Language of document : ECLI:EU:T:2012:480

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

27 ta’ Settembru 2012 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Olandiż tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Multi – Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva – Valur miżjud sinjifikattiv – Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża T‑347/06,

Nynäs Petroleum AB, stabbilita fi Stokkolma (l-Isvezja),

Nynas Belgium AB, stabbilita fi Stokkolma,

irrappreżentati minn A. Howard, barrister, M. Dean u D. McGowan, solicitors,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, bħala aġent, assistit minn L. Gyselen, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba intiża, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 4090 finali, tat-13 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] [Każ COMP/F/38.456 – Bitum (il-Pajjiżi l-Baxxi)], u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti permezz tal-imsemmija deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, N. Wahl u S. Soldevila Fragoso (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Il-grupp Nynas essenzjalment jipproduċi u jikkummerċjalizza l-bitum u żjut nafteniċi. Nynäs Petroleum AB (iktar ’il quddiem “Nynäs AB”), kumpannija parent tal-grupp Nynas, li tinsab fl-Isvezja, kienet teżerċita n-negozju tagħha fil-qasam tal-bitum fl-Ewropa kontinentali permezz tal-kumpannija Belġjana Nynas NV/SA (iktar ’il quddiem “Nynas NV”), 100 % proprjetà tagħha, li kienet tipproduċi bitum f’raffinerija li tinsab f’Antwerpen (il-Belġju) u kienet tikkummċerjalizza parti minn dan fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fl-14 ta’ Frar 2003, l-attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-bitum fl-Ewropa minn Nynas NV ġew ittrasferiti lil Nynas Belgium AB (iktar ’il quddiem “Nynas Belgium”), sussidjarja Svediża 100 % proprjetà ta’ Nynäs AB. Fil-31 ta’ Diċembru 2007, l-assi ta’ Nynas Belgium ġew ittrasferiti lil Nynas NV, iżda madankollu Nynas Belgium baqgħet iżżomm 99.99 % tal-assi ta’ din tal-aħħar.

2        Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Ġunju 2002, l-impriża British Petroleum (iktar ’il quddiem “BP”) informat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-eżistenza preżunta ta’ akkordju dwar is-suq tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi u ppreżentat talba intiża sabiex tinkiseb immunità minn multi skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002”).

3        Fl-1 u fit-2 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni wettqet verifiki sorpriża, b’mod partikolari fl-uffiċċji Belġjani ta’ Nynas NV. Il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lil numru ta’ kumpanniji, fosthom Nynas NV fit-30 ta’ Ġunju 2003. Meta Nynas Belgium informatha dwar il-fatt li hija kienet akkwistat l-attività relatata mal-bitum ta’ Nynas NV, il-Kummissjoni bagħtitilha talba għal informazzjoni ġdida fit-23 ta’ Lulju 2003, li għaliha hija wieġbet fit-2 ta’ Ottubru 2003. Il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni ġdida fl-10 ta’ Frar 2004, li Nynäs AB wieġbet fil-25 ta’ Marzu 2004, u oħra tal-aħħar fil-5 ta’ April 2004, li din id-darba Nynas Belgium wieġbet fit-22 ta’ Mejju 2004 u, b’mod komplementari, fid-19 ta’ Ottubru 2004.

4        Fit-18 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni ressqet proċeduri u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mibgħuta fid-19 ta’ Ottubru 2004 lil numru ta’ kumpanniji, fosthom ir-rikorrenti, Nynäs AB u Nynas Belgium. Fl-24 ta’ Mejju 2005, ir-rikorrenti rrispondew separatament għal din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

5        Wara li nstemgħu il-kumpanniji kkonċernati fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2005, ir-rikorrenti għamlu preċiżazzjonijiet fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tagħhom relatati ma’ ExxonMobil, kumpannija fornitur ta’ bitum mhux issanzjonata mill-Kummissjoni, li kienu ntużaw fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li kienu ġew ikkontestati minn numru ta’ parteċipanti fis-smigħ. Dawn il-preċiżazzjonijiet ġew ikkomunikati lill-partijiet kollha fis-smigħ, fejn qajmu numru ta’ reazzjonijiet.

6        Fit-13 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2006) 4090 finali, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] [Każ COMP/F/38.456 – Bitum (il-Pajjiżi l-Baxxi)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li sunt tagħha hija ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ Lulju 2007 (ĠU L 196, p. 40) u li ġiet innotifikata lir-rikorrenti fis-26 ta’ Settembru 2006.

7        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-kumpanniji destinatarji tagħha kienu pparteċipaw fi ksur wieħed u kontinwu tal-Artikolu 81 KE, li jikkonsisti f’li jiffissaw flimkien b’mod regolari, matul il-perijodi kkonċernati, għall-bejgħ u x-xiri ta’ bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-prezz gross, tnaqqis uniformi fuq il-prezz gross għall-kostrutturi tat-toroq li jipparteċipaw fl-akkordju u tnaqqis massimu mnaqqas fuq il-prezz gross għall-kostrutturi l-oħra tat-toroq.

8        Ir-rikorrenti tqiesu bħala ħatja minn dan il-ksur għall-perijodu mill-1 ta’ April 1994 sal-15 ta’ April 2002, u ġiet imposta fuqhom multa ta’ EUR 13.5 miljun, pagabbli in solidum.

9        Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni kkwalifikat il-ksur bħala serju ħafna, fid-dawl tan-natura tiegħu, u dan anki jekk is-suq ġeografiku kkonċernat kien limitat (premessa 316 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza speċifika tal-aġir illegali ta’ kull impriża implikata fl-akkordju u tal-importanza tiegħu fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni wettqet distinzjoni bejn l-impriżi kkonċernati skont l-importanza relattiva tagħhom fis-suq inkwistjoni, abbażi tas-sehem tagħhom fis-suq, u qasmithom f’sitt kategoriji.

11      Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni kkunsidrat ammont inizjali ta’ EUR 7.5 miljun għar-rikorrenti (premessa 322 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kienu wettqu ksur fit-tul, billi kien ogħla minn ħames snin, u kkonstatat tul totali ta’ tmien snin, mill-1 ta’ April 1994 sal-15 ta’ April 2002, liema fatt żied l-ammont tal-multa bi 80 % (premessa 326 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ammont bażiku tal-multa, iddeterminat skont il-gravità u t-tul tal-ksur, għaldaqstant ġie ffissat għal EUR 13.5 miljun għar-rikorrenti (premessa 335 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Il-Kummissjoni ma kkunsidrat ebda ċirkustanza aggravanti fir-rigward tar-rikorrenti. Barra minn hekk, hija qieset li ebda ċirkustanza attenwanti ma setgħet tiġi kkunsidrata fir-rigward tar-rikorrenti, peress li l-eventwali eżistenza ta’ tielet livell ta’ attività tal-akkordju, li minnha Nynas (iktar ’il quddiem “Nynas”) ġiet eskluża, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward (premessa 354 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett hija ċaħdet it-talba tagħhom intiża sabiex tiġi kkunsidrata l-kooperazzjoni effettiva tagħhom, jiġifieri r-risposti għat-talbiet għal informazzjoni, ir-rikonoxximent tal-fatti u t-tqegħid fis-seħħ ta’ politika ta’ sanzjonijiet u ta’ prevenzjoni f’dan ir-rigward, bħala ċirkustanza attenwanti (premessi 367 sa 371 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Il-Kummissjoni ma applikatx il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, billi qieset li l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti ma kellhiex valur sinjifikattiv (premessi 389 sa 393 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors.

16      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Il-partijiet wieġbu dawn il-mistoqsijiet fit-terminu mogħti.

17      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2011.

18      Minħabba l-impediment ta’ membru tas-Sitt Awla, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar lilu nnifsu, bis-saħħa tal-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jikkompleta l-Awla.

19      Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Novembru 2011, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla), fil-kompożizzjoni l-ġdida tagħha, fetħet il-proċedura orali mill-ġdid u l-partijiet ġew informati li kienu ser jinstemgħu waqt seduta ġdida.

20      Permezz ta’ ittri, rispettivament, tal-25 u t-28 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni u r-rikorrenti informaw lill-Qorti Ġenerali li huma rrinunzjaw milli jinstemgħu għal darb’oħra.

21      Għalhekk, il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jagħlaq il-proċedura orali.

22      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu timputa lil Nynäs AB ir-responsabbiltà konġunta u in solidum għall-ksur;

–        tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu jimponi fuqhom multa ta’ EUR 13.5 jew, sussidjarjament, tnaqqas l-ammont ta’ din il-multa b’mod approprjat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata

24      Insostenn tat-talbiet tagħhom intiżi għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jqajmu motiv wieħed, dwar żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u ta’ żball ta’ liġi mwettqa mill-Kummissjoni billi imputat lil Nynäs AB ir-responsabbiltà għas-sussidjarja tagħha Nynas NV.

 Fuq l-iżball ta’ liġi

 L-argumenti tal-partijiet

25      Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni wettqet applikazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza dwar l-imputazzjoni tal-aġir ta’ sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punti 27 sa 30) u li kumpannija parent għandha tkun effettivament implikata b’mod attiv fl-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha sabiex ir-responsabbiltà tiġi imputata lilha.

26      Madankollu, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237), u tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il‑Kummissjoni (C‑90/09 P, Ġabra p. I‑1), ir-rikorrenti abbandunaw l-argumenti tal-ewwel parti tal-motiv waħdieni ta’ annullament tagħhom, dwar l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, u l-Qorti Ġenerali ħadet konjizzjoni ta’ dan. Madankollu huma żammew l-argumenti tagħhom dwar il-metodi ta’ konfutazzjoni tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja 100 % proprjetà tagħha.

27      Għalhekk, ir-rikorrenti jenfasizzaw li preżunzjoni li kumpannija parent teżerċita influwenza deċiżiva fuq l-aġir tas-sussidjarji tagħha tista’ tiġi kkonfutata mill-mument meta l-kumpannija parent turi li s-sussidjarja tagħha kienet qed taġixxi b’mod indipendenti. Issa, il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza billi rrikjediet minn kumpannija parent li din tistabbilixxi li hija ma użatx is-setgħa tagħha li teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha u li din is-sussidjarja ħadet id-deċiżjonijiet strateġiċi kollha tagħha mingħajr ma rreferiet lilha. Fil-prattika huwa impossibbli li tiġi prodotta tali prova u dan imur kontra l-prinċipju ta’ responsabbiltà personali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, T‑45/98 u T‑47/98, Ġabra p. II‑3757, punt 63).

28      Fil-fatt ir-rikorrenti jqisu li kumpannija parent għandha dejjem l-obbligu li teżerċita influwenza, anki minima, fuq is-sussidjarja tagħha. Huma jispeċifikaw li d-dritt Svediż, għall-finijiet ta’ protezzjoni tal-azzjonisti u tat-terzi, jimponi fuq il-kumpanniji parent jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet ta’ kontroll fuq is-sussidjarji tagħhom, bħall-approvazzjoni ta’ tranżazzjonijiet minn ċertu limitu, l-osservana ta’ obbligi interni ta’ informazzjoni jew il-preparazzjoni tal-kontijiet ikkonsolidati. Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa jekk il-kumpannija parent kellhiex influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja fis-suq inkwistjoni, u mhux b’mod ġenerali u astratt.

29      Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

30      Il-Kummissjoni qieset fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 252 sa 264) li, minkejja li Nynas NV kienet il-persuna ġuridika li pparteċipat direttament fil-ksur, Nynäs AB, fil-kapaċità tagħha bħala kumpannija parent 100 % proprjetarja tagħha, kienet kapaċi teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tagħha matul il-perijodu li jikkostitwixxi ksur.

31      Preliminarjament għandu jitfakkar li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jiġbor fih l-attivitajiet tal-impriżi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 59) u li l-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE jinkludi entitajiet ekonomiċi fejn kull waħda minnhom tikkostitwixxi organizzazzjoni unitarja ta’ elementi personali, materjali u immaterjali li jippersegwu fit-tul skop ekonomiku determinat, organizzazzjoni li tista’ tikkontribwixxi għat-twettieq ta’ ksur previst minn din id-dispożizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il‑Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika, anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija komposta minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C 217/05, Ġabra p. I-11987, punt 40).

32      L-aġir antikompetittiv ta’ impriża jista’ jiġi imputat lil oħra meta din ma tkunx iddeterminat l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu, iżda tkun essenzjalment applikat l-istruzzjonijiet mogħtija minn din tal-aħħar, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi u legali li jgħaqqduhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs Il Kummissjoni, C‑294/98 P, Ġabra p. I‑10065, punt 27; u Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 117, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punt 58). Għalhekk, l-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent meta l-kumpannija sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-linja ta’ aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li jkunu ngħataw mill-kumpannija parent, peress li dawn iż-żewġ impriżi jikkostitwixxu entità ekonomika waħda (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, ICI vs Il‑Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punti 133 u 134).

33      Għalhekk ma hijiex relazzjoni ta’ istigazzjoni, fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha u wisq inqas ma huwa involviment tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda huwa l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda, fis-sens espost iktar ’il fuq, li jawtorizza lill-Kummissjoni tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji. Fil-fatt, għandu jitfakkar li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jirrikonoxxi l-fatt li diversi kumpanniji li jkunu jiffurmaw parti mill-istess grupp jikkostitwixxu entità ekonomika, u għaldaqstant impriża fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, jekk il-kumpanniji kkonċernati ma jiddeterminawx b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003 Michelin vs Il‑Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 290).

34      Fil-każ partikolari fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha awtur ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li l-imsemmija kumpannija parent teżerċita effettivament tali influwenza (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kumpannija parent hija proprjetarja tal-kapital kollu tas-sussidjarja sabiex tippreżumi li din tal-ewwel teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is‑sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tqis lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s‑sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (sentenzi Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, punt 29, u Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punt 61).

36      Ir-rikorrenti jqisu li l-interpretazzjoni aċċettata mill-Kummissjoni tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja 100 % tagħha tipprekludi l-konfutazzjoni tagħha.

37      Madankollu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni li kumpannija parent b’sehem ta’ 100 % tal-kapital tal-kumpannija tas-sussidjarja tagħha teżerċita effettivament influwenza determinanti fuqha hija l-kumpannija parent li għandha tissottometti għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u, jekk ikun il-każ, tal-qorti tal-Unjoni, kull element li hija tqis li huwa tali li juri li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika waħda, fir-rigward tar-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi bejnha stess u s-sussidjarja tagħha, li jistgħu jvarjaw skont il-każ u għaldaqstant ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ enumerazzjoni eżawrjenti (sentenzi Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punt 65, u General Química et vs Il‑Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punti 51 u 52). Bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, din hija preżunzjoni li tista’ tiġi kkonfutata u li għandha tiġi kkonfutata minnhom.

38      Barra minn hekk ir-rikorrenti jqisu li l-obbligi li għalihom hija suġġetta kumpannija parent taħt id-dritt nazzjonali jipprekludu kull konfutazzjoni tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq sussidjarja. Madankollu għandu jitfakkar li kumpannija ma tistax tinvoka l-leġiżlazzjoni nazzjonali biex tevita r-regoli tal-Unjoni, billi l-kunċetti ġuridiċi użati mid-dritt tal-Unjoni għandhom bħala prinċipju jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi fl-Unjoni kollha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Frar 1972, Hagen, 49/71, Ġabra p. 23, punt 6). Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-prinċipji kollha mfakkra preċedentement fir-rigward tal-eżistenza ta’ tali preżunzjoni u l-kriterji li jippermettu li din tiġi kkonfutata, jidher li l-elementi li jirrigwardaw l-obbligi imposti fuq il-kumpanniji parent mid-dritt Svediż fir-rigward tas-sussidjarji tagħhom, li huma intiżi sabiex iġibu fis-seħħ kontroll stess fuq dawn tal-aħħar, għal finijiet ta’ protezzjoni tal-azzjonisti u tat-terzi, isaħħu l-preżunzjoni applikata mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ Nynäs AB fir-rigward tal-kontroll eżerċitat fuq is-sussidjarja tagħha Nynas NV.

39      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jqisu li l-interpretazzjoni aċċettata mill-Kummissjoni dwar il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja 100 % tagħha hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ responsabbiltà personali. Ir-rikorrenti jirreferu għall-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, li skontha persuna, fiżika jew ġuridika, għandha tiġi ssanzjonata biss għall-fatti li jiġu attribwiti individwalment lilha. Huma jqisu li, skont dan il-prinċipju, il-Kummissjoni ma tistax teżiġi minn kumpannija parent li tistabbilixxi li hija ma użatx is-setgħa tagħha li teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha u li din is-sussidjarja ħadet id-deċiżjonijiet strateġiċi kollha mingħajr ma informatha dwarhom sabiex ma tiġix attribwita lilha r-responsabbiltà għall-aġir tas-sussidjarja tagħha li jikkostitwixxi ksur.

40      Madankollu, skont il-ġurisprudenza, il-fatt li l-kumpannija parent ta’ grupp, li teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarji tagħha, tista’ tiġi ddikjarata responsabbli in solidum għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq minn dawn tal-aħħar assolutament ma jikkostitwixxix eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, iżda hija bil-kontra espressjoni ta’ dan il-prinċipju, peress li l-kumpannija parent u s-sussidjarji suġġetti għall-influwenza determinanti tagħha flimkien jifformaw impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, impriża li għaliha huma responsabbli, u, jekk b’intenzjoni jew b’negliġenza, din l-impriża tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, tirriżulta r-responsabbiltà personali u in solidum tal-persuni ġuridiċi kollha li jidħlu fl-istruttura tal-grupp (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punt 77, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali huwa rikonoxxut mill-ġurisprudenza (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 145; tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il‑Kummissjoni, C‑279/98 P, Ġabra p. I‑9693, punt 78, u tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C‑280/06, Ġabra p. I‑10893, punt 39), iżda japplika għall-impriżi u mhux għall-kumpanniji. Għaldaqstant dan l-ilment għandu jiġi miċħud ukoll.

41      Mill-argumenti kollha preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi billi imputat lil Nynäs AB r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha Nynas NV.

 Fuq l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa f’dan il-każ fl-imputazzjoni tar-responsabbiltà lil Nynäs AB

 L-argumenti tal-partijiet

42      Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi injorat l-awtonomija kummerċjali importanti li minnha jibbenefikaw is-sussidjarji fi ħdan il-grupp tagħhom. L-organigramma tagħhom turi li t-tranżazzjonijiet kummerċjali u l-orjentazzjonijiet strateġiċi tat-taqsima “Bitum” fil-Pajjiżi l-Baxxi kienu jaqgħu taħt Nynas NV u li l-kumpanniji relatati attivi fil-bitum fl-Ewropa kienu għaddewla deċiżjonijiet politiċi u operattivi importanti. Il-kumpannija parent kienet inkarigata biss milli tapprova ċerti tranżazzjonijiet eċċezzjonali, mingħajr ma tkisser l-awtonomija ta’ Nynas NV.

43      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni evalwat b’mod manifestament żbaljat l-aġir ta’ Nynäs AB u tas-sussidjarja tagħha Nynas NV fis-suq inkwistjoni. B’hekk il-Kummissjoni injorat, minn naħa, il-fatt li r-rwol ta’ Nynas NV kien esklużivament limitat għan-negozjar tal-kuntratti u għall-ħatra ta’ persunal fis-suq tal-bitum fil-Pajjiżi l-Baxxi u, min-naħa l-oħra, li l-kompetenza ta’ Nynäs AB kienet tillimita ruħha b’mod ċar għall-kwistjonijiet ta’ ġestjoni strateġika, ta’ riskju globali u ta’ koordinazzjoni tal-grupp u li hija ma kellha ebda rwol fis-suq inkwistjoni. B’hekk il-Kummissjoni attribwiet b’mod manifestament żbaljat rwol determinanti lil Nynäs AB fid-dawl tal-iffissar tal-għanijiet u tal-istrateġija f’dan is-suq, meta l-limiti li minnhom hija kienet inkarigata milli tintervjeni fid-deċiżjonijiet ta’ Nynas NV kienu għolja ħafna u t-tranżazzjonijiet li għall-approvazzjoni tagħha baqgħu eċċezzjonali. Barra minn hekk il-Kummissjoni ma ppreżentat ebda element li jippermetti li jiġi evalwat ir-rwol ta’ Nynäs AB fuq l-aġir antikompetittivi inkwistjoni ta’ Nynas NV.

44      Fit-tielet lok, l-elementi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tqis li Nynäs AB kienet qed teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq Nynas NV huma ta’ natura formali ħafna. Għalhekk hija tat importanza kbira wisq lil elementi bħall-eżistenza ta’ mekkaniżmi ta’ informazzjoni (reporting) bejn Nynas NV u Nynäs AB u ta’ kontijiet ikkonsolidati jew il-parteċipazzjoni ta’ membri tal-Bord tad-diretturi ta’ Nynas NV fit-tmexxija eżekuttiva ta’ Nynäs AB. Barra minn hekk, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-funzjonijiet taċ-“chief business executive” (iktar ’il quddiem is-“CBE”) tat-taqsima “Bitume” ta’ Nynas NV kienet tillimita ruħha għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni u għall-analiżi tar-riżultati finanzjarji fi ħdan il-kumitat eżekuttiv ta’ Nynäs AB.

45      Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

46      B’risposta għall-ilmenti bbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni billi imputat lil Nynäs AB ir-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Nynas NV, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti pproduċewx il-provi li jippermettu li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni li Nynäs AB kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq Nynas NV.

47      Fil-premessi 252 sa 264 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li hija setgħet tapplika l-perżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ Nynäs AB fuq Nynas NV matul il-perijodu mill-1 ta’ April 1994 sal-15 ta’ April 2002 minħabba l-istruttura ta’ sehem ta’ 100 % li teżisti bejn dawn il-kumpanniji. Sussegwentement hija qieset li numru ta’ elementi li jikkonċernaw l-istruttura ġerarkika tal-grupp kienu jsaħħu, sussidjarjament, din il-preżunzjoni. Għalhekk, qabel kollox, għalkemm Nynas NV teżerċita funzjoni ta’ sede Ewropea fi ħdan il-grupp għall-attività li tikkonċerna l-bitum, madankollu hija ma tistax, lilhinn minn ċertu limitu, tieħu ċerti deċiżjonijiet mingħajr ma tirreferi lil Nynäs AB (spejjeż ta’ investiment, innegozzjar u konklużjoni ta’ kuntratti, għoti ta’ krediti lill-klijenti u t-tqegħid għar-rimi tal-installazzjonijiet). Barra minn hekk, il-kumpannija parent, permezz tal-kumitat eżekuttiv tagħha, hija inkarigata mid-determinazzjoni tal-għanijiet, tal-istrateġiji u tad-direzzjoni globali tal-grupp, kif ukoll tad-deċiżjonijiet ta’ livell għoli relatati mal-baġit tal-grupp, mal-proġetti l-kbar tiegħu u mal-koordinazzjoni funzjonali tiegħu. Barra minn hekk, il-kumpannija parent hija organizzata b’mod vertikali, fejn hija tiddelega wħud mis-setgħat tagħha lis-sussidjarji tagħha, permezz ta’ kumitati. Fl-aħħar nett, żewġ membri minn tlieta tal-Bord tad-Diretturi ta’ Nynas NV jappartjenu lil Nynäs AB, li fi ħdanu jokkupaw il-funzjonijiet ta’ direttur ġenerali u ta’ “chief refining officer”, fejn it-tielet membru tal-Bord tad-Diretturi ta’ Nynas NV huwa d-Direttur Ġenerali tiegħu stess, li jpoġġi wkoll fil-Bord tad-Diretturi ta’ Nynäs AB.

–       Fuq l-awtonomija tal-politika kummerċjali ta’ Nynas NV

48      Kif tfakkar fil-punt 37 iktar ’il fuq, għalkemm, skont il-ġurisprudenza, l-evalwazzjoni tal-influwenza tal-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha ma tillimitax ruħha għall-eżami tal-politika kummerċjali stricto sensu, il-Qorti tal-Unjoni madankollu tibqa’ bil-possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni elementi relatati mal-politika kummerċjali sabiex tevalwa jekk iż-żewġ kumpanniji jiffurmawx entità ekonomika waħda.

49      Mill-“organisation book” tal-grupp Nynas jirriżulta li l-istruttura tagħha hija integrata u ta’ natura ġerarkika ħafna. Il-grupp huwa organizzat skont l-attività, fi tliet taqsimiet, fejn kull waħda hija diretta minn CBE. B’hekk Nynas NV tikkostitwixxi t-taqsima responsabbli għall-amministrazzjoni operattiva u kummerċjali ta’ kuljum tas-sussidjarji kollha li jaqgħu taħt it-taqsima “Bitum”.

50      Il-koordinazzjoni globali tat-taqsimiet hija żgurata mill-President ta’ Nynäs AB, filwaqt li l-koordinazzjoni ta’ kuljum tas-sussidjarji kollha taqa’ taħt kumitati speċjalizzati skont il-funzjoni (“corporate functional managers” u “coordinators”), b’mod partikolari fil-qasam kummerċjali, li joperaw fuq livell tal-grupp. Dawn il-kumitati, li l-biċċa l-kbira minnhom jiddependu direttament mill-kumpannija parent filwawt li wħud minnhom joperaw direttament taħt is-sussidjarji, għandhom l-obbligu li jittrażmettu l-informazzjoni kollha direttament lill-President u lill-Viċi President tal-kumpannija parent. Is-CBE ta’ kull taqsima huma membri permanenti tal-kumitat eżekuttiv tal-kumpannija parent Nynäs AB, li hija komposta, barra minn hekk, mill-President u mill-Viċi President ta’ Nynäs AB. Dan il-kumitat eżekuttiv huwa inkarigat milli jiddefinixxi ta’ kull xahar l-għanijiet, l-istrateġija, id-direzzjonijiet u d-deċiżjonijiet baġetarji ta’ livell għoli tal-grupp, il-proġetti l-kbar tiegħu u l-koordinazzjoni funzjonali tiegħu.

51      Għalkemm ir-rikorrenti jsostnu li s-CBE jittrażmettu biss analiżi ta’ kull xahar tal-prestazzjonijiet finanzjarji tagħhom lill-kumpannija parent, mingħajr ma jinformawha dwar id-deċiżjonijiet attwali relatati max-xiri u mal-bejgħ, l-eżami tal-organizzazzjoni tal-grupp madankollu juri li l-kumpannija parent hija implikata mill-viċin u b’mod regolari fl-attività tas-sussidjarji tagħha, permezz tal-kumitat eżekuttiv u tal-kumitati speċjalizzati. Barra minn hekk ir-rikorrenti ma pprovdew ebda element li jippermetti li jiġi stabbilit li Nynäs AB ma għamlitx użu mis-setgħa tagħha li teżerċita influwenza determinanti fuq Nynas NV. Barra minn hekk, il-fatt li Nynas NV mexxiet politika kummerċjali relattivament awtonoma, taħt ċertu limitu, ma jippermettix, fih innifsu, li tinvalida l-konstatazzjoni li, bħala azzjonista ta’ 100 % tal-ishma u fid-dawl tal-istruttura soċjali tal-grupp, Nynäs AB effettivament kienet teżerċita influwenza determinanti fuq Nynas NV.

52      Barra minn hekk ir-rikorrenti jqisu li l-fatt li Nynas NV kienet inkarigata mill-amministrazzjoni operattiva u kummerċjali ta’ kuljum tas-sussidjarji kollha li jaqgħu taħt it-taqsima “Bitum”, fejn dawn iddelegaw is-setgħat tagħhom ta’ adozzjoni tad-deċiżjonijiet politiċi u operattivi fundamentali bis-saħħa ta’ “management service agreement”, jippermetti li jiġi stabbilit li l-funzjonijiet tagħha kienu jmorru lilhinn mill-funzjonijiet komuni ta’ sussidjarja u li b’hekk hija kellha awtonomija wiesgħa ħafna. Madankollu, il-Qorti tal-Unjoni tammetti li, meta kumpannija tissorvelja kumpannija relatata implikata f’aġir li jikkostitwixxi ksur, il-Kummissjoni tista’ tippreżumi li hija l-kumpannija parent komuni li fdat dawn is-setgħat ta’ sorveljanza lil din il-kumpannija relatata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punt 129). B’hekk, il-fatt li Nynas NV eżerċitat ċertu kontroll fuq kumpanniji oħra tal-grupp fis-settur tal-bitum, minkejja li dawn tal-aħħar ma kinux is-sussidjarji tagħha, jikkostitwixxi indizju supplimentari tal-eżistenza ta’ ġerarkija bejn Nynäs AB u Nynas NV, fejn il-kontroll eżerċitat minn din tal-aħħar fuq il-kumpanniji relatati tagħha seta’ ġie ddelegat lilha biss mill-kumpannija parent.

–       Fuq l-aġir tal-kumpannija parent fis-suq inkwistjoni u fuq ir-rwol tagħha fil-ksur

53      Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni jmissha straħet fuq elementi li jippermettu li jiġi evalwat ir-rwol tal-kumpannija parent fuq l-aġir antikompetittiv inkwistjoni sabiex tikkunsidra li hija setgħet titqies responsabbli għall-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha. Madankollu, kif tfakkar fil-punt 33 iktar ’il fuq, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kontroll eżerċitat mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha ma għandux neċessarjament ikollu rabta mal-aġir li jikkostitwixxi ksur (sentenzi Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punt 59, u General Química, punt 26 iktar ’il fuq, punti 38, 102 u 103). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tipproduċi provi komplementari għaż-żamma tal-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha minn Nynäs AB sabiex tippreżumi li din tal-aħħar kellha influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Barra minn hekk ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminati jekk Nynäs AB effettivament eżerċitatx influwenza fuq l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ Nynas NV.

–       Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi li huma wisq formalistiċi

54      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni tat importanza kbira wisq lil elementi bħall-eżistenza ta’ mekkaniżmi ta’ informazzjoni bejn Les Nynas NV u Nynäs AB u ta’ kontijiet ikkonsolidati u lill-parteċipazzjoni ta’ membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ Nynas NV fit-tmexxija eżekuttiva ta’ Nynäs AB.

55      Kif tfakkar fil-punt 37 iktar ’il fuq, il-ġurisprudenza tqis madankollu li, meta tevalwa l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, il-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha prodotti quddiemha mill-partijiet, fir-rigward tar-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi bejn iż-żewġ kumpanniji, fejn in-natura u l-importanza tagħhom jistgħu jvarjaw skont il-karatteristiċi relatati ma’ kull każ inkwistjoni (sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punt 65). Għalkemm ċerti ċirkustanzi, bħall-ikkonsolidar tal-kontijiet fuq livell tal-grupp, huma neqsin minn rilevanza (sentenza General Química et vs Il‑Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punt 108), elementi oħra, li ma jistgħux, waħedhom, jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda, kollha flimkien jistgħu madankollu jikkostitwixxu indizju korroborattiv suffiċjenti.

56      Għalhekk għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi li jippermettu li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ rabtiet ġerarkiċi qawwija bejn iż-żewġ kumpanniji, bħal, f’dan il-każ, il-mekkaniżmi ta’ informazzjoni bejn is-sussidjarja u l-kumpannija parent u l-preżenza intersekanti ta’ mexxejja ta’ kumpannija fl-organi deċiżjonali tal-oħra. Barra minn hekk, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ssemmi b’mod żbaljat il-preżenza taċ-CBE ta’ Nynas NV fil-Bord tad-Diretturi ta’ de Nynäs AB, meta din il-persuna kienet tpoġġi fil-Kumitat Eżekuttiv ta’ Nynäs AB, huwa mingħajr effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata ġaladarba jirriżulta mill-atti li l-kumitat eżekuttiv ta’ Nynäs AB għandu rwol fundamentali fid-deċiżjonijiet ta’ livell għoli tal-grupp (ara l-punt 51 iktar ’il fuq).

57      Mill-argumenti preċedenti kollha jirriżulta li l-elementi prodotti mir-rikorrenti ma jippermettux li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni li, billi jkollha sehem ta’ 100 % fil-kapital ta’ Nynas NV, Nynäs AB effettivament kellha influwenza determinanti fuq il-politika ta’ Nynas NV. Għalhekk, hemm lok li jiġi konkluż li flimkien ma’ Nynas NV Nynäs AB tikkostitwixxi impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi vverifikat jekk Nynäs AB kellhiex influwenza fuq l-aġir inkwistjoni. Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi kollu kemm hu miċħud.

58      Minn kull ma ġie diskuss preċedentement jirriżulta li hemm lok li t-talbiet tar-rikors intiżi għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jiġu miċħuda.

2.     Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata

59      Ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi insostenn tat-talbiet tagħhom intiżi għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, fuq żbalji ta’ liġi u fuq kunsiderazzjoni żbaljata tal-prinċipji ta’ ugwaljanza mwettqa mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu B tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u t-tieni motiv huwa intiż sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni jmissha ħadet inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni effettiva tagħhom minbarra d-dispożizzjonijiet tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, skont il-punt 3 tal-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida”).

 Fuq ir-rifjut li jingħata tnaqqis abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu B tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002

60      Skont il-punt 20 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, “[i]mpriżi li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet [ta’ eżenzjoni mill-multa] taħt is-sezzjoni A hawn fuq jistgħu jkunu eliġibbli biex jibbenefikaw minn tnaqqis ta' kull multa li kieku kienet tkun imposta”. Il-punt 21 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jispeċifika li, “[b]iex tikkwalifika, impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssospettat li jirrapreżentaw valur miżjud b’rispett għall-evidenza li diġà tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għandha twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi”. Barra minn hekk, il-punt 22 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jindika li “l-kunċett ta’ ‘valur miżjud’ jirreferi għall-punt sa fejn il-provi pprovduti jinforzaw, bin-natura tagħhom u/jew bil-livell ta’ dettall, l-abilità tal-Kummissjoni li tipprova l-fatti msemmija”, li, “[f]’din l-istima, il-Kummissjoni ġeneralment tikkunsidra l-provi bil-miktub li joriġinaw mill-perjodu ta’ żmien li miegħu jirrelataw il-fatti biex ikollhom valur ikbar mill-provi stabbiliti wara” u li, “[b]l-istess mod, provi li huma direttament rilevanti għall-fatti msemmija ġeneralment jiġu kkunsidrati li għandhom valur akbar minn dawk b’rilevanza indiretta biss”.

61      Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni indikat li, mingħajr ma ppreżentat talba formali għat-tnaqqis tal-multa tagħha bis-saħħa tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, Nynas kienet ipprovdiet informazzjoni ddettaljata fir-risposta tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2003 għat-talba tagħha għal informazzjoni. Din l-informazzjoni kienet tinkludi b’mod partikolari espożizzjoni preċiża ta’ disa’ paġni tas-sistema ta’ laqgħat tal-akkordju li ma kinitx intalbet mingħandha u għalhekk kellha valur miżjud. Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn l-elementi ma kinux saħħew il-kapaċità tagħha li tipprova l-fatti, peress li hija diġà kellha, f’din id-data, dokumenti ssekwestrati waqt spezzjonijiet, talbiet ta’ klemenza minn BP u minn Kuwait Petroleum u ċerti risposti għall-ewwel serje ta’ talbiet għal informazzjoni tagħha mibgħuta fit-30 ta’ Ġunju 2003. Barra minn hekk, dawn il-provi ma kinux ippermettewlha li tistabbilixxi karatteristiċi ġodda importanti tal-akkordju, b’mod partikolari minħabba r-riformulazzjoni minn Nynas ta’ ċerti dikjarazzjonijiet relatati ma’ ExxonMobil. Għaldaqstant il-Kummissjoni qieset li, peress li Nynas ma pproduċietx informazzjoni b’valur miżjud sinjifikattiv, hija ma setgħetx tagħtiha tnaqqis fil-multa skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (premessi 389 sa 393 tad-deċiżjoni kkontestata).

62      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni tgawdi minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward u li l-istħarriġ tal-qorti huwa limitat għal dak ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li kooperazzjoni fl-investigazzjoni li ma teċċedix dak li jirriżulta mill-obbligi li għandhom l-impriżi skont l-Artikolu 18(3) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), ma tiġġustifikax tnaqqis tal-multa (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il‑Kummissjoni, T‑12/89, Ġabra p. II‑907, punti 341 u 342, u tal-14 ta’ Mejju 1998, Cascades vs Il‑Kummissjoni, T‑308/94, Ġabra p. II‑925, punt 260). Min-naħa l-oħra, tali tnaqqis huwa ġġustifikat meta l-impriża tipprovdi informazzjoni li tmur kunsiderevolment lilhinn minn dik li l-produzzjoni tagħha tista’ tintalab mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Cascades vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 261 u 262, u tad-9 ta’ Lulju 2003, Daesang u Sewon Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑230/00, Ġabra p. II‑2733, punt 137). Sabiex jiġġustifika t-tnaqqis tal-ammont ta’ multa skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, l-aġir ta’ impriża għandu jiffaċilita l-kompitu tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-konstatazzjoni u r-repressjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u għandu juri intenzjoni ġenwina ta’ kooperazzjoni. Minn naħa, hija għaldaqstant il-Qorti Ġenerali li għandha teżamina jekk il-Kummissjoni marritx kontra l-mod li bih il-kooperazzjoni tal-impriżi inkwistjoni kienet kisret dak li kien meħtieġ skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003. F’dan ir-rigward, hija teżerċita stħarriġ sħiħ, b’mod partikolari fir-rigward tal-limiti għall-obbligu li jiġu mwieġba t-talbiet għal informazzjoni li jirriżultaw mid-drittijiet tad-difiża tal-impriżi. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tintalab tivverifika, bħal f’dan il-każ, jekk il-Kummissjoni evalwatx korrettament, fir-rigward tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, l-utilità tal-kooperazzjoni għall-konstatazzjoni tal-ksur. Fil-limiti stabbiliti mill-imsemmija komunikazzjoni, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali sabiex tevalwa jekk l-informazzjoni jew id-dokumenti, ipprovduti volontarjament mill-impriżi, iffaċilitawx il-kompitu tagħha u jekk hemmx lok li jingħata tnaqqis lil impriża bis-saħħa ta’ din il-komunikazzjoni. Din l-evalwazzjoni hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju limitat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑511/06 P, Ġabra p. I‑5843, punt 152; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punti 529 sa 532, ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 249).

63      Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni għandha l-obbligu li timmotiva r-raġunijiet li għalihom hija tqis li elementi prodotti minn impriżi fil-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jikkostitwixxu kontribut li jiġġustifika jew li ma jiġġustifikax tnaqqis fil-multa imposta, huma min-naħa l-oħra l-impriżi li jixtiequ jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, li għandhom jipprovaw li fin-nuqqas ta’ tali elementi prodotti volontarjament minn dawn l-impriżi, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tipprova l-essenzjali tal-ksur u għalhekk li tadotta deċiżjoni li timponi multi (sentenza Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punt 297).

64      Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996”), il-Qorti tal-Unjoni qieset li l-għoti ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jeħtieġ, b’mod partikolari, li l-impriża kkonċernata tkun l-ewwel waħda li tipproduċi l-elementi determinanti sabiex tipprova l-eżistenza tal-akkordju u li, għalkemm tali elementi ma għandhomx ikunu neċessarjament fihom infushom suffiċjenti sabiex jipprovaw l-eżistenza tal-akkordju, huma għandhom madankollu jkunu determinanti għal dan l-istess għan. Għaldaqstant din il-produzzjoni ma għandhiex tkun sempliċement sors ta’ indikazzjoni għall-investigazzjonijiet li għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni, iżda għandhom ikunu elementi li jistgħu jintużaw direttament bħala bażi probatorja prinċipali għal deċiżjoni ta’ konstatazzjoni ta’ ksur (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il‑Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punti 492, 493, 517, 518, 521, 522, 526 u 568, u Daiichi Pharmaceutical vs Il‑Kummissjoni, T‑26/02, Ġabra p. II‑713, punti 150, 156, 157 u 162).

65      Skont il-punti 7, 21 u 22 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-kontribut effettiv ta’ kull impriża, kemm fir-rigward tal-kwalità tiegħu kif ukoll fir-rigward ta’ meta jingħata, għall-istabbiliment tal-prova tal-ksur u l-kunċett ta’ “valur miżjud” sinjifikattiv jirreferi għal kemm il-provi pprovduti jsaħħu, minħabba n-natura u l-livell ta’ preċiżjoni tagħhom, il-kapaċità tagħha li tistabbilixxi l-fatti li jikkostitwixxu l-ksur. Għalhekk il-Kummissjoni tagħti valur partikolari lil elementi li jistgħu jippermettulha, flimkien ma’ elementi oħra li diġà jinsabu fil-pussess tagħha, tistabbilixxi l-eżistenza ta’ akkordju jew lil elementi li jippermettulha tikkorrobora provi diġà eżistenti, jew lil dawk li għandhom konsegwenzi diretti fuq il-gravità jew it-tul tal-akkordju. Min-naħa l-oħra, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-kriterju determinanti ma jillimitax ruħu għal dak dwar jekk impriża “ffaċilitatx il-kompitu tal-Kummissjoni”. Għandu jiġi enfasizzat li l-ġurisprudenza li r-rikorrenti jipprovaw jinvokaw f’dan ir-rigward (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Mayr‑Melnhof vs Il‑Kummissjoni, T‑347/94, Ġabra p. II‑1751, punt 331) ma tikkonċernax l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u fi kwalunkwe każ, tieħu ħsieb li ssostni li impriża li tiddikjara espressament li ma tikkontestax l-allegazzjonijiet fattwali li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-ilmenti tagħha tista’ titqies li kkontribwiet biex tiffaċilita l-kompitu tal-Kummissjoni u tista’ tibbenefika, f’dan is-sens, minn tnaqqis tal-multa.

66      Barra minn hekk, in-natura kontinwa tal-kooperazzjoni pprovduta minn impriża ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-valur miżjud sinjifikattiv tal-elementi pprovduti, peress li l-punt 23 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jillimita t-teħid inkunsiderazzjoni tal-portata u tal-kontinwità tal-kooperazzjoni tal-impriża fl-istadju tad-determinazzjoni tal-livell eżatt ta’ tnaqqis tal-multa għal ċerti kategoriji, meta l-Kummissjoni tkun diġà kkunsidrat li l-elementi pprovduti jkollhom valur miżjud sinjifikattiv.

67      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li hemm lok li jiġu eżaminati l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti insostenn tal-motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, ta’ żbalji ta’ liġi u ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza mwettqa mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu B tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

 Fuq l-iżbalji ta’ liġi

–       L-argumenti tal-partijiet

68      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet tliet żbalji ta’ liġi. B’hekk, fl-ewwel lok, sabiex tevalwa l-valur miżjud tal-informazzjoni pprovduta, hija tidher li applikat b’mod żbaljat l-istess kriterji fl-istadju tal-konklużjoni provviżorja, li għandha ssir sa mhux iktar tard mid-data tan-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u minn dik tad-deċiżjoni finali. Fit-tieni lok, hija tidher li kkunsidrat b’mod irrazzjonali li l-formulazzjoni mill-ġdid tad-dikjarazzjonijiet dwar ExxonMobil kienet tnaqqas il-valur tal-provi l-oħra li r-rikorrenti kienu pproduċew b’mod volontarju. Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, il-Kummissjoni inġustament tat importanza kbira wisq lill-aspett kronoloġiku fl-evalwazzjoni tal-valur miżjud tal-informazzjoni tagħhom. Skont il-ġurisprudenza, l-evalwazzjoni tal-livell ta’ kooperazzjoni pprovduta minn impriża ma tistax tiddependi fuq fatturi purament każwali bħall-ordni li fiha hija ġiet interrogata mill-Kummissjoni (sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 246).

69      Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

70      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti sostnew, fl-istadju tar-replika, li l-Kummissjoni ma setgħetx tapplika l-istess kriterji ta’ evalwazzjoni tal-valur miżjud tal-informazzjoni pprovduta għall-istadju tal-konklużjoni provviżorja u għal dak tad-deċiżjoni finali. Huma għalhekk iqisu li, fl-istadju provviżorju, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-elementi trażmessi minn impriża biss b’mod iżolat, fid-dawl ta’ dawk trażmiessi mill-impriżi l-oħra.

71      Fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ dan l-argument fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, diskussa mill-Kummissjoni fil-kontroreplika, għandu jiġi enfasizzat li dan l-argument imqajjem fir-replika huwa intiż biss sabiex jiġi żviluppat il-motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Kummissjoni billi tirrifjuta li tagħti lil Nynas tnaqqis tal-multa skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, imqajjem fir-rikors, u li, skont il-ġurisprudenza, għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 1958, Compagnie des hauts fourneaux de Chasse vs L-Awtorità Għolja, 2/57, Ġabra p. 129, 131).

72      Barra minn hekk, fuq il-mertu, mid-dispożizzjonijiet tal-punti 26 u 27 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, fir-rigward tal-proċedura, jirriżulta li “[j]ekk il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni preliminarja li l-provi mressqin mill-impriża jikkostitwixxu valur miżjud fis-sens tal-punt 22, għandha tinforma lill-impriża bil-miktub, mhux aktar tard mid-data li fiha ġiet notifikata dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, ta’ l-intenzjoni tagħħa li tapplika tnaqqis f’multa ġewwa faxxa speċifika kif previst fil-punt 23(b),” u li, “[i]l-Kummissjoni ser tevalwa l-pożizzjoni finali ta’ kull impriża li applikat għat-tnaqqis f’multa fl-aħħar tal-proċedura amministrattiva f’kull deċiżjoni adottata”.

73      Ir-rikorrenti jqisu li s-sempliċi riferiment, f’dan il-punt 26, għall-punt 22 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, u mhux għall-punt 21 bħal ma indikat il-Kummissjoni, jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-punt 26 isemmi biss is-sempliċi “valur miżjud” u mhux il-“valur miżjud [sinjifikattiv]” tal-elementi pprovduti minn impriża.

74      Madankollu jidher li l-punt 22 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, li jipproponi definizzjoni tal-kunċett ta’ “valur miżjud”, għandu sempliċement bħala għan li jiċċara l-fatt li l-punt 21 li jagħmel riferiment għal “valur miżjud [sinjifikattiv]”. Barra minn hekk, il-kunċett innifsu ta’ “valur miżjud” jindika effettivament li l-Kummissjoni, ikun liema jkun l-istadju tal-proċedura amministrattiva, għandha tevalwa l-valur tal-elementi pprovduti b’paragun mal-provi l-oħra li huma għad-dispożizzjoni tagħha, jew wara li jsiru spezzjonijiet, jew minħabba l-fatt li jkunu ġew ipprovduti lilha mill-impriżi l-oħra. Fl-aħħar nett, anki li kieku wieħed kellu jsegwi r-raġunament tar-rikorrenti, ir-rikonoxximent eventwali fl-istadju provviżorju ta’ valur miżjud tal-elementi trażmessi fi kwalunkwe każ ma jkollu ebda konsegwenza fuq l-evalwazzjoni finali tal-Kummissjoni u fuq il-livell ta’ tnaqqis mogħti lill-impriża, li jsir biss f’dak il-mument. Għalhekk dan l-argument għandu jiġi miċħud.

75      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni kellha tort meta ppenalizzathom talli irtiraw id-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar il-parteċipazzjoni ta’ ExxonMobil fl-akkordju. Madankollu għandu jiġi speċifikat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, issemmi biss li l-elementi pprovduti minn Nynas ma kinux ippermettewlha tistabbilixxi karatteristiċi ġodda importanti tal-akkordju, b’mod partikolari minħabba r-riformulazzjoni minn Nynas ta’ ċerti dikjarazzjonijiet relatati ma’ ExxonMobil. B’hekk, il-Kummissjoni ma ppenalizzatx lil Nynas għal dawn ir-riformulazzjonijiet, iżda sempliċement ikkwalifikat l-elementi li jikkonċernaw lil ExxonMobil, u li jinsabu fir-risposta tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2003 għat-talba għal informazzjoni, bħala li ma pprovdewlha ebda valur miżjud sinjifikattiv. Għalhekk dan l-argument għandu jiġi miċħud.

76      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni tat importanza kbira wisq lill-aspett kronoloġiku fl-evalwazzjoni tal-valur miżjud tal-informazzjoni tagħhom. Insostenn ta’ din l-affermazzjoni huma jsemmu l-ġurisprudenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq. Madankollu għandu jiġi kkonstatat li din is-sentenza tikkonċerna l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, u mhux dik tal-2002 li hija applikabbli f’dan il-każ. Barra minn hekk, l-imsemmija sentenza tikkonċerna l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu D tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, fir-rigward tal-impriżi li jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis sinjifikattiv tal-ammont tal-multa tagħhom, li ma kienx jipprovdi trattament differenti tal-impriżi kkonċernati skont l-ordni li fih dawn kienu kkooperaw mal-Kummissjoni. Bil-kontra, il-ġurisprudenza dwar it-Titoli B u C tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, fir-rigward tal-impriżi li jibbenefikaw minn nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multa, jew minn tnaqqis importanti ħafna jew importanti tal-ammont tagħha, li kienet tirreferi espressament għall-kriterju kronoloġiku, stabbilixxiet il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-fattur kronoloġiku (sentenzi tal-Qorti Ġenerali BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 64 iktar ’il fuq, punt 550; tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il‑Kummissjoni, T‑322/01, Ġabra p. II‑3137, punti 237 sa 239, u Archer Daniels Midland, T‑329/01, Ġabra p. II‑3255, punti 319 sa 321 u 341). Fir-rigward tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, mill-punti 7 u 23 tagħha jirriżulta espressament li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha tal-valur tal-informazzjoni pprovduta, id-data li fiha din ġiet ikkomunikata lilha. Il-ġurisprudenza dwar din il-komunikazzjoni barra minn hekk ikkonfermat l-importanza tad-data ta’ trażmissjoni tal-informazzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 2008, General Química et vs Il‑Kummissjoni, T‑85/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 147, 148 u 152 sa 154). Għaldaqstant dan l-argument ukoll għandu jiġi miċħud.

77      Finalment, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni ma wettqitx żbalji ta’ liġi billi rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti tnaqqis tal-multa abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu B tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

 Fuq l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

78      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ssottovalutat il-portata u l-valur tal-kooperazzjoni volontarja tagħhom. B’hekk hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-daqs u l-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta, u lanqas in-natura determinanti ta’ ċerta informazzjoni li huma biss ipprovdew u li ntużaw fid-dettall fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni kkontestata. Hija injorat ukoll l-aġir eċċezzjonali li wrew waqt il-proċeduri, billi indikaw b’mod spontanju l-bidliet organizzattivi li saru fi ħdan il-grupp u billi b’hekk irrinunzjaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, billi pproduċew elementi relatati ma’ livell ieħor ta’ akkordju u billi ttrażmettew informazzjoni miksuba mingħand kumpannija terza. Issa l-Kummissjoni għandha l-obbligu, skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, li tieħu inkunsiderazzjoni l-portata u l-kontinwità tal-kooperazzjoni tal-kumpanniji.

79      Fit-tieni lok, huma jqisu li l-fatt li huma pprovdew ir-risposta tagħhom lill-Kummissjoni fit-2 ta’ Ottubru 2003 biss huwa imputabbli biss lill-Kummissjoni, li inizjalment kienet bagħtet it-talba tagħha għal informazzjoni lil Nynas NV minflok lil Nynas Belgium.

80      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li, fir-risposta tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2003, Nynas Belgium ma esprimietx ix-xewqa tagħha li tibbenefika minn tnaqqis tal-multa meta hija kienet speċifikat li hija kienet qed tipprova tassisti lill-Kummissjoni fl-investigazzjoni tagħha billi tipprovdi valur miżjud sinjifikattiv.

81      Il-Kummissjoni tikkonfuta l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

82      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw aġir allegatament eċċezzjonali sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Fil-fatt, fir-rigward tal-fatt li Mynas Belgium marret b’mod spontanju quddiem il-Kummissjoni bħala s-suċċessur ta’ Nynas NV, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni probabbilment setgħet, fi kwalunkwe każ, timputa r-responsabbiltà għall-ksur lis-suċċessur ekonomiku ta’ Nynas NV. Barra minn hekk, fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti, dwar l-eżistenza ta’ tielet livell ta’ attività tal-akkordju, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni qieset fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 354) li hija ma kellhiex biżżejjed provi f’dan ir-rigward u li għalhekk hija ma użatx l-elementi pprovduti mir-rikorrenti f’dan ir-rigward. Fl-aħħar net, billi kisbu informazzjoni minn Petroplus, ir-rikorrenti ċertament ippermettew lill-Kummissjoni tevita milli tibgħat talbiet għal informazzjoni lil din il-kumpannija, iżda dan l-element waħdu ma jistax jiġġustifika l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

83      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-prinċipji mfakkra fil-punti 62 sa 66 iktar ’il fuq, jidher li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi rrifjutat li r-rikorrenti jibbenefikaw mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

84      Fil-fatt, għalkemm, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni, l-informazzjoni pprovduta b’mod spontanju mir-rikorrenti fit-2 ta’ Ottubru 2003 kienet iddettaljata ħafna, hija madankollu ma saħħitx il-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-ksur, peress li hija diġà kellha, sa dik id-data, informazzjoni trażmessa minn BP u dokumenti ssekwestrati meta saru spezzjonijiet f’Ottubru 2002, it-talba għal klemenza ta’ BP u informazzjoni oħra pprovduta minnha waqt li kienet qed tiżvolġi l-proċedura, it-talba għal klemenza ta’ Kuwait Petroleum tat-12 ta’ Settembru 2003 kif ukoll risposti mill-parti l-kbira tal-kumpanniji għas-serje ta’ talbiet għal informazzjoni mibgħuta fit-30 ta’ Ġunju 2003.

85      Barra minn hekk mill-kitbiet tal-partijiet jirriżulta li l-elementi li r-rikorrenti jqisu li ġew prodotti esklużivament minnhom ma kinux determinanti għall-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tistabbilixxi l-ksur.

86      L-istess jgħodd għall-parteċipazzjoni ta’ Nynas għal-laqgħat preparatorji u għal-laqgħat ta’ ftehim fuq il-prezz tal-bitum, li l-Kummissjoni diġà kienet tinsab f’pożizzjoni li tipprova mill-provi u xhieda ta’ kumpanniji oħra, pereżempju permezz tad-dokumenti ssekwestrati meta saru l-verifiki fl-uffiċċji ta’ Heijmans Infrastructuur en Milieu BV (iktar ’il quddiem “Heijmans”), u permezz tal-informazzjoni pprovduta minn Kuwait Petroleum fis-16 ta’ Settembru 2003 u minn BP fl-2002 (ara l-premessi 57, 68 u 77 tad-deċiżjoni kkontestata).

87      Bl-istess mod, fir-rigward tal-ismijiet tal-kumpanniji u tal-persuni li pparteċipaw fl-akkordju, mill-atti jirriżulta li dawn diġà kienu ġew ikkomunikati minn kumpanniji oħra (ara n-noti f’qiegħ il-paġna 145, 201, 202, 224, 226 tad-deċiżjoni kkontestata) u li, fir-rigward tal-ismijiet tal-impjegati ta’ ExxonMobil u ta’ impjegati oħra ta’ Shell li hija għad ma kellhiex, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tikkorrobora din l-informazzjoni u ma użathiex fid-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tal-ismijiet tal-impjegati ta’ Esha (grupp li kien jipproduċi u jikkummerċjalizza bitum fil-Pajjiżi l-Baxxi u li ġie kkunsidrat li pparteċipa fil-ksur u li ġiet imposta fuqu multa ta’ EUR 11 500 000) li pparteċipaw fl-akkordju, għalkemm huwa minnu li d-deċiżjoni kkontestata (nota ta’ qiegħ il-paġna 216) issemmi d-dikjarazzjoni ta’ Kuwait Petroleum tad-9 ta’ Ottubru 2003 u r-risposta ta’ Esha għal talba għal informazzjoni tat-30 ta’ Diċembru 2003, li saru wara r-risposta għal talba għal informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti, madankollu dan is-sempliċi element ma huwiex suffiċjenti, waħdu, sabiex jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti pproduċew element b’valur miżjud sinjifikattiv lill-Kummissjoni, ġaladarba din tal-aħħar diġà kellha għarfien dwar il-parteċipazzjoni ta’ Esha fl-akkordju permezz ta’ dokumenti preċedenti ta’ Heijmans, HGB, BP u Kuwait Petroleum (ara l-premessi 57 u 68 tad-deċiżjoni kkontestata).

88      Fir-rigward tal-postijiet tal-laqgħat preparatorji tal-fornituri ta’ bitum, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti semmew biss post wieħed supplimentari fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet ta’ BP tal-2002 u tar-risposta ta’ Kuwait Petroleum tas-16 ta’ Settembru 2003, u li din l-informazzjoni ma setgħetx tiġi kkorroborata, tqiegħdet inkwistjoni waqt is-smigħ u barra minn hekk ma ntużatx fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata, noti ta’ qiegħ il-paġna 176 u 177). Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni ċċitat silta mir-risposta tar-rikorrenti għal talba ta’ informazzjoni tat-2 ta’ Ottubru2003 sabiex issostni li l-laqgħat tal-akkordju kienu ġeneralment jiżvolġew fl-uffiċċji ta’ Koninklijke Wegenbouw Stevin BV (iktar ’il quddiem “KWS”) (premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi enfasizzat li hija diġà kellha din l-informazzjoni permezz ta’ dokumenti ssekwestrati meta saru verifiki għand KWS, permezz ta’ risposta għal talba għal informazzjoni ta’ Kuwait Petroleum tas-16 ta’ Settembru 2003 u permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ din tal-aħħar fl-1 ta’ Ottubru 2003 (ara l-anness 2 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet).

89      Bl-istess mod, fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Ballast Nedam u ta’ Dura Vermeer fl-akkordju, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni diġà kellha provi fil-pussess tagħha li jippermettu li tistabbilixxi dan permezz ta’ dokumenti ssekwestrati meta saru verifiki fl-uffiċċji ta’ NBM Noord-West BV, ta’ Hollandsche Beton Groep Civiel BV, u ta’ KWS u għar-risposta, fit-12 ta’ Settembru 2003, ta’ Dura Vermeer għal talba għal informazzjoni (ara l-premessi 76 u 77 tad-deċiżjoni kkontestata, noti ta’ qiegħ il-paġna 200, 220, 223, 224 u 226).

90      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-mekkaniżmi ta’ sanzjoni fir-rigward tal-fornituri ta’ bitum li ma josservawx il-ftehimiet tal-akkordju, id-dokumenti trażmessi minn Nynas (faks mibgħuta minn Hollandsche Beton Groep u kont li jinkrimina lil Heijmans et Ballast Nedam) ukoll sempliċement ikkonfermaw u ppreċiżaw provi diġà fil-pussess tal-Kummissjoni. Fil-fatt, fid-dikjarazzjonijiet tagħha tat-12 ta’ Lulju 2002 u tas-16 ta’ Settembru 2003, BP kienet b’mod partikolari diġà ttrażmettiet elementi f’dan is-sens, hekk kif kienet għamlet Kuwait Petroleum fid-dikjarazzjoni tagħha tat-12 ta’ Settembru 2003 (premessi 84 u 86 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-mekkaniżmu ta’ sanzjoni ssemma wkoll f’dokument ssekwestrati meta saru verifiki għand Shell Nederland Verkoopmaatschappij BV u KWS (noti ta’ qiegħ il-paġna 238 u 286).

91      Mill-argumenti preċedenti kollha jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li, fin-nuqqas tal-informazzjoni li huma pprovdew b’mod volontarju lill-Kummissjoni, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tipprova l-parti essenzjali tal-ksur u għaldaqstant li tadotta deċiżjoni li timponi multi.

92      Finalment, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni billi eskludiet li l-informazzjoni prodotta esklużivament mir-rikorrenti kellha valur miżjud sinjifikattiv.

93      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jqisu li d-data tardiva li fiha huma ttrażmettew l-informazzjoni tardiva lill-Kummissjoni hija imputabbli għal din tal-aħħar, li bagħtet it-talba tagħha għal informazzjoni lil Nynas NV minflok lil Nynas Belgium, li rċeviet din it-talba fit-23 ta’ Lulju biss, jiġifieri tliet ġimgħat wara l-impriżi l-oħra, li kienu rċevewha fit-30 ta’ Ġunju 2003.

94      Madankollu mill-atti, u b’mod partikolari mill-korrispondenza bil-miktub bejn l-avukat ta’ Nynas u l-Kummissjoni, jirriżulta li l-ewwel talba għal informazzjoni kienet intbagħtet lil Nynas NV, lill-istess persuna ta’ kuntatt u fl-istess indirizz bħal dak indikat sussegwentement minn Nynas Belgium, u li din tal-aħħar kienet irrikonixxiet li rċeviet din it-talba fl-istess mument bħad-destinatarji l-oħra, jiġifieri l-4 ta’ Lulju 2003. Fi kwalunkwe każ, id-data li fiha tintbagħat jew tiġi rċevuta t-talba formali għal informazzjoni tal-Kummissjoni hija mingħajr effett fuq l-evalwazzjoni tal-kronoloġija tat-talbiet għal klemenza magħmula mill-impriżi kkonċernati, ġaladarba dawn setgħu jiġu ppreżentati f’kull mument, b’mod partikolari wara verifiki sorpriża magħmula mill-Kummissjoni, u indipendentement mid-data li fiha tintbagħat it-talba għal informazzjoni.

95      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-Kummissjoni jmissha kkunsidrat b’mod żbaljat li, fir-risposta tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2003, Nynas Belgium ma esprimietx ix-xewqa li tibbenefika minn tnaqqis tal-multa. Skont id-dispożizzjonijiet tal-punti 24 u 25 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, “[i]mpriża li tixtieq tibbenefika minn tnaqqis f’multa għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-kartell imsemmi” u “[l]-impriża għandha tirċievi rikonoxximent ta’ l-irċevuta mid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni li tirreġistra d-data meta l-provi rilevanti ġew imressqa.” Għaldaqstant il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma tipprovdix obbligu formali speċifiku għall-introduzzjoni ta’ talba għal klemenza. Madankollu, il-kliem użat minn Nynas fir-risposta tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2003 għat-talba għal informazzjoni ma jindikax b’mod ċar li hija kellha l-intenzjoni tinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, fejn il-Bord tad-Diretturi tagħha llimita ruħu sabiex jindika li hija kien irnexxiela tikseb “kopji ta’ dokumenti li hija tittama li jgħinu l-investigazzjoni tal-Kummissjoni billi jipprovdu valur miżjud sinjifikattiv.” Fi kwalunkwe każ, il-fatt li jiġi ddeterminat jekk ir-risposta tat-2 ta’ Ottubru 2003 ta’ Nynas Belgium kinitx diġà tikkostitwixxi talba għal klemenza huwa mingħajr effett fuq l-eżitu tal-kwistjoni, ġaladarba l-evalwazzjoni definittiva dwar il-kwalità tal-provi prodotti saret mill-Kummissjoni biss fi tmiem il-proċedura amministrattiva u mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni, filwaqt li qieset li Nynas ma kinitx ippreżentat talba formali għat-tnaqqis tal-multa tagħha skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, ħadet dan id-dokumenti inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa l-possibbiltà li tnaqqas il-multa imposta fuq Nynas skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

96      Finalment, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset li l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti ma kellha ebda valur miżjud sinjifikattiv u li għalhekk hija ma setgħetx tagħtihom tnaqqis tal-multa skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

 Fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza

–       L-argumenti tal-partijiet

97      Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni marret kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza billi rriżervat fil-konfront tagħhom, mingħajr ma dan kien iġġustifikat, trattament differenti minn dak mogħti lil Kuwait Petroleum. Qabel kollox, huma jqisu li ebda impriża oħra ma ġiet ippenalizzata talli riformulat id-dikjarazzjonijiet tagħha kontra ExxonMobil u li Kuwait Petroleum setgħet b’mod partikolari tibbenefika minn tnaqqis ta’ 30 % mill-ammont tal-multa tagħha, meta hija kienet aġixxiet bl-istess mod bħalhom. Barra minn hekk, huma jilmentaw lill-Kummissjoni talli ttrattat b’mod differenti l-informazzjoni tagħha meta mqabbla ma’ dawk ipprovduti minn Kuwait Petroleum. Din tal-aħħar għalhekk ipprovdiet informazzjoni deċiżiva biss fid-9 ta’ Ottubru 2003, li sempliċement ikkorroborat informazzjoni miksuba meta saru verifiki sorpriża u li fi kwalunkwe każ hija inqas iddettaljata minn dik ipprovduta minn Nynas Belgium. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni madankollu għażlet li tibbaża ruħha fuq dikjarazzjonijiet ipprovduti minn Kuwait Petroleum pjuttost milli fuq dawk tar-rikorrenti u barra minn hekk naqset milli tiċċitahom bħala sors ta’ bosta elementi fattwali. Billi aġixxiet b’dan il-mod, il-Kummissjoni marret kontra l-obbligi tagħha ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tagħha.

98      Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

99      Qabel kollox, għandu jitfakkar, skont il-punt 75 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha, issemmi biss li l-elementi pprovduti minn Nynas ma kinux ippermettewlha tistabbilixxi karatteristiċi ġodda importanti tal-akkordju, b’mod partikolari minħabba r-riformulazzjoni minn Nynas ta’ ċerti dikjarazzjonijiet dwar ExxonMobil, iżda li hija ma ppenalizzatx lil Nynas għal dawn ir-riformulazzjonijiet. Għaldaqstant għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti dwar ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza ma’ Kuwait Petroleum fuq dan il-punt.

100    Skont il-ġurisprudenza, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-impriżi, il-Kummissjoni ma tistax tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jinkiser meta sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat u dan il-prinċipju jipprekludi lill-Kummissjoni milli tittratta b’mod differenti l-kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati mill-istess deċiżjoni (ara s-sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punt 533, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu hija tqis li l-Kummissjoni ma tmurx kontra dan il-prinċipju meta hija tagħti, jew le, tnaqqis tal-ammont tal-multi skont il-kooperazzjoni tal-impriża kkonċernata magħha matul il-proċedura amministrattiva (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il‑Kummissjoni, T‑311/94, Ġabra p. II‑1129, punti 309 sa 313, u Weig vs Il‑Kummissjoni, T‑317/94, Ġabra p. II‑1235, punti 287 sa 289). Barra minn hekk, hija tqis li differenza fit-trattament tal-impriżi inkwistjoni għandha tkun imputabbli għal livelli ta’ kooperazzjoni mhux paragunabbli, b’mod partikolari inkwantu dawn kienu jikkonsistu fil-provvista ta’ informazzjoni differenti jew fil-provvista ta’ din l-informazzjoni fi stadji differenti tal-proċedura amministrattiva, jew f’ċirkustanzi mhux analogi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Diċembru 2005, Brouwerij Haacht vs Il‑Kummissjoni, T‑48/02, Ġabra p. II‑5259, punti 108 u 109).

101    Barra minn hekk għandu jiġi speċifikat li, għalkemm seta’ ġie meqjus li, sabiex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala paragunabbli, il-kooperazzjonijiet tal-impriżi ma kellhomx neċessarjament iseħħu fl-istess ġurnata, iżda fl-istess stadju tal-proċeduri (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2009, Nintendo u Nintendo of Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑13/03, Ġabra p. II‑947, punt 178), dan il-prinċipju kien japplika għat-Titolu D tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, li ma kinitx tipprovdi trattament differenti tal-impriżi kkonċernati skont l-ordni li fih huma kienu kkooperaw mal-Kummissjoni, bil-kontra tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (ara l-punt 76 iktar ’il fuq).

102    Fl-aħħar nett meta, abbażi tal-kooperazzjoni, impriża sempliċement tikkonferma, b’mod inqas preċiż u espliċitu, ċerta informazzjoni diġà pprovduta minn impriża oħra abbażi tal-kooperazzjoni, il-livell ta’ kooperazzjoni pprovduta minn din l‑impriża, minkejja li jista’ xorta waħda jkun ta’ ċerta utilità għall‑Kummissjoni, ma għandux jiġi kkunsidrat bħala paragunabbli għal dak ipprovdut mill-ewwel impriża li pprovdiet l-imsemmija informazzjoni. Dikjarazzjoni li sa ċertu punt tillimita ruħha li tikkorrobora dikjarazzjoni li l-Kummissjoni diġà kellha ma tiffaċilitax il-kompitu tal-Kummissjoni b’mod sinjifikattiv. Għaldaqstant, din ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġġustifika tnaqqis tal‑ammont tal-multa abbażi tal-kooperazzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 455, u tas-17 ta’ Mejju 2011, Arkema France vs Il‑Kummissjoni, T‑343/08, Ġabra p. II‑2287, punt 137).

103    F’dan il-każ, jidher li l-Kummissjoni ma marritx kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza billi tat tnaqqis tal-multa ta’ 30 % lil Kuwait Petroleum abbażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u billi rrifjutat li tagħti tali tnaqqis lir-rikorrenti, peress li dawn l-impriżi kienu jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti. Fil-fatt, għandu jitfakkar li Kuwait Petroleum ippreżentat talba għall-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 sa mit-12 ta’ Settembru 2003, li magħha kien hemm annessa dikjarazzjoni tal-impriża, u li fiha hija talbet sabiex parti mill-informazzjoni kkomunikata fis-16 ta’ Settembru 2003 tittieħed inkunsiderazzjoni taħt it-talba tagħha għal klemenza. Fit-18 ta’ Settembru 2003, ġiet organizzata laqgħa bejn il-Kummissjoni u fl-1 u fid-9 ta’ Ottubru 2003, tliet ex impjegati ta’ Kuwait Petroleum instemgħu mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni qieset fid-deċiżjoni kkontestata li l-informazzjoni pprovduta fit-12 u fis-16 ta’ Settembru 2003 u fl‑1 u fid‑9 ta’ Ottubru 2003 kienet saħħet, minħabba l-livell ta’ preċiżjoni tagħha, il-kapaċità tagħha li tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur, iżda wkoll li hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li t-talba għal klemenza kienet ġiet ippreżentata biss ħdax-il xahar wara l-intervent tal-verifiki sorpriża u wara li ntbagħtet it-talba tagħha għal informazzjoni, li hija diġà kellha, ta’ ċerti provi kkomunikati minn kumpanniji oħra u li Kuwait Petroleum irtirat uħud mid-dikjarazzjonijiet tagħha fformulati kontra ExxonMobil. Għalhekk, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, Kuwait Petroleum ma stennietx sad-9 ta’ Ottubru sabiex tipprovdi informazzjoni deċiżiva, iżda, sa mit-12 ta’ Settembru 2003, hija ppermettiet lill-Kummissjoni tikkorrobora l-informazzjoni eżistenti u tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur, b’mod partikolari billi pproduċiet l-ewwel waħda mill-provi diretti tal-laqgħat ta’ ftehim dwar il-bitum, fejn BP, l-ewwel impriża li informat lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza tal-akkordju, ma pparteċipatx regolarment f’dawn il-laqgħat (premessa 383 tad-deċiżjoni kkontestata).

104    Definittivament, mill-varji atti tal-proċess jirriżulta li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma kinitx paragunabbli għal dik ta’ Kuwait Petroleum, kemm fir-rigward tad-data ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni lill-Kummissjoni kif ukoll fir-rigward tal-kontenut tagħha. Barra minn hekk ir-rikorrenti nfushom fir-replika rrikonoxxew li l-kwalità tal-provi prodotti minn Kuwait Petroleum kienet superjuri. Barra minn hekk għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, mistoqsija b’mod partikolari fuq dan il-punt waqt is-seduta, bl-ebda mod ma ssostanzjaw l-affermazzjoni tagħhom li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq elementi li huma kienu ttrażmettewlha fit-2 ta’ Ottubru 2003 sabiex tmexxi s-smigħ ta’ ex impjegat ta’ Kuwait Petroleum fid-9 ta’ Ottubru 2003. Fl-aħħar nett, il-fatt li l-Kummissjoni qieset li l-elementi prodotti minn Kuwait Petroleum waqt is-seduta tad-9 ta’ Ottubru 2003 kellhom valur miżjud sinjifikattiv huwa mingħajr effett fuq l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-valur tal-elementi prodotti preċedentement minn din il-kumpannija, u, għalhekk, huwa mingħajr effett fuq l-evalwazzjoni magħmula fuq il-valur tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti.

105    Għalhekk, peress li s-sitwazzjonijiet ta’ Kuwait Petroleum u tar-rikorrenti ma humiex paragunabbli, inkwantu dawn tal-aħħar ipprovdew biss tardivament informazzjoni lill-Kummissjoni u din ma kellhiex l-istess livell kwalitattiv, il-Kummissjoni ma marritx kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza billi rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti tnaqqis ta’ multa abbażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

106    Barra minn hekk taħt dan il-motiv ir-rikorrenti jfakkru lmenti relatati ma’ ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u mal-obbligu ta’ motivazzjoni, billi jieħdu l-ħsieb li jenfasizzaw li hija l-Kummissjoni li għandha tattribwixxi s-sors tal-konklużjonijiet tagħha u li tagħti rikonoxximent ekwu lil provi ekwivalenti.

107    Skont l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors promotur għandu jinkudi sunt tal-motivi invokati u din l-indikazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex il-konvenuta tkun tista’ tħejji d-difiża tagħha u l-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi dwar ir-rikors, fejn xieraq, mingħajr informazzjoni oħra insostenn. Minħabba dan, ir-rikors għandu jispjega f’hiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’tali mod li s-sempliċi fatt li huwa jissemma b’mod astratt ma jissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura. Rekwiżiti analogi huma meħtieġa meta lment huwa invokat insostenn ta’ motiv (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Jannar 1995, Viho vs Il‑Kummissjoni, T‑102/92, Ġabra p. II‑17, punt 68, u tal-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il‑Kummissjoni, T‑352/94, Ġabra p. II‑1989, punt 333).

108    F’dan il-każ, l-ifformular tal-ilment relatat mal-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba mill-Kummissjoni huwa wisq impreċiż sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tidentifika s-suġġett innifsu. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma jispeċifikawx il-punti speċifiċi tad-deċiżjoni kkontestata li fihom il-Kummissjoni għażlet li tibbaża ruħha b’mod arbitrarju fuq dikjarazzjonijiet ipprovduti minn Kuwait Petroleum pjuttost milli fuq id-dikjarazzjonijiet tagħhom u li fihom barra minn hekk hija naqset milli tiċċitahom bħala sors. Għaldaqstant dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

109    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, dan huwa wkoll ifformulat b’mod vag ħafna. Madankollu, li kieku kellu jitqies li dan l-ilment huwa ammissibbli, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu, skont il-ġurisprudenza, minn naħa, jippermetti lill-parti kkonċernata ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata, sabiex, jekk ikun il-każ, din tkun tista’ tinvoka d-drittijiet tagħha u tivverifika jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, sabiex il-qorti Komunitarja tkun f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ ta’ legalità tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att inkwistjoni, in-natura tal-motivi invokati u l-kuntest li fih ġie adottat (sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 129).

110    F’dan il-każ, jidher li l-Kummissjoni esponiet b’mod ċar u preċiż biżżejjed ir-raġunijiet għalfejn hija ddeċidiet li tagħti tnaqqis tal-multa lil Kuwait Petroleum u ebda tnaqqis lir-rikorrenti. Fil-fatt, mill-premessi 382 sa 385 u 389 sa 393 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta lil-Kummissjoni qieset li l-informazzjoni pprovduta minn Kuwait Petroleum fit-12 u s‑16 ta’ Settembru 2003, u fl‑1 u d‑9 ta’ Ottubru 2003 kienet saħħet, minħabba l-livell ta’ preċiżjoni tagħha, il-kapaċità tagħha li tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur, filwaqt li l-informazzjoni pprovduta minn Nynas fit-2 ta’ Ottubru 2003, minkejja li kienet dettaljata ħafna u ġiet prodotta b’mod spontanju, ma saħħitx il-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-ksur, billi hija diġà kellha, f’din id-data, informazzjoni neċessarja sabiex tistabbilixxi l-elementi prinċipali li jikkostitwixxu l-ksur. Il-Kummissjoni speċifikat b’mod partikolari s-sorsi l-oħra li hija diġà kellha u li ppermettewlha, fl-opinjoni tagħha, li tistabbilixxi l-elementi prinċipali tal-ksur.

111    Għaldaqstant dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, jeħtieġ għaldaqstant li jiġi kollu kemm hu miċħud il-motiv ibbażat fuq rifjut ta’ għoti ta’ tnaqqis abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu B tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

 Fuq ir-rifjut ta’ għoti ta’ tnaqqis abbażi tal-Linji Gwida

 L-argumenti tal-partijiet

112    Ir-rikorrenti jqisu, sussidjarjament, li l-Kummissjoni jmissha ħadet inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni effettiva tagħhom minbarra d-dispożizzjonijiet tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, skont il-punt 3 tal-Linji Gwida.

113    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

114    Skont id-dispożizzjonijiet tas-sitt inċiż tal-punt 3 tal-Linji Gwida, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas l-ammont bażiku tal-multa minħabba “koperazzjoni effettiva mill-impriża fil-proċedimenti, barra l-għan tan-Notifika tat-18 ta’ Lulju 1996 dwar in-nuqqas ta’ imposizzjoni jew tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ konsorzju”. B’hekk il-qorti tal-Unjoni ppreċiżat li l-Kummissjoni setgħet tagħti lil impriża li kkooperat waqt proċedura minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tnaqqis tal-multa skont dawn id-dispożizzjonijiet tal-linji gwida biss fil-każijiet fejn il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 ma kinitx applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punti 380 sa 382, u BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 64 iktar ’il fuq, punti 585 u 586).

115    Issa b’mod analogu għall-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 li hija ssostitwiet, taħt ċerti kundizzjonijiet, mill-14 ta’ Frar 2002, il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 tapplika għall-akkordji sigrieti bejn impriżi li jikkonsistu f’li jiġu ffissati prezzijiet, kwoti ta’ produzzjoni jew ta’ bejgħ u f’li jitqassmu s-swieq, inkluż permezz ta’ tbagħbis fis-sejħiet għal offerti, jew ukoll f’li jiġu restritti l-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet, u b’hekk teskludi l-akkordji vertikali jew dawk li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE.

116    F’dan il-każ, peress li l-ksur inkwistjoni effettivament jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, id-dispożizzjonijiet tas-sitt inċiż tal-punt 3 tal-Linji Gwida ma kinux applikabbli għar-rikorrenti. Dan il-motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ dispożizzjonijiet li għaldaqstant ma humiex applikabbli f’dan il-każ, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

117    Mill-argumenti preċedenti kollha jirriżulta li t-talbiet tar-rikors intiżi għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda.

3.     Fuq it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

118    Fir-rigward tat-talbiet intiżi għall-bidla tad-deċiżjoni kkontestata, fejn ebda element f’dan il-każ ma huwa tali li jiġġustifika tnaqqis fl-ammont tal-multa, ma hemmx lok li din it-talba tintlaqa’. Mill-argumenti kollha preċedenti jirriżulta li r-rikors għandu jiġi kollu kemm hu miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

119    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, huma għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Nynäs Petroleum AB u Nynas Belgium AB huma kkundannati għall-ispejjeż.

Jaeger

Wahl

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Settembru 2012.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-iżball ta’ liġi

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa f’dan il-każ fl-imputazzjoni tar-responsabbiltŕ lil Nynäs AB

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  Fuq l-awtonomija tal-politika kummerċjali ta’ Nynas NV

–  Fuq l-aġir tal-kumpannija parent fis-suq inkwistjoni u fuq ir-rwol tagħha fil-ksur

–  Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi li huma wisq formalistiċi

2.  Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq ir-rifjut li jingħata tnaqqis abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu B tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002

Fuq l-iżbalji ta’ liġi

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-rifjut ta’ għoti ta’ tnaqqis abbażi tal-Linji Gwida

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.