Language of document :

Appell ippreżentat fis-27 ta’ Novembru 2017 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-12 ta’ Settembru 2017 fil-Kawża T-247/16, Trasta Komercbanka AS et vs Il-Bank Ċentrali Ewropew

(Kawża C-665/17 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: V. Di Bucci, A. Steiblytė, K.-Ph. Wojcik, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Trasta Komercbanka AS, Ivan Fursin, Igors Buimisters, C & R Invest SIA, Figon Co. Ltd, GCK Holding Netherlands BV, Rikam Holding SA, il-Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali (It-tieni Awla) tat-12 ta’ Settembru 2017 fil-Każ T-247/16, Trasta Komercbanka AS, Ivan Fursin, Igors Buimisters, SIA C & R Invest, Figon Co Limited, G.C.K J Holding Netherlands B.V. u Rikam Holding S.A. – SPF vs Il-Bank Ċentrali Ewropew safejn dan jiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir-rigward tar-rikors ippreżentat mill-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka AS;

tiċħad ir-rikors ippreżentat minn Ivan Fursin, Igors Buimisters, SIA C & R Invest, Figon Co Limited, G.C.K J Holding Netherlands B.V. u Rikam Holding S.A. – SPF bħala inammissibbli;

tikkundanna lill-appellati għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li kien neċessarju li tiddikjara bħala ammissibbli rikors għal annullament ippreżentat minn azzjonisti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu fi stralċ kontra deċiżjoni ta’ revoka ta’ awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu sabiex tipprovdi rimedju effettiv. Permezz ta’ dan, hija warrbet ir-rimedji l-oħra disponibbli għall-istituzzjoni ta’ kreditu, fil-forma ta’ rikors tempestiv għal annullament u ta’ talba għal miżuri provviżorji, kif ukoll għall-azzjonisti, fil-forma ta’ kawża għad-danni kontra l-Bank Ċentrali Ewropew quddiem il-qrati Ewropej u possibiliment fil-forma ta’ kawżi oħra quddiem qrati nazzjonali.

L-appell huwa bbażat fuq dawn iż-żewġ aggravji:

L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 263 TFEU fir-rigward tal-kundizzjoni tal-interess ġuridiku. Billi qieset li l-azzjonisti diretti kienu mċaħħda milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom sabiex jiddeterminaw l-amministrazzjoni u l-linja politika tal-kumpannija fi stralċ kif kien jagħmlu li kieku l-kumpannija kienet għadha avvjament kummerċjali, il-Qorti Ġenerali żvijjat b’mod żbaljat mill-ġurisprudenza li tistabbilixxi li l-azzjonisti ma għandhomx interess ġuridiku separat minn dak tal-kumpannija tagħhom. Il-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli tqis li lanqas azzjonisti ta’ kumpannija attiva, u ċertament azzjonisti minoritarji, ma għandhom id-dritt li jisfurzaw lill-amministraturi tal-kumpannija sabiex jippreżentaw kawża. Hija naqset ukoll tagħmel distinzjoni bejn l-effetti ta’ deċiżjoni tal-verifikatur bankarju sabiex tiġi rrevokata awtorizzazzjoni bankarja u dawk ta’ deċiżjoni suċċessiva minn qorti nazzjonali li għandhom jiġi istitwiti proċeduri ta’ stralċ. Finalment, hija qieset b’mod żbaljat li l-azzjonisti ta’ kumpannija fi stralċ għandhom ikun jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala azzjonisti bl-istess mod bħal azzjonisti ta’ kumpannija attiva.

L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFEU inkonnessjoni mal-kundizzjonijiet sabiex persuna tkun ikkonċernata b’mod individwali u dirett.

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, il-Qorti Ġenerali fl-ewwel lok naqset milli tqis li l-possibbiltà li jiġi ddeterminat b’mod pjuttost preċiż in-numru, jew anki l-identità, tal-persuni li tapplika għalihom miżura bl-ebda mod ma timplika li din għandha titqies li tikkonċernhom individwalment dment li din il-miżura tiġi applikata inkonnessjoni ma’ sitwazzjoni legali jew fattwali ddefinita minnha. Fit-tieni lok, hija qieset b’mod żbaljat li deċiżjoni ta’ revoka ta’ awtorizzazzjoni bankarja tikkonċerna l-azzjonisti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, meta din tikkonċerna biss lill-istituzzjoni ta’ kreditu nnifisha. Fit-tielet lok, hija qieset b’mod żbaljat li d-deċiżjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew kienet taffettwa l-azzjonisti minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tiddifferenzjhom minn kull persuna oħra, meta dik id-deċiżjoni kienet tikkonċerna biss lill-istituzzjoni ta’ kreditu u ma kinitx taffettwa d-drittijiet tal-azzjonisti. Finalment, anki jekk jiġi preżunt li l-azzjonist waħdieni ta’ kumpannija jista’ jkun ikkonċernat individwalment minn deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew indirizzata lil dik il-kumpannija, il-Qorti Ġenerali assimilati b’mod żbaljat is-sitwazzjoni ta’ azzjonisti individwali minoritarji mas-sitwazzjoni ta’ azzjonist waħdieni.

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, il-Qorti Ġenerali fl-ewwel lok wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-azzjonisti kienu kkonċernati direttament mir-revoka tal-awtorizzazzjoni bankarja billi naqset milli tiddistingwi bejn l-effetti ta’ din ir-revoka u dawk ta’ deċiżjoni minn qorti nazzjonali sanbiex jinbdew proċeduri ta’ stralċ. Fit-tieni lok, hija qieset b’mod żbaljat li d-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew kienet tikkonċerna direttament lill-azzjonisti minħabba l-intensità tal-effetti tagħha. Permezz ta’ dan, il-Qorti Ġenerali naqset milli tiddistingwi bejn l-effetti legali tad-deċiżjoni, li huma limitati għall-istituzzjoni ta’ kreditu, u l-konsegwenzi ekonomiċi tagħha, li jistgħu jaffettwaw ukoll lill-azzjonisti.

____________