Language of document : ECLI:EU:C:2011:676

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fl-20 ta’ Ottubru 2011 (1)

Kawża C‑124/10 P

Il‑Kummissjoni Ewropea

vs

Électricité de France (EDF) et

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Eżenzjoni fiskali selettiva konnessa ma’ żieda fil-kapital azzjonarju waqt ir-rikapitalizzazzjoni ta’ impriża — Prinċipju ta’ investitur privat fl-ekonomija tas-suq — Stat li jaġixxi bħala azzjonarju u Stat li jeżerċita l-prerogattivi tiegħu ta’ awtorità pubblika”





1.        Il-Kummissjoni qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tannulla s-sentenza (2) li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret “il-Qorti Ġenerali”) annullat l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar miżuri ta’ għajnuna favur EDF u l-industriji tal-elettriku u l-gass (3). Dan l-appell huwa ta’ importanza partikolari għal-liġi tal-għajnuna mill-Istat tal-UE. Iqajjem kwistjoni ta’ prinċipju, li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni (l-applikabbiltà) ta’ element ċentrali tal-liġi tal-għajnuna mill-Istat tal-UE — jiġifieri, il-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-Suq (iktar ’il quddiem il-“MEIP”) — f’każ fejn l-Istat eżerċita l-prerogattivi tiegħu ta’ awtorità pubblika. Essenzjalment, il-MEIP (jew “it-test ta’ investitur privat”) huwa l-espressjoni loġika tal-prinċipju, derivat mill-Artikoli 86 KE u 295 KE, ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-impriżi pubbliċi u privati.

I –    Kuntest ġuridiku

2.        L-Artikolu 38(2) tal-Kodiċi Ġenerali Franċiż tat-Taxxa jipprovdi li “il-profitt nett huwa d-differenza bejn il-valur tal-attiv nett fl-għeluq u fil-ftuħ tal-perijodu li għalih l-eċċess jikkostitwixxi d-dħul taxxabbli, bit-tnaqqis ta’ kontribuzzjonijiet addizzjonali u ż-żieda ta’ ammonti rtirati mis-sidien jew il-membri f’dak il-perjodu. L-attiv nett huwa l-ammont li bih l-attiv jeċċedi dak il-porzjon ta’ passiv totali li jinkludi krediti ta’ terzi, deprezzament verifikabbli u provvedimenti ta’ kontabbiltà.”

3.        Skont il-paragrafi I u II, rispettivament, tal-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97‑1026 (4), l-istrutturi tan-netwerk ta’ trażmissjoni tal-elettriku ta’ vultaġġ għoli għandhom jitqiesu li kienu proprjetà ta’ EDF miż-żmien meta ngħatat il-konċessjoni għal dak in-netwerk u, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu I, fl-1 ta’ Jannar 1997, il-kontro-valur tal-attiv in natura allokat taħt konċessjoni lin-netwerk ta’ trażmissjoni ta’ vultaġġ għoli li jidher bħala passiv fuq il-karta tal-bilanċ ta’ EDF għandu jiddaħħal, nett mid-differenzi ta’ rivalutazzjoni korrispondenti, taħt l-entrata ‘Injezzjonijiet ta’ kapital’.

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

4.        Il-fatti, il-proċeduri amministrattivi u d-deċiżjoni kkontestata huma stabbiliti fid-dettall fil-punti 9 sa 51 tas-sentenza appellata. Ser nillimita lili nnifsi għall-iktar punti essenzjali. EDF tipproduċi, tittrażmetti u tiddistribwixxi l-elettriku. Fiż-żmien rilevanti, EDF kienet kompletament proprjetà tal-Istat. Inħolqot minn liġi li nnazzjonalizzat l-elettriku u l-gass u li stabbilixxiet il-prinċipju tat-trasferiment lil EDF tal-konċessjonijiet tal-elettriku nnazzjonalizzati. Fl-1958, id-diversi konċessjonijiet ta’ trażmissjoni tal-elettriku mogħtija mill-Istat ġew unifikati f’konċessjoni waħda magħrufa bħala “in-netwerk tat-trażmissjoni ta’ vultaġġ għoli” (réseau d’alimentation générale, iktar ’il quddiem ir-“RAG”).

5.        L-applikazzjoni lil EDF tal-Pjan Ġenerali ta’ Kontabbiltà tal-1982, li kien jinkludi regoli ta’ kontabbiltà speċifiċi għal konċessjonijiet, wasslet għal bidla fit-trattament tal-kontabbiltà tar-RAG, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċerti rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kunsill Nazzjonali tal-Kontabbiltà (Conseil national de la comptabilité, iktar ’il quddiem “is-CNC”). Pjan ta’ kontabbiltà speċifiku għal EDF ġie introdott u approvat permezz ta’ digriet interministerjali. Ir-RAG iddaħħal fl-attiv fuq il-karta tal-bilanċ ta’ EDF taħt l-entrata “Assi fissi fil-qasam tal-konċessjoni”. Ġew maħluqa provvedimenti ta’ kontabbiltà speċifiċi għat-tiġdid tal-assi fissi taħt il-konċessjoni sabiex jippermettu lil EDF li tirritorna lill-konċedent dawk l-assi f’kundizzjoni perfetta fl-aħħar tal-konċessjoni.

6.        In-nefqa sostnuta minn EDF għall-finijiet ta’ tiġdid ġiet irreġistrata fl-entrata tal-karta tal-bilanċ “Kontro-valur in natura ta’ assi taħt konċessjoni” (imsejħa wkoll “Drittijiet tal-konċedent”). Dik l-entrata kienet tirrappreżenta dejn li EDF kellha mal-Istat Franċiż u li kien konness mar-ritorn gratwit tal-assi mibdula fl-aħħar tal-konċessjoni. F’rapport tal-1994, il-Cour des Comptes Franċiża (Qorti tal-Awdituri) innutat in-natura irregolari tal-eżenzjoni fiskali rċevuta minn EDF wara l-ħolqien irregolari tal-provvedimenti ta’ kontabbiltà għat-tiġdid tar-RAG. L-Istat Franċiż għaldaqstant iddeċieda li jirristruttura l-karta tal-bilanċ ta’ EDF. Il-kuntratt ta’ ġestjoni “Stat-EDF 1997‑2009”, iffirmat fit-8 ta’ April 1997, ippreveda n-normalizzazzjoni tal-kontijiet ta’ EDF u r-relazzjoni finanzjarja tagħha mal-Istat, bl-għan li jiftaħ is-suq tal-elettriku kif stabbilit fid-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 3).

7.        Qabel l-adozzjoni tal-Liġi Nru 97‑1026, il-karta tal-bilanċ ta’ EDF ġiet ippreżentata kif ġej: (i) min-naħa tal-attiv, entrata bit-titolu “Assi fissi fil-qasam tal-konċessjoni” fl-ammont ta’ FRF 285.7 biljun, li minnhom madwar FRF 90 biljun kienu jirrigwardaw ir-RAG; (ii) min-naħa tal-passiv, entrata bit-titolu “Provvedimenti” li minnhom madwar FRF 38.5 biljun kienu fir-rigward tar-RAG, u entrata bit-titolu “Kontro-valur in natura ta’ assi taħt konċessjoni”, li rreġistrat in-nefqa sostnuta għat-tiġdid u li tammonta għal FRF 145.2 biljun, li FRF 18.3 biljun minnhom kienu tar-RAG.

8.        Skont l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97‑1026, il-mod ta’ kif kellha ssir ir-ristrutturazzjoni tal-parti ta’ fuq tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF ġie deċiż u kkomunikat lil EDF, fit-22 ta’ Diċembru 1997, permezz ta’ ittra tal-Ministru għall-Ekonomija, il-Finanzi u l-Industrija, is-Segretarju tal-Istat għall-Baġit u s-Segretarju tal-Istat għall-Industrija (ara l-punti 25 u 26 hawn taħt).

9.        Fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni ħadet tliet deċiżjonijiet marbuta li jikkonċernaw lil EDF li ġew ippubblikati fis-16 ta’ Novembru 2002 (ĠU 2002 C 280, p. 8). Il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni formali taħt l-Artikolu 88(2) KE dwar il-vantaġġ li EDF tgawdi bħala konsegwenza tan-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta fuq uħud mill-provvedimenti tal-kontabbiltà maħluqa, eżenti mit-taxxa, għat-tiġdid tar-RAG. L-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jikklassifika bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni n-nuqqas ta’ ħlas minn EDF, fl-1997, tat-taxxa fuq il-kumpanniji fuq uħud mill-provvedimenti tal-kontabbiltà maħluqa eżenti mit-taxxa, għat-tiġdid tar-RAG, li jikkorrispondu għal FRF 14.119 biljun fi drittijiet tal-konċedent riklassifikati bħala injezzjonijiet ta’ kapital u jgħid li l-għajnuna inkwistjoni kienet tammonta għal EUR 888.89 miljun. Taħt l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, Franza kellha tirkupra l-għajnuna (bl-interessi) ta’ EUR 1.217 biljun, u dik is-somma fil-fatt tħallset lura lill-Istat Franċiż.

III – Is-sentenza appellata

10.      Bħala sostenn għar-rikors tagħha, EDF qajmet tliet motivi. Il-Qorti Ġenerali llimitat l-evalwazzjoni tagħha għall-ewwel motiv u l-ewwel tliet partijiet tat-tieni motiv, billi ċaħdet l-ewwel motiv u l-ewwel żewġ partijiet tat-tieni motiv. Laqgħet it-tielet parti tat-tieni motiv, filwaqt li annullat l-Artikoli 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata, li fir-rigward tagħha EDF essenzjalment argumentat li, permezz tal-implementazzjoni tal-miżura inkwistjoni, l-Istat aġixxa bħala investitur privat diliġenti fl-ekonomija tas-suq.

11.      Fil-punti 233 sa 237 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat essenzjalment li l-fatt li ħadet il-forma ta’ liġi ma hijiex biżżejjed biex teskludi l-possibbiltà li l-intervent tal-Istat fil-kapital ta’ impriża għandu għan ekonomiku li jista’ jkun anki mixtieq minn investitur privat. Fil-punti 243 sa 245, ikkunsidrat essenzjalment li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97‑1026 ma humiex dispożizzjonijiet fiskali per se, iżda dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-kontabbiltà b’implikazzjonijiet fiskali. Fil-punti 247 sa 250, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat essenzjalment li, fid-dawl tal-għan mixtieq, is-sempliċi fatt li l-kreditu tal-Istat Franċiż fir-rigward ta’ EDF huwa ta’ natura fiskali u s-sempliċi fatt li l-Istat Franċiż uża l-leġiżlazzjoni bħala l-istrument tiegħu ma jfissirx li l-Kummissjoni tista’ b’mod leġittimu tirrifjuta li tapplika l-MEIP.

12.      Fil-punti 251 u 252 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sostniet li ma jistax jiġi eskluż li l-forma meħuda minn investiment tista’ tagħti lok għal differenzi f’termini ta’ spejjeż sabiex jiġi ġġenerat il-kapital u f’termini ta’ rendiment fuq dak il-kapital, li minnu jista’ jiġi konkluż li investitur privat ma kienx jagħmel tali investiment f’kundizzjonijiet komparabbli. Madankollu, dan jippresupponi analiżi ekonomika fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-MEIP, li l-Kummissjoni kienet deliberatament naqset milli tapplika. Fil-punt 253, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni ma setgħetx teżamina biss l-implikazzjonijiet fiskali tad-dispożizzjonijiet adottati mir-Repubblika Franċiża mingħajr ma teżamina fl-istess ħin — u possibbilment tiċħad wara dik l-eżaminazzjoni — il-mertu tal-argument li l-operazzjoni kienet tissodisfa l-MEIP.

IV – Evalwazzjoni

13.      Il-Kummissjoni tibbaża fuq żewġ aggravji: (i) il-Qorti Ġeneral interpretat b’mod ħażin u żnaturat il-fatti tal-kawża u (ii) il-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta evalwat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-MEIP. Ma huwiex meħtieġ li jiġu riprodotti fid-dettall l-argumenti kollha tal-partijiet f’taqsima separata. Minflok, sabiex jiġi ffaċilitat il-qari tal-Konklużjonijiet, se nintegra dawn l-argumenti fl-analiżi tiegħi.

A –     L-ewwel aggravju: żnaturament tal-fatti

14.      Essenzjalment, il-Kummissjoni, Iberdrola u l-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA (iktar ’il quddiem “l-Awtorità”) jallegaw li, għall-kuntrarju tad-dikjarazzjonijiet magħmula fis-sentenza appellata, ir-Repubblika Franċiża fil-fatt ma kkonvertietx kreditu fiskali f’kapital, iżda sempliċement tat għajnuna lil EDF fil-forma ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji. Min-naħa l-oħra, EDF u l-Gvern Franiż isostnu li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

15.      L-ewwel nett, EDF tissottometti li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli, għax qiegħed jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex teżamina mill-ġdid l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali b’rabta mar-ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF.

16.      Niġbed l-attenzjoni li, fir-rigward tal-aggravu li jikkonċerna l-iżnaturament tal-provi, filwaqt li huwa l-obbligu biss tal-Qorti Ġenerali li tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi prodotti quddiemha (5), il-Qorti tal-Ġustizzja minkejja dan iddeċidiet li tali aggravju huwa ammissibbli (6). F’din il-kawża, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn EDF għandha tiġi miċħuda. Huwa ċar li l-Kummissjoni ma hijiex sempliċement tfittex eżami mill-ġdid tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tar-ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF. Minflok, jidher mill-osservazzjonijiet u d-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jeżisti riskju reali u attwali li l-Qorti Ġenerali setgħet żnaturat il-fatti tal-kawża u żbaljat fil-klassifikazzjoni ta’ dawn il-fatti.

17.      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, meta appellant jikkontendi li l-Qorti Ġenerali għamlet konstatazzjonijiet li d-dokumenti fil-proċess juru li huma sostanzjalment inkorretti, jew li żnaturat is-sens ċar tal-provi quddiemha, l-oġġezzjonijiet ibbażati fuq il-konstatazzjonijiet ta’ fatti u l-evalwazzjoni tagħhom fis-sentenza appellata huma ammissibbli (7). L-evalwazzjoni tal-provi hija ċarament kwistjoni għall-Qorti Ġenerali u ma tistax tiġi riveduta mill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda dan ma huwiex il-każ meta l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi billi ddeduċiet minnhom affarijiet li ċarament ma kinux jinkludu — u dan, fil-fehma tiegħi, huwa preċiżament il-każ hawnhekk (8). L-iżnaturament tal-provi (9) (dénaturation) iseħħ meta qorti li tittratta l-mertu ta’ każ teċċedi l-ġurisdizzjoni tagħha billi tinterpreta dokument li huwa miktub b’mod ċar u mhux ambigwu (bħal ma’ huwa ftehim, testment, rapport, sentenza, jew liġi barranija) b’mod li jkun inkompatibbli ma’ dik il-kitba (10).

18.      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel aggravju huwa fondat.

19.      Fir-rigward tal-mertu tal-ewwel aggravju, jidher li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-klassifikazzjoni tal-fatti — b’mod partikolari, sa fejn iddeċidiet li r-Repubblika Franċiża kienet ikkonvertiet kreditu fiskali f’kapital (ara, inter alia, il-punt 258 tas-sentenza appellata), filwaqt li dak li għamel l-Istat kien, fir-realtà, li jagħti lil EDF eżenzjoni selettiva mit-taxxa fuq il-kumpanniji (11).

20.      Kuntrarju għall-argumenti mressqa minn EDF, u kif ser ikun evidenti hawn taħt, l-iżnaturament tal-fatti huwa ovvju mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, għaldaqstant, ma huwiex meħtieġ għall-Qorti tal-Ġustizzja li tipproċedi b’evalwazzjoni dettaljata tal-fatti mill-ġdid.

21.      Il-Gvern Franċiż jixtieq jiġġustifika l-approċċ tal-Qorti Ġenerali billi jinsisti li l-konverżjoni f’kapital ta’ kreditu fiskali sar bħala parti mir-ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF, fejn wieħed mill-istadji f’dak il-proċess huwa r-rikapitalizzazzjoni.

22.      Ħadd mhu qiegħed jikkontesta l-fatt li rikapitalizzazzjoni ta’ EDF kienet qiegħda seħħ fl-istess żmien, li ma ġietx meqjusa fiha nnifsha li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Madankollu, huwa importanti li jiġi indikat li huma l-implikazzjonijiet tat-taxxa — li huma separabbli mir-rikapitalizzazzjoni — li ġew ikklassifikati bħala għajnuna mill-Istat (ara l-punt 241 tas-sentenza appellata). Jien inqis li l-argument tal-Gvern Franċiż huwa inutli, għax fil-fehma tiegħi, ir-rinunzja ta’ debitu fiskali u l-konverżjoni tiegħu f’injezzjoni ta’ kapital għandu, b’mod ċar, jitqies li jikkostitwixxi żewġ operazzjonijiet distinti u konsekuttivi. Fil-fatt, fil-punt 97 tar-risposta tiegħu, il-Gvern Franċiż jidher li qed jikkonċedi dan.

23.      Manifestament, qari tal-proċess jikkonferma li huwa impossibbli li jinstab l-ammont taxxabbli fi kwalunkwe wieħed minn dawn id-dokumenti. Ma hemm l-ebda avviż tal-evalwazzjoni tat-taxxa, l-ebda traċċa ta’ kreditu fiskali pagabbli u l-ebda deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tal-ammont taxxabbli għar-rikapitalizzazzjoni ta’ EDF. Fil-fatt, jekk l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali fuq id-dokumenti u l-fatti sottomessi lilha kellha tiġi segwita, l-allokazzjoni tal-ammont taxxabbli jispiċċa biex jiġi dedott sempliċement mis-silenzju tal-Liġi Nru 97‑1026 u/jew l-ittra tat-22 ta’ Diċembru 1997 fuq dan il-punt.

24.      Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tgħid fil-punt 242 tas-sentenza appellata li ʻil-partijiet kollha jaqblu li għandu jiġi kkunsidrat li kienet dovuta taxxa fuq l-ammont ta’ FRF 14.119 biljun qabel ma ġie rreġistrat fit-taqsima bit-titolu “Żieda fil-kapital.”’

25.      Mill-punti 239 sa 242 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-miżuri kollha għar-ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF ġew irreġistrati fuq il-karta tal-bilanċ tagħha, bl-għan doppju li jissaħħu l-valuri netti tagħha u jistabbilizzaw ir-relazzjoni finanzjarja bejn l-Istat u EDF fuq bażi simili għal-liġi ordinarja (ara l-punt 31 tas-sentenza appellata).

26.      B’mod partikolari, għandhom jiġu osservati l-punti li ġejjin: (i) l-attiv li jikkostitwixxi r-RAG ġie kklassifikat mill-ġdid, fl-ammont ta’ FRF 90.325 biljun, bħala “assi proprji”; (ii) il-provvedimenti tal-kontabbiltà mhux użati għal tiġdid tar-RAG tniżżlu bħala qligħ mhux distribwit u ġew ikklassifikati mill-ġdid bħala telf akkumulat, biex dak il-kont ġie b’hekk irrikonċiljat u l-bilanċ ġie allokat għar-riżervi (inżid ngħid li t-tranżazzjoni ġiet intaxxata); u (iii) li “id-drittijiet tal-konċedent” ġew allokati direttament taħt l-entrata ta’ injezzjonijiet ta’ kapital fl-ammont ta’ FRF 14.119 biljun.

27.      Huwa important, madankollu, li l-konverżjoni f’kapital tal-ammont taxxabbli, li minnu EDF ġiet eżentata, ma ġie bl-ebda mod irreġistrat fil-kontijiet tal-impriża.

28.      Fil-fatt, “[…] l-awtoritajiet Franċiżi nnifishom jirrikonoxxu li t-tranżazzjoni kienet illegali. F’memorandum datat id-9 ta’ April 2002 indirizzat mid-Direttorat-Ġenerali għat-Tassazzjoni [tal-Ministru Franċiż għall-Ekonomija, il-Finanzi u l-Industrija] lill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Franċiżi qalu li ‘id-drittijiet tal-konċedenti fir-rigward tar-RAG jirrappreżentaw dejn mhux dovut li ġie eżentat mit-taxxa, b’mod mhux ġustifikabbli, billi ġie inkorporat fil-kapital’ u li ‘qabel ma din ir-riżerva ġiet inkorporata fil-kapital, kellha tiġi trasferita mill-passiv tal-impriża, fejn kienet ġiet inkorrettament imdaħħla, f’kont tal-assi netti, biex b’hekk kien hemm varjazzjoni pożittivi fil-valur nett li kien taxxabli taħt l-Artikolu 38(2)’ tal-Kodiċi tat-Taxxa Ġenerali” (ara l-premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata).

29.      Minkejja l-opinjoni mhux ambigwa espressa mid-Direttorat-Ġenerali għat-Tassazzjoni, l-ebda kreditu fiskali ma ġie rreġistrat qabel ma l-ammont kopert mill-“kreditu” ġie miżjud bħala kapital.

30.      Fil-fatt, jidher li, f’din il-kawża, il-“kreditu” qatt ma eżista u qatt ma kien hemm dejn x’jiġi rrinunzjat. Kif indikat minn Iberdrola, ma kienx hemm konverżjoni tal-kreditu għall-kapital u lanqas, apparentament, ma kien hemm l-ebda xewqa min-naħa tal-awtoritajiet li jwettqu tali konverżjoni. Jidher ukoll li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq it-tentattiv magħmul mill-Gvern Franċiż li jiġġustifika l-azzjonijiet tiegħu a posteriori abbażi tal-MEIP. Fl-opinjoni tiegħi, dawn l-allegazzjonijiet — b’mod partikolari, peress li qed jiġu ppreżentati in tempore suspecto — ma jistgħux retrospettivament jittrasformaw eżenzjoni fiskali f’approċċ li jista’ jitqies bħala “komparabbli” mal-konverżjoni ta’ kreditu f’kapital.

31.      Fil-punt 282 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li qatt ma kien hemm kreditu jew dejn x’jiġi rrinunzjat: “… qabel ma ġiet adottata l-Liġi Nru 97‑1026, u qabel ma EDF ġiet meqjusa bħala proprjetarja tar-RAG, ma kienet dovuta l-ebda taxxa. Sussegwentement, peress li r-Repubblika Franċiża rrinunzjat milli tirċievi t-taxxa, din ma kinitx iktar dovuta, u konsegwentement ma setgħetx tidher fil-karta tal-bilanċ bħala dejn tal-impriża”.

32.      Naqbel mal-Kummissjoni li, kieku r-rikostruzzjoni tal-fatti tal-Qorti Ġenerali kellha tiġi aċċettata, twassal għal żieda ta’ kapital li hija impliċita u mhux trasparenti, meħuda mingħajr il-ftehim espress tal-leġiżlatura u kontra l-pariri tal-awtoritajiet fiskali.

33.      B’konnessjoni ma’ dan, il-punt 243 tas-sentenza appellata huwa ċentrali għar-raġunament tal-Qorti Ġenerali. Hemm, il-Qorti Ġenerali tidher li qed tuża l-argument li l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97‑1026 kien intiż li jirristruttura l-karta tal-bilanċ ta’ EDF u jżid il-fondi tagħha sabiex tikkonkludi li “b’hekk, minnu nnifsu, dan ma huwiex dispożizzjoni ta’ natura fiskali, iżda dispożizzjoni ta’ natura kontabbli b’effetti fiskali, hekk kif turi l-ittra mibgħuta lil EDF … fit-22 ta’ Diċembru 1997”.

34.      Fil-fatt, il-bqija tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq il-konstatazzjoni li l-Istat Franċiż wettaq investiment, u b’mod partikolari, li kien “żied il-kapital ta’ [EDF] billi rrinunzja għal dan il-kreditu fiskali” (ara l-punt 246 tas-sentenza appellata). Qari tal-passaġġi rilevanti tas-sentenza appellata jikkonferma li, fil-fatt, dan l-element huwa l-muftieħ għar-raġunament tal-Qorti Ġenerali u li, għall-Qorti Ġenerali, kien jirrappreżenta l-punt essenzjali li kellu jiġi riżolt sabiex tiġi deċiża t-tielet parti tat-tieni motiv ta’ EDF.

35.      Fil-fatt, din l-idea tista’ tiġi intraċċata fis-sentenza kollha. Tista’ tinstab f’termini xi ftit jew wisq espliċiti fil-punti 248, 249, 250, 252, 253, 258 u 259. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tirreferi għall-għanijiet allegatament segwiti fil-punti 229, 233, 234, 235, 236, 237, 247 u 259 tas-sentenza appellata.

36.      Evidentement, il-Qorti Ġenerali bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq it-termini tal-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97‑1026. Essenzjalment, l-argumentazzjoni kollha tal-Gvern Franċiż u EDF tistrieħ ħafna fuq it-termini ta’ din il-proviżjoni. Huma jargumentaw li minn dawn it-termini huwa ċar li l-Qorti Ġenerali għamlet sew li kkunsidrat li l-għajnuna mogħtija fl-1997 kienet injezzjoni ta’ kapital. Madankollu, kuntrarju għal dawn l-argumenti, jien nikkunsidra li t-termini tal-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97‑1026 ma jwasslux għall-konklużjoni inevitabbli li dik l-għajnuna kienet injezzjoni ta’ kapital. Barra minn hekk, il-Gvern Franċiż ma weriex fl-osservazzjonijiet tiegħu li min-natura tal-operazzjonijiet finanzjarji jirriżulta neċessarjament li dawn jikkostitwixxu injezzjoni ta’ kapital. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, huwa ċar li l-argument tal-Gvern Franċiż li l-allegata injezzjoni ta’ kapital twettqet bl-iżjed “mod trasparenti” (għax tieħu l-forma ta’ liġi) għandu jiġu miċħud ukoll.

37.      Jekk xejn, kienet trasparenti fil-forma: ċertament ma kinitx trasparenti fil-kontenut.

38.      Manifestament, l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97‑1026 sempliċement jistabbilixxi l-konsegwenzi tal-kontabbiltà tal-operazzjonijiet finanzjarji koperti. Jibqa’ l-fatt li ma jistabbilixxix konsegwenzi jew implikazzjonijiet fiskali tal-operazzjonijiet inkwistjoni. Fil-fatt, EDF tidher li tammetti dan fid-difiża tagħha. Kif innutat il-Kummissjoni, waqt il-proċess leġiżlattiv, emenda proposta għat-test tal-liġi kienet miċħuda għax ippruvat tiddefinixxi l-proċess ta’ kontabbiltà li permezz tiegħu l-provvedimenti tal-kontabbiltà marbuta mal-istrutturi inkwistjoni jiġu kkonvertiti f’fondi proprji (12).

39.      L-ewwel nett, huwa biżżejjed li jiġi indikat li ma hemm xejn fil-Liġi Nru 97-1026 li jissuġġerixxi li l-Istat Franċiż wettaq operazzjoni li kienet tikkonsisti, essenzjalment, fil-konverżjoni ta’ kreditu fiskali fil-kapital ta’ EDF. It-tieni nett, mir-rapport tal-kumitat tal-finanzi tal-Assemblea Nazzjonali, imħejji matul l-eżami tat-test, jirriżulta li l-leġiżlatura ma ddeċidietx dwar il-proċess fiskali li permezz tiegħu l-provvedimenti tal-kontabbiltà marbuta mal-istrutturi tat-trażmissjoni tal-elettriku koperti mill-konċessjoni għan-netwerk tat-trażmissjoni b’vultaġġ għoli jiġu konvertiti f’fondi proprji. B’mod importanti, dak ir-rapport jikkonferma li l-liġi ma fiha l-ebda indikazzjoni tal-konsegwenzi fiskali tar-riklassifikazzjoni tal-kontabbiltà li għandha titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tagħha.

40.      Fir-rigward tal-ittra tat-22 ta’ Diċembru 1997 mill-Gvern Franċiż lil EDF, jidher li l-awtoritajiet Franċiżi nfushom għamlu distinzjoni ċara bejn il-miżuri marbuta mar-ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ (ara l-Anness 1 ma’ dik l-ittra) u l-konsegwenzi fiskali (ara l-Anness 3 ma’ dik l-ittra). Kif ġie indikat mill-Kummissjoni, l-Anness 1 sempliċement juri l-allokazzjoni diretta tad-drittijiet tal-konċedent għall-entrata tal-injezzjonijiet ta’ kapital fl-ammont ta’ FRF 14.119 biljun, filwaqt li l-Anness 3 jneħħi l-konsegwenzi fiskali ta’ din il-miżura għal EDF. Għal darb’oħra ma hemm xejn f’dak id-dokument li jissuġġerixxi li kreditu fiskali ġie konvertit f’kapital.

41.      Fir-rigward tal-ittra tad-9 ta’ April 2002 mill-awtoritajiet Franċiżi lill-Kummissjoni, is-sitwazzjoni hija l-istess u għal darb’oħra ma hemm xejn li jissuġġerixxi li l-Istat Franċiż wettaq konverżjoni ta’ kreditu fiskali għal kapital.

42.      Mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kien tard fil-proċedura amministrattiva — mhux qabel id-9 ta’ Diċembru 2002, 18-il xahar mill-bidu tal-investigazzjoni — li, fl-osservazzjonijiet mibgħuta lill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Franċiżi fittxew li jippreżentaw l-eżenzjoni fiskali mogħtija lil EDF bħala operazzjoni “komparabbli” għal “injezzjoni ta’ kapital oħra”, u b’mod importanti, meta għamlu dan, l-awtoritajiet Franċiżi ma pprovdew l-ebda prova oġġettiva biex jappoġġjaw dawn il-krediti.

43.      Fil-fatt, kif il-Kummissjoni indikat korrettament, fl-osservazzjonijiet sottomessi quddiem il-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Frar 2005, EDF ippreżentat studju bl-isem ta’ “Perspettiva ipotetika ta’ investitur privat”, iżda anki dak l-istudju twettaq biss ex post f’tentattiv li jiġġustifika retrospettivament ir-razzjonal ekonomiku tat-tranżazzjoni inkwistjoni. Dan ifisser li, kien hemm tentattiv li dik it-tranżazzjoni tiġi ppreżentata bħala l-konverżjoni ta’ kreditu f’kapital, interpretazzjoni ta’ avvenimenti li, fuq il-fatti, tidher li ma taqbilx mar-realtà, jew anki li qatt ma ġiet analizzata bħala tali mir-Repubblika Franċiża, fiż-żmien tar-ristrutturazzjoni inkwistjoni.

44.      Imbagħad, il-fatt li l-Qorti Ġenerali ddevjat mill-fatti tal-kawża billi żnaturathom sa tali punt li finalment iddeċidiet fuq kawża oħra differenti mill-kawża li kellha quddiemha, huwa evidenti mill-punt 242 tas-sentenza appellata. F’dak il-punt, il-Qorti Ġenerali enfażizzat li l-partijiet kollha qablu li t-taxxa kellha tkun pagabbli fuq it-tranżazzjoni inkwistjoni. B’kuntrast, fil-punti 266 sa 269, il-Qorti Ġenerali tkompli tesprimi dubju li għandha dwar jekk it-taxxa hijiex attwalment pagabbli f’tali ċirkustanzi. Madankollu, mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidher li t-tranżazzjoni inkwistjoni — fil-forma li fiha twettqet — kellha fil-fatt tagħti lok għall-ġbir ta’ taxxa.

45.      Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiddeċiedi bħala kwistjoni ta’ fatt li injezzjoni ta’ kapital kienet seħħet b’konsegwenza tal-abbandun ta’ kreditu fiskali, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe prova oġġettiva li tikkonferma l-eżistenza attwali ta’ tali tranżazzjoni.

46.      Għaldaqstant, peress li tali prova oġġettiva kienet manifestament nieqsa, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li kien hemm injezzjoni ta’ kapital hija konstatazzjoni bbażata fuq żnaturament tad-dokumenti quddiemha.

47.      Alternattivament, kif innutat il-Kummissjoni, kieku d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kellha tiġi interpretata, mhux bħala deċiżjoni ta’ fatt oġġettiv, iżda bħala klassifikazzjoni legali tal-fatti, ibbażata fuq finzjoni ta’ konverżjoni impliċita u mhux trasparenti ta’ taxxa f’kapital, jew bħala tranżazzjoni korrispondenti għal tali konverżjoni, tali klassifikazzjoni legali tal-fatti tkun manifestament żbaljata, għax tivvizzja r-raġunament sħiħ tal-Qorti Ġenerali.

48.      Finalment, il-punt 225 tas-sentenza appellata korrettament jindika li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-MEIP ma huwiex rilevanti meta l-intervent mill-Istat ma għandu l-ebda natura ekonomika. Din hija l-pożizzjoni meta l-awtoritajiet pubbliċi jħallsu sussidju direttament lil impriża, jew jagħtu eżenzjoni mit-taxxa, jew jaqblu għal tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Għaldaqstant, naqbel mal-Kummissjoni li permezz tar-riklassifikazzjoni tat-tranżazzjoni inkwistjoni, jidher ukoll li l-Qorti Ġenerali ppruvat fil-fatt tevita l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-MEIP.

49.      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jintlaqa’.

B –    It-tieni aggravju: interpretazzjoni tal-Artikolu 87 KE

1.      L-ewwel parti tat-tieni aggravju: kriterji għad-distinzjoni bejn l-Istat bħala azzjonist u l-Istat li jeżerċita l-prerogattivi tiegħu ta’ awtorità pubblika.

50.      Essenzjalment, il-Kummissjoni, Iberdrola u l-Awtorità jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li d-distinzjoni bejn l-Istat bħala azzjonist u l-Istat li jeżerċita l-prerogattivi tiegħu ta’ awtorità pubblika tiddependi primarjament fuq l-għan segwit mill-Istat (f’din il-kawża, ir-rikapitalizzazzjoni ta’ EDF) u mhux fuq elementi li huma oġġettivi u verifikabbli, kif mitlub mill-ġurisprudenza. EDF u l-Gvern Franċiż isostnu li l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

51.      L-ewwel nett, EDF u l-Gvern Franċiż jargumentaw essenzjalment li t-tieni aggravju huwa bbażat fuq l-allegat żnaturament tal-fatti mill-Qorti Ġenerali, li jifforma parti mis-suġġett tal-ewwel aggravju. Huma jikkunsidraw li ż-żewġ aggravji huma komplementari u li l-ewwel aggravju jikkostitwixxi, fil-fatt, premessa indispensabbli għat-tieni aggravju.

52.      Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, it-tieni aggravju huwa manifestament separat u indipendenti mill-ewwel aggravju. Dan huwa minnu, minkejja l-fatt li l-appell jikkonċerna neċessarjament l-Artikoli 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ ħlas minn EDF fl-1997 ta’ ċerti ammonti ta’ taxxa fuq il-kumpanniji. Fil-fatt, kif l-Awtorità u Iberdrola indikaw korrettament, l-Artikoli 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata jistgħu jinżammu jew jaqgħu sew jekk il-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni hija kklassifikata bħala injezzjoni tal-kapital u sew bħala nuqqas tal-ħlas tat-taxxa, jekk l-ebda investitur razzjonali u prudenti ma jagħmel dawk il-fondi disponibbli għal impriża pubblika fuq “termini li investitur privat isib li huma aċċettabbli fil-provvista ta’ fondi għal impriża privata komparabbli meta l-investitur privat ikun qed jopera taħt kundizzjonijiet normali tal-ekonomija tas-suq” (13) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

53.      B’mod ċar, il-konstatazzjoni fattwali magħmula mill-Kummissjoni f’dik il-parti tad-deċiżjoni kkontestata kienet dik li l-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Istat Franċiż fl-1997 kienet għajnuna mill-Istat illegali.

54.      Jien nikkunsidra li, fi kwalunkwe każ, il-fatt jibqa’ li t-tieni aggravju huwa fondat. Fil-fatt, huwa paċifiku li, f’din il-kawża, l-Istat Franċiż eżerċita l-prerogattivi tiegħu bħala awtorità pubblika.

55.      Fir-rigward tal-mertu tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, nemmen li waħda mill-iżjed kwistjonijiet importanti f’dan l-appell hija l-importanza kbira ferm li l-Qorti Ġenerali tagħti lill-għan tal-miżura taħt evalwazzjoni, konġunta mal-fatt li dak l-approċċ ma jsibx bażi fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

56.      Kif ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti l-Artikolu 87(1) KE “ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi Statali, iżda jiddefinihom skont l-effetti tagħhom” (14). Fil-fatt, in-natura tal-għanijiet segwiti minn miżura tal-Istat ma hijiex biżżejjed ipso facto biex teħodha barra mill-kamp tal-applikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat. Kieku kien mod ieħor, l-Istat Membru jkollu biss jinvoka l-leġittimità tal-għan segwit mill-intervent pubbliku sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat (15).

57.      Hawnhekk EDF tirribatti bl-argument li l-Qorti Ġenerali ma evalwatx il-miżura inkwistjoni esklużivament abbażi tal-għan tagħha. Skont EDF, il-Qorti Ġenerali evalwat dik il-miżura fid-dawl ta’ varjetà ta’ kriterji, bħan-natura, l-oġġett u l-għanijiet tagħha, u b’riferiment għall-aspetti kollha tagħha u l-kuntest globali tagħha.

58.      Filwaqt li jista’ jiġi aċċettat li, prima facie, il-Qorti Ġenerali ma bbażatx l-approċċ tagħha fuq l-għan segwit, jibqa’ l-fatt li qari iktar fid-dettall tas-sentenza appellata juri li l-Qorti Ġenerali fil-fatt, ibbażat il-konstatazzjonijiet tagħha prinċipalment — jekk mhux eklużvament — fuq l-għan segwit, sabiex tiddetermina jekk l-Istat aġixxiex qua azzjonist jew qua awtorità pubblika. Kif ser ikun evidenti, huwa inkontestabbli li l-Qorti Ġenerali attribwiet importanza predominanti għall-għan segwit.

59.      Fil-punt 229 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qalet li “[s]abiex jiġi evalwat jekk il-miżuri adottati mill-Istat jifformawx parti mill-prerogattivi ta’ setgħa pubblika tiegħu jew jirriżultawx mill-obbligi li għandu jassumi bħala azzjonist, dawn il-miżuri għandhom jiġu evalwati mhux skont il-forma tagħhom, iżda skont in-natura tagħhom, skont is-suġġett tagħhom, u skont ir-regoli li huma suġġetti għalihom, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan segwit mill-miżuri inkwistjoni” (enfażi miżjuda).

60.      Imbagħad, fil-punt 233, il-Qorti Ġenerali għal darboħra tenfażizza l-ħtieġa li jiġi ddeterminat jekk l-Istat segwix “għan ekonomiku” li jista’ jiġi segwit ukoll minn investitur privat, sabiex jiġi stabbilit jekk il-MEIP huwiex applikabbli jew le. Il-Punti 234 u 235 isemmu wkoll li l-għan segwit huwa importanti f’dan il-kuntest. Fil-punt 236, il-Qorti Ġenerali jikkonkludi li “il-miżura għandha tiġi eżaminata mhux skont il-forma biss, iżda skont in-natura, l-iskop u l-għanijiet tagħha, liema ħaġa tippreżumi li din titqies mill-aspetti kollha tagħha, kif ukoll li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li din tiġi adottata fih” (enfażi miżjuda). Finalment, il-punt 237 jirriferi wkoll għall-għan tal-miżura inkunsiderazzjoni.

61.      Imbagħad, huwa fil-punt 247 li l-Qorti Ġenerali għal darb’oħra tgħid — deċiżivament — li “fid-dawl tal-għan ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ EDF segwit mil-Liġi Nru 97‑1026, in-natura fiskali waħedha tal-kreditu […] u l-fatt waħdu li dan irrikorra għal-liġi ma jippermettux li l-Kummissjoni tirrifjuta milli tivverifika jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat setax jasal biex jipproċedi għal żieda fil-kapital tal-istess daqs u, għalhekk, jekk il-kapitali ġewx miżjuda mill-Istat f’ċirkustanzi li jikkorrispondu mal-kundizzjonijiet normali tas-suq” (enfażi miżjuda).

62.      Għaldaqstant, sabiex tiddeċiedi dwar l-applikabbiltà tal-MEIP, il-Qorti Ġenerali manifestament ikkunsidrat, u tat importanza deċiżiva lill-għan segwit u, b’konsegwenza, dik id-deċiżjoni hija bbażata fuq żball ta’ liġi.

63.      Barra minn hekk, huwa ċar li l-unika ġurisprudenza li fuq il-bażi tagħha l-Qorti Ġenerali qed tipprova tiġġustifika li ġie kkunsidrat, fil-kuntest tal-applikabbiltà tal-MEIP, l-għan allegatament segwit mill-Istat Membru, hija s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’SAT Fluggesellschaft (16).

64.      Madankollu, fil-punt rilevanti ta’ dik is-sentenza (punt 30), il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma tirreferi għall-għan segwit mill-miżura inkwistjoni.

65.      L-ewwel nett, is-sentenza SAT Fluggesellschaft ma hijiex kawża li tikkonċerna l-għajnuna mill-Istat. Dik is-sentenza fittxet li tiddetermina jekk ċerta organizzazzjoni internazzjonali kinitx tikkostitwixxi “impriża” skont it-tifsir tal-Artikoli 82 KE u 86 KE. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba jekk l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni tal-Ajru (Eurocontrol) kinitx tikkostitwixxi “impriża”.

66.      Sabiex tiddeċiedi din il-mistoqsija, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat: (i) in-natura tal-attivitajiet ta’ Eurocontrol (punt 19), (ii) l-għan ta’ dawk l-attivitajiet kif definit fil-konvenzjoni li stabbilixxitha (punt 21), (iii) il-kompiti ta’ Eurocontrol kif definiti fil-konvenzjoni emendata (punt 22), (iv) il-kompetenzi tagħha, b’mod partikolari, li tistabbilixxi u tiġbor imposti fuq ir-rotot (punti 23, 28 u 29), (v) l-attività tal-operat ta’ Eurocontrol (punt 24), u, finalment, (vi) il-metodu ta’ finanzjament bħala organizzazzjoni internazzjonali (punt 26).

67.      Fil-punti 30 u 31 tas-sentenza SAT Fluggesellschaft, għaldaqstant, il-Qorti waslet għall-konklużjoni li “ikkunsidrati flimkien, l-attivitajiet ta’ Eurocontrol […] huma konnessi mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi marbuta mal-kontroll u s-superviżjoni tal-ispazju tal-ajru li huma tipikament prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Huma ma humiex ta’ natura ekonomika li tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni tat-Trattat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant Eurocontrol ma kinitx tikkostitiwixxi impriża taħt l-Artikoli 82 KE u 86 KE.

68.      Għandu jiġi nnutat li, f’din il-kawża, kienet il-Qorti Ġenerali nnifisha li rrikonoxxiet fil-punt 246 tas-sentenza appellata li “l-Istat għamel użu mill-prerogattivi tas-setgħa pubblika tiegħu billi rrinunzja [għall-kreditu inkwistjoni]”. Ma huwiex ikkontestat li l-miżura inkwistjoni hija konnessa mal-eżerċizzju tal-prerogattivi tal-awtorità pubblika. Barra minn hekk, kif indikat korrettament il-Kummissjoni, it-test applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza SAT Fluggesellschaft kien jikkonċerna l-klassifikazzjoni ta’ organizzazzjoni partikolari bħala impriża u mhux il-klassifikazzjoni ta’ ċerta operazzjoni mwettqa mill-Istat bħala għajnuna mill-Istat, kif inhi din il-kawża.

69.      L-unika konklużjoni li tista’ tintlaħaq mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti hija li, kuntrarju għall-argumenti tal-Gvern Franċiż, is-sentenza SAT Fluggesellschaft kienet u tibqa’ mhux rilevanti għall-finijiet li tiġi deċiża din il-kawża u, b’mod partikolari, dik is-sentenza hija irrilevanti għall-finijiet li jiġi stabbilit jekk f’każ partikolari li jappartjeni għall-Artikolu 87 KE, il-MEIP huwiex applikabbli jew le.

70.      Barra minn hekk, nikkunsidra li, fil-fatt, il-Qorti Ġenerali lanqas biss applikat il-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 30 tas-sentenza SAT Fluggesellschaft. Il-Qorti Ġenerali ttrattat l-għan segwit mill-Istat — kriterju li huwa estranju għal dik is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja — bħala l-iżjed fattur determinattiv u, fl-istess ħin, naqset milli tikkunsidra n-natura tal-azzjoni tal-Istat fir-rinunzja tal-kreditu inkwistjoni li, fil-kliem stess tal-Qorti Ġenerali, kienet sitwazzjoni fejn l-Istat għamel użu mill-prerogattivi tiegħu ta’ awtorità pubblika.

71.      L-ewwel nett, kriterju bbażat fuq l-intenzjoni tal-Istat ma huwiex partikolarment xieraq sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat sa fejn tali kriterju huwa, fih innifsu, suġġettiv u miftuħ għal interpretazzjonijiet. It-tieni nett, kif ġie indikat minn Iberdrola, il-fatt li jiġu kkunsidrati l-għanijiet allegatament segwiti mill-Istat Membru jwassal għal manipulazzjoni, li tolqot il-kompetizzjoni bejn setturi privati u pubbliċi. Hemm riskju reali li, sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tal-liġi tal-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri jħossuhom inkoraġġuti li jqajmu biss (ex post) preokkupazzjonijiet għall-għamil ta’ profitti.

72.      Finalment, ir-rwol determinanti mogħti mill-Qorti Ġenerali lill-għan segwit huwa diffiċli li jkun irrikonċiljat mal-fatt li “il-kunċett ta’ għajnuna huwa wieħed oġġettiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (17). Fil-fatt, ma għandux jintesa li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “l-għajnuna mill-Istat, kif stabbilit fit-Trattat, għandu natura legali u għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi” (18). Finalment, il-preżenza ta’ element ta’ għajnuna hija evalwata biss b’riferiment għal elementi oġġettivi u verifikabbli disponibbli. Kieku kien mod ieħor, id-dover ta’ superviżjoni tal-Kummissjoni jkun affetwat u l-qrati ma jkunux kapaċi “jwettqu reviżjoni komprensiva dwar jekk miżura taqax fil-kamp tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (19), u fil-fatt dan huwa preċiżament ir-riskju jekk jiġi segwit l-approċċ issuġġerit fis-sentenza appellata.

73.      Imbagħad, EDF targumenta li dak li huwa rilevanti fil-qafas tal-applikazzjoni tal-MEIP ma huwiex biss l-għan segwit iżda wkoll, b’mod partikolari, il-kuntest. Hija tibbaża ruħha fuq xi kawżi li fihom il-Kummissjoni ntalbet tevalwa l-kuntest ta’ diversi operazzjonijiet. B’mod partikolari, EDF tirreferi għas-sentenzi Chronopost I (20), P&O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni (iktar ’il quddiem “P&O European Ferries”) (21), Bundesverband deutscher Banken vs Il‑Kummissjoni (22), u Ryanair vs Il‑Kummissjoni (iktar ’il quddiem “Ryanair”) (23).

74.      Huwa biżżejjed li jiġi indikat, madankollu, li f’dawk il-kawżi kollha, il-kwistjoni kienet iddur ma’ tranżazzjonijiet ta’ natura kummerċjali. Fis-sentenza Chronopost I, dan kien it-trasferiment ta’ klijentela; fis-sentenza P & O European Ferries, il-bejgħ ta’ biljetti tal-ferry; fis-sentenza Bundesverband deutscher Banken vs Il‑Kummissjoni, id-disponibbiltà ta’ assi għal bank li mbagħad intużaw biex jissaħħaħ in-negozju kompetittiv tiegħu; u finalment, fis-sentenza Ryanair, l-iffissar ta’ imposti tal-ajruport, jiġifieri, attività direttament ikkonċernata bil-ġestjoni ta’ infrastruttura tal-ajruport, li hija attività ekonomika. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġenerali għamlitha ċara fis-sentenza Ryanair li kien xieraq li l-imposti inkwistjoni jiġu meqjusa bħala “tariffi” u mhux bħala “taxxi” — fil-fatt, għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni hawnhekk, skema li tnaqqas dawk l-imposti setgħet tiġi stabbilita minn operatur privat.

75.      B’mod partikolari, jidher li l-Qorti Ġenerali ispirat ruħha mis-sentenza tagħha f’Ryanair, li permezz tagħha annullat ukoll deċiżjoni ta’ għajnuna mill-Istat tal-Kummissjoni. B’mod speċifiku, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fis-sentenza Ryanair li ċ-ċaħda tal-Kummissjoni li teżamina flimkien il-vantaġġi mogħtija lil Ryanair mir-Reġjun ta’ Wallonie u mill-Ajruport Charleroi, u li tiddetermina jekk, meħuda flimkien, dawn iż-żewġ entitajiet aġixxewx bħala operaturi razzjonali f’ekonomija tas-suq, kienet ivvizzjata minn żball ta’ liġi. Madankollu, huwa ċar li din il-kawża għandha tiġi distinta mis-sentenza Ryanair. Fil-fatt, il-ġurisprudenza kienet diġà rrikonoxxiet in-natura ekonomika tal-attivitajiet inkwistjoni fis-sentenza Ryanair (24). Minkejja li l-imposti inkwistjoni f’din il-kawża ġew imposti b’mezzi regolatorji, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kien hemm attività ekonomika għax “l-iffissar tat-taxxi tal-ajruport, hija strettament relatata mal-użu u l-ġestjoni tal-ajruport ta’ Charleroi, attività li għandha tkun kklassifikata bħala ekonomika”. Il-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkunsidrat li l-fatt li ma jiġix irrikonoxxut li, billi ffissa l-imposti inkwistjoni, ir-Reġjun ta’ Wallonie seta’ jaġixxi bħala investitur privat, jammonta għal diskriminazzjoni bejn ajruporti privati u pubbliċi. Forsi għandu jiġi nnutat li l-Kummissjoni ma appellatx is-sentenza Ryanair.

76.      Madankollu, b’differenza mill-iffissar ta’ dawn l-imposti, l-ebda operatur privat ma jista’ (qatt) jirrinunzja kreditu fiskali. Fil-fatt, nikkunsidra li EDF hija manifestament żbaljata meta tipprova targumenta li l-fatt li l-istrument użat mill-Istat huwa inaċċessibbli għall-investitur privat ma jistax ifisser li l-MEIP għandu jiġi miċħud. Hemm, b’mod ċar, raġuni tajba għall-opinjoni tal-kummentaturi legali li l-MEIP ma jistax japplika fi kwistjonijiet fiskali, jiġifieri, f’kawżi fejn il-vantaġġ inkwistjoni jinkiseb permezz ta’ liġi fiskali (25).

77.      Fl-opinjoni tiegħi, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata għandu jiġi miċħud a fortiori għax, jekk l-Istat jixtieq li jaġixxi potenzjalment bħala investitur privat, xorta jista’: kulma għandu jagħmel huwa li jipproċedi biex jinjetta kapital f’impriża wara li jkun eżerċita s-setgħat fiskali tiegħu u għaldaqstant uża l-prerogattivi tiegħu ta’ awtorità pubblika. Għaldaqstant, kuntrarju għall-argumenti ta’ EDF li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ MEIP jkun eċċessivament ristrett u jkun jammonta għal diskriminazzjoni kontra l-impriżi pubbliċi, l-approċċ li jien niddefendi hawn ma jikkawża l-ebda diskriminazzjoni bi ħsara għall-impriżi pubbliċi. Huwa ġie sempliċement iddisinjat biex jillimita r-riskju ta’ diskriminazzjoni bi ħsara għall-impriżi privati.

78.      Imbagħad, kif innutat l-Awtorità, filwaqt li jeżistu ċirkustanzi li fihom Stat jista’ jidħol f’relazzjonijiet kuntrattwali u kummerċjali ma’ kumpanniji, id-dejn dovut minn EDF lill-Istat Franċiż f’din il-kawża assolutamanet ma kienx ta’ natura kuntrattwali jew kummerċjali. Kien dejn fiskali. It-taxxi huma impost mill-Istat u ma humiex dovuti b’konsegwenza ta’ relazzjonijiet kuntrattwali jew kummerċjali volontarji. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti ddistingwiet operazzjonijiet imwettqa mill-Istat li jaġixxi bħala investitur minn dawk fejn jaġixxi bħala kreditur (26).

79.      Barra minn hekk, skont il-MEIP, kull meta kumpannija tirċievi għajnuna permezz ta’ fondi pubbliċi, din l-għajnuna tiġi meqjusa bħala għajnuna mill-Istat jekk investitur privat, taħt ċirkustanzi normali, ma kienx jagħmel tali investiment. Jekk, mill-banda l-oħra, l-Istat ikun aġixxa bl-istess mod bħal kull azzjonist privat normali taħt kundizzjonijiet tas-suq normali, l-għajnuna finanzjarja ma tiġix ikkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat. Kif indikat l-Awtorità, huwa ċar li l-Istat jimponi taxxi fis-setgħa tiegħu ta’ awtorità pubblika. Ma tantx jista’ jingħad li l-Istat għandu s-setgħa li jintaxxa fil-kapaċità tiegħu ta’ investitur privat. Il-korallarju tal-impożizzjoni ta’ taxxi — ir-rinunzja ta’ debiti fiskali — huwa wkoll attività li l-Istat iwettaq bħala awtorità pubblika. B’konsegwenza ta’ dan, l-attivitajiet fiskali tal-Istat — l-impożizzjoni, il-ġbir, ir-rimbors jew ir-remissjoni ta’ taxxi — huma bla dubju meħuda fl-eżerċizzju tas-setgħa tal-awtorità pubblika tiegħu u ma jistgħux bħala definizzjoni jitwettqu minn investitur privat.

80.      Fil-fatt, din hija r-raġuni għaliex saret distinzjoni importanti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-sentenza “Hytasa”) (27) li “għandha ssir distinzjoni bejn l-obbligi li l-Istat għandu jerfa’ bħala sid il-kapital azzjonarju ta’ kumpannija u l-obbligi tiegħu bħala awtorità pubblika. Peress li t-tliet kumpanniji inkwistjoni ġew ikkostitwiti bħala kumpanniji b’responsabbiltà limitata, il-Patrimonio del Estado, bħala sid tal-kapital azzjonarju, kien ikun biss responsabbli għad-dejn tagħhom sal-valur tal-likwidazzjoni tal-attiv tagħhom. Dan ifisser […] li l-obbligi li jirriżultaw mill-ispiża ta’ sensji, il-pagament ta’ allowances tal-qgħad u l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni tal-infrastruttura industrijali ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-[MEIP]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

81.      Fis-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-sentenza “Gröditzer) (28), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “sabiex jiġi stabbilit jekk il-privatizzazzjoni ta’ Gröditzer Stahlwerke (GS) għal prezz ta’ bejgħ negattiv ta’ DEM 340 miljun tinvolvix elementi ta’ għajnuna mill-Istat, huwa meħtieġ li jiġi evalwat jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat ta’ dimensjoni komparabbli għal dak tal-korpi li jamministraw is-settur pubbliku setax jiġi mġiegħel jagħmel kontribuzzjonijiet ta’ kapital tal-istess daqs b’rabta mal-bejgħ ta’ dik l-impriża jew jekk inkella kienx jagħżel li jistralċjaha” (29) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għal darb’oħra, il-Qorti fakkret li għandha ssir distinzjoni bejn l-obbligi li l-Istat għandu jerfa’ bħala sid tal-kapital azzjonarju u l-obbligi tiegħu bħala awtorità pubblika.

82.      Imbagħad, fis-sentenza Altmark (30), l-Avukat Ġenerali nnota li l-Qorti tapplika l-MEIP biss f’sitwazzjonijiet fejn l-intervent tal-Istat huwa ta’ natura ekonomika. Huwa qal li l-MEIP huwa rilevanti għax l-aġir tal-Istat huwa kapaċi li jiġi adottat, għall-inqas bħala prinċipju, minn operatur privat li jaġixxi bl-għan li jagħmel profitt (investitur, bank, garanti, impriża jew kreditur). Madankollu, l-MEIP ma huwiex rilevanti meta l-intervent mill-Istat ma għandu l-ebda natura ekonomika. F’dawn is-sitwazzjonijiet, l-intervent mill-Istat ma jistax jiġi adottat minn operatur privat li jaġixxi bl-għan li jagħmel profitt iżda jaqa’ taħt l-eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi tal-Istat, bħall-politika fiskali jew il-politika soċjali. L-MEIP għaldaqstant ma huwiex rilevanti, peress li, bħala definizzjoni, ma jistax ikun hemm ksur ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn is-setturi pubbliċi u privati. Huwa kkonkluda li, bħala konsegwenza, l-MEIP ma japplikax għal interventi mill-Istat li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tas-setgħat pubbliċi.

83.      Fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet korrettament fis-sentenza Ryanair (31), “[g]ħalkemm jidher li jkun neċessarju, fil-każ fejn l-Istat jaġixxi fil-kwalità ta’ impriża li topera bħala investitur privat, li l-aġir tiegħu jiġi analizzat fid-dawl tal-[MEIP], l-applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju għandha tkun eskluża fl-ipoteżi fejn dan jaġixxi bħala awtorità pubblika. Fil-fatt, f’din l-aħħar ipoteżi, l-aġir tal-Istat ma jista’ qatt jitqabbel ma’ dak ta’ operatur jew investitur privat f’ekonomija tas-suq”.

84.      Fis-sentenza Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni (32), il-Qorti Ġenerali korrettament innutat li “għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Land dwar iż-żieda fid-dħul fiskali, għandu jiġi enfasizzat li l-pożizzjoni tal-Land bħala entità pubblika u l-pożizzjoni tiegħu bħala imprenditur m’għandhomx jiġu mħallta. Dik iż-żieda fid-dħul fiskali hija għal kollox irrilevanti għal investitur privat”.

85.      Finalment, għandu jiġi indikat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li entità li tiġbor it-taxxa ma taġixxix bħala operatur ekonomiku (33). Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni ma japplikawx għal attività li, min-natura tagħha, mill-għan tagħha u mir-regoli li għalihom hija suġġetta, ma tappartjenix għall-isfera ta’ attività ekonomika, jew li hija konnessa mal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ awtorità pubblika (34).

86.      Hawn EDF u l-Gvern Franċiż jirribattu bl-argument li kien hemm kawżi oħra li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja adottat approċċ inqas strett f’sitwazzjonijiet fejn sar użu mis-setgħa tal-Istat. Il-Gvern Franċiż jissottometti li l-mezzi huma irrilevanti meta forom differenti ta’ investiment jistgħu jiġu previsti mill-Istat. Huwa jsostni li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li miżuri li ma kinux disponibbli għal investituri privati setgħu jitqabblu mal-aġir ta’ operaturi privati (35).

87.      Madankollu, jien inqis importanti li ma jiġux ittrattati bl-istess mod żewġ kunċetti li huma pjuttost differenti. Għandha ssir distinzjoni bejn il-prinċipju ta’ kreditur privat (f’ekonomija tas-suq) u l-prinċipju ta’ investitur privat (f’ekonomija tas-suq) (l-MEIP). Fil-fatt, għall-kuntrarju tal-argument tar-Repubblika Franċiża, ma huwiex possibbli li titqabbel il-pożizzjoni ta’ investitur privat mal-pożizzjoni ta’ kreditur privat. Filwaqt li investitur jara li jiġġenera profitt billi jagħmel rappreżentazzjonijiet lil impriżi, kreditur jipprova jikseb ħlas tal-ammonti dovuti lilu minn debitur f’diffikultajiet finanzjarji (36).

88.      Għaldaqstant, huwa sinifikanti li hawn la l-Gvern Franċiż u lanqas EDF ma allegaw li dan huwa l-każ ta’ impriża f’diffikultajiet finanzjarji. Dan ma huwiex, b’mod ċar, il-każ ta’ kreditur li jipprova jirkupra ammonti dovuti lilu minn debitur f’diffikultajiet finanzjarji. Barra minn hekk, it-test ta’ kreditur privat ma jiddependix fuq ir-rwol tal-Istat bħala azzjonist, iżda taħt dan it-test, impriżi pubbliċi u privati huma ttrattati bl-istess mod eżatt. B’differenza mill-MEIP u s-sitwazzjoni li tikkonċernana hawnhekk, fil-każ tat-test tal-kreditur privat ma hemm l-ebda riskju ta’ inugwaljanza fit-trattament.

89.      Il-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-MEIP għandu jiġi applikat “bl-esklużjoni ta’ kull kunsiderazzjoni ta’ natura soċjali jew ta’ politika reġjonali jew settorjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], sabiex ma jkun hemm l-ebda kwistjoni li jittieħed kont ta’ kunsiderazzjonijiet li b’mod ovvju huma marbuta mar-rwol ta’ Stat Membru bħala awtorità pubblika, tirriżulta mill-kawżi tal-bidu (37).

90.      L-ewwel sentenzi dwar l-MEIP huma s-sentenzi Meura u Boch II (38). Madankollu, is-suġġett kien diġà ġie ttrattat mill-Avukat Ġenerali Verloren Van Themaat fis-sentenza Intermills vs Il‑Kummissjoni (39). Huwa qal li “din il-kawża hija b’mod ċar marbuta ma’ injezzjoni ta’ kapital f’impriża li qed taffaċċja diffikultajiet, li diġà ġiet meqjusa wkoll mill-Kummissjoni bħala għajnuna [taħt] l-Artikolu 92 […] Barra minn hekk […] il-parteċipazzjoni fil-kapital attwali fl-impriżi fil-grupp Intermills hija primarjament intiża li tkopri t-telf. Fl-opinjoni tiegħi ma hemmx dubju li din il-kopertura tat-telf estensiva ħafna, li b’mod artifiċjali żżomm impriża għaddejja, għandha titqies ukoll bħala għajnuna [taħt] l-Artikolu 92, b’mod speċjali għax għandha tiġi dedotta, min-natura permanenti tal-injezzjoni ta’ kapital u mill-fatt li l-fabbriki li għadhom fil-produzzjoni xorta għadhom mhux qed jagħmlu profitt anki erba’ snin wara li l-għajnuna ngħatat, li l-kapital ma setax inkiseb fis-suq tal-kapital privat” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

91.      Jien inqis li huwa ċar — kif qed nipprova nuri f’dawn il-Konklużjonijiet — għaliex huwa ġġustifikat li kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem kienu stretti dwar iż-żamma ta’ distinzjoni ċara bejn l-użu tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika tal-Istat u r-rwol tiegħu bħala investitur — sabiex, anki meta l-miżura adottata skont awtortità pubblika jkollha pjuttost l-istess effett bħal waħda li setgħet forsi ġiet adottata mill-Istat fil-kapaċità tiegħu ta’ investitur, xorta waħda ma għandhiex titqies fl-evalwazzjoni ta’ allegazzjonijiet li l-Istat aġixxa bħala investitur fis-suq (40).

92.      Fl-opinjoni tiegħi, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret distinzjoni li b’mod metikoluż kienet saret mill-Qorti tal-Ġustizzja bejn acta iure gestionis u acta iure imperii (41). Essenzjalment, fl-opinjoni tiegħi, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali jista’ jwassal għal inċertezza legali u nuqqas ta’ trasparenza, kif ukoll privileġġi (fiskali) għal impriżi pubbliċi. Inżid ngħid li l-aħħar possibbiltà jista’ jkollha impatt partikolarment negattiv fuq id-diversi setturi li ġew riċentament liberalizzati jew li jinsabu fil-proċess li jiġu liberalizzati.

93.      B’mod speċifiku, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata jmur kontra r-rekwiżit tat-trasparenza preskritt taħt id-dritt tal‑UE. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, pereżempju, li “sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta, kif stabbilit fit-Trattat, tista’ tiġi biss garantita jekk l-ugwaljanza tal-opportunità hija żgurata bejn id-diversi operaturi ekonomiċi”. Minn dan, il-Qorti kkonkludiet li “ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva u l-iżgurar tat-trasparenza tirrikjedi t-tfassil ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi, is-sorveljanza tal-applikazzjoni tagħhom u l-għoti tal-approvazzjoni, li għandhom jitwettqu minn korp indipendenti ta’ impriżi pubbliċi jew privati li joffru oġġetti u/jew servizzi li jikkompetu fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (42). Ma għandi l-ebda dubju li t-trasparenza għandha rwol importanti ħafna wkoll fid-dritt tal-UE rigward għajnuna mill-Istat.

94.      F’dan ir-rigward, huwa rilevanti li jsir riferiment għas-sentenza Altmark (43). Jekk il-prinċipji deċiżi f’dik is-sentenza jiġu applikati, il-pożizzjoni hija li, sabiex il-kumpens għall-obbligazzjonijiet tas-servizz pubbliku ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, l-impriża benefiċjarja għandu, b’mod partikolari, ikollha obbligi ta’ servizz pubbliku xi twettaq u dawn għandhom ikunu “ddefiniti b’mod ċar”. Barra minn hekk, “il-parametri li fuqhom huwa kkalkulat l-kumpens iridu jkunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti” (enfażi miżjuda). Fil-kuntest tar-raba’ kundizzjoni stabbilita fis-sentenza Altmark, huwa wkoll rilevanti li l-għażla tal-impriża li għandha twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku għandha tiġi deċiża minn proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku.

95.      Fl-opinjoni tiegħi, huwa ċar li s-sentenza appellata fil-fatt tikkuntesta ċerti elementi tal-ġurisprudenza Altmark. Fis-sentenza Altmark, il-Qorti tal-Ġustizzja, billi ħadet approċċ preskrittiv, fittxet li telimina kwalunkwe possibbiltà ta’ manipulazzjoni min-naħa tal-Istati Membri (f’dan ir-rigward, ara wkoll il-punt 71 iktar ’il fuq) u li ġġib trasparenza u ċarezza fl-attivitajiet tal-Istati Membri fis-suq.

96.      Fl-opinjoni tiegħi, din il-kawża teħtieġ l-istess approċċ. Il-Kummissjoni kienet korretta, għaldaqstant, li mxiet ma’ dan il-prinċipju fid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn għandu jkun hemm separazzjoni viżibbli tar-rwol tal-Istat qua awtorità pubblika mir-rwol tal-Istat qua azzjonist. Jien nikkunsidra li t-test tal-MEIP ma għandux ikun applikabbli sakemm ikun hemm livell ekwu għad-diversi operaturi ekonomiċi, u ugwaljanza għal finijiet fiskali. Ma għandux jintesa li r-ratio tal-MEIP huwa preċiżament li tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni bejn l-impriżi pubbliċi u l-impriżi privati, bl-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat. Kif rajna, madankollu, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddevjat minn din l-ugwaljanza u, għaldaqstant, mir-raison d’être proprju tal-MEIP.

97.      Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi milqugħa.

2.      It-tieni parti tat-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali kien messha tevalwa jekk l-aġir tal-Istat Franċiż kienx miftuħ għal operatur privat mingħajr ebda privileġġi.

98.      Essenzjalment, il-Kummissjoni, Iberdrola u l-Awtorità jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ma bbażatx l-analiżi tagħha fuq studju kumparattiv tal-aġir li operatur privat prudenti, li ma jgawdix minn privileġġi, kien jadotta f’sitwazzjoni simili, minn naħa waħda, u l-aġir attwalment adottat f’din il-kawża mill-Istat Franċiż, mogħni bil-prerogattiva tiegħu ta’ awtorità pubblika, min-naħa l-oħra. EDF u l-Gvern Franċiż jikkontendu li t-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

99.      Madankollu, għall-kuntrarju tal-argumenti ta’ EDF li l-Qorti Ġenerali evalwat l-aġir effettivament adottat mill-Istat, jien inqis li l-analiżi tagħha hija fil-fatt ibbażata fuq l-aġir li l-Istat Franċiż “seta’’ adotta — kieku aġixxa b’mod differenti. Il-Qorti Ġenerali wettqet studju tal-inizjattiva li l-Istat seta’ adotta taħt l-“iskema fit-tul”. Dan kien jikkonsisti, l-ewwel nett, fl-allokazzjoni għall-kapital ta’ EDF ta’ ammont nett wara t-taxxa fuq il-kumpanniji, imbagħad talba lil EDF biex tħallas taxxa korrispondenti għall-varjazzjoni fil-valur nett u, finalment, li ssir injezzjoni oħra ta’ kapital ta’ ammont ekwivalenti għat-taxxa mħallsa.

100. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija korretta meta tindika li, taħt l-“iskema fit-tul”, il-baġit tal-Istat, li huwa kkontrollat sew, kien jiggarantixxi trasparenza — li n-nuqqas tagħha huwa preċiżament il-punt kruċjali f’din il-kawża. Taħt l-iskema li ġiet fil-fatt applikata f’din il-kawża, ir-riżorsi evitaw kwalunkwe dixxiplina baġitarja, il-prinċipju tal-ugwaljanza fiskali ġie injorat u EDF gawdiet trattament speċjali mingħajr l-ebda forma ta’ trasparenza.

101. Kif targumenta Iberdrola, l-affermazzjoni li ma tagħmilx differenza jekk ammont taxxabbli huwiex direttament allokat għall-kapital ta’ impriża pubblika — b’mod kompletament mhux trasparenti — jew jekk l-ammont jipprovdix fondi għall-baġit tal-Istat, hija ċarament żbaljata. Lanqas xejn ma hija konklużjoni predeterminata li l-injezzjoni tal-kapital li magħha l-Qorti Ġenerali xebbhet l-eżenzjoni mit-taxxa inkwistjoni kienet fil-fatt tirriżulta kieku l-Istat Franċiż l-ewwel ġabar it-taxxa sabiex jikkontribwixxi l-ammont għall-baġit tiegħu u mbagħad, permezz tal-proċeduri applikabbli, fittex li jinvesti f’EDF ammont korrispondenti għall-ammont tat-taxxa miġbura.

102. Fi kwalunkwe avveniment, il-ġurisprudenza tagħmilha ċara li l-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat ma tiddependix fuq il-miżuri li “setgħu” ġew adottati. Tiddependi fuq il-karatteristiċi oġġettivi tal-miżura li kienet, fil-fatt, implementata mill-Istat Membru (44).

103. Barra minn hekk, fis-sentenza BNP Paribas u BNL vs Il‑Kummissjoni (45) il-Qorti Ġenerali korrettament iddeċidiet li “ma huwiex l-obbligu tal-Kummissjoni li tikkunsidra l-għażliet suġġettivi li setgħu jagħmlu l-benefiċjarji ta’ din l-iskema fin-nuqqas tagħha, iżda li teżamina din l-iskema sabiex tiddetermina jekk, oġġettivament, tagħtix vantaġġ ekonomiku meta mqabbla mat-taxxa li dderogat minnhom u li kienu normalment japplikaw fin-nuqqas tagħha […]. Il-kunsiderazzjoni li, fin-nuqqas tal-iskema [...] ikkontestata, l-impriżi kkonċernati, allegatament ma kinux iċedu l-assi tagħhom hija irrilevanti, fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni oġġettiva”.

104. Għandu jiġi nnutat li, f’din il-kawża, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali jirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq analiżi “globali”, jiġifieri, analiżi li tkopri t-telf ta’ dħul fiskali li jirriżulta mill-eżenzjoni fiskali mogħtija lil EDF, minn naħa waħda, u l-allegata injezzjoni ta’ kapital addizzjonali mill-Istat azzjonist, min-naħa l-oħra. Biżżejjed li jingħad li dan l-approċċ jippresupponi li d-dħul mit-taxxa ġie direttament ipotekat għall-allegata injezzjoni ta’ kapital. Madankollu, issa huwa ċar li, kieku nġabret it-taxxa, kienet tmur fil-baġit ġenerali tal-Istat, mingħajr l-ebda ipotekar konkret.

105. Skont il-ġurisprudenza, evalwazzjoni konġunta ta’ taxxa bħala mod ta’ finanzjament ta’ miżura tkun biss meħtieġa meta tkun inseparabbli mill-għajnuna, li huwa ħafna drabi l-każ meta ċertu dħul huwa speċifikament “allokat” għall-użu inkwistjoni. Fil-fatt, “[s]abiex taxxa tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala parti integrali ta’ miżura ta’ għajnuna, għandu jkun hemm rabta vinkolanti ta’ allokazzjoni bejn it-taxxa u l-għajnuna bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, fis-sens li d-dħul mit-taxxa għandu neċessarjament jiġi allokat għall-iffinanzjar tal-għajnuna u jinfluwenza direttament l-ammont ta’ din l-għajnuna” (46).

106. Imbagħad, il-kwistjoni ta’ jekk kinitx mossa razzjonali jew le min-naħa tal-Istat Franċiż li jadotta l-miżura inkwistjoni hawn hija sempliċement irrilevanti. Dak ma huwiex l-iskop tal-MEIP. Minflok, huwa ċar mill-ġurisprudenza li l-iskop tiegħu huwa li jqabbel is-sitwazzjoni tal-impriża pubblika ma’ dik ta’ impriża privata u mhux li jqabbel l-ispejjeż għall-Istat taħt żewġ operazzjonijiet differenti.

107. B’konnessjoni ma’ dan, il-punt 262 tas-sentenza appellata jgħid li “bħal kull kreditur proprjetarju ta’ kumpannija, l-Istat jista’ jirrinunzja għal kreditu billi jikkonverti dan il-kreditu f’kapital f’ammont ekwivalenti. Din l-operazzjoni, li permezz tagħha l-proprjetarju ta’ kumpannija jżid il-kapital tagħha billi jirrinunzja għal kreditu li jkollu fir-rigward tagħha, tikkostitwixxi kumpens li investitur privat diliġenti jista’ jwettaq ukoll f’kundizzjonijiet normali tas-suq”. Fis-seduta, il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant staqsiet: jekk impriża privata li ħolqot provvedimenti ta’ kontabbiltà sabiex tirrimborża kreditu miżmum mill-azzjonist uniku tagħha u dan tal-aħħar jiddeċiedi li jirrinunzja l-kreditu tiegħu sabiex iżid il-kapital tal-impriża, din l-operazzjoni twassal għal tassazzjoni taħt l-Artikolu 38(2) tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa Franċiż? Il-Kummissjoni wieġbet li huwa paċifiku li l-ammont taż-żieda fil-kapital qatt ma jkun l-istess peress li l-ammont tat-taxxa qatt ma jista’ jiġi rkuprat minn operatur privat (li jkollu jħallas it-taxxa u ma jkunx kapaċi jikkonvertih f’kapital), filwaqt li l-Istat Franċiż kien kapaċi jinjetta mill-ġdid dak l-istess ammont.

108. Għaldaqstant huwa evidenti li, minn naħa waħda, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat l-aġir li l-Istat Franċiż “seta’ adotta” — jiġifieri, l-iskema fit-tul (b’differenza għall-aġir effettivament adottat mill-Istat) — filwaqt li, min-naħa l-oħra, naqset milli tiddefinixxi operatur privat ta’ riferiment li jista’ jeżisti fis-suq.

109. Kif jidher ċar issa, madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li, injezzjoni ta’ kapital mill-Istat jew minn awtoritajiet pubbliċi ma tistax titqies bħala għajnuna mill-Istat meta investitur privat li jopera taħt kundizzjonijiet tas-suq normali kien jagħmel l-investiment (47). B’konnessjoni ma’ dan, huwa meħtieġ li jiġi kkunsidrat jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat ta’ daqs komparabbli għall-korp pubbliku inkwistjoni kienx jipprovdi kapital tal-istess ammont (48).

110. Kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet diskussi hawn fuq, huwa ċar f’din il-kawża li impriża privata ma kinitx tkun kapaċi li tikkonverti l-fondi mwarrba taħt il-provvedimenti ta’ kontabbiltà f’kapital mingħajr ma l-ewwel ikollha tħallas taxxa fuq il-kumpanniji. B’konsegwenza, l-investitur privat ma kienx ikollu iżjed l-ammont taxxabbli disponibbli għalih u għaldaqstant ma kienx ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-ammont li suppost intuża għal injezzjoni ta’ kapital addizzjonali, li l-Istat Franċiż — bl-użu tal-prerogattivi tiegħu — kien kapaċi li “jinvesti”.

111. B’konnessjoni ma’ dan, huwa rilevanti li hawn nirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Chronopost I (49), sa fejn, fl-opinjoni tiegħi, dak li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet hemm kien dak li huwa mitlub f’din il-kawża. Fis-sentenza Chronopost I, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma kienx xieraq li tqabbel is-sitwazzjoni ta’ La Poste ma’ dik ta’ investitur privat.

112. B’mod partikolari, f’dik il-kawża kienet ukoll il-Qorti Ġenerali li laqgħet l-applikazzjoni tal-MEIP, filwaqt li sussegwentement il-Qorti ċaħditha. Dan kien meħtieġ għax La Poste kienet f’sitwazzjoni partikolari ħafna: kellha żżomm netwerk ta’ uffiċċji postali sabiex tipprovdi Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali, u investitur privat — li ma joperax f’settur riżervat — qatt ma kien ser isib lilu nnifsu fl-istess pożizzjoni.

113. Għaldaqstant jirriżulta mis-sentenza Chronopost I li, meta operatur pubbliku jitqiegħed f’sitwazzjoni li permezz tagħha, bħala definizzjoni, operatur privat ma jistax jiġi affaċċjat, ma hemm xejn xi tqabbel. Fl-opinjoni tiegħi, il-kwistjoni fis-sentenza Chronopost I kienet li jiġi determinat l-ammont ta’ kumpens għal servizz pubbliku u ma kinitx kawża li kienet tikkonċerna direttament l-MEIP bħala tali. Madankollu, dik is-sentenza hija rilevanti f’din il-kawża u għandha tiġi applikata permezz ta’ analoġija.

114. Għaldaqstant nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali applikat ħażin dik il-ġurisprudenza meta, fil-punt 278 tas-sentenza appellata, abbażi tal-punt 38 tas-sentenza Chronopost I, iddeċidiet li “in-nuqqas ta’ investitur privat ta’ referenza ma jipprekludix li l-operazzjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-‘kundizzjonijiet normali tas-suq’ li, peress li huma neċessarjament ipotetiċi, għandhom jiġu evalwati b’referenza għall-elementi oġġettivi u verifikabbli li huma disponibbli”.

115. L-ewwel nett huwa ta’ għajnuna li jinqraw il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fis-sentenza Chronopost I, li ġew segwiti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-punt 47, l-Avukat Ġenerali jispjega li “‘taħt kundizzjonijiet normali tas-suq’ impriża privata li ma kinitx obbligata żżomm netwerk postali pubbliku komparabbli ma’ dak immexxi minn La Poste sabiex tiggarantixxi l-provvista ta’ servizz postali universali […] ma kellhiex tali netwerk postali u għaldaqstant ma setgħetx tipprovdi lil waħda mill-kumpanniji sussidjarji tagħha b’għajnuna loġistika tat-tip inkwistjoni [...]. Meta talbet lill-Kummissjoni biex tiskopri liema imposta kienet issir għal din l-għajnuna minn kumpannija parent privata ipotetika […] li ma kinitx meħtieġa li tipprovdi servizz postali universali u għaldaqstant ma gawdietx il-benefiċċju ta’ settur riżervat, il-[Qorti Ġenerali] żbaljat fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 87 KE għax ħadet bħala punt ta’ riferiment, għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk kienx hemm għajnuna mill-Istat, operatur privat li fil-fatt ma jkunx jeżisti taħt ‘kundizzjonijiet tas-suq normali’”. Fil-punt 45, ikkonkluda li “il-[Qorti Ġenerali] […] talbet lil-Kummissjoni tapplika test li kien ċarament mhux realistiku u b’konsegwenza mhux adattat sabiex jiġi ddeterminat, f’każ simili, jekk kienx hemm għajnuna mill-Istat skont it-tifsir tal-Artikolu 87 KE” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

116. Huwa ċar li l-MEIP ma kienx rilevanti fis-sentenza Chronopost I. Il-Qorti tal-Ġustizzja qablet ma’ dik l-analiżi u huwa preċiżament għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata u li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-applikazzjoni tal-MEIP f’din il-kawża. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 33 ta’ dik is-sentenza li “l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali [abbażi tal-applikazzjoni tal-MEIP], li ma tikkunsidrax il-fatt li impriża bħal La Poste tinsab f’sitwazzjoni li hija differenti ħafna minn dik ta’ impriża privata li taġixxi taħt kundizzjonijiet tas-suq normali, hija żbaljata fil-liġi”.

117. Huwa għalhekk, f’ċertu sens, li l-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża jindirizza l-istess kwistjoni li tinsab fil-qalba ta’ dan l-appell: il-ħtieġa li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-MEIP, sitwazzjonijiet fejn ma hemmx operatur privat reali li miegħu jista’ jitqabbel l-aġir tal-Istat.

118. Huwa għalhekk li t-test stabbilit fis-sentenza appellata ma jistax jintlaqa’ sa fejn huwa bbażat fuq akkumulazzjoni ta’ finzjonijiet li jolqtu l-aġir reali tal-Istat u l-investitur privat standard. Iż-żewġ elementi tat-tqabbil — l-aġir tal-Istat, minn naħa waħda, u l-aġir tal-investitur privat, min-naħa l-oħra — huma mibdula sal-punt li l-kwistjoni ma għadhiex tqabbil tal-aġir attwali tal-Istat ma’ dak ta’ operatur privat reali fl-ekonomija tas-suq.

119. Minn dan isegwi li t-test tal-MEIP, kif invoktat mill-Qorti Ġenerali, ma huwiex iktar sinifikanti. Taħt il-verżjoni tat-test tal-Qorti Ġenerali, il-kundizzjonijiet tas-suq “normali” ma humiex evalwati abbażi ta’ elementi reali, li jikkaratterizzaw investitur privat ta’ riferiment korrispondenti għal investitur standard fis-suq (li l-Qorti Ġenerali naqset milli tiddefinixxi); u lanqas ma huma evalwati fid-dawl tal-mezzi użati biex jipprovdu kapital, iżda abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet purament ipotetiċi. B’differenza, il-MEIP manifestament jitlob verifika dwar jekk investitur privat kienx jagħmel l-investiment inkwistjoni taħt l-istess kundizzjonijiet. Kif innutat il-Kummissjoni, investimenti differenti jistgħu jimplikaw spejjeż differenti u perspettivi ta’ profittabbiltà differenti.

120. Finalment, skont il-punt 39 tas-sentenza appellata, “il-Kummissjoni kellha tivverifika jekk investitur privat kienx jipproċedi għal investiment paragunabbli fl-ammont tiegħu f’ċirkustanzi simili, indipendentement mill-forma tal-intervent adottata mill-Istat sabiex iżid il-kapital ta’ EDF u mill-użu eventwali ta’ riżorsi fiskali għal dan il-għan, u dan sabiex tiġi vverifikata r-razzjonalità ekonomika ta’ dan l-investiment, u sabiex dan jiġi pparagunat mal-aġir li tali investitur kien jadotta fir-rigward tal-istess impriża taħt l-istess ċirkustanzi”.

121. Fil-fatt, bi qbil mal-analiżi tal-Qorti Ġenerali, EDF essenzjalment targumenta li l-aġir kollu tal-Istat għandu jiġi evalwat permezz ta’ priżma ta’ profittabbiltà (50).

122. Madankollu, kif innutat Iberdrola, kieku kien biss ir-razzjonal ekonomiku li jgħodd għall-investiment tal-Istat, l-impriżi pubbliċi jitħallew igawdu vantaġġi abbażi tal-istatus ta’ sidhom, għax l-Istat investitur huwa f’sitwazzjoni intrinsikament differenti minn dik tal-investitur privat. B’din l-analiżi, l-impriżi pubbliċi jistgħu fl-aħħar mill-aħħar jiġu kompletament eżenti mit-taxxi.

123. B’konnessjoni ma’ dan, kif il-Qorti Ġenerali korrettament iddeċidiet fis-sentenza Westdeutsche Landesbank (51), fl-applikazzjoni tal-MEIP, ma kienx biżżejjed li jitqabbel ir-ritorn li l-Land kisbet permezz tat-tranżazzjoni inkwistjoni mar-ritorn li kisbet fuq l-attiv ta’ Wohnbauförderungsanstalt des Landes Nordrhein-Westfalen qabel it-tranżazzjoni, għax dawk l-attivi ma kinux suġġetti għar-razzjonal ta’ investitur privat. Kien meħtieġ li jitqabbel ir-ritorn miksub mil-Land taħt it-tranżazzjoni inkwistjoni mar-ritorn li investitur privat ipotetiku kien jikseb għal dik it-tranżazzjoni (52). Il-fatt li t-tranżazzjoni inkwistjoni kienet raġonevoli għal-Land ma kienx jipprekludi l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Dan ma neħħiex il-ħtieġa li jiġi aċċertat jekk dik it-tranżazzjoni saħħitx il-pożizzjoni ta’ Westdeutsche Landesbank billi tatu vantaġġ li kieku ma kienx jikseb taħt kundizzjonijiet tas-suq normali.

124. Fil-fatt, kieku l-approċċ tal-Qorti Ġenerali kellu jiġi segwit, ikun possibbli għall-Istati Membri li jipproċedu abbażi ta’ kalkolu globali ta’ razzjonal ekonomiku, li fil-kuntest tiegħu jkunu permessi jagħmlu użu mill-prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Pereżempju, fil-każ attwali, ir-Repubblika Franċiża tkun kapaċi teżerċita s-setgħat fiskali tagħha għall-benefiċċju ta’ EDF jekk — evalwata globalment — l-operazzjoni tista’ tiġi interpretata bħala aġir loġiku għal operatur li jaġixxi bl-għan li jagħmel profitt.

125. Madankollu, huwa dan it-tip ta’ kalkolu globali li ġie ċċensurat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Hytasa u Gröditzer (53). Kif indikat Iberdrola, dawk il-kawżi kienu jikkonċernaw il-possibbiltà għall-Ġermanja u Spanja li jitħallew jieħdu vantaġġ mir-razzjonal tal-miżuri inkwistjoni (essenzjalment, żidiet fil-kapital), għall-finijiet tal-obbligi tagħhom bħala awtoritajiet pubbliċi f’każ ta’ stralċ tal-impriża benefiċjarja, obbligi marbuta pereżempju mal-ħlas ta’ ċerti allowances / benefiċċji tal-qgħad. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċensurat tali kalkolu globali ta’ razzjonal għax daħħal fl-istampa l-atti ta’ awtorità pubblika. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfażizzat l-inkompatibbiltà bejn, minn naħa waħda, il-kalkolu tar-razzjonal li huwa speċifiku għall-MEIP u, min-naħa l-oħra, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-vantaġġi u l-imposti li jirriżultaw mis-setgħat u l-obbligi speċifiċi għall-Istat.

126. B’konnessjoni ma’ dan, għall-kuntrarju tad-dikjarazzjonijiet magħmula fil-punt 256 et seq. tas-sentenza appellata u tal-argumenti mressqa minn EDF, il-fatt li s-sentenzi Hytasa u Gröditzer kienu jikkonċernaw “obbligi” fuq l-Istat biss, u mhux — bħal f’din il-kawża — is-setgħat li jeżistu għall-benefiċċju tiegħu stess, ma jaffetwax il-fatt li l-obbligi — iżda wkoll id-drittijiet — li l-Istat jista’ jkollu bħala awtorità pubblika ma għandhom qatt jiġu kkunsidrati b’rabta ma’ dawk li l-Istat għandu bħala investitur.

127. Għaldaqstant, kif joħroġ ċar mill-punt 258 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali hija kapaċi li tikkommetti dan l-iżball biss billi terġa’ tħalli l-għan intenzjonat tal-miżura inkwistjoni jipprevali fuq l-esklużività insormontabbli tad-drittijiet meħtieġa biex jimplementawha. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja la fis-sentenza Hytasa u lanqas fis-sentenza Gröditzer ma ħadet inkunsiderazzjoni l-għanijiet ta’ profittabbiltà globali allegati miż-żewġ Stati Membri, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ir-rilevanza tagħhom fil-loġika ta’ investitur: in-natura tal-miżuri kienet biżżejjed fiha nnifisha biex teskludihom mill-kalkolu tar-razzjonal allegat mill-Istati Membri.

128. Finalment, kif indikat il-Kummissjoni, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali huwa paradossali notevolment għax huwa introdott fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni tas-suq ikkonċernat. Peress li l-eżenzjoni fiskali tirrappreżenta vantaġġ kunsiderevoli għall-impriża pubblika inkwistjoni, huwa ċar li tali miżura għandha t-tendenza li żżomm il-pożizzjoni dominanti tagħha — minkejja l-liberalizzazzjoni tas-suq.

129. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi milqugħa.

3.      It-tielet parti tat-tieni aggravju: il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

130. Essenzjalment, il-Kummissjoni u Iberdrola jsostnu li s-sentenza appellata tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn impriżi pubbliċi u impriżi privati, u b’dan il-mod tippermetti trattament fiskali iktar favorevoli għall-Istat, inklużi dawk l-impriżi li fihom l-Istat ma huwiex l-uniku azzjonist. EDF u l-Gvern Franċiż jikkontendu li t-tielet parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

131. Infakkar li l-MEIP huwa riflessjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, għaldaqstant, kif innutat il-Kummissjoni, billi l-Istat ikun permess li jagħti eżenzjonijiet fiskali lil impriżi li fihom huwa s-sid 100 % — sakemm il-profittabbiltà tagħhom hija biżżejjed — il-Qorti Ġenerali tkun qiegħda, fil-fatt, tikkonċedi trattament fiskali favorevoli lil dawk l-impriżi.

132. Dan, fl-opinjoni tiegħi, jammonta għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ma jistax jiġi rrikonċiljat mal-għan tal-MEIP. Huwa ċar li t-test kif konċeput mill-Qorti Ġenerali inevitabbilment irawwem distorsjoni serja tal-kompetizzjoni bejn impriżi pubbliċi u privati u, għaldaqstant, il-fatt li l-istrument użat għandu jkun aċċessibbli wkoll għall-investitur privat ma huwiex sempliċement ornamentali: dik id-domanda tikkonċerna l-qalba proprja tal-MEIP. B’konsegwenza, inqis li t-test kif konċeput mill-Qorti Ġenerali huwa inkompatibbli mal-Artikolu 295 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 87 KE. B’mod partikolari, l-applikazzjoni ta’ dak it-test tippreġudika l-loġika intrinsika għall-prinċipju tan-newtralità stabbilit fl-Artikolu 295 KE.(54).

133. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, peress li n-natura tal-kreditu hija irrilevanti, il-vantaġġi finanzjarji kollha mogħtija mill-Istat permezz tal-użu tal-awtorità pubblika tiegħu għandhom jiġi evalwati fid-dawl ta’ dak il-prinċipju — approċċ li jsir mezz sabiex mill-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jiġu esklużi miżuri li investitur privat ma jkunx kapaċi jadotta.

134. Kif ġie indikat minn Iberdrola, il-prinċipju li l-attivitajiet tal-Istat bħala azzjonist għandhom jinżammu strettament separati minn attivitajiet imwettqa mill-Istat bħala awtorità pubblika, huwa essenzjalment l-istess idea sottostanti li wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-fatt li impriża dominanti aġixxiet fl-istess ħin kemm bħala detentur ta’ drittijiet speċjali kif ukoll bħala operatur ekonomiku ħoloq riskju ta’ kunflitt ta’ interess, bi ksur tal-Artikoli 82 u 86 KE. Sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta, bħal dik ipprovduta fit-Trattat, tista’ tiġi garantita biss jekk l-ugwaljanza tal-opportunità hija żgurata bejn id-diversi operaturi ekonomiċi (55). B’mod simili, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżura tal-Istat tikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE fejn twassal għal inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn operaturi ekonomiċi u b’konsegwenza, għal kompetizzjoni distorta (56). Fl-opinjoni tiegħi, għaldaqstant, l-MEIP ma għandux iħalli impriżi pubbliċi jwettqu operazzjonijiet f’kundizzjonijiet li huma iżjed favorevoli minn dawk li japplikaw għal impriżi privati, jew li jwettqu operazzjonijiet li l-impriżi privati ma jistgħu qatt iwettqu. Fil-fatt, ma għandux jintesa li, f’din il-kawża, l-Istat seta’ daqstant faċilment adotta attitudni komparabbli ma’ dik ta’ investitur privat (ara l-punt 77 iktar ’il fuq).

135. Kif jidher mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jien nikkunsidra li huwa ċar li l-MEIP ma għandux ikun applikabbli fil-każ ta’ eżenzjoni fiskali.

136. Finalment, hemm raġunijiet sabiex jitwemmen li, minkejja li prima facie, il-Qorti Ġenerali tidher li qed tipprova tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sentenza tagħha għall-ipoteżi ta’ impriża li fiha l-Istat huwa l-uniku azzjonist, ma nemminx li huwa possibbli li fil-loġika sottostanti s-sentenza wieħed jasal għar-raġunijiet għal dik il-limitazzjoni. Għall-kuntrarju, kif innutat il-Kummissjoni, ladarba hemm azzjonisti privati fuq in-naħa tal-Istat, l-applikazzjoni tal-MEIP issir anki iżjed plawżibbli, għax imbagħad l-aġir tal-azzjonisti l-oħra jista’ ta’ spiss iservi bħala punt ta’ riferiment validu.

137. Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tieni aggravju għandha tiġi milqugħa.

4.      Ir-raba’ parti tat-tieni aggravju: l-oneru tal-prova

138. Il-Kummissjoni, Iberdrola u l-Awtorità jallegaw li l-Qorti Ġenerali injorat ir-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-oneru tal-prova b’rabta mal-applikabbiltà tal-MEIP. EDF u l-Gvern Franċiż jikkontendu li r-raba’ parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

139. L-ewwel nett, niġbed l-attenzjoni li l-Qorti Ġenerali tindika fil-punti 248, 249 u 250 tas-sentenza appellata li hija l-Kummissjoni li għandha fuqha l-oneru tal-prova li l-operazzjoni inkwistjoni kienet tissodisfa l-MEIP. Fil-fatt, fil-punt 278, il-Qorti Ġenerali anki kkritikat lill-Kummissjoni peress li “ma stabbiliet bl-ebda mod in-nuqqas ta’ investitur privat ta’ referenza ma’ min tipparaguna l-investitur pubbliku”. Filwaqt li naqbel ma’ EDF li l-Kummissjoni hija rikjesta twettaq eżaminazzjoni diliġenti u imparzjali tal-fajl, nikkunsidra li dan fil-probabbiltà kollha ma jfissirx li l-Kummissjoni għandha tkun meħtieġa twettaq evalwazzjoni ta’ eżenzjoni fiskali fid-dawl tal-MEIP sempliċement għax l-Istat Membru “semma” dak il-prinċipju 18-il xahar wara li nfetħet l-investigazzjoni. Manifestament din ma hijiex kwistjoni tal-MEIP dipendenti fuq il-kooperazzjoni tal-Istat Membru.

140. Huwa ċar li huwa kompitu tal-Kummissjoni li tistabbilixxi li l-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Istat oġġettivament tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa biex tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat. Madankollu, jibqa’ l-fatt li, ladarba l-Kummissjoni tkun għamlet dan, imbagħad jaqa’ fuq l-Istat li juri li aġixxa bl-istess mod bħal investitur privat razzjonali. Kif indikat l-Awtorità, l-applikazzjoni tal-MEIP isservi biex tirribatti konstatazzjoni li l-għajnuna mogħtija kienet għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, huwa l-kompitu tal-Istat inkwistjoni li jippreżenta provi biex jirribatti.

141. Fil-fatt, fis-sentenza Freistaat Thüringen vs Il‑Kummissjoni (57), il-Qorti Ġenerali korrettament tgħid essenzjalment li, ladarba jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha għall-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat, ikun kompitu tal-Istat Membru li “[j]invoka [...] elementi oħra intiżi sabiex juru li l-għoti ta’ l-għajnuna in kwistjoni kienet konformi ma’ l-imġieba ta’ investitur privat f'ekonomija tas-suq”.

142. Wara kollox huwa loġiku li l-Istati Membri li qegħdin jibbażaw fuq dan l-argument għandu jkollhom l-oneru li jġibu prova li l-kundizzjonijiet għall-MEIP huma ssodisfatti. Barra minn hekk, huwa ovvju li l-Istat Membru u l-impriża benefiċjarja huma l-uniċi partijiet li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom id-data ekonomika u dik dwar il-kontabbiltà li turi l-kwalità u l-karatteristiċi ta’ investiment partikolari.

143. Fi kwalunkwe każ, dan huwa a fortiori l-każ jekk l-aġir li l-Istati Membri jallegaw li jissodisfa l-MEIP jidher mill-bidu li jirrifletti l-użu ta’ setgħa tal-Istat.

144. Mid-dokumenti ppreżentati quddiem il-Qorti jidher li l-awtoritajiet Franċiżi naqsu milli jipproduċu kwalunkwe provi xierqa u speċifiċi waqt il-proċedura amministrattiva biex isostnu l-allegazzjoni tagħhom li l-Istat Franċiż kien aġixxa bħala investitur privat razzjonali. Fil-fatt, l-awtoritajiet Franċiżi sempliċement allegaw li l-injezzjoni tal-kapital kienet iġġustifikata abbażi ta’ prospetti ta’ profittabbiltà, mingħajr ebda provi sostantivi. Għall-kuntrarju tal-argumenti ta’ EDF, għaldaqstant, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża u peress li, filwaqt li l-oneru tal-prova kien fuq l-Istat Membru, l-awtoritajiet Franċiżi naqsu milli jipproduċu l-inqas prova speċifika, il-Kummissjoni kienet intitolata li ma tapplikax il-MEIP, b’mod partikolari fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, fejn l-Istat kien uża l-awtorità pubblika tiegħu.

145. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi meta naqset milli tikkonforma mar-regoli dwar l-allokazzjoni tal-oneru tal-prova.

146. Fil-fatt, kif ġie indikat mill-Awtorità, il-fatt li l-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova, iqiegħed lill-Kummissjoni f’pożizzjoni diffiċli. Bħala regola, il-Kummissjoni ma tistax tkun taf iċ-ċirkustanzi preċiżi tal-għajnuna mill-Istat mogħti lil impriża sakemm ma tkunx ġiet informata b’dawn iċ-ċirkustanzi mill-Istat inkwistjoni. L-argumenti rilevanti kollha — u, b’mod partikolari, il-fatti u l-provi sottostanti — għandhom jiġu pprovduti mill-Istat. Jekk il-Kummissjoni ma tkunx fil-pussess tal-fatti meħtieġa kollha, għandha tkun kapaċi li tadotta deċiżjoni fid-dawl tal-informazzjoni li jkollha fil-pussess tagħha.

147. Barra minn hekk, naqbel mal-Kummissjoni li n-nuqqas ta’ provi li juru li l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni kellha tiġi meqjusa bħala investiment, li b’rabta miegħu l-Istat kien stima l-prospetti ta’ ritorn profittabbli qabel ikkometta ruħu, kif kien jagħmel kwalunkwe investitur privat ieħor, jiżvela żball ieħor ta’ liġi.

148. Fil-fatt, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Scott (58), “il-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata mill-qorti tal-Unjoni skont l-informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha meta hija adottatha”.

149. Madankollu, fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkuntestata f’din il-kawża, il-Kummissjoni ma kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-ebda provi li juru li l-MEIP kien rilevanti jew li dak il-prinċipju kellu jiġu ssodisfatt. Għaldaqstant, kritika lill-Kummissjoni talli ma evalwatx l-eżenzjoni fiskali fid-dawl tal-MEIP tfisser kritika lilha talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni informazzjoni li l-Kummissjoni ma kellhiex għad-dispożizzjoni tagħha.

150. Finalment, għandu jiġi indikat li, waqt il-proċedura amministrattiva, l-awtoritajiet Franċiżi ma pprovdew l-ebda prova oġġettiva li tappoġġja l-allegazzjoni tagħhom li l-MEIP kien applikabbli. Ma pprovdew l-ebda rapport, kompetenzi jew studju intern li juru li kien hemm evalwazzjoni tal-profittabbiltà. Fil-fatt, anki meta l-Qorti Ġenerali talbet il-produzzjoni ta’ tali rapport, ir-rapport li ġie sussegwentement prodott lilha twettaq ukoll a posteriori: fi kliem ieħor, l-awtoritajiet Franċiżi ma kellhom l-ebda rapport li jmur lura għaż-żmien tal-allegat investiment. Għaldaqstant, l-Istat Franċiż jidher li investa EUR 888.89 miljun f’impriża mingħajr ma wettaq l-ebda analiżi minn qabel jew ma fassal pjan ta’ negozju ex ante, u madankollu xorta qed isostni li l-aġir tiegħu għandu jitqies bħala komparabbli ma’ dak ta’ investitur privat prudenti li jopera f’ekonomija tas-suq.

151. Għaldaqstant ir-raba’ parti tat-tieni aggravju għandu jiġi milqugħ ukoll, u b’konsegwenza, it-tieni aggravju għandu jiġi milqugħ kompletament.

5.      Il-konsegwenzi tal-annullament

152. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi hija stess definittivament fuq il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tista’ tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni.

153. F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali ma evalwatx il-motivi kollha mressqa minn EDF. Għaldaqstant, huwa xieraq li l-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid u li jiġu rriżervati l-ispejjeż tal-appell.

154. Jibqa’ l-fatt, madankollu, li l-Qorti tal-Ġustizzjai tista’ tiddeċiedi hija stess fuq il-kawża, meta din tkun fi stat li tista’ tiġi deċiża. Fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja issa għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tiddeċiedi fuq il-merti tat-tielet parti tat-tieni motiv imressaq minn EDF fil-prim’istanza, li permezz tiegħu EDF allegat essenzjalment li l-miżuri inkwistjoni messhom ġew ikklassifikati bħala injezzjoni ta’ kapital u analizzati fil-kuntest globali li tiġi ċċarata r-relazzjoni finanzjarja bejn l-Istat u EDF, biex b’hekk ġie allegat li l-Istat aġixxa bħal investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq. Kif jidher mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti f’dawn il-Konklużjonijiet, madankollu, dik it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

V –    Konklużjoni

155. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ Diċembru 2009, fil-Kawża T‑156/04, EDF vs Il‑Kummissjoni, sa fejn dik is-sentenza annullat l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar miżuri ta’ għajnuna favur EDF u l-industriji tal-elettriku u l-gass (C 68/2002, N 504/2003 u C 25/2003) adottata fis-16 ta’ Diċembru 2003;

–        tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid;

–        tirriżerva l-ispejjeż tal-appell.


1 —      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 —      Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2009, EDF vs Il‑Kummissjoni, T‑156/04, Ġabra p. II‑4503 (iktar ’il quddiem “is-sentenza appellata”).


3 —      Deċiżjoni (C 68/2002, N 504/2003 u C 25/2003) adottata fis-16 ta’ Diċembru 2003 (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”).


4 —      Liġi tal-10 ta’ Novembru 1997 li tikkonċerna miżuri fiskali u finanzjarji urġenti (JORF, 11 ta’ Novembru 1997, p. 16387).


5 —      Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, Ġabra p. I‑1981, punt 66.


6 —      Ara, inter alia, is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 1994, Hilti vs Il‑Kummissjoni, C‑53/92 P, Ġabra p. I‑667, punt 42.


7 —      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2000, Dorsch Consult vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑237/98 P, Ġabra p. I-4549, punti 35 u 36.


8 —      Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro fil-kawża Blackspur DIY et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑362/95 P, Ġabra p. I‑4775, punt 32.


9 —      Ara wkoll is-sentenza Hilti vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna  6, punt 42.


10 —      Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il‑Kunsill, C‑141/08 P, Ġabra p. I‑9147, punt 72.


11 —      Sentenza tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, (C‑387/92, Ġabra p. I‑877, punt 14). Ara wkoll is-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1999, L‑Italja vs. Il‑Kummissjoni (C‑6/97, Ġabra p. I‑2981, punt 16).


12 —      Ara r-rapport ‘Migaud’ imwettaq fl-isem ta’ Commission des finances, de l’économie générale et du plan tal-Assemblea Nazzjonali, mehmuż mar-rikors tal-Kummissjoni, p. 79 sa 81, li jirrakkonta d-diskussjoni tal-emenda ‘De Courson’. Fil-fatt, id-diskussjoni dwar din l-emenda turi li l-membri prinċipali tal-kumitat (u, b’mod partikolari, il-President u r-Relatur Ġenerali) ikkunsidraw li d-dispożizzjoni li għandha tiġi adottata għandha tinvolvi pagament minn EDF ta’ taxxa fuq il-kumpanniji fuq l-ammont ta’ provvedimenti trasformati f’kapital.


13 —      Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri — Applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 (KEE) u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE lil impriżi pubbliċi fis-settur tal-manifattura (ĠU 1993 C 307, p. 3), punt 11.


14 —      Kawżi Magħquda tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato ‘Venezia vuole vivere’ vs Il‑Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, Ġabra p. I‑4727, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15 —      Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano ppreżentati fit-28 ta’ Ottubru 2004 fil-kawża Heiser (C‑172/03, Ġabra 2005 p. I‑1627, punt 45).


16 —      Sentenza tad-19 ta’ Jannar 1994 (C‑364/92, Ġabra p. I‑43).


17 —      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger, ippreżentati fid-19 ta’ Marzu 2002 fil-kawża Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, Ġabra p. I‑7747, punt 77).


18 —      Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni (C‑487/06 P, Ġabra p. I-10515, punt 111).


19 —      Ara, inter alia, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il‑Kummissjoni (C‑83/98 P, Ġabra p. I‑3271, punt 25).


20 —      Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2003 (C‑83/01 P, C‑93/01 P u C‑94/01 P, Ġabra p. I‑6993, punt 128).


21 —      EDF tirreferi għall-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano, ippreżentati fid-9 ta’ Frar 2006 (C‑442/03 P u C‑471/03 P, Ġabra p. I‑4845, punt 87).


22 —      Sentenza tat-3 ta’ Marzu 2010 (T‑163/05, Ġabra p. II‑387).


23 —      Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2008, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (T‑196/04, Ġabra p. II‑3643).


24 —      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni (T‑128/98, Ġabra p. II‑3929, punti 107 sa 109, 121, 122 u 125).


25 —      U permezz ta’ mezzi regolatorji inġenerali. Ara inter alia L. Hancher, T. Ottervanger, u P.J. Slot, EC State Aids, Sweet & Maxwell, 2006, p. 74; TH. Jaeger, Beihilfen durch Steuern und parafiskalische Abgaben, NWV, 2006, paragrafu 195; M.-A. Mamut, Privatinvestorgrundsatz und Steuerbeihilfen, f’Jaeger (Ed.), Jahrbuch Beihilferecht 09, p. 341; u W. Haslehner, Die Anwendbarkeit des Privatinvestorentests bei Steuerbeihilfen, f’Jaeger (Ed.), Jahrbuch Beihilferecht 2011, NWV, 2011, p. 273.


26 —      Sentenza tad-29 ta’ April 1999, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑342/96, Ġabra p. I‑2459, punt 46).


27 —      Sentenza tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑278/92 sa C‑280/92, Ġabra p. I‑4103, punt 22). Ara wkoll is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 1999, Neue Maxhütte Stahlwerke u Lech-Stahlwerke vs Il-Kummissjoni (T‑129/95, T‑2/96 u T‑97/96, Ġabra p. II‑17, punt 119), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/722/KE, tal-10 ta’ Mejju 2007, dwar l-għajnuna mill-Istat C 2/06 (ex N 405/05) li l-Greċja qed tippjana li tagħti fir-rigward tal-iskema ta’ irtirar volontarju kmieni tal-OTE (ĠU L 243, 11.9.2008, punti 85 u 86).


28 —      Sentenza tat-28 ta’ Jannar 2003 (C‑334/99, Ġabra p. I‑1139, punti 133 u 134).


29 —      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni (iktar ’il quddiem “StardustMarine”) (C‑482/99, Ġabra p. I‑4397, punt 70).


30 —      Konklużjonijiet ippreżentati fl-14 ta’ Jannar 2003, iċċitati iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 20 sa 27.


31 —      Iċċitata itkar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 85 (enfażi miżjuda).


32 —      Sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003 (T‑228/99 u T‑233/99, Ġabra p. II‑435, punt 317).


33 —      Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, Altair Chimica (C‑207/01, Ġabra p. I‑8875, punt 35).


34 —      Sentenza tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, Ġabra p. I-1577, punt 57).


35 —      Tirreferi għas-sentenza Spanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 46, u s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1999, DM Transport (C‑256/97, Ġabra p. I‑3913).


36 —      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Spanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 46, u DM Transport, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 24. Ara wkoll il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑276/02, Ġabra p. I-8091, punti 24 u 25), u s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, HAMSA vs Il-Kummissjoni (T‑152/99, Ġabra p. II‑3049) fejn il-kapitalizzazzjoni tad-dejn ta’ impriża dovut lill-Istat ġiet evalwata taħt l-MEIP, iżda l-Qorti Ġenerali indikat li l-element komparattiv korrett kien il-kreditur privat.


37 —      Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/900/KE, tal-20 ta’ Ottubru 2005, dwar l-għajnuna mill-Istat li r-Repubblika tal-Finlandja implementat bħala għajnuna għall-investiment favur l-impriża Componenta Oyj (ĠU 2006 Nru L 353, p. 36, punt 26) (wieħed ma għandux iħallat ir-rwoli tal-belt bħala awtorità pubblika u bħala koproprjetarju kummerċjali tal-kumpannija) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C 2008/719/KE, tat-30 ta’ April 2008, dwar l-għajnuna mill-Istat C 56/06 (ex NN 77/06) implementata mill-Awstrija għall-privatizzazzjoni tal-Bank Burgenland (ĠU L 239, 6.9.2008, p. 32): Il-Kummissjoni ċaħdet argument użat mill-Awstrija, li jindika li l-obbligazzjonijiet taħt il-liġi pubblika ma għandhomx jitħalltu mal-analiżi tal-atti tal-Istat fil-kapaċità tiegħu bħala investitur, iżda nnutat li l-pożizzjoni kienet tkun differenti kieku l-Istat kien ta l-istess tip ta’ garanzija permezz ta’ kuntratt ta’ garanzija taħt il-liġi privata.


38 —      Rispettivament, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (234/84, Ġabra p. 2263), u s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (40/85, Ġabra 1986 p. 2321).


39 —      Sentenza tal-14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il-Kummissjoni (323/82, Ġabra p. 3809, ara p. 3842).


40 —      Ara N. Khan u  K.‑D. Borchardt, The private market investor principle: reality check or distorting mirror?, EC State aid law — Le droit des aides d’Etat dans le CE: liber amicorum Francisco Santaolalla Gadea, Kluwer, 2008, p. 115.


41 —      Acta iure gestionis, sa fejn il-miżuri inkwistjoni fittxew li “jinnormalizzaw” il-kontijiet ta’ impriża, f’dan il-każ, il-karta tal-bilanċ ta’ EDF (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), u acta iure imperii, peress li r-ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF ġiet “deċiża u komunikata lil EDF” mill-awtoritajiet Franċiżi abbażi ta’ liġi adottata għal dan il-għan (ara l-punti 6 sa 8 iktar ’il fuq).


42 —      Enfażi miżjuda. Ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 1995, Tranchant (C‑91/94, Ġabra p. I‑3911, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).


43 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 89, 90 u 93.


44 —      Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano (C‑148/04, Ġabra p. I‑11137, punt 114).


45 —      Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010 (T‑335/08, Ġabra p. II‑3323, punt 169).


46 —      Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C‑206/06, Ġabra p. I‑5497, punti 89 u 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).


47 —      Ara, inter alia, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-sentenza “NI‑Lanerossi”) (C‑303/88, Ġabra p. I‑1433, punti 20 sa 24); tal-21 ta’ Marzu 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (iktar ’il quddiem “Alfa Romeo) (C‑305/89, Ġabra p. I-1603, punti 19 sa 20); u tat-8 ta’ Mejju 2003, L‑Italja u SIM 2 Multimedia vs Il‑Kummissjoni (C‑328/99 u C‑399/00, Ġabra p. I‑4035, punt 38).


48 —      Ara s-sentenza Alfa Romeo, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, punt 19; is-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2000, DSG vs Il‑Kummissjoni (T‑234/95, Ġabra p. II‑2603, punt 119); tat-12 ta’ Diċembru 2000, Alitalia vs Il‑Kummissjoni (T‑296/97, Ġabra p. II‑3871, punt 96), u s-sentenza Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 (punt 245).


49 —      Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.


50 —      Tirreferi għas-sentenzi Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (234/84, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 14), u L‑Italja u SIM 2 Multimedia vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47 (punt 38).


51 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punti 313 sa 315.


52 —      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza DM Transport, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35 (punt 25).


53 —      Iċċitati iktar ’il fuq, rispettivament, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 28 (punt 134).


54 —      Ara s-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 1982, Franza et vs Il-Kummissjoni (188/80 sa 190/80, Ġabra p. 2545, punt 21), u Westdeutsche Landesbank Girozentrale et Land Nordrhein-Westfalen vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punti 192 sa 194.


55 —      Ara s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, Ġabra p. I‑4863, punt 48 et seq. u punt 51.


56 —      Ara s-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2003, Connect Austria (C‑462/99, Ġabra p. I‑5197, punt 84).


57 —      Sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2005 (T‑318/00, Ġabra p. II‑4179, punt 180).


58 —      Sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott (C‑290/07 P, Ġabra p. I‑7763, punt 91, u l-ġurisprudenza ċċitata).