Language of document : ECLI:EU:C:2013:28

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

22 ta’ Jannar 2013 (*)

“Direttiva 2010/13/UE — Provvista ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva — Artikolu 15(6) — Validità — Avvenimenti ta’ interess pubbliku qawwi li jkunu s-suġġett ta’ drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni — Dritt ta’ aċċess tax-xandara bit-televiżjoni għal tali avvenimenti bil-għan li jwettqu rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor — Limitazzjoni tal-eventwali kumpens finanzjarju tal-proprjetarju tad-dritt esklużiv għall-ispejjeż addizzjonali sostnuti sabiex jingħata dan l-aċċess — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 16 u 17 — Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑283/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundeskommunikationssenat (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Ġunju 2011, fil-proċedura

Sky Österreich GmbH

vs

Österreichischer Rundfunk,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Vici President, A. Tizzano, M. Ilešič, T. von Danwitz (Relatur) u J. Malenovský, Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, U. Lõhmus, J.‑C. Bonichot, C. Toader, J.‑J. Kasel, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin, 

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ April 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Sky Österreich GmbH, minn G. Engin-Deniz, avukat,

–        għal Österreichischer Rundfunk, minn S. Korn, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent, 

–        għall-Parlament Ewropew, minn R. Kaškina u U. Rösslein, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn R. Liudvinaviciute-Cordeiro u J. Herrmann, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun kif ukoll minn S. La Pergola u C. Vrignon, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Marzu 2010, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-‘Servizzi tal-Media awdjoviżiva’) (ĠU L 95, p. 1, u rettifika ĠU L 263. p. 15).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Sky Österreich GmbH (iktar ’il quddiem “Sky”) u l-Österreichischer Rundfunk (iktar ’il quddiem l-“ORF”) fir-rigward tal-kundizzjonijiet finanzjarji li taħthom dan tal-aħħar għandu d-dritt li jikseb aċċess għas-sinjal bis-satellita għat-twettiq ta’ rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2007/65/KE

3        Id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224), ġiet emendata bid-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007 (ĠU L 332. p.27). Permezz tal-Artikolu 1(9) tagħha din tal-aħħar introduċiet fid-Direttiva 89/552 l-Artikolu 3k li jagħti lix-xandara bit-televiżjoni d-dritt, sabiex iwettqu rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor, li jużaw siltiet qosra mis-sinjal tax-xandara bit-televiżjoni li jkunu qed jiggarantixxu x-xandir ta’ avvenimenti ta’ interess qawwi għall-pubbliku li d-drittijiet ta’ xandir tiegħu jkunu nxtraw b’mod esklużiv.

4        Fir-rigward ta’ eventwali kumpens finanzjarju, l-Artikolu 3k(6) kien jipprovdi li dan ma jistax jeċċedi l-ispejjeż addizzjonali sostnuti direttament sabiex jingħata l-aċċess.

5        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2007/65, l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw magħha qabel it-19 ta’ Diċembru 2009.

6        Skont l-Artikolu 4 tagħha, id-Direttiva 2007/65 daħlet fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fit-19 ta’ Diċembru 2007.

 Id-Direttiva 2010/13

7        Id-Direttiva 89/552, kif emendata bid-Direttiva 2007/65, ġiet imħassra bl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2010/13, li l-premessa 48 tagħha tipprovdi:

“Id-drittijiet ta’ xandir televiżiv għal avvenimenti ta’ interess pubbliku qawwi jistgħu jinkisbu mix-xandara fuq bażi esklussiva. Madankollu, huwa essenzjali li jiġi promoss il-pluraliżmu permezz tad-diversità fil-produzzjoni tal-aħbarijiet u tal-programmar madwar l-Unjoni [Ewropea] u li jiġu rrispetatti l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali […] tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-‛Karta]’.”

8        Il-premessa 55 tad-Direttiva 2010/13 tipprovdi:

“Sabiex tiġi salvagwardjata l-libertà fundamentali li wieħed jirċievi l-informazzjoni u biex jiġi żgurat li l-interessi tat-telespettaturi fl-Unjoni jitħarsu bis-sħiħ u kif suppost, dawk li jkollhom id-drittijiet esklussivi ta’ xandir televiżiv dwar avvenimenti ta’ interess pubbliku qawwi għandhom jagħtu lix-xandara l-oħra d-dritt li jużaw siltiet qosra għall-finijiet ta’ programmi ta’ aħbarijiet ġenerali f’termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji b’kont meħud tad-drittijiet esklussivi. Tali termini għandhom jiġu kkomunikati fil-ħin qabel ma jseħħ l-avveniment ta’ interess pubbliku qawwi sabiex jingħata ħin biżżejjed lill-oħrajn ħalli jeżerċitaw dan id-dritt. […] Tali siltiet qosra jistgħu jintużaw għal xandiriet madwar l-UE minn kwalunkwe stazzjon inklużi stazzjonijiet iddedikati għall-isports u m’għandhomx jaqbżu d-90 sekonda. Id-dritt għall-aċċess għal siltiet qosra għandu japplika fuq bażi transkonfinali biss fejn huwa meħtieġ. Għalhekk xandar għandu l-ewwel ifittex aċċess minn xandar stabbilit fl-istess Stat Membru li jkollu d-drittijiet esklussivi għall-avveniment ta’ interess kbir għall-pubbliku.

L-idea ta’ programmi tal-aħbarijiet ġenerali m’għandiex tkopri l-kompilazzjoni ta’ siltiet qosra fil-programmi li jservu skopijiet ta’ divertiment. [...]”

9        L-Artikolu 15 ta’ din l-istess direttiva jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għall-fini ta’ rapporti tal-aħbarijiet fil-qosor, kwalunkwe xandar stabbilit fl-Unjoni jkollu aċċess fuq bażi ġusta, raġonevoli u non-diskriminatorja għal avvenimenti ta’ interess kbir għall-pubbliku li huma trasmessi fuq bażi esklussiva minn xandar taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.

2.      Jekk xandar ieħor stabbilit fl-istess Stat Membru bħax-xandar li jkun qed ifittex aċċess, ikun kiseb drittijiet esklussivi għall-avveniment ta’ interess kbir għall-pubbliku, dan għandu jfittex l-aċċess minn dak ix-xandar.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali aċċess ikun garantit billi x-xandara jitħallew jagħżlu liberament siltiet qosra mis-sinjal tax-xandar li jkun qed jittrasmetti b’mill-anqas, sakemm dan ma jkunx impossibbli għal raġunijiet ta’ prattiċità, l-identifikazzjoni tas-sors tagħhom.

4.      Bħala alternattiva għall-paragrafu 3, Stat Membru jista’ jistabbilixxi sistema ekwivalenti li tikseb aċċess fuq bażi ġusta, raġonevoli u non-diskriminatorja b’mezzi oħrajn.

5.      Siltiet qosra għandhom jintużaw biss għal programmi ta’ aħbarijiet ġenerali u jistgħu biss jintużaw f’servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand jekk l-istess programm ikun offrut fuq bażi differita mill-istess fornitur ta’ servizzi tal-media.

6.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 sa 5, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, skont is-sistemi legali u l-prattiċi tagħhom, li l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet rigward il-forniment ta’ tali siltiet qosra jkunu definiti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwalunkwe arranġament għal kumpens, it-tul massimu ta’ siltiet qosra u l-limiti ta’ żmien rigward it-trasmissjoni tagħhom. Fejn hemm previżjoni għal kumpens, dan m’għandux jaqbeż l-ispejjeż addizzjonali li jsiru direttament biex jingħata l-aċċess.”

 Id-dritt nazzjonali

10      L-Artikolu 5(4) tal-liġi federali dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni [Bundesgesetz über die Ausübung exklusiver Fernsehübertragungsrechte (Fernseh-Exklusivrechtegesetz) BGBl. I, 85/2001], kien jipprovdi, sat-30 ta’ Settembru 2010, li fin-nuqqas ta’ ftehim bonarju bejn ix-xandara bit-televiżjoni kkonċernati, il-Bundeskommunikationssenat jiddeċiedi jekk id-dritt li jitwettqu rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor kellux jingħata lil xandar bit-televiżjoni u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet.

11      Mill-1 ta’ Ottubru 2010, l-imsemmi Artikolu 5(4), moqri flimkien mal-Artikolu 5(2), jipprovdi li x-xandar bit-televiżjoni li jkun kiseb id-drittijiet esklużivi ta’ xandir għal avveniment ta’ interess informattiv ġenerali u li għandu jagħti lil kull xandar bit-televiżjoni li jagħmel talba f’dan is-sens, id-dritt li jwettaq rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor mis-sinjal għall-finijiet ta’ xandir, jista’ jitlob biss ir-rimbors tal-ispejjeż addizzjonali sostnuti direttament sabiex jingħata l-aċċess għas-sinjal.

12      Il-Bundeskommunikationssenat ġiet stabbilita permezz tal-liġi federali li tistabbilixxi l-Kommunikationsbehörde Austria u l-Bundeskommunikationssenat (Bundesgesetz über die Einrichtung einer Kommunikationsbehörde Austria und eines Bundeskommunikationssenates, BGBl. I, 32/2001, iktar ’il quddiem il-“KOG”), sabiex tistħarreġ id-deċiżjonijiet tal-Kommunikationsbehörde Austria (Awtorità Regolatorja Awstrijaka fil-qasam ta’ komunikazzjoni, iktar ’il quddiem il-“KommAustria”), u sabiex teżerċita stħarriġ ġudizzjarju fuq l l-ORF inkwantu awtorità kolleġġjali li tinkludi komponent ġudizzjarju fis-sens tal-Artikolu 20(2) tal-liġi kostituzzjonali federali (Bundes-Verfassungsgesetz).

13      L-Artikolu 36(1) sa (3) tal-KOG, fil-verzjoni tiegħu fis-seħħ fid-data ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“1.      Għandu jitwaqqaf il-Bundeskommunikationssenat fil-Kanċellerija Federali bil-għan li jistħarreġ id-deċiżjonijiet tal-KommAustria […].

2.      Il-Bundeskommunikationssenat jiddeċiedi bħala awtorità ġudikanti tal-aħħar istanza fuq rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-KommAustria […], bl-eċċezzjoni tar-rikorsi f’kawżi amministrativi ta’ natura kriminali.

3.      Id-deċiżjonijiet tal-Bundeskommunikationssenat ma jistgħux jiġu annullati jew emendati permezz ta’ azzjoni amministrattiva. Appelli mid-deċiżjonijiet tiegħu jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-Verwaltungsgerichtshof [Qorti Amministrattiva].”

14      L-Artikolu 37(1) u (2) tal-KOG jipprovdi:

“1.      Il-Bundeskommunikationssenat għandu jkun kompost minn ħames membri, li tlieta minnhom għandhom ikunu mħallfin Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, il-membri tal-Bundeskommunikationssenat huma indipendenti u ma jirċievu ebda struzzjoni jew ordni. Il-Bundeskommunikationssenat għandu jeleġġi President u Viċi-President minn fost il-membri tiegħu li jappartjenu lill-ġudikatura.

2.      Il-membri tal-Bundeskommunikationssenat jinħatru mill-President Federali fuq proposta tal-Gvern Federali għal perijodu ta’ sitt snin. Għandu jinħatar sostitut għal kull membru, fil-każ li dan tal-aħħar ikun prekluż milli jwettaq il-funzjonijiet tiegħu.”

15      Skont l-Artikolu 20(2) tal-liġi kostituzzjonali federali:

“Il-leġiżlatur jista’ jeżenta lil korp

[…]

3. stabbilit bħala awtorità kolleġġjali sabiex tiddeċiedi kwistjonijiet fl-aħħar istanza, li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex suġġetti għal annullament jew għal emendi b’mod amministrattiv u li tkun komposta minn min tal-anqas Imħallef wieħed,

[…]

mill-obbligu tiegħu li josserva l-istruzzjonijiet provenjenti minn korp li huwa għola minnu fil-ġerarkija […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16      Sky ġiet awtorizzata, mill-KommAustria, sabiex ixxandar l-programm televiżiv diġitali msemmi “Sky Sport Austria” bis-satellita. Din il-kumpannija kisbet, b’kuntratt tal-21 ta’ Awwissu 2009, id-drittijiet esklużivi li xxandar bit-televiżjoni fit-territorju Awstrijak ċerti partiti tal-Europa League għall-istaġuni 2009/2010 sa 2011/2012. Sky indikat li kull sena hija kellha tħallas somma ta’ diversi miljuni ta’ Euro għal-liċenzja u l-ispejjeż ta’ produzzjoni.

17      Fil-11 ta’ Settembru 2009, Sky u l-ORF ikkonkludew ftehim intiż sabiex jagħti lill-ORF id-dritt li twettaq rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor u kien jipprovdi l-ħlas ta’ EUR 700 kull minuta għal tali rapporti. Fir-rigward ta’ din ir-remunerazzjoni l-partijiet illimitaw it-tul tal-validità tal-ftehim sad-dħul fis-seħħ tal-emenda tal-Artikolu 5tal-liġi federali dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni, jiġifieri l-1 ta’ Ottubru 2010.

18      Fuq talba tal-ORF, imressqa f’Novembru 2010, il-KommAustria ddeċidiet li Sky kienet obbligata, inkwantu proprjetarja ta’ drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni, tagħti lill-ORF d-dritt li twettaq rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor mingħajr ma tkun tista’ titlob remunerazzjoni li tkun ogħla mill-ispejjeż addizzjonali sostnuti direttament sabiex jingħata l-aċċess għas-sinjal tas-satellita, spejjeż li kienu ineżistenti f’dan il-każ. Hija, fl-istess ħin, iffissat il-kundizzjonijiet li taħthom dan id-dritt seta’ jiġi eżerċitat mill-ORF. Iż-żewġ partijiet appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-Bundeskommunikationssenat.

19      Fid-deċiżjoni ta’ rinviju tiegħu, dan tal-aħħar jagħmel riferiment, fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, għas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Österreichischer Rundfunk (C‑195/06, Ġabra p. I‑8817), u jikkunsidra li anki f’dan il-każ huwa għandu jiġi kkunsidrat bħala qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, peress li f’din il-kawża japplikaw l-istess regoli ta’ ġurisdizzjoni bħal dawk li kienu japplikaw fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza.

20      Fuq il-mertu, il-Bundeskommunikationssenat iqis li d-dritt li jitwettqu rapporti tal-aħbarijiet fil-qosor jikkostitwixxi interferenza għad-dritt ta’ proprjetà, kif previst fl-Artikolu 17 tal-Karta, tax-xandar bit-televiżjoni li jkun kiseb, permezz ta’ kuntratt, id-drittijiet esklużivi ta’ xandir relatati ma avveniment ta’ interess qawwi għall-pubbliku (iktar ’il quddiem il-“proprjetarju ta’ drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni”).

21      Filwaqt li jagħmel riferiment, b’mod partikolari, għall-Artikolu 52(1) tal-Karta, il-Bundeskommunikationssenat jistaqsi jekk dispożizzjoni ta’ direttiva li tipprekludi lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru milli jipprovdu għal kumpens intiż li jagħmel tajjeb għall-imsemmija interferenza għad-dritt ta’ proprjetà hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Huwa jikkunsidra li l-fatt li l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2010/13 jipprovdi li l-Istati Membri huma obbligati li jiddefinixxu l-metodi u l-kundizzjonijiet dwar id-dritt li jitwettqu rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor ma jistax jikkumpensa tali interferenza. Il-Bundeskommunikationssenat jqis li huwa neċessarju, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li tiġi adottata liġi li tippermetti li jittieħed kont taċ-ċirkustanzi tal-każ u, b’mod partikolari, tal-għan tad-drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni kif ukoll tal-ammont imħallas mill-proprjetarju għall-ksib ta’ dawn id-drittijiet sabiex jiġi kkalkolat kumpens finanzjarju xieraq.

22      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2010/13 huwa, skont il-Bundeskommunikationssenat, partikolarment kontestabbli fil-każ fejn id-drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni nkisbu qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, filwaqt li t-talba għall-għoti ta’ dritt li jitwettqu rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor tressqet wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi dan l-Artikolu 15.

23      F’dan il-kuntest, il-Bundeskommunikationssenat issemmi deċiżjonijiet tal-Bundesverfassungsgericht [Qorti kostituzzjonali federali (il-Ġermanja)] u tal-Verfassungsgerichtshof [Qorti kostituzzjonali (l-Awstrija)] fejn ġie kkunsidrat li l-għoti komplementari tad-dritt li jitwettqu rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor huwa sproporzjonat u, għalhekk, jikser kemm il-libertà professjonali, fis-sent tal-Artikolu 12 tal-Liġi fundamentali Ġermaniża (Grundgesetz), kif ukoll id-dritt ta’ proprjetà fis-sens tal-Artikolu 5 tal-Liġi fundamentali Awstrijaka dwar id-drittijiet ġenerali taċ-ċittadini (Staatsgrundgesetz über die allgemeinen Rechte der Staatsbürger) u tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1952 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”).

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundeskommunikationssenat iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 15(6) tad-[Direttiva 2010/13] huwa konformi mal-Artikoli 16 u 17 tal-[Karta] kif ukoll mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali […]?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

25      Preliminarjament, għandu jiġi vverifikat jekk fil-kuntest ta’ din l-kawża l-Bundeskommunikationssenat għandux il-kwalità ta’ qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, u, konsegwentement, jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari hijiex ammissibbli.

26      Sabiex jiġi evalwat jekk il-korp tar-rinviju għandux in-natura ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni li taqa’ unikament taħt id-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, sensiela ta’ elementi, bħal jekk il-korp huwiex stabbilit mil-liġi, jekk huwiex permanenti, jekk il-ġurisdizzjoni tiegħu hijiex ta’ natura obbligatorja, jekk il-proċeduri quddiemu humiex kontradittorji, jekk il-korp japplikax regoli tad-dritt, kif ukoll jekk huwiex indipendenti (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2011, Miles et, C‑196/09, Ġabra p. I‑5105, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tiddeċiedi dwar il-kwalità ta’ qorti, fis-sens tal-Artikolu 234 KE, tal-Bundeskommunikationssenat fil-kawża li tat lok għas-sentenza Österreichischer Rundfunk, iċċitata iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, hija ddeċidiet, fil-punti 19 sa 21 ta’ din is-sentenza, li, abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar it-twaqqif u l-funzjonament tal-Bundeskommunikationssenat, applikabbli fil-kawża ċċitata iktar ’il fuq, dan il-korp kellu jiġi kkunsidrat bħala qorti fis-sens tal-Artikolu 234 KE.

28      F’din il-kawża japplikaw dispożizzjonijiet dwar it-twaqqif u l-funzjonament tal-Bundeskommunikationssenat li l-kontenut tagħhom huwa identiku għal dak li kien applikabbli fil-kawża li tat lok għas-sentenza Österreichischer Rundfunk, iċċitata iktar ’il fuq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundeskommunikationssenat għandu, anki f’din il-kawża, jiġi kkunsidrat bħala qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

29      Min dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundeskommunikationssenat hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

30      Permezz tad-domanda tagħha. il-Bundeskommunikationssenat essenzjalment jitlob lil-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-validità tal-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2010/13 kemm fid-dawl tal-Artikoli 16 u 17(1) tal-Karta, kif ukoll f’dak tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali. Huwa jistaqsi, b’mod partikolari, jekk dan l-Artikolu 15(6) jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet fundamentali tal-proprjetarju ta’ drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni, minħabba l-fatt li dan il-proprjetarju huwa obbligat li jippermetti t-twettiq ta’ rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor lill-kull xandar bit-televiżjoni ieħor, stabbilit fl-Unjoni, mingħajr ma jkun jista’ jeżiġi kumpens finanzjarju li jaqbeż l-ispejjeż addizzjonali sostnuti direttament sabiex jingħata l-aċċess għas-sinjal.

 Fuq l-Artikolu 17 tal-Karta

31      L-Artikolu 17(1) tal-Karta jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku”.

32      L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2010/13 jipprovdi li kull xandar bit-televiżjoni, stabbilit fl-Unjoni, għandu jkollu aċċess għal avvenimenti ta’ interess qawwi għall-pubbliku, li huma s-suġġett ta’ xandir esklużiv minn xandar bit-televiżjoni, għall-finijiet tat-twettiq ta’ rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor. Skont l-Artikolu 15(3) tali aċċess huwa, bħala prinċipju, iggarantit bil-provvista tal-aċċess għas-sinjal tax-xandar bit-televiżjoni li jiggarantixxi x-xandir, li minnu huma jistgħu liberament jagħżlu siltiet qosra. L-Artikolu 15(6) jipprovdi li, meta jkun previst kumpens finanzjarju favur il-proprjetarju ta’ drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni, dan ma għandux jaqbeż l-ispejjeż addizzjonali sostnuti direttament sabiex jingħata l-aċċess għas-sinjal.

33      Regoli li l-kontenut tagħhom kien identiku għal dak imsemmi fil-punt preċedenti kienu diġà previsti fl-Artikolu 3k tad-Direttiva 89/552, kif emendata bid-Direttiva 2007/65.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi tqum għalhekk il-kwistjoni ta’ jekk il-garanziji mogħtija mill-Artikolu 17(1) tal-Karta effettivament ikoprux ukoll drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni miksuba permezz ta’ kuntratt. Il-protezzjoni mogħtija minn dan l-artikolu ma tirrigwardax biss is-sempliċi interessi jew opportunitajiet kummerċjali, li n-natura aleatorja tagħhom tifforma parti sħiħa mis-sustanza stess tal-attività ekonomika (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. I‑6513, punt 185 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), iżda wkoll id-drittijiet li għandhom valur patrimonjali li minnhom tirriżulta, fid-dawl tal-ordinament ġuridiku, pożizzjoni ġuridika miksuba li tippermetti li dawn id-drittijiet jiġu eżerċitati b’mod awtonomu minn u favur il-proprjetarju tagħhom.

35      Għalkemm huwa ċertament minnu li d-drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni jingħataw bi ħlas lil xandara bit-televiżjoni permezz ta’ kuntratt li jippermettilhom ixandar avvenimenti speċifiċi b’mod esklużiv, fatt li għandu l-effett li jeskludi lil xandara bit-televiżjoni oħra milli jkunu jistgħu jxandru kwalunkwe trażmissjoni ta’ dawn l-avvenimenti. Għalhekk, dawn id-drittijiet ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu sempliċi interessi jew opportunitajiet kummerċjali iżda bħala li għandhom valur patrimonjali.

36      Madankollu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, tqum il-kwistjoni ta’ jekk id-drittijiet esklużivi inkwistjoni jikkostitwixxux pożizzjoni ġuridika miksuba fis-sens tal-punt 34 ta’ din is-sentenza.

37      F’dan ir-rigward, mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2007/65, jiġifieri mid-19 ta’ Diċembru 2007, id-dritt tal-Unjoni jimponi li jiġi ggarantit li x-xandara bit-televiżjoni jkollhom id-dritt li jwettqu rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor fuq avvenimenti ta’ interess qawwi għall-pubbliku li huma s-suġġett ta’ drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni, mingħajr ma l-proprjetarju ta’ tali dritt ma jkun jista’ jeżiġi kumpens finanzjarju li jaqbeż l-ispejjeż addizzjonali sostnuti direttament sabiex jingħata l-aċċess għas-sinjal.

38      Fid-dawl ta’ din il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, li għandha tiġi trasposta mill-Istati Membri fl-ordinament ġuridiku intern tagħhom, klawżola ta’ kuntratt bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tagħti lix-xandar bit-televiżjoni pożizzjoni ġuridika miksuba, protetta mill-Artikolu 17(1) tal-Karta, li tippermettilu jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ xandir b’mod awtonomu kif imsemmi fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, fis-sens li huwa jkun jista’, bil-kontra tal-kontenut mandatorju tad-Direttiva 2007/65, jeżiġi kumpens li jaqbeż l-ispejjeż addizzjonali sostnuti direttament sabiex jingħata l-aċċess għas-sinjal.

39      Fil-fatt, operatur ekonomiku, bħal Sky, li permezz ta’ kuntratt konkluż wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2007/65, fid-19 ta’ Diċembru 2007, ikun kiseb drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni, f’dan il-każ fil-21 ta’ Awwissu 2009, ma jistax ikun iġġustifikat, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, li jinvoka pożizzjoni ġuridika miksuba, protetta mill-Artikolu 17(1) tal-Karta, ladarba l-Istati Membri kienu obbligati li jittrasponu din id-direttiva, traspożizzjoni li setgħet titwettaq f’kull mument u li kellha, f’kull każ, titwettaq sad-19 ta’ Diċembru 2009.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, proprjetarju ta’ drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni li jikkonċernaw avvenimenti ta’ interess qawwi għall-pubbliku ma jistax jinvoka l-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 17(1) tal-Karta.

 Fuq l-Artikolu 16 tal-Karta

41      L-Artikolu 16 tal-tal-Karta jipprovdi li “[l]-libertà ta’ l-intrapriża skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali hija rikonoxxuta”.

42      Il-protezzjoni mogħtija mill-imsemmi Artikolu 16 tinvolvi l-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali, il-libertà ta’ kuntrattazzjoni, kif ukoll il-kompetizzjoni libera, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet relatati ma dan l-artikolu li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C‑279/09, Ġabra p. I‑13849, punt 32).

43      Barra minn hekk, il-libertà ta’ kuntrattazzjoni tinkludi, b’mod partikolari, il-libertà tal-għażla tas-sieħeb ekonomiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1991, Neu et, C‑90/90 u C‑91/90, Ġabra p. I‑3617, punt 13), kif ukoll il-libertà tad-determinazzjoni tal-prezz għal servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑437/04, Ġabra p. I‑2513, punt 51, kif ukoll tad-19 ta’ April 2012, F-Tex, C‑213/10, punt 45).

44      Il-konsegwenza tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2010/13 hija, kif jirriżulta mill-punti 35 u 37 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, li l-proprjetarju ta’ drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni ma jistax jagħżel liberament ix-xandara bit-televiżjoni li magħhom jikkonkludi ftehim dwar l-għoti ta’ dritt għat-twettiq ta’ rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor. Bl-istess mod, fid-dawl tal-Artikolu 15(6), li hija s-suġġett tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju lill-Qorti Ġenerali, il-proprjetarju ta’ drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni ma jistax jiddeċiedi liberament il-prezz li bih huwa jipprovdi l-aċċess għas-sinjal għall-finijiet tat-twettiq ta’ rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor. Din id-dispożizzjoni b’mod partikolari tipprekludi lill-tali proprjetarju milli jinvolvi lix-xandara bit-televiżjoni li jwettqu rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor fl-ispejjeż sostnuti għall-ksib tad-drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-Artikolu 15(6) jikkostitwixxi interferenza għal-libertà tal-impriża tal-proprjetarji ta’ drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni.

45      Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, il-libertà tal-impriża ma hijiex dritt assolut, iżda għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħha fis-soċjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi, tad-9 ta’ Settembru 2004, Spanja u Il-Finlandja vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, C‑184/02 u C‑223/02, Ġabra p. I‑7789, punti 51 u 52, kif ukoll tas-6 ta’ Settembru 2012, Deutsches Weintor, C‑544/10, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Abbażi ta’ din il-ġurisprudenza u fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 16 tal-Karta, li jiddistingwi ruħu mill-kliem tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-libertajiet fundamentali l-oħra stabbiliti fit-Titolu II tagħha filwaqt li joqrob lejn il-kliem ta’ ċerti dispożizzjonijiet tat-Titolu IV ta’ din l-istess Karta, il-libertà tal-impriża tista’ tiġi suġġetta għal firxa wiesgħa ta’ interventi min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jistabbilixxu, fl-interess ġenerali, limiti għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika.

47      Issa, din iċ-ċirkustanza hija b’mod partikolari riflessa fil-mod ta’ kif għandu jiġi implementat il-prinċipju ta’ proporzjonalità skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta.

48      Skont din l-aħħar dispożizzjoni, kull limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet stabbiliti fil-Karta għandha tkun prevista mil-liġi, għandha tosserva l-kontenut essenzjali tagħhom u għandha, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun neċessarja u effettivament tirrifletti għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ persuni oħra.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2010/13 ma jaffettwax il-kontenut essenzjali tal-libertà tal-impriża. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix l-eżerċizzju tal-attività imprenditorjali bħala tali tal-proprjetarju ta’ drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni. Barra minn hekk, hija ma teskludix lill-dan il-proprjetarju milli jisfrutta d-dritt tiegħu billi jwettaq huwa stess, bi ħlas, ix-xandir tal-avveniment inkwistjoni jew inkella billi jċedi dan id-dritt permezz ta’ kuntratt, bi ħlas, lil xandar bit-televiżjoni ieħor jew lil kwalunkwe operatur ekonomiku ieħor.

50      Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-interferenza kkonstatata, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jitlob, skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (sentenzi, tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C­343/09, Ġabra p. I‑7027, punt 45, kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, punt 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li attwalment il-kummerċjalizzazjoni ta’ natura esklużiva tal-avvenimenti ta’ interess qawwi għall-pubbliku qed tikber u tista’ tillimita b’mod kunsiderevoli l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni dwar dawn l-avvenimenti. Minn dan l-aspett, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2010/13 huwa intiż, kif jirriżulta mill-premessi 48 u 55 tagħha, għall-ħarsien tal-libertà fundamentali li wieħed jirċievi informazzjoni, iggarantita bl-Artikolu 11(1) tal-Karta, u li jippromvovi l-pluraliżmu fil-produzzjoni u l-programmazzjoni tal-informazzjoni fl-Unjoni, protett fl-Artikolu 11(2) tal-istess Karta.

52      Il-ħarsien tal-libertajiet protetti bl-Artikolu 11 tal-Karta bla dubju jikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, United Pan‑Europe Communications Belgium et, C‑250/06, Ġabra p. I‑11135, punt 42), li l-importanza tiegħu f’soċjetà demokratika u pluralista għandha tiġi enfasizzata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi, tat-22 ta’ Diċembru 2008, Kabel Deutschland Vertrieb und Service, C‑336/07, Ġabra p. I‑10889, punt 33, u tas-6 ta’ Settembru 2011, Patriciello, C‑163/10, Ġabra p. I‑7565, punt 31). Din l-importanza hija partikolarment manifesta fil-każ ta’ avvenimenti ta’ interess qawwi għall-pubbliku. Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2010/13 effettivament għandu għan ta’ interess ġenerali.

53      Barra minn hekk, l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2010/13 huwa idoneu sabiex jiggarantixxi t-twettiq tal-għanijiet imfittxa. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tqiegħed lil kull xandar bit-televiżjoni f’pożizzjoni li effettivament iwettaq rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor u għalhekk li jinforma lill-pubbliku dwar avvenimenti ta’ interess qawwi għalih li huma s-suġġett ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ natura esklużiva, billi jiggarantixxi lil dawn ix-xandara aċċess għall-imsemmija avvenimenti. Dan l-aċċess huwa ggarantit lilhom indipendentement, minn naħa, mis-setgħa kummerċjali u mill-kapaċità finanzjarja tagħhom kif ukoll, min-naħa l-oħra, mill-prezz imħallas għax-xiri tad-drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni, min-negozjati kuntrattwali mal-proprjetarji ta’ dawn id-drittijiet u mid-daqs tal-avvenimenti inkwistjoni.

54      F’dak li jirrigwarda, wara dan, in-natura neċessarja ta’ tali leġiżlazzjoni, għandu jiġi osservat li miżura inqas restrittiva kienet ċertament tkun waħda li tipprovdi għal kumpens finanzjarju tal-proprjetarji ta’ drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni li jaqbeż l-ispejjeż addizzjonali sostnuti direttament sabiex jingħata l-aċċess għas-sinjal sabiex, b’mod partikolari, ix-xandara bit-televiżjoni li jwettqu rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor jipparteċipaw fl-ispejjeż sostnuti għall-ksib ta’ dawn id-drittijiet esklużivi.

55      Madankollu, jidher li tali leġiżlazzjoni inqas restrittiva ma tassigurax it-twettiq tal-għanijiet imfittxa mill-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2010/13 b’mod daqstant effikaċi daqs dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, leġiżlazzjoni li tipprovdi kumpens finanzjarju għall-proprjetarji ta’ drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni li jaqbeż l-ispejjeż addizzjonali sostnuti direttament sabiex jingħata l-aċċess għas-sinjal u kkalkolat skont kriterji addizzjonali bħal, b’mod partikolari, il-prezz imħallas għall-ksib ta’ tali dritt u/jew id-daqs tal-avveniment inkwistjoni tista’, b’mod partikolari, skont il-metodu ta’ determinazzjoni tal-ammont ta’ kumpens użat u l-kapaċitajiet finanzjarji tax-xandara bit-televiżjoni li jixtiequ jkollhom aċċess għas-sinjal, twassal sabiex tiskoraġġixxi, jekk mhux saħansitra, skont il-każ, tipprekludi, lil ċerti xandara bit-televiżjoni milli jitolbu l-aċċess għall-finijiet tat-twettiq ta’ rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor u għalhekk tista’ tostakola kunsiderevolment l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni.

56      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2010/13 jiggarantixxi lil kull xandar bit-televiżjoni aċċess għall-avveniment li jingħata, skont l-Artikolu 15(1) tal-istess Direttiva, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u huwa kompletament indipendenti mill-kriterji u miċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt preċedenti, u b’hekk iqiegħed lil kull xandar bit-televiżjoni f’pożizzjoni li effettivament iwettaq rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ ġustament jikkunsidra li leġiżlazzjoni li tipprovdi kumpens finanzjarju għall-proprjetarji ta’ drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni li jaqbeż l-ispejjeż addizzjonali sostnuti direttament sabiex jingħata l-aċċess għas-sinjal ma kellhiex tippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex b’mod daqstant effikaċi daqs leġiżlazzjoni, bħal Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2010/13, li tillimita l-eventwali kumpens finanzjarju għall-ammont ta’ dawn l-ispejjeż, u għalhekk li jikkunsidra li din il-leġiżlazzjoni kienet neċessarja.

58      Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-eventwali natura sproporzjonata tal-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2010/13, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-obbligu, previst minn din id-dispożizzjoni, li l-Istati Membri għandhom li jiddefinixxu l-metodi u l-kondizzjonijiet relatati mad-dritt li jitwettqu rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor, jibbilanċjax b’mod xieraq ir-rekwiżiti li jirriżultaw mil-libertà fundamentali li wieħed jirċievi informazzjoni u dawk tal-libertà tal-impriża. Hija tikkunsidra li hija biss regola li tipprovdi għal għoti ta’ kumpens finanzjarju li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, kemm l-għan tad-drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni inkwistjoni kif ukoll is-somma mħallsa mill-proprjetarju sabiex jikseb dawn id-drittijiet, għandha tiġi kkunsidrata bħala proporzjonali.

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu jibbilanċja, minn naħa, il-libertà tal-impriża u, min-naħa l-oħra l-libertà fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni li jirċievu informazzjoni, il-libertà kif ukoll il-pluraliżmu tal-media.

60      Meta diversi drittijiet u libertajiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jkunu inkwistjoni, l-evalwazzjoni tal-eventwali natura sproporzjonata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha titwettaq fl-osservanza tal-konċiljazzjoni meħtieġa bejn ir-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni ta’ dawn id-diversi drittijiet fundamentali u l-bilanċ ġust bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi, tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, Ġabra p. I‑271, punti 65 u 66, kif ukoll Deutsches Weintor, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

61      Billi stabbilixxa rekwiżiti fir-rigward tal-użu tas-siltiet tas-sinjal, il-leġiżlatur tal-Unjoni qagħad attent li jara li l-portata tal-interferenza fil-libertà tal-impriża kif ukoll l-eventwali benefiċċji ekonomiċi li x-xandara bit-televiżjoni setgħu jiksbu mit-twettiq ta’ rapport tal-aħbarijiet fil-qosor jiġu indirizzati b’mod speċifiku.

62      Fil-fatt, l-Artikolu 15(5) tad-Direttiva 2010/13 jipprovdi li r-rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor fuq l-avvenimenti li huma s-suġġett ta’ xandir esklużiv ma jistgħux jitwettqu għall-kull tip ta’ programm tat-televiżjoni iżda biss għal programmi ta’ aħbarijiet ġenerali. Għalhekk, użu tas-siltiet tas-sinjal fi programmi għal finijiet ta’ divertiment, li għandhom effett ekonomiku ikbar minn dak tal-programmi ta’ aħbarijiet ġenerali, huwa eskluż, skont il-premessa 55 tad-Direttiva 2010/13.

63      Barra minn hekk, skont din l-istess premessa u skont l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2010/13, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-metodi u l-kundizzjonijiet relatati mal-provvista tas-siltiet tas-sinjal użati billi jieħdu debitament inkunsiderazzjoni d-drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 15(3), (5) u (6) ta’ din id-direttiva, kif ukoll mill-imsemmija premessa 55, jirriżulta li dawn is-siltiet għandhom, b’mod partikolari, ikunu qosra u li t-tul massimu tagħhom ma għandux jaqbeż id-90 sekonda. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma obbligati jiddefinixxu t-termini fir-rigward tax-xandir ta’ dawn is-siltiet. Fl-aħħar nett, ix-xandara bit-televiżjoni li jwettqu rapport tal-aħbarijiet fil-qosor għandhom, skont l-istess Artikolu 15(3), jindikaw is-sors tas-siltiet qosra użati fir-rapporti tagħhom, u dan x’aktarx ikollu effett pubbliċitarju pożittiv fir-rigward tal-proprjetarju tad-drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni inkwistjoni.

64      Barra minn hekk, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2010/13 ma jeskludix lil-proprjetarji ta’ drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni milli, kif ġie kkonstatat fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, jisfruttaw bi ħlas id-drittijiet tagħhom. Iktar minn hekk, l-assenza ta’ possibbiltà ta’ rifinanzjament permezz ta’ kumpens kif ukoll l-eventwali svalutazzjoni kummerċjali ta’ dawn id-drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni jistgħu, fil-prattika, jittieħdu inkunsiderazzjoni matul in-negozjati dwar il-ksib tad-drittijiet inkwistjoni u jiriflettu ruħhom fil-prezz imħallas għal dan il-ksib.

65      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-drittijiet u tal-interessi li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2010/13 huwa intiż li jipproteġi, għandu jitfakkar li l-kummerċjalizzazjoni ta’ natura esklużiva tal-avvenimenti ta’ interess qawwi għall-pubbliku qed tikber, kif ġie kkonstatat fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, u tista’ tillimita b’mod kunsiderevoli l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni dwar dawn l-avvenimenti.

66      Fid-dawl, minn naħa, tal-importanza li għandu l-ħarsien tal-libertà fundamentali li wieħed jirċievi informazzjoni, tal-libertà kif ukoll tal-pluraliżmu tal-media ggarantiti mill-Artikolu 11 tal-Karta u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-libertà tal-impriża kif prevista fl-Artikolu 16 tagħha, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jadotta regoli, bħal dawk previsti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2010/13, li jinkludu limiti għal-libertà tal-impriża filwaqt li jipprivileġġaw, fid-dawl tal-evalwazzjoni neċessarja tad-drittijiet u tal-interessi kkonċernati, l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni iktar milli l-libertà ta’ kontrattazzjoni.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni kien iġġustifikat li jimponi l-limiti għal-libertà tal-impriża previsti fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2010/13 fuq il-proprjetarji ta’ drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni u li jikkunsidra li l-inkonvenjenti li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni ma humiex sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minnha u huma tali li jistabbilixxu bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet u libertajiet fundamentali inkwistjoni fil-kawża preżenti.

68      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li mill-eżami tad-domanda preliminari magħmula ma rriżulta l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2010/13.

 Fuq l-ispejjeż

69      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

Mill-eżami tad-domanda preliminari magħmula ma rriżulta l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Marzu 2010, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-“Servizzi tal-Media awdjoviżiva”).

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.