Language of document : ECLI:EU:C:2012:173

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fis-27 ta’ Marzu 2012 (1)

Kawżi Magħquda C‑553/10 P u C‑554/10 P

Il-Kummissjoni Ewropea (C‑553/10 P)

Lagardère SCA (C‑554/10 P)

vs

Éditions Odile Jacob SAS

“Appell – Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Pubblikazzjoni fil-lingwa Franċiża – Annullament tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ Wendel Investissement bħala l-akkwirent tal-assi ċeduti – Sinjifikat tan-nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju – Interpretazzjoni żbaljata tal-fatti – Ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni”






1.        Dawn l-appelli tressqu mill-Kummissjoni (Kawża C‑553/10 P) u minn Lagardère SCA (Kawża C‑554/10 P) kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali f’Éditions Jacob vs Il-Kummissjoni (2). Il-Kummissjoni u Lagardère qegħdin jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza appellata safejn din annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni D(2004) 203365, tat-30 ta’ Lulju 2004, rigward l-approvazzjoni ta’ Wendel Investissement SA (“Wendel”) bħala akkwirent tal-assi ċeduti (“id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni”) skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/422/KE, tas-7 ta’ Jannar 2004 (“id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali”) li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE (3).

2.        Jidher li dik kienet l-ewwel każ ta’ annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-akkwirent ta’ assi ċeduti skont l-impenji fi proċedura ta’ amalgamazzjoni. Il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni minħabba l-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ indipendenza min-naħa tal-mandatarju. Infakkar, l-ewwel nett, li l-użu ta’ impenji sabiex jiġu approvati amalgamazzjonijiet kien karatteristika ċentrali tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u, it-tieni, li l-mandatarji li jissorveljaw għandhom rwol fundamentali xi jwettqu sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni b’suċċess tal-impenji (4).

I –    Il-fatti li wasslu għall-kawża

3.        L-isfond fattwali pjuttost ikkumplikat ta’ dawn l-appelli ġie spjegat fid-dettall fil-punti 1 sa 47 tas-sentenza appellata. Jiena ser niddeskrivi minimu ta’ ftit fatti rilevanti iżda għal iktar dettall sejjer hawnhekk sempliċement nagħmel riferiment għas-sezzjoni ta’ hawn fuq tas-sentenza appellata, li m’hemmx lok tiġi riprodotta fit-tul hawnhekk.

4.        Permezz tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali tas-7 ta’ Jannar 2004, il-Kummissjoni approvat il-konċentrazzjoni, li ppermettiet lil Lagardère SCA (“Lagardère”) li tieħu l-kontroll ta’ ċerti assi ta’ Vivendi Universal Publishing SA (“VUP”) (5), li saret Editis, bil-kundizzjoni li jiġu osservati diversi impenji. Il-konċentrazzjoni nnotifikata għaqqdet l-attivitajiet tal-akbar żewġ kumpaniji li jeżistu fis-suq tal-pubblikazzjoni Franċiż, Hachette u VUP. Dawn kienu wkoll l-uniċi żewġ kumpanniji kapaċi, f’dan is-suq, li jiżguraw b’mod awtonomu l-iżvilupp tagħhom, minħabba li, minbarra l-pubblikazzjoni, kellhom attività sħiħa ta’ kummerċjalizzazzjoni (ċirkulazzjoni u distribuzzjoni) u kollezzjonijiet ta’ kotba popolari. Għaldaqstant, il-Kummissjoni identifikat problemi relatati mal-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjonijiet dominanti fi 12-il suq. B’konsegwenza ta’ dan, il-parti notifikanti, Lagardère, offriet ir-rimedji: hija ntrabtet li tbigħ l-assi kollha ta’ Editis (“l-assi ċeduti”) bl-eċċezzjoni ta’ ċerti assi.

5.        L-Anness II għad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali tas-7 ta’ Jannar 2004 jispeċifika l-kundizzjonijiet għall-bejgħ ta’ parti mill-assi ta’ Editis. B’mod partikolari, il-punt 10 tal-impenji ta’ Lagardère fih il-kundizzjonijiet li għandhom ikunu sodisfatti mill-akkwirent jew akkwirenti indipendenti magħżula mill-parti li nnotifikat. Imbagħad, il-punt 14 jistabbilixxi li l-għażla tal-akkwirent jew akkwirenti għandha tkun suġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Matul il-bejgħ, organizzat minn Lagardère, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza, id-dar ta’ pubblikazzjoni Éditions Odile Jacob SAS (“Odile Jacob”), iddikjarat l-interess tagħha li takkwista l-assi ċeduti minn Editis. Madankollu, Lagardère eventwalment talbet lill-Kummissjoni tapprova lil Wendel bħala l-akkwirent ta’ dawk l-attivi.

6.        Fil-5 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni: (i) approvat lil A. K. bħala l-amministratur tal-assi separati u approvat l-abbozz ta’ definizzjoni tad-dikjarazzjoni tal-missjoni tiegħu, ippreżentata fit-30 ta’ Jannar 2004; u (ii) approvat lid-ditta tal-verifika S., irrappreżentata mill-president tagħha, B., bħala mandatarja u approvat l-abbozz ta’ definizzjoni tal-mandat tagħha ppreżentat fit-30 ta’ Jannar 2004 (“id-deċiżjoni dwar il-mandatarja”). Fid-9 ta’ Frar 2004, Lagardère ħatret lid-ditta S. bħala mandatarja. Fil-5 ta’ Lulju 2004, id-ditta S. ppreżentat ir-rapport sommarju tagħha lill-Kummissjoni bil-konklużjoni li l-akkwist prospettiv ta’ Wendel kien kompatibbli mal-kriterji ta’ approvazzjoni ddefiniti fil-punt 10 tal-impenji ta’ Lagardère. Fit-30 ta’ Lulju 2004, permezz tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni, il-Kummissjoni approvat lil Wendel bħala l-akkwirent tal-assi ċeduti, skont il-punt 14 tal-impenji mehmuża mad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali tas-7 ta’ Jannar 2004.

II – Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

7.        Odile Jacob ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali u invokat erba’ motivi, fejn allegat li l-Kummissjoni (i) naqset mill-obbligi tagħha li tissorvelja l-għażla ta’ akkwirenti prospettivi tal-assi ċeduti; (ii) approvat lil Wendel fuq il-bażi ta’ rapport imfassal minn mandatarja li ma kinitx indipendenti minn Editis, Lagardère u Wendel; (iii) naqset milli tikkonforma mal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha; u (iv) wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni dwar jekk l-akkwist prospettiv ta’ Wendel kienx konformi mal-kundizzjonijiet li jirregolaw l-approvazzjoni tal-akkwirent tal-assi ċeduti, kif stabbilit fil-punt 10(b) tal-impenji ta’ Lagardère.

8.        B’risposta għar-raba’ motiv, il-Qorti Ġenerali rrilevat li fl-20 ta’ Diċembru 2002, B., il-president tad-ditta tal-verifika S., inħatar bħala membru tal-bord eżekuttiv ta’ Investima 10, proprjetarja tal-assi fil-mira, bħala parti terza indipendenti (6). Il-Qorti Ġenerali nnutat ukoll li fid-9 ta’ Frar 2004, Lagardère ħatret lill-istess ditta S. bħala mandatarja marbuta, taħt il-punt 21(g) tal-impenji li jinsabu fl-Anness II għad-deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2004, “li tiżgura li [Lagardère] tissodisfa b’mod sodisfaċenti” l-impenji tagħha li tittrasferixxi l-assi ċeduti, u mħallsa f’dik il-kapaċità minn Lagardère. Id-ditta S. kienet għalhekk maħtura bħala mandatarja, skont il-punt 15 tal-impenji ta’ Lagardère, u l-president tagħha, B., wettaq dmirijiet assoċjati ma’ dak il-kompitu, għalkemm l-istess individwu kien membru tal-bord ta’ Investima 10, li iktar tard saret Editis. Barra minn hekk, mid-9 ta’ Frar 2004, id-data meta nħatret id-ditta S., sal-25 ta’ Marzu 2004, id-data meta Editis ġiet ikkonvertita f’kumpannija b’responsabbiltà limitata simplifikata (société par actions simplifiée, “SAS”), B., fl-istess ħin, wettaq id-dmirijiet ta’ membru tal-bord ta’ Editis u dawk ta’ mandatarju.

9.        F’dak il-kuntest, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat (7) li jistgħu jitqajmu dubji rigward in-newtralità li B. għandu juri fil-qadi ta’ dmirijietu bħala mandatarju. Bħala konsegwenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-eżekuzzjoni ta’ B. ta’ dmirijietu bħala membru tal-bord eżekuttiv ma ħallitux iktar iwettaq b’indipendenza sħiħa r-responsabbiltajiet tiegħu bħala mandatarju indipendenti. Il-Qorti Ġenerali nnutat li r-rapport li evalwa lil Wendel bħala akkwirent prospettiv tal-assi ċeduti – li ntbagħat lill-Kummissjoni – għaldaqstant kien imħejji minn mandatarju li ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni ta’ indipendenza minn Editis. Barra minn hekk, mill-punt 6 tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni kien evidenti li dik id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq, b’mod partikolari, ir-rapport tal-mandatarju li, skont il-Qorti Ġenerali, kellu influwenza deċiżiva fuq dik id-deċiżjoni. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li n-nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju kien jikkostitwixxi illegalità tali li tivvizzja l-legalità tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni. Għalhekk, dik id-deċiżjoni kellha tiġi annullata u ma kienx jeħtieġ li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra ppreżentati minn Odile Jacob insostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament.

III – L-appelli

10.      Fil-Kawża C‑553/10 P, il-Kummissjoni tinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha. Lagardère tappoġġja l-appell tal-Kummissjoni u tikkondividi l-argumenti żviluppati fih. Fil-Kawża C‑554/10 P, Lagardère tressaq żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha. Bl-istess mod, il-Kummissjoni essenzjalment tappoġġja l-appell ta’ Lagardère, u ssostni li l-argumenti magħmula fih huma simili ħafna għal tagħha fl-ewwel kawża. Ħlief għall-ewwel aggravju fil-Kawża C‑554/10 P dwar l-eċċezzjoni ta’ illegalità – li ser nindirizza b’mod separat fil-parti A ta’ dawn il-Konklużjonijiet – hija l-fehma tiegħi li ż-żewġ appelli u l-aggravji mqajma fihom huma tant simili u jikkumplimentaw lil xulxin, li għandhom jiġu kkunsidrati flimkien (f’parti B).

A –    Kawża C‑554/10 P (l-ewwel aggravju, dwar l-eċċezzjoni ta’ illegalità)

11.      Fil-Kawża C‑554/10 P, permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Lagardère tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi bbażat ruħha fuq l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-mandatarju bħala bażi għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni. Lagardère issostni li hemm distinzjoni bejn l-ilment dwar l-indipendenza tal-mandatarju u l-ilment fir-rigward tal-validità tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni. Hija ssostni li n-nuqqas ta’ Odile Jacob li tippreżenta fil-ħin rikors kontra d-deċiżjoni dwar il-mandatarju jfisser li din ma setgħetx sussegwentement tattakka d-deċiżjoni dwar il-mandatarju ladarba tkun saret finali.

12.      Skont Lagardère, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta addottat, bħala bażi għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni, il-fatt li l-ħatra tal-mandatarja kienet illegali minħabba li r-rappreżentant tagħha kien preżunt dipendenti fuq Editis, u li l-illegalità kienet tali li tivvizzja l-legalità tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni. Skont Lagardère, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita (8) li rikorrent ma jistax, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ta’ deċiżjoni, jinvoka permezz ta’ eċċezzjoni l-illegalità ta’ att preċedenti tal-istess natura, li huwa seta’ jitlob direttament l-annullament tiegħu. Jekk dan jitħalla jsir, ikun possibbli li indirettament wieħed jikkontesta deċiżjonijiet preċedenti li ma kinux ikkontestati fit-terminu għall-preżentata ta’ rikorsi previsti fl-Artikolu 263 TFUE, u b’hekk jiġi evitat it-terminu. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, fil-fatt, jammonta għall-kontestazzjoni tal-ħatra tal-mandatarju – li hija deċiżjoni diskreta – permezz ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni. Il-Qorti Ġenerali ma kkontestatx direttament ir-raġunijiet li wasslu għad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni iżda l-motivi li wasslu għall-ħatra tal-mandatarju qabel id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni.

13.      Id-deċiżjoni dwar il-mandatarju ġiet ikkomunikata lill-partijiet fil-15 ta’ Frar 2005, id-data li fiha d-deċiżjoni laqtet ħażin lil Odile Jacob u kienet tikkostitwixxi att kontestabbli fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk din kellha tiġi kkontestata fit-termini stabbiliti permezz ta’ rikors separat minn dak ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni. Bħala konsegwenza, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx raġonevolment tinvoka l-illegalità tal-ħatra tal-mandatarju sabiex tannulla d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni finali.

14.      Wendel tikkondividi l-argument ta’ Lagardère. Il-Kummissjoni, madankollu, għandha opinjoni differenti.

15.      Waqt is-seduta, wara mistoqsija espliċita mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ammettiet li, fin-nota ta’ intervent tagħha, hija għażlet li ma tappoġġjax b’mod formali dan l-aggravju ta’ Lagardère. Il-Kummissjoni tikkunsidra li waħda mill-prerekwiżiti għall-applikazzjoni tal-ġurisprudenza invokata minn Lagardère hi li r-rikorrenti fl-ewwel istanza, jiġifieri Odile Jacob, setgħet kellha interess ġuridiku li tibda proċeduri kontra d-deċiżjoni dwar il-mandatarju u għaldaqstant setgħet ippreżentat rikors ammissibbli kontra dik id-deċiżjoni. Il-Kummissjoni ammettiet li ma kinitx ċerta jekk Odile Jacob kellhiex tassew interess ġuridiku li tibda proċeduri, u għalhekk kienet iddeċidiet li tħalli l-kwistjoni għad-diskrezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

16.      Fil-fehma tiegħi, huwa biżżejjed li jingħad li d-deċiżjoni dwar il-mandatarju m’għandhiex titqies bħala deċiżjoni iżolata, iżda bħala li tifforma parti minn sensiela ta’ atti li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni li permezz tagħha Wendel ġiet approvata bħala l-akkwirent tal-assi ċeduti. Tabilħaqq, jirriżulta mill-ġurisprudenza (9) li, fil-kuntest ta’ proċeduri kumplessi magħmula minn diversi atti indipendenti, wieħed ma jistax jitlob li l-persuni kkonċernati jressqu daqstant rikorsi daqs in-numru ta’ atti li jaffettwawhom ħażin. Barra minn hekk, applikazzjoni espressament diretta kontra miżura li tkun waħda minn għadd ta’ miżuri li jikkostitwixxu ħaġa waħda għandha titqies li tkun diretta wkoll, sa fejn huwa meħtieġ, kontra l-oħrajn. F’dan ir-rigward, rikors imressaq formalment kontra att li huwa parti minn għadd ta’ atti li jiffurmaw ħaġa sħiħa għandu jitqies bħala mressaq ukoll, sa fejn huwa meħtieġ, kontra l-oħrajn.

17.      Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni dwar il-mandatarju ġiet ikkomunikata biss lil Odile Jacob, fuq talba tagħha, fis-17 ta’ Frar 2005, għalkemm din kienet ippreżentat ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni li permezz tagħha Wendel ġie approvat bħala l-akkwirent fit-8 ta’ Novembru 2004. F’dik l-azzjoni Odile Jacob kienet diġà kkontestat il-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni tal-mandatarju u l-konsegwenzi tagħha għall-validità tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni li permezz tagħha Wendel kienet approvata bħala l-akkwirent. Għalhekk, kien ikun inutli u bla bżonn li titressaq azzjoni oħra peress li, skont il-ġurisprudenza (10), Odile Jacob setgħet, fi kwalunkwe każ, issostni l-irregolarità tal-att preċedenti (id-deċiżjoni dwar il-mandatarju) permezz ta’ rikors dirett kontra att sussegwenti (id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni), li biha hija direttament milquta ħażin.

18.      Għaldaqstant, l-ewwel aggravju ta’ Lagardère fil-Kawża C‑554/10 P għandu jinċaħad.

B –    Kawża C‑553/10 P u Kawża C‑554/10 P (it-tieni aggravju, dwar il-ġustifikazzjoni tal-annullament tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni)

1.      Kawża C‑553/10 P (l-ewwel aggravju, dwar in-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas eventwali ta’ indipendenza tal-mandatarju fil-konfront ta’ Editis rigward id-dmirijiet tal-mandatarju fir-rigward ta’ Wendel) u Kawża C‑554/10 P (it-tieni aggravju, l-ewwel u r-raba’ partijiet)

19.      Il-Kummissjoni, permezz tal-ewwel aggravju tagħha, u Lagardère, permezz tat-tieni aggravju tagħha ta’ appell (l-ewwel u r-raba’ partijiet), essenzjalment isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli teżamina l-konsegwenzi tan-nuqqas eventwali ta’ indipendenza tal-mandatarju fil-konfront ta’ Editis rigward id-dmirijiet tal-mandatarju fir-rigward ta’ Wendel.

20.      Fl-ewwel lok għandna nikkunsidraw il-punti rilevanti tas-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali ddikjarat li “peress li [B.] kien membru tal-bord eżekuttiv ta’ Investima 10, li sa dak iż-żmien saret Editis, fid-data tal-ħatra tiegħu bħala mandatarju tad-ditta S., li huwa kien il-President tagħha, u peress li wara eżerċita l-funzjonijiet ta’ membru tal-bord eżekuttiv simultanjament mal-funzjoni tiegħu ta’ mandatarju, li ġie inkarigat biha mid-ditta S., B. kien dipendenti fuq Editis, sa tali punt li jitqajjem dubju fuq in-newtralità li huwa għandu juri fl-eżerċizzju ta’ din il-missjoni” (punt 94 tas-sentenza appellata).

21.      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li “l-eżerċizzju minn B., mill-20 ta’ Diċembru 2002 sal-25 ta’ Marzu 2004, tal-funzjonijiet ta’ membru tal-korp eżekuttiv ta’ Investima 10, li saret Editis, li l-interessi tagħha huwa kellu jipproteġi billi jaġixxi, fil-kuntest tal-mandat tiegħu, skont ‘il-prinċipji ta’ ġestjoni prudenti’, ma kienx jippermettilu iktar jiżgura l-eżerċizzju b’kull indipendenza tar-responsabbiltajiet ta’ mandatarju indipendenti msemmi fil-paragrafu 15 tal-impenji ta’ Lagardère” (punti 104 sa 106 tas-sentenza appellata).

22.      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-kandidatura ta’ Wendel għax-xiri tal-assi ċeduti mill-ġdid, li fid-dawl tiegħu kienet ġiet adottata d-Deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2004, kien ġie redatt minn mandatarju li ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni ta’ indipendenza, fir-rigward ta’ Editis, meħtieġa mill-paragrafu 15 tal-impenji ta’ Lagardère, iddefiniti fl-Anness II tad-Deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2004” (punt 107 tas-sentenza appellata).

23.      Il-Qorti Ġenerali żiedet tgħid li “fir-rigward tal-effett tar-rapport fuq il-kontenut tad-[deċiżjoni ta’ approvazzjoni], għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 5 ta’ din id-deċiżjoni, id-ditta S., fil-kapaċità tagħha ta’ mandatarja, kienet ġiet mitluba tippreżenta lill-Kummissjoni rapport li jevalwa l-kandidatura ta’ Wendel bħala akkwirenti tal-assi ċeduti mill-ġdid fid-dawl tal-kriterji ta’ approvazzjoni stabbiliti fil-paragrafu 10 tal-impennji ta’ Lagardère annessi mad-Deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2004” (punt 108 tas-sentenza appellata).

24.      L-ewwel nett, nikkunsidra li ma jispettax lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddibatti fl-istadju tal-appell l-analiżi tal-Qorti Ġenerali dwar in-nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju f’dan il-każ.

25.      Sussegwentement, Odile Jacob targumenta li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex tiġi kkritikata talli għamlet riferiment għal-liġi Franċiża, speċifikament għall-Kodiċi tal-Kummerċ tagħha, sabiex tivverifika jekk l-eżerċizzju mill-mandatarju tal-funzjoni ta’ membru tal-bord eżekuttiv ta’ Editis kienx kompatibbli mal-kriterju ta’ indipendenza fir-rigward ta’ din il-kumpannija, minħabba li hija biss applikazzjoni ta’ lex societatis u tal-prinċipju li jiddetermina l-liġi applikabbli għal kumpannija, skont il-prinċipji tad-dritt internazzjonali privat, inkluż inter alia r-Regolament “Ruma I” (11). Hu x’inhu, jien nikkunsidra li dan l-appell iqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-mandatarju u, b’mod partikolari, il-kundizzjoni ta’ indipendenza tiegħu, huwiex kunċett nazzjonali jew wieħed Ewropew. Jien naħseb li r-risposta korretta hija b’mod ċar it-tieni waħda minħabba li l-kundizzjoni tal-indipendenza tal-mandatarju – kif stabbilita fil-punt 15 tal-impenji li jinsabu fl-Anness II għad-deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2004 – għandha tiġi interpretata u evalwata bl-istess mod fl-Unjoni Ewropea kollha.

26.      Għalhekk, jien naqbel ma’ Wendel u mal-Kummissjoni li sabiex tiddeċiedi dwar il-kundizzjoni ta’ indipendenza, il-Qorti Ġenerali kellha tibbaża ruħha minflok fuq il-kriterji stabbiliti fl-Avviż tal-Kummissjoni tal-2001 dwar ir-rimedji (12) u l-linji gwida tal-Kummissjoni tal-2003 dwar l-Aħjar Prattika: Testi Mudell għall-Impenji ta’ Ċessjoni u ta’ Mandat (13). Tabilħaqq, l-indipendenza tal-mandatarju fil-konfront tal-impriża fil-mira, jiġifieri Editis, ma hijiex meħtieġa mil-linji gwida dwar l-Aħjar Prattika għall-impenji ta’ ċessjoni f’każijiet ta’ amalgamazzjoni (ara l-punt 40) jew mit-Testi Mudell infushom – jiġifieri, il-Mudell Standard għall-Impenji ta’ Ċessjoni u l-Mudell Standard għall-Mandati (ara l-punti 17 u 20 rispettivament). Fl-aħħar nett, il-Mudell Standard għall-Mandati, ippubblikat mill-Kummissjoni, jaċċetta espressament li l-mandatarju jista’ jkun membru tal-bord tal-impriża fil-mira meta dan ikun meħtieġ għall-eżerċizzju tal-missjoni tiegħu. Il-linji gwida dwar l-Aħjar Prattika jagħtu wieħed x’jifhem ukoll b’mod ċar li l-Mandatarju li Jissorvelja u l-Mandatarju ta’ Ċessjoni jistgħu jkunu l-istess persuna (ara l-punt 35), u tabilħaqq ħafna drabi dan jista’ jagħmel sens, mhux l-inqas minħabba l-għarfien li diġà jkollu l-Mandatarju li Jissorvelja.

27.      Sussegwentement, jeħtieġ li wieħed ifakkar li l-Kummissjoni kienet sostniet fl-ewwel istanza li l-argument dwar in-nuqqas ta’ indipendenza kien infondat minħabba li Odile Jacob ma pprovatx li din l-irregolarità potenzjali wasslet sabiex il-mandatarju jipproduċi rapport li ma kienx oġġettiv u b’hekk li seta’ jiżgwida lill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tagħha.

28.      Fil-punt 80 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali nnutat l-argument ta’ hawn fuq u minkejja dan naqset għal kollox milli twieġeb għalih u teżamina dik il-kwistjoni.

29.      Dak li għamlet sempliċement il-Qorti Ġenerali kien li kkonkludiet fil-punt 107 li l-mandatarju “ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni ta’ indipendenza, fir-rigward ta’ Editis”. Fil-proċess hija naqset milli tanalizza kif dan in-nuqqas ta’ indipendenza seta’ jkollu effett fuq l-evalwazzjoni tal-mandatarju tal-kwalitajiet ta’ Wendel bħala akkwirent tal-assi ta’ Editis – li kien is-suġġett tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni – u, għaldaqstant, iħejji rapport li ma kienx imparzjali u li jista’ jiżgwida lill-Kummissjoni.

30.      Għaldaqstant, naqbel mal-Kummissjoni li – apparti milli naqset milli tosserva l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni – il-Qorti Ġenerali kisret il-ġurisprudenza li tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ indipendenza ta’ persuna responsabbli mill-evalwazzjoni ta’ kandidat (14) m’għandu l-ebda sinjifikat legali sakemm ma jiġix stabbilit li dik il-persuna kkunsidrat fl-evalwazzjoni tagħha interess ieħor minbarra dak tal-eżerċizzju xieraq ta’ dmirijietha (15).

31.      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa jekk il-fatt li l-mandatarju ma kienx indipendenti biżżejjed minn Editis setax ikollu konsegwenzi fuq l-oġġettività tal-kontenut tar-rapport tal-mandatarju u fuq l-evalwazzjoni ta’ Wendel bħala akkwirent. Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali laqgħet motiv ineffettiv sabiex tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni.

32.      Tabilħaqq, nikkunsidra li anki kieku ġie stabbilit li l-mandatarju ma kienx indipendenti biżżejjed, jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali xorta kellha tevalwa in concreto b’liema mod in-nuqqas ta’ indipendenza seta’ jkollu effett fuq il-kapaċità tal-mandatarju li jevalwa l-kandidatura ta’ Wendel fid-dawl tal-kriterji ta’ approvazzjoni msemmija fil-punt 10 tal-impenji ta’ Lagardère.

33.      Odile Jacob tressaq argumenti essenzjalment ibbażati fuq id-definizzjoni ta’ awdituri u accountants (16) u fuq ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Mejju 2002 – L-Indipendenza tal-Awdituri Statutorji fl-UE: Sett ta’ Prinċipji Fundamentali (17).

34.      Madankollu, inqis li dawn l-argumenti ma humiex utli għall-kawża tagħha. Biżżejjed ngħid li dan l-argument ma huwiex tali li jiġġustifika l-approċċ żbaljat fis-sentenza appellata. Tabilħaqq, dan ma jbiddilx il-fatt li l-Qorti Ġenerali kienet xorta waħda meħtieġa li tanalizza, in concreto, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ indipendenza tal-missjoni tal-mandatarju.

35.      Minflok, fil-fehma tiegħi, il-ġurisprudenza dwar l-obbligi statutorji tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea hija ferm iktar rilevanti u istruttiva: l-eżistenza ta’ relazzjoni professjonali bejn uffiċjal u parti terza fiha nnifisha ma tqigħedx f’dubju l-indipendenza tal-uffiċjal, u dan anki meta jintalab jagħti l-opinjoni tiegħu dwar każ li fih tkun involuta l-parti terza – b’mod partikulari, dwar l-evalwazzjoni tiegħu. Is-sempliċi eżistenza ta’ riskju purament astratt ta’ kunflitt ta’ interessi fir-rigward tal-uffiċjal ma hijiex biżżejjed biex jiġi stabbilit ksur tal-obbligi statutorji, sakemm ma jkun hemm l-ebda “element konkret ta’ fatt li jappoġġja l-konklużjoni li l-evalwatur kiser, permezz ta’ azzjonijiet speċifiċi, l-obbligi ta’ imparzjalità u ta’ integrità li kien suġġett għalihom” (18).

36.      Kif ġie rrilevat minn Lagardère, evalwazzjoni bħal din – sabiex ikun stabbilit in concreto jekk in-nuqqas ta’ indipendenza setax ikollu effett fuq il-kapaċità tal-mandatarju biex jevalwa l-kandidatura ta’ Wendel – kienet meħtieġa wkoll fid-dawl tal-ġurisprudenza li tgħid li deċiżjoni tista’ tkun annullata biss jekk jintwera li, fin-nuqqas tal-irregolaritajiet allegati, id-deċiżjoni setgħet kienet differenti. Fi kliem ieħor, anki kieku ġie stabbilit li l-mandatarju nħatar b’mod mhux xieraq, kien l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li turi li, fin-nuqqas ta’ dik l-irregolarità, id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni kien ikollha kontenut differenti (19). Pereżempju, f’HFB et vs Il-Kummissjoni (20), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li jekk wieħed jassumi li l-uffiċjali tal-Kummissjoni huma responsabbli, bi ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-obbligu tas-sigriet professjonali, għal kxif ta’ informazzjoni kunfidenzjali użata waqt il-proċeduri amministrattivi mibdija għal ksur tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni, fi kwalunkwe każ dan ma jaffettwax il-legalità tad-deċiżjoni, minħabba li ma ġiex ipprovat li d-deċiżjoni ma kinitx fil-fatt tkun adottata jew kienet tkun differenti li kieku ma sarux id-dikjarazzjonijiet ikkontestati. Huwa ċar li din ir-regola tagħmilha possibbli li jiġi ssalvagwardjat il-prinċipju tal-proporzjonalità. Kif ġie rrilevat minn Wendel u mill-Kummissjoni, l-evalwazzjoni ta’ hawn fuq (bil-korsiv) hija meħtieġa għaliex tippermetti li jintlaħaq bilanċ ġust bejn il-ħarsien tar-rispett tar-regoli legali u tar-regoli proċedurali, minn naħa waħda, u l-protezzjoni taċ-ċertezza legali u l-aspettattivi leġittimi, min-naħa l-oħra.

37.      Pereżempju, fil-qasam tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat, fil-Kawża Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (21), wara li kkonstatat li kien hemm ksur tad-drittijiet ta’ difiża tal-Ġermanja (destinatarja ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li kkonstatat li għajnuna ma kinitx kompatibbli mas-suq komuni), il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li l-eċċezzjoni tad-drittijiet tad-difiża kienet ineffettiva għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni minħabba li l-Gvern Ġermaniż ma setax, waqt il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jindika xi element ta’ fatt jew ta’ liġi li, li kieku kellu jkun ikkomunikat lill-Gvern Ġermaniż, kien iwassal sabiex il-Kummissjoni tiddeċiedi mod ieħor. Fil-Kawża Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (22), il-Qorti Ġenerali, wara li kkonstatat ksur tad-drittijiet tad-difiża, wettqet evalwazzjoni fil-fond tal-effett li dak il-ksur effettivament kellu fuq id-deċiżjoni qabel ma waslet għall-konklużjoni li dik id-deċiżjoni kellha tiġi annullata. Kif fakkret il-Kummissjoni, kien biss wara li l-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li d-deċiżjoni inkwistjoni setgħet kienet differenti – b’mod partikulari minħabba li r-rikorrent seta’ ppreżenta proposti ta’ ċessjoni li setgħu wasslu għal deċiżjoni ta’ approvazzjoni – li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-ksur tad-drittijiet tad-difiża kellu jinvolvi l-annullament tad-deċiżjoni. Finalment, hemm ġurisprudenza (23) li tistabbilixxi li fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, l-invokazzjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni huwa mingħajr effett u ma huwiex għaldaqstant suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni, jekk, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, ma setax kellu influwenza determinanti fir-rigward tar-riżultat.

38.      F’każijiet ta’ amalgamazzjoni, skont Honeywell vs Il-Kummissjoni (24), “meta l-parti operattiva ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq diversi argumenti li kull wieħed minnhom huwa minnu nnifsu suffiċjenti biex jiġġustifika din il-parti operattiva, din id-deċiżjoni tista’, bħala regola, tiġi annullata biss jekk kull wieħed minn dawn l-argumenti jkun ivvizzjat b’illegalità. F’każ bħal dan, żball jew illegalità oħra li taffettwa biss wieħed mid-diversi argumenti ma tistax tkun suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni minħabba li ma setax ikollha influwenza determinanti fuq il-parti operattiva adottata mill-Kummissjoni. Meta argument li jkun suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-parti operattiva ta’ miżura ma jkunx ikkontestat minn rikorrent fl-azzjoni tiegħu għall-annullament, dak l-argument, u għalhekk il-miżura bbażata fuqu, għandhom jitqiesu legali u stabbiliti fir-rigward tiegħu… Din ir-regola tapplika b’mod partikolari fil-kuntest tad-deċiżjonijiet ta’ kontroll tal-amalgamazzjonijiet”. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat fil-Kawża Falck u Acciaierie de Bolzano vs Il-Kummissjoni (25) li “l-iżbalji ta’ liġi kommessi f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata u fis-sentenza kkontestata ma jistgħux ikollhom effett fuq il-validità tagħhom. Anki mingħajr żbalji ta’ liġi bħal dawn, il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata, safejn jirrigwarda l-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni, kienet tkun l-istess u l-[Qorti Ġenerali] kienet tkun obbligata, fi kwalunkwe każ, li tikkonferma dik id-deċiżjoni f’dan ir-rigward. L-aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-għażla tal-kodiċi applikabbli għaldaqstant m’għandux jirnexxi”.

39.      Dan ta’ hawn fuq għandu jiġi kkuntrastat mas-sentenza appellata. Kif kien innutat minn Wendel, il-Qorti Ġenerali sempliċement ma wettqitx l-evalwazzjoni meħtieġa. Hija ma wrietx li r-rabta bejn Editis u r-rappreżentant tal-mandatarju setgħet kellha xi influwenza fuq il-kontenut tar-rapport li evalwa l-kandidatura ta’ Wendel. Il-missjoni tal-mandatarju kienet tikkonsisti fl-ivverifikar li Wendel kien operatur vijabbli kapaċi li jżomm jew jiżviluppa kompetizzjoni effettiva, u li għandu l-inċentiv ekonomiku sabiex jagħmel dan. Għalhekk, jidher prima facie li n-nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju ma setax ikollu impatt fuq il-missjoni tiegħu rigward l-evalwazzjoni tal-kandidat li jixtri l-assi ċeduti. Barra minn hekk, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali tan-nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju b’mod ċar ma kinitx tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk Wendel kellhiex il-kwalitajiet li jagħmluha akkwirent xieraq.

40.      Bl-istess mod, il-Kummissjoni enfasizzat li l-missjoni tal-mandatarju kienet li oġġettivament jevalwa l-kapaċità tal-akkwirent tal-assi ta’ Editis, jiġifieri Wendel, li ntgħażlet minn Lagardère sabiex tkabbar dawk l-assi u tiżgura li tkun tista’ effettivament tikkompeti ma’ Lagardère. Ovvjament, sabiex jagħmel dan, il-mandatarju kellu jara li l-akkwirent tal-assi ta’ Editis kien kapaċi jissalvagwardja l-interessi ta’ Editis. Għalhekk, anki kieku r-rabta ma’ Editis wasslet sabiex il-mandatarju, fil-kuntest tal-missjoni tiegħu, jieħu kont indebitu tal-interessi ta’ Editis – li ma nstabx bħala fatt mill-Qorti Ġenerali – jibqa’ l-fatt li l-missjoni tiegħu kienet tikkonsisti preċiżament f’li jikkunsidra dawk l-interessi sabiex jevalwa jekk l-akkwirent iħarishomx fil-futur. Minn dan isegwi li l-eżerċizzju tal-missjoni tiegħu ma kienx affettwat f’dan il-każ, peress li, fil-kuntest tal-kompitu tiegħu ta’ rrappurtar fuq il-kwalitajiet tal-akkwirent, il-kunsiderazzjoni tal-interessi ta’ Editis kienet preċiżament waħda mill-missjonijiet tiegħu. Din il-konklużjoni tista’ tkun differenti, naturalment, jekk in-nuqqas ta’ indipendenza kien ġie stabbilit, pereżempju, fil-konfront tal-akkwirent tal-assi, jiġifieri Wendel.

41.      Fil-punt 106 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tidher li impliċitament ċaħdet dan l-argument billi insinwat li nuqqas ta’ imparzjalità eventwali fil-konfront ta’ Editis kien ikollu konsegwenzi mhux aċċettabbli rigward in-newtralità tal-mandatarju fil-konfront ta’ Lagardère.

42.      Inqis (kif tagħmel il-Kummissjoni) li meta għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali analizzat in abstracto jekk il-mandatarju kienx jissodisfa l-kundizzjoni ta’ indipendenza. Wieħed ma jistax iqiegħed f’dubju rapport favorevoli għal Wendel fuq il-bażi li l-mandatarju kien wisq sfavorevoli għal Lagardère, peress li Lagardère għażlet lil Wendel bħala l-akkwirent u r-rapport tal-mandatarju ffavorixxa lil dik l-impriża. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma eżaminat kif ir-rapport pożittiv maħruġ fir-rigward ta’ Wendel – li kien jiddikjara li din tal-aħħar tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex titqies kapaċi li tkabbar l-assi ta’ Editis – seta’ kien affettwat. Fi kliem ieħor, hija ma eżaminatx jekk in-nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju fil-konfront ta’ Editis kienx ifisser li l-analiżi tar-rapport tal-kapaċità ta’ Wendel li tikkompeti ma’ Lagardère kinitx oġġettiva jew affidabbli.

43.      Minn dan isegwi li huwa evidenti li s-sentenza appellata ma turix li l-eżistenza ta’ tali dubju possibbli dwar l-indipendenza tal-mandatarju seta’ kellha xi influwenza in concreto fuq l-evalwazzjoni tal-mandatarju tal-kandidatura ta’ Wendel.

44.      Barra minn hekk, kif irrilevat Lagardère, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza (26), deċiżjoni li tagħha ċerti raġunijiet huma illegali tista’ tiġi annullata biss safejn ma hijiex iġġustifikata għall-istandard legali meħtieġ għal raġunijiet oħra. Għalhekk, is-sempliċi fatt li r-rapport tal-mandatarju kellu influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ma kienx, fi kwalunkwe każ, suffiċjenti fih innifsu għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni.

45.      Barra minn hekk, is-sentenza appellata ma hijiex suffiċjentement motivata minħabba li ma tispjegax kif l-eżistenza ta’ dubju possibbli dwar l-indipendenza tal-mandatarju għandu jkollha l-iċken influwenza fuq l-evalwazzjoni ta’ Wendel fid-dawl tal-kriterji għall-approvazzjoni stabbiliti fl-impenji ta’ Lagardère.

46.      Fl-aħħar nett, nikkunsidra li punt ieħor importanti huwa l-fatt li, fil-kuntest ta’ amalgamazzjoni, id-deċiżjoni finali li tapprova lill-akkwirent tal-assi ċeduti taqa’ dejjem fuq il-Kummissjoni, li ma tibbażax ruħha biss fuq ir-rapport tal-mandatarju, iżda tiġbor informazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess. Dan huwa dak li seħħ f’dan il-każ. Il-mandatarju, li l-missjoni tiegħu f’dan il-każ kienet li jipprovdi evalwazzjoni tal-akkwirent u jgħid jekk, fil-fehma tiegħu, dak l-akkwirent jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-impenji, ma jiħux post il-Kummissjoni, li jkollha l-aħħar kelma dwar l-approvazzjoni tal-akkwirent. Dik id-deċiżjoni bl-ebda mod ma tkun “iddelegata” mill-Kummissjoni lill-mandatarju (27).

47.      Għandu jiġi rrilevat li Odile Jacob innifisha tidher li tirrikonoxxi fir-risposta tagħha l-fatt li l-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa jekk id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni kinitx tkun differenti. Madankollu, Odile Jacob essenzjalment issostni li l-argumenti kollha ta’ hawn fuq huma ineffettivi, minħabba li l-illegalità kkonstatata mill-Qorti Ġenerali tirrigwarda l-ksur ta’ “impenn kuntrattwali essenzjali li sar obbligatorju permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni”, u għalhekk awtomatikament jivvizzja l-proċess deċiżjonali kollu dwar il-bejgħ impost mill-impenji. Fil-fehma tagħha, mhux meħtieġ li jintwera b’liema mod in-nuqqas ta’ oġġettività tal-mandatarju kellu konsegwenzi għat-tħejjija tar-rapport inkwistjoni, bir-riżultat li l-Kummissjoni kienet żvijata fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tagħha, peress li dan il-ksur jikkostitwixxi ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali li jwassal per se għan-nullità tad-deċiżjoni. Insostenn tat-teżi tagħha, Odile Jacob tirreferi b’analoġija għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali rigward il-bordijiet tal-għażla fis-servizz ċivili u għas-sentenza Decoster (28).

48.      Madankollu, dawk l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu f’dan il-każ. Tabilħaqq, sabiex din tkun kwistjoni ta’ ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali rridu nkunu qegħdin nittrattaw ksur serju ħafna ta’ prinċipji fundamentali tad-dritt tal-UE (29). Madankollu, is-sors tar-rekwiżit li l-mandatarju għandu jkun indipendenti huwa sempliċement impenn ta’ parti privata f’deċiżjoni partikulari tal-Kummissjoni. Anki rigward l-eżistenza ta’ rapport li sar mill-mandatarju, l-uniku sors tal-obbligu li jsir dan ir-rapport huwa l-kuntratt bejn Lagardère u l-mandatarju. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha raġun meta ssostni li l-kwistjoni ma tirrigwarda l-ebda prinċipju fundamentali tal-liġi bbażat fuq regola ta’ ordni ogħla fil-ġerarkija tar-regoli legali. Tabilħaqq, il-ħtieġa ta’ indipendenza fil-konfront ta’ Editis ma tirriżultax minn regola ġenerali ta’ natura impersonali u imperattiva, li tħares l-interess pubbliku.

49.      Sussegwentement, rigward id-dipendenza ta’ Odile Jacob fuq il-ġurisprudenza dwar bordijiet tal-għażla fil-kompetizzjonijiet tas-servizz ċivili, biżżejjed wieħed jgħid li dik il-ġurisprudenza ma hijiex applikabbli għal dan il-każ minħabba li l-opinjoni mogħtija mill-mandatarju hija biss ta’ natura konsultattiva – meta mqabbla mal-bord tal-għażla li effettivament jieħu d-deċiżjoni huwa stess. Fir-rigward ta’ Decoster (30), l-argument ta’ Odile Jacob ma huwiex tali li jqiegħed f’dubju l-konklużjoni ta’ dawn il-Konklużjonijiet. Dan mhux inqas minħabba li r-rwol tal-mandatarju fil-proċess deċiżjonali huwa fundamentalment differenti minn dak ta’ korp responsabbli għat-tfassil ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi, għas-sorveljanza tal-applikazzjoni tagħhom u għall-għoti tal-approvazzjoni tat-tip, li għandu jkun indipendenti minn impriżi pubbliċi jew privati li joffru oġġetti u/jew servizzi fis-settur tat-telekomunikazzjoni. Fil-fatt, f’Decoster il-kundizzjoni ta’ indipendenza rriżultat mit-Trattat u minn direttiva tal-Kummissjoni, filwaqt li – kif diġà nnutat fil-punt 48 hawn fuq – hawnhekk dik il-kundizzjoni tirriżulta sempliċement minn impenn ta’ parti privata f’deċiżjoni partikulari tal-Kummissjoni. Anki fir-rigward tal-eżistenza ta’ rapport magħmul mill-mandatarju, l-obbligu li jsir dan ir-rapport isib is-sors tiegħu biss fil-kuntratt bejn Lagardère u l-mandatarja.

50.      Fl-aħħar, iżda mhux l-inqas, għandu jingħad ukoll li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett tal-indipendenza ta’ mandatarju fid-dritt tal-UE. Il-Qorti Ġenerali kellha tevalwa n-nuqqas possibbli ta’ indipendenza tal-mandatarju minħabba r-rabta tiegħu ma’ Editis fuq bażi ta’ każ b’każ, fuq il-bażi ta’ elementi konkreti fornuti mill-partijiet. Naqbel ma’ Lagardère li jidher li f’dan il-każ il-mandat ta’ B. bl-ebda mod ma kkomprometti l-missjoni tal-mandatarju inkarigat li jwettaq dmirijietu b’oġġettività u trasparenza. Għall-kuntrarju, iktar milli jikkostitwixxi kunflitt ta’ interess, il-mandat imwettaq minn B. fir-rwol tiegħu bħala membru tal-bord – bħala parti terza indipendenti – tal-impriża li kienet proprjetarja tal-assi ċeduti, minn naħa waħda, u l-missjoni mwettqa mill-mandatarju, min-naħa l-oħra, kienu t-tnejn ikkonċernati dwar l-indipendenza ta’ Editis, u għalhekk jikkostitwixxu missjonijiet kumplimentari. Il-kunflitti rrilevati mill-Qorti Ġenerali (fil-punt 99 tas-sentenza appellata) li rriżultaw bejn il-mandatarju u Lagardère – fejn il-mandatarju ddefenda bis-sħiħ l-interessi tal-assi – juru indipendenza fix-xogħol tal-mandatarju u l-fatt li huwa ssodisfa l-missjoni ġenerali tiegħu li jassigura l-eżekuzzjoni sodisfaċenti minn Lagardère tal-impenji tagħha.

51.      Nikkunsidra li huwa sorprendenti li l-kundizzjoni ta’ indipendenza stabbilita mill-Kummissjoni, li l-Kummissjoni kkunsidrat li kienet sodisfatta, f’dan il-każ (31) fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni in concreto, għandha mbagħad titqies mhux sodisfatta in abstracto mill-Qorti Ġenerali fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-kodiċi tal-kummerċ Franċiż. Tabilħaqq, minkejja l-fatt li l-Avviż tal-2008 tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji ma japplikax ratione temporis, jibqa’ l-fatt li l-kjarifika li fih tikkonferma l-korrettezza tal-prassi preċedenti tal-Kummissjoni – kif applikata wkoll fil-każ preżenti – li tgħid li l-indipendenza tal-mandatarju għandha tkun evalwata fuq bażi ta’ każ b’każ fid-dawl ta’ informazzjoni konkreta pprovduta mill-partijiet.

52.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jsegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet b’mod awtomatiku u astratt li n-nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju kien “tali li jivvizzja” l-legalità tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni (ara l-punt 118 tas-sentenza appellata). Għaldaqstant, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

2.      Kawża C‑553/10 P (it-tieni aggravju) u Kawża C‑554/10 P (it-tieni aggravju, it-tielet parti), dwar żball tal-liġi, kontradizzjoni fil-motivi u distorsjoni tal-fatti minħabba li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li r-rapport tal-mandatarju kellu influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni

53.      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u interpretat b’mod żbaljat il-fatti meta kkonstatat li r-rapport tal-mandatarju – li skont il-punt 107 tas-sentenza appellata ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni ta’ indipendenza – kellu influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni. Bl-istess mod, permezz tat-tieni aggravju tagħha (it-tielet parti), Lagardère issostni li l-Qorti Ġenerali interpretat ħażin il-fatti u vvizzjat is-sentenza appellata b’nuqqas manifest ta’ motivazzjoni billi kkonstatat li r-rapport tal-mandatarju kellu tali influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni.

54.      Kuntrarjament għal dak li Odile Jacob tidher li targumenta, dawk iż-żewġ aggravji mhux qegħdin ifittxu li jirrevedu evalwazzjoni tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali. Tabilħaqq, il-Kummissjoni ssostni b’suċċess li, bl-analiżi tal-influwenza deċiżiva, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn hija naqset milli tirrikonoxxi li fil-fatt id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tittieħed mill-Kummissjoni, li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-fajl sħiħ tal-każ u mhux biss ir-rapport tal-mandatarju, u li l-Kummissjoni żżomm is-setgħa li tieħu d-deċiżjoni. Bl-istess mod, Lagardère għandha raġun tgħid li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-fatti u naqset li tagħti motivazzjoni f’dan ir-rigward. Għalhekk, iż-żewġ aggravji huma manifestament ammissibbli.

55.      Infakkar qabel kollox li, kif rajna hawn fuq taħt l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni, għalkemm il-Kummissjoni hija meħtieġa li tikkunsidra r-rapport tal-mandatarju, ma hijiex legalment marbuta bl-opinjoni tal-mandatarju u hija xorta meħtieġa li twettaq l-investigazzjonijiet meħtieġa sabiex tiżgura li l-akkwirent fil-fatt jissodisfa l-kriterji ta’ approvazzjoni. Il-Linji Gwida tal-Aħjar Prattika (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, ara l-punt 28) jikkonfermaw li r-rapport tal-mandatarju li jissorvelja ma huwa xejn għajr “element wieħed għall-evalwazzjoni [tal-Kummissjoni]”.

56.      Jidhirli li l-Qorti Ġenerali kkontradixxiet lilha nnifisha meta hija fakkret, fil-punt 109, li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni kienet ibbażata biss “b’mod partikolari” u mhux “b’mod esklussiv” fuq ir-rapport tal-mandatarju, filwaqt li kkonkludiet li dak l-istess rapport kellu influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni. B’hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tqis it-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn il-Kummissjoni u l-mandatarju fil-proċedura rilevanti. Għal darb’oħra, u kuntrarjament għal dak li Odile Jacob tipprova targumenta, hija l-Kummissjoni waħedha li tiddeċiedi dwar l-approvazzjoni ta’ akkwirent kandidat. L-evalwazzjoni fir-rapport tal-mandatarju hija ovvjament ikkunsidrata fid-deċiżjoni finali tagħha, iżda l-Kummissjoni bl-ebda mod ma hija legalment marbuta mal-opinjoni tal-mandatarju, u tista’ tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-mandatarju mingħajr ebda konsegwenza legali.

57.      Tabilħaqq, ma nistax nenfasizza biżżejjed il-fatt li l-Kummissjoni tibqa’ meħtieġa li twettaq l-investigazzjoni meħtieġa, li tiġbor informazzjoni fuq inizjattiva tagħha billi tuża s-servizzi tagħha stess kif ukoll fuq talbiet għall-informazzjoni. Hawnhekk, pereżempju, diversi talbiet bħal dawn intbagħtu lil Lagardère u lil Wendel. Huwa ċar li l-Kummissjoni ma bbażatx biss fuq ir-rapport tal-mandatarju. Nixtieq ninsisti li, fil-fatt, ma setgħetx validament tibbaża biss fuq dak ir-rapport. Din kienet ir-regola applikata, pereżempju, f’Microsoft vs Il-Kummissjoni (32), dwar ir-rimedji u r-rwol tal-mandatarju li jissorvelja f’każ ta’ antitrust, fejn il-Qorti Ġenerali ġustament irrikonoxxiet li l-Kummissjoni “ma tistax tiddelega lil persuna terza l-poteri ta’ investigazzjoni u eżekuzzjoni mogħtija lilha mir-Regolament Nru 17” (33).

58.      F’dan il-każ, il-Kummissjoni wriet quddiem il-Qorti Ġenerali li hija kienet wettqet investigazzjoni li kienet ta’ natura ferm dettaljata u fil-fatt il-fajl jikkonsisti f’diversi eluf ta’ paġni. F’dan ir-rigward, lanqas ma naqbel mal-argument ta’ Odile Jacob li hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni nnifisha li tipproduċi evidenza li hija tqis rilevanti sabiex turi li ma bbażatx ruħha biss fuq ir-rapport tal-mandatarju, u li l-Kummissjoni naqset milli tagħmel dan quddiem il-Qorti Ġenerali. Biżżejjed wieħed jgħid li l-Qorti Ġenerali nnifisha ddeċidiet li ma tordnax miżura istruttorja sabiex issir taf aktar dwar l-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Mingħajr din il-miżura istruttorja, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tasal b’mod validu għall-konklużjoni dwar jekk ir-rapport tal-mandatarju kellux jew le influwenza deċiżiva.

59.      Tabilħaqq, fil-fehma tiegħi m’għandux jiġi dedott minn ċertu xebh bejn il-kliem tar-rapport tal-mandatarju u dak tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni li r-rapport inkwistjoni kellu “influwenza deċiżiva” fuqha, kif jissuġġerixxi l-punt 110 tas-sentenza appellata. Sensiela ta’ eżempji ma jistgħux jitqiesu bħala prova – b’mod speċjali ta’ influwenza li għandha tkun “deċiżiva”. Kif innutat il-Kummissjoni f’dan ir-rigward, il-fatt li l-istess espressjoni li l-mandatarju “enfasizza” ċerti elementi bl-istess mod tal-Kummissjoni (punt 112 tas-sentenza appellata) jew li ż-żewġ dokumenti “jirrilevaw” f’termini identiċi ċerta ċirkostanza (punt 113 tas-sentenza appellata) juri biss li r-rapport tal-mandatarju ddiskuta sempliċement fatti oġġettivi u elementi verifikabbli u essenzjalment ma kienx fih evalwazzjonijiet suġġettivi. Fi kwalunkwe każ, jidher mid-dokumenti quddiem il-Qorti li l-kwistjonijiet imsemmija fil-punti 112, 113, 114 u 116 tas-sentenza appellata huma wkoll spjegati fir-risposta ta’ Wendel għal talba għall-informazzjoni tal-11 ta’ Ġunju 2004 (34), li kemm il-mandatarju kif ukoll il-Kummissjoni kellhom l-istess aċċess għaliha. Fl-aħħar nett, rigward il-punt 115 tas-sentenza appellata, biżżejjed wieħed jgħid li minflok “[tieħu] ispirazzjoni sinifikanti mir-rapport [tal-mandatarju]” (ara l-punt 111 tas-sentenza appellata), id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tidher biss li tadotta l-kriterju stabbilit fil-punt 10(c) tal-impenji ta’ Lagardère.

60.      Barra minn hekk, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali għawġet il-fatti u vvizzjat is-sentenza tagħha minħabba nuqqas manifest ta’ motivazzjoni. Tabilħaqq, il-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha sorsi oħrajn ta’ informazzjoni, li kienu differenti mir-rapport tal-mandatarju, bħall-applikazzjoni għall-approvazzjoni ppreżentata minn Lagardère, il-proġett tal-bejgħ mehmuż magħha, ir-risposti bil-miktub ta’ Lagardère u Wendel għad-diversi talbiet ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni, ir-rapport ta’ Secafi Alpha mħejji għall-attenzjoni tar-rappreżentanti ta’ Editis, tat-2 ta’ Lulju 2004, l-informazzjoni pprovduta minn Wendel waqt laqgħa mal-Kummissjoni, kif ukoll skambju ta’ opinjonijiet fuq il-kandidatura ta’ Wendel mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persunal ta’ Editis u ċerti partijiet interessati oħra. Kif indikat hawn fuq, il-Qorti Ġenerali sempliċement tinvoka ċertu xebh bejn id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni u r-rapport tal-mandatarju, mingħajr ma effettivament tqabbel l-evidenza fil-fajl tal-każ attwalment użat mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tagħha skont il-kontenut ta’ dik id-deċiżjoni. Fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni, il-Kummissjoni essenzjalment evalwat il-kandidatura ta’ Wendel skont il-kriterji stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali. Peress li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali użat termini simili għal dawk użati fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni u mill-mandatarju fir-rapport tiegħu, u peress li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali tippreċedi r-rapport tal-mandatarju, l-evalwazzjoni purament formali tal-Qorti Ġenerali bbażata fuq ix-xebh bejn it-termini użati twassal għal konklużjoni żbaljata.

61.      Għalhekk nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali tat wisq importanza lir-rapport tal-mandatarju, li ma kinitx iġġustifikata mill-fatti f’din il-kawża, u kienet ġeneralment żbaljata dwar ir-rwol tal-mandatarju fil-proċedura ta’ approvazzjoni. Il-Qorti Ġenerali għamlet dan minkejja l-fatt li l-approvazzjoni tal-akkwirent hija l-kompetenza esklussiva tal-Kummissjoni u li, fil-fatt, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UE lanqas biss jirrendu obbligatorja l-ħatra ta’ mandatarju fil-kuntest ta’ proċedura ta’ impenji (35). Tabilħaqq, hemm każijiet fejn il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni mingħajr kwalunkwe intervent jew rapport ta’ mandatarju.

62.      Id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-Kummissjoni, bħal kull deċiżjoni oħra ta’ korp amministrattiv jew ġudizzjarju, fiha parti relatata mal-bażi fattwali u parti oħra relatata mal-bażi legali. F’din il-kawża jeħtieġ li tinqata’ linja bejn dawn iż-żewġ partijiet.

63.      Ir-rapport tal-mandatarju hu, f’kull ħin, parti mill-bażi fattwali biss, li jidher ċar, inter alia, mill-fatt li mandatarju ma jindikax ir-raġunament legali wara l-opinjoni u l-konklużjonijiet tiegħu u mill-fatt li l-Kummissjoni hija, fi kwalunkwe każ, obbligata li tiġbor provi min-naħa tagħha sabiex tieħu d-deċiżjoni finali – simili ħafna għall-fatti f’din il-kawża. Għalhekk, l-indipendenza tal-mandatarju tista’ tkun evalwata biss b’referenza għall-kontribuzzjoni tagħha għall-istabbiliment tal-bażi fattwali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Jekk mandatarju jippreżenta konklużjonijiet fattwali korretti u oġġettivament verifikabbli, allura l-każ huwa regolari. Jekk le, pereżempju minħabba r-rappreżentazzjoni ħażina tiegħu jew l-interpretazzjoni ħażina tas-sejbiet ta’ fatt, allura nistgħu nkunu qegħdin nittrattaw każ ta’ nuqqas ta’ indipendenza (fil-fatt, dan huwa simili fil-każ tal-ħatra ta’ espert sabiex jagħti evidenza f’kawża partikolari). Jibqa’ l-fatt li l-parti tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni relatata mal-bażi legali hija esklussivament prerogattiva tal-Kummissjoni u l-mandatarju m’għandu l-ebda impatt fuqha. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni tista’ jew taqbel mas-sejbiet ta’ fatt fir-rapport tal-mandatarju, jew tibdilhom jew iżżid magħhom bis-sejbiet tagħha stess. Madankollu, l-evalwazzjoni legali finali hija dejjem it-territorju tal-Kummissjoni: taħt id-dritt tal-UE, il-Kummissjoni biss għandha s-setgħa li tagħmel din l-evawlazzjoni f’każ partikolari (kif rajna fil-punt 46 hawn fuq, il-Kummissjoni ma tiddelegax dawn il-poteri lil partijiet terzi, u, kif juri l-punt 57 hawn fuq, il-ġurisprudenza tikkonferma li l-Kummissjoni ma setgħetx tagħmel dan anki kieku riedet). Inkella jkun possibbli li wieħed jaġixxi kontra l-mandatarju wkoll, li naturalment huwa barra mill-kwistjoni.

64.      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li r-raġunament fis-sentenza appellata fih żbalji ta’ liġi, jikkontradixxi lilu nnifsu u jinterpreta l-fatti b’mod żbaljat minħabba li l-Qorti Ġenerali sabet li r-rapport tal-mandatarju kellu influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni. Għaldaqstant, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

3.      Kawża C‑553/10 P (it-tielet aggravju) u Kawża C‑554/10 P (it-tieni aggravju, it-tieni parti)

65.      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, li jinkludi żewġ partijiet, il-Kummissjoni tallega, minn naħa, interpretazzjoni żbaljata tal-liġi fir-rigward tal-effikaċja tal-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrent fl-ewwel istanza dwar il-validità tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni u, min-naħa l-oħra, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward. Lagardère issostni, fit-tieni aggravju tagħha (it-tieni parti), li l-Qorti Ġenerali naqset li turi fid-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tagħha kif ir-rabtiet bejn ir-rappreżentant tal-mandatarju u Editis setgħu ħassru l-kontenut tar-rapport ippreżentat mill-mandatarju lill-Kummissjoni.

66.      Kif jirriżulta mill-analiżi tiegħi f’dawn il-Konklużjonijiet, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali manifestament wettqet żball ta’ liġi meta annullat id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni fuq il-bażi tal-konstatazzjoni unika ta’ nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju, mingħajr ma evalwat jekk ir-riżultat tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni – l-approvazzjoni ta’ Wendel bħala akkwirent – setax ikun differenti mingħajr in-nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju.

67.      Odile Jacob essenzjalment tirribatti li n-nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju ma hijiex irregolarità sempliċi li ma jistax ikollha konsegwenzi għal-legalità tad-deċiżjoni. Nikkunsidra li dan l-argument huwa żbaljat u li l-Qorti Ġenerali marret kontra ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (36), li tistabbilixxi li irregolarità, ħlief għal każijiet ta’ ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali (37), ma twassalx għall-annullament tad-deċiżjoni kollha jew ta’ parti minnha dment li ma jkunx stabbilit li, fin-nuqqas ta’ dik l-irregolarità, id-deċiżjoni kien ikollha kontenut differenti.

68.      B’mod partikolari, fis-sentenza ta’ hawn fuq il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “skont l-ewwel paragrafu tal-Artikoli 231 KE [issa l-Artikolu 264 TFUE] u s-sitt paragrafu tal-Artikolu 224, KE [issa l-Artikolu 254 TFUE], jekk ir-rikors huwa fondat, il-[Qorti Ġenerali] għandha tiddikjara l-att ikkontestat bħala null u li ma seħħx […] F’dan ir-rigward, minn naħa waħda, għandu jiġi kkonstatat li s-sempliċi fatt li hija tikkunsidra motiv invokat mill-parti rikorrenti insostenn tar-rikors tagħha għall-annullament bħala fondat, ma jippermettix lill-[Qorti Ġenerali] tannulla awtomatikament l-att ikkontestat fit-totalità tiegħu. Fil-fatt, annullament totali ma jistax jiġi aċċettat meta jidher kjarament li dan il-motiv, li jirrigwarda biss punt speċifiku tal-att ikkontestat, jista’ jwassal biss għal annullament parzjali” (punti 103 u 104).

69.      Biżżejjed ngħid li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod għal kollox awtomatiku u lakoniku li l-irregolarità setgħet tivvizzja l-legalità tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni. Il-Qorti Ġenerali għamlet hekk mingħajr ma effettivament evalwat, minn naħa waħda, jekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni kinitx ibbażata fuq raġunijiet oħrajn minbarra dawk relatati mas-sejbiet tar-rapport tal-mandatarju, u min-naħa l-oħra, jekk ma kienx jirriżulta mill-provi miġjuba għall-attenzjoni tal-Kummissjoni li kienet tifforma parti mill-fajl tal-każ tagħha, fi kwalunkwe każ, li Wendel kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tikseb l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

70.      Fil-fatt, skont il-punt 14 tal-impenji li jinsabu fl-Anness II għad-deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2004, il-Kummissjoni kellha tapprova lill-akkwirent sakemm dan tal-aħħar jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 10 ta’ dawk l-impenji. Għalhekk, dik l-evalwazzjoni hija waħda oġġettiva, u l-għan tal-Kummissjoni ma huwiex li tagħżel l-aħjar akkwirent, iżda sempliċement li tivverifika li l-akkwirent propost mill-parti notifikanti jissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti. Jidhirli li huwa importanti f’dan ir-rigward li wara li ngħatat is-sentenza appellata, il-Kummissjoni reġgħet bdiet il-proċedura u wara li għal darb’oħra ħejjiet il-każ għal deċiżjoni bi proċess ġdid inter partes u mandatarju ġdid għal kollox indipendenti minn Editis, il-Kummissjoni approvat mill-ġdid lil Wendel bħala l-akkwirent tal-assi – u mhux lil Odile Jacob. Għalhekk anki mingħajr l-irregolarità l-konklużjoni hija l-istess: Wendel tissodisfa, u kienet tissodisfa, il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni.

71.      Eżempju tal-approċċ korrett jista’ jinstab f’deċiżjoni preċedenti tal-Qorti Ġenerali. Fil-qasam tal-kontroll tal-amalgamazzjoni u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-Uffiċjal tas-Seduta, il-Qorti Ġenerali rrilevat f’każ wieħed li r-rikorrent ma setax jidentifika xi dispożizzjoni speċifika tad-deċiżjoni inkwistjoni li l-Uffiċjal tas-Seduta allegatament kiser, jew xi dispożizzjoni li fuq il-bażi tagħha, kieku kien jaf li kellu japplika dik id-deċiżjoni, aktarx li kien jadotta pożizzjoni differenti minn dik effettivament adottata (38). Barra minn hekk, huwa dibattibbli li ksur tad-drittijiet tad-difiża f’kawża partikolari (pereżempju, meta l-Kummissjoni tonqos li tippreżenta dokumenti) ma jkunux jistgħu jiġu ppenalizzati bħala tali u jkun meħtieġ l-ewwel li wieħed jagħmel analiżi konkreta ta’ dawk id-dokumenti. Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li teżisti ġurisprudenza li tiddikjara b’mod ċar li rikorrent ma għandu l-ebda interess leġittimu fl-annullament ta’ deċiżjoni li tista’ biss twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni oħra sostanzjalment identika (39). Finalment, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li żball ta’ liġi kommess minn ġurija fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kandidatura ta’ rikorrent ma kienx ta’ natura tali li joħloq dubju per se dwar il-legalità tad-deċiżjonijiet tagħha, u fakkret li “rikorrent ma għandux interess leġittimu fl-annullament ta’ deċiżjoni li huwa diġà ċert li din tista’ biss tiġi kkonfermata mill-ġdid” (40).

72.      F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali ma wrietx kif in-nuqqas ta’ indipendenza preżunta tal-mandatarju kellha xi konsegwenza fuq l-evalwazzjoni legali mill-Kummissjoni tal-kwalitajiet ta’ Wendel li takkwista l-assi ċeduti.

73.      Naqbel mal-Kummissjoni li ma hemm xejn fis-sentenza appellata li jippermetti li wieħed jikkonkludi li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni seta’ kellha kontenut differenti fin-nuqqas tal-irregolarità kkonstatata fis-sentenza. Tabilħaqq, il-Qorti Ġenerali ma sabet l-ebda żball jew impreċiżjoni fl-evalwazzjoni tal-mandatarju tal-akkwirent; hija ammettiet fil-punt 109 li l-evalwazzjoni kienet ibbażata biss “b’mod partikolari” fuq ir-rapport tal-mandatarju, u ma kkonstatat l-ebda konsegwenza li l-allegat nuqqas ta’ indipendenza seta’ kellu fuq dak ir-rapport.

74.      Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, rigward il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, Odile Jacob issostni li ma huwiex meħtieġ li jkun evalwat jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex teżamina l-kwistjoni dwar jekk il-kontenut tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni kienx ikun differenti li kieku l-mandatarju kien indipendenti u li, għalhekk, il-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod suffiċjenti s-sentenza tagħha.

75.      Jiena naħseb li dan l-argument għandu jinċaħad. Tabilħaqq, minkejja l-ġurisprudenza ċara ħafna u abbundanti ċċitata f’għadd ta’ punti hawn fuq – u minkejja l-motivi mqajma f’dan ir-rigward quddiem il-Qorti Ġenerali mill-Kummissjoni (punti 49 sa 55 tar-risposta u l-punt 35 tar-replika), minn Wendel (punt 24 tan-nota ta’ intervent tiegħu) u minn Lagardère (punt 19 tan-nota ta’ intervent tiegħu), kif ukoll l-argument orali – il-Qorti Ġenerali ma ppruvatx tispjega l-bażi legali u r-raġunijiet għall-konstatazzjoni tagħha li l-eżistenza ta’ rabta bejn ir-rappreżentant tal-mandatarju u Editis kienet “tali li tivvizzja l-legalità” tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni (punt 118 tas-sentenza appellata).

76.      Finalment, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali għamlet ukoll żball ieħor billi naqset milli tevalwa l-motivi kollha li qajmet il-Kummissjoni fl-ewwel istanza (41) b’risposta għall-motivi tar-rikorrent. B’mod partikulari, dan jirrigwarda l-motivi relatati mal-fatt li mill-provi kollha għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni – u mhux biss mir-rapport tal-mandatarju – Wendel issodisfat il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali.

77.      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-Qorti Ġenerali kisret ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Għalhekk, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

IV – Il-konsegwenzi tal-annullament tas-sentenza appellata

78.      Skont it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi definittivament hi stess dwar il-kawża, meta din tkun għad trid tiġi deċiża. Fl-opinjoni tiegħi, din hija sitwazzjoni fejn huwa xieraq għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi definittivament hi stess dwar il-kawża. Barra minn hekk, dan huwa ġġustifikat fid-dawl tat-tul tal-proċeduri ġudizzjarji f’dan il-każ. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, huwa xieraq li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta l-motivi kollha invokati minn Odile Jacob kontra d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali u tiċħad ir-rikors ta’ Odile Jacob fl-ewwel istanza.

V –    Spejjeż

79.      Taħt l-ewwel punt tal-Artikolu 122 tar-Regoli ta’ Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Taħt l-Artikolu 69(2) flimkien mal-Artikolu 118 tar-Regoli ta’ Proċedura, il-parti telliefa għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu fit-talbiet tal-parti rebbieħa. Minħabba li l-Kummissjoni u Lagardère talbu li Odile Jacob tiġi kkundannata għall-ispejjeż kemm tal-proċeduri fl-ewwel istanza kif ukoll dawk tal-appelli, u li Odile Jacob ma kellhiex raġun fil-motivi tagħha fiż-żewġ istanzi, Odile Jacob għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-proċeduri fl-ewwel istanza u fl-appell.

VI – Konklużjoni

80.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi skont kif ġej:

–        tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (is-Sitt Awla) tat-13 ta’ Settembru 2010 fil-kawża T‑452/04, Editions Odile Jacob SAS vs Il-Kummissjoni (T-452/04), sa fejn dik is-sentenza tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni D (2004)203365, tat-30 ta’ Lulju 2004, dwar l-approvazzjoni ta’ Wendel Investissement bħala akkwirent tal-assi ċeduti skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/422/KEE, tas-7 ta’ Jannar 2004, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Każ COMP/M.2978 - Lagardère/Natexis/VUP);

–        tiċħad ir-rikors ippreżentat minn Éditions Odile Jacob quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

–        tordna lil Éditions Odile Jacob li tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tal-Kummissjoni u ta’ Lagardère għaż-żewġ istanzi;

–        tordna lil Wendel Investissement tħallas l-ispejjeż tagħha stess.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2–      Kawża T‑452/04, Ġabra p. II‑4713 (iktar ’il quddiem “is-sentenza appellata”).


3 – (Każ COMP/M.2978 – Lagardère/Natexis/VUP) (ĠU 2004 L 125, p. 54).


4 – Ara, pereżempju, Hoehn, T., ‘Merger remedies control – The role of the monitoring trustee in remedy cases’, Concurrences No 2 – 2007 (Doctrines/Concentrations françaises: Suivi des engagements), p. 37-38 (iżda wkoll p. 29-36), u De Valois Turk, M., The European Commission’s revised Remedies Notice – the Trustee’s Perspective, ECLR 2009, 30(7), p. 332-339. Ara wkoll Idot, L., Concentration et contrôle des engagements, Commentaires, Europe – Revue mensuelle LexisNexis Jurisclasseur – Novembru 2010, p. 25-26.


5 – B’mod partikolari, kienet Vivendi Universal SA (“VU”) li ddeċidiet li tiddisponi mill-assi ta’ pubblikazzjoni (“l-assi fil-mira”) miżmuma fl-Ewropa mill-VUP sussidjarji tagħha. Lagardère iddikjarat l-interess tagħha fl-akkwist tal-assi inkwistjoni. Madankollu, peress li VU kienet qiegħda tfittex li tbigħ u li titħallas malajr, deher ċar li din ix-xewqa ma setgħetx tiġi sodisfatta minħabba l-ħtieġa li tinkiseb l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-bejgħ mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kompetenti. Għalhekk Lagardère tablet lil Natexis Banques Populaires SA (“NBP”) sabiex taġixxi minflokha u, permezz ta’ sussidjarja stabbilita għal dak il-għan, takkwista l-assi fil-mira mingħand VUP, iżżommhom provviżorjament u tbigħhom lil Lagardère ladarba din tal-aħħar tkun kisbet l-awtorizzazzjoni għal tali akkwist. Imbagħad, Investima 10 SAS (“Investima 10”), li hija 100 % proprjetà ta’ Ecrinvest 4 SA (“Ecrinvest 4”), li min-naħa tagħha hija 100 % proprjetà ta’ Segex Sarl (“Segex”), li hija kkontrollata 100 % minn NBP tat lil VUP impenn formali li takkwista l-assi fil-mira. Fl-istess jum, Segex u Ecrinvest 4 kkonkludew kuntratt ta’ bejgħ ma’ Lagardère li jippermetti lil din tal-aħħar li takkwista l-kapital azzjonarju kollu f’Investima 10 permezz ta’ Ecrinvest 4.


6 – Il-kuntratt iffirmat fid-19 ta’ Diċembru 2002 minn Ecrinvest 4 u d-ditta S. jispeċifika, fl-ewwel subparagrafu, li, fil-kapaċità tiegħu bħala mandatarju tal-kumpanija, B. għandu jaġixxi fl-interessi ta’ Investima 10 u tal-assi fil-mira u, b’mod aktar speċifiku, fl-interess li jżomm il-vijabbiltà, il-valur ekonomiku u l-kompetittività tagħhom.


7 – Ara wkoll il-punti 21 sa 24 iktar ’l isfel fejn nikkwota xi wħud minn dawn is-siltiet tas-sentenza appellata.


8 – B’mod partikulari s-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 1995, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑135/93, Ġabra p.I‑1651); tas-16 ta’ Frar 1984, Boël u Fabrique de fer de Maubeuge vs Il-Kummissjoni (76/83, Ġabra p. 859), u tad-19 ta’ Ottubru 1983, Usinor vs Il-Kummissjoni (265/82, Ġabra p. 3105).


9 – Ara, inter alia, is-sentenzi magħquda tat-2 ta’ Marzu 1967, Simet u Feram vs L-Awtorità Għolja (25/65 u 26/65, Ġabra p.39, punt 39), u tal-31 ta’ Marzu 1965, Ley vs Il-Kummissjoni (12/64 u 29/64, Ġabra p.107, punt 14).


10 – Sentenzi tas-7 ta’ April 1965, Alfieri vs Il-Parlament (35/64, Ġabra p. 337), u s-sentenzi magħquda tal-14 ta’ Lulju 1965, Alvino et vs Il-Kummissjoni (18/64 u 19/64, Ġabra 789, p. 797).


11–      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 593/2008, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6).


12–      Avviż dwar ir-rimedji aċċettabli taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 u taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 447/98[ĠU 2001 C 68, p. 3, punt 56; “(l-Avviż tal-2001 dwar ir-Rimedji”)]. Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (corrigenda fil-ĠU 1990 L 257, p. 13), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97, tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU 1997, L 180, p. 1).


13 – Ippubblikati fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/competition/mergers/legislation/note.pdf, punt 17. Ara wkoll is-sit elettroniku ġenerali: http://ec.europa.eu/competition/mergers/legislation/divestiture.html.


14 – Ma nara l-ebda raġuni għalfejn wieħed għandu jagħmel distinzjoni hawnhekk bejn persuna fiżika u persuna ġuridika.


15 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Settembru 2002, Willeme vs Il-Kummissjoni (T-89/01, ĠabraSP p.I‑A‑153 u II‑803, punt 72), u tat-3 ta’ Frar 2005, Mancini vs Il-Kummissjoni (T‑137/03, ĠabraSP p.I‑A‑7 u II‑27, punt 36).


16 – It-Tmien Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE, tal-10 ta’ April 1984, bażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar l-approvazzjoni ta’ persuni responsabbli biex iwettqu l-verifiki statutorji ta’ dokumenti dwar kontijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 75), imħassra bid-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 2006, dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE […] (ĠU 2006 L 157, p. 87). Odile Jacob issostni li t-Tmien Direttiva ħalliet f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-kriterji ta’ indipendenza ta’ dawk il-persuni.


17–      (ĠU 2002 L 191, p. 22). Odile Jacob issostni li din ir-rakkomandazzjoni tinnota li jeżistu differenzi fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri differenti u li l-indipendenza għandha tiġi evalwata “fil-moħħ u fid-dehra”. Barra minn hekk, turi li l-eżistenza ta’ kwalunkwe relazzjoni finanzjarja, kummerċjali, ta’ impjieg jew ta’ tip ieħor bejn l-awditur statutorju u l-klijent tiegħu, tista’ tikkomprometti l-indipendenza tal-awditur statutorju u, essenzjalment, li l-aċċettazzjoni ta’ pożizzjoni bħala membru ta’ korp maniġerjali ta’ entità għandha tkun ipprojbita.


18–      Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2005, De Bry vs Il-Kummissjoni (T-157/04, ĠabraSP p.I‑A‑199 u II‑901, punti 36 sa 38).


19–      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 1980, Distillers Company vs Il-Kummissjoni (30/78, Ġabra p. 2229, punt 26); tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il-Kummissjoni (209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 47); tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, ‘Tubemeuse’ (C‑142/87, Ġabra p.I‑959, punt 48); tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni (C‑194/99 P, Ġabra p. I‑10821, punt 31); Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2007, Torres vs UASI u Bodegas Muga (C‑405/06 P, Ġabra p.I‑115, punt 29); is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni (C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punt 70), u tal-1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill (C‑141/08 P, Ġabra p. I‑9147, punt 81).


20–      Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni (T‑9/99, Ġabra p.II‑1487, punt 370 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21–      Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑288/96, Ġabra p.I‑8237, punti 101 et seq.


22–      Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T‑310/01, Ġabra p. II‑4071, punti 457 sa 460).


23 – Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Ufex et vs Il-Kummissjoni (T‑60/05, Ġabra p. II‑3397, punt 77), u tal-14 ta’ Mejju 2002, Graphischer Maschinenbau vs Il-Kummissjoni (T‑126/99, Ġabra p. II‑2427, punti 48 u 49).


24–      Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni (T‑209/01, Ġabra p. II‑5527, punti 48 sa 50). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni (T‑210/01, Ġabra p. II‑5575, punti 42 sa 45, 48 u 734).


25–      Sentenzi magħquda tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni (C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punt 122).


26 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2004, KWS Saat vs UASI (C‑447/02 P, Ġabra p. I‑10107, punti 46 sa 51), u tat-30 ta’ Settembru 2003, Biret International vs Il-Kunsill (C‑93/02 P, Ġabra p. I‑10497, punt 60).


27 – Ara, pereżempju, l-Avviż dwar ir-Rimedji, tal-2001, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 58 u 59.


28–      Sentenza C‑69/91 (Ġabra 1993, p. I‑5335, punti 13, 16 u 22). Is-sempliċi fatt li l-korp responsabbli għat-tfassil tal-ispeċifikazzjonijiet, għas-sorveljanza tal-applikazzjoni tagħhom u għall-għoti tal-approvazzjoni tat-tip, ma jissodisfax il-kundizzjoni ta’ indipendenza fil-konfront tal-operaturi li aktarx jibbenefikaw minn dawk l-ispeċifikazzjonijiet, kundizzjoni stabbilita minn regola tal-liġi tal-UE (f’dak il-każ, direttiva) kienet suffiċjenti sabiex dak il-korp ma jikkwalifikax għat-tfassil ta’ tali speċifikazzjonijiet, mingħajr ma jkun meħtieġ li jintwera in concreto jew fuq bażi ta’ każ b’każ, l-eventwalità ta’ “interess” jew “parzjalità”.


29 – Ara, f’dan ir-rigward, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-Kawżi Magħquda C‑287/95 P u C‑288/95 P Il-Kummissjoni vsSolvay (Ġabra 2000, p. I-2391).


30–      Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28.


31 – Tabilħaqq, l-Avviż tal-Kummissjoni l-ġdid (2008) dwar ir-rimedji aċċettabbli taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 u taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 (ĠU 2008 C 267, p. 1), fil-paragrafu 125, issa jiċċara li “il-Kummissjoni mhux se taċċetta persuni jew istituzzjonijiet bħala trustees li fl-istess ħin ikunu l-awdituri tal-partijiet jew il-konsulenti tal-investiment tagħhom fil-bejgħ tal-assi. Madankollu, mir-relazzjonijiet tat-trustee mal-partijiet mhu se jirriżulta l-ebda kunflitt ta’ interess jekk dawk ir-relazzjonijiet mhux se jfixklu l-oġġettività tat-Trustee u l-indipendena tiegħu fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. Hija r-responsabbiltà tal-partijiet li jipprovdu lill Kummissjoni b’informazzjoni adegwata biex din tivverifika li t-trustee jilħaq ir-rekwiżiti”.


32–      Sentenza T‑201/04 (Ġabra 2007, p. II‑3601, punt 1264).


33–      Ir-Regolament [tal-Kunsill] Nru 17 L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat [issa l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3).


34 – Mehmuża bħala Anness B3 għar-replika tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali.


35 – Ma kien jeżisti l-ebda obbligu bħal dan fir-Regolament Nru 4064/89, fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 447/98, tal-1 ta’ Marzu 1998, dwar n-notifiki, perijodi ta’ żmien u smigħ tal-partijiet li hemm ipprovduti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Volum 1, p. 284), jew fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-Rimedji (2001) (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12). Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004, tas-7 ta’ April 2004, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Volum 3, p. 88), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1033/2008 (ĠU 2008 L 279, p. 3), issa jispeċifika li l-impenji offruti mill-impriżi “jistgħu” jinkludu, għas-spejjeż tagħhom stess, il-ħatra ta’ mandatarju.


36–      Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Département du Loiret (C‑295/07 P, Ġabra p. I‑9363).


37 – Kif rajna fil-punt 48 hawn fuq, u għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Odile Jacob, dan żgur ma huwiex il-każ hawnhekk.


38–      Sentenza General Electric vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 722.


39–      Sentenza Geist vs Il-Kummissjoni (117/81, Ġabra 1983 p. 2191, punt 7); sentenza Díaz García vs Il-Parlament (T‑43/90, Ġabra 1992 p. II 2619, punt 54); sentenza Orthmann vs Il-Kummissjoni (T‑261/97, ĠabraSP 2000 p. I‑A‑181 u II‑829, punti 33 u 35), u sentenza Audi vs UASI (TDI) (T‑16/02, Ġabra 2003 p. II‑5167, punti 97 u 98).


40 – Sentenza Martínez Alarcón vs Il-Kummissjoni (Kawżi Magħquda T‑357/00, T‑361/00, T‑363/00 u T‑364/00, ĠabraSP 2002 p. I‑A‑37 u II‑161, punti 91 sa 93).


41 – Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, Komninou et vs Il-Kummissjoni (C‑167/06 P, Ġabra p. I‑141, punt 22).