Language of document : ECLI:EU:T:2018:135

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

14 ta’ Marzu 2018 (*)

“Ambjent – Prodotti ġenetikament immodifikati – Regolament (KE) Nru 1367/2006 – Regolament (KE) Nru 1829/2003 – Fażola tas-sojja ġenetikament immodifikata MON 87769, MON 87705 u 305423 – Ċaħda ta’ talba għal reviżjoni interna tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq – Kunċett ta’ ‘liġi ambjentali’ – Artikolu 10 tar‑Regolament Nru 1367/2006”

Fil-Kawża T‑33/16,

TestBioTech eV, stabbilita f’München (il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. Stein, solicitor, K. Smith, QC, u J. Stevenson, barrister,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Tomkin, L. Pignataro-Nolin u C. Valero, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Monsanto Europe, stabbilita f’Antwerpen (il-Belġju),

u

Monsanto Company, stabbilita f’Wilmington, Delaware (l-Istati Uniti),

irrappreżentati minn M. Pittie, avukat,

u minn

Pioneer Overseas Corp., stabbilita f’Johnston, Iowa (l-Istati Uniti),

u

Pioneer Hi-Bred International, Inc., stabbilita f’Johnston,

irrappreżentata minn G. Forwood, avukat, J. Killick, barrister, u S. Nordin, solicitor,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall‑annullament tal-ittra tal-Kummissarju Ewropew inkarigat mis‑Saħħa u s-Sigurtà tal-Ikel tas-16 ta’ Novembru 2015, li ċaħdet it‑talba għal reviżjoni interna, ibbażata fuq l-Artikolu 10 tar‑Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall‑istituzzjonijiet u l‑korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l‑Aċċess għall-Informazzjoni, il‑Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit‑Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13), tad-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni li jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq ta’ fażola tas-sojja ġenetikament immodifikata MON 87769, MON 87705 u 305423,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn V. Tomljenović (Relatur), President, E. Bieliūnas u A. Kornezov, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-22 ta’ Settembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, TestBioTech eV, hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, irreġistrata fil-Ġermanja, bil-għan li tippromwovi r-riċerka indipendenti u d-diskussjoni pubblika dwar ir-riperkussjonijiet tal-bijoteknoloġija.

 Fuq l-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-fażola tas-sojja 305423

2        Fl-14 ta’ Ġunju 2007, Pioneer Overseas Corp. ressqet quddiem l-awtorità kompetenti tal-Pajjiżi l-Baxxi, skont l-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 432), applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ ikel, ta’ ingredjenti tal-ikel u ta’ għalf li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament immodifikata 305423 (iktar ’il quddiem il-“fażola tas‑sojja 305423”), li jikkonsistu minn din il-fażola tas-sojja jew li huma prodotti minnha. L‑applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni kienet tkopri wkoll it‑tqegħid fis‑suq tal-fażola tas-sojja 305423 preżenti fi prodotti oħra minbarra ikel u għalf, li fihom din il-fażola tas-sojja mmodifikata jew li jikkonsistu minn din il-fażola tas‑sojja u maħsuba għall-istess użi bħal kull fażola tas-sojja oħra, bl-eċċezzjoni tal‑kultivazzjoni.

3        Fit-18 ta’ Diċembru 2013, il-grupp xjentifiku dwar l-organiżmi ġenetikament immodifikati tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) (iktar ’il quddiem il-“grupp xjentifiku OGM”) ta opinjoni xjentifika dwar il‑fażola tas-sojja 305423, permezz ta’ rapport, skont l-Artikolu 6(6) tar‑Regolament Nru 1829/2003 u l-Artikolu 18(6) tal-istess regolament, opinjoni li, skont il-kliem tagħha stess, “ser tkun parti mill-opinjoni globali tal-EFSA skont l-Artikolu 6(5) u l-Artikolu 18(5) [tal-istess regolament]”. Essenzjalment, il-grupp xjentifiku OGM ikkunsidra li l‑fażola tas-sojja 305423 kienet sikura, fil-kuntest tal-użi maħsuba għaliha, bħall‑kontroparti konvenzjonali tagħha, fir-rigward tal-effetti potenzjali fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali jew fuq l-ambjent.

4        Fl-24 ta’ April 2015, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/698, li tawtorizza t‑tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew huma prodotti mill-fażola tas-sojja modifikata ġenetikament 3Ø5423 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (ĠU 2015, L 112, p. 71). Fil-premessi 4 sa 7 ta’ din id-deċiżjoni, il‑Kummissjoni spjegat, filwaqt li rreferiet għall-opinjoni xjentifika msemmija fil-punt 3 hawn fuq, li l-EFSA kienet tat “opinjoni favorevoli” skont l-Artikoli 6 u 18 tar‑Regolament Nru 1829/2003, li l-EFSA kienet ikkonkludiet li l-fażola tas-sojja 305423 kienet sikura, fil-kuntest tal-użi maħsuba għaliha, daqs il-kontroparti konvenzjonali tagħha, fir-rigward tal-effetti potenzjali tagħha fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali jew fuq l‑ambjent, u li l-EFSA kienet irrakkomandat l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ monitoraġġ għal wara t‑tqegħid fis-suq, li jkun jiffoka fuq il-ġbir ta’ data dwar il-konsum tal‑popolazzjoni Ewropea.

5        Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2015/698, il-Kummissjoni tat identifikatur uniku lill-fażola tas-sojja 305423. Skont l-Artikolu 2 tal‑imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni awtorizzat, għall-finijiet tal‑Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 16 (2) tar-Regolament Nru 1829/2003, l‑ikel u ingredjenti tal-ikel li fihom il-fażola tas-sojja 305423, li jikkonsistu, jew li huma prodotti minn din il-fażola, l-għalf li fih il-fażola tas-sojja 305423, li jikkonsisti jew li huwa prodott minn din is-sojja u s‑sojja 305423 fil-prodotti li jikkonsistu f’din is-sojja jew li fihom din is-sojja, għal kull użu ieħor, bl-eċċezzjoni tal‑kultivazzjoni. Barra minn hekk, l-Artikoli 3 sa 5 tad‑Deċiżjoni 2015/698 jikkonċernaw l-ittikkettar u l-monitoraġġ tal‑prodotti koperti.

 Fuq l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-fażola tas-sojja MON 87769

6        Fl-14 ta’ Settembru 2009, Monsanto Europe ressqet quddiem l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit, skont l-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament Nru 1829/2003 applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ ikel, ta’ ingredjenti tal-ikel u ta’ għalf li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament immodifikata MON 87769 (iktar ’il quddiem il-“fażola tas‑sojja MON 87769”), li jikkonsistu minn din il-fażola tas-sojja jew li huma prodotti minnha. L‑applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni kienet tkopri wkoll it-tqegħid fis-suq tal-fażola tas-sojja MON 87769 preżenti fi prodotti oħra minbarra ikel u għalf, li fihom din il-fażola tas-sojja mmodifikata jew li jikkonsistu minn din il-fażola tas‑sojja u maħsuba għall‑istess użi bħal kull fażola tas-sojja oħra, bl-eċċezzjoni tal‑kultivazzjoni.

7        Fis-16 ta’ Mejju 2014, il-grupp xjentifiku OGM ta opinjoni xjentifika dwar il‑fażola tas-sojja MON 87769, permezz ta’ rapport, skont l‑Artikolu 6(6) tar‑Regolament Nru 1829/2003 u l-Artikolu 18(6) tal‑istess regolament, opinjoni li, skont il-kliem tagħha stess, “ser tkun parti mill-opinjoni globali tal-EFSA skont l-Artikolu 6(5) u tal‑Artikolu 18(5) [tal-istess regolament]”. Essenzjalment, il-grupp xjentifiku OGM ikkonstata li l-fażola tas-sojja MON 87769 kienet sikura bħall‑kontroparti konvenzjonali tagħha, u li ma kienx probabbli li din tħalli effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u tal‑annimali jew fuq l-ambjent, fil-kuntest tal-ambitu tal-applikazzjoni.

8        Fl-24 ta’ April 2015, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/686 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jkun fihom, li jkunu jikkonsistu jew li jkunu prodotti mill-fażola tas-sojja MON 87769 (MON-87769-7) modifikata ġenetikament skont ir‑Regolament Nru 1829/2003 (ĠU 2015, L 112, p. 16). Fil-premessi 4 sa 8 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni spjegat, filwaqt li rreferiet għall‑opinjoni xjentifika msemmija fil-punt 7 hawn fuq, li l-EFSA kienet tat “opinjoni favorevoli” skont l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament Nru 1829/2003, li l-EFSA kienet ikkonkludiet li l-fażola tas-sojja MON 87769 kienet sikura, fil-kuntest tal-użi maħsuba għaliha, bħall‑kontroparti konvenzjonali tagħha, u li ma kienx probabbli li din tħalli effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali jew fuq l‑ambjent u li l-EFSA kienet irrakkomandat l‑implimentazzjoni ta’ pjan ta’ monitoraġġ għal wara t-tqegħid fis-suq, li jkun jiffoka fuq il-ġbir ta’ data dwar il-konsum tal-popolazzjoni Ewropea.

9        Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2015/686, il-Kummissjoni tat identifikatur uniku lill-fażola tas-sojja MON 87769. Permezz tal‑Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni awtorizzat, għall-finijiet tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1829/2003, l-ikel u l-ingredjenti tal-ikel li fihom il-fażola tas‑sojja MON 87769, li jikkonsistu f’din il-fażola tas-sojja, jew li huma prodotti minnha, għalf li jkun fih il-fażola tas-sojja MON 87769, li jikkonsisti f’din il-fażola tas-sojja jew li huwa prodott minnha u l‑fażola tas-sojja MON 87769 fil-prodotti li fihom din il-fażola tas-sojja jew li jikkonsistu minnha, għal kull użu ieħor, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni. Barra minn hekk, l-Artikoli 3 sa 5 tad‑Deċiżjoni 2015/686 jikkonċernaw l-ittikkettar u l-monitoraġġ tal‑prodotti rilevanti.

 Fuq l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-fażola tas-sojja MON 87705

10      Fit-18 ta’ Frar 2010, Monsanto Europe ressqet quddiem l-awtorità kompetenti tal-Pajjiżi l-Baxxi, skont l-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament Nru 1829/2003, applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ ikel, ta’ ingredjenti tal-ikel u ta’ għalf li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament immodifikata MON 87705 (iktar ’il quddiem il-“fażola tas‑sojja MON 87705”), li jikkonsistu minn din il-fażola tas-sojja jew li huma prodotti minnha. L‑applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni kienet tkopri wkoll it-tqegħid fis-suq tal-fażola tas-sojja MON 87705 preżenti fi prodotti oħra minbarra ikel u għalf, li fihom din il-fażola tas-sojja mmodifikata jew li jikkonsistu minn din il-fażola tas‑sojja u maħsuba għall-istess użu bħal kull fażola tas-sojja oħra, bl-eċċezzjoni tal‑kultivazzjoni.

11      Fit-30 ta’ Ottubru 2012, il-grupp xjentifiku OGM ta opinjoni xjentifika dwar il‑fażola tas-sojja MON 87705, permezz ta’ rapport, skont l‑Artikolu 6(6) tar‑Regolament Nru 1829/2003 u l-Artikolu 18(6) tal‑istess regolament, opinjoni li, skont il-kliem tagħha stess, “ser tkun parti mill-opinjoni globali tal-EFSA skont l-Artikolu 6(5) u l‑Artikolu 18(5) [tal-istess regolament]”. Din l-opinjoni ġiet issupplimentata minn dikjarazzjoni tal-grupp xjentifiku OGM, tas‑17 ta’ Diċembru 2013. Essenzjalment, il-grupp xjentifiku OGM ikkonstata li l-fażola tas-sojja MON 87705 kienet sikura, fil-kuntest tal‑użi maħsuba għaliha minn Monsanto Europe, bħall‑kontroparti konvenzjonali tagħha, fir-rigward tal-effetti potenzjali tagħha fuq is‑saħħa tal-bniedem u tal-annimali jew fuq l-ambjent.

12      Fl-24 ta’ April 2015, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/696 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew huma prodotti mill‑fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87705 (MON-877Ø5-6) skont ir-Regolament Nru 1829/2003 (ĠU 2015, L 112, p. 60). Fil‑premessi 4 sa 10 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni spjegat, filwaqt li rreferiet għall-opinjoni xjentifika msemmija fil-punt 11 hawn fuq, kif issupplimentata, li l-EFSA kienet tat “opinjoni favorevoli” skont l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament Nru 1829/2003, li l-EFSA kienet ikkonkludiet li l-fażola tas-sojja MON 87705 kienet sikura daqs il‑kontroparti konvenzjonali tagħha, fil-kuntest tal-użi maħsuba għaliha li kienu jkopru l-istess użi ta’ kwalunkwe fażola tas-sojja konvenzjonali maħsuba għall-ikel jew għall-għalf, ħlief għall-użi kummerċjali taż-żejt għall-qali, u li l-EFSA kienet irrakkomandat l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ monitoraġġ għal wara t-tqegħid fis-suq, li jkun jiffoka fuq il-ġbir ta’ data dwar il-konsum tal-popolazzjoni Ewropea.

13      Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2015/696, il-Kummissjoni tat identifikatur uniku lill-fażola tas-sojja MON 87705. Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni awtorizzat, għall-finijiet tal‑Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1829/2003, l‑ikel u l-ingredjenti tal-ikel li fihom, jikkonsistu minn, jew huma prodotti mill‑fażola tas-sojja MON 87705, l-għalf li fih, jikkonsisti minn, jew huwa prodott mill-fażola tas-sojja MON 87705, u l-fażola tas-sojja MON 87705 fil-prodotti li fihom jew jikkonsistu minnha, għal kull użu ieħor, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni. Barra minn hekk, l-Artikoli 3 sa 5 tad‑Deċiżjoni 2015/696 jikkonċernaw l-ittikkettar u l-monitoraġġ tal‑prodotti koperti.

 Fuq it-talba għal reviżjoni interna

14      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Mejju 2015, ir-rikorrenti u assoċjazzjoni oħra talbu lill-Kummissjoni sabiex twettaq reviżjoni interna tad‑Deċiżjonijiet 2015/686, 2015/696 u 2015/698 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni”), skont l‑Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal‑Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il‑Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall‑Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13). Fil‑kuntest tat-talba tagħhom għal reviżjoni interna, ir-rikorrenti u l‑assoċjazzjoni l-oħra, essenzjalment sostnew, fl-ewwel lok, li l-EFSA kienet għadha ma stabbilixxietx gwida dwar l-effetti fuq is-saħħa tal-pjanta ġenetikament immodifikata b’kontenut nutrizzjonali mibdul b’mod sinjifikattiv, fit-tieni lok, li n-nuqqas ta’ gwida rriżulta f’evalwazzjoni inadegwata u inkoerenti tar-riskji nutrizzjonali li ma kinux jissodisfaw il-kundizzzjonijiet legali, fit-tielet lok, li n-nuqqas ta’ gwida rriżulta fi ksur tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-ittikkettar, fir-raba’ lok, li n-nuqqas ta’ gwida rriżulta fi proposti inadegwati u inkoerenti fir-rigward tal-monitoraġġ wara l-kummerċjalizzazzjoni, fil‑ħames lok, li għall-fażola tas-sojja MON 87705 u 305423, ir-residwi tal-erbiċidi ma ġewx ikkunsidrati fl-evalwazzjoni dwar l-effetti fuq is‑saħħa tal-konsum tal-ikel u tal-għalf ġenetikament immodifikati, u, fis‑sitt lok, li, fir-rigward tal-fażola tas-sojja MON 87705, l-evalwazzjoni tal-effetti mhux mixtieqa tal-interferenzi fuq l-aċidu ribonuklejku ma kinitx sodisfaċenti.

15      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Awwissu 2015, il-Kummissjoni informat lir‑rikorrenti li ma kinitx f’pożizzjoni li tlesti r-reviżjoni tagħha fit‑terminu ta’ 12-il ġimgħa u li, għalhekk, kienet ser tirċievi r-risposta tagħha f’terminu ta’ 18-il ġimgħa, skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1367/2006.

16      Permezz ta’ ittra elettronika tal-1 ta’ Ottubru 2015, uffiċjal fid-Direttorat tal-Ikel u tas-Sigurtà tal-Ikel fi ħdan il-Kummissjoni informa lir-rikorrenti li d-deċiżjoni dwar it‑talba tagħha għal reviżjoni kienet ġiet “ippreparata”, iżda li kien għad jonqosha l-proċedura amministrattiva tal-iffirmar.

17      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Novembru 2015, bir-referenza Ares (2015) 5145741 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il‑Kummissarju Ewropew inkarigat mis-Saħħa u s-Sigurtà tal-Ikel ċaħad it-talba għal reviżjoni billi sostna li l-ewwel ħames ilmenti u parti mis‑sitt ilment, spjegati fil-punt 14 hawn fuq, ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006 u li l‑parti l-oħra tas-sitt ilment, dwar l-evalwazzjoni tar-riskji ambjentali, “ma kinitx tiġġustifika l-bżonn li tiġi emendata d-Deċiżjoni 2015/696”. F’dan ir‑rigward, il-Kummissjarju Ewropew inkarigat mis-Saħħa u s-Sigurtà tal-Ikel essenzjalment ikkunsidra li, l-aspetti marbuta mal-evalwazzjoni tas-saħħa tal-ikel u tal-għalf ġenetikament immodifikati ma setgħux jiġu evalwati fil-kuntest tal-Artikolu 10 tar‑Regolament Nru 1367/2006, peress li dawn l-aspetti ma kinux jirrigwardaw l-evalwazzjoni ta’ riskji ambjentali. Fir-rigward tal-parti tas-sitt ilment, dwar il-protezzjoni tal‑ambjent, il-Kummissarju Ewropew inkarigat mis-Saħħa u s-Sigurtà tal-Ikel ikkunsidra li l-argument kien infondat u ma kienx jiġġustifika reviżjoni tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni. B’mod iktar speċifiku, l‑ewwel nett, il-Kummissarju Ewropew inkarigat mis-Saħħa u s-Sigurtà tal-Ikel ikkunsidra li l-ilmenti relatati mal-gwida mill-EFSA dwar l‑evalwazzjoni fuq is-saħħa u l-valur nutrizzjonali taż-żrieragħ ġenetikament immodifikati b’kontenut nutrizzjonali mibdul, kienu relatati b’mod ċar mal-effett fuq is-saħħa minħabba l-konsum tal-ikel u tal-għalf. It-tieni nett, huwa kkunsidra li evalwazzjoni nutrizzjonali ġeneralment kellha ssir fil-kuntest ta’ eżami dwar l-impatt fuq is-saħħa tal‑konsum ta’ ikel u għalf u mhux għall-finijiet ta’ evalwazzjoni ta’ riskji ambjentali marbuta ma’ rilaxx potenzjali fl-ambjent. It-tielet nett, huwa sostna li l-ittikkettar dwar il-kompożizzjoni ta’ ikel ġenetikament immodifikat ma kienx marbut mal-evalwazzjoni tar-riskji ambjentali. Ir‑raba’ nett, huwa sostna li l-monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq ma kienx relatat mal-evalwazzjoni tar-riskji ambjentali. Il-ħames nett, huwa kkunsidra li n-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-effetti, fuq is-saħħa, tar-residwi tal‑erbiċidi kkonsmati flimkien mal-ikel u l-għalf ġenetikament immodifikat kien relatat mal-effett fuq is-saħħa u mhux fuq l-ambjent. Is‑sitt nett, huwa kkunsidra li studju dwar l-effetti mhux mixtieqa fuq is‑saħħa tal-bniedem u tal-annimali mill-konsum tal-pjanti li juru interferenza ta’ aċidi ribonuklejki, li għalihom irreferriet ir-rikorrenti, ma kienx marbut mal-evalwazzjoni tar-riskji ambjentali.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrenti ressqet din l-azzjoni u talbet li din il‑kawża tingħaqad mal-kawża TestBioTech et vs Il-Kummissjoni, irreġistrata bin-Numru T‑177/13.

19      Fl-14 ta’ April 2016, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li ma jilqax it-talba sabiex din il-kawża tingħaqad mal-Kawża T‑177/13, TestBioTech et vs Il-Kummissjoni.

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑31 ta’ Mejju 2016, Monsanto Europe u Monsanto Company (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Monsanto”), ressqu talba sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Ġunju 2016, Pioneer Overseas u Pioneer Hi-Bred International, Inc. (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Pioneer”) ressqu talba sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

22      Permezz ta’ digrieti tal-20 ta’ Lulju 2016, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talbiet ta’ intervent ta’ Monsanto u ta’ Pioneer.

23      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali tbiddlet, skont l‑Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali, u din il-kawża ġiet, konsegwentement, assenjata lilha.

24      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal‑proċedura u, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, talbet lill‑partijiet iwieġbu mistoqsija bil-miktub. Il-partijiet wieġbu għal din il‑miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-terminu stabbilit.

25      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fid-19 u fit‑23 ta’ Diċembru 2016 rispettivament, il-Kummissjoni u r-rikorrenti talbu li ssir trattazzjoni skont l-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Waqt is-seduta tat-22 ta’ Settembru 2017, il-Qorti Ġenerali kkonstatat in‑nuqqas mhux iġġustifikat tar-rikorrenti, li kienet ġiet debitament innotifikata, u s-seduta saret fl-assenza tagħha skont l-Artikolu 108(1) tar-Regoli tal-Proċedura. It-trattazzjoni tal-partijiet l-oħra u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt l-imsemmija seduta.

26      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali terġa’ tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura skont l-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal‑Proċedura, jew, alternattivament, tagħtiha l-possibbiltà li tissottometti t‑trattazzjoni tagħha li kienet ser tagħmel waqt is-seduta bil-miktub.

27      Peress li l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura ma kienu ssodisfatti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma terġax tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

28      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddeċiedi dwar, l-ewwel nett, jekk talba għal reviżjoni interna, li saret skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006, li tirrigwarda awtorizzazzjoni adottata skont ir-Regolament Nru 1829/2003 għandhiex tiġi limitata għall-“evalwazzjoni tar‑riskji ambjentali” skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 77), it-tieni nett, jekk ir-rikorsi ppreżentati skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1367/2006 għandhomx jiġu limitati għall-eżami minn istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea tal-“evalwazzjoni tar-riskji ambjentali” mwettqa skont id‑Direttiva 2001/18, u, it-tielet nett, x’livell ta’ stħarriġ għandu jsir mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tar-rikorsi ppreżentati skont l‑Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1367/2006;

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      Wara l-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal‑ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni dwar il-kwistjonijiet esposti fl‑ewwel inċiż tal‑punt 28 hawn fuq, ir-rikorrenti ddikjarat, fir-risposta bil-miktub tagħha, li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwarha. Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti irtirat l-ewwel talba tagħha.

30      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

31      Monsanto titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

32      Pioneer titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

33      Qabel ma jiġi eżaminat il-mertu ta’ din il-kawża, għandu jiġi osservat li, fl-att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Settembru 2017, sabiex terġa’ tinfetaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura (ara l-punt 26 hawn fuq), ir-rikorrenti talbet li tingħatalha l-possibbiltà li t-trattazzjoni li kellha tagħti fis-seduta tagħmilha bil-miktub. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-regoli tal-proċedura ma jipprevedux tali att ta’ proċedura.

34      Fir-rigward tal-mertu f’din il-kawża, insostenn tar-rikors tagħha, ir‑rikorrenti tinvoka żewġ motivi. Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li, it-talba tagħha għal reviżjoni interna taqa’, kollha kemm hi, fil‑kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006. Fl-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 10(1) tar‑Regolament Nru 1367/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(f) u (g) tal-istess regolament u mal-premessi 11 u 18 sa 21 tal-imsemmi regolament, peress li t-talba għal reviżjoni interna kienet, fil-parti l-kbira tagħha, marbuta ma’ kwistjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006. Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir‑rikorrenti tqajjem l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu l‑Kummissjoni ma adottathiex fit-termini preskritti fl‑Artikolu 10(3) tar‑Regolament Nru 1367/2006.

35      Qabelxejn, għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv. F’dan ir-rigward, ir‑rikorrenti ssostni, essenzjalment, li t-talba għal reviżjoni interna hija marbuta ma’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar‑Regolament Nru 1367/2006. Hija tikkunsidra li l-atti amministrattivi adottati skont ir-Regolament Nru 1829/2003, bħad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, jikkostitwixxu atti adottati skont il-liġi ambjentali, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006. Meta organizzazzjoni mhux governattiva titlob reviżjoni interna jew teżerċita d-dritt għal rimedju tagħha, hija ma għandhiex tkun obbligata tillimita l‑motivi li hija tinvoka għall-elementi tal-att li jikkonċernaw l‑“evalwazzjoni tar-riskji ambjentali”. Skont ir-rikorrenti, l-effett tal-organiżmi ġenetikament immodifikati fuq l-istat tas-saħħa tal-bniedem hija kwistjoni ta’ saħħa marbuta mal-istat ambjentali. Fuq kollox, il-fatt li r-Regolament Nru 1829/2003 ġie adottat abbażi tal‑Artikolu 168(4) TFUE li jirrigwarda s-saħħa pubblika ma għandux effett fuq il-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni humiex atti adottati skont il-liġi ambjentali skont l-Artikolu 10(1) tar‑Regolament Nru 1367/2006. Barra minn hekk,ir-rikorrenti ssostni li l-elementi ta’ evalwazzjoni globali tal-fażola tas-sojja inkwistjoni f’din il-kawża u l-provi relatati magħha ma humiex separabbli. Konsegwentement, is-“separazzjoni”, magħmula mill‑Kummissjoni, tal-partijiet differenti tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ organiżmu ġenetikament immodifikat f’elementi ambjentali, minn naħa waħda, u f’elementi mhux ambjentali min-naħa l-oħra, hija infondata.

36      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Monsanto u Pioneer, essenzjalment tikkunsidra li l-portata tad-dritt għal reviżjoni, previst fl-Artikolu 10 tar‑Regolament Nru 1367/2006, hija limitata għall-kwistjonijiet relatati mal-liġi ambjentali fis-sens tal-imsemmi regolament. Skont il‑Kummissjoni, is-sempliċi fatt li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni ngħataw skont ir-Regolament Nru 1829/2003 ma jagħtix dritt awtomatiku għal reviżjoni tal-aspetti kollha ta’ dawn id-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006. Għall-kuntrarju, id‑dritt li tippreżenta talba għal reviżjoni teżisti biss fir-rigward tal-aspetti li jaqgħu fil-liġi ambjentali, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(1)(f) tar‑Regolament Nru 1367/2006. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-preokkupazzjonijiet ambjentali u dawk ta’ saħħa pubblika huma separati fuq livell kunċettwali u ġuridiku u li l‑aspetti relatati mas‑saħħa pubblika tat-talba għal reviżjoni tar-rikorrenti ma jaqgħux taħt l‑Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006. B’mod iktar speċifiku, il‑Kummissjoni qabelxejn issostni li l-maġġoranza tal-argumenti mqajma fit-talba għal reviżjoni inkwistjoni jirrigwardaw is-“sigurtà tal‑ikel”, sussegwentement, li d-dispożizzjonijiet legali li fuqhom it-talba għal reviżjoni hija bbażata huma manifestament relatati ma’ aspetti tas‑saħħa pubblika u mhux mal-protezzjoni tal-ambjent u, finalment, li l‑argumenti mressqa mir-rikorrenti dwar il-valur nutrizzjonali, l‑ittikkettar u s-sigurtà tal-prodotti ġenetikament immodifikati preżenti fl-ikel u fl-għalf huma kkunsidrati bħala marbuta mas-sigurtà tal-prodotti u mhux mal-istat tal-ambjent b’mod ġenerali.

37      F’dan il-każ, il-partijiet ma jaqblux dwar il-kwistjoni jekk il‑Kummissjoni setgħetx b’mod korrett tiċħad bħala inammissibbli parti kbira mit-talba għal reviżjoni interna tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, b’mod partikolari dik imressqa mir-rikorrenti, abbażi tal-Artikolu 10 tar‑Regolament Nru 1367/2006, minħabba li l-maġġoranza tal-ilmenti mqajma f’din it-talba ma kinux jaqgħu taħt il-liġi ambjentali.

 Fuq il-portata tar-reviżjoni interna skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006

38      Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 11 tal-istess regolament għandha d-dritt li tagħmel talba għal reviżjoni interna lill‑istituzzjoni jew korp tal‑Unjoni li adotta att amministrattiv taħt il-liġi ambjentali.

39      L-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 jipprevedi li organizzazzjoni mhux governattiva li tkun għamlet it-talba għal reviżjoni interna skont l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament tista’ tiftaħ kawża quddiem il-Qorti tal-Unjoni skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat FUE.

40      L-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006 jiddefinixxi “att amministrattiv” għall-finijiet tal-imsemmi regolament bħala kwalunkwe miżura ta’ ambitu individwali taħt il-liġi ambjentali, meħuda minn xi istituzzjoni jew korp tal-Unjoni, u li għandha effetti esterni u li jorbtu legalment.

41      L-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Nru 1367/2006 jipprevedi li l-liġi ambjentali għall-finijiet tal-imsemmija regolament hija ddefinita bħala kwalunkwe dispożizzjoni legali tal-Unjoni li, irrispettivament mill-bażi legali tagħha, tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tal-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent kif stabbiliti fit-Trattat FUE: il-preżervazzjoni, il‑protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, l-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali, u l‑promozzjoni ta’ miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jiġu ttrattati problemi ambjentali reġjonali jew dinjija.

42      F’dan ir-rigward, minn naħa waħda, għandu jiġi kkonstatat li l‑Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Nru 1367/2006 jipprevedi li l‑kwistjoni dwar jekk att ġiex adottat abbażi tal-liġi ambjentali ma tiddependix mill-bażi ġuridika li fuqha d-dispożizzjoni legali inkwistjoni ġiet adottata.

43      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Nru 1367/2006 jipprevedi li l-kunċett ta’ “liġi ambjentali”, għall-finijiet tal-imsemmi regolament, ikopri kwalunkwe dispożizzjoni legali tal-Unjoni li tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent. F’dan il-kuntest, huwa essenzjalment jelenka l-għanijiet tal-Unjoni fil‑qasam tal-ambjent kif stabbiliti fl-Artikolu 191(1) TFUE: il‑preżervazzjoni, il‑protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, il‑protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, l-użu prudenti u razzjonali ta’ riżorsi naturali, u l-promozzjoni fil-livell internazzjonali ta’ miżuri sabiex jiġu trattati problemi ambjentali reġjonali jew dinjija.

44      Mill-kliem tal-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Nru 1367/2006 jirriżulta li, billi rrefera għall-għanijiet elenkati fl-Artikolu 191(1) TFUE, il‑leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti lill-kunċett tal-“liġi ambjentali”, imsemmi fir-Regolament Nru 1367/2006, sinjifikat wiesa’, li ma huwiex limitat għal kwistjonijiet marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent naturali fis-sens ristrett.

45      Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija kkonfermata bl‑Artikolu 192(2) TFUE li jipprevedi li l-liġi ambjentali, kif imsemmija fit-Titolu XX tat-TFUE, tista’ tinkludi wkoll dispożizzjonijiet essenzjalment ta’ natura fiskali, miżuri li jaffettwaw l-ippjannar tal-art, l-immaniġġjar kwantitattiv tar-riżorsi tal-ilma (jew dak kollu li jaffettwa, direttament jew indirettament, id-disponibbiltà ta’ dawn ir-riżorsi) u l‑użu tal-art, kif ukoll miżuri li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal‑provvista tal-enerġija. Interpretazzjoni ristretta tal-kunċett tal-“liġi ambjentali” ikollha l-effett li tali dispożizzjonijiet u miżuri ma jaqgħux, fil-parti l-kbira tagħhom, taħt dan il-qasam.

46      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi osservat li l-Artikolu 2(2) tar‑Regolament Nru 1367/2006 jipprevedi li l-atti u l-ommissjonijiet amministrattivi ma għandhomx jinkludu miżuri meħuda jew ommissjonijiet minn xi istituzzjoni jew korp tal-Unjoni fil-kapaċità tagħhom bħala korpi amministrattivi ta’ reviżjoni, b’mod partikolari taħt l-Artikoli 101, 102, 106, 107, 228, 258, 260 u 325 TFUE li jirrigwardaw ir-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-proċeduri tal-Ombudsman Ewropew u l-proċeduri li jirrigwardaw il-ġlieda kontra l-frodi. Il-fatt li l-leġiżlatur ikkunsidra bħala neċessarju li jinkludi tali eċċezzjonijiet jindika wkoll li l-kunċett tal-“liġi ambjentali”, kopert bir-Regolament Nru 1367/2006, għandu jiġi interpretat, bħala regola, b’mod wiesa’ ferm.

47      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, fil-kuntest tar-reviżjoni interna tagħha, il-Kummissjoni kinitx obbligata teżamina biss kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-liġi ambjentali, hemm lok li jiġi kkonstatat li l‑Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 jipprevedi li organizzazzjoni mhux governattiva, li tissodisfa l-kriterji previsti fl‑Artikolu 11 tal-istess regolament, tista’ tressaq talba għal reviżjoni interna fil-konfront ta’ att amministrattiv adottat taħt il-liġi ambjentali. Il‑kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jipprevedi l-ebda limitazzjoni tal‑portata tar-reviżjoni interna għall-kwistjonijiet li jikkonċernaw l‑ambjent.

48      Madankollu, fil-premessa 18 tar-Regolament Nru 1367/2006, il‑leġiżlatur spjega li, bħall-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il‑parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall‑ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 (ĠU 2006, L 164M, p. 17) u b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, l-imsemmi regolament huwa intiż sabiex joħloq il-possibbiltà li jinbdew proċeduri sabiex jiġu kkontestati l-atti kuntrarji għal-liġi ambjentali. Barra minn hekk, mit-titolu tar-Regolament Nru 1367/2006 kif ukoll mill-premessa 5 tal-imsemmi regolament, jirriżulta li r-Regolament Nru 1367/2006 jirrigwarda biss l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal‑pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali.

49      Għalhekk il-portata tal-obbligu sabiex issir reviżjoni interna skont l‑Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006 għandha tiġi interpretata b’tali mod li l-Kummissjoni tkun obbligata teżamina talba għal reviżjoni interna biss jekk min jagħmel it-talba għal reviżjoni jkun sostna li l-att amministrattiv inkwistjoni kien jikser il-liġi ambjentali skont ir‑Regolament Nru 1367/2006.

50      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat, minn naħa waħda, jekk id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni kinux atti adottati taħt il-liġi ambjentali skont ir-Regolament Nru 1367/2006 u, min-naħa l-oħra, jekk l-argumenti tar-rikorrenti mqajma fil-kuntest tat‑talba tagħha għal reviżjoni interna kinux jaqgħu f’dan il-qasam.

 Fuq ir-Regolament Nru 1829/2003

51      It-talba għal reviżjoni interna mressqa mir-rikorrenti kienet tirrigwarda r-reviżjoni interna tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, adottati mill‑Kummissjoni skont l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 19(3) tar‑Regolament Nru 1829/2003.

52      Ir-Regolament Nru 1829/2003 isemmi, bħala l-bażi legali tiegħu, l‑Artikoli 37 u 95 KE u l-Artikolu 152(4)(b) KE, dispożizzjonijiet li għall-finijiet ta’ din il-kawża, jikkorrispondu mal-Artikoli 43 u 114 TFUE u mal-Artikolu 168(4)(b) TFUE u li jikkonċernaw l-oqsma tal-agrikoltura, l-approssimazzjoni tal-liġijiet u s-saħħa pubblika.

53      Skont l-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1829/2003, dan ir-regolament għandu l-għan li jistabbilixxi, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti bir‑Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l‑ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is‑Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l‑ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463), il‑bażi biex jiġi żgurat, fir-rigward ta’ ikel u għalf ġenetikament immodifikati, livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, tal-benesseri tal-annimali, tal-ambjent u tal-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern.

54      Barra minn hekk, il-premessa 1 tar-Regolament Nru 1829/2003 jipprevedi li l-moviment liberu ta’ ikel u għalf sustanzjuż u sigur hu aspett essenzjali tas-suq intern u jikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għas‑saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini, u għall-interessi tagħhom soċjali u ekonomiċi. Il-premessi 2 u 43 tar-Regolament Nru 1829/2003 jipprevedu li għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja u s-saħħa tal‑bniedem, tas-saħħa u l-benesseri tal-annimali, tal-ambjent u tal‑interessi tal-konsumatur fir-rigward tal-ikel u għalf ġenetikament immodifikati, fl-attwazzjoni tal-politika tal-Unjoni. Skont il-premessa 3 tar-Regolament Nru 1829/2003, l-ikel u l-għalf ġenetikament immodifikati għandhom jgħaddu minn verifika ta’ sigurtà, sabiex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, qabel ma jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni.

55      L-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1829/2003 jirrikjedi awtorizzazzjoni sabiex organiżmu ġenetikament immodifikat maħsub bħala ikel jew ikel ġenetikament immodifikat jitpoġġa fis-suq. Skont l‑Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1829/2003, tali awtorizzazzjoni ma tingħatax jekk ma jintweriex, adegwatament u suffiċjentement, li l‑organiżmu ġenetikament immodifikat inkwistjoni jew l-ikel inkwistjoni jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tal-istess regolament.

56      L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1829/2003 jelenka b’mod kumulattiv ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, l-ikel inkwistjoni ma għandux:

“a)      ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa umana, is-saħħa ta’ l-annimali jew l-ambjent;

b)      iqarraq bil-konsumatur;

c)      ikun differenti mill-ikel li hu intenzjonat li jissostitwixxi sal-punt li l-konsum tiegħu normali jkun ta’ svantaġġ għall-konsumatur fuq il‑pjan tan-nutriment”.

57      Barra minn hekk, l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1829/2003 jirrikjedi awtorizzazzjoni sabiex għalf ġenetikament immodifikat jitqiegħed fis-suq, jintuża jew jiġi pproċessat. Skont l-Artikolu 16(3) tar‑Regolament Nru 1829/2003, tali awtorizzazzjoni ma tingħatax jekk ma jintweriex, adegwatament u suffiċjentement, li l-ikel inkwistjoni jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 16(1) tal-istess regolament.

58      L-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1829/2003 jelenka b’mod kumulattiv ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, l-għalf inkwistjoni ma għandux:

“a)      ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa umana, is-saħħa ta’ l-annimali jew l-ambjent;

b)      iqarraq bl-utent;

ċ)      jagħmel ħsara lil jew iqarraq bil-konsumatur billi jimmodifika negattivament il-karatteristiċi distintivi tal-prodotti mill-annimali;

d)      ikun differenti minn għalf li hu maħsub li jissostitwixxi sal-punt li l-konsum normali tiegħu jkun ta’ żvantaġġ fin-nutriment għall‑annimali jew il-bnedmin”.

59      Barra minn hekk, il-premessa 9 tar-Regolament Nru 1829/2003 tipprevedi li l-proċedura għall-awtorizzazzjoni ta’ ikel u għalf ġenetikament immodifikati għandha tagħmel użu mill-qafas għal evalwazzjoni tar-riskji fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel stabbilit bir‑Regolament Nru 178/2002 u li t-tqegħid fis-suq ta’ ikel u għalf ġenetikament immodifikat għandu jiġi awtorizzat biss wara evalwazzjoni xjentifika, tal-ogħla standards possibbli, tar-riskji li fihom għas-saħħa tal‑bniedem u tal-annimali u, jekk ikun il-każ, għall-ambjent.

60      Wara li tirċievi l-opinjoni tal-EFSA, il-Kummissjoni għandha tadotta, skont id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 7 u 19 tar-Regolament Nru 1829/2003, deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni għall‑awtorizzazzjoni. F’dan il-kuntest, hija għandha tikkunsidra l-opinjoni tal-EFSA, kull dispożizzjoni rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u fatturi oħra leġittimi rilevanti għall-kwistjoni li qed tiġi kkunsidrata.

 Fuq il-kwistjoni dwar sa fejn id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni jistgħu jkunu s-suġġett ta’ reviżjoni interna skont l-Artikolu 10 tarRegolament Nru 1367/2006

61      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni kinux atti adottati taħt il-liġi ambjentali skont ir‑Regolament Nru 1367/2006, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa waħda, li mill-premessi u d-dispożizzjonijiet imfakkra fil-punti 53, 54, 56, 58 u 59 hawn fuq jirriżulta li deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, bħal dawk li huma s-suġġett tat-talba għal reviżjoni interna tar-rikorrenti, hija att li taqa’, fost l-oħrajn, fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent. Min-naħa l‑oħra jirriżulta li l-għan tal-Artikoli 4, 7, 16 u 19 tar-Regolament Nru 1829/2003 huwa li jirregola l-interventi tal-bniedem li jaffettwaw l-ambjent minħabba l-preżenza ta’ organiżmi ġenetikament immodifikati li jista’ jkollhom konsegwenzi għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li ma hemmx dubju li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni jikkostitwixxu atti adottati skont il-liġi ambjentali skont l‑Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Nru 1367/2006.

62      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-argumenti tar‑rikorrenti mqajma fil-kuntest tat-talba tagħha għal reviżjoni interna kinux jaqgħu fil-qasam tal-liġi ambjentali skont ir-Regolament Nru 1367/2006, mill-konstatazzjoni magħmula fil-punt 49 hawn fuq jirriżulta li, ċertament, f’din il-kawża, il-Kummissjoni kienet obbligata teżamina t-talba għal reviżjoni mressqa mir-rikorrenti biss inkwantu r‑rikorrenti kienet sostniet li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni kienu jiksru l-liġi ambjentali skont ir-Regolament Nru 1367/2006.

63      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-portata tal-kunċett ta’ “liġi ambjentali” ma huwiex ristrett daqskemm issostni l-Kummissjoni fid‑deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li r-Regolament Nru 1829/2003, skont il-Kummissjoni, jagħmel distinzjoni bejn l‑evalwazzjoni dwar is-sigurtà tal-ikel u tal-għalf ikkonċernat u l‑evalwazzjoni tar-riskji ambjentali, inkluż ir-riskji tas-saħħa marbuta mal-preżenza tagħhom fl-ambjent, ma jistax jikkontesta l-konstatazzjoni li l-ilmenti magħmula fit-talba għal reviżjoni li l-Kummissjoni ċaħdet fid‑deċiżjoni kkontestata, minħabba li ma jaqgħux fil-qasam tal-liġi ambjentali, effettivament jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006.

64      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, korrettament, li r-Regolament Nru 1829/2003 jirrigwarda s-saħħa pubblika mill-perspettiva tas-sigurtà tal-ikel, iżda li jinkludi wkoll l-eventwali effetti ambjentali tal-prodotti ġenetikament immodifikati użati fl-ikel u fl-għalf. Barra minn hekk, il‑Kummissjoni taċċetta li d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw id-dritt li tikkoltiva organiżmi ġenetikament immodifikati fl-Istati Membri jistgħu, mid-definizzjoni tagħhom stess, ikunu marbuta iktar mal-ambjent, u li l-awtorizzazzjonijiet li jirrigwardaw id-dritt li jintużaw prodotti ġenetikament immodifikati importati bħala ikel u għalf jew fil‑kompożizzjoni tagħhom, jista’ wkoll ikollhom effett fuq l-ambjent skont, pereżempju, il-mod li bih jiġu pproċessati jew f’każ ta’ rilaxx fl‑ambjent matul l-ipproċessar tagħhom. Madankollu, skont il‑Kummissjoni, l-argumenti magħmula mir-rikorrenti dwar il-valur nutrizzjonali, l-ittikkettar u s-sigurtà tal-prodotti ġenetikament immodifikati, preżenti fl-ikel u fl-għalf, li hija ddikjarat bħala inammissibbli fid-deċiżjoni kkontestata, huma marbuta mas-sigurtà tal‑prodotti u mhux mal-istat tal-ambjent.

65      Issa, skont ir-raġunament tal-Kummissjoni, l-effetti tal-organiżmi ġenetikament immodifikati fuq is-saħħa pubblika u fuq il-protezzjoni tal‑annimali, bħall-effetti potenzjali fuq il-valur nutrizzjonali, jaqgħu fil‑liġi ambjentali, f’każ li l-kultivazzjoni tkun seħħet fl-Unjoni. Għall‑kuntrarju, jekk il-kultivazzjoni tkun saret barra l-Unjoni, dawn il‑konsegwenzi ma jaqgħux fil-qasam tal-liġi ambjentali. Tali differenza hija artifiċjali u tirriskja li ttellef l-effettività tal-Artikolu 10 tar‑Regolament Nru 1367/2006.

66      Qabelxejn, l-Artikolu 4(1)(a) u l-Artikolu 16(1)(a) tar-Regolament Nru 1829/2003 jipprevedu li l-ikel u l-għalf inkwistjoni ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni jekk għandhom effetti negattivi, b’mod partikolari fuq l-ambjent. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex limitati biss, skont il-kliem tagħhom, għall-protezzjoni tal-ambjent naturali fl-Unjoni. Għalhekk, l‑evalwazzjoni tar-riskji minħabba eventwali rilaxx tal-organiżmi ġenetikament immodifikati fl-ambjent naturali tal-Unjoni hija biss aspett partikolari tal-eżami tar-riskji ambjentali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni skont ir-Regolament Nru 1829/2003.

67      Sussegwentement, kollox juri li qabel ma jkun possibbli li jiġu pproċessati organiżmi ġenetikament immodifikati f’ikel jew għalf, huwa neċessarju li jiġu kkultivati. Għandu jiġi osservat li, meta jkunu qed jiġu kkultivati, bħala regola, l-organiżmi ġenetikament immodifikati jagħmlu parti mill-ambjent naturali u għalhekk jikkostitwixxu b’mod regolari parti mill-ambjent. Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija kkonfermata wkoll bl-Artikolu 2(1)(d)(i) tar-Regolament Nru 1367/2006 li jiddefinixxi l-espressjoni “informazzjoni dwar l-ambjent” skont l‑imsemmi regolament u li jinkludi l-organiżmi ġenetikament immodifikati bħala wieħed mill-elementi tal-ambjent. B’hekk, peress li l‑organiżmi ġenetikament immodifikati jikkostitwixxu b’mod regolari element tal-ambjent, mill-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Nru 1367/2006 jirriżulta li d-dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jirregolaw l-effetti, fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali, tal‑organiżmi ġenetikament immodifikati, ukoll jaqgħu fil-qasam tal-ambjent (ara l-punt 43 hawn fuq).

68      Finalment, mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 53, 54, 56, 58 u 59 hawn fuq jirriżulta li deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, bħal dawk li huma s‑suġġett tat-talba għal reviżjoni interna tar-rikorrenti, hija att li jaqa’ fil‑qasam tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-benesseri tal-annimali. Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-annimali li jieklu għalf imsemmi fid‑deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni għandhom fihom infushom, f’kundizzjonijiet normali jew realistiċi ta’ użu tal-ikel ikkonċernat, jikkorrispondu ma’ dawk li għalihom ingħatat l-awtorizzazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Il-Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe, C‑673/13 P, EU:C:2016:889, punt 79), jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu element tal-ambjent minħabba l-fatt li ma jistax jiġi eskluż li dawn ser jirrelataw mal-ambjent jew ser jifformaw parti mill-ambjent. Il-liġi li tirrigwarda l-protezzjoni ta’ dawn l‑annimali, bħall-Kapitoli I, III u IV tar-Regolament Nru 1829/2003, hija għalhekk kompletament parti mil‑liġi ambjentali, imsemmija fl‑Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006. Jista’ jiġi konkluż mod ieħor biss f’każ li jista’ jiġi effettivament eskluż li annimal li jiekol l-għalf inkwistjoni jkollu kuntatt mal-popolazzjoni u mal‑ambjent, jew bil-preżenza tiegħu, jew bl‑eskrezzjonijiet tiegħu, jew bir-residwi tiegħu, minħabba li jkun kompletament iżolat, xi ħaġa li l-Kummissjoni ma ppruvatx f’dan il-każ.

69      Minn dan isegwi li l-liġi ambjentali, fis-sens tar-Regolament Nru 1367/2006, tkopri, f’dan il-każ, kull dispożizzjoni leġiżlattiva tal‑Unjoni, li tirrigwarda r-regolamentazzjoni tal-organiżmi ġenetikament immodifikati, li għandha l-għan li tiġġestixxi r-riskju għas‑saħħa tal-bniedem jew tal-annimal, li joriġina minn dawn l‑organiżmi ġenetikament immodifikati jew minn fatturi ambjentali li jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq l-imsemmija organiżmi waqt il‑kultivazzjoni jew it-trobbija tagħhom fl-ambjent naturali. Din il‑konstatazzjoni tapplika wkoll għas-sitwazzjonijiet li fihom l-organiżmi ġenetikament immodifikati ma ġewx ikkultivati fl-Unjoni.

70      F’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega li l‑ilmenti mqajma fit-talba għal reviżjoni, esposti fil-punt 14 hawn fuq, jirreferu għall-effetti tal-konsum tal-organiżmi ġenetikament immodifikati fuq is-saħħa. Għalhekk, ma jistgħux jiġu evalwati fil‑kuntest tal‑Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006. B’mod iktar speċifiku, il-Kummissjoni ssostni, qabelxejn, li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni jippermettu l-importazzjoni tal-fażola tas-sojja inkwistjoni għall-użi fl-ikel u fl-għalf, iżda jeskludu l-użu tagħhom għall‑finijiet ta’ kultivazzjoni. Skont il-Kummissjoni, għandha ssir distinzjoni bejn l-evalwazzjoni tas-sigurtà, li tirrigwarda b’mod partikolari t-tossiċità, l‑allerġenità kif ukoll in-nutrizzjoni, u l‑evalwazzjoni tar-riskji ambjentali. Sussegwentement, il-Kummissjoni tispjega li l-argumenti tar-rikorrenti mqajma fit-talba għal reviżjoni li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ gwida mill-EFSA fir-rigward tas-sigurtà u l‑eżami nutrizzjonali tal-pjanta ġenetikament immodifikata huma relatati mal-effetti fuq is-saħħa tal-konsum ta’ ikel u ta’ għalf ġenetikament immodifikati. Il-Kummissjoni żżid li l-evalwazzjoni nutrizzjonali hija wieħed mill-“oqsma ta’ riskju” li huwa kkunsidrat fl‑eżami tal-effetti fuq is-saħħa li jirriżultaw mill-konsum tal-ikel u tal‑għalf ġenetikament immodifikati, iżda li ma hijiex parti mill‑evalwazzjoni tar-riskji ambjentali minħabba rilaxx potenzjali fl‑ambjent. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ittikkettar tal-ikel inkwistjoni jirrigwarda l-karatteristiċi tal-imsemmi ikel li jingħata lill-konsumaturi finali sabiex jiġi kkunsmat u li dan l-ittikkettar ma huwiex relatat mal-evalwazzjoni tar-riskji ambjentali. Finalment, il‑Kummissjoni ssostni li t-tliet argumenti l-oħra tar-rikorrenti, jiġifieri, in‑nuqqas ta’ monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq, in-nuqqas ta’ eżami tar‑residwi ta’ erbiċidi fl-ikel u fl-għalf inkwistjoni u r-rilevanza ta’ studju li jirrigwarda l-effetti mhux mixtieqa tal-konsum ta’ pjanti affettwati b’interferenza tal-aċidi ribonuklejki fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali, ma humiex relatati mal-evalwazzjoni tar-riskji ambjentali. Konsegwentement, dawn l-argumenti ma jistgħux jiġu eżaminati fil-kuntest tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006 (ara l-punt 17 hawn fuq).

71      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet esposti fid-deċiżjoni kkontestata li, minn naħa waħda, l-argumenti tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ gwida mill-EFSA f’dak li jirrigwarda l-effetti fuq is-sigurtà u s-saħħa tal-pjanta ġenetikament immodifikata, li l-kontenut nutrizzjonali tagħha ġie mibdul b’mod sinjifikattiv, għandhom effett fuq is-saħħa minħabba l-konsum ta’ ikel u għalf ġenetikament immodifikati u, min‑naħa l-oħra, li l-evalwazzjoni nutrizzjonali ma kinitx parti mill‑evalwazzjoni tar-riskji ambjentali fir-rigward tar-rilaxx potenzjali fl‑ambjent, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni kienu jimplimentaw dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1829/2003 li kienu jikkontribwixxu għall-protezzjoni, b’mod partikolari, tal-protezzjoni tas-saħħa tal‑bniedem u tal-annimali fl-Unjoni u li r-riskju għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali identifikat, jiġifieri l-eventwali bdil tal-kontenut nutrizzjonali, kien joriġina mill-organiżmi ġenetikament immodifikati inkwistjoni. Skont dak li ġie kkonstatat fil-punt 69 hawn fuq, jirriżulta li l-ilmenti li l-Kummissjoni ċaħdet bl-argumenti hawn fuq imsemmija jaqgħu kompletament fil-qasam tal-liġi ambjentali fis-sens tar‑Regolament Nru 1367/2006.

72      Fir-rigward tal-argument, imqajjem fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ilmenti tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ eżami tar-residwi ta’ erbiċidi fl-ikel u fl-għalf inkwistjoni kif ukoll dwar ir-rilevanza ta’ studju li jikkonċerna s-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali ma humiex relatati mal-evalwazzjoni tar‑riskji ambjentali, hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn l-ilmenti jallegaw ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1829/2003, li l‑għan tiegħu huwa l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali fl‑Unjoni kontra r-riskji li joriġinaw mill-organiżmi ġenetikament immodifikati kkonċernati. Skont il-konstatazzjoni li saret fil-punt 69 hawn fuq, jirriżulta li l-ilmenti li l-Kummissjoni ċaħdet b’dawn l‑argumenti wkoll jaqgħu fil-qasam tal-liġi ambjentali skont ir-Regolament Nru 1367/2006.

73      Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li l‑argumenti mqajma fil-kuntest tat-talba għal reviżjoni li tirrigwarda l‑ittikkettar ma humiex relatati mal-evalwazzjoni tar-riskji ambjentali, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-premessi 20 u 22 tar-Regolament Nru 1829/2003, ir-rekwiżiti tal-ittikkettar tal-għalf ġenetikament immodifikat għandhom bħala għan li jagħtu lill-utenti finali, b’mod partikolari lil min irabbi l-bhejjem, informazzjoni preċiża dwar il‑kompożizzjoni u l-kwalitajiet tal-għalf, li tippermetti lill-utenti jagħmlu għażliet informati. B’hekk, it-tikketta għandha tagħti informazzjoni dwar kull karatteristika jew kwalità li tagħmel ikel jew għalf differenti mill-kontroparti konvenzjonali tiegħu f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kompożizzjoni, il-valur nutrizzjonali jew l-effetti nutrizzjonali, l-użu maħsub tal-ikel jew tal-għalf u l-effetti fuq is-saħħa ta’ ċerti kategoriji ta’ popolazzjoni. Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, l‑ittikkettar adegwat ta’ ikel u ta’ għalf ġenetikament immodifikati jikkostitwixxi element inċidentali, indispensabbli għall‑implimentazzjoni korretta tar-riżultati tal-evalwazzjoni li jirrigwardaw, b’mod partikolari, is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali. Għalhekk, hija l-Kummissjoni li kellha teżamina, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006, l-ilment tar-rikorrenti dwar it-tikketta relatata mal-kompożizzjoni tal-ikel u tal-għalf ikkonċernat.

74      Fir-rigward tal-konstatazzjoni li saret mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-allegat nuqqas ta’ monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq ma huwiex relatat mal-evalwazzjoni tar-riskji ambjentali, huwa suffiċjenti li jitfakkar li l-ewwel sentenza tal-premessa 35 tar-Regolament Nru 1829/2003 tispjega li hemm lok li jiġi stabbilit, skont il-ħtieġa, u abbażi tal‑konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tar-riskji, rekwiżiti ta’ monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq li jikkonċernaw l-użu tal-ikel ġenetikament immodifikat, intiż għall-konsum mill-bniedem, u l-użu ta’ ikel ġenetikament immodifikat, intiż għall-konsum mill-annimali. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li pjan ta’ monitoraġġ għandu l-għan, b’mod partikolari, li jiżgura li ma jkun hemm l-ebda riskju għas-saħħa tal‑bniedem u tal-annimali mill-ikel u l-għalf ikkonċernati wara l‑awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tagħhom jew li l-effetti detrimentali li jirriżultaw minnhom jibqgħu limitati. Il-monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq tal-prodotti awtorizzati huwa għalhekk miżura kumplimentari għall-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-suq.

75      F’dan ir-rigward, huwa korrett li l-Kummissjoni ssostni, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rekwiżiti ta’ monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq għandhom bħala għan il-ġbir ta’ informazzjoni dwar il-konsum tal-ikel ġenetikament immodifikat. Barra minn hekk, għandu jiżdied li l‑imsemmi monitoraġġ jirrigwarda wkoll il-konsum tal-għalf għall‑annimali li huma stess jiffurmaw parti mill-ambjent.

76      Minn dan isegwi li t-tħassib għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, fir‑rigward tan-nuqqas ta’ monitoraġġ xieraq f’dan il-każ, jaqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006.

77      Għalhekk, huwa żbaljat li l-Kummissjoni kkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-argumenti esposti fil-punt 70 hawn fuq ma setgħux jiġu eżaminati fil-kuntest tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006. Din il-konstatazzjoni ma ġietx ikkontestata mill-argumenti l-oħra mqajma mill-Kummissjoni u mill-partijiet intervenjenti.

78      L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li l-enfasi tat‑talba għal reviżjoni kienet, fir-rigward tal-aspetti li hija kkunsidrat inammissibli, dwar is-sigurtà tal-organiżmi ġenetikament immodifikati inkwistjoni għal użu fl-ikel u fl-għalf, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 1367/2006 ma jipprovdix li talba għal reviżjoni għandha essenzjalment ikollha enfasi fuq kwistjoni li taqa’ fil-liġi ambjentali (ara, f’dan is-sens, u b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2016, Il-Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe, C‑673/13 P, EU:C:2016:889, punti 77 u 78). Kif ġie kkonstatat fil-punti 49 u 62 hawn fuq, fil-kuntest ta’ reviżjoni interna, il‑Kummissjoni hija obbligata teżamina kull argument li bih min talab ir‑reviżjoni sostna li l-att amministrattiv inkwistjoni kien jikser il-liġi ambjentali skont ir-Regolament Nru 1367/2006, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-għan ġuridiku prinċipali tal-argument eżaminat ikun kwistjoni li taqa’ fil-liġi ambjentali.

79      It-tieni nett, kif ġie spjegat fil-punti 63 sa 69 hawn fuq, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li l-fatt li r-Regolament Nru 1829/2003 jagħmel distinzjoni bejn l-evalwazzjoni tas-sigurtà tal‑ikel u tal-għalf ikkonċernat u l-evalwazzjoni tar-riskji ambjentali huwa rilevanti sabiex jiġi eżaminat jekk talba għal reviżjoni taqax fil‑kamp ta’ applikazzjoni tar‑Regolament Nru 1367/2006.

80      Sa fejn il-Kummissjoni f’dan il-kuntest tinvoka l-fatt li l-premessa 33 tar‑Regolament Nru 1829/2003 tagħmel distinzjoni bejn l-evalwazzjoni tar-riskji ambjentali u l-evalwazzjoni tas-sigurtà, għandu jiġi osservat li l-imsemmija premessa tipprevedi li, meta applikazzjoni għall‑awtorizzazzjoni skont ir-Regolament Nru 1829/2003 tirrigwarda prodotti li fihom organiżmi ġenetikament immodifikati jew magħmula minn tali organiżmi, min jagħmel it-talba jista’ jagħżel li jippreżenta awtorizzazzjoni ta’ rilaxx volontarju fl-ambjent, diġà miksub skont il‑Parti C tad-Direttiva 2001/18, jew li jitlob, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni skont ir-Regolament Nru 1829/2003, li l-evalwazzjoni tar-riskji ambjentali ssir fl-istess ħin bħall-evalwazzjoni tas-sigurtà. Minn din il-konstatazzjoni jirriżulta li evalwazzjoni tal-effetti ta’ rilaxx volontarju fl-ambjent tista’ ssir fil-kuntest ta’ proċedura bbażata fuq id‑Direttiva 2001/18 jew, alternattivament, fil-kuntest ta’ proċedura skont ir-Regolament Nru 1829/2003. Madankollu, filwaqt li l-premessa 33 tar‑Regolament Nru 1829/2003 tirrigwarda l-kwistjoni dwar taħt liema kundizzjonijiet tista’ ssir evalwazzjoni tal-effetti ta’ rilaxx volontarju fl‑ambjent fil-kuntest ta’ proċedura skont ir-Regolament Nru 1829/2003, ma għandha l-ebda rilevanza fuq il-kwistjoni dwar jekk l-ilmenti magħmula fil-kuntest ta’ talba għal reviżjoni interna skont ir-Regolament Nru 1367/2006 jaqgħux fil-liġi ambjentali skont dan l-aħħar regolament.

81      Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tal-Kummissjoni li mill-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament Nru 1829/2003 isegwi li, filwaqt li l‑prodotti kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir‑regolament għandhom ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni dwar is-sigurtà tagħhom, huma biss l-organiżmi ġenetikament immodifikati jew l-ikel u l-għalf li fihom l-organiżmi ġenetikament immodifikati jew li jikkonsistu f’tali organiżmi huma suġġetti għal evalwazzjoni tar-riskji ambjentali, filwaqt li l-ikel u l-għalf prodotti mill-organiżmi ġenetikament immodifikati ma humiex suġġetti għal dak ir-rekwiżit. Fil-fatt, għandu jitfakkar li huwa neċessarju li r-rekwiżiti mitluba fl-Artikolu 4(1) tar‑Regolament Nru 1829/2003 u fl-Artikolu 16(1) ta’ dan l-istess regolament (ara l‑punti 56 u 58 hawn fuq) jiġu ssodisfatti sabiex jiġi awtorizzat it-tqegħid fis-suq. Għall-kuntrarju, mill-kliem tal-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament Nru 1829/2003 jirriżulta li dawn jikkonċernaw biss il-proċedura għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni u l-formalitajiet relatati magħha. Dawn l-artikoli għalhekk la jirrigwardaw il-kundizzjonijiet u lanqas il-portata tal-eżami dwar il-mertu ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni.

82      Sa fejn il-Kummissjoni ssostni li, fil-kuntest tal-Artikolu 2(1)(d)(i) tar‑Regolament Nru 1367/2006 li jirrigwarda d-definizzjoni tal‑espressjoni “informazzjoni dwar l-ambjent”, ir-riferiment għall‑organiżmi ġenetikament immodifikati hija magħmula fil-kuntest tad-diversità bijoloġika, li tirrigwarda preċiżament sitwazzjoni li fiha l‑kwistjonijiet ta’ saħħa pubblika jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jirrivelaw l-istat ta’ ċerti elementi ambjentali, għandu jiġi kkonstatat li l‑imsemmija dispożizzjoni tirreferi għall-organiżmi ġenetikament immodifikati bħala elementi ambjentali. Dan jikkonferma l‑konstatazzjoni, magħmula fil-punt 67 hawn fuq, li l-organiżmi ġenetikament immodifikati jikkostitwixxu elementi ambjentali. Fi kwalunkwe każ, anki jekk l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tiġi kkonfermata, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(1)(d)(i) tar-Regolament Nru 1367/2006 fih biss lista mhux eżawrjenti ta’ ċerti elementi tipiċi tal‑ambjent, iżda ma jeskludix li l-organiżmi ġenetikament immodifikati jistgħu jikkostitwixxu elementi ambjentali.

83      It-tielet nett, il-Kummissjoni, sostnuta minn Monsanto, issostni li l‑kunsiderazzjonijiet relatati mas-saħħa pubblika jistgħu jkunu l-effett u l-konsegwenza tal-protezzjoni tal-ambjent, iżda li r-riferimenti għas‑saħħa pubblika, magħmula fid-dispożizzjonijiet relatati mal‑ambjent, ma għandhomx l-għan li jinkludu b’mod komplet il-qasam tas-saħħa pubblika fil-qasam tal-liġi ambjentali. Skont il-Kummissjoni, l-elementi tat-talba għal reviżjoni inkwistjoni la jiżvelaw u lanqas huma konnessi mal-istat tal-elementi ambjentali u għalhekk lanqas jaqgħu fl‑Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006.

84      F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 43 hawn fuq, il-protezzjoni tas‑saħħa tal-persuni hija waħda mill-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil‑qasam ambjentali (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gowan Comércio Internacional e Serviços, C‑77/09, EU:C:2010:803, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kif il‑Kummissjoni korrettament sostniet, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006 ma għandux l-għan li jinkorpora b’mod komplet il-qasam tas-saħħa pubblika fil-qasam tal-liġi ambjentali.

85      Issa, għandu jiġi kkonstatat, kif ġie espost fil-punti 49 u 62 hawn fuq, li t-talba għal reviżjoni interna ma hijiex ammissibbli, f’dan il-każ, ħlief sa fejn hija ssostni li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni kienu jmorru kontra l-liġi ambjentali skont ir-Regolament Nru 1367/2006. L-Artikolu 4(1)(a) u l‑Artikolu 16(1)(a) tar-Regolament Nru 1829/2003 jipprevedu li l-ikel u l-għalf ikkonċernati ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq jekk għandhom effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali jew fuq l‑ambjent. Il-fażola tas-sojja 305423, MON 87769 u MON 87705 kienu jikkostitwixxu, waqt il-kultivazzjoni tagħhom, elementi mmodifikati bl‑intervent tal-bniedem li jinterraġixxu mal-ambjent naturali. B’hekk, il‑modifiki ġenetiċi ta’ dawn l-elementi ambjentali seta’ jkollhom konsegwenzi fuq il-valur nutrizzjonali tagħhom jew jippreżentaw riskju għas-sigurtà tal-ikel u għalhekk kienu jikkostitwixxu kwistjonijiet li jaqgħu fil‑liġi ambjentali skont ir-Regolament Nru 1367/2006.

86      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat (ara l-punt 68 hawn fuq) li l-għalf, li jifforma wkoll parti mis-suġġett tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, jista’ jiġi kkonsmat minn annimali li jinterraġixxu mal-ambjent jew li jagħmlu parti minnu. Għalhekk, dawn l-annimali stess huma wkoll elementi tal-ambjent u l-effetti tal-valur nutrizzjonali tagħhom bħala riżultat tal-għalf ikkonċernat jew mill-fatt li jistgħu jiksru r-rekwiżiti tas‑sigurtà tal-ikel huma għalhekk kwistjonijiet tal-liġi ambjentali skont ir-Regolament Nru 1367/2006.

87      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li s-sempliċi fatt li l-ikel jew l-għalf ikkonċernati kellhom trattament bijoloġiku jew tekniku fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom ma jfissirx li s-sigurtà tal-prodotti inkwistjoni jista’ jkollha effett fuq l-istat tal-ambjent, huwa suffiċjenti li jitfakkar li l-liġi ambjentali skont ir-Regolament Nru 1367/2006, inkwistjoni f’din il-kawża, ma hijiex limitata biss għall-istat tal-ambjent naturali fl-Unjoni u li dan l-argument, barra minn hekk, jinjora l-fatt li l‑annimali li jikkonsmaw l-ikel ikkonċernat huma affettwati minnu.

88      Il-ħames nett, sa fejn il-Kummissjoni tinvoka, f’din il-kawża, ir-rilevanza tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, din id-dispożizzjoni, li fuqha huwa bbażat l‑Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, ma tistax tiġi invokata sabiex tiġi evalwata l-legalità ta’ dan tal-aħħar (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2015, Il-Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, C‑401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2015:4, punt 61).

89      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, billi jiġi kkonstatat li l-maġġoranza tal-ilmenti mqajma mir-rikorrenti fil‑kuntest tat-talba tagħha għal reviżjoni interna ma kinux jaqgħu taħt il-liġi ambjentali, il-Kummissjoni kkommettiet żball ta’ liġi. Għalhekk, l‑ewwel motiv għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata kollha kemm hi, mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat it-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

90      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet il-kawża, għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha u tar-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

91      Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, Monsanto u Pioneer għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

tiddikjara u tiddeċiedi:

1)      L-ittra tal-Kummissarju Ewropew inkarigat mis-Saħħa u sSigurtà tal-ikel tas-16 ta’ Novembru 2015, bir-referenza Ares(2015) 5145741, dwar it-talba għal reviżjoni interna, ibbażata fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għallistituzzjonijiet u lkorpi tal-Komunità taddisposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar lAċċess għall-Informazzjoni, ilParteċipazzjoni tal-Pubbliku fitTeħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, tad-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni li jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq tal-fażola tas-sojja ġenetikament immodifikata MON 87769, MON 87705 u 305423, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk ta’ TestBioTech eV.

3)      Monsanto Europe, Monsanto Company, Pioneer Overseas Corp. u Pioneer Hi-Bred International, Inc. għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Tomljenović

Bieliūnas

Kornezov

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Marzu 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.