Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-19 ta' Lulju 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesfinanzhof - il-Ġermanja) - Marianne Scheunemann vs Finanzamt Bremerhaven

(Kawża C-31/11) 

"Libertà ta' stabbiliment - Moviment liberu tal-kapital - Tassazzjoni diretta - Taxxa fuq is-suċċessjoni - Metodi ta' kalkolu tat-taxxa - Akkwist b'wirt ta' sehem, bħala azzjonist uniku f'kumpannija b'kapital azzjonarju stabbilita fi Stat terz - Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi vantaġġi fiskali għal sehem f'kumpanniji bħal dawn"

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzhof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Marianne Scheunemann

Konvenut: Finanzamt Bremerhaven

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Bundesfinanzhof - Interpretazzjoni tal-Artikoli 56 u 58 KE - Ksib b'wirt ta' sehem, bħala azzjonist uniku, f'kumpannija b'kapital azzjonarju stabbilita fi Stat terz li tagħmel parti mill-proprjetà privata tal-mejjet - Taxxa fuq is-suċċessjoni - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi vantaġġi fiskali għall-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom jew it-tmexxija tagħhom fit-territorju nazzjonali

Dispożittiv

Il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li teskludi, għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa tas-suċċessjoni, l-applikazzjoni ta' ċerti vantaġġi fiskali għal wirt fil-forma ta' sehem f'kumpannija b'kapital azzjonarju stabbilita fi Stat terz, filwaqt li hija tagħti l-istess vantaġġi f'każ ta' wirt ta' sehem bħal dan meta s-sede tal-kumpannija tinstab fi Stat Membru, taffettwa b'mod predominanti l-eżerċizzju tal-libertà ta' stabbiliment fis-sens tal-Artikoli 49 TFUE et seq, peress li dan is-sehem jippermetti lid-detentur tagħha li jeżerċità influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tal-imsemmija kumpannija u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet. Dawn l-artikoli ma humiex intiżi li japplikaw f'sitwazzjoni li tikkonċerna s-sehem f'kumpannija li għandha sede li tinstab fi Stat terz.

____________

1 - ĠU C 113, 09.04.2011