Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (Il-Pajjiżi l-Baxxi) fl-4 ta’ April 2014 – A et, parti oħra: Minister van Buitenlandse Zaken

(Kawża C-158/14)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad van State

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: A, B, C, D

Parti oħra: Minister van Buitenlandse Zaken

Domandi preliminari

1.    Fid-dawl, fost l-oħrajn, tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 1 rikors għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 2 sa fejn dan ir-regolament inkluda l-LTTE fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 3 ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali mill-appellanti f’din il-proċedura f’isimhom abbażi tal-Artikolu 263 TFEU, kien ikun ċertament ammissibbli?

2.    (a)    Fid-dawl, fost l-oħrajn, tal-premessa 11 fil-preambolu tad-Deċiżjoni kwadru [qafas] 2002/475/JHA 4 , azzjonijiet mill-forzi armati matul perijodi ta’ kunflitt bl-armi, fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali, jistgħu jikkostitwixxu reati terroristiċi fis-sens ta’ din id-Deċiżjoni kwadru [qafas]?

2.    (b)    Jekk ir-risposta għad-domanda 2(a) tingħata fl-affermattiv, azzjonijiet mill-forzi armati matul perijodi ta’ kunflitt bl-armi, fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali, jistgħu jikkostitwixxu atti terroristiċi fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK 5 u tar-Regolament Nru 2580/2001?

3    L-azzjonijiet li jifformaw il-bażi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010, sa fejn inkluda l-LTTE fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, huma azzjonijiet mill-forzi armati matul perijodi ta’ kunflitt bl-armi fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali?

4.    Fid-dawl, fost l-oħrajn, tar-risposti għad-domandi 1, 2(a), 2(b) u 3, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010, sa fejn il-LTTE kienet b’dan il-mod inkluża fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, huwa invalidu?

5.    Jekk ir-risposta għad-domanda 4 tingħata fl-affermattiv, din l-invalidità tapplika wkoll għad-deċiżjonijiet preċedenti u sussegwenti tal-Kunsill li jaġġornaw il-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, sa fejn dawn id-deċiżjonijiet irriżultaw fl-inklużjoni tal-LTTE f’din il-lista?

____________

1 ĠU 2000 C 364, p. 1.

2 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 610/2010, tat-12 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1285/2009 (ĠU L 178, p. 1).

3 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207).

4 Deċiżjoni kwadru [qafas] tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 18).

5 Pożizzjoni komuni tal-Kunsill, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217).