Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta’ Novembru 2017 minn Ir-Repubblika Ellenika mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fid-19 ta’ Settembru 2017 fil-Kawża T-327/15, Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-670/17)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: G. Kanellopoulos, I. Pahi u A. Vassilopoulou)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha: tilqa’ l-appell, tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea mogħtija fid-19 ta’ Settembru 2017 fil-Kawża T-327/15 u tilqa’ r-rikors tar-Repubblika Ellenika tat-2 ta’ Ġunju 2015 billi tannulla d-deċiżjoni ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Marzu “dwar l-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji fl-għajnuna tal-FAEGG, Taqsima “Gwida”, mogħtija fil-programm operattiv CCI 2000GR061PO021 (Greċja – Objettiv 1 – Rikostruzzjoni rurali), innotifikata taħt in-Nru C(2015) 1936 finali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, ir-rikorrenti tqajjem ħames aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolamenti (KE) Nru 1083/2006 1 u (UE) Nru 1303/2013 2 , id-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 3 kif ukoll żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 4 għall-FAEGG-Taqsima Gwida wara l-1 ta’ Jannar 2017 – motivazzjoni insuffiċjenti u żbaljata tal-appellata.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 39 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 – motivazzjoni kontradittorja u insuffiċjenti.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata u applikazzjoni żbaljata u selettiva tad-dispożizzjonijiet proċedurali – li l-Kummissjoni kkunsidrat applikabbli – tal-Artikoli 144 u 145 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, sa fejn l-appellata tonqos milli timplementa l-garanzija proċedurali tal-Artikolu 52(4)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 5 fejn tippreċiża f’dan il-każ il-kompetenza ratione temporis tal-Kummissjoni – motivazzjoni kontradittorja u insuffiċjenti tal-appellata.

Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi tal-Istat Membru fil-kuntest tal-kooperazzjoni leali tagħha mal-Kummissjoni, f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tal-aċċettazzjoni espressa – b’dewmien ta’ disa’ xhur – tar-rapport finali ta’ eżekuzzjoni tal-programm, kif ukoll tal-ftuħ tardiv ta’ proċedura ta’ korrezzjoni finanzjarja, bi ksur tal-impenn meħud mill-Kummissjoni stess li tillikwida il-programmi operattivi u twettaq il-ħlas finali f’terminu raġonevoli.

Fl-aħħar nett, il-ħames aggravju huwa bbażat fuq motivazzjoni assolutament insuffiċjenti fl-evalwazzjoni li permezz tagħha l-appellata tiċħad l-ilmenti tar-Repubblika Ellenika dwar l-impożizzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja multipla għalhekk sproporzjonata.

____________

1 Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU 2006 L 210, p. 25).

2 Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013 L 347, p. 320).

3 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2005 L 209, p. 1).

4 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31).

5 Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013 L 347, p. 549).