Language of document : ECLI:EU:C:2012:326

Kawża C-27/11

Anton Vinkov

vs

Nachalnik Administrativno-nakazatelna deynost

(talba għal deċiżjoni preliminari
mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Nuqqas ta’ rikonoxximent, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjonijiet li jimponu sanzjoni pekunjarja kif ukoll it-tnaqqis ta’ punti mil-liċenzja tas-sewqan għal ċertu ksur tar-regoli tat-traffiku tat-triq — Sitwazzjoni purament interna — Inammissibbiltà tat-talba”

Sommarju tas-sentenza

Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Talba għall-interpretazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni

(Artikolu 6(1) TUE; Artikolu 267 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 51(1))

Ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali huma vinkolanti fuq l-Istati Membri fil-każijiet kollha fejn huma mitluba japplikaw id-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati lill-Istati Membri meta jkunu qed jimplementaw id-dritt tal-Unjoni biss u, skont l-Artikolu 6(1) TUE, li jagħti lill-Karta l-istess saħħa legali daqs dik tat-Trattati, din ma tistabbilixxi ebda kompetenza ġdida għall-Unjoni.

Għalhekk, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, li tkun tressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiemha, għandha tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali tal-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali, kif jirriżultaw b’mod partikolari mill-Karta. F’dan il-każ, meta mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jkunx jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tikkostitwixxi miżura ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew għandha rabta oħra ma’ dan id-dritt, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari sa fejn hija bbażata fuq id-dritt fundamentali għal rimedju effettiv ma hijiex stabbilita.

(ara l-punti 56-59)