Language of document : ECLI:EU:C:2009:616

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Ottubru 2009 (*)

“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew u proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Artikolu 4(6) – Raġuni għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Implementazzjoni fid-dritt nazzjonali – Persuna arrestata ċittadina tal-Istat Membru li joħroġ il-mandat – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tkun residenti għal perijodu ta’ ħames snin fit-territorju tiegħu – Artikolu 12 KE”

Fil-Kawża C‑123/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikoli 35 UE u 234 KE, imressqa mir-Rechtbank Amsterdan (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Diċembru 2007, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Marzu 2008, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-konfront ta’

Dominic Wolzenburg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, K. Lenaerts u M. Ilešič, Presidenti ta’ Awla, A. Tizzano, A. Borg Barthet, J. Malenovský, J. Klučka, U. Lõhmus u L. Bay Larsen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tas-17 ta’ Marzu 2008, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Marzu 2008, li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura b’urġenza skont l-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura,

wara li rat id-deċiżjoni tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 2008 li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jiġix suġġett għall-proċedura b’urġenza,

wara li rat il-proċedura bil-miktub li kompliet skont il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 104b(2) tar-Regoli tal-Proċedura u wara s-seduta tas-17 ta’ Frar 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal D. Wolzenburg, minn D. Wiersum u J. van der Putte, advocaten,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. Noort, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Pilgaard Zinglersen, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J.-C. Niollet, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl u T. Fülöp, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn S. Grünheid u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Marzu 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34; rettifika fil-ĠU L 17, 22.1.2009, p. 45), u tal-Artikolu 12 KE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri dwar l-eżekuzzjoni, mill-Internationale Rechtshulpkamer du Rechtbank Amsterdan (Awla għall-kooperazzjoni internazzjonali tal-Qorti distrettwali ta’ Amsterdam, iktar ’il quddiem l-“awtorità ġudizzjarja Olandiża ta’ eżekuzzjoni”), ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fit-13 ta’ Lulju 2006 mill-iStaatsanwaltschaft Aachen (iktar ’il quddiem l-“awtorità ġudizzjarja Ġermaniża li ħarġet il-mandat”) kontra D. Wolzenburg, ċittadin Ġermaniż.

 Il-kuntest ġuridiku

 It-Titolu VI tat-Trattat UE

3        Mill-informazzjoni dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-1 ta’ Mejju 1999 (ĠU L 114, p. 56), jirriżulta li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għamel dikjarazzjoni, skont l-Artikolu 35(2) UE li permezz tagħha aċċetta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni preliminari skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 35(3)(b) UE.

 Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI

4        Skont il-premessa 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584:

“L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. [...] Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.”

5        Il-premessa 7 tad-deċiżjoni qafas imsemmija tispeċifika:

“Billi l-għan tas-sostituzzjoni tas-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali mibnija fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 ma jistax jintlaħaq sew mill-Istati Membri li jaġixxu unilateralment u jista’ għalhekk, minħabba fl-iskala u fl-effetti tiegħu, jiġi milħuq aħjar fuq il-livell ta’ l-Unjoni, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjietà msemmi fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. [...]”

6        Il-premessa 8 tal-istess deċiżjoni qafas tipprovdi:

“Id-deċiżjonijiet dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli suffiċjenti, li jfisser li awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata jkollha tieħu d-deċiżjoni dwar il-konsenja tagħha.”

7        L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jiddefinixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi eżegwit bit-termini li ġejjin:

“1. Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2. L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Deċiżjoni Qafas].”

8        L-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni qafas imsemmija jipprovdi li meta tkun ingħatat piena ta’ kustodja, jista’ jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur.

9        L-Artikolu 3 tal-istess deċiżjoni qafas jelenka tliet “[r]aġunijiet għan-non-esekuzzjoni obbligatorja biex ma jiġix esegwit mandat ta’ arrest Ewropew”.

10      L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Raġunijiet għan-nuqqas ta’ esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, jistipula, f’seba’ punti, dawn ir-raġunijiet. L-Artikolu 4(6) tagħha jipprovdi f’dan ir-rigward:

“L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew:

[…]

6)      jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ġie maħruġ għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, fejn il-persuna rikjesta qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni u dak l-Istat jintrabat li jesegwixxi l-piena jew l-ordni ta’ detenzjoni skond il-liġi domestika tiegħu;”

11      L-Artikolu 5 tad-deċiżjoni qafas imsemmija, intitolat “Garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru [li joħroġ il-mandat] f’każijiet partikolari”, jipprovdi kif ġej:

“L-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’, mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

[…]

3)      fejn persuna li hi s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ azzjoni kriminali hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni, il-konsenja tista’ tkun soġġetta għall-kondizzjoni li l-persuna, wara li tkun instemat, tiġi ritornata lill-Istat Membru ta' esekuzzjoni sabiex tiskonta hemmhekk il-piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni mogħtija lilha fl-Istat Membru emittenti.”

12      L-Artikolu 11(1) tal-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Drittijiet ta’ persuna rikjesta”, jipprovdi:

“Meta persuna rikjesta tiġi arrestata, l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni kompetenti għandha, skond il-liġi nazzjonali tagħha, tinforma lil dik il-persuna bil-mandat ta’ arrest Ewropew u bil-kontenut tiegħu, u wkoll bil-possibbiltà li tagħti l-kunsens għall-konsenja lill-awtorità ġudizzjarja emittenti.”

 Id-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI

13      Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 327, p. 27), li tapplika wkoll, mutatis mutandis, għall-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fil-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandha, skont l-Artikolu 29 tagħha, tiġi implementata mill-Istati Membri qabel il-5 ta’ Diċembru 2011.

14      L-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jispeċifika li l-għan tagħha huwa li tistabbilixxi r-regoli li jippermettu lil Stat Membru, sabiex tiġi ffaċilitata r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata, jirrikonoxxi sentenza u jeżegwixxi l-piena.

15      L-Artikolu 4(7)(a) tad-deċiżjoni qafas imsemmija jistabbilixxi dispożizzjoni fakultattiva li tippermetti lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tibgħat sentenza lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sa fejn il-persuna kkundannata tkun ilha tgħix u tkun ilha residenti hemmhekk, b’mod legali u kontinwu, għal mill-inqas ħames snin.

 Id-Direttiva 2004/38/KE

16      Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158. p. 77), tipprovdi, fil-premessa 17 tagħha:

“It-tgawdija ta’ residenza permanenti miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għażlu li jittrasferixxu ruħhom għal perjodu indeterminat fl-Istat Membru ospitanti għandha ssaħħaħ is-sens ta’ ċittadinanza ta’ l-Unjoni u hi element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, li hi waħda mill-għanijiet fondamentali ta’ l-Unjoni. Għandu għalhekk jiġi stabbilit dritt ta’ residenza permanenti għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom li għixu fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva u mingħajr ma jkunu suġġetti għal miżura ta’ tkeċċija.”

17      L-Artikolu 16(1) tad-direttiva msemmija jipprovdi:

“Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. […]”

18      Skont l-Artikolu 19(1) tal-istess direttiva:

“L-Istati Membri, wara li jivverifikaw id-dewma [it-tul] tar-residenza, fuq preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni għandhom joħorġu liċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li hu ntitolat għal dritt ta’ residenza permanenti dokument li jiċċertifika din ir-residenza permanenti.”

 Id-dritt nazzjonali

19      L-Artikolu 6 tal-Liġi dwar il-konsenja ta’ persuni (Overleveringswet), tad-29 ta’ April 2004 (Staatsblad 2004, Nru 195, iktar ’il quddiem l-“OLW”), jimplementa l-Artikoli 4(6) u 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fis-sistema ġuridika Olandiża.

20      L-Artikolu 6(1) sa (3) tal-OLW jikkonċerna ċ-ċittadini Olandiżi. Filwaqt li l-Artikolu 6(1) ta’ din il-liġi jimplementa l-Artikolu 5(3) tad-deċiżjoni qafas imsemmija, l-Artikolu 6(2) u (3) tal-istess liġi jimplementa l-Artikolu 4(6) tal-istess deċiżjoni qafas. Skont l-Artikolu 6(2) u (3):

“2.      Il-konsenja ta’ persuna Olandiża ma hijiex permessa jekk din il-konsenja tintalab għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ detenzjoni li tkun ingħatat b’deċiżjoni ġudizzjarja definittiva.

3.      Fil-każ li l-konsenja tiġi rrifjutata esklużivament abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, il-prosekuzzjoni għandha tinforma lill-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat li hija lesta teżegwixxi s-sentenza skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 11 tal-konvenzjoni tal-21 ta’ Marzu 1983 fuq it-trasferimenti ta’ persuni kkundannati jew abbażi ta’ konvenzjoni applikabbli oħra.”

21      L-Artikolu 6(5) tal-OLW, li jikkonċerna l-persuni li mhumiex ċittadini Olandiżi, irrispettivament minn jekk humiex ċittadini ta’ Stat Membru jew ta’ Stat terz, jipprovdi:

“Il-paragrafi 1 sa 4 japplikaw ukoll għal barrani li jkollu permess ta’ residenza għal żmien indefinit, inkwantu huwa jista’ jiġi mħarrek fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-fatti li minħabba fihom joħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew u inkwantu huwa mistenni li l-persuna barranija ma titlifx id-dritt ta’ residenza tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi wara s-sentenza jew il-piena li tingħata wara l-konsenja.”

22      Mill-Artikolu 8(e) tal-Liġi dwar il-barranin (Vreemdelingenwet), tat-23 ta’ Novembru 2000 (Staatsblad 2000, Nru 495, iktar ’il quddiem il-“Vw”), jirriżulta li persuna barranija tkun residenti b’mod legali fil-Pajjiżi l-Baxxi bħala ċittadina Komunitarja biss jekk ir-residenza tagħha tkun ibbażata fuq regola adottata taħt it-Trattat KE jew taħt il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3).

23      L-Artikolu 9(2) tal-Vw jipprovdi li, meta persuna barranija tkun residenti b’mod legali fis-sens tal-Artikolu 8(e) tal-istess liġi u meta din il-persuna tkun ċittadina Komunitarja, il-Ministru tal-Ġustizzja Olandiż jagħtiha dokument li jkun prova tal-legalità ta’ din ir-residenza jekk tkun kisbet id-dritt ta’ residenza permanenti fis-sens tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38.

24      Mill-Artikolu 20(1) tal-Vw, intitolat “Il-permess ta’ residenza għal żmien indefinit”, jirriżulta li l-Ministru tal-Ġustizzja Olandiż għandu l-kompetenza jagħti permess ta’ residenza għal żmien indefinit.

25      L-Artikolu 21(1)(a) tal-Vw jipprovdi li l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal żmien indefinit fis-sens tal-Artikolu 20 ta’ din il-liġi tista’ tiġi rrifjutata biss meta l-persuna barranija ma kinitx residenti għal ħames snin, b’mod legali u kontinwu, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-istess liġi, immedjatament qabel ma ssir l-applikazzjoni.

 Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

26      Permezz ta’ sentenzi mogħtija fl-2002, żewġ qrati Ġermaniżi kkundannaw lil D. Wolzenburg, b’mod kundizzjonali, għal żewġ pieni ta’ priġunerija talli wettaq, matul l-2001, diversi reati, b’mod partikolari talli daħħal il-marijuana fil-Ġermanja.

27      Permezz ta’ sentenza li imponiet piena magħquda (“Gesamtstrafenbeschluss”), mogħtija fis-27 ta’ Marzu 2003, l-Amtsgericht Aachen (il-Ġermanja) bidlet dawn iż-żewġ pieni għal piena ta’ libertà kundizzjonata ta’ sena u disa’ xhur.

28      D. Wolzenburg daħal fil-Pajjiżi l-Baxxi fil-bidu ta’ Ġunju tal-2005. Hemmhekk huwa għex f’appartament f’Venlo taħt kuntratt ta’ kera konkluż f’ismu u f’isem il-konjuġi tiegħu.

29      Permezz ta’ sentenza mogħtija fil-5 ta’ Lulju 2005, l-Amtsgericht Plettenberg (il-Ġermanja) irrevokat is-sospensjoni kundizzjonali tal-piena magħquda mogħtija fl-2003 minħabba li D. Wolzenburg kien kiser il-kundizzjonijiet li għalihom kienet suġġetta din is-sospensjoni.

30      Fit-13 ta’ Lulju 2006, l-awtorità ġudizzjarja Ġermaniża li ħarġet il-mandat ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront ta’ D. Wolzenburg.

31      Fis-17 ta’ Lulju 2006 l-awtorità msemmija indikat lil D. Wolzenburg fis-Sistema ta’ Informazzjoni Schengen (SIS) sabiex tiġi eżegwita l-piena ta’ priġunerija tiegħu li kienet saret definittiva.

32      Fl-1 ta’ Awwissu 2006, D. Wolzenburg ġie arrestat u mqiegħed taħt detenzjoni preventiva fil-Pajjiżi l-Baxxi fuq il-bażi ta’ din l-indikazzjoni.

33      Fit-3 ta’ Awwissu 2006, l-awtorità ġudizzjarja Ġermaniża li ħarġet il-mandat bagħtet lill-awtorità ġudizzjarja Olandiża ta’ eżekuzzjoni l-mandat ta’ arrest Ewropew, maħruġ fit-13 ta’ Lulju 2006, u talbet il-konsenja ta’ D. Wolzenburg għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena ta’ sena u disa’ xhur li għaliha ġie kkundannat dan tal-aħħar.

34      Fl-20 ta’ Settembru 2006, D. Wolzenburg mar fid-Dipartiment tal-immigrazzjoni u ta’ naturalizzazzjoni Olandiż sabiex jirreġistra bħala ċittadin tal-Unjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi.

35      Qabel ma beda jipparteċipa, f’Settembru 2008, fi proġett ta’ formazzjoni, D. Wolzenburg eżerċita attività bħala persuna impjegata fil-Pajjiżi l-Baxxi mill-aħħar tliet xhur tal-2005.

36      Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li D. Wolzenburg ma tax il-kunsens tiegħu għall-konsenja tiegħu mill-awtorità ġudizzjarja Olandiża ta’ eżekuzzjoni lill-awtorità ġudizzjarja Ġermaniża li ħarġet il-mandat skont il-proċedura mqassra prevista mill-OLW.

37      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-fatti li wasslu għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew kontra D. Wolzenburg huma punibbli fid-dritt Olandiż u li dan tal-aħħar ma jistax jitlef id-dritt ta’ residenza tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi minħabba r-reati li għalihom ġie kkundannat fil-Ġermanja.

38      Il-qorti msemmija tosserva wkoll li D. Wolzenburg ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jinkiseb permess ta’ residenza għal żmien indefinit fit-territorju Olandiż minħabba li għadu ma kienx residenti b’mod kontinwu għal tul ta’ ħames snin fil-Pajjiżi l-Baxxi iżda tosserva li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu legalment fi Stat Membru bis-saħħa tad-dritt Komunitarju mhux dejjem jagħżlu li japplikaw għal tali permess.

39      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Rechtbank Amsterdam iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Jistgħu jiġu inklużi fost il-persuni li joqogħdu jew jirrisjedu fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584] il-persuni li m’għandhomx in-nazzjonalità tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni imma li għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat membru ieħor u li, abbażi tal-Artikolu 18(1) KE, jirrisjedu legalment fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, ikun x’ikun it-tul ta’ żmien ta’ din ir-residenza legali?

2)      a)     Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-kunċetti msemmija fl-ewwel domanda għandhom jiġu interpretati fis-sens li jikkonċernaw persuni li m’għandhomx in-nazzjonalità tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni iżda li għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor u li, qabel ma ġew arrestati minħabba mandat ta’ arrest Ewropew, kienu jirrisjedu legalment għall-inqas għal żmien determinat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni abbażi tal-Artikolu 18(1) KE?

b)      Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għall-paragrafu (a) tat-tieni domanda, x’inhuma f’dan il-każ il-kundizzjonijiet li jistgħu jiġu imposti għall-finijiet tat-tul tar-residenza legali?

3)      Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għall-paragrafu (a) tat-tieni domanda, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jista’, minbarra rekwiżit relatat mat-tul ta’ żmien ta’ residenza legali, jimponi rekwiżiti amministrattivi addizzjonali, bħall-pussess ta’ permess ta’ residenza għal żmien indefinit?

4)      Miżura nazzjonali li tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ detenzjoni, l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta mandat ta’ arrest Ewropew, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni (materjali) tat-Trattat KE?

5)      Billi

–      l-Artikolu 6(2) u (5) tal-[OLW] fih regoli li jittrattaw b’mod identiku l-persuni Olandiżi u l-persuni li m’għandhomx nazzjonalità Olandiża, iżda jkollhom fil-pussess tagħhom permess ta’ residenza Olandiża għal żmien indefinit,

u,

–      fir-rigward ta’ dawn il-gruppi ta’ persuni, il-konsenja jkollha tiġi rrifjutata minħabba dawn ir-regoli meta l-mandat ta’ arrest Ewropew jikkonċerna l-eżekuzzjoni ta’ sentenza definittiva ta’ detenzjoni,

id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) u (5) tal-OLW jikkostitwixxu diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 12 KE inkwantu l-applikazzjoni tat-trattament identiku mhijiex estiża għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jkollhom dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 18(1) KE li, minkejja li ma jitilfux dan id-dritt ta’ residenza wara li tingħatalhom is-sentenza definittiva ta’ detenzjoni, ma jkollhomx permess ta’ residenza Olandiża għal żmien indefinit?”

 Fuq id-domandi preliminari

40      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li kif jirriżulta mill-punt 3 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-każ, għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 bis-saħħa tal-Artikolu 35 UE.

41      Fit-tieni lok, għandu jiġi speċifikat li, skont l-Artikolu 32 tad-deċiżjoni qafas imsemmija, din tapplika għal talbiet marbuta ma’ fatti li, bħal dawk fil-kawża prinċipali, seħħew qabel l-1 ta’ Jannar 2004, bil-kundizzjoni li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jkunx għamel dikjarazzjoni fejn jindika li se jkompli jipproċessa dawn it-talbiet skont is-sistema ta’ estradizzjoni applikabbli qabel dik id-data. Huwa paċifiku li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma għamilx tali dikjarazzjoni.

 Fuq ir-raba’ domanda

42      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk ċittadin ta’ Stat Membru li jirrisjedi legalment fi Stat Membru ieħor jistax jinvoka l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE fil-konfront ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-OLW, li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija.

43      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li għalkemm l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE jipprojbixxi, fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari previsti f’dan it-trattat, kull diskriminazzjoni abbażi taċ-ċittadinanza, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ġiet adottata fuq il-bażi tat-Trattat UE u mhux fuq il-bażi tat-Trattat KE.

44      Madankollu, minn din il-konstatazzjoni ma jistax jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati minn Stat Membru sabiex jimplementa att li jaqa’ taħt it-Trattat UE mhumiex suġġetti għal stħarriġ tal-legalità tagħhom fir-rigward tad-dritt Komunitarju.

45      Fil-fatt, fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ deċiżjoni qafas, l-Istati Membri ma jistgħux jippreġudikaw id-dritt Komunitarju, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà rikonoxxuta lil kull ċittadin tal-Unjoni li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri.

46      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni ta’ persuna bħal D. Wolzenburg taqa’ taħt id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jmorru minn post għal ieħor u li joqogħdu liberament fl-Istati Membri u għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE. Bl-istabbilment tar-residenza tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi, D. Wolzenburg eżerċita d-dritt, mogħti mill-Artikolu 18(1) KE lil kull ċittadin tal-Unjoni, li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ Stat Membru li ma jkunx dak li tiegħu huwa ċittadin.

47      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li ċittadin ta’ Stat Membru li jirrisjedi legalment fi Stat Membru ieħor jista’ jinvoka l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE fil-konfront ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-OLW, li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija.

 Fuq it-tielet domanda

48      Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jista’, minbarra kundizzjoni marbuta mat-tul tar-residenza f’dan l-Istat, jissuġġetta l-applikazzjoni tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew prevista f’din id-dispożizzjoni għal rekwiżiti amministrattivi addizzjonali, bħall-pussess ta’ permess ta’ residenza għal żmien indefinit.

49      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi espliċitament li ċittadin tal-Unjoni li jkun irrisjeda legalment għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jikseb dritt għal residenza permanenti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

50      L-Artikolu 19 tad-direttiva msemmija ma jeżiġix li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu kisbu dan id-dritt għal residenza permanenti fit-territorju ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 16 tagħha għandu jkollhom permess ta’ residenza għal żmien indefinit.

51      Fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni li kienu residenti, b’mod legali u kontinwu, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perijodu ta’ ħames snin, id-dispożizzjonijiet imsemmija jipprevedu biss il-ħruġ, fuq applikazzjoni min-naħa ta’ dawn iċ-ċittadini, ta’ dokument li jiċċertifika l-permanenza tar-residenza tagħhom, mingħajr ma jimponu tali formalità. Dan id-dokument għandu valur diklaratorju u probatorju, iżda ma jistax ikollu valur kostituttiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala, C-85/96, Ġabra p. I-2691, punt 53).

52      Minn dan isegwi li rekwiżit amministrattiv addizzjonali, bħal permess ta’ residenza għal żmien indefinit fis-sens tal-Artikolu 21 tal-Vw, ma jistax, fir-rigward ta’ ċittadin tal-Unjoni, jikkostitwixxi kundizzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew li tinsab fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

53      Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata lit-tielet domanda hija li l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward ta’ ċittadin tal-Unjoni, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jistax, minbarra kundizzjoni marbuta mat-tul tar-residenza f’dan l-Istat, jissuġġetta l-applikazzjoni tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew prevista f’din id-dispożizzjoni għal rekwiżiti amministrattivi addizzjonali, bħall-pussess ta’ permess ta’ residenza għal żmien indefinit.

 Fuq il-ħames domanda

54      Fid-dawl tar-risposta mogħtija lit-tielet domanda, għandu jitqies li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li, b’implementazzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, tobbliga lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti ta’ dan l-Istat sabiex tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra wieħed miċ-ċittadini tiegħu, filwaqt li tali rifjut, meta jkun involut ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jkollu dritt ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 18(1) KE, huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna mfittxija kienet residenti b’mod legali għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru ta’ eżekuzzjoni.

55      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandhom l-ewwel nett isiru ċerti osservazzjonijiet dwar is-sistema ta’ konsenja stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u, b’mod partikolari, dwar l-Artikolu 4(6) tagħha.

56      B’mod partikolari mill-Artikolu 1(1) u (2) tad-deċiżjoni qafas imsemmija kif ukoll mill-premessi 5 u 7 tagħha jirriżulta li l-għan tagħha huwa li tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bejn l-Istati Membri b’sistema ta’ konsenja bejn awtoritajiet ġudizzjarji ta’ persuni kkundannati jew li huma ssuspettati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jew ta’ prosekuzzjoni, liema sistema hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Kozlowski, C-66/08, Ġabra p. I-6041, punt 31).

57      Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li fuqu hija bbażata s-sistema tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jimplika, skont l-Artikolu 1(2) ta’ din tal-aħħar, li l-Istati Membri huma fil-prinċipju obbligati jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew. Fil-fatt, ħlief fil-każijiet fejn huwa obbligatorju li ma jiġix eżegwit mandat ta’ arrest Ewropew previsti fl-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas, l-Istati Membri ma jistgħux jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat ħlief fil-każijiet elenkati fl-Artikolu 4 tad-deċiżjoni qafas imsemmija (ara s-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2008, Leymann u Pustovarov, C-388/08 PPU, Ġabra p. I-8993, punt 51).

58      Minn dan isegwi li leġiżlatur nazzjonali li, abbażi tal-possibbiltajiet mogħtija lilu mill-Artikolu 4 tad-deċiżjoni qafas imsemmija, jagħżel li jillimita s-sitwazzjonijiet li fihom l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiegħu tista’ tirrifjuta l-konsenja ta’ persuna mfittxija jkun qiegħed sempliċement isaħħaħ is-sistema ta’ konsenja stabbilita minn din id-deċiżjoni qafas favur spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

59      Fil-fatt, billi tillimita s-sitwazzjonijiet li fihom l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, tali leġiżlazzjoni sempliċement tiffaċilita l-konsenja tal-persuni mfittxija, inkonformità mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, liema prinċipju huwa r-regola essenzjali stabbilita minn din tal-aħħar.

60      Fid-dawl ta’ din ir-regola essenzjali, l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni qafas imsemmija jistabbilixxi r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew li abbażi tagħhom jista’ jkun ġustifikat li, fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, l-awtorità kompetenti tirrifjuta li teżegwixxi tali mandat.

61      Fl-implementazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, b’mod partikolari fl-implementazzjoni tal-Artikolu 4(6) tagħha, li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-Istati Membri neċessarjament għandhom marġni reali ta’ diskrezzjoni.

62      F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm l-għan tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-istess bħall-għan tal-Artikolu 5(3) tal-istess deċiżjoni qafas, huwa b’mod partikolari li tkun tista’ tingħata importanza partikolari lill-possibbiltà li jitkabbru l-opportunitajiet għar-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna mfittxija wara li tkun skontat il-piena li għaliha tkun ġiet ikkundannata (ara s-sentenza Kozlowski, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45), tali għan, għalkemm importanti, ma jistax jeskludi li l-Istati Membri, fl-implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas, jillimitaw, fis-sens indikat mir-regola essenzjali stabbilita fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, is-sitwazzjonijiet li fihom għandu jkun possibbli li tiġi rrifjutata l-konsenja ta’ persuna li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 4(6).

63      It-tieni nett, fir-rigward tal-kwistjoni jekk kundizzjoni ta’ residenza għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin, bħal dik prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tmurx kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi taċ-ċittadinanza, għandu jiġi mfakkar li dan il-prinċipju jeħtieġ li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament ġustifikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C-303/05, Ġabra p. I-3633, punt 56).

64      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija imposta permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li saret definittiva, il-konsenja taċ-ċittadini Olandiżi lill-awtorità ġudizzjarja li ħarġet il-mandat hija rrifjutata filwaqt li, fir-rigward taċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra apparti r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tali rifjut huwa suġġett għall-kundizzjoni li dawn kienu residenti, b’mod legali, għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin fil-Pajjiżi l-Baxxi. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk it-trattament differenti taċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra huwiex oġġettivament ġustifikat.

65      F’dan ir-rigward, il-Gvern Olandiż josserva li, peress li kkonstata, fil-prassi tal-konsenja ta’ persuni li mhumiex ċittadini tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, kreattività kbira fir-rigward tal-argumenti invokati minn dawn iċ-ċittadini sabiex jipprovaw l-eżistenza ta’ rabta mas-soċjetà Olandiża, il-leġiżlatur nazzjonali xtaq, permezz tal-Artikolu 6(2) u (5) tal-OLW, jesprimi b’mod konkret, permezz ta’ kriterji oġġettivi, ir-rekwiżit li r-residenza ta’ dawn il-persuni għandha tkun ta’ natura dewwiema.

66      Skont dan l-istess gvern, huwa leġittimu għal Stat Membru li jiżgura, permezz tar-rekwiżit ta’ tul ta’ residenza kontinwa ta’ mill-inqas ħames snin, li tkun irrifjutata biss l-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra persuni mfittxija li għandhom prospettiv reali ta’ futur fil-Pajjiżi l-Baxxi. Għalhekk, huwa leġittimu li tintalab rabta reali bejn il-persuna mfittxija u s-soċjetà li fiha din tal-aħħar tkun tixtieq tiġi riabilitata wara li l-piena tkun ġiet eżegwita hemmhekk.

67      Għandu jiġi enfasizzat, kif diġà ġie espost fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, li l-għan tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa b’mod partikolari li tkun tista’ tingħata importanza partikolari lill-possibbiltà li jitkabbru l-opportunitajiet għar-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna mfittxija wara li tkun skontat il-piena li għaliha tkun ġiet ikkundannata. Għalhekk, huwa leġittimu għall-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jsegwi dan il-għan biss fir-rigward tal-persuni li jkunu wrew livell ta’ integrazzjoni reali fis-soċjetà tal-imsemmi Stat Membru.

68      F’dan il-każ, is-sempliċi kundizzjoni ta’ ċittadinanza għaċ-ċittadini tiegħu stess, minn naħa, u l-kundizzjoni ta’ residenza kontinwa għal perijodu ta’ ħames snin għaċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra, min-naħa l-oħra, jistgħu jitqiesu li huma ta’ natura li jiggarantixxu li l-persuna mfittxija tkun integrata biżżejjed fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Għall-kuntrarju, ċittadin Komunitarju li ma għandux iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u li ma kienx residenti b’mod kontinwu fit-territorju ta’ dan l-Istat għal perijodu partikolari, ikollu, b’mod ġenerali, iktar rabtiet mal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu milli mas-soċjetà tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

69      Sabiex id-differenza fit-trattament prevista mil-leġiżlazzjoni Olandiża tkun ġustifikata fid-dawl tad-dritt Komunitarju huwa meħtieġ ukoll li din tkun proporzjonata mal-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali. Din il-leġiżlazzjoni ma tistax tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan il-għan (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2008, Förster, C-158/07, Ġabra p. I-8507, punt 53).

70      F’dan ir-rigward, jista’ jiġi kkunsidrat li r-regola li mandat ta’ arrest Ewropew ma jiġix eżegwit fil-konfront ta’ ċittadin nazzjonali ma tidhirx eċċessiva. Fil-fatt, tali ċittadin ikollu, mal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, rabta ta’ natura li tiggarantixxi r-riabilitazzjoni soċjali tiegħu wara li l-piena li għaliiha jkun ġie kkundannat tkun ġiet eżegwita hemmhekk. Barra minn hekk, kundizzjoni ta’ residenza kontinwa għal perijodu ta’ ħames snin għall-persuni li huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra lanqas ma tista’ titqies li hija eċċessiva fid-dawl, b’mod partikolari, tar-rekwiżiti mitluba sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit tal-integrazzjoni tal-persuni li mhumiex ċittadini nazzjonali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

71      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat, kif għamlu b’mod partikolari l-Gvern Olandiż u dak Awstrijak, li din il-kundizzjoni ta’ residenza kontinwa għal perijodu ta’ ħames snin ġiet stabbilita preċiżament, kif jirriżulta mill-premessa 17 u mill-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38, bħala t-tul ta’ żmien meħtieġ sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni jiksbu dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

72      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, minkejja li d-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ma tapplikax għall-kawża prinċipali, fil-kuntest tal-Artikolu 4(7)(a) tagħha, hija tippermetti lill-Istati Membri jiffaċilitaw iktar it-trażmissjoni ta’ sentenza meta l-persuna kkundannata tkun ilha tgħix u tkun ilha residenti, b’mod legali u kontinwu, għal mill-inqas ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u tkun se żżomm dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk.

73      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li kundizzjoni ta’ residenza għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin, bħal dik prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inwkistjoni fil-kawża prinċipali, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan li jkun żgurat livell ta’ integrazzjoni reali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tal-persuni mfittxija li huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra.

74      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames domanda hija li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li bis-saħħa tagħha l-awtorità ġudizzjarja kompetenti ta’ dan l-Istat tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra wieħed miċ-ċittadini tiegħu għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, filwaqt li tali rifjut, meta jkun involut ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jkollu dritt ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 18(1) KE, huwa suġġett għall-kundizzjoni li dan iċ-ċittadin kien residenti b’mod legali għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru ta’ eżekuzzjoni.

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

75      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi kemm għandu jkun twil il-perijodu ta’ residenza fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tal-persuni ċittadini ta’ Stat Membru ieħor li jkunu s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew sabiex dawn ikunu jistgħu jaqgħu taħt l-Artikou 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

76      Għandu jiġi mfakkar li, meta Stat Membru jkun implementa l-Artikolu 4(6) mingħajr ma jkun adotta, madankollu, kundizzjonijiet partikolari dwar l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha tagħmel evalwazzjoni globali sabiex tiddetermina, qabel kollox, jekk il-persuna kkonċernata taqax taħt id-dispożizzjoni msemmija. Ċirkustanza inividwali li tikkaratterizza lill-persuna mfittxija, bħat-tul tar-residenza tagħha fl-Istat Membru kkonċernat, ma jistax ikollha, bħala prinċipju, importanza determinanti fiha nfisha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kozlowski, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

77      Fir-rigward tal-kawża prinċipali, fejn huwa paċifiku li huwa biss meta l-persuna mfittxija tkun ċittadina ta’ Stat Membru ieħor u tkun residenti għal mill-inqas ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li l-mandat ta’ arrest Ewropew ma jkunx eżegwit, risposta għad-domandi preliminari msemmija ma tibqax ġustifikata sa fejn din il-kundizzjoni dwar it-tul ta’ residenza tiddependi mill-eżerċizzju min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilu mill-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u għandha tiġi kkunsidrata li hija kompatibbli mal-Artikolu 12 KE.

78      F’dan ir-rigward, mir-risposta għall-ħames domanda jirriżulta li l-Artikolu 12 KE ma jipprekludix kundizzjoni imposta mid-dritt intern tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li tipprovdi li l-persuni mftixxija li jkunu ċittadini ta’ Stat Membru ieħor għandhom ikunu residenti għal perijodu ta’ ħames snin fit-territorju tal-ewwel Stat Membru sabiex l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiegħu tirrifjuta l-konsenja tagħhom abbażi tal-Artikolu 4(6) tad-deċiżjoni qafas imsemmija.

79      F’dawn iċ-ċirkustanzi, m’hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel żewġ domandi preliminari.

 Fuq l-ispejjeż

80      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ċittadin ta’ Stat Membru li jirrisjedi legalment fi Stat Membru ieħor jista’ jinvoka l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE fil-konfront ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-Liġi dwar il-konsenja ta’ persuni (Overleveringswet), tad-29 ta’ April 2004, li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija.

2)      L-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment [konsenja] bejn l-Istati Membri, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward ta’ ċittadin tal-Unjoni, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jistax, minbarra kundizzjoni marbuta mat-tul tar-residenza f’dan l-Istat, jissuġġetta l-applikazzjoni tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew prevista f’din id-dispożizzjoni għal rekwiżiti amministrattivi addizzjonali, bħall-pussess ta’ permess ta’ residenza għal żmien indefinit.

3)      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li bis-saħħa tagħha l-awtorità ġudizzjarja kompetenti ta’ dan l-Istat tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra wieħed miċ-ċittadini tiegħu għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, filwaqt li tali rifjut, meta jkun involut ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jkollu dritt ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 18(1) KE, huwa suġġett għall-kundizzjoni li dan iċ-ċittadin kien residenti b’mod legali għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru ta’ eżekuzzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.