Language of document : ECLI:EU:C:2014:76

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

13 ta’ Frar 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE — Soċjetà tal-informazzjoni — Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-dritt tal-awtur u tad-drittijiet relatati — Artikolu 3(1) — Avviż lill-pubbliku — Kunċett — Link tal-internet (‘links li tikklikkja fuqhom’) li jagħtu aċċess għal xogħlijiet protetti”

Fil-Kawża C‑466/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Svea hovrätt (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Settembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Ottubru 2012, fil-proċedura

Nils Svensson,

Sten Sjögren,

Madelaine Sahlman,

Pia Gadd

vs

Retriever Sverige AB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Safjan, J. Malenovský (Relatur), A. Prechal u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Novembru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal N. Svensson, S. Sjögren u M. Sahlman, minn O. Wilöf, förbundsjurist,

–        għal P. Gadd, minn R. Gómez Cabaleiro, avukat, u M. Wadsted, avukat,

–        għal Retriever Sverige AB, minn J. Åberg, M. Bruder, u C. Rockström, avukati,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, F.‑X. Bréchot u B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. Beeko, bħala aġent, assistita minn N. Saunders, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u J. Enegren, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn N. Svensson, S. Sjögren, M. Sahlman, P. Gadd u Retriever Sverige AB (iktar ’il quddiem “Retriever Sverige”) dwar kumpens allegatament dovut lilhom bħala kumpens għad-dannu li huma jqisu li ġarrbu minħabba l-inklużjoni fuq is-sit internet ta’ din il-kumpannija ta’ links internet li tikklikkja fuqhom (“hyperlinks”) li jirrinvijaw għal artikli tal-istampa li r-rikorrenti huma t-titulari tad-dritt tal-awtur.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Internazzjonali

 It-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur

3        L-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat f’Genève, fl-20 ta’ Diċembru 1996, it-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur (iktar ’il quddiem it-“Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur”). Dan it-trattat ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE, tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208).

4        It-Trattat WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur jipprovdi fl-Artikolu 1(4) tiegħu li l-partijiet kontraenti għandhom jikkonformaw ruħhom mal-Artikoli 1 sa 21 tal-Konvenzjoni għall-protezzjoni tax-xogħlijiet letterarji u artistiċi, iffirmata f’Berne fid-9 ta’ Settembru 1886 (Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berne”).

 Il-Konvenzjoni ta’ Bern

5        L-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Berne, intitolat “Arranġamenti speċjali bejn pajjiżi tal-Unjoni”, jipprovdi li:

“Il-Gvernijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni jirriżervaw id-dritt li jagħmlu arranġamenti speċjali bejniethom, sakemm dawn l-arranġamenti jikkonferixxu lill-awturi drittijiet iktar estensivi minn dawk mogħtija mill-Konvenzjoni, jew li jinkludu dispożizzjonijiet oħrajn li ma jkunux kuntrarji għal din il-Konvenzjoni. Id-dispożizzjonijiet ta’ arranġamenti eżistenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet iċċitati iktar’il fuq jibqgħu applikabbli.”

 Id-dritt tal-Unjoni

6        Il-premessi 1, 4, 6, 7, 9 u 19 tad-Direttiva 2001/20 jistabbilixxu:

“(1)      It-Trattat jipprovdi għat-twaqqif ta’ suq intern u l-istituzzjoni ta’ sistema li jiżgura li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx inġusta. L-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati tikkontribwixxi għall-kisba ta’ dawn l-oġġettivi.

[...]

(4)      Qafas armonizzat legali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati, permezz ta’ ċertezza legali akbar u waqt li jipprovdi għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, jinkoraġġixxi investiment sostanzjali fil-kreattività u innovazzjoni, inkluż infrastruttura ta’ network, u li min-naħa tiegħu jwassal għal tkabbir u kompetittività akbar ta’ l-industrija Ewropea, sew fil-qasam li jipprovdi kontenut u teknoloġija ta’ l-informazzjoni u aktar ġenerali matul il-firxa tas-setturi industrijali u kulturali. Din tissalvagwardja l-impiegi u tinkuraġġixxi ħolqien ta’ impiegi ġodda. [...]

(6)      Mingħajr armonizzazzjoni f’livell ta’ Komunità, attivitajiet leġislattivi f’livell nazzjonali li diġà bdew f’għadd ta’ Stati Membri sabiex jirrispondu għall-isfidi jistgħu jirriżultaw f’differenzi sinifikanti fil-protezzjoni u b’hekk fir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu ta’ servizzi u prodotti li jinkorporaw, jew ikunu bażati fuq, proprjetà intellettwali, li twassal għal frammentazzjoni mill-ġdid tas-suq intern u inkonsistenza leġislattiva. L-impatt ta’ dawn id-differenzi leġislattivi u inċertezzi jsir aktar sinjifikanti b’aktar żvilupp tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni, li diġà żiedet ħafna l-isfruttament li jaqsam il-fruntieri ta’ proprjetà intellettwali. Dan l-iżvilupp qiegħed u għandu jikber aktar. Differenzi u inċertezzi legali sinifikanti dwar il-protezzjoni jistgħu jfixklu ekonomiji ta’ ċertu daqs għal prodotti u servizzi ġodda li jkunu jinkludu drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati.

(7)      Il-qafas legali tal-Komunità għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandu, għalhekk, jiġi adattat u supplimentat ukoll sa fejn hu meħtieġ għall-funzjonament faċli tas-suq intern. Għal dan il-għan, dawk id-disposizzjonijiet nazzjonali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati li jistgħu jvarjaw konsiderevolment minn Stat Membru għall-ieħor jew li jistgħu jikkawżaw inċertezzi legali li jimpedixxu l-funzjonament faċli tas-suq intern u l-iżvilupp xieraq tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni fl-Ewropa għandhom jiġu aġġustati, u reazzjonijiet nazzjonali inkonsistenti għall-iżviluppi teknoloġiċi għandhom ikunu evitati, filwaqt li differenzi li ma jolqtux b’mod negattiv il-funzjonament tas-suq intern mhux meħtieġ li jitneħħew jew jiġu evitati.

[...]

(9)      Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. […]

[…]

(19)      Id-drittijiet morali tad-detenturi tad-drittijiet għandhom jiġu eżerċitati skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri u d-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni tax-Xogħolijiet Letterarji u Artistiċi, tat-Trattat dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur WIPO u tat-Trattat tal-Wirjiet u Fonogrammi Wipo. [...]”

7        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom      .

[...]

3.      Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li huma kollha ġurnalisti, kitbu artikli tal-istampa li ġew ippubblikati, minn naħa, fil-gazzetta Göteborgs-Posten u, min-naħa l-oħra, fuq is-sit internet tal-Göteborgs-Posten. Retriever Sverige jopera sit internet li jipprovdi lill-klijenti tiegħu, skont il-bżonnijiet tagħhom, b’listi ta’ links internet li tikklikkja fuqhom li jwasslu għal artikli ppubblikati minn sit internet oħrajn. Huwa paċifiku, bejn il-partijiet, li dawn l-artikli kienu liberament aċċessibbli fuq is-sit tal-gazzetta Göteborgs-Posten. Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jekk il-klijent jikklikkja fuq wieħed minn dawn il-links, ma jidhirlux b’mod ċar li huwa ġie dirett għal sit ieħor sabiex jaċċedi x-xogħol li jinteressah. Min-naħa l-oħra, skont Retriever Sverige, huwa ċar għall-klijent li, meta huwa jikklikkja fuq wieħed minn dawn il-links, huwa rrinvijat lejn sit ieħor.

9        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ħarrku Retriever Sverige quddiem l-iStockholms tingsrätt (Tribunal lokali ta’ Stockholm) sabiex jiksbu kumpens peress li din il-kumpannija użat, mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom, ċerti artikli tagħhom, billi qegħdithom għad-dispożizzjoni tal-klijenti tagħha.

10      Permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2010, l-iStockholms tingsrätt ċaħad it-talba tagħhom. Għalhekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw dan is-sentenza quddiem l-iSvea hovrätt (Qorti tal-Appell ta’ Svea).

11      Quddiem din il-qorti, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew, b’mod partikolari, li Retriever Sverige kisret id-dritt esklużiv tagħhom billi qegħdet dawn ix-xogħlijiet rispettivi tagħhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, fis-sens li, bis-saħħa tas-servizzi offruti mis-sit internet tagħha, il-klijenti tagħhom kellhom aċċess għax-xogħlijiet tagħhom.

12      Retriever Sverige ssostni, għad-difiża tagħha, li l-provvista ta’ lista ta’ links internet lejn xogħlijiet ikkomunikati lill-pubbliku fuq siti internet oħrajn ma tikkostitwixxix att li jista’ jaffettwa d-dritt tal-awtur. Retriever Sverige ssostni wkoll li ma wettqet ebda trażmissjoni ta’ kwalunkwe xogħol protett, billi l-azzjoni tagħha hija limitata li tindika lill-klijenti tagħha s-siti internet li fuqhom jinstabu x-xogħlijiet li jinteressawhom.

13      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iSvea hovrätt iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Il-fatt li persuna li ma hijiex il-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur ta’ biċċa xogħol tipprovdi link li twassal għal din il-biċċa tax-xogħol fuq is-sit internet tiegħu jikkostitwixxi komunikazzjoni ta’ dan ix-xogħol lill-pubbliku skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [2001/29]?

(2)      L-evalwazzjoni fl-ewwel domanda hija influwenzata mill-fatt li x-xogħol li tirrinvija għalih il-link jinsab fuq sit internet li kulħadd jista’ jaċċedi għalih mingħajr restrizzjonijiet jew li l-aċċess għal dan is-sit huwa, għall-kuntrarju, limitat b’xi mod jew ieħor?

(3)      Huwa xieraq li, waqt l-evalwazzjoni tal-ewwel domanda, issir distinzjoni skont jekk il-biċċa tax-xogħol, wara li l-utenti jikklikkja fuq il-link, tidhirx fuq sit internet ieħor jew, għall-kuntrarju, tagħti l-impressjoni li hija qed tintwera fuq l-istess sit?

(4)      Stat Membru jista’ jagħti protezzjoni iktar wiesa’ lid-dritt esklussiv ta’ awtur billi jipprovdi li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jinkludi wkoll operazzjonijiet bħal dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel tliet domandi

14      Permezz tal-ewwel tliet domandi li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/20 għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, kif previst f’din id-dispożizzjoni, il-provvista, fuq sit internet, ta’ links li tikklikkja fuqhom li jwasslu għal xogħlijiet protetti disponibbli fuq sit internet ieħor, peress li, fuq dan is-sit l-ieħor, ix-xogħlijiet ikkonċernati huma liberament aċċessibbli.

15      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li kull att ta’ komunikazzjoni ta’ xogħol lill-pubbliku għandu jiġi awtorizzat mit-titulari tad-dritt tal-awtur.

16      Għaldaqstant, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jinkludi żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri “att ta’ komunikazzjoni” ta’ xogħol u l-komunikazzjoni ta’ dan ix-xogħol lil “pubbliku” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et, C‑607/11, punti 21 u 23).

17      Rigward l-ewwel wieħed minn dawn l-elementi, jiġifieri l-eżistenza ta’ “att ta’ komunikazzjoni”, dan għandu jinftiehem b’mod wiesa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, Ġabra p. I‑9083, punt 193), u dan, sabiex jiġi ggarantit, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 4 u 9 tad-Direttiva 2001/20, livell għoli ta’ protezzjoni għat-titulari ta’ dritt tal-awtur.

18      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li jiġu pprovduti, fuq sit internet, links li tikklikkja fuqhom li jwasslu għal xogħlijiet protetti ppubblikati mingħajr ebda restrizzjoni fuq sit ieħor, joffri lill-utenti tal-ewwel sit aċċess dirett għall-imsemmija xogħlijiet.

19      Kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva Nru 2001/29 sabiex ikun hemm “att ta’ komunikazzjoni”, huwa biżżejjed, b’mod partikolari, li xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’tali mod li l-persuni li jikkostitwixxu dan il-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalih, irrispettivament jekk jutiliżawx din il-possibbiltà jew le (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, Ġabra p. I‑11519, punt 43).

20      Minn dawn isegwi li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-fatt li jiġu pprovduti links li tikklikkja fuqhom li jwasslu għal xogħlijiet protetti għandu jiġi kkwalifikat bħala li “[iqiegħed għad-dispożizzjoni]” u, konsegwentement, bħala “att ta’ komunikazzjoni” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

21      Għal dak li jikkonċerna t-tieni element mill-elementi msemmija iktar ’il fuq, jiġifieri li x-xogħol protett għandu jiġi effettivament ikkomunikat lill-“pubbliku”, mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li, din id-dispożizzjoni tirreferi għal numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali u jimplika, barra minn hekk, numru pjuttost kbir ta’ persuni (sentenza ITV Broadcasting, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32 u, f’dan is-sens, is-sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 u 38).

22      Att ta’ komunikazzjoni, bħal dak imwettaq mill-amministratur ta’ sit internet permezz ta’ links li tikklikkja fuqhom, huwa dirett għall-utenti potenzjali kollha tas-sit amministrat minn din il-persuna, jiġifieri numru indeterminat u numru pjuttost kbir ta’ destinatarji.

23      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jitqies li l-imsemmi amminstratur iwettaq komunikazzjoni lil pubbliku.

24      Dan premess, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jeħtieġ li komunikazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna l-istess xogħlijiet tal-komunikazzjoni inizjali u li twettqet, bħall-komunikazzjoni inizjali, fuq l-internet, u għaldaqstant permezz tal-istess mezzi tekniċi, għandha tiġi indirizzat lil pubbliku ġdid, jiġifieri lil pubbliku li t-titulari tad-dritt tal-awtur ma ħadux inkunsiderazzjoni, meta huwa awtorizzaw il-komunikazzjoni inizjali lill-pubbliku (ara, b’analoġija, is-sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 u 41; id-digriet tat-18 ta’ Marzu 2010, Organismos Sillogikis Diacheirisis Dimiourgon Theatrikon kai Optikoakoustikon Ergon, C‑136/09, punt 38, kif ukoll is-sentenza ITV Broadcasting et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

25      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li t-tqiegħed għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet ikkonċernati permezz ta’ link li tikklikkja fuqu, bħal dak fil-kawża prinċipali, ma jwassalx sabiex ix-xogħlijiet inkwistjoni jiġu kkomunikati lil pubbliku ġdid.

26      Fil-fatt, il-pubbliku mmirat mill-komunikazzjoni inizjali kien il-viżitaturi potenzjali tas-sit ikkonċernat, peress li, il-fatt li jafu li l-aċċess għax-xogħlijiet fuq dan is-sit ma kienx suġġett għal miżura restrittiva, l-utenti tal-internet kollha jista’ għaldaqstant ikollhom aċċess liberu.

27      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, fejn l-utenti kollha ta’ sit ieħor li lilhom ix-xogħlijiet inkwistjoni ġew ikkomunikati permezz ta’ link li tikklikkja fuqu setgħu jaċċedu dawn ix-xogħlijiet direttament fuq is-sit li fuqu dawn tal-aħħar ġew ikkomunikati inizjalment, mingħajr intervent mill-amministratur ta’ dan is-sit l-ieħor, l-utenti tas-sit amministrat minn dan tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala destinatarji potenzjali tal-komunikazzjoni inizjali u għaldaqstant bħala li jifformaw parti mill-pubbliku meħud inkunsiderazzjoni mit-titulari tad-dritt tal-awtur meta dawn l-aħħar awtorizzaw il-komunikazzjoni inizjali.

28      Għaldaqstant, peress li ma hemmx pubbliku ġdid, l-awtorizzazzjoni tat-titulari tad-drittijiet tal-awtur ma hijiex neċessarja għal komunikazzjoni lill-pubbliku bħal dik tal-kawża prinċipali.

29      Tali konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata jekk il-qorti tar-rinviju jkollha tikkonstata barra minn hekk fil-kawża prinċipali, għalkemm ma jirriżultax b’mod ċar mill-proċess, li, meta l-utenti tal-internet jikklikkjaw fuq il-link inkwistjoni, ix-xogħol jidher li jagħti l-impressjoni li qed jidher fuq is-sit li fuqu jinstab dan il-link, mentri fir-realtà dan ix-xogħol jipprovjeni minn sit ieħor.

30      Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza addizzjonali ma temenda b’ebda mod il-konklużjoni li tipprovdi li l-provvista fuq sit ta’ link li tikklikkja fuqu li jwassal għal xogħol protett u liberament aċċessibbli fuq sit ieħor għandha l-effett li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti tal-ewwel sit l-imsemmi xogħol u tikkostitwixxi, għaldaqstant, komunikazzjoni lill-pubbliku. Madankollu, peress li ma hemmx pubbliku ġdid, fi kwalunkwe każ l-awtorizzazzjoni tat-titulari tad-drittijiet tal-awtur ma jeħtieġx tali komunikazzjoni lill-pubbliku.

31      Min-naħa l-oħra, fil-każ li link li tikklikkja fuqu jippermetti lill-utenti tas-sit li fuqu dan il-link jidher li jevita miżuri ta’ restrizzjoni implementati mis-sit li fuqu jinsab ix-xogħol protett sabiex jirrestrinġi l-aċċess mill-pubbliku għall-dawk l-abbonati biss u, għalhekk, jikkostitwixxi intervent li mingħajru l-imsemmija utenti ma jistgħux jibbenefikaw minn xogħlijiet trażmessi, dawn l-utenti kollha għandhom jitqiesu bħala pubbliku ġdid, li ma ttieħidx inkunsiderazzjoni mit-titulari tad-dritt tal-awtur meta huma awtorizzaw il-komunikazzjoni inizjali b’tali mod li l-awtorizzazzjoni tat-titulari hija meħtieġa għall tali komunikazzjoni lill-pubbliku. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, fejn ix-xogħol ma għadux iktar għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq is-sit li fuq kien ġie kkomunikat inizjalment jew fejn issa huwa disponibbli fuq is-sit unikament għall-pubbliku ristrett, filwaqt li huwa aċċessibbli fuq sit internet ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni tat-titulari ta’ dritt.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel tliet domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/20 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista fuq sit internet ta’ links li tikklikkja fuqhom li jwasslu għal xogħlijiet liberament disponibbli fuq sit internet ieħor ma tikkostitwixxix att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku.

 Fuq ir-raba’ domanda

33      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi Stat Membru milli jagħti protezzjoni iktar wiesgħa lit-titulari ta’ dritt tal-awtur billi jipprovdi li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jinkludi iktar operazzjonijiet minn dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

34      F’dan ir-rigward, mill-premessi 1, 6 u 7 tad-Direttiva 2001/29, b’mod partikolari, jirriżulta li l-għanijiet ta’ din id-direttiva huma, b’mod partikolari, li tirrimedja għad-differenzi leġiżlattivi u l-inċertezza legali li teżisti fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ awtur. Li jiġi aċċettat li Stat Membru jista’ jagħti protezzjoni iktar wiesgħa lit-titulari ta’ dritt tal-awtur billi jipprovdi li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jinkludi iktar operazzjonijiet minn dawk imsemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, ikollu l-effett li joħloq differenzi leġiżlattivi u għaldaqstant, għat-terzi, inċertezza legali.

35      Konsegwentement, l-għan segwit mid-Direttiva 2001/29 ikun inevitabbilment kompromess jekk il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubblika kellu jinftiehem mill-Istati Membri differenti bħala li jinkludi iktar operazzjonijiet minn dawk imsemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

36      Huwa minnu li l-premessa 7 tal-imsemmija direttiva tindika li din id-direttiva ma għandhiex l-għan li jitneħħew jew li jiġu evitati d-differenzi li ma jolqtux b’mod negattiv il-funzjonament tas-suq intern. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, jekk l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibbiltà li jipprovdu li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jinkludi iktar operazzjonijiet minn dawk imsemmija fl-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva, il-funzjonament tas-suq intern jirriżulta neċessarjament kompromess.

37      Minn dan isegwi li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma jistax jinftiehem bħala li jippermetti lill-Istati li jagħtu protezzjoni iktar wiesgħa lit-titulari ta’ dritt tal-awtur billi jipprovdu li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jinkludi iktar operazzjonijiet minn dawn imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

38      Tali konklużjoni ma hijiex ivvizzjata mill-fatt, enfasizzat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li jipprovdi li l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Berne jistipula li l-pajjiżi firmatarji jistgħu jagħmlu “arranġamenti speċjali” bejniethom sabiex jikkonferixxu lit-titulari tagħhom dritt tal-awtur, drittijiet li huma iktar estiżi minn dawk previsti minn din il-konvenzjoni.

39      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta ftehim jippermetti lil Stat Membru li jieħu miżura li tidher li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, mingħajr madankollu ma jobbligah jagħmel dan, l-Istat Membru għandu jastjeni milli jadotta tali miżura (sentenza tad-9 ta’ Frar 2012, Luksan, C‑277/10, punt 62).

40      Peress li l-għan tad-Direttiva 2001/29 ikun inevitabbilment kompromess jekk il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku kellu jinftiehem bħala li jinkludi iktar operazzjonijiet minn dawk imsemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, Stat Membru għandu jastjeni milli juża l-possibbiltà mogħtija lilu mill-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Berne.

41      Konsegwentement, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi Stat Membru Membru milli jagħti protezzjoni iktar wiesgħa lit-titulari ta’ dritt tal-awtur billi jipprovdi li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jinkludi iktar operazzjonijiet minn dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista fuq sit internet ta’ links li tikklikkja fuqhom li jwasslu għal xogħlijiet liberament disponibbli fuq sit internet ieħor ma tikkostitwixxix att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku.

2)      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi Stat Membru milli jagħti protezzjoni iktar wiesgħa lit-titulari ta’ dritt tal-awtur billi jipprovdi li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jinkludi iktar operazzjonijiet minn dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.