Language of document : ECLI:EU:C:2017:780

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

19 ta’ Ottubru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/23/KE – Artikolu 1(1) – Trasferiment ta’ impriża jew ta’ negozju – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema – Obbligu tat-teħid lura tal-ħaddiema miċ-ċessjonarju – Provvista ta’ servizzi ta’ viġilanza u ta’ sigurtà eżegwiti minn impriża – Sejħa għal offerti – Għoti tal-kuntratt lil impriża oħra – Nuqqas ta’ teħid lura tal-persunal – Dispożizzjoni nazzjonali li teskludi mill-‘kunċett ta’ trasferiment ta’ impriża jew ta’ negozju’ it-telf ta’ klijent minn operatur wara l-għoti ta’ kuntratt ta’ servizzi lil operatur ieħor”

Fil-Kawża C-200/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal de Justiça (qorti suprema, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ April 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ April 2016, fil-proċedura

Securitas - Serviços e Tecnologia de Segurança SA

vs

ICTS Portugal – Consultadoria de Aviação Comercial SA,

Arthur George Resendes et

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn A. Borg Barthet (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Awla, M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        minn ICTS Portugal – Consultadoria de Aviação Comercial SA, minn A.L. Santos, avukat,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u L. C. Oliveira, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. França u M. Kellerbauer, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 4 p. 98).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Securitas – Serviços e Tecnologia de Segurança SA (iktar 'il quddiem “Securitas”) u ICTS Portugal – Consultadoria de Aviação Comercial SA (iktar 'il quddiem “ICTS”) kif ukoll Arthur George Resendes u sittax-il persuna oħra fil-kapaċità tagħhom ta’ ex impjegati ta’ ICTS, dwar ir-rifjut ta’ Securitas li tirrikonoxxi li r-relazzjonijiet ta’ impjieg eżistenti bejn dawn l-impjegati u ICTS ġew ittrasferiti lil Securitas permezz tat-trasferiment ta’ negozju.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa 3 tad-Direttiva 2001/23 hija fformulata kif ġej:

“Huwa neċessarju li jigi pprovdut għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ li jinbidel min jimpjega, b’mod partikulari, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom ikunu salvagwardjati.”

4        Il-premessa 8 ta’ din id-direttiva tistipula:

“Il-konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà u trasparenza legali kienu jeħtieġu li l-kunċett legali ta’ trasferiment għandu jiġi ċċarat fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din il-kjarifika ma biddlitx il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/187/KEE skond kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.”

5        L-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23 jipprovdi:

“a)      Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali.

b)      Bla ħsara għas-subparagrafu (a) u għad-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ dan l-Artikolu, ikun hemm trasferiment fis-sens ta’ din id-Direttiva meta jkun hemm trasferiment ta’ xi entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le.”

6        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23:

“Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.”

 Id-dritt Portugiż

 Il-kodiċi industrijali

7        Skont l-Artikolu 285 tal-codigo do trabalho (kodiċi industrijali), approvat bil-liġi Nru 7/2009, tat-12 ta’ Frar 2009:

“1.      Fil-każ ta’ trasferiment, taħt kwalunkwe titolu, tal-proprjetà ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju li jikkostitwixxi entità ekonomika, għandhom jiġu ttrasferiti liċ-ċessjonarju, il-kwalità ta’ persuna li timpjega fil-kuntratti ta’ xogħol tal-ħaddiema kkonċernati, kif ukoll ir-responsabbiltà tal-ħlas tal-multi imposti fil-każ ta’ ksur tad-dritt industrijali.

2.      Iċ-ċedent huwa responsabbli in solidum għall-obbligi dovuti fid-data tat-trasferiment, matul is-sena ta’ wara din.

3.      Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi preċedenti japplikaw ukoll għat-trasferiment, għaċ-ċessjoni jew għat-teħid mill-ġdid tal-ġestjoni diretta tal-attività tal-impriża, tan-negozju jew tal-entità ekonomika, u, fil-każ ta’ ċessjoni jew teħid mill-ġdid tal-ġestjoni diretta tal-attività, hija responsabbli in solidum il-persuna li kienet tmexxi l-operat preċedentement.

4.      Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi preċedenti ma humiex applikabbli fil-każ tal-ħaddiem li, qabel it-trasferiment, ġie ttrasferit miċ-ċedent għal negozju jew għal entità ekonomika oħra, fis-sens tal-Artikolu 194, filwaqt li jibqa’ impjegat magħha, bl-eċċezzjoni fir-rigward tar-responsabbiltà taċ-ċessjonarju fil-qasam ta’ ħlas tal-multi imposti fil-każ ta’ ksur tad-dritt industrijali.

5.      Huma kkunsidrati bħala entità ekonomika l-mezzi organizzati kollha bl-għan li titwettaq attività ekonomika, prinċipali jew aċċessorja.

6.      Jikkostitwixxi kontravenzjoni aggravata, il-ksur tal-paragrafu 1 u tal-ewwel parti tal-paragrafu 3.”

 Il-ftehim kollettiv

8        Il-klawżola Nru 13 tal-kuntratt kollettiv ta’ impjieg konkluż fl-2011 bejn l-Associação de Empresas de Segurança Privada (assoċjazzjoni tal-impriżi ta’ sigurtà privata), l-Associação Nacional das Empresas de Segurança (assoċjazzjoni nazzjonali tal-impriżi ta’ sigurtà) u, b’mod partikolari, is-Sindicato dos Trabalhadores dos Serviços de Portaria, Vigilância, Limpeza, Domésticas e Actividades Diversas (sindakat tal-ħaddiema fis-servizzi ta’ viġilanza, ta’ kontroll, ta’ tindif, tal-persunal tad-dar u ta’ attivitajiet diversi), ippubblikat fil-Boletim do Trabalho e Emprego (bulletin tax-xogħol u tal-impjieg) Nru 17/2011 jipprovdi:

“1.      F’każ ta’ trasferiment, taħt kwalunkwe titolu, tal-proprjetà ta’ impriża, jew ta’ negozju jew inkella ta’ parti mill-impriża jew min-negozju li jikkostitwixxi entità ekonomika, hija trasmessa liċ-ċessjonarju, il-kwalità ta’ persuna li timpjega fil-kuntratti ta’ impjieg tal-ħaddiema kkonċernati.

2.      It-telf ta’ klijent minn operatur wara l-għoti ta’ kuntratt ta’ servizzi lil operatur ieħor ma jaqax taħt il-kunċett ta’ trasferiment ta’ impriża jew ta’ negozju.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        A. Resendes u sittax-il persuna oħra, fil-kwalità tagħhom ta’ impjegati ta’ ICTS, sal-14 ta’ Lulju 2013, eżerċitaw karigi ta’ viġilanza fil-proprjetà (marina, port, moll) ta’ Portos dos Açores SA li tinsab f’Ponta Delgada (il-Portugall), abbażi ta’ kuntratt konkluż bejn din tal-aħħar u ICTS.

10      B’mod partikolari huma kienu responsabbli li jikkontrollaw id-dħul u l-ħruġ ta’ persuni u ta’ merkanzija, permezz ta’ mezzi ta’ vidjosorveljanza, skont kif kien ġie ppreċiżat lilhom minn ICTS. Il-persuna li timpjegahom kienet tipprovdilhom ukoll uniformi ta’ identifikazzjoni kif ukoll tagħmir radjofoniku.

11      Fis-17 ta’ Jannar 2013, Portos dos Açores għamlet sejħa għal offerti għall-provvista ta’ servizzi ta’ viġilanza u ta’ sigurtà preventiva fil-proprjetà tagħha ta’ Ponta Delgada. Fis-17 ta’ April 2013, dan il-kuntratt ingħata lil Securitas.

12      L-impjegati ta’ ICTS isostnu, quddiem il-qorti tar-rinviju, li, fis-17 ta’ Ġunju 2013, ICTS indikatilhom bil-miktub li, wara l-għoti tal-imsemmi kuntratt lil Securitas, b’effett mill-15 ta’ Lulju ta’ wara, il-kuntratti ta’ impjieg tagħhom kienu se jkunu, minn din id-data, ittrasferiti lil din tal-aħħar.

13      Fl-14 ta’ Lulju 2013, impjegat ta’ ICTS, wara li rċieva mingħand il-persuna li timpjegah struzzjonijiet f’dan is-sens, għadda lil impjegat ta’ Securitas it-tagħmir radjofoniku użat mill-impjegati ta’ ICTS fil-proprjetà ta’ Portos dos Açores. Sussegwentement, Securitas għaddiet dan it-tagħmir lil Portos dos Açores.

14      Securitas bdiet tipprovdi s-servizzi ta’ viġilanza u ta’ sigurtà fil-15 ta’ Lulju 2013. Hija pprovdiet lill-aġenti ta’ sigurtà magħżula għall-eżekuzzjoni ta’ din tagħmir radjofoniku ta’ proprjetà tagħha kif ukoll ħwejjeġ identiċi bil-logo tal-impriża.

15      Securitas, barra minn hekk, informat lil A. Resendes u lis-sittax-il persuna l-oħra kkonċernati li huma ma kinux jagħmlu parti mill-persunal tagħha u li l-persuna li timpjegahom kienet għadha ICTS. Konsegwentement, dawn ippreżentaw quddiem it-Tribunal do Trabalho de Ponta Delgada (qorti industrijali ta’ Ponta Delgada, il-Portugall) rikors kontra Securitas u ICTS intiż sabiex Securitas, jew sussidjarjament ICTS, tiġi kkundannata tirrikonoxxi li jagħmlu parti mill-persunal tagħha u sabiex tħallashom is-salarji tagħhom kif ukoll l-interessi moratorji sa mill-15 ta’ Lulju 2013 jew, għal tlieta minnhom, kumpens għal tkeċċija illegali.

16      Din il-qorti laqgħet dan ir-rikors. Hija qieset li kien seħħ trasferiment ta’ negozju bejn iż-żewġ kumpanniji u li l-kuntratti ta’ impjieg tal-ex impjegati ta’ ICTS kienu ġew ittrasferiti lil Securitas. Konsegwentement, hija kkwalifikat it-tkeċċija ta’ dawn tal-aħħar minn Securitas bħala illegali, u kkundannat lil din il-kumpannija tieħu lura l-parti l-kbira tal-persuni kkonċernati kif ukoll tħallashom diversi krediti ta’ salarji u kumpens.

17      Securitas appellat minn din is-sentenza quddiem it-Tribunal da Relação de Lisboa (qori tal-appell ta’ Lisbona, il-Portugall), li kkonfermat is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza.

18      Securitas, għalhekk, ippreżentat appell għal reviżjoni eċċezzjonali quddiem is-Supremo Tribunal de Justiça (qorti suprema, il-Portugall). Din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, dwar il-punt jekk is-sostituzzjoni ta’ Securitas għal ICTS, għall-attività ta’ viġilanza u ta’ sigurtà eżerċitata fil-proprjetà ta’ Portos dos Açores, u dan wara l-għoti lil Securitas ta’ kuntratt għal servizzi, taqax taħt il-kunċett ta’ “trasferiment ta’ impriża [jew] ta’ negozju” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2001/23.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supremo Tribunal de Justiça (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Is-sitwazzjoni deskritta fil-kawża inkwistjoni tikkostitwixxi trasferiment ta’ impriża jew ta’ stabbiliment, fid-dawl tat-trasferiment [ta’] […] ICTS [minn] […] Securitas, wara li saret sejħa għal offerti li fiha ntagħżlet l-offerta ta’ Securitas, li rebħet il-kuntratt għall-provvista ta’ servizzi ta’ viġilanza u ta’ sigurtà li għandhom jitwettqu fil-port ta’ Ponta Delgada, fil-gżira ta’ São Miguel, l-Azores, u t-trasferiment ta’ entità ekonomika jaqa’ taħt l-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2001/23/KE?

2)      Is-sitwazzjoni deskritta fil-kawża inkwistjoni tikkostitwixxi sempliċi sitwazzjoni ta’ impriżi kompetituri li jissuċċedu lil xulxin, skont l-għoti tal-provvista ta’ servizzi lill-impriża li rebħet l-imsemmija sejħa pubblika għal offerti, fejn għalhekk għandha tiġi eskluża mill-kunċett ta’ trasferiment ta’ impriża jew stabbiliment, fis-sens tal-imsemmija direttiva?

3)      Sa fejn il-Klawżola 13(2) tal-kuntratt kollettiv tax-xogħol konkluż bejn l-AES u AESIRF u l-iSTAD u assoċjazzjonijiet sindakali oħra tipprovdi li: “It-telf ta’ klijent min-naħa ta’ operatur minħabba l-għoti ta’ kuntratt ta’ servizz lil operatur ieħor ma jaqax taħt il-kunċett ta’ trasferiment ta’ impriża jew ta’ stabbiliment”, din tmur kontra d-dritt Komunitarju dwar id-definizzjoni ta’ trasferiment ta’ impriża jew ta’ stabbiliment li tirriżulta mid-Direttiva 2001/23/KE?”

20      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Mejju 2016, it-talba tal-qorti tar-rinviju, sabiex din il-kawża tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ġiet miċħuda.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

21      Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “trasferiment ta’ impriża [jew] ta’ negozju”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sitwazzjoni fejn persuna li tat ordni temmet il-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi ta’ sorveljanza u ta’ viġilanza tal-proprjetà tagħha konkluż ma’ impriża, u imbagħad ikkonkludiet, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din il-provvista, kuntratt ġdid ma’ impriża oħra, li tirrifjuta li tieħu lura l-ħaddiema tal-ewwel.

22      Skont l-Artikolu 1(1)(a) tagħha, id-Direttiva 2001/23 tapplika għal “kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li tħaddem bħala riżultat ta’ trasferiment permezz ta’ ftehim jew ta’ inkorporazzjoni legali”.

23      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23 huwa estiż għall-ipoteżi ta’ bdil kollha, fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali, tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-operat tal-impriża, li tikkontratta l-obbligi tal-persuna li timpjega fil-konfront tal-impjegati tal-impriża. Għalhekk, sabiex id-Direttiva 2001/23 tapplika, ma huwiex neċessarju li jkunu jeżistu relazzjonijiet kuntrattwali diretti bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju, peress li ċ-ċessjoni tista’ ssir permezz tal-intervent ta’ terza persuna (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 1996, Merckx u Neuhuys, C-171/94 u C-172/94, EU:C:1996:87, punti 28 u 30, kif ukoll tal-20 ta’ Novembru 2003, Abler et, C-340/01, EU:C:2003:629, punt 39).

24      Minn dan isegwi li l-assenza ta’ rabta kuntrattwali bejn iż-żewġ impriżi li ngħatatilhom suċċessivament il-ġestjoni tas-sorveljanza u tal-viġilanza ta’ proprjetà fil-port hija mingħajr effett fuq il-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 2001/23 hijiex applikabbli jew le għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

25      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23, l-applikabbiltà ta’ din id-direttiva hija wkoll suġġetta għall-kundizzjoni li t-trasferiment ikun jirrigwarda “entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi, bl-għan li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari.”

26      Sabiex jiġi ddeterminat jekk tali kundizzjoni hijiex effettivament issodisfatta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha li jikkaratterizzaw l-operazzjoni inkwistjoni, fosthom, b’mod partikolari, it-tip ta’ impriża jew negozju inkwistjoni, it-trasferiment jew nuqqas ta’ trasferiment ta’ elementi korporali, bħal bini jew beni mobbli, il-valur tal-elementi inkorporali meta seħħ it-trasferiment, l-impjieg jew in-nuqqas ta’ impjieg tal-maġġoranza tal-persunal mill-proprjetarju l-ġdid, it-trasferiment jew in-nuqqas ta’ trasferiment tal-klijentela, kif ukoll il-livell ta’ xebh bejn l-attivitajiet imwettqa qabel u dawk imwettqa wara t-trasferiment u t-tul ta’ eventwali sospensjoni ta’ dawn l-attivitajiet. Dawn l-elementi għandhom jiġu evalwati fil-kuntest ta’ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u ma jistgħux, għalhekk, jiġu kkunsidrati b’mod iżolat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Aira Pascual u Algeposa Terminales Ferroviarios, C-509/14, EU:C:2015:781, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-qorti nazzjonali, fl-evalwazzjoni tagħha taċ-ċirkustanzi fattwali li jikkaratterizzaw l-operazzjoni inkwistjoni, għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni t-tip ta’ impriża jew ta’ stabbiliment ikkonċernat. (sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Aira Pascual u Algeposa Terminales Ferroviarios, C-509/14, EU:C:2015:781, punt 33).

28      Minn dan jirriżulta li l-grad ta’ importanza rispettiva li għandha tingħata lill-kriterji differenti tal-eżistenza ta’ trasferiment fis-sens tad-Direttiva 2001/23 jinbidel neċessarjament skont l-attività eżerċitata, jew il-metodi ta’ produzzjoni jew ta’ operat użati fl-impriża, fl-istabbiliment jew f’parti mill-istabbiliment inkwistjoni (sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Aira Pascual u Algeposa Terminales Ferroviarios, C-509/14, EU:C:2015:781, punt 34).

29      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li, f’settur fejn l-attività tistrieħ essenzjalment fuq forza tax-xogħol, l-identità tal-entità ekonomika ma tistax tinżamm jekk il-maġġoranza tal-impjegati ta’ din l-entità ma titteħidx mill-preżunt ċessjonarju (sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Aira Pascual u Algeposa Terminales Ferroviarios, C-509/14, EU:C:2015:781, punt 35).

30      Meta, min-naħa l-oħra, l-attività tkun ibbażata essenzjalment fuq tagħmir, il-fatt li l-ex impjegati ta’ impriża ma jittiħdux lura mill-imprenditur il-ġdid għat-twettiq ta’ din l-attività, bħall-każ fil-kawża prinċipali, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha fis-sens tad-Direttiva 2001/23 f’settur, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-attività essenzjalment tistrieħ fuq it-tagħmir. Interpretazzjoni differenti tmur, fil-fatt, kontra l-għan prinċipali tal-imsemmija direttiva, li huwa li żżomm il-kontinwità, anki kontra r-rieda taċ-ċessjonarju, tal-kuntratti tax-xogħol tal-impjegati taċ-ċedent (sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Aira Pascual u Algeposa Terminales Ferroviarios, C-509/14, EU:C:2015:781, punt 41).

31      Konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha fattwali li jikkaratterizzaw l-operat inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk din tal-aħħar għandhiex tiġi kkunsidrata bħala trasferiment ta’ impriża, fis-sens tad-Direttiva 2001/23.

32      Għal dan il-għan, hija għandha, b’mod partikolari, tivverifika jekk ICTS ittrasferitx lil Securitas, direttament jew indirettament, tagħmir jew oġġetti materjali jew mhux materjali, għall-finijiet tat-twettiq tal-attività ta’ viġilanza u ta’ sigurtà fil-proprjetà inkwistjoni.

33      L-imsemmija qorti għandha tivverifika, barra minn hekk, jekk tali elementi tqegħdux għad-dispożizzjoni ta’ ICTS u ta’ Securitas minn Portos dos Açores. F’dan ir-rigward, għandu fil-fatt jitfakkar li l-fatt li l-elementi materjali indispensabbli għat-twettiq tal-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li jrid iwettaq l-imprenditur il-ġdid ma kinux proprjetà tal-predeċessur tiegħu, iżda kienu sempliċement imqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu mill-persuna li tat l-ordni, ma jistax iwassal għall-esklużjoni tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża jew ta’ negozju, fis-sens tad-Direttiva 2001/23 (sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Aira Pascual u Algeposa Terminales Ferroviarios, C-509/14, EU:C:2015:781, punti 38 kif ukoll 39). Madankollu, huwa biss it-tagħmir li huwa effettivament użat għall-provvista ta’ servizz ta’ viġilanza, bl-esklużjoni tal-proprjetà li hija s-suġġett ta’ dawn is-servizzi, li għandu, skont il-każ, jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ entità li żżomm l-identità tagħha, fis-sens tad-Direttiva 2001/23 (sentenza tad-29 ta’ Lulju 2010, UGT-FSP, C-151/09, EU:C:2010:452, punt 31).

34      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi preliminari għandha tkun li l-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2001/23 għandha tiġi interpretata fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “trasferiment ta’ impriża [jew] ta’ stabbiliment”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sitwazzjoni fejn persuna li tat ordni temmet il-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi ta’ sorveljanza u ta’ viġilanza tal-proprjetà tagħha konkluż ma’ impriża, u imbagħad ikkonkludiet, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din il-provvista, kuntratt ġdid ma’ impriża oħra, li tirrifjuta li tieħu lura l-ħaddiema tal-ewwel, meta t-tagħmir indispensabbli għat-twettiq tal-imsemmija provvista jkun ittieħed mit-tieni impriża.

 Fuq it-tielet domanda

35      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li jopponi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “trasferiment ta’ impriża [jew] ta’ stabbiliment” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 1(1), it-telf ta’ klijent minn operatur wara l-għoti ta’ kuntratt ta’ servizzi lil operatur ieħor.

36      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-sempliċi telf ta’ kuntratt ta’ servizz għall-profitt ta’ kompetitur ma jistax, minnu nnifsu, juri l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża jew ta’ negozju, fis-sens tad-Direttiva 2001/23 (sentenza tal-11 ta’ Marzu 1997, Süzen, C-13/95, EU:C:1997:141, punt 16). Madankollu, dispożizzjoni nazzjonali li teskludi b’mod ġenerali mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett it-telf ta’ klijent minn operatur wara l-għoti ta’ kuntratt ta’ servizzi lil operatur ieħor ma tippermettix li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha li jikkaratterizzaw l-operat inkwistjoni.

37      Għalhekk, fid-dawl, minn naħa, tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punti 26 u 27 ta’ din is-sentenza u, min-naħa l-oħra, tal-għan tad-Direttiva 2001/23 li, kif jirriżulta mill-premessa 3 tagħha, huwa li jiġu protetti l-ħaddiema billi jiġi żgurat li jibqgħu jiġu rrispettati d-drittijiet tagħhom f’każ li jinbidel min jimpjega, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi tali dispożizzjoni nazzjonali.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “trasferiment ta’ impriża [jew] ta’ negozju”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 1(1), it-telf ta’ klijent minn operatur wara l-għoti ta’ kuntratt ta’ servizzi lil operatur ieħor.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “trasferiment ta’ impriża [jew] ta’ stabbiliment”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sitwazzjoni fejn persuna li tat ordni temmet il-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi ta’ sorveljanza u ta’ viġilanza tal-proprjetà tagħha konkluż ma’ impriża, u imbagħad ikkonkludiet, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din il-provvista, kuntratt ġdid ma’ impriża oħra, li tirrifjuta li tieħu lura l-ħaddiema tal-ewwel, meta t-tagħmir indispensabbli għat-twettiq tal-imsemmija provvista jkun ittieħed mit-tieni impriża.

2)      L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “trasferiment ta’ impriża [jew] ta’ negozju”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 1(1), it-telf ta’ klijent minn operatur wara l-għoti ta’ kuntratt ta’ servizzi lil operatur ieħor.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.