming dwar l-użu tal-lingwi (6), li huwa s-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari, kien ġie adottat abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 129(1) tal-Kostituzzjoni tal-Belġju li jipprovdi li “[i]l-Parlamenti tal-Komunità Franċiża u tal-Komunità Fjamminga, kull wieħed minnhom għal dak li jikkonċernah, jirregolaw b’digriet, b’esklużjoni tal-leġiżlatur federali, l-użu tal-lingwi għar-[...] relazzjonijiet soċjali bejn min jimpjega u l-persunal tagħhom, kif ukoll l-atti u d-dokumenti tal-impriżi mitluba mil-liġi u mir-regolamenti”.

8.        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-digriet Fjamming dwar l-użu tal-lingwi jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu f’dawn it-termini:

“Dan id-digriet huwa applikabbli għall-persuni fiżiċi u morali li għandhom sede tal-operat fir-reġjun ta’ lingwa Olandiża (7). Huwa jirregola l-użu tal-lingwi fil-qasam ta’ relazzjonijiet soċjali bejn min jimpjega u l-ħaddiema, kif ukoll fil-qasam ta’ atti u ta’ dokumenti ta’ impriża mitluba mil-liġi. […]”

9.        L-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet jipprovdi li “[i]l-lingwa li għandha tintuża fir-relazzjonijiet soċjali bejn min jimpjega u l-ħaddiema, kif ukoll għall-atti u għad-dokumenti tal-impriżi mitluba mil-liġi, hija l-Olandiż”.

10.      L-Artikolu 5 tal-imsemmi digriet jipprovdi kif ġej:

“Min jimpjega għandu jistabbilixxi fil-lingwa Olandiża l-atti u d-dokumenti kollha, mitluba mil-liġi, u d-dokumenti kollha indirizzati lill-persunal tiegħu.

Madankollu, jekk il-kompożizzjoni tal-persunal tiġġustifika dan u fuq talba unanima tad-delegati tal-ħaddiema fil-kunsill tal-impriża jew, fin-nuqqas ta’ kunsill tal-impriża, fuq it-talba unanima tad-delegazzjoni unjonistika jew, fin-nuqqas tat-tnejn li huma, fuq talba ta’ delegat ta’ trade union rappreżentattiva, min jimpjega għandu jżid mal-avviżi, komunikazzjonijiet, atti, ċertifikati u formularji indirizzati lill-persunal, traduzzjoni f’waħda jew f’diversi lingwi.

[…]”

11.      L-ewwel, it-tieni u l-ħames paragrafu tal-Artikolu 10 tal-istess digriet jipprovdi, bħala sanzjonijiet ta’ natura ċivili:

“Id-dokumenti jew l-atti li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet huma nulli. In-nullità għandha tiġi kkonstatata ex officio mill-qorti.

L-awditur tax-xogħol kompetenti, l-uffiċjal tal-Kummissjoni Permanenti ta’ Kontroll Lingwistiku u kull persuna jew assoċjazzjoni li tista’ tiġġustifika interess dirett jew indirett tista’ titlob deċiżjoni ta’ nullità quddiem it-tribunal industrijali tal-post fejn min jimpjega huwa stabbilit.

[…]

Id-deċiżjoni ta’ nullità ma tistax tikkawża dannu lill-ħaddiem u tħalli eżistenti d-drittijiet ta’ terzi. Min jimpjega għandu jwieġeb għad-danni kkawżati mid-dokumenti jew atti nulli tiegħu lill-ħaddiem jew lit-terzi.

[…]”

III – Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

12.      Abbażi ta’ “Letter of Employment” bid-data tal-10 ta’ Lulju 2004 u miktuba bl-Ingliż (iktar ’il quddiem, il-“kuntratt ta’ xogħol”), A. Las, ċittadin Olandiż residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, kien ġie ngaġġat bħala “Chief Financial Officer”, għal żmien indeterminat, minn PSA Antwerp (8), kumpannija rreġistrata f’Anvers (il-Belġju) iżda li tifforma parti minn grupp multinazzjonali li jopera terminals fil-portijiet li għandu s-sede tiegħu f’Singapore. Il-kuntratt ta’ xogħol kien jipprovdi li A. Las kellu jeżerċita prinċipalment l-attivitajiet professjonali tiegħu fil-Belġju, minkejja li ċerti servizzi kellhom jiġu pprovduti mill-Pajjiżi l-Baxxi.

13.      B’ittra tas-7 ta’ Settembru 2009 miktuba bl-Ingliż, A. Las kien tkeċċa b’effett immedjat. B’applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-kuntratt ta’ xogħol, PSA Antwerp ħallset lil A. Las kumpens għat-tkeċċija ugwali għal tliet xhur paga kif ukoll kumpens addizzjonali ugwali għal sitt xhur paga.

14.      B’ittra tas-26 ta’ Ottubru 2009, l-avukat ta’ A. Las argumenta ma’ PSA Antwerp li l-kuntratt ta’ xogħol, b’mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu, ma kienx miktub bil-lingwa Olandiża u li din il-klawżola kienet għalhekk tikser il-liġi applikabbli. Huwa talab il-ħlas ta’ kumpens għat-tkeċċija ugwali għal  20 xahar paga, l-arretrati ta’ bonus ta’ vaganzi, il-primjum tal-2008 u l-bonus ta’ vaganzi relatati kif ukoll kumpens għall-bilanċ ta’ ġranet ta’ leave mhux użati.

15.      Il-qorti tar-rinviju tindika li għalkemm il-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni fih klawżola li tagħti l-ġurisdizzjoni lill-qrati Olandiżi kif ukoll klawżola li tipprovdi għall-applikazzjoni tad-dritt Olandiż, il-partijiet fil-kawża prinċipali rrikonoxxew li t-tribunal industrijali tal-Belġju kien kompetenti u li d-dritt tal-Belġju kien applikabbli, bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) u (2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma tad-19 ta’ Ġunju 1980 dwar il-Liġi Applikabbli għal Obbligazzjonijiet Kuntrattwali (9). Min-naħa l-oħra, il-partijiet ma jaqblux dwar il-lingwa li kellha tintuża fir-redazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha.

16.      Fit-23 ta’ Diċembru 2009, A. Las adixxa lill-Arbeidsrechtbank te Antwerpen sabiex jitlob li PSA Antwerp tiġi kkundannata tħallsu ammonti konsiderevolment ogħla minn dawk li kien irċieva. Insostenn tat-talbiet tiegħu, huwa sostna b’mod partikolari li l-Artikolu 8 tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu miktub bl-Ingliż kien ivvizzjat b’nullità assoluta minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet tad-digriet Fjamming dwar l-użu tal-lingwi li jipprovdi għall-użu tal-Olandiż fl-impriżi li għandhom is-sede tal-operat stabbilita fil-reġjun tal-lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju.

17.      PSA Antwerp opponiet il-fatt li d-digriet imsemmi ma kellux jiġi applikat f’sitwazzjonijiet fejn persuna teżerċita d-dritt tagħha ta’ moviment liberu tal-ħaddiema, peress li dan it-test jikkostitwixxi ostakolu għal din il-libertà fundamentali li ma jistax jiġi ġġustifikat b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. PSA Antwerp żiedet li l-kuntratt ta’ xogħol kellu jiġi rrispettat peress li d-dokument inkwistjoni kien konformi mal-volontà tal-partijiet espressa f’lingwa li tinftiehem minn kull waħda minnhom, jiġifieri l-Ingliż, peress li d-direttur tal-imsemmija kumpannija li kien iffirmah huwa ċittadin Singaporjan li ma jifhimx bl-Olandiż.

18.      Wara t-talba għal rinviju preliminari mressqa minn PSA Antwerp u billi esprima dubji dwar il-fatt li raġuni ta’ interess ġenerali tirrikjedi li jintalab li l-kuntratt ta’ xogħol jinkiteb bl-Olandiż f’sitwazzjoni transkonfinali bħal dik inkwistjoni li fiha l-partijiet – f’dan il-każ impjegat li jitkellem bl-Olandiż u min jimpjega li ma jitkellimx bl-Olandiż – kienu għażlu manifestament, minħabba l-importanza tal-kariga li kellha tiġi okkupata, li jirrediġu kuntratt ta’ xogħol f’lingwa li tinftiehem miż-żewġ partijiet, l-Arbeidsrechtbank te Antwerpen iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja, b’digriet għal rinviju rreġistrat fid-29 ta’ April 2011:

“Id-digriet Fjamming dwar l-użu tal-lingwi tad-19 ta’ Lulju 1973 jikser l-Artikolu [45 TFUE] dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea, sa fejn jimponi fuq kull impriża li għandha s-sede tagħha stabbilita fir-reġjun ta’ lingwa [Olandiża], taħt piena ta’ nullità, li d-dokumenti kollha relatati mar-relazzjoni ta’ xogħol meta timpjega ħaddiem għal xogħol ta’ natura internazzjonali jinkitbu bl-Olandiż?”

19.      A. Las, PSA Antwerp, il-Gvern tal-Belġju u l-Gvern tal-Greċja, il-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll l-Awtorità ta’ sorveljanza EFTA (10) ressqu osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

20.      Waqt is-seduta tas-17 ta’ April 2012, il-partijiet kollha ġew irrappreżentati.

IV – Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

21.      Il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jaqblux dwar ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari msemmija hawn fuq. PSA Antwerp u l-Awtorità ta’ sorveljanza EFTA jqisu li l-prinċipju ta’ moviment liberu tal-ħaddiema jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni, filwaqt li l-intervenjenti l-oħra, jiġifieri A. Las sussidjarjament, il-Gvern tal-Belġju u l-Gvern tal-Greċja, kif ukoll il-Kummissjoni, jikkunsidraw l-oppost.

22.      Rigward l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża, ninnota li n-natura transkonfinali tar-relazzjoni ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġejja minn diversi fatturi. Fil-fatt, l-impjegat ikkonċernat huwa ċittadin Olandiż li jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi, iżda li huwa msejjaħ, skont kuntratt ta’ xogħol miktub bil-lingwa Ingliża, sabiex iwettaq xogħlu kemm fil-Belġju kif ukoll fil-Pajjiżi l-Baxxi għal impriża li tifforma parti minn grupp multinazzjonali u li s-sede tal-operat tagħha jinsab fil-Belġju, iktar speċifikament fir-reġjun ta’ lingwa Olandiża.

23.      Billi A. Las għalhekk eżerċita l-libertà taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċirkula minn Stat Membru għal ieħor bħala impjegat, is-sitwazzjoni tiegħu ma hijiex “purament interna”, fis-sens tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (11), u għalhekk taqa’ effettivament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tiegħu l-interpretazzjoni hija mitluba mill-qorti tar-rinviju.

24.      Barra minn hekk, il-fatt li l-moviment liberu tal-ħaddiema huwa hawnhekk invokat mhux minnu nnifsu iżda minn min kien jimpjegah qabel ma jirrendix id-dritt tal-Unjoni inapplikabbli, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, kif din il-qorti diġà enfasizzat, sabiex ikun effettiv u utli, id-dritt tal-ħaddiema li jiġu ingaġġati u li jeżerċitaw attività mingħajr diskriminazzjoni għandu bħala konsegwenza neċessarja d-dritt ta’ min jimpjega li jingaġġahom filwaqt li josserva r-regoli dwar il-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema. Inkella, l-Istati Membri jkunu jistgħu jevitaw faċilment dawn ir-regoli billi jimponu fuq min jimpjega kundizzjonijiet fuq l-ingaġġ li jwasslu għal restrizzjoni għall-eżerċizzju ta’ din il-libertà li impjegat jista’ jinvoka (12).

B –    Fuq l-eżistenza ta’ ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema

25.      Skont ġurisprudenza stabbilita sew (13), id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni jipprekludu miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew jirrendu inqas attraenti l-użu, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat. B’mod partikolari, għandhom ikunu pprojbiti l-miżuri li jirrendu iktar diffiċli l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

26.      Ninnota li ma hemmx standard ta’ armonizzazzjoni fid-dritt derivat tal-Unjoni li huwa applikabbli għall-użu tal-lingwi rigward ir-redazzjoni tad-dokumenti ta’ xogħol (14). B’mod partikolari, kif tenfasizza l-Kummissjoni, id-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE, tal-14 ta’ Ottubru 1991, dwar l-obbligu ta’ min jimpjega li jinforma lill-ħaddiem bil-kundizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni ta’ xogħol, ma fihx dispożizzjonijiet dwar il-lingwa li għandha tintuża għal dan l-għan (15).

27.      F’dan ir-rigward, din il-kawża għandha tiġi distinta minn kawżi oħra fejn kien hemm lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara ruħha fuq ostakoli li jirriżultaw mill-eżiġenzi lingwistiċi fil-qasam ta’ moviment liberu tal-persuni (16). Bl-istess mod, il-ġurisprudenza preċedenti dwar restrizzjonijiet ta’ dik in-natura li wasslu għal ksur ta’ libertajiet fundamentali oħra ggarantiti mit-Trattat ma jipprovdux indikazzjonijiet li jippermettu li wieħed jirrispondi faċilment għad-domanda preliminari li saret f’din il-kawża (17).

28.      Nenfasizza li f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju ddefinixxiet speċifikament is-suġġett tad-domanda tagħha. Fil-fatt, id-domanda preliminari tirrigwarda r-redazzjoni ta’ dokumenti ta’ xogħol, u għalhekk unikament ir-relazzjonijiet ta’ xogħol bil-miktub, anki jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tidher li tirregola wkoll ir-relazzjonijiet ta’ xogħol verbali. Barra minn hekk, id-domanda li saret tinsab fil-kuntest partikolari ta’ “xogħol ta’ natura internazzjonali”, skont il-kliem tagħha.

29.      Skont l-informazzjoni li għandi, il-biċċa l-kbira tal-liġijiet tal-Istati Membri ma jimponux obbligi dwar il-lingwa li għandha tintuża fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta’ xogħol. Sa fejn naf jien, fi 17 mill-25 Stat Membru (18), ma hemmx rekwiżiti lingwistiċi ekwivalenti għal dawk li jinsabu fid-digriet Fjamming dwar l-użu tal-lingwi, iżda tali obbligu jinsab fir-regoli fis-seħħ fi ħdan 8 Stati Membri (19).

30.      Billi jimponi l-użu tal-Olandiż fl-atti u fid-dokumenti kollha dwar ir-relazzjoni ta’ xogħol, għaċ-ċittadini Belġjani kif ukoll għaċ-ċittadini barranin impjegati minn impriżi stabbiliti fir-reġjun tal-lingwa Olandiża, id-digriet inkwistjoni jista’, fil-fehma tiegħi, ikollu effett dissważiv għall-ħaddiema u għal min jimpjega li ma jitkellmux bl-Olandiż, jiġifieri ġeneralment dawk kollha li ġejjin minn Stati Membri oħra li ma humiex ir-Renju tal-Belġju u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi.

31.      Inqis li ostakolu lingwistiku jeżisti għal dawn tal-aħħar mhux biss fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ dħul f’attività professjonali, iżda wkoll fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju ta’ din l-attività.

32.      Għalhekk, huwa konċepibbli li ħaddiem li ma jafx l-Olandiż ma jkunx lest jiffirma kuntratt miktub b’din il-lingwa, għax jibża’ li ma jifhimx tajjeb dak li jkun qed jidħol għalih. Loġikament, tista’ tingħata preferenza minn min jirrekluta li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi digriet lil kandidat minħabba l-fatt li huwa jitkellem bl-Olandiż, u mhux skont kriterji oħra għall-ingaġġ li min jirrekluta seta’ ried jipprivileġġja kieku ma kinitx teżisti tali leġiżlazzjoni.

33.      Din il-konstatazzjoni tibqa’ valida minkejja l-fatt li fil-kuntest tal-kawża prinċipali, A. Las ma kienx ikun, fil-prattika, żvantaġġjat kieku l-imsemmi digriet ikun ġie osservat għaliex huwa jifhem bl-Olandiż, kif huwa jsostni sabiex jitlob l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni għall-benefiċċju tiegħu.

34.      B’effett mera tal-ostakolu b’hekk imġarrab mill-ħaddiema, min jimpjega li joriġina minn Stati Membri oħra li jkun stabbilit fir-reġjun tal-lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju ma jistax joffri kundizzjonijiet ta’ impjieg ħielsa mir-restrizzjonijiet lingwistiċi imposti bid-digriet inkwistjoni. Fil-prattika, huwa jiġi mħajjar jirrekluta impjegati li jifhmu bl-Olandiż, li jsibuha iktar faċli sabiex jikkomunikaw f’din il-lingwa. Barra minn hekk, bil-kontra tal-impriżi li joriġinaw minn dan ir-reġjun, min jimpjega li għandu portata internazzjonali u li jistabbilixxi s-sede tal-operat tiegħu hemmhekk ikollu jħabbat wiċċu ma’ kumplikazzjonijiet amministrattivi u spejjeż addizzjonali għat-tħaddim. Fil-fatt, il-lingwa ta’ xogħol, ta’ amministrazzjoni u ta’ ġestjoni ta’ tali persuni li jimpjegaw hija sikwit lingwa oħra minbarra l-Olandiż. Huma jkunu għalhekk imġiegħla jissostitwixxu l-formularji normali tagħhom ta’ kuntratti ta’ xogħol u tal-atti jew dokumenti l-oħra kollha ta’ xogħol li jirrigwardaw il-ġestjoni tal-persunal, u jitolbu l-għajuna ta’ ġuristi tal-lingwa Olandiża għal dan l-għan.

35.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, li l-obbligu impost minn Stat Membru fuq min jimpjega barrani li jimpjega ħaddiema fit-territorju nazzjonali li jittraduċi fil-lingwa ta’ dan l-Istat ċerti dokumenti ta’ xogħol seta’ jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ provvista tas-servizzi, għaliex dan kien jinvolvi spejjeż kif ukoll piżijiet amministrattivi u finanzjarji addizzjonali għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor (20).

36.      Inżid li tali persuni li jimpjegaw jistgħu jiltaqgħu ma’ inċertezza legali kunsiderevoli jekk, bħal bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ksur tar-rekwiżit lingwistiku jiġi ssanzjonat b’nullità li tibdel il-bilanċ tar-relazzjonijiet kuntrattwali.

37.      Is-severità tas-sanzjonijiet inkorsi f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-regoli imposti bid-digriet Fjamming dwar l-użu tal-lingwi (21), punt li ser nerġa’ niddiskuti iktar ’il quddiem, tista’ tikkostitwixxi fattur ieħor ta’ natura tali li tostakola l-eżerċizzju sħiħ tal-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema. F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li jistgħu jeżistu sanzjonijiet li huma ta’ severità tali li joħolqu ostakolu għal-libertajiet fundamentali ggarantiti mid-dritt primarju, u l-livell ta’ din is-severità għandu jiġi evalwat mill-qorti nazzjonali adita (22).

38.      Billi l-impjegati u min jimpjega li ma jitkellmux bl-Olandiż jistgħu għalhekk ikunu skoraġġuti milli jeżerċitaw l-imsemmija libertajiet minħabba r-restrizzjonijiet lingwistiċi li jirriżultaw minn leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jeżisti, fil-fehma tiegħi, ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema f’dan il-kuntest, ostakolu li la huwa inċert, u lanqas indirett, bil-kontra ta’ dak li jsostni A. Las. Il-mistoqsija li tqum imbagħad hija dik jekk ostakolu bħal dan jistax madankollu jkun iġġustifikat, f’kundizzjonijiet konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

39.      Inċidentalment nixtieq nosserva, anki jekk din hija problema legali oħra, li milli jidher ma teżistix diskriminazzjoni diretta f’din il-kawża, għaliex il-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija applikabbli għal min jimpjega u għall-impjegati mingħajr distinzjoni rigward in-nazzjonalità tagħhom. Min-naħa l-oħra, jidhirli li teżisti diskriminazzjoni indiretta għaliex, bl-iskuża ta’ kriterji li jidhru newtri, il-barriera lingwistika marbuta mal-użu obbligatorju tal-Olandiż tirrendi iktar diffiċli kemm l-aċċess għall-impjieg kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-impjieg fir-reġjun tal-lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, ħlief dawk li ġejjin mill-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu, diskriminazzjoni indiretta bħal din hija inerenti għar-rekwiżiti kollha marbutin mal-għarfien jew mal-użu ta’ lingwa u tista’ tiġi ġġustifikata bl-istess raġunijiet bħal dawk invokati fir-rigward ta’ ostakolu lingwistiku. Għaldaqstant, ma iniex sejjer niddedika argumenti separati għal din il-kwistjoni.

C –    Fuq l-eventwali ġustifikazzjonijiet għall-ostakolu kkonstatat

40.      Skont ġurisprudenza stabbilita jirrriżulta li l-miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu l-eżerċizzju effettiv tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat jistgħu madankollu jkunu ammessi sakemm ikollhom għan ta’ interess pubbliku, li jkunu adegwati sabiex jiggarantixxu li jintlaħaq l-għan tagħhom, u li ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (23).

41.      F’dan il-każ, il-mistoqsija li tqum hija dik jekk l-ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema ggarantit mill-Artikolu 45 TFUE huwiex debitament iġġustifikat b’għanijiet leġittimi, kif ukoll bl-użu ta’ mezzi li huma kemm adegwati kif ukoll proporzjonati sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet. Fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-każ, għar-raġunijiet li ġejjin, diġà li filwaqt li naċċetta l-leġittimità minnhom infushom tat-tliet raġunijiet invokati sabiex jiddefendu l-leġiżlazzjoni inkwistjoni, niċħad min-naħa l-oħra kemm in-natura neċessarja kif ukoll in-natura proporzjonata tal-metodi użati għal dan il-fini (24).

1.      Fuq in-natura inadegwata tal-miżuri inkwistjoni fid-dawl tal-għanijiet ta’ interess ġenerali invokati

42.      Id-digriet Fjamming dwar l-użu tal-lingwi ma jsemmix ir-raġunijiet preċiżi li għalihom il-leġiżlatur tar-reġjun lingwistiku kkonċernat stabbilixxa l-użu esklużiv tal-lingwa Olandiża għar-relazzjonijiet kollha ta’ xogħol, fil-kundizzjonijiet previsti minn dik il-leġiżlazzjoni. L-uniku fattur ċert huwa li dan id-digriet għandu bħala bażi ġuridika l-Artikolu 129(1)(3) tal-Kostituzzjoni tal-Belġju li tagħti ġurisdizzjoni esklużiva lill-Parlament tal-Komunità Fjamminga sabiex jistabbilixxi, fil-kuntest tat-territorju li jikkonċernah, il-kundizzjonijiet għall-użu tal-lingwi fir-relazzjonijiet soċjali bejn min jimpjega u l-persunal tiegħu, kif ukoll l-atti u d-dokumenti tal-impriżi imposti mil-liġi u r-regolamenti, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-istess ġurisdizzjoni hija mogħtija b’mod parallel lill-Parlament tal-Komunità Franċiża.

43.      Madankollu, skont l-indikazzjonijiet mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern tal-Belġju, jistgħu jitressqu tliet raġunijiet għal ġustifikazzjoni: waħda tirrigwarda l-protezzjoni tal-ħaddiema, l-oħra tirrigwarda l-eżerċizzju ta’ kontroll effettiv mill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji, u l-aħħar waħda tirrigwarda d-difiża u l-inċentivazzjoni tal-użu tal-lingwa uffiċjali ta’ entità reġjonali. Għandu jiġi eżaminat jekk l-ostakolu osservat jistax jiġi ġġustifikat b’waħda minn dawn ir-raġunijiet, bħala raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, skont il-ġurisprudenza msemmija hawn fuq.

a)      Rigward ir-raġuni bbażata fuq il-protezzjoni tal-ħaddiema

44.      Insostenn tad-digriet Fjamming dwar l-użu tal-lingwi, il-Gvern tal-Belġju jinvoka tħassib ta’ ordni soċjali, billi jfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-protezzjoni tal-ħaddiema hija waħda mill-għanijiet ta’ interess ġenerali li jistgħu jservu ta’ bażi għal restrizzjoni tal-libertajiet fundamentali (25).

45.      Madankollu, l-użu obbligatorju u esklużiv tal-lingwa Olandiża jista’ fil-verità jipproteġi biss lill-ħaddiema li jafu biżżejjed din il-lingwa sabiex jifhmu s-sinjifikat tal-informazzjoni li min jimpjega jinnotifikalhom bl-Olandiż verbalment jew bil-miktub. Min-naħa l-oħra, il-ħaddiema li ma humiex tal-lingwa Olandiża huma żvantaġġjati meta mqabbla ma’ oħrajn, mhux biss meta huma jfittxu li jaċċedu għal impjieg, li l-eżerċizzju tiegħu għandu jagħti lok għal skambji bl-Olandiż skont id-digriet inkwistjoni, iżda wkoll matul il-perijodu kollu ta’ dak l-impjieg, fil-każ li huma jirnexxilhom jaqbżu l-barriera għall-ingaġġ. Għal dawn tal-aħħar, tista’, mill-imsemmija leġiżlazzjoni, tirriżulta inċertezza dwar il-kontenut preċiż tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol tagħhom u dwar il-kundizzjonijiet eżatti tal-attività professjonali, inċertezza kemm ġuridika kif ukoll prattika li għaliha huma jistgħu jirrimedjaw biss permezz tal-għajnuna ta’ terzi.

46.      Il-protezzjoni effettiva tal-kategoriji kollha ta’ ħaddiema pjuttost teżiġi li l-kuntratt ta’ xogħol ikun aċċessibbli f’lingwa li l-impjegat jifhem faċilment, b’mod li l-kunsens tiegħu jkun ċar għal kollox, u mhux ivvizzjat. Infakkar li d-Direttiva 91/533 tipprovdi li min jimpjega huwa obbligat li jgħarraf, bil-miktub, lill-impjegat li għalih tapplika dik id-direttiva, il-fatturi essenzjali tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ xogħol li jinsabu elenkati fl-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva. Jidhirli li huwa neċessarju li, sabiex din ikollha effett utli, dik l-informazzjoni, rigward minimu ta’ data li l-impjegat ma jistax ma jkunx jaf biha, għandha tintbagħat lilu f’lingwa li huwa jaf biżżejjed sabiex jifhem il-kwistjonijiet tar-relazzjoni ta’ xogħol. Madankollu, id-digriet Fjamming dwar l-użu tal-lingwi jipprovdi għal mezzi li ma humiex adegwati sabiex jintlaħaq dan l-għan, għaliex huwa ma jipprovdix li għandu jiġi vverifikat li l-partijiet fil-kuntratt jafu biżżejjed bl-Olandiż sabiex ikunu jifhmu dak li qegħdin jiffirmaw.

47.      Il-Kummissjoni taqbel mal-Gvern tal-Belġju billi targumenta li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ammettiet l-interess partikolari tal-lingwa nazzjonali tal-post fejn il-ħaddiema jwettqu l-attività tagħhom, fis-sentenza Everson u Barrass (26). Huwa minnu li meta impjegat jintalab jaħdem f’diversi Stati Membri, il-locus laboris jikkorrispondi, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, għall-ambjent soċjali u lingwistiku li miegħu huwa familjari (27). Madankollu, din ir-regola ġenerali għandha wkoll xi eċċezzjonijiet fil-prattika. Fil-fehma tiegħi, is-sentenza inkwistjoni ma tfissirx li huwa neċessarju fl-interess tal-ħaddiema li wieħed jeżiġi l-użu sistematiku ta’ lingwa stabbilita, dik tal-post tal-attività prinċipali tagħhom jew saħansitra oħra, fil-kuntratt ta’ xogħol. Fil-fatt, il-lingwa li tinftiehem, jiġifieri lingwa komuni għall-ħaddiem u għal min jimpjegah li tiggarantixxi komunikazzjoni effettiva u bbilanċjata bejniethom, ma hijiex neċessarjament il-lingwa uffiċjali tal-post fejn tiġi eżerċitata l-attività professjonali, sew nazzjonali jew reġjonali.

48.      Għalhekk, la huwa adegwat, u lanqas neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu mixtieq, li jiġi impost l-użu esklużiv tal-Olandiż sabiex jiġi żgurat li l-impjegat ta’ impriża li jkollha s-sede tagħha fir-reġjun ikkonċernat ikollu aċċess effettiv għall-informazzjoni li jkollu bżonn kemm qabel kif ukoll waqt l-impjieg kuntrattwali tiegħu. Alternattiva, fis-sens li l-partijiet ikunu jistgħu jużaw lingwi oħra minbarra l-Olandiż, anki jekk dan ikun ifisser li traduzzjoni f’din il-lingwa msemmija l-aħħar tkun eventwalment rikjesta, tista’, fl-opinjoni tiegħi, tkun iktar effiċjenti sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-interessi tal-ħaddiem.

b)      Rigward ir-raġuni bbażata fuq l-effettività tal-kontrolli amministrattivi u ġudizzjarji

49.      Din it-tieni raġuni ta’ leġittimazzjoni tidher marbuta ma’ dik ta’ qabilha, sa fejn din ta’ qabel tirrigwarda l-garanzija tal-effettività tal-protezzjoni tal-ħaddiema permezz ta’ kontroll tal-osservanza ta’ din, kif tosserva l-Kummissjoni. Din ir-raġuni hija ċertament leġittima fiha nnifisha (28), iżda hija f’dan il-każ tant ineffettiva daqs l-ewwel waħda, li tagħha hija konsegwenza.

50.      Huwa minnu li l-intervent tal-awtoritajiet amministrattivi, bħalma huma l-ispezzjoni tax-xogħol, jew tal-awtoritajiet ġudizzjarji, jekk il-kawża titressaq quddiem il-qorti, jinsab faċilitat peress li huma jistgħu jeżaminaw id-dokumenti li għandhom x’jaqsmu mar-relazzjoni ta’ xogħol li tkun is-suġġett tal-kawża f’lingwa magħrufa mir-rappreżentanti ta’ dawn l-awtoritajiet. L-istess tħassib jinsab fil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fi Stati Membri oħra li huma analogi għal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (29).

51.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan l-għan jista’, anki hemmhekk, jintlaħaq b’mod iktar adegwat permezz tal-produzzjoni, f’każ ta’ bżonn, ta’ traduzzjoni ta’ dawn id-dokumenti ta’ xogħol fil-lingwa uffiċjali użata lokalment, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi impost l-użu esklużiv tagħha ab initio.

52.      Fil-fatt, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja ċċitata iktar ’il fuq (30), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu ta’ traduzzjoni ta’ dokumenti ta’ xogħol impost fuq min jimpjega barrani jista’ jkun iġġustifikat b’għan ta’ interess ġenerali marbut mal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema, meta dan jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti li jwettqu l-kontrolli neċessarji sabiex jiggarantixxu l-osservanza effettiva tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll f’dik is-sentenza li kien biss sa fejn huwa kien jeħtieġ it-traduzzjoni ta’ numru limitat ta’ dokumenti u ma kienx jinvolvi piż kbir amministrattiv jew finanzjarju fuq min jimpjega li dan ir-rekwiżit kien konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (31).

53.      B’analoġija, fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema, jidhirli li l-mezz estensiv użat mid-digriet Fjamming dwar l-użu tal-lingwi, billi jimponi l-użu tal-Olandiż għad-dokumenti kollha ta’ xogħol, milli jidher għal dan l-istess għan, ma huwiex neċessarju sabiex ikunu jistgħu jsiru l-kontrolli inkwistjoni f’kundizzjonijiet tajba.

 ċ)     Rigward ir-raġuni bbażata fuq id-difiża tal-lingwa uffiċjali

54.      Din it-tielet ġustifikazzjoni ġiet enfasizzata mill-Gvern tal-Belġju, li argumenta li l-promozzjoni tal-użu tal-lingwa uffiċjali hija prevista mill-Kostituzzjoni nazzjonali. Ninnota li diversi Stati Membri u entitajiet lingwistiċi tar-Renju tal-Belġju jibbażaw fuq pedamenti ta’ dan it-tip il-leġiżlazzjoni tagħhom li timponi l-użu ta’ lingwa speċifika fir-relazzjonijiet ta’ xogħol (32).

55.      Il-protezzjoni ta’ lingwa uffiċjali, sew jekk nazzjonali jew reġjonali, tikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali li tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet il-leġittimità sabiex tiġġustifika l-adozzjoni ta’ politika intiża għad-difiża u għall-promozzjoni ta’ din il-lingwa (33). Madankollu, inqis li, f’din il-kawża, ir-rekwiżit stabbilit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni jimplika l-użu ta’ mezzi li ma humiex adegwati sabiex jissodisfaw b’mod effettiv dan l-għan.

56.      F’dan ir-rigward, il-Gvern tal-Greċja ppreżenta l-prinċipju tad-diversità lingwistika, billi bbaża ruħu b’mod partikolari fuq l-Artikolu 165 TFUE u fuq ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE. L-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (34), li għandu saħħa vinkolanti, jinkludi wkoll riferiment għal dan il-kunċett, għaliex jipprovdi li l-Unjoni għandha tirrispetta l-imsemmija diversità.

57.      Madankollu, dan il-prinċipju ta’ diversità lingwistika, li jorbot biss lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-Unjoni, ma jistax jiġi invokat minn Stat Membru kontra ċ-ċittadini tal-Unjoni sabiex jiġġustifika restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali li dawn jistgħu jinvokaw.

58.      Fil-konklużjonijiet tiegħu li jikkonċernaw il-kawża li tat lok għas-sentenza Spanja vs Eurojust (35), l-Avukat Ġenerali Maduro enfasizza li “ir-rispett tad-diversità lingwistika huwa wieħed mill-aspetti essenzjali tal-protezzjoni mogħtija lill-identità nazzjonali tal-Istati Membri” (36). Madankollu, nenfasizza li f’dik il-kawża, il-kunċett ta’ diversità lingwistika ġie invokat esklużivament minn kandidati li kienu applikaw għal impjiegi offruti mill-Unjoni Ewropea u kontra tagħha, mhux minn Stati Membri sabiex jiddefendu l-politika tagħhom ta’ uniformità lingwistika fir-rigward tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, dan il-kunċett intuża mhux sabiex jiġġustifika miżuri nazzjonali li jikkostitwixxu ostakoli marbuta mal-użu tal-lingwi, iżda biss sabiex tinftiehem is-sistema lingwistika tal-Unjoni.

59.      Min-naħa tiegħu, il-kunċett ta’ identità nazzjonali, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma marbuta li jirrispettaw skont l-Artikolu 4(2) TUE, tinkludi l-aspetti lingwistiċi ta’ natura kostituzzjonali ta’ Stat Membru, li jiddefinixxu b’mod partikolari l-lingwa uffiċjali jew id-diversi lingwi uffiċjali tal-Istat kif ukoll, jekk ikun il-każ, is-suddiviżjonijiet territorjali li fihom jintużaw dawn il-lingwi (37). Għalhekk, il-kunċett ta’ “identità nazzjonali” jikkonċerna l-għażliet magħmula dwar il-lingwi użati fuq il-livell nazzjonali jew reġjonali (38), filwaqt li l-kunċett ta’ “diversità lingwistika” jirrigwarda l-multilingwiżmu eżistenti fuq il-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant dan il-kunċett imsemmi l-aħħar ma jagħmilx, fil-fehma tiegħi, parti mill-kunsiderazzjonijiet li jistgħu jiġu opposti kontra l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi ċittadini tal-Unjoni. Ikun saħansitra kontradittorju li din il-bażi tintuża sabiex tippermetti lill-Istati Membri jġiegħlu lil individwi jużaw, fil-komunikazzjoni tagħhom, lingwa oħra minbarra dik magħżula liberament minnhom.

60.      Ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar ir-rispett tal-identità nazzjonali tal-Istati Membri, li fil-każ tar-Renju tal-Belġju jinkludu bla dubju d-diviżjoni tiegħu ta’ sors kostituzzjonali f’muniċipalitajiet lingwistiċi, pjuttost isostnu l-idea li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, il-politika ta’ difiża ta’ lingwa hija raġuni li tista’ tawtorizza lil Stat Membru juża miżuri li jirrestrinġu l-libertajiet ta’ moviment (39).

61.      Madankollu, l-użu obbligatorju tal-lingwa ta’ Stat Membru miċ-ċittadini jew mill-impriżi ta’ Stati Membri oħra li jeżerċitaw il-libertajiet fundamentali tagħhom, bħal dak li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, ma jissodisfax ġenwinament dan l-għan. Ma jistax jiġi sostnut li s-sempliċi redazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol ta’ natura transkonfinali f’lingwa oħra minbarra l-Olandiż minn ċerti impriżi li għandhom is-sede tagħhom fi Flanders jista’ jhedded il-prosperità tal-użu ta’ din il-lingwa. Is-sitwazzjoni hija differenti meta relazzjoni ta’ xogħol tinvolvi t-trażmissjoni ta’ tagħrif, bħal fil-kuntest tat-tagħlim skolastiku jew universitarju, qasam li jirrigwarda l-protezzjoni tal-identità kulturali ta’ Stat Membru (40) li jiġġustifika l-fatt li jista’ jintalab li kandidat għal xogħol ikollu ħiliet lingwistiċi partikolari (41).

62.      Fil-fehma tiegħi, impjegat li ma jkunx eżerċita l-libertà tiegħu li jaħdem fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni jista’ raġonevolment jitlob li jkun jista’ jaħdem billi juża l-lingwa tiegħu, jekk din hija l-lingwa uffiċjali tar-reġjun fejn huwa jeżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu. Fil-fehma tiegħi, dan jirriżulta min-natura partikolari tal-post ta’ xogħol, li jinsab nofs triq bejn sfera purament politika u sfera purament privata. Din in-natura leġittima tiġġustifika wkoll li l-politiki intiżi għad-difiża tal-lingwa nazzjonali jew reġjonali jistgħu jiġu implementati f’dan il-post, peress li hija l-lingwa uffiċjali li preferibbilment tintuża bħala l-lingwa ta’ komunikazzjoni.

63.      Madankollu, il-libertà kuntrattwali għandha tiġi rrispettata fis-sens li l-impjegat jista’ jaċċetta li juża lingwa speċifika għall-ambjent tax-xogħol tiegħu, li tkun differenti mil-lingwa tiegħu u minn dik użata lokalment, speċjalment jekk is-sitwazzjoni tirrigwarda relazzjoni ta’ xogħol f’kuntest internazzjonali (42), kif imsemmi b’mod espliċitu mid-digriet tar-rinviju. Jiena nqis li, fi ħdan l-Unjoni, min jimpjega għandu jkun jista’ jiddefinixxi lingwa tax-xogħol komuni għall-membri tal-persunal tiegħu li, għall-impriża stabbilita f’diversi Stati Membri, tista’ tkun oħra għajr dik użata fuq il-livell reġjonali jew nazzjonali. Din il-kunsiderazzjoni tgħodd mill-inqas għall-ogħla pożizzjonijiet, bħal dawk ta’ karigi eżekuttivi jew ta’ esperti, u b’mod ġenerali, għall-pożizzjonijiet fejn il-persuni għandhom bżonn jikkomunikaw fil-lingwa li tinftiehem mill-impjegati l-oħra jew mill-klijenti barranin tal-impriża.

64.      Minkejja li d-difiża u l-promozzjoni ta’ lingwa uffiċjali huma għanijiet leġittimi fihom infushom, il-mezzi użati għal dan l-għan għandhom jibqgħu adegwati meta mqabbla ma’ dawn l-għanijiet u ma jeċċedux dak li huwa meħtieġ minn dawn tal-aħħar. Il-fatt li miżura nazzjonali jew reġjonali tfittex li timponi monolingwiżmu, li jimplika li l-lingwi tal-Istati Membri l-oħra ma jistgħu qatt jiġu użati b’mod alternattiv f’qasam partikolari, ma jidhirlix li huwa leġittimu fid-dawl tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni.

65.      Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, il-protezzjoni tal-lingwa ma tistax isservi bħala ġustifikazzjoni valida għal leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għaliex dan ma jippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni la l-volontà tal-partijiet għar-relazzjoni ta’ xogħol, u lanqas il-fatt li min jimpjega jagħmel parti minn grupp internazzjonali ta’ impriżi.

66.      Għaldaqstant, inqis li d-digriet Fjamming dwar l-użu tal-lingwi jinvolvi, fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema stabbilit fl-Artikolu 45 TFUE, ksur mhux iġġustifikat għaliex juża mezzi li ma humiex adattati sabiex jiġi ggarantit il-ksib tal-għanijiet leġittimi li ġew invokati.

67.      Inżid li tista’ titressaq kritika oħra kontra dan id-digriet, sa fejn huwa ma osservax il-kriterju tal-proporzjonalità kif iddefinit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2.      Fuq in-natura sproporzjonata tal-mezzi użati fil-miżuri inkwistjoni

68.      Fil-fehma tiegħi, jeżistu żewġ fatturi li jippermettu l-kunsiderazzjoni li d-digriet Fjamming dwar l-użu tal-lingwi fih miżuri li ma humiex proporzjonati mal-għanijiet invokati u li, għalhekk, huma preklużi mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45 TFUE. Dawn huma, minn naħa, il-portata wiesgħa żżejjed tal-obbligu li tintuża esklużivament lingwa waħda, jiġifieri l-Olandiż, fir-relazzjonijiet ta’ xogħol imsemmija minn dan id-digriet u, min-naħa l-oħra, l-importanza tas-sanzjonijiet imposti f’każ li dan l-obbligu ma jiġix osservat.

a)      Rigward il-portata tar-rekwiżit lingwistiku

69.      Jidher li d-digriet inkwistjoni jobbliga lil dawk kollha li jimpjegaw li għandhom is-sede tal-operat tagħhom fir-reġjun ta’ lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju li jużaw din il-lingwa fir-relazzjonijiet kollha ta’ xogħol li huma jistabbilixxu mal-impjegati tagħhom, kemm bil-miktub kif ukoll verbali, minkejja li l-bżonnijiet lingwistiċi jistgħu jkunu differenti skont it-tip ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol ikkonċernat u fid-dawl tal-kuntest possibbilment transkonfinali li fih dawn jaqgħu.

70.      Fil-fehma tiegħi, l-interessi li, skont il-Gvern tal-Belġju, huma protetti minn din il-leġiżlazzjoni reġjonali jistgħu jiġu ppreżervati b’mod iktar adegwat b’mezzi oħra minbarra restrizzjoni lingwistika li għandha portata assoluta u ġenerali. Għalhekk, inqis li traduzzjoni bl-Olandiż tad-dokumenti prinċipali ta’ xogħol li jinkitbu f’lingwa oħra tista’ tkun suffiċjenti sabiex jintlaħqu t-tliet għanijiet imsemmija hawn fuq.

71.      Jidhirli li l-proġett ta’ integrazzjoni Ewropea jitlef l-iskop tiegħu jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jimponu fuq l-atturi ekonomiċi, bħal min jimpjega u l-impjegati, l-użu ta’ lingwa stabbilita fi proporzjon li teċċedi r-restrizzjonijiet għal-libertà kuntrattwali li huma strettament neċessarji sabiex jiġu sodisfatti għanijiet ta’ interess ġenerali. Fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta’ xogħol internazzjonali, l-awtonomija tal-volontà tal-partijiet rigward id-determinazzjoni tal-lingwa li huma jużaw bejniethom għandha tipprevali sabiex il-kummerċ transkonfinali jiġi ffaċilitat (43), minkejja li għandu ovvjament jinstab bilanċ xieraq bejn il-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema u l-protezzjoni tagħhom.

72.      Fil-fehma tiegħi huwa ġġustifikat li l-partijiet f’relazzjoni ta’ xogħol transkonfinali jitħallew jużaw il-lingwa magħżula minnhom sa fejn din l-għażla tikkorrispondi għall-volontà komuni tal-partijiet jew sa fejn il-funzjonijiet li għandhom jitwettqu jeħtieġu l-użu ta’ lingwa li tista’ tkun differenti minn dik użata lokalment (44). Id-digriet Fjamming dwar l-użu tal-lingwi huwa applikabbli b’mod ġenerali, u jinjora kompletament il-lingwi magħrufa u li normalment jintużaw minn min jimpjega u l-impjegat ikkonċernati, kif ukoll in-natura tal-impjieg li għandu jimtela.

73.      Inqis li jkun inkoerenti, u saħansitra kontradittorju, jekk skont is-sentenza Groener, iċċitata iktar ’il fuq, ma jkunx possibbli, ħlief f’każ eċċezzjonali, li impjegat jintalab li jkun jaf il-lingwa tal-Istat Membru fejn huwa jaħdem, iżda li jkun possibbli, min-naħa l-oħra, li huwa jinġiegħel jiffirma kuntratt ta’ xogħol li jkun miktub f’lingwa li huwa ma jafx u għalhekk ma jifhimx.

74.      Kif huwa ssuġġerit mill-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, huwa neċessarju, sabiex jiġi żgurat li s-suq intern jiffunzjona tajjeb, li tiġi introdotta iktar flessibbiltà fir-rekwiżiti lingwistiċi meta r-relazzjonijiet ta’ xogħol iseħħu fuq livell internazzjonali, bħal f’dan il-każ, milli meta huma jkunu ta’ natura purament interna. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol transkonfinali, huwa preferibbli li l-partijiet ikunu jistgħu jużaw lingwa ta’ komunikazzjoni, li huma t-tnejn jifhmu, iktar milli jiġi impost fuqhom l-użu esklużiv ta’ lingwa speċifika, anki jekk din il-lingwa hija waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn l-impjegat jeżerċita l-attività tiegħu.

75.      B’mod partikolari, ma narax għaliex il-lingwa Olandiża hija mqiegħda f’riskju minħabba l-fatt li tintuża lingwa oħra f’kuntratt ta’ xogħol bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri ffirmat bejn impjegat li jkun eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu u min jimpjegah li huwa kumpannija li tagħmel parti minn grupp internazzjonali.

76.      Ninnota li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tippermettix traduzzjoni obbligatorja tad-dokumenti ta’ xogħol għal lingwa oħra għajr l-Olandiż ħlief permezz ta’ proċedura ineffiċjenti, li tirrikjedi kundizzjonijiet partikolarment diffiċli sabiex jiġu sodisfatti (45), li jfisser li fil-prattika rari jiġu sodisfatti. Jeżistu mezzi oħra inqas onerużi, iżda ugwalment jew iktar effettivi, sabiex jipproteġu lill-ħaddiema, filwaqt li jippreżervaw l-użu tal-lingwa reġjonali, bħall-ftuħ tal-possibbiltà, meta l-impjegat jew min jimpjega ma jifhmux din il-lingwa, li jintużaw iktar faċilment traduzzjonijiet għal lingwa li l-persuna kkonċernata tifhem suffiċjentement.

77.      Mill-provi ppreżentati fis-seduta ma jirriżultax li l-introduzzjoni ta’ din il-possibbiltà fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, li tiffaċilita l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment fir-reġjun tal-lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju mill-impjegati kif ukoll minn min jimpjega ta’ Stati Membri oħra li ma humiex tal-lingwa Olandiża, tippreġudika l-kisba tal-għanijiet imsemmja hawn fuq (46).

78.      Għalhekk, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ żżejjed u n-natura esklużiva tiegħu, meta jeżistu mezzi oħra sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali invokati, id-digriet Fjamming dwar l-użu tal-lingwi jinkludi miżuri li huma sproporzjonati meta mqabbla ma’ dawn l-għanijiet.

b)      Rigward is-sanzjonijiet previsti f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

79.      Bħal-leġiżlazzjoni li teżisti fi Stati Membri oħra, il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-reġjun tar-Renju tal-Belġju ta’ lingwa Olandiża tipprovdi li l-ksur tal-obbligu li tintuża lingwa speċifika jista’ jiġi ssanzjonat kemm fuq il-livell ċivili kif ukoll fuq il-livell kriminali (47).

80.      Is-sanzjonijiet ċivili huma ċertament ġeneralizzati fil-leġiżlazzjoni li tifformula rekwiżiti lingwistiċi fil-qasam tar-relazzjonijiet ta’ xogħol, iżda dawk kollha li naf bihom ma japplikawx daqstant koerċizjoni daqs id-digriet Fjamming dwar l-użu tal-lingwi. Fil-fatt, in-nullità tal-atti jew dokumenti li jiksru dan id-digriet seħħet fir-reġjun tar-Renju tal-Belġju ta’ lingwa Olandiża, peress li din in-nullità tipproduċi effett annullanti kemm għall-futur kif ukoll għall-passat (48), filwaqt li t-triq ta’ sempliċi nuqqas ta’ infurzar fil-konfront tal-impjegat tad-dokument irregolari, akkumpanjat bl-obbligu li tiġi żgurata s-sostituzzjoni tiegħu b’dokument konformi mal-liġi, ġiet adottata minn ċerti entitajiet oħra tar-Renju tal-Belġju (49), bħal fi Stati Membri oħra (50). Jidhirli li dan il-metodu, li jippermetti li tiġi ppreżervata l-kontinwità tar-relazzjonijiet ta’ xogħol, huwa daqstant effettiv daqs nullità retroattiva tal-kuntratt ta’ xogħol ikkonċernat sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ interess ġenerali li huma mfittxa minn dak id-digriet skont il-Gvern tal-Belġju. F’dan, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni jidhirli li teċċedi l-miżuri neċessarji għal dan l-għan.

81.      Rigward il-portata erga omnes jew le tal-konstatazzjoni tan-nullità, ninnota li skont id-digriet tar-rinviju preliminari, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tad-digriet Fjamming dwar l-użu tal-lingwi jissanzjona l-ksur tad-dispożizzjonijiet tiegħu “b’nullità assoluta ex tunc u d-dokument ikkonċernat jitqies li qatt ma eżista. Minn dan jirriżulta li l-qorti ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni dokumenti miktuba f’lingwa li ma hijiex konformi mad-digriet u li hija ma tistax tieħu l-kontenut tagħhom inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-espressjoni tal-volontà”.

82.      Huwa minnu li n-natura assoluta ta’ din in-nullità ġiet diskussa mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, peress li xi wħud minnhom kienu osservaw li l-ħames paragrafu ta’ dan l-istess artikolu jipprovdi li “[i]d-deċiżjoni ta’ nullità ma tistax tikkawża dannu lill-ħaddiem u tħalli jissussistu d-drittijiet ta’ terzi”. Jidhirli li l-qorti a quo ma injoratx din ir-regola għaliex hija ssemmi wkoll fid-deċiżjoni tagħha li “l-ħaddiem jista’ jinvoka kundizzjonijiet li huma favorevoli għalih u jopponi n-nullità ta’ dawk li huma sfavorevoli għalih”. Fil-fehma tiegħi, in-natura assoluta, u mhux relattiva, tan-nullità inkwistjoni tirriżulta fil-verità mill-fatt li kull persuna li tista’ tiġġustifika interess tista’ titlob li l-qorti tistabbilixxi n-nullità ta’ dokument irregolari, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10(2) tad-digriet Fjamming dwar l-użu tal-lingwi. Indipendentement minn dan, mill-perspettiva ta’ min jimpjega, kull nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti lingwistiċi tad-digriet Fjamming huwa ssanzjonat b’mod aħrax fil-qasam ċivili, għaliex jekk jiena nemmen l-analiżi li saret minn dik il-qorti, kuntratt ta’ xogħol bħal dak iffirmat minn A. Las jista’ jipproduċi effetti biss kontra min kien jimpjegah qabel b’applikazzjoni tal-imsemmi digriet (51).

83.      Rigward is-setgħa tal-awtoritajiet ġudizzjarji li jinfurzaw ir-rekwiżiti lingwistiċi stabbiliti fil-qasam ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol, din tvarja skont l-Istat Membru. Minkejja li f’ċerti leġiżlazzjonijiet nazzjonali (52) teżisti projbizzjoni li l-qorti tqajjem ex officio n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tintuża lingwa stabbilita, din is-setgħa teżisti f’oħrajn (53). Huwa biss fir-reġjuni tar-Renju tal-Belġju ta’ lingwa Olandiża u lingwa Franċiża li din il-possibbiltà li n-nuqqas jitqajjem ex officio tinbidel f’obbligu fuq il-qorti, u dan naħseb li huwa wisq (54).

84.      Hija ġurisprudenza stabbilita li r-restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali li huma imposti mill-Istati Membri għandhom ikunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju, u dan jimplika li għandha tintgħażel it-triq, u għalhekk il-miżura, li hija l-inqas oneruża.

85.      Dan ma huwiex il-każ tad-digriet Fjamming dwar l-użu tal-lingwi, għaliex huwa jidher, fih innifsu iżda wkoll permezz ta’ paragun ma’ regoli oħra, li jimponi rekwiżiti partikolarment stretti u segwiti b’effetti ħorox kemm għall-partijiet ikkonċernati kif ukoll għall-qorti adita bil-kawża f’dan ir-rigward. Inqis li mezzi oħra, iktar adegwati u inqas restrittivi għall-moviment liberu tal-ħaddiema minn dawk hekk użati, ikunu jistgħu jippermettu li jinkisbu l-għanijiet li donnhom huma intiżi minn din il-liġi.

86.      Għaldaqstant, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex, fil-fehma tiegħi, kompatibbli mal-kontenut tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45 TFUE, li jikkorrispondi għal dak li qabel kien l-Artikolu 39 KE, li tiegħu intalbet l-interpretazzjoni.

V –    Konklużjoni

87.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Arbeidsrechtbank te Antwerpen b’dan il-mod:

“L-Artikolu 45 TFUE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tobbliga, taħt piena ta’ nullità, lill-impriżi kollha li jkollhom is-sede tagħhom stabbilita f’reġjun fejn teżisti lingwa uffiċjali waħda, sabiex jużaw lilha biss għar-redazzjoni tad-dokumenti kollha dwar ir-relazzjoni ta’ xogħol meta huma jingaġġaw ħaddiem f’impjieg ta’ natura internazzjonali.”


1 –      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 ‑ Id-deċiżjoni tar-rinviju ppreżentata fit-28 ta’ April 2011 issemmi fil-verità “l-Artikolu 39 tat-Trattat KE”, iżda dan sar l-Artikolu 45 TFUE wara li daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, fl-1 ta’ Diċembru 2009.


3 ‑ Taaldecreet tot regeling van het gebruik van de talen voor de sociale betrekkingen tussen de werkgevers en de werknemers, alsmede van de door de wet en de verordeningen voorgeschreven akten en bescheiden van de ondernemingen (Belgisch Staatsblad, 6 ta’ Settembru 1973, p. 10089).


4 ‑ Nosserva li fil-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, xi kultant issir konfużjoni bejn ir-“Reġjun Fjamminga”, fis-sens tal-Artikolu 3 tal-Kostituzzjoni tal-Belġju u r-“reġjun ta’ lingwa Olandiża”, fis-sens tal-Artikolu 4 tagħha.


5 ‑ Sentenza tat-28 ta’ Novembru 1989 (C‑379/87, Ġabra p. 3967, punt 19).


6 ‑ Il-verżjoni Franċiża tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi digriet kif jissemmew hawnhekk tista’ tiġi kkonsultata fuq l-internet fl-indirizz li ġej: http://www.ejustice.just.fgov.be/cgi_loi/change_lg.pl?language=fr&la=F&cn=1973071901&table_name=loi.


7 ‑ Nippreċiża li l-kliem “jew iħaddmu persunal fir-reġjun ta’ lingwa Olandiża” kien ġie annullat mill-Qorti Kostituzzjonali (li qabel kienet tissejjaħ il-“Qorti ta’ Arbitraġġ”) bis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Jannar 1986 (Moniteur belge, tat-12 ta’ Frar 1986, p. 1710) li annullat ukoll kliem fl-Artikolu 5 tal-imsemmi digriet.


8 ‑ Għandu jiġi ppreċiżat li f’dak iż-żmien din kienet għadha tissejjaħ NV Hesse‑Noord Natie.


9 ‑ Verżjoni kkonsolidata, ĠU C 334, tat-30 ta’ Diċembru 2005, p. 1. Din il-konvenzjoni kienet ġiet issostitwita, b’effett mis-17 ta’ Diċembru 2009, bir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6, iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Ruma I”)


10 ‑ Ninnota li l-Kummissjoni tindika b’mod partikolari li l-kawża prinċipali kellha twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli għas-sitwazzjoni tas-sigurtà soċjali ta’A. Las. Fil-fehma tiegħi, dik il-problema tqum mill-kuntest tad-domanda preliminari li saret. Minkejja dan, jiena nenfasizza li l-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol tinsab fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Ruma I u mhux fir-regoli dwar id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali.


11 ‑ Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, Ġabra, p. I‑4921, punti 89 etseq) kif ukoll tal-1 ta’ April 2008, Gvern tal-Komunità Franċiża u Gvern tal-Wallonja (C‑212/06, Ġabra, p. I‑1683, punti 33 et seq).


12 ‑ Sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1998, Clean Car Autoservice (C‑350/96, Ġabra, p. I‑2521, punti 19 sa 25), kif ukoll tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC (C‑208/05, Ġabra, p. I‑181, punti 22 u 23).


13 ‑ Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Gvern tal-Komunità Franċiża u Gvern tal-Wallonja, iċċitata iktar ’il fuq (punti 44 et seq u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑253/09, Ġabra p. I‑12391, punti 46 et seq u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll il-ġurisprudenza li hija ċċitata hemmhekk.


14 ‑ Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni f’dan il-qasam, l-Istati Membri huma liberi li jadottaw miżuri nazzjonali jew reġjonali li jkollhom dan l-għan, madankollu dawn għandhom jirrispettaw it-Trattat u josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 45 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑490/04, Ġabra, p. I‑6095, punt 19).


15 ‑ ĠU L 288, p. 32. Ninnota li fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni indikat li, skont l-Artikolu 6 tagħha, l-imsemmija direttiva ma tarmonizzax il-kundizzjonijiet tal-forma tal-kuntratt ta’ xogħol, li taħthom taqa’ l-lingwa li fiha dan għandu jinkiteb.


16 ‑ Rigward il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal impjieg marbutin mal-lingwa, ara, fost l-oħrajn, dwar xogħol b’paga, is-sentenza Groener, iċċitata iktar ’il fuq; u dwar l-istabbiliment ta’ ħaddiema indipendenti, li hemmhekk kienu dentisti: is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Haim (C‑424/97, Ġabra, p. I‑5123, punti 50 et seq), jew avukati: is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C‑506/04, Ġabra, p. I‑8613, punti 70 et seq) u tad-19 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑193/05, Ġabra p. I‑8673, punti 40 et seq).


17 ‑ Fil-qasam ta’ moviment liberu tal-merkanzija, u b’mod partikolari tal-ittikkettar, qasam fejn ġew ipprojbiti l-miżuri nazzjonali li jimponu l-użu ta’ lingwa mingħajr ma jippermettu li tintuża lingwa oħra li tinftiehem faċilment mix-xerrejja, ara s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2000, Geffroy (C‑366/98, Ġabra, p. I‑6579, punti 24 et seq, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Dwar l-ugwaljanza fit-trattament tal-persuni rigward l-użu tal-lingwi quddiem il-qrati kriminali, ara s-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1998, Bickel u Franz (C‑274/96, Ġabra, p. I‑7637, punti 13 et seq, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), li tinnota l-importanza partikolari tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-faċilitajiet tal-individwi fil-qasam lingwistiku sabiex jiġu ssalvagwardjati l-libertajiet fundamentali tagħhom.


18 ‑ Ma għandix provi dwar ir-regoli applikabbli f’dan il-qasam f’Ċipru u fil-Lussemburgu.


19 ‑ Dan huwa l-każ fi Franza, fil-Lettonja, fil-Litwanja, fil-Polonja, fir-Rumanija, fis-Slovakkja u fis-Slovenja, kif ukoll fid-diversi entitajiet lingwistiċi fil-Belġju.


20 ‑ Punti 68 et seq.


21 ‑ Skont l-Artikolu 10 tiegħu.


22 ‑ Ara s-sentenza tas-31 ta’ Marzu 1993, Kraus (C‑19/92, Ġabra, p. I‑1663, punt 41).


23 ‑ Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais (C‑325/08, Ġabra, p. I‑2177, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Il-Kummissjoni vs l-Ungerija, iċċitata iktar ’il fuq (punt 69, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).


24 ‑ Skont ir-regoli bażiċi ddefiniti fis-sentenza Groener, iċċitata iktar ’il fuq (punt 19).


25 ‑ B’mod partikolari, fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, is-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2010, dos Santos Palhota et (C‑515/08, Ġabra p. I‑9133, punt 47).


26 ‑ Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1999 (C‑198/98, Ġabra, p. I‑8903, punt 22), li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 80/987/KEE tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ottubru 1980, dwar it-taqrib tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 271).


27 ‑ Il-Kummissjoni tirreferi, f’dan ir-rigward, ukoll għall-punt 43 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Defossez (C‑477/09, Ġabra p. I‑1421).


28 ‑ Ara s-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2010, Santos Palhota et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata).


29 ‑ Għalhekk, fil-Lettonja, ir-regoli li jeżiġu l-użu tal-lingwa nazzjonali fir-relazzjonijiet ta’ xogħol huma bbażati minn naħa, fuq il-protezzjoni ta’ interessi pubbliċi, bħalma huma s-sigurtà u s-saħħa, u min-naħa l-oħra, fuq rekwiżiti ta’ prova, bħalma huwa l-każ fir-Rumanija u fis-Slovenja. Fi Franza, l-għanijiet invokati mil-leġiżlatur huma wkoll il-protezzjoni tal-saħħa u tas-sigurtà tal-persuni, barra mil-limitazzjoni tar-riskju ta’ litigazzjoni.


30 ‑ Ara l-punti 70 et seq.


31 ‑ Ara wkoll is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2001, Finalarte et (C‑49/98 C‑50/98, C‑52/98 sa C‑54/98 u C‑68/98 sa C‑71/98, Ġabra p. I‑7831, punti 69 et seq).


32 ‑ Isir riferiment għall-protezzjoni tal-lingwa u tal-identità nazzjonali, fil-Litwanja, fil-Polonja u fis-Slovakkja, kif ukoll għall-protezzjoni tal-lingwa u tal-identità Komunitarji, barra mill-protezzjoni tad-drittijiet lingwistiċi tal-populazzjonijiet lokali, fir-reġjuni tal-Belġju ta’ lingwa Franċiża u lingwa Ġermaniża tar-Renju tal-Belġju, kif ukoll f’dak ta’ lingwa Olandiża.


33 ‑ Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Runevič‑Vardyn u Wardyn (C‑391/09, Ġabra p. I‑3787, punt 85), li tiċċita l-punt 19 tas-sentenza Groener, iċċitata iktar ’il fuq.


34 ‑ ĠU 2010, C 83, p. 396.


35 ‑ Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Eurojust (C‑160/03, Ġabra, p. I‑2077).


36 ‑ Ara l-punt 24 tal-imsemmija konklużjonijiet.


37 ‑ Skont l-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni għandha tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri tagħha, inerenti fl-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tagħhom, identità li tagħmel parti minnha l-protezzjoni tal-lingwa uffiċjali nazzjonali tal-Istat kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Runevič‑Vardyn u Wardyn, iċċitata iktar ’il fuq (punt 86).


38 ‑ Fir-rapport magħmul minn grupp ta’ xogħol fi ħdan il-membri tal-Konvenzjoni Ewropea, bid-data tal-4 ta’ Novembru 2002, kien ġie rrakkomandat li jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet tat-Trattat TUE li jipprovdu li l-Unjoni għandha l-obbligu li tirrispetta l-identitajiet nazzjonali tal-Istati Membri, fis-sens li l-fatturi essenzjali ta’ din l-identità jinkludu, fost oħrajn, l-istrutturi fundamentali u l-funzjonijiet essenzjali ta’ Stat Membru, fosthom l-għażla tal-lingwi (CONV 375/1/02 REV 1, p. 10 sa 12; dokument aċċessibbli fuq l-internet: http://european‑convention.eu.int/pdf/reg/fr/02/cv00/cv00375‑re01.fr02.pdf).


39 ‑ Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Runevič‑Vardyn u Wardyn, iċċitata iktar ’il fuq.


40 ‑ F’dan ir-rigward, ara l-punti 19 u 20 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-kawża li tat lok għas-sentenza Groener, iċċitata iktar ’il fuq.


41 ‑ Ara l-punti 20 et seq tas-sentenza Groener, iċċitata iktar ’il fuq.


42 ‑ Infakkar li l-prevalenza tal-kunsenswaliżmu fil-qasam tar-relazzjonijiet ta’ xogħol transkonfinali hija ammessa fl-Artikolu 8 tal-Regolament Ruma I, li jipprovdi li l-partijiet f’kuntratt ta’ xogħol għandhom, bħala regola ġenerali, l-għażla tal-liġi applikabbli għalih.


43 ‑ Ara, b’analoġija, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-kompetenza ġudizzjarja u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 1981, Elefanten Schuh (150/80, Ġabra, p. 1671, punt 27), li tipprovdi li leġiżlazzjoni ta’ Stat kontraenti ma għandhiex tkun ta’ ostaklu għall-validità ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni għas-sempliċi raġuni li l-lingwa użata mill-partijiet ma hijiex dik mitluba minn din il-leġiżlazzjoni.


44 ‑ Infakkar li l-possibbiltà li jiġi introdott rekwiżit lingwistiku minħabba n-natura tal-impjieg li għandu jittieħed hija espressament prevista fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15), dispożizzjoni li kienet ġiet interpretata fis-sentenza Groener, iċċitata iktar ’il fuq, li ċertament ma hijiex applikabbli f’din il-kawża iżda li l-filosofija tagħha tista’, fl-opinjoni tiegħi, isservi bħala sors ta’ riflessjoni. Dispożizzjoni essenzjalment identika tinsab fir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 141, p. 1) li kkodifika r-Regolament Nru 1612/68 u ssostitwixxih.


45 ‑ Ara t-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tal-digriet Fjamming dwar l-użu tal-lingwi ċċitat fil-kuntest ġuridiku.


.


46 ‑ Ara, b’analoġija, is-sentenza Bickel u Franz, iċċitata iktar ’il fuq (punt 29).


47 ‑ Il-kawża prinċipali taqa’ fil-qasam ċivili, imma huwa madankollu interessanti li wieħed jinnota, skont l-istruttura ġenerali tad-digriet Fjamming dwar l-użu tal-lingwi, li bil-kontra ta’ dak li japplika fl-entitajiet l-oħra tar-Renju tal-Belġju, fejn ma tiġi imposta l-ebda sanzjoni kriminali f’każ li ma jiġix sodisfatt ir-rekwiżit lingwistiku, jekk tali att jitwettaq fir-reġjun ta’ lingwa Olandiża, dak il-ksur jista’ jiġi ssanzjonat bi priġunerija u/jew multa fuq min jimpjega jew fuq ir-rappreżentanti tiegħu li jkunu kisru d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi digriet, skont l-Artikolu 12 tiegħu. Barra minn hekk, l-Artikolu 11 tal-imsemmi digriet jipprovdi għall-possibbiltà ta’ multa amministrattiva.


48 ‑ In-nullità retroattiva tidher li hija wkoll applikabbli fis-Slovenja, iżda tgħodd biss għall-futur fir-Rumanija u fil-Lettonja, peress li f’dan il-pajjiż tal-aħħar hija assoċjata ma’ obbligu fuq min jimpjega li jipproponi l-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid.


49 ‑ Jiġifieri fil-komuni li għandhom sistema speċjali, fir-reġjun ta’ lingwa Ġermaniża u fir-reġjun b’żewġ lingwi tal-belt kapitali ta’ Brussell. Min-naħa l-oħra, fir-reġjun ta’ lingwa Franċiża, tiġi inkorsa n-nullità tad-dokumenti ta’ xogħol redatti f’lingwa oħra.


50 ‑ Huwa previst in-nuqqas ta’ infurzar tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt kontra l-ħaddiem li huwa ppreġudikat minnhom, fil-Litwanja, fil-Polonja, fis-Slovakkja, kif ukoll fi Franza, fejn teżisti l-possibbiltà li jintalab taħt pagament ta’ penalità li d-dokument ikkonċernat jiġi prodott bil-Franċiż.


51 ‑ Infakkar li l-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni kien inizjalment suġġett għal-liġi tal-Olanda, skont ma xtaqu l-partijiet fil-kawża prinċipali, anki jekk huma jaqblu meta jgħidu quddiem il-qorti tar-rinviju li l-liġi tal-Belġju hija applikabbli. Madankollu, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Ruma I jipprovdi li kull emenda rigward id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli, li sseħħ wara l-konklużjoni tal-kuntratt, ma taffettwax il-validità formali tal-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 11 u ma tippreġudikax id-drittijiet tat-terzi.


52 ‑ Fi Franza, fil-Lettonja, fil-Litwanja u fis-Slovakkja.


53 ‑ Fil-Polonja, fir-Rumanija, u fis-Slovenja, kif ukoll fil-muniċipalitajiet tal-Belġju mogħnija b’sistema speċjali, ir-reġjun b’żewġ lingwi ta’ Bruxelles-Capitale u r-reġjun ta’ lingwa Ġermaniża.


54 ‑ Dwar il-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa xieraq li l-qorti nazzjonali jkollha sabiex tkun tista’ tvarja s-sanzjoni prevista f’każ ta’ ksur tar-regoli ta’ Stat Membru li jeżiġi l-użu tal-lingwa tiegħu skont il-preġudizzju konkret għal għan ta’ interess ġenerali, bħall-protezzjoni tal-konsumaturi f’dan il-każ, ara l-punt 68 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-14 ta’ Lulju Goerres (C‑385/96, p. I‑4431).