Language of document : ECLI:EU:C:2015:665

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fis-6 ta’ Ottubru 2015 (1)

Kawżi Magħquda C‑443/14 u C‑444/14

Kreis Warendorf

vs

Ibrahim Alo


u


Amira Osso

vs

Region Hannover

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja)]

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2011/95/UE – Regoli relatati mal-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali – Status ta’ refuġjat u status mogħti għall-protezzjoni sussidjarja – Artikoli 29 u 33 – Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Konvenzjoni ta’ Genève – Moviment liberu fl-Istat Membru ospitanti – Obbligu ta’ residenza f’post iddeterminat – Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni – Ħtieġa li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tal-piżijiet ta’ assistenza soċjali bejn il-kollettivitajiet amministrattivi – Motivi relatati mal-politika tal-immigrazzjoni u tal-integrazzjoni”





1.        Din il-kawża għandha l-oriġini tagħha f’żewġ deċiżjonijiet tar-rinviju li permezz tagħhom il-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali Ġermaniża) tagħmel tliet domandi preliminari fir-rigward tal-Artikoli 29 u 33 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (2), li l-interpretazzjoni tagħhom qed tintalab għall-ewwel darba lill-Qorti tal-Ġustizzja (3).

2.        Iż-żewġ deċiżjonijiet tar-rinviju, prattikament identiċi, joriġinaw mid-dubji tal-qorti nazzjonali fir-rigward tal-kompatibbiltà mal-imsemmija direttiva tal-impożizzjoni ta’ obbligu, previst fid-dritt nazzjonali, ta’ residenza f’post partikolari (li jissejjaħ “Wohnsitzauflage”) fir-rigward tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja li jirċievu benefiċċji soċjali.

3.        Fil-qosor, u bl-iktar mod konċiż possibbli, din il-kawża tqajjem il-problema tal-livell ta’ rikonoxximent tad-dritt fundamentali li jiġi magħżul b’mod liberu il-post ta’ residenza fil-każ tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja u b’mod partikolari tal-legalità kemm ta’ restrizzjoni ta’ dan id-dritt idderivata mir-riċeviment ta’ għajnuna soċjali kif ukoll ta’ trattament differenti fir-rigward ta’ barranin oħra residenti legalment, kollox bil-għan li jitqassmu territorjalment il-piżijiet soċjali inerenti bejn l-awtoritajiet territorjali ta’ livell differenti u li tiġi żviluppata politika adegwata tal-immigrazzjoni u tal-integrazzjoni.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt internazzjonali

1.      Il-Konvenzjoni ta’ Genève

4.        L-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”) (4), iddedikat għall-“Għajnuna pubblika” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jipprevedi li “l-Istati Kontraenti għandhom jagħtu lir-refuġjati li jinsabu legalment fit-territorju ta’ dawn l-Istati l-istess trattament bħaċ-ċittadini tagħhom fir-rigward tal-assistenza pubblika u tas-sokkors pubbliku.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5.        L-Artikolu 26 tal-istess konvenzjoni, intitolat “Libertà ta’ moviment” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jipprevedi li “kull Stat Kontraenti għandu jagħti lir-refuġjati li jinsabu legalment fit-territorju tiegħu, id-dritt li jagħżlu l-post tar-residenza tagħhom f’dak it-territorju u li jivvjaġġaw liberament fih, sakemm josservaw ir-regolamenti applikabbli fl-istess ċirkustanzi għall-barranin inġenerali”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

2.      Il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi

6.        L-Artikolu 12 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (5) jipprevedi kif ġej:

“1. Kull persuna li tinsab legalment fit-territorju ta’ Stat għandu jkollha d-dritt għal-libertà ta’ moviment fih u d-dritt għal-libertà li tagħżel ir-residenza tagħha fih.

[…]

3. Id-drittijiet imsemmijin hawn fuq ma jistgħux ikunu suġġetti għal restrizzjonijiet ħlief meta dawn ir-restrizzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, ikunu meħtieġa biex jipproteġu s-sigurtà nazzjonali, l-ordni pubbliku, is-saħħa pubblika jew il-moralità pubblika jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ terzi, u jkunu kompatibbli mad-drittijiet l-oħra rrikonoxxuti f’dan il-patt.

[…]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

3.      Il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem

7.        L-Artikolu 2 tal-Protokoll addizzjonali Nru 4 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), (6) taħt it-titolu “Libertà ta’ moviment” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jipprevedi kif ġej:

“1.       Kull min ikun b’mod leġittimu fil-limiti tat-territorju ta’ xi Stat għandu, fil-limiti ta’ dak it-territorju, ikollu d-dritt għal-liberta` ta’ moviment u l-liberta` li jagħżel ir-residenza tiegħu.

[…]

3. Ma għandhom jitqiegħdu ebda restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet ħlief dawk li jkunu skont il-liġi u li jkunu meħtieġa f’soċjetà demokratika f’kull interess tas-sigurtà nazzjonali jew tas-sigurezza pubblika, għaż-żamma tal-ordni pubbliku, għall-prevenzjoni ta’ reati, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn.

4. Id-drittijiet stipulati fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu wkoll suġġetti, f’żoni partikolari, għal restrizzjonijiet imposti skont il-liġi u li jkunu ġġustifikati bl-interess pubbliku f’soċjeta` demokratika.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B –    Id-dritt tal-Unjoni

8.        L-Artikolu 78(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li: “l-Unjoni għandha tiżviluppa politika komuni dwar l-asil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja bil-għan li toffri status xieraq lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jeħtieġ protezzjoni internazzjonali u bil-għan li tassigura l-ħarsien tal-prinċipju ta’ non-refoulement. Din il-politika trid tkun konformi mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat-28 ta’ Lulju 1951 u mal-Protokoll tal-31 ta’ Jannar 1967 dwar l-istatus tar-refuġjati, kif ukoll ma’ trattati oħra rilevanti.”

9.        Il-premessi 4, 16, 17, 33, 39 u 45, tad-Direttiva 2011/95 huma fformulati kif ġej:

“(4) Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u l-Protokoll jipprovdu l-pedament tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati.

[…]

(16)       Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-“Karta”]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u d-dritt għall-ażil għal applikanti u għall-membri tal-familja li jakkompanjawhom u sabiex tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 7, 11, 14, 15, 16, 18, 21, 24, 34 u 35 ta’ dik il-Karta u għandha għalhekk tiġi implimentata kif meħtieġ.

(17)       Fir-rigward tat-trattament ta’ persuni li jaqgħu fl-ambitu ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri huma marbuta b’obbligi taħt strumenti tal-liġi internazzjonali li tagħhom jagħmlu parti, inkluż partikolarment dawk li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni.

[…]

(33)       Standards għad-definizzjoni u l-kontenut tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja għandhom jiġu stipulati wkoll. Il-protezzjoni sussidjarja għandha tkun kumplimentari u addizzjonali għall-protezzjoni tar-refuġjati stabbilita fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

[…]

(39)       Filwaqt li tiġi sodisfatta t-talba tal-programm ta’ Stokkolma għall-istabbiliment ta’ status uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u bl-eċċezzjoni tad-derogi li huma meħtieġa u ġustifikati b’mod oġġettiv, benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja għandhom jingħataw l-istess drittijiet u benefiċċji bħal dawk li jgawdu refuġjati taħt din id-direttiva, u għandhom ikunu soġġetti għall-istess kondizzjonijiet ta’ eliġibilità.

[…]

(45)       Sabiex tiġi evitata tbatija soċjali, huwa xieraq li l-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali jiġu pprovduti b’għajnuna soċjali u mezzi ta’ sussistenza adegwati, mingħajr diskriminazzjoni fil-kuntest tal-assistenza soċjali. Fir-rigward tal-assistenza soċjali, il-modalitajiet u d-dettall tal-provvista ta’ benefiċċji bażiċi lil benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja għandhom jiġu determinati mil-liġi nazzjonali. Il-possibbiltà li tiġi limitata dik it-tip ta’ assistenza għal benefiċċji bażiċi trid tinftiehem li tkopri mill-inqas is-sostenn ta’ dħul minimu, għajnuna fil-każ ta’ mard, jew tqala u assistenza lill-ġenituri, safejn dawk il-benefiċċji jingħataw liċ-ċittadini nazzjonali skont il-liġi nazzjonali.”

10.      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95 jistabbilixxi fil-punti (b), (f) u (g) tiegħu dawn id-definizzjonijiet:

“ b)      “benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali” tfisser persuna li ngħatat status ta’ refuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja kif definit f'punti (e) u (g);

[…]

f)      “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tagħha, tiffaċċja riskju veru li ssofri dannu serju kif definit fl-Artikolu 15, u li għaliha l-Artikolu 17(1) u (2) ma japplikax, u ma tistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma tixtieqx tapprofitta ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż;

g)      “status ta’ protezzjoni sussidjarja” ifisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja;

[…].”

11.      L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2011/95, li jifforma parti mill-Kapitolu VII tagħha, iddedikat għall-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali, jipprevedi:

“1. Dan il-Kapitolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet preskritti fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

2.      Dan il-Kapitolu għandu japplika kemm għal refuġjati kif ukoll għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja minbarra jekk ikun indikat mod ieħor.

[…]”

12.      L-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95, li huwa intitolat “Għajnuna soċjali” huwa fformulat kif ġej:

“1      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jirċievu, fl-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni, l-għajnuna [assistenza] soċjali meħtieġa, kif ipprovdut lil ċittadini nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru.

2.      B’deroga mir-regola ġenerali stipulata fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-għajnuna soċjali mogħtija lil benefiċjarji bi status ta’ protezzjoni sussidjarja għal benefiċċji bażiċi li mbagħad jiġu provduti fl-istess livelli u bl-istess kondizzjonijiet ta’ eliġibilità bħalma jingħataw liċ-ċittadini nazzjonali.”

13.      L-Artikolu 32 tad-Direttiva 2011/95, rigward l-aċċess għal akkomodazzjoni, jipprevedi:

“1.       Stati Membri għandhom jiżguraw li benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jkollhom aċċess għal akkomodazzjoni taħt kundizzjonijiet ekwivalenti għal ċittadini nazzjonali oħra ta’ pajjiż terz residenti legalment fit-territorji tagħhom.

2.      Filwaqt li jippermettu prattiki nazzjonali ta’ dispersjoni ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jippruvaw jimplimentaw politiki mmirati bil-għan li jipprevjenu diskriminazzjoni ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u sabiex jiżguraw opportunitajiet ugwali dwar aċċess għall-akkomodazzjoni.”

14.      L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95, bit-titolu “Libertà ta’ moviment fi ħdan l-Istat Membru”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jippermettu libertà ta’ moviment fit-territorju tagħhom għal benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, taħt l-istess kundizzjonijiet u restrizzjonijiet bħal dawk ipprovduti lil ċittadini nazzjonali ta’ pajjiż terz residenti legalment fit-territorji tagħhom.”

C –    Id-dritt Ġermaniż

15.      Il-punt 1 tal-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 5(3) tal-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (liġi li tirregola d-dritt ta’ residenza, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet irremunerati u l-integrazzjoni tal-barranin fit-territorju Federali; iktar ’il quddiem l-“AufenthG”) (7), jipprevedu dan li ġej:

“(1)       Għall-għoti tal-permess ta’ residenza għandhom jiġu ssodisfatti, b’mod ġenerali, ir-rekwiżiti li ġejjin:

1.      Ikun żgurat l-għajxien.

[…]

(3)       Fil-każ li jingħata permess ta’ residenza skont l-[...] Artikolu 25(1) sa (3), [...],il-paragrafi 1 u 2 […] ma japplikawx.”

16.      L-Artikolu 12 tal-AufenthG jipprevedi:

“(1)       Il-permess ta’ residenza għandu jinħareġ b’validità għat-territorju nazzjonali kollu. Dan ma jaffettwax il-validità tiegħu, skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, fir-rigward tar-residenza fit-territorju tal-Istati kontraenti.

(2)       Il-viża u l-permess ta’ residenza jistgħu jinħarġu u jiġu estiżi taħt ċerti kundizzjonijiet. Barra minn hekk, jistgħu jiġu imposti obbligi fir-rigward tagħhom, anki b’mod retroattiv, partikolarment, restrizzjonijiet territorjali.”

17.      L-Artikolu 25 tal-AufenthG, bit-titolu “Residenza għal raġunijiet umanitarji”, jipprevedi, fil-paragrafu (2) tiegħu, li “l-permess ta’ residenza għandu jingħata lil barrani jekk il-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge jkun tah l-istatus ta’ rifuġjat [...] jew protezzjoni sussidjarja [...]”.

18.      Bis-saħħa tal-AufenthG, il-Bundesminister des Innern (Ministru tal-Affarijiet Interni), bl-approvazzjoni tal-Bundesrat, adotta l-linji gwida amministrattivi ġenerali fuq l-AufenthG, tas-26 ta’ Ottubru 2009 (Allgemeine Verwaltungsvorschrift zum AufenthG; iktar ’il quddiem, il-“linji gwida tal-2009”), li għandhom jiġu osservati mill-awtoritajiet kompetenti. Skont dawn il-linji gwida, jekk il-benefiċjarju jirċievi benefiċċji tas-sigurtà soċjali, il-permess ta’ residenza maħruġ għal raġunijiet li jirriżultaw mid-dritt internazzjonali, għal raġunijiet umanitarji jew għal raġunijiet politiċi skont it-Taqsima 5 tal-Kapitolu 2 tal-AufenthG għandu jkun suġġett għal obbligu relatat mal-post ta’ residenza (dak li jissejjaħ “Wohnsitzauflage”). Il-paragrafi rilevanti tal-imsemmija linji gwida jipprevedu kif ġej:

“12.2.5.2.1 L-obbligu relatat mal-post ta’ residenza jikkostitwixxi, b’mod partikolari, mezz xieraq sabiex permezz ta’ rabtiet reġjonali jiġi evitat piż fiskali sproporzjonat għal ċerti Länder u muniċipalitajiet minħabba l-benefiċċji soċjali tal-benefiċjarji barranin. Dawn it-tipi ta’ obbligi jistgħu wkoll jgħinu fil-prevenzjoni ta’ konċentrazzjoni ta’ barranin li jiddependu fuq is-sigurtà soċjali f’żoni konkreti, bil-ġenerazzjoni konsegwenti ta’ segregazzjoni soċjali u l-konsegwenzi negattivi tagħha għall-integrazzjoni tal-barranin. Miżuri bħal dawn huma ġġustifikati wkoll sabiex jorbtu lill-barranin bi bżonn speċjali ta’ integrazzjoni ma’ post partikolari ta’ residenza, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw fih mill-faċilitajiet eżistenti ta’ integrazzjoni.

12.2.5.2.2 Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandhom jiġu imposti u miżmuma obbligi relatati mal-post ta’ residenza fir-rigward tad-detenturi ta’ permessi ta’ residenza maħruġa skont it-Taqsima 5 tal-Kapitolu 2 tal-AufenthG jew tal-permessi ta’ stabbiliment maħruġa skont l-Artikolu 23(2), sa fejn u sakemm huma jirċievu benefiċċji taħt il-Ktieb II jew XII tas-Sozialgesetzbuch [kodiċi tas-sigurtà soċjali] jew taħt l-Asylbewerberleistungsgesetz [liġi dwar il-benefiċċji mogħtija lill-applikanti għall-ażil].”

II – It-tilwim nazzjonali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

A –    Il-fatti

19.      I. Alo u A. Osso huma ċittadini Sirjani li vvjaġġaw lejn il-Ġermanja fl-1998 u fl-2001 rispettivament, fejn ippreżentaw, mingħajr suċċess, applikazzjoni kull wieħed għall-ażil. L-awtoritajiet Ġermaniżi, madankollu, awtorizzaw kemm lil I. Alo kif ukoll lil A. Osso sabiex jibqgħu fil-Ġermanja. It-tnejn li huma ilhom jirċievu benefiċċji soċjali mill-bidu tal-proċeduri tagħhom ta’ eżami tal-applikazzjoni għall-ażil.

20.      Wara li ż-żewġ applikanti ppreżentaw it-tieni applikazzjoni għall-ażil fl-2012, il-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (uffiċċju federali għall-immigrazzjoni u r-refuġjati, iktar ’il quddiem il-“Bundesamt”) ħareġ fiż-żewġ każijiet projbizzjoni ta’ tneħħija lejn is-Sirja, skont l-Artikolu 60(2) tal-AufenthG. Fuq il-bażi ta’ dawn id-deċiżjonijiet, I. Alo u A. Osso għandhom l-istatus ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja. Konsegwentement, il-Kreis Warendorf u r-reġjun ta’ Hannover taw lil I. Alo u lil A. Osso, rispettivament, il-permessi ta’ residenza korrispondenti, li fihom ġew imposti obbligi fir-rigward tal-post ta’ stabbiliment tar-residenza tagħhom, fuq il-bażi tal-paragrafi 12.2.5.2.1 u 12.2.5.2.2 tal-linji gwida tal-2009. B’mod partikolari, I. Alo kellu jistabbilixxi r-residenza tiegħu fil-belt ta’ Ahlen, filwaqt li A. Osso kienet obbligata tistabbilixxi r-residenza tagħha fir-reġjun ta’ Hannover, bl-eċċezzjoni tal-kapital tal-Land Niedersachsen. Iż-żewġ kundizzjonijiet ġew irripetuti fil-permessi ta’ residenza l-ġodda maħruġa fl-2014 liż-żewġ applikanti skont l-Artikolu 25(2) tal-AufenthG.

21.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kemm I. Alo kif ukoll A. Osso ppreżentaw, fi Frar 2013 u f’Lulju 2012 rispettivament, rikorsi għal annullament sabiex jikkontestaw dawn ir-restrizzjonijiet relatati mal-post ta’ residenza, li ġew miċħuda fl-ewwel istanza. Madankollu, il-qrati tal-appell waslu għal konklużjonijiet differenti. Fir-rigward ta’ I. Alo, l-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein Westfalen (qorti amministrattiva superjuri tal-Land Nordrhein Westfalen) annullat din il-kundizzjoni permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, peress li qieset li din kienet tmur kontra l-Artikolu 28(1) flimkien mal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/83. Il-Kreis Warendorf ippreżenta appell ta’ kassazzjoni (Reviżjoni) kontra dik id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Fir-rigward ta’ A. Osso, in-,Niedersächsische Oberverwaltungsgericht (qorti amministrattiva superjuri tal-Land Niedersachsen), permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2013, ċaħdet l-appell tagħha. A. Osso ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra dik id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

B –    Id-domandi preliminari

22.      Peress li r-riżoluzzjoni tat-tilwim kienet tiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2011/95, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi ż-żewġ proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, għal kull waħda mill-kawżi, id-domandi li ġejjin:

“1)      L-obbligu li tiġi stabbilita residenza fi ħdan żona ġeografika limitata (muniċipalità, distrett, reġjun) tal-Istat Membru jirrestrinġi l-libertà ta’ moviment fis-sens tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95/UE, jekk, ħlief għal dan l-obbligu, il-persuna barranija tkun tista’ tiċċaqlaq u tgħix liberament fit-territorju tal-Istat Membru?


2)      L-obbligu li tiġi stabbilita residenza fir-rigward ta’ persuni bi status ta’ protezzjoni sussidjarja huwa kompatibbli mal-Artikolu 33 u/jew mal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95/UE, jekk dan ikun ibbażat fuq l-għan li tinkiseb distribuzzjoni ġusta tal-piżijiet tal-assistenza pubblika soċjali bejn l-aġenziji differenti kompetenti f’dan il-qasam fit-territorju nazzjonali?

3)      L-obbligu li tiġi stabbilita residenza fir-rigward ta’ persuni bi status ta’ protezzjoni sussidjarja huwa kompatibbli mal-Artikolu 33 u/jew mal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95/UE, jekk dan ikun ibbażat fuq raġunijiet ta’ politika ta’ [im]migrazzjoni jew ta’ integrazzjoni sabiex jipprevjenu li ċerti muniċipalitajiet jew distretti jiġu żvantaġġati soċjalment bil-wasla frekwenti ta’ barranin? Raġunijiet astratti ta’ politika ta’ migrazzjoni jew ta’ integrazzjoni huma biżżejjed jew dawn ir-raġunijiet għandhom jiġu       

ddikjarati b’mod konkret?”

C –    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2014, il-Kawżi C‑443/14, C‑444/14 u C-445/14 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura u għall-finijiet tas-sentenza. Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ April 2015 il-Bundesverwaltungsgericht informat lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-irtirar tal-domandi preliminari fil-Kawża C‑445/14 minħabba t-tmiem tas-suġġett tal-proċedura prinċipali dovut għall-għoti, mill-awtoritajiet kompetenti, tal-istatus ta’ refuġjat lill-persuna kkonċernata. Din il-kawża tneħħiet mir-reġistru permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 2015. I. Alo, A. Osso, il-Kreis Warendorf, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni Ewropea, li kollha, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Grieg, dehru fis-seduta orali tal-14 ta’ Lulju 2015, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, skont l-Artikolu 23(2) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

III – Analiżi

24.      It-tliet domandi suċċessivi li huma inkorporati f’dawn id-domandi preliminari huma marbutin mill-qrib. Filwaqt li l-ewwel waħda tistaqsi jekk l-obbligu ta’ residenza li huwa s-suġġett ta’ dawn il-kawżi jikkostitwixxix restrizzjoni għad-dritt ta’ moviment liberu msemmi fl-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95, it-tieni u t-tielet domandi jipproponu żewġ ġustifikazzjonijiet possibbli fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv.

25.      L-eżami ta’ dawn il-ġustifikazzjonijiet jaqa’, barra minn hekk, fl-ambitu ta’ ċerti regoli tad-dritt sekondarju li jirrikonoxxu drittijiet b’riferiment għall-istandard applikabbli għal suġġetti oħra, permezz ta’ manifestazzjonijiet differenti tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Dan kollu bil-partikolarità li d-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju applikabbli jimplementaw id-drittijiet fundamentali tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, li jingħaqdu, min‑naħa tagħhom, mad-drittijiet speċifiċi rrikonoxxuti fil-Konvenzjoni ta’ Genève. Dan jagħmel inevitabbli l-fatt li l-analiżi tal-kompatibbiltà tal-miżura kkontestata mad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju invokati mill-qorti tar-rinviju għandu jsir mingħajr ma jiġu minsija r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali.

A –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

26.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-Bundesverwaltungsgericht tistaqsi jekk il-kundizzjoni ta’ stabbiliment tar-residenza f’żona ġeografika limitata, bħal muniċipalità, distrett, jew reġjun ta’ Stat Membru, tikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment liberu fis-sens tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95, jekk il-persuna kkonċernata, barra minn dan, hija libera li tiċċaqlaq fit-territorju kollu ta’ dak l-Istat Membru u li tibqa’ fih.

1.      Osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27.      Filwaqt li I. Alo, A. Osso, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni jipproponu li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-Gvern Ġermaniż u l-Kreis Warendorf jargumentaw, għall-kuntrarju, li għandha tingħata risposta negattiva.

28.      Kemm A. Osso, kif ukoll I. Alo u l-Gvern Grieg jikkunsidraw li l-kunċett ta’ moviment liberu li jinsab fl-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 jinkludi d-dritt ta’ għażla tal-post ta’ residenza. A. Osso tqis li l-kunċetti ta’ “Bewegungsfreiheit” u ta’ “Freizügigkeit” ma jintużawx b’mod uniformi fid-dritt tal-Unjoni, u żżid li l-Artikolu 33 tad-Direttiva jipprevedi li lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja għandu jingħatalhom l-istess trattament bħar-refuġjati u li, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, id-dritt nazzjonali ma jippermettix li jiġu stabbiliti obbligi ta’ residenza bbażati fuq it-tqassim tal-piż tal-għajnuna soċjali (8). I. Alo jinvoka r-Regolament Nru 1612/68 (9) biex isostni l-argument li l-kunċett ta’ moviment liberu jinkludi wkoll id-dritt ta’ għażla tal-post ta’ residenza. Bl-istess mod, il-Gvern Grieg iżid, filwaqt li jirreferi għall-Artikolu 21(1) tat-TFUE, għall-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Genève; għall-Artikolu 2(1) tal-Protokoll Nru 4 tal-KEDB, u għall-Artikolu 12(1) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-moviment liberu jinvolvi żewġ komponenti relatati mill-qrib: il-libertà ta’ ċaqliq ġewwa t-territorju u d-dritt ta’ residenza f’post magħżul b’mod liberu.

29.      Il-Kummissjoni tqis li, għalkemm il-kliem tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 ma huwiex konklużiv, interpretazzjoni skont l-Artikolu 26 tal‑Konvenzjoni ta’ Genève ma tħalli ebda dubju li dan l-artikolu tad-Direttiva jinkludi wkoll l-għażla libera tar-residenza.

30.      Għall-kuntrarju, kemm il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kreis Warendorf jibbażaw ruħhom, l-ewwel nett, fuq il-kliem tad-dispożizzjoni, filwaqt li jinnotaw li dan jirreferi biss għall-moviment liberu, mingħajr ma jirreferi għal-libertà ta’ residenza. Huma jindikaw f’dan ir-rigward li dan huwa rilevanti peress li f’dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, meta kien mixtieq li tiġi inkluża l-libertà ta’ residenza, saret referenza diretta għaliha (10). Skont il-Gvern Ġermaniż, dispożizzjonijiet oħra tal-istess direttiva jsostnu din il-konklużjoni, b’mod partikolari, l-Artikolu 32 tagħha, li jippermetti espressament il-prattiki nazzjonali ta’ dispersjoni fir-rigward tal-akkomodazzjoni. L-analiżi tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Genève twassal għall-istess konklużjoni, peress li l-Artikolu 26 tagħha wkoll jirreferi b’mod speċifiku għal-libertà ta’ residenza. Il-Gvern Ġermaniż jenfasizza wkoll il-fatt li d-Direttiva 2011/95 ma tinkludix id-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Bl-istess mod, il-Kreis Warendorf jindika li l-Artikolu 20 tad-Direttiva jindika b’mod ċar li d-dispożizzjonijiet tagħha għandhom japplikaw bla ħsara għad-drittijiet tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li tikkompleta d-Direttiva biss fir-rigward ta’ refuġjati rrikonoxxuti fejn, bħal fil-każ tal-Artikolu 33, din tipprovdi inqas protezzjoni minn dik offruta mill-garanziji tal-Konvenzjoni. Barra minn hekk, kemm il-Kreis Warendorf kif ukoll il-Gvern Ġermaniż jindikaw li l-kontenut tal-Artikolu 33 tad-Direttiva ma jaqbilx ma’ dak tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

2.      Evalwazzjoni

31.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda preliminari jeħtieġ li, l-ewwel nett, jiġi ddeterminat jekk il-kunċett ta’ “moviment liberu” li jinstab f’din id-dispożizzjoni jinkludix ukoll il-libertà tal-għażla tal-post tar-residenza, skont il-kriterji ta’ interpretazzjoni letterali, sistematika, teleoloġika u storika u, t-tieni nett, jekk il-miżura li tikkonsisti fl-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ residenza tikkostitwixxix restrizzjoni għal din il-libertà.

a)      Fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “moviment liberu” tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95

i)      Interpretazzjoni letterali

32.       Kif ġie enfasizzat kemm mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-Kummissjoni, is-sempliċi riferiment għall-kliem letterali ma huwiex biżżejjed sabiex tingħata interpretazzjoni definittiva tal-kunċett inkwistjoni.

33.      L-ewwel nett, il-fatt li fil-verżjoni Ġermaniża t-titolu tal-Artikolu 33 tad-Direttiva juża t-terminu “Freizügigkeit” u t-test tiegħu juża t-terminu “Bewegungsfreiheit”, ma jistax jiġi kkunsidrat rilevanti, fid-dawl ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħrajn, li jużaw prinċipalment terminu wieħed, dak tal-“liberà ta’ moviment”, li jikkoinċidi mat-terminu ġeneralment użat fil-kuntest tal-libertajiet fundamentali tal-Unjoni (11).

34.      Huwa veru li fejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jirregolaw b’mod speċifiku d-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni, ħafna drabi dawn jirreferu espressament għad-dritt ta’ residenza (12). Madankollu, il-kunċett ta’ “moviment liberu”, b’mod partikolari fid-dritt tal-Unjoni, kif jammetti wkoll il-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, ma huwiex dejjem użat b’mod uniformi. Għalhekk, id-dritt tal-Unjoni ħafna drabi juża l-kunċett ta’ “moviment liberu” b’mod wiesa’ sabiex jirreferi b’mod ġeneriku għal sensiela ta’ drittijiet relatati mill-qrib, li fosthom hemm il-libertà ta’ ċaqliq u l-libertà ta’ residenza, (13) kif ukoll il-libertà li wieħed jitlaq mill-Istat tiegħu stess, drittijiet li kollha kemm huma, kif osserva sew l-Avukat Ġenerali Mayras fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Rutili, huma indiviżibbli (14).

35.      L-Artikolu 202 TFUE jipprovdi eżempju tajjeb tal-użu tal-“moviment liberu” bħala kunċett li jinkludi kemm iċ-ċaqliq kif ukoll ir-residenza. Dan l-artikolu, li jaqa’ taħt il-kapitolu dwar l-assoċjazzjoni ta’ pajjiżi u territorji extra-Ewropej, jirreferi għall-atti li jirregolaw “il-moviment liberu ta’ ħaddiema mill-pajjiżi u t-territorji fi Stati Membri”, mingħajr ma jqajjem id-dubju li dawn ir-regoli jinkludu wkoll dispożizzjonijiet li jikkonċernaw id-dritt ta’ residenza.

36.      Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “moviment liberu” jintuża spiss bħala intestatura li tinkorpora d-diversi drittijiet ta’ libertà ta’ ċaqliq u ta’ residenza (15). Bl-istess mod, kunċett wiesa’ ta’ moviment liberu jidher spiss f’espressjonijiet bħal dik ta’ “benefiċjarji tad-dritt ta’ moviment liberu” (16).

37.      Barra minn hekk, ir-riferiment ċar mill-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 għall-kunċett ta’ moviment liberu, li jagħmel sens fid-dritt tal-Unjoni, jikkuntrasta mal-kontenut tal-istrumenti intiżi li jirregolaw l-istatus taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li jużaw l-espressjoni “aċċess liberu” għat-territorju kollu ta’ Stat (17).

38.      Addizzjonalment, ma jistax jiġi miċħud li kemm fil-letteratura speċjalizzata fuq id-dritt tal-Unjoni kif ukoll fid-dritt internazzjonali jintuża ġeneralment il-kunċett ta’ “moviment” bħala kunċett ġuridiku kumpless u magħmul minn ħafna aspetti li bl-ebda mod ma huma eżawriti permezz tal-identifikazzjoni tiegħu mal-libertà ta’ vvjaġġar jew ta’ ċaqliq (18).

39.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha nqis li s-sempliċi riferiment fit-test għal-“libertà ta’ moviment” mingħajr referenza espliċita għad-dritt ta’ residenza fl-imsemmi Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 ma huwiex biżżejjed sabiex wieħed jifhem li dan id-dritt imsemmi l-aħħar ġie eskluż mill-portata ta’ din id-dispożizzjoni.

ii)    Interpretazzjoni sistematika u teleoloġika

40.      Il-konklużjoni preċedenti hija kkonfermata permezz ta’ interpretazzjoni sistematika u teleoloġika, li fil-kuntest tagħha kemm il-Konvenzjoni ta’ Genève kif ukoll id-drittijiet fundamentali huma partikolarment rilevanti.

41.      B’mod partikolari, huwa essenzjali li jiġi enfasizzat hawnhekk li, kif jirriżulta mill-premessi 4, 23, 24 tagħha, id-Direttiva 2011/95, – bl-istess mod bħall-premessi korrispondenti ta’ dik ta’ qabilha, id-Direttiva 2004/83 –, ġiet adottata sabiex tiggwida lill-awtoritajiet nazzjonali fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Genève, fuq il-bażi ta’ kunċetti u kriterji komuni, u li dik il-konvenzjoni tikkostitiwixxi l-pedament tas-sistema legali internazzjonali għall-protezzjoni tar-refuġjati (19). Konsegwentement, u kif ittenni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva “għandha [...] issir fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tagħha, billi jiġu osservati l-imsemmija konvenzjoni u t-Trattati l-oħra rilevanti msemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE (20).”

42.      Huwa minnu li d-Direttiva 2011/95 ma tinkorporax id-drittijiet kollha tal-Konvenzjoni ta’ Genève (21) u li din tapplika bla ħsara għalihom(22). Madankollu, u minkejja li l-protezzjoni tal-imsemmija konvenzjoni ma tapplikax għalkollox għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja, il-Konvenzjoni ta’ Genève għandha tiġi kkunsidrata bħala strument ta’ riferiment obbligatorju għall-interpretazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li fihom drittijiet li jikkoinċidu mad-drittijiet stabbiliti fiha. Ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi mal-Konvenzjoni ta’ Genève, li jirriżulta kemm mill-bażi legali u mill-oriġini tad-Direttiva, kif ukoll minn dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2011/95 (23), ma jispiċċax minħabba l-fatt li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva – bħal fil-każ tal-artikolu inkwistjoni – jirregolaw mingħajr distinzjoni d-drittijiet tar-refuġjati u dawk tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva.

43.      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Genève huwa partikolarment importanti, artikolu li jirrikonoxxi flimkien, taħt l-intestatura tad‑dritt ta’ moviment liberu, id-dritt ta’ residenza u ta’ vvjaġġar b’mod liberu fit-territorju tal-Istat ospitanti (24).

44.      Min-naħa l-oħra, il-premessa 16 tad-Direttiva tippprevedi li din “tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta” u li, b’mod partikolari, tfittex li “tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem [...]”.

45.      Huwa ċar li d-Direttiva għandha tiġi interpretata b’mod konformi mad-drittijiet fundamentali. Dan l-obbligu jestendi, kif ġie indikat b’mod ċar fis-sentenza Kamberaj (25), għad-determinazzjoni tal-portata u tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li tistabbilixxi drittijiet għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li kien meħtieġ li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-Artikolu 34 tal-Karta sabiex jiġu ddeterminati l-miżuri ta’ sigurtà soċjali, ta’ assistenza u ta’ protezzjoni soċjali suġġetti għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fid-Direttiva 2003/109/KE, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (26).

46.      Madankollu, għandu jiġi nnotat li, għalkemm l-Artikolu 45 tal-Karta jirreferi biss għad-dritt ta’ moviment liberu fl-Istati Membri mingħajr ebda riferiment speċifiku għall-moviment liberu u għar-residenza libera fit-territorju ta’ Stat (27), id-dimensjoni interna tal-moviment liberu tikkostitwixxi, skont l‑Artikolu 6(3) TUE, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta kemm mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri kif ukoll mill-Artikolu 2 tal-Protokoll 4 tal-KEDB (28). Din id-dispożizzjoni, flimkien mal-Artikolu 12 tal-ICCPR, tappoġġja interpretazzjoni tal-kunċett ta’ moviment liberu li tinkludi b’mod interkonness u indiviżibbli l-elementi differenti relatati mal-mobbiltà tal-bniedem bħala elementi inseparabbli, b’tali mod li “ċ-ċaħda ta’ wieħed minnhom tirrendi l-affermazzjoni tal-oħrajn fantasija iktar milli realtà”(29).

47.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha essenzjalment huma marbutin mal-perċezzjoni ġenerali tal-libertà ta’ moviment bħala dritt li jinkorpora l-komponenti ta’ ċaqliq u ta’ residenza, peress li, altrimenti, l-effikaċja tal-Artikolu 33 tad-Direttiva diffiċilment tiġi mħarsa. Fil-qosor, id-dritt ta’ ċaqliq f’ċertu spazju territorjali, kif jirriżulta mill-predeċessuri “premoderni” tiegħu, għandu komponent strumentali qawwi, fis-sens li hija setgħa mmirata fil-parti l-kbira tagħha lejn l-għażla libera tal-post tar-residenza (30).

48.      Il-fatt li l-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2011/95 aċċetta espressament il-prattika nazzjonali ta’ dispersjoni tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fir-rigward tal-aċċess għall-akkomodazzjoni ma jwassalx, finalment, għal konklużjoni differenti. Fl-opinjoni tiegħi, din id-dikjarazzjoni tippermettti biss prattika eventwali ta’ dispersjoni tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fil-kuntest tat-twettiq tal-obbligi tal-Istat Membru li jimplementa politiki pubbliċi maħsuba sabiex jipprevjenu d-diskriminazzjoni fl-aċċess għall-akkomodazzjoni. Fi kliem ieħor, it-twissija fil-bidu tal-Artikolu 32(2) tad-Direttiva għandha tinftiehem biss bħala mezz ta’ ħarsien tal-interess tal-Istati Membri li jipprevjenu l-konċentrazzjoni ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali permezz tal-artikulazzjoni tal-politika tagħhom stess ta’ offerta ta’ akkomodazzjoni.

iii) Interpretazzjoni storika

49.      Fl-aħħar nett, għalkemm interpretazzjoni storika li tirreferi esklużivament għax-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2011/95 ma hijiex konklużiva (31), it-teħid inkunsiderazzjoni flimkien tax-xogħol preparatorju tad-Direttivi 2004/83 u 2003/9/KE, li jistabbilixxu standards minimi għall-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil fl-Istati Membri (32), jikkonferma l-inklużjoni tal-libertà ta’ residenza fil-kunċett ta’ moviment liberu tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95.

50.      Fil-fatt, il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil fl-Istati Membri, li tat lok għad-Direttiva 2003/9 (33), kienet ippreċeduta minn xi konklużjonijiet tal-Kunsill li kien fihom linji gwida speċifiċi dwar ir-restrizzjonijiet possibbli għal-libertà ta’ residenza ta’ tali applikanti (34). Fuq il-bażi espliċita ta’ dawn l-istruzzjonijiet, il-proposta tal-Kummissjoni fl-Artikolu 7 tagħha tipprevedi restrizzjonijiet importanti. Madankollu, minkejja li, kif jirriżulta mill-artikolu msemmi u mill-ispjegazzjonijiet ta’ dan l-artikolu (35), dawn ir-restrizzjonijiet affettwaw b’mod ċar ir-residenza, il-lingwaġġ użat fil-proposta jirreferi b’mod ġeneriku għall-“moviment liberu”. B’mod konformi ma’ dan il-lingwaġġ, il-proposta tal-Kummissjoni, ippreżentata ftit xhur wara, li wasslet għad-Direttiva 2004/83 (36), kienet tirreferi biss għal-libertà ta’ moviment, espressjoni ripetuta mingħajr diskussjoni kemm fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/83 kif ukoll fl-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95.

51.      Għalhekk, ir-riferiment espliċitu għall-moviment liberu, minn naħa, u għar-restrizzjonijiet fir-rigward tar-residenza, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/9, li sar l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2013/33/UE (37), huwa preċiżament ir-riżultat tan-negozjati kumplessi li l-għan tagħhom kien li jirregolaw b’mod speċifiku r-restrizzjonijiet fir-rigward tal-komponenti differenti tal-moviment liberu li kienu ġew eżaminati flimkien fil-proposta tal‑Kummissjoni (38). Għall-kuntrarju, il-kunċett ta’ moviment liberu li kabbar it-test tad-direttiva inkwistjoni ma kienx is-suġġett ta’ dibattitu simili. Għalhekk, kif indikat il-Kummissjoni fis-seduta, altrimenti, hija kien ikollha tispjega espressament għaliex biss wieħed mill-komponenti tal-moviment liberu kien ġie inkluż fil-proposta tagħha.

52.      Għalhekk, l-eżami flimkien tax-xogħol preparatorju tad-Direttivi 2003/9 u 2004/83, innegozjati, barra minn hekk, f’perijodu ta’ żmien li parzjalment jikkoinċidi u fuq il-bażi ta’ proposti li fihom il-Kummissjoni kienet użat lingwaġġ simili fir-rigward tal-moviment liberu, iwassal sabiex jitqies li l-libertà ta’ moviment tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 tinkludi l-libertà ta’ residenza wkoll minbarra l-libertà ta’ ċaqliq. Fil-fatt, huwa diffiċli li jiġi immaġinat li, fil-kuntest ta’ żewġ direttivi nnegozjati fl-istess perijodu u li huma materjalment konnessi, il-leġiżlatur tal-Unjoni kien iddeċieda li jeskludi mingħajr ebda diskussjoni wieħed mill-komponenti essenzjali tal-moviment liberu fir-rigward tal-benefiċjarji rrikonoxxuti ta’ protezzjoni internazzjonali li kien ġie diskuss b’mod wiesa’ fir-rigward tal-applikanti għall-ażil.

53.      Fil-qosor, nistgħu ngħidu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li l-kunċett ta’ “libertà ta’ moviment” tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 jinkludi kemm il-libertà ta’ ċaqliq kif ukoll il-libertà ta’ għażla tal-post ta’ residenza.

b)      Fuq jekk l-obbligu ta’ residenza jikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment liberu

54.      Ladarba ġiet stabbilita l-portata tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95, ma huwiex diffiċli li tingħata risposta fir-rigward tad-domanda dwar jekk il-kundizzjoni relatata mal-istabbiliment tar-residenza f’post partikolari tikkostitwixxix fiha nnifisha restrizzjoni għall-moviment liberu prevista f’din id-dispożizzjoni, dan kollu irrispettivament issa minn jekk din il-miżura tirrispettax ukoll ir-rekwiżit ta’ ugwaljanza fit-trattament ma’ ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi residenti legalment, li ser jiġi eżaminat fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħi tat-tielet domanda preliminari.

55.      F’dan ir-rigward, biżżejjed li jitqiesu n-natura tal-miżura u l-konsegwenzi tagħha. Il-miżura inkwistjoni, skont kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, timponi obbligu ta’ okkupazzjoni u ta’ użu ta’ akkomodazzjoni f’post speċifiku, mingħajr ma tiġi ristretta l-possibbiltà ta’ ċaqliq u ta’ residenza libera fit-territorju nazzjonali kollu. Barra minn hekk, kif iċċara l-Gvern Ġermaniż fis-seduta, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu jwassal għal sanzjonijiet li jistgħu jinvolvu l-impożizzjoni ta’ multa.

56.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-fatt li l-kontenut fundamentali tal-libertà ta’ residenza jikkonsisti preċiżament fil-libertà li jiġi deċiż il-post ta’ residenza, jirriżulta b’mod ċar li l-obbligu li r-residenza tiġi stabbilita f’post partikolari jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu minn perspettiva sostantiva irrispettivament minn jekk il-miżura inkwistjoni ma tippreġudikax il-possibbiltà ta’ vvjaġġar jew ta’ residenza għal ċertu żmien f’postijiet oħra u minn jekk kundizzjonijiet partikolari huma previsti għall-emenda ta’ dan l-obbligu (39)

57.      Konsegwentement, nipproponi li l-ewwel domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju tingħata risposta fis-sens li kundizzjoni ta’ stabbiliment tar-residenza f’żona ġeografika limitata minn naħa ta’ Stat Membru tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu prevista fl-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95, indipendentement b’mod sħiħ minn jekk il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali għandux il-libertà li jiċċaqlaq fit-territorju kollu tal-Istat Membru u li jirrisjedi fih.

B –    Fuq it-tieni u t-tielet domandi preliminari

58.      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari, il-Bundesverwaltungsgericht tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-kundizzjoni relatata mal-post ta’ residenza għal persuni bi status ta’ protezzjoni sussidjarja hijiex kompatibbli mal-Artikoli 33 u/jew 29 tad-Direttiva 2011/95/UE jekk din tkun ibbażata fuq l-għan li tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-piżijiet tal-assistenza soċjali bejn il-korpi differenti tat-territorju (it-tieni domanda preliminari) jew fuq raġunijiet ta’ politika tal-immigrazzjoni jew tal-integrazzjoni, bħal li jiġi evitat li l-installazzjoni ta’ numru kbir ta’ barranin f’ċerti muniċipalitajiet jew distretti tiġġenera segregazzjoni soċjali (it-tielet domanda preliminari). F’dan l-aħħar rigward, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll jekk huwiex biżżejjed li jiġu invokati raġunijiet astratti ta’ politika tal-immigrazzjoni jew tal-integrazzjoni, jew jekk, għall-kuntrarju, dawn ir-raġunijiet għandhomx jiġu ddikjarati b’mod konkret.

59.      Għal ftehim aħjar tat-tifsira u tal-implikazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ domandi preliminari huwa meħtieġ li tissemma s-sentenza tal-istess qorti tar-rinviju, il-Bundesverwaltungsgericht, tal-15 ta’ Jannar 2008 (40), li permezz tagħha hija ddikjarat li kundizzjoni ta’ residenza bħal dik inkwistjoni f’dawn il-kawżi ma tistax tiġi applikata fil-każ tar-refuġjati rrikonoxxuti, peress li tmur kontra l-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jekk din tkun iġġustifikata biss mill-ħtieġa li tiġi żgurata d-distribuzzjoni ġusta territorjali tal-piżijiet pubbliċi ta’ assistenza soċjali. Il-qorti tar-rinviju tiddubita madankollu, kemm huwa possibbli li jiġi applikat l-istess raġunament għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja, peress li l-Artikolu 29 tad-Direttiva – li jirreferi għall-“għajnuna [assistenza] soċjali meħtieġa, kif ipprovdut lil ċittadini nazzjonali” – ma jużax l-istess kliem bħall-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni ta’ Genève –, li jirreferi għall-“istess trattament” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, dejjem skont il-ġurisprudenza tal-Bundesverwaltungsgericht stess, din il-kundizzjoni ta’ residenza tista’ tiġi ġġustifikata għal raġunijiet ta’ politika tal-immigrazzjoni u tal-integrazzjoni inkluż għar-refuġjati rrikonoxxuti, għalkemm, għal dan il-għan, ma jkunx biżżejjed sempliċi riferiment astratt għal dawn ir-raġunijiet, iżda għall-kuntrarju huwa meħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jispeċifikaw ir-raġunijiet li b’mod konkret jimponu tali restrizzjoni.

1.      Osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

60.      Kemm I. Alo kif ukoll A. Osso u l-Kummissjoni jqisu li l-Artikoli 29 u 33 tad-Direttiva 2011/95 jopponu r-restrizzjoni dwar il-post ta’ residenza.

61.      I. Alo jqis li l-obbligu ta’ residenza inkwistjoni jimponi restrizzjoni għall-moviment liberu fuq il-bażi tar-riċeviment ta’ għajnuna soċjali, li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95. Huwa jikkunsidra wkoll li l-miżura kkontestata tmur kontra l-Artikolu 12(1) tal-ICCPR, peress li tikkostitwixxi restrizzjoni li la hija prevista mil-liġi u lanqas tista’ tiġi ġġustifikata skont il-kriterji tal-Artikolu 12(3). Skont A. Osso, l-Artikolu 33 tad-Direttiva jipprevedi l-ugwaljanza fit-trattament bejn ir-refuġjati u l-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja sabiex il-fatt li fil-Ġermanja, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesverwaltungsgericht, ma huwiex permess, skont il-Konvenzjoni ta’ Genève, li jiġu imposti restrizzjonijiet fuq ir-refuġjati, ifisser li għandu jingħata l-istess trattament lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja. Barra minn hekk, minħabba li d-dritt Ġermaniż ma jippermettix li l-għajnuna soċjali liċ-ċittadini tagħha tingħaqad ma’ post ta’ residenza partikolari, l-obbligu ta’ residenza impost fuq il-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja wkoll imur kontra l-Artikolu 29 tad-Direttiva. Il-fatt li din id-dispożizzjoni tirreferi għall-“għajnuna [assistenza] soċjali meħtieġa” ma jippermettix li tiġi dedotta l-awtorizzazzjoni ta’ restrizzjonijiet territorjali. A. Osso ssostni li l-motivi ta’ immigrazzjoni u ta’ integrazzjoni msemmija fil-linji gwida tal-2009 jirreferu biss għall-barranin aċċettati minħabba raġunijiet umanitarji, politiċi jew tad-dritt internazzjonali, iżda mhux għar-residenti legali kollha, u għalhekk hemm differenza fit-trattament li tmur kontra l-Artikolu 33 tad-Direttiva. Barra minn hekk, hija tqis li l-awtoritajiet kompetenti ma stabbilixxewx li l-motivi ta’ interess ġenerali japplikaw fil-każ tagħha: ma ntweriex li l-għażla libera tagħha fir-rigward tar-residenza tista’ twassal għal piż sproporzjonat li jkun ta’ theddida għal reġjunijiet speċifiċi u lanqas li din tista’ tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ tensjonijiet soċjali. Barra minn hekk A. Osso tirrileva li l-allokazzjoni tar-residenza f’żoni speċifiċi tista’ twassal għal problemi fir-rigward tas-sejba ta’ impjieg u “tistigmatizza” lill-individwi kkonċernati.

62.      Il-Kummissjoni tqis li restrizzjoni għall-moviment liberu fir-rigward tal-benefiċjarji tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja għandha tissodisfa żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, din ma tistax twassal għal differenza fit-trattament bejn refuġjati u benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja, fatt li huwa impost mid-denominazzjoni kollettiva ta’ “benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali”. Differenzazzjoni, skont il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2011/95 hija permessa biss fir-rigward tal-Artikolu 29(2). It-tieni nett, l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu l-moviment liberu iktar milli fl-istess kundizzjonijiet bħal fir-rigward ta’ residenti legali oħrajn. Filwaqt li l-Kummissjoni tqis li huwa f’idejn il-qorti nazzjonali sabiex teżamina l-leġiżlazzjoni nazzjonali skont dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, hija tqis li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-regoli nazzjonali jwettqu diskriminazzjoni doppja, ipprojbita mill-Artikolu 33 tad-Direttiva. Barra minn hekk, hija tqis li l-Artikolu 29 ma huwiex rilevanti sabiex tiġi ġġustifikata restrizzjoni għall-moviment liberu. Fl-ipoteżi li restrizzjoni ma tkunx tapplika b’mod diskriminatorju, il-Kummissjoni tqis li l-motivi mressqa jistgħu jikkostitwixxu għanijiet leġittimi u li dawn jistgħu jkunu aċċettabbli sakemm jirrispettaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u jikkonformaw mal-għanijiet tad-Direttiva.

63.      Skont il-Gvern Grieg, l-Istat Membru għandu s-setgħa diskrezzjonali jiddetermina l-motivi li fuqhom jistgħu jiġu stabbiliti r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu. Madankollu, dawn ir-restrizzjonijiet għandhom jiġu applikati fil-limiti u l-għanijiet tad-Direttiva, u f’konformità mal-prinċipji ġenerali u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-kundizzjoni ta’ residenza tkun għalhekk mezz xieraq sabiex jiġu evitati piżijiet irraġonevoli għal xi kollettivitajiet u sabiex tiġi promossa l-integrazzjoni, u għalhekk tkun iġġustifikata.

64.      Il-Gvern Ġermaniż u l-Kreis Warendorf, sussidjarjament, iqisu li fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-miżura li tikkonċerna r-restrizzjonijiet għall-kundizzjoni ta’ residenza ma tkunx tmur kontra l-Artikoli 29 u 33 tad-Direttiva. It-tnejn li huma jinsistu fuq id-differenza fil-kliem bejn l-Artikolu 29 tad-Direttiva u l-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni ta’ Genève , li turi li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jagħmel distinzjoni. Il-Gvern Ġermaniż jindika wkoll, fir-rigward tal-Artikolu 33 tad-Direttiva, li l-Artikolu 12(2) tal-AufenthG jipprevedi restrizzjonijiet fir-rigward tar-residenza applikabbli għall-barranin kollha u li l-fatt li dawn ma humiex imposti fuq ir-refuġjati ma jmurx kontra d-Direttiva, peress li din ma tistabbilixxix l-obbligu li jiġi applikat it-trattament tal-iktar nazzjon favorit. Fi kwalunkwe każ, il-kunsiderazzjonijiet fiskali u dawk relatati mal-politika tal-immigrazzjoni u tal-integrazzjoni jistgħu jiġġustifikaw obbligu li jirrestrinġi r-residenza, jekk dawn ikollhom għan leġittimu u jkunu jikkonformaw mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-Gvern Ġermaniż jindika wkoll li, jekk jitqies li wieħed miż-żewġ aspetti ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex jiġġustifika obbligu ta’ residenza, huwa kruċjali li jiġi eżaminat jekk il-preżenza simultanja taż-żewġ aspetti tistax, minkejja dan, tiġġustifika dik il-miżura. Il-Kreis Warendorf ma jikkummentax fuq it-tielet domanda fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, peress li d-deċiżjoni tiegħu ma kinitx ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ immigrazzjoni jew ta’ integrazzjoni.

2.      Evalwazzjoni

65.      It-tieni u t-tielet domandi preliminari jqajmu l-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-obbligu ta’ residenza mal-Artikoli 29 u 33 tad-Direttiva, sakemm dan jista’ jkun iġġustifikat minn waħda miż-żewġ raġunijiet sussegwenti: ir-rabta mat-tqassim territorjali tal-piżijiet ta’ assistenza soċjali, u r-riżultat ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ politika tal-immigrazzjoni u tal-integrazzjoni.

66.      Qabel nipproponi risposta għal kull waħda minn dawn id-domandi, nemmen li huwa meħtieġ li wieħed jinnota li, għalkemm il-qorti tar-rinviju għamlet id-domandi tagħha b’riferiment għal żewġ artikoli separati tad-Direttiva 2011/95, l-Artikoli 29 u 33, l-analiżi tiegħi se tiffoka fuq l-aħħar artikolu msemmi. Għalhekk, għalkemm huwa konċepibbli li l-obbligu ta’ residenza jista’ jirriżulta f’restrizzjoni tad-dritt għar-riċeviment ta’ assistenza soċjali “taħt l-istess kundizzjonijiet” bħaċ-ċittadini, minn ebda wieħed mill-elementi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ma jirriżulta li l-obbligu relatat mar-residenza jinvolvi restrizzjoni għall-aċċess għall-benefiċċji soċjali, fil-każ, pereżempju, ta’ ksur potenzjali tiegħu mill-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja. Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 29(2) jippermetti li jingħata trattament differenti lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja fir-rigward tal-benefiċċji kkunsidrati bħala mhux bażiċi, huwa ċar li dan l-aspett tad-dispożizzjoni m’għandux jaqa’ fl-analiżi tiegħi peress li ma ġiex stabbilit jekk l-Istat Membru użax din l-eċċezzjoni u jekk il-benefiċċji li jimmotivaw l-obbligu ta’ residenza jaqgħux fl-ambitu tal-benefiċċji bażiċi jew le.

67.      Barra minn hekk, l-Artikolu 29 ma jgħinx sabiex neżaminaw il-kompatibbiltà tal-miżura ġġustifikata għar-raġunijiet mogħtija mad-dritt tal-Unjoni, peress li anki jekk din id-dispożizzjoni tippermetti differenza fit-trattament fir-rigward tal-applikanti għal protezzjoni sussidjarja fil-qasam ta’ aċċess għall-benefiċċji soċjali li ma humiex meqjusa bħala bażiċi, dan ma jfissirx li tista’ tiġi stabbilita differenza fit-trattament simili fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu tal-Artikolu 33 tad-Direttiva.

68.      Fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 33 tad-Direttiva, għandu jiġi mfakkar li d-domandi preliminari jitqajmu wkoll fil-kuntest ta’ dritt relazzjonali, stabbilit b’riferiment għad-drittijiet li jgawdu minnhom kategoriji ta’ suġġetti oħra. Dan jimplika li r-raġunijiet mogħtija għandhom jiġu eżaminati mhux biss bħala ġustifikazzjonijiet potenzjali għal restrizzjoni għall-moviment liberu fi ħdan Stat minn perspettiva materjali, iżda huwa meħtieġ ukoll li jiġi analizzat jekk dawn jistgħux jiġġustifikaw differenza fit-trattament.

69.      Qabel nibda neżamina l-ġustifikazzjonijiet imsemmija minn din il-perspettiva doppja, naħseb li huwa meħtieġ li jsiru xi kunsiderazzjonijiet dwar id‑dritt ta’ moviment liberu fi ħdan Stat fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

70.      F’dan ir-rigward, wieħed ma għandux jinsa li d-dritt fundamentali għal-libertà ta’ moviment għandu konnessjoni ċara mal-iżvilupp liberu tal-personalità (41), fiċ-ċirkustanzi tal-lum, fejn il-mobilità hija waħda mill-elementi fundamentali li jippermettu t-twettiq tal-għanijiet professjonali u personali tal-individwi li jgħixu fis-soċjetajiet dinamiċi tal-Istati Membri tal-Unjoni. Barra minn hekk, ma hemmx wisq bżonn li wieħed ifakkar il-valur enormi tal-mobilità personali fost il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. Issa, fil-każ tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, li kellhom ukoll jabbandunaw l-Istati tagħhom, u li jaffaċċjaw, kif huwa enfasizzat fil-premessa 41 tad-Direttiva 2011/95, sfidi partikolari ta’ integrazzjoni, il-moviment liberu fi ħdan l-Istat ospitanti għandu interess speċifiku li wieħed ma jistax jissottovaluta l-valur tiegħu.

a)      Fuq id-dritt għal nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-libertà ta’ moviment fi ħdan Stat

71.      Irrispettivament mill-interazzjoni kkumplessa tad-dritt tar-refuġjati u tad-drittijiet tal-bniedem fid-dritt Internazzjonali, ma hemmx dubju li fid-dritt tal-Unjoni, kif irrikonoxxut fil-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95, id-drittijiet fundamentali jikkostitwixxu l-qafas bażiku ta’ riferiment li fih jidħol l-istatus speċifiku tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95 jiddefinixxu l-istatus tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali permezz tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, permezz ta’ diversi dikjarazzjonijiet. Dan il-prinċipju jikkostitwixxi wkoll prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li llum jinsab fl-Artikolu 20 tal-Karta, li tiegħu l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta huwa espressjoni partikolari (42). Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “jirriżulta li l-imsemmi prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat” (43).

72.      F’dan il-kuntest, huwa ċar li dawn il-kawżi jqajmu żewġ sitwazzjonijiet possibbli differenti ta’ trattament mhux ugwali skont l-istatus ġuridiku ta’ migrant: dik tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja meta mqabblin mar-refuġjati, minn naħa, u dik tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali kollha meta mqabblin ma’ ċittadini residenti legali oħrajn ta’ pajjiżi terzi, min-naħa l-oħra.

73.      Fil-fatt, id-differenza fit-trattament fir-rigward tar-refuġjati li jirċievu benefiċċji soċjali u li, għaldaqstant, jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, tista’ tkun ibbażata biss fuq l-istatus ġuridiku differenti.

74.      Barra minn hekk, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, għalkemm l-AufenthG, fl-Artikolu 12(2) tagħha, tipprevedi li r-restrizzjonijiet territorjali jistgħu jiġu imposti fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’mod ġenerali, il-linji gwida amministrattivi tal-2009 jistabbilixxu biss li r-restrizzjoni ta’ residenza għandha tkun imposta fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ngħataw permess ta’ residenza għal raġunijiet ta’ dritt internazzjonali, umanitarji jew politiċi, li jirċievu benefiċċji soċjali. Għal din ir-raġuni, id-differenza fit-trattament ma’ barranin oħra li, barra minn hekk, jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tar-riċeviment ta’ benefiċċji soċjali, hija bbażata biss fuq l-istatus ta’ immigrazzjoni. Il-fatt li l-ammissjoni ta’ barranin oħra hija kkundizzjonata, skont l-AufenthG, għad-dispożizzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti, jew il-fatt li l-motivi li jiġġustifikaw ir-residenza tagħhom huma differenti, ma jippreġudikax il-possibbiltà li jsir paragun bejn il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u l-barranin (44). Biżżejjed nindika li, f’dan ir-rigward, huwa l-Artikolu 33 tad-Direttiva, flimkien mal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li jistabbilixxi li l-konfini tal-paragun huwa kkostitwit minn residenti legali oħrajn, ċittadini ta’ pajjiżi terzi.(45)

75.      Il-karatterizzazzjoni tal-istatus ġuridiku ta’ migrant bħala wieħed mill-motivi pprojbiti ta’ diskriminazzjoni ma tidhirx dubjuża. Minn naħa, għalkemm l-Artikolu 21 ma jirreferix għal dan il-motiv fost dawk li huma pprojbiti espressament “b’mod partikolari”, huwa paċifiku li l-lista li tinsab f’din id-dispożizzjoni ma hijiex eżawrjenti. Min-naħa l-oħra, u b’mod addizzjonali, ir-rikonoxximent tal-istatus ġuridiku ta’ migrant bħala motiv pprojbit ta’ diskriminazzjoni jirriżulta minn interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Karta b’mod konformi mal-Artikolu 14 KEDB, li hija obbligatorja, sa fejn iż-żewġ dispożizzjonijiet jaqblu (46). Barra minn hekk il-QEDB irrikonoxxiet li l-istatus ta’ migrant huwa wieħed mill-kategoriji inklużi fil-kunċett ta’ “status ieħor” [traduzzjoni mhux uffiċjali] imsemmi fl-Artikolu 14 KEDB (47).

76.      Barra minn hekk, il-fatt li s-sitwazzjoni tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali ma fihiex l-element ta’ għażla personali libera li hija preżenti f’tipi ta’ status ta’ migrant oħrajn ifisser li biss raġunijiet imperattivi jistgħu jiġu invokati sabiex jiġġustifikaw differenza fit-trattament, fatt li jeħtieġ livell strett ta’ skrutinju fl-eżami tal-proporzjonalità (48).

77.      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Karta b’riferiment għall-Artikolu 14 KEDB hija obbligatorja peress li d-differenza fit-trattament inkwistjoni sseħħ speċifikament fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ wieħed mid-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti taħt il-Konvenzjoni, b’mod partikolari, id-dritt ta’ moviment liberu fi ħdan Stat tal-Artikolu 2 tal-Protokoll 4 tal-KEDB. Dan id-dritt jifforma parti, bla dubju, kif diġà indikajt fil-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mid-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, inkwantu prinċipju ġenerali.

78.      Huwa veru li l-QEDB interpretat id-dritt ta’ moviment liberu fi ħdan Stat fis-sens li, billi jkopri biss ir-residenti legali, ma japplikax għall-barranin li jiksru l-kundizzjonijiet imposti fuq id-dħul tagħhom fl-Istat ikkonċernat, li jistgħu jinkludu kundizzjoni relatata mal-validità territorjali ta’ permess ta’ residenza (49). Madankollu, għandha tiġi ppreċiżata l-interpretazzjoni korretta ta’ din il-ġurisprudenza meta jiġi ddeterminat il-kontenut tad-dritt fundamentali ta’ moviment liberu fi ħdan Stat inkwantu prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

79.      Il-ġurisprudenza msemmija, fil-fatt, dejjem applikat f’każijiet relatati ma’ sitwazzjonijiet li fihom il-barranin ġew ammessi biss b’mod provviżorju, sakemm jistennew li tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil, jew minħabba li t-tkeċċija tagħhom ma setgħetx tiġi eżegwita. Madankollu, mhux talli ma ninstabux f’sitwazzjoni strettament provviżorja, fil-każijiet inkwistjoni, kemm I. Alo kif ukoll A. Osso għandhom status rikonoxxut ta’ benefiċarji ta’ protezzjoni sussidjarju u huma detenturi ta’ permessi ta’ residenza mogħtija lilhom skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2011/95, li jiġu mġedda perijodikament għal diversi snin.

80.      Finalment, il-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109 ġie estiż sabiex jirrendi l-istatus ta’ residenza fit-tul aċċessibbli għall-benefiċjarji kollha ta’ protezzjoni internazzjonali jagħti prova tan-nuqqas ta’ natura provviżorja tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja(50).

81.      Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi immedjatament imfakkar, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod konformi mal-Artikolu 52(1), tal-Karta, li d-differenza fit-trattament tkun iġġustifikata biss jekk tkun ibbażata “fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun relatata ma’ għan legalment ammissibbli segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun proporzjonali mal-għan imfittex mit-trattament ikkonċernat” (51).

82.      Il-kundizzjoni relatata mal-obbligu ta’ residenza, l-ewwel nett, għandha l-bażi legali tagħha fit-tieni sentenza tal-Artikolu 12(2) tal-AufenthG, li fir-rigward tagħha l-linji gwida tal-2009 jillimitaw l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali amministrattiva (52).

83.      Barra minn hekk, fir-rigward tal-marġni ta’ diskrezzjoni li f’dan ir-rigward tista’ tingħata lill-Istati Membri għall-evalwazzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex jiġu segwiti għanijiet ta’ natura differenti, it-tnejn li huma previsti b’mod espliċitu fil-linji gwida tal-2009 – jiġifieri, l-evitar ta’ piż baġitarju sproporzjonat għal ċerti Länder u muniċipalitajiet u l-prevenzjoni tas-segregazzjoni soċjali u l-konsegwenzi negattivi tagħha għall-integrazzjoni – jikkostitwixxu fihom infushom, kemm wieħed kif ukoll l-ieħor, għanijiet leġittimi. B’mod partikolari, il-promozzjoni tal-integrazzjoni hija wkoll għan irrikonoxxut b’mod espliċitu fid-Direttiva stess, li tistabbilixxi, fil-premessa 41 tagħha li, “[s]abiex jiġi mtejjeb l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet u l-benefiċċji stabbiliti f’din id-Direttiva mill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, hu neċċessarju li jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom u l-isfidi partikolari tal-integrazzjoni li magħhom jħabbtu wiċċhom”.

84.      Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, fl-eżami ta’ jekk id-differenza fit-trattament hijiex, barra minn hekk, proporzjonali fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet leġittimi, huwa neċessarju li jiġu esposti numru ta’ kunsiderazzjonijiet speċifiċi fuq kull waħda mill-ġustifikazzjonijiet issuġġeriti, rispettivament, fit-tieni u fit-tielet domandi preliminari.

b)      Fuq l-obbligu ta’ residenza tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja ġġustifikat għal raġunijiet ta’ tqassim territorjali tal-piżijiet ta’ assistenza soċjali (it-tieni domanda preliminari)

85.      Huwa diffiċli li tiġi difiża l-proporzjonalità ta’ differenza fit-trattament fl-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ residenza bbażat fuq l-għan ta’ tqassim territorjali bbilanċjat tal-piżijiet ta’ assistenza soċjali bejn, minn naħa, il-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja u, min-naħa l-oħra, ir-refuġjati, li kollha jirċievu, barra minn hekk, benefiċċji soċjali.

86.      Inizjalment, jista’ jitqies li din ir-raġuni ma tidhirx li tissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri, mill-perspettiva tal-kontenut materjali tad-dritt ta’ moviment liberu. Fil-fatt, ma huwiex irraġonevoli li jiġi affermat li jeżistu miżuri inqas restrittivi fil-kuntest ta’ Stat federali, li fih huwa konċepibbli li jitfasslu mekkaniżmi ta’ tqassim mill-ġdid u ta’ kumpens territorjali fir-rigward tal-iżbilanċi baġitarji. Din il-kunsiderazzjoni waħedha diġà tippermetti li jiġi kkonfutat li miżura bħall-obbligu ta’ residenza kkunsidrata hawn tista’ tkun konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

87.      Issa, barra minn hekk, miżura ta’ dan it-tip, li bħala prinċipju tapplika biss għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja, u mhux għar-refuġjati li jirċievu l-istess tip ta’ benefiċċji soċjali, diffiċli tisssodisfa l-kriterju tal-adegwatezza fir-rigward tal-għan segwit. Fil-fatt, ma ġiex stabbilit sa liema punt jista’ jintlaħaq bilanċ tajjeb tad-distribuzzjoni territorjali tal-piżijiet ta’ assistenza soċjali meta l-obbligu ta’ residenza huwa impost, għal din ir-raġuni, biss fuq il-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja, u mhux fuq ir-refuġjati.

88.      Barra minn hekk, differenza fit-trattament iġġustifikata minn motiv mhux ammissibbli fir-rigward tar-refuġjati rrikonoxxuti ma tkunx kompatibbli mal-kuntest leġiżlattiv speċifiku tad-Direttiva 2011/95, li jillimita b’mod konsiderevoli l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri meta jistabbilixxu kwalunkwe differenza fit-trattament bejn ir-refuġjati u l-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja.

89.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’diversi okkażjonijiet fir-rigward tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, kif stabbilit fid-Direttiva 2004/38, il-predeċessura tad-Direttiva 2011/95, fejn indikat li “fil-kuntest tal-kunċett ta’ ‘protezzjoni internazzjonali’, [id-Direttiva 2004/83] tirregola żewġ sistemi distinti ta’ protezzjoni, jiġifieri, minn naħa, l-istatus ta’ refuġjat, u min-naħa l-oħra, l-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja, peress li l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva jipprovdi li l-persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja hija dik ‘li ma tikkwalifikax bħala refuġjat’” (53). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “l-protezzjoni sussidjarja prevista bid-Direttiva 2004/83 tikkostitwixxi fattur addizzjonali għall-protezzjoni tar-refuġjati stabbilita bil-Konvenzjoni ta’ Genève” (54) u li “l-istatus ta’ refuġjat jagħti protezzjoni iktar wiesgħa minn dik mogħtija mill-protezzjoni sussidjarja” (55). Dan jirriżulta wkoll, barra minn hekk, mid-dikjarazzjoni fl-Artikolu 20(1) tad-Direttiva, fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII tagħha ma għandhomx jaffettwaw id-drittijiet stabbiliti taħt il-Konvenzjoni ta’ Genève.

90.      B’kunsiderazzjoni ta’ dan kollu, u bl-aċċettazzjoni li l-protezzjoni sussidjarja, bħala kunċett speċifiku, iżomm ċerta awtonomija, l-intenzjoni espliċita tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jtejjeb l-unifikazzjoni taż-żewġ status tikseb rilevanza partikolari. Fil-fatt, l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2011/95 speċifikament jipprevedi li d-drittijiet kollha li jinsabu fil-Kapitolu VII tad-Direttiva għandhom japplikaw bl-istess mod kemm għar-refuġjati kif ukoll għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja, sakemm ma jingħadx mod ieħor, u għalhekk jistabbilixxi l-ugwaljanza fit-trattament bħala regola ta’ prinċipju (56). B’dan il-mod, id-Direttiva tesprimi d-determinazzjoni ċara tal-leġiżlatur li jistabbilixxi status uniformi għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, billi tipprovdi li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja “għandhom jingħataw l-istess drittijiet u benefiċċji bħal dawk li jgawdu refuġjati taħt din id-direttiva, u għandhom ikunu soġġetti għall-istess kundizzjonijiet ta’ eliġibilità”, għalkemm “bl-eċċezzjoni tad-derogi li huma meħtieġa u ġustifikati b’mod oġġettiv” (57).

91.      Issa, dawn l-eċċezzjonijiet ġew irregolati espliċitament mil-leġiżlatur tal-Unjoni li speċifika, fl-artikoli rilevanti tal-Kapitolu VII tad-Direttiva, il-każijiet partikolari li fihom differenza fit-trattament hija ammissibbli.

92.      Barra minn hekk, wieħed lanqas ma għandu jinsa li, b’kuntrast mal-predeċessura tagħha, id-Direttiva 2011/95, kif enfasizzat mill-Avukat Ġenerali Bot (58), eliminat il-maġġoranza tad-differenzi eżistenti bejn id-drittijiet mogħtija lir-refuġjati u dawk mogħtija lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni, li jeżistu biss, u eċċezzjonalment, fir-rigward tal-permessi ta’ residenza u tad-dokumenti tal-ivvjaġġar, u fir-rigward tal-protezzjoni soċjali.

93.      Konsegwentement, il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li jistabbilixxu drittijiet mingħajr ebda distinzjoni ma jistax jiġi maqsum mill-ġdid skont jekk il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali humiex koperti jew le mill-Konvenzjoni ta’ Genève. Fil-fatt, l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġu li l-interpretazzjoni mogħtija lil artikolu tkun l-istess fir-rigward tad-detenturi tad-drittijiet previsti fil-Kapitolu VII tad-Direttiva, meta d-dispożizzjonijiet rilevanti ma jipprevedu ebda distinzjoni. Fl-aħħar nett, ma jistax jiġi injorat il-fatt li l-Artikolu 78 TFUE stess jipprevedi li l-Unjoni għandha tiżviluppa “politika komuni dwar l-asil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja”, li għandha tkun “konformi” mal-Konvenzjoni ta’ Genève, u għalhekk jirrikonoxxi r-rwol tagħha bħala standard ta’ referenza komuni (59).

94.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jibqa’ biss li jiġi indikat li l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95, għall-kuntrarju tal-Artikolu 29 tagħha, ma jagħmel ebda distinzjoni bejn it-trattament mogħti lir-refuġjati u dak mogħti lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja meta jirreferi għall-“benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali” bħala d-detenturi tad-dritt li dan jirregola.

95.      Bħala konklużjoni, inqis li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li obbligu relatat mal-post ta’ residenza għal persuni bi status ta’ protezzjoni sussidjarja kif previst fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ibbażat fuq l-għan li tiġi żgurata distribuzzjoni territorjali adegwata tal-piżijiet tal-assistenza soċjali, ma jirriżultax li huwa kompatibbli mal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95.

c)      Fuq l-obbligu ta’ residenza tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja ġġustifikat għal raġunijiet relatati mal-politika tal-immigrazzjoni u tal-integrazzjoni (it-tielet domanda preliminari)

96.      Fl-evalwazzjoni, minn perspettiva materjali, tal-proporzjonalità ta’ restrizzjoni bħal dik inkwistjoni mad-dritt ta’ moviment liberu fi ħdan Stat, mill-perspettiva ta’ ġustifikazzjoni eventwali bbażata fuq rekwiżiti tal-politika tal-immigrazzjoni u tal-integrazzjoni, jista’ jiġi faċilment aċċettat kemm li l-obbligu ta’ residenza huwa adegwat għall-għan imfittex, kif ukoll li huwa diffiċli li tiġi evitata l-konċentrazzjoni ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali permezz ta’ miżuri inqas restrittivi. F’dan l-aħħar rigward, huwa f’idejn il-qorti nazzjonali, li mingħajr dubju tinsab f’pożizzjoni aħjar sabiex tevalwa l-ispeċifiċità tal-kuntest soċjali partikolari, li teżamina d-disponibbiltà u l-adegwatezza ta’ miżuri bħall-inċentivar tal-istabbiliment tar-residenza f’postijiet differenti fil-kuntest tal-politiki diġà msemmija ta’ dispersjoni permezz tal-offerta pubblika ta’ akkomodazzjoni.

97.      Fi kwalunkwe każ, meta jitwettaq l-eżami tal-proporzjonalità fis-sens strett ta’ miżura ta’ din in-natura mal-kontenut materjali tad-dritt ta’ moviment liberu, ikun il-kompitu tal-qorti tar-rinviju li teżamina l-miżura kkontestata filwaqt li tikkunsidra, fl-evalwazzjoni tagħha tal-interessi involuti, ir-rilevanza inkontestabbli tad-dritt ta’ moviment liberu fi ħdan Stat għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja, li diġà ġiet enfasizzata fil-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

98.      Fid-dawl tal-piż tal-interess individwali u tal-ħtieġa tal-applikazzjoni ta’ livell strett ta’ skrutinju għall-evalwazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, motivi astratti relatati ma’ kunsiderazzjonijiet dwar l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni ma jistgħux ikunu biżżejjed sabiex jiġġustifikaw miżura bħall-obbligu ta’ residenza. Huma biss raġunijiet imperattivi relatati ma’ kunsiderazzjonijiet konkreti ta’ immigrazzjoni u ta’ integrazzjoni li eventwalment jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja ta’ miżura bħal dik inkwistjoni. Raġunijiet ta’ dan it-tip jistgħu, b’mod partikolari, iseħħu f’ċirkustanzi speċifiċi ta’ tensjoni soċjali ċara, b’riperkussjoni fuq l-ordni pubbliku, b’riżultat, forsi, tal-konċentrazzjoni ta’ numru sinjifikattiv ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali li jirċievu benefiċċji soċjali.

99.      Huwa meħtieġ ukoll, meta tiġi eżaminata l-proporzjonalità ta’ obbligu ta’ residenza, li jitqies it-tul tiegħu u anki l-estensjoni territorjali tiegħu, liema elementi għandhom jiġu eżaminati wkoll mill-qorti nazzjonali. Fir-rigward tat-tul tal-kundizzjoni ta’ residenza imposta, huwa diffiċli li miżura imposta għal żmien eċċessivament twil tkun kompatibbli mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Bl-istess mod, l-estensjoni territorjali tal-post li eventwalment isservi bħala referenza għal obbligu ta’ residenza – muniċipalità, distrett jew saħansitra Land –, hija bla dubju rilevanti.

100. Fl-aħħar nett, u bla ħsara għall-fatt li restrizzjoni għad-dritt ta’ moviment liberu bħal dik inkwistjoni tista’ tkun ammissibbli fiċ-ċirkustanzi li għadna kif semmejna, il-ġustifikazzjonijiet relatati mal-politika tal-immigrazzjoni u tal-integrazzjoni għandhom jiġu eżaminati, ukoll, mill-perspettiva tal-kompatibbiltà tagħhom mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

101. L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 jistabbilixxi, għal dan il-għan, espressjoni speċifika tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-moviment liberu fi ħdan Stat, billi jipprevedi li dan għandu jiġi stabbilit “taħt l-istess kundizzjonijiet u restrizzjonijiet bħal dawk ipprovduti lil ċittadini nazzjonali ta’ pajjiż terz residenti legalment fit-territorji tagħhom” mingħajr ma jispeċifika ebda possibbiltà ta’ deroga, għall-kuntrarju ta’ artikoli oħra tad-Direttiva.

102. Id-differenza fit-trattament inkwistjoni f’dawn il-każijiet hija dderivata mill-fatt li, għalkemm l-Artikolu 12 tal-AufenthG jipprevedi l-possibbiltà li jiġu stabbiliti restrizzjonijiet territorjali fir-rigward tar-residenza tal-barranin b’mod ġenerali, dawn ir-restrizzjonijiet ġew ikkonkretizzati biss permezz tal-linji gwida tal-2009 għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali.

103. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk, f’ċirkustanzi paragunabbli ma’ dawk deskritti hawn fuq, fejn restrizzjoni għad-dritt ta’ moviment liberu tista’ titqies iġġustifikata, l-ordinament ġuridiku nazzjonali, eżaminat fit-totalità tiegħu, ma jnaqqasx il-portata tar-restrizzjoni inkwistjoni għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali biss.

104. Barra minn hekk, u għall-kuntrarju ta’ dak li ntqal fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kundizzjonijiet dwar il-post tar-residenza imposti għal raġunijiet ta’ politika tal-immigrazzjoni u tal-integrazzjoni ma humiex sostnuti, b’mod ġenerali, b’interpretazzjoni storika tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Fil-fatt, għalkemm il-ħtieġa li tiġi evitata l-konċentrazzjoni ta’ refuġjati f’żoni speċifiċi, partikolarment, fiż-żoni tal-fruntieri, kienet enfasizzata mid-delegati ta’ diversi Stati, il-kumitat responsabbli għall-abbozzar tal-konvenzjoni finalment ma inkludix din il-possibbiltà (60). Dan juri impenn sod li l-kundizzjonijiet relatati mal-moviment liberu tar-refuġjati li jinstabu legalment fit-territorju ta’ Stat jiġu assimilati ma’ dawk tal-barranin l-oħra inġenerali. L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 jirrifletti dan l-impenn fir-rigward tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, mingħajr ma jista’ jintesa li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta jistabbilixxu restrizzjonijiet għall-moviment tal-applikanti għal din il-protezzjoni (61).

105. Bħala konklużjoni, inqis li r-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li obbligu relatat mal-post ta’ residenza għal persuni bi status ta’ protezzjoni sussidjarja kif previst fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iġġustifikat għal raġunijiet ta’ politika tal-immigrazzjoni jew tal-integrazzjoni, huwa biss kompatibbli mal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95, skont l-Artikolu 21 tal-Karta fir-rigward tad-dritt fundamentali ta’ moviment liberu fi ħdan Stat, fil-każ li dawn ir-raġunijiet ikunu serji biżżejjed u jkunu marbutin ma’ sitwazzjonijiet ta’ fatt konkreti u fil-każ li, b’osservanza tar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-ordinament ġuridiku nazzjonali, eżaminat fit-totalità tiegħu, ma jnaqqasx il-portata tar-restrizzjoni inkwistjoni esklużivament għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, fatt li jeħtieġ li jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

IV – Konklużjoni

106. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li r-risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht għandha tkun kif ġej:

“1.       Kundizzjoni ta’ stabbiliment tar-residenza f’żona ġeografika limitata minn naħa ta’ Stat Membru tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu previst fl-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, indipendentement b’mod sħiħ minn jekk il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali għandux il-libertà li jiċċaqlaq fit-territorju kollu tal-Istat Membru u li jirrisjedi fih.

2.       Obbligu relatat mal-post ta’ residenza għal persuni bi status ta’ protezzjoni sussidjarja kif previst fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ibbażat fuq l-għan li tiġi żgurata distribuzzjoni territorjali adegwata tal-piżijiet tal-assistenza soċjali, ma jirriżultax li huwa kompatibbli mal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95.

3.       Obbligu relatat mal-post ta’ residenza għal persuni bi status ta’ protezzjoni sussidjarja kif previst fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iġġustifikat għal raġunijiet ta’ politika tal-immigrazzjoni jew tal-integrazzjoni, huwa biss kompatibbli mal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95, skont l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-dritt fundamentali ta’ moviment liberu fi ħdan Stat, fil-każ li dawn ir-raġunijiet ikunu serji biżżejjed u jkunu marbutin ma’ sitwazzjonijiet ta’ fatt konkreti u fil-każ li, b’osservanza tar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-ordinament ġuridiku nazzjonali, eżaminat fit-totalità tiegħu, ma jnaqqasx il-portata tar-restrizzjoni inkwistjoni esklużivament għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, fatt li jeħtieġ li jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.”


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – (ĠU L 337, p. 9). Din id-Direttiva ħassret u ssostitwiet, għall-Istati Membri marbutin biha, id-Direttiva tal-Kunsill Nru 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).


3 – Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-Direttiva 2004/83 fis-sentenzi Bolbol (C‑31/09, EU:C:2010:351); B (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661); Y (C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518); X (C‑199/12 sa C‑201/12, EU:C:2013:720); A et (C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406); T. (C‑373/13, EU:C:2015:413); Shepherd (C‑472/13, EU:C:2015:117); Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453); Qurbani (C‑481/13, EU:C:2014:2101), filwaqt li analizzat ukoll xi aspetti tal-protezzjoni sussidjarja fis-sentenzi Elgafaji (C‑465/07, EU:C:2009:94); Diakite (C‑285/12, EU:C:2014:39); M’Bodj (C‑542/13, EU:C:2014:2452); M.M. (C‑277/11, EU:C:2012:744); Salahadin Abdulla et (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105); Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826) u H. N. (C‑604/12, EU:C:2014:302).


4 – UNTS, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954), li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Il-Konvenzjoni ġiet ikkompletata permezz tal-Protokoll dwar l-Istatus tar-Reguġjati, tal-31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967.


5–      Adottat fis-16 ta’ Diċembru 1966, u li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 1976 (UNTS Vol. 999, p. 171; (iktar ’il quddiem, il-“PIDĊP”).


6–      Il-Protokoll Nru 4, miftuħ għall-iffirmar fis-16 ta’ Settembru 1963 u li daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Mejju 1968 ġie rratifikat mill-Istati Membri kollha ħlief mill-Greċja – li la ffirmatu u lanqas irratifikatu – u mir-Renju Unit, li ffirmah iżda ma rratifikahx.


7 – BGBl. 2004 I, p. 1050, tat-30 ta’ Lulju 2004, fil-verżjoni tagħha tal-25 ta’ Frar 2008, emendata l-aħħar permezz tal-Liġi tat-28 ta’ Awwissu 2013.


8 – Sentenza tal-Bundesverwaltungsgericht tal-15 ta’ Jannar 2008, 1 C 17.07, punt 20.


9 – Regolament [tal-Kunsill] (KKE) [KEE] [...], tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15).


10 – Din il-konklużjoni hija sostnuta mill-Artikolu 45(3)(b) u (ċ) TFUE li jirreferi għad-dritt għal-libertà ta’ moviment u għad-dritt ta’ residenza, kif ukoll minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħall-Artikoli 20(2)(a) TFUE u 21(1) TFUE, u l-Artikolu 45 tal-Karta, dispożizzjonijiet li kollha jagħmlu distinzjoni bejn il-libertà ta’ moviment u d-dritt ta’ residenza. Din hija wkoll sostnuta minn regoli oħra tad-dritt sekondarju, bħall-Artikolu 7 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, p. 96/116), u d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


11 – Pereżempju, fil-verżjoni Spanjola (libre circulación), Franċiża (liberté de circulation), Ingliża (freedom of movement), Taljana (libertà di circolazione), Olandiża (vrij verkeer), Portugiża (liberdade de circulação), Rumena (libertatea de circulație), Daniża (Fri bevægelighed), Svediża (fri rörlighet), Bulgara (Свобода на придвижване), Estonjana (Liikumisvabadus), Griega (Ελεύθερη κυκλοφορία), Ċeka (svoboda pohybu), Slovakka (sloboda pohybu), Latvjana (pārvietošanās brīvība), Kroata (sloboda kretanja). Id-differenza terminoloġika tidher, b’mod eċċezzjonali, pereżempju, fil-verżjoni Pollakka (swobodny przepływ / swoboda przemieszczania).


12 – B’mod partikolari, l-Artikoli 45(3)(b) u (ċ) TFUE, 21(1) TFUE u 79(2)(b) TFUE, kif ukoll l-Artikolu 45(1) u (2) tal-Karta u d-Direttiva 2004/38.


13 – Ara, pereżempju, A. Olesti Rayo, “La libre circulación de personas: desplazamiento y residencia”, f’J. Mª Beneyto Pérez (Ed.), Tratado de Derecho y Políticas de la Unión Europea. Tomo VI: Mercado Único Europeo y Unión Económica y Monetaria, Thomson Reuters Aranzadi, 2009, p. 325-387.


14 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mayras fil-kawża Rutili (36/75, EU:C:1975:124), fejn isir riferiment kemm għad-drittijiet tal-ħaddiema li “jaċċettaw offerti ta’ xogħol effettivament magħmula” kif ukoll għad-“dritt li jiċċaqalqu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li jirrisjedu hemmhekk bil-għan li jkollhom impjieg hemmhekk”.


15 – Nistgħu niċċitaw l-Artikolu 3(2) TUE; l-intestatura tat-Titolu IV tal-Parti III tat-Trattat FUE; l-Artikolu 26(2) TFUE; l-Artikolu 45(1) TFUE u l-Artikoli 46 u 48 TFUE.


16 – Din l-espressjoni ta’ sikwit tinsab fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet relatati mal-Ftehim ta’ Schengen.


17 – Ara l-Artikolu 11(1)(h) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272); l-Artikolu 14(1)(h) tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE, tal-25 ta’ Mejju 2009, dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin (ĠU L 155, p. 17); l-Artikolu 22(b) tad-Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini ta’ impjieg bħala ħaddiema staġonali (ĠU L 94, p. 375); u l-Artikolu 17(b), tad-Direttiva 2014/66/UE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Mejju 2014, dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz fil-qafas ta’ trasferiment intra-azjendali (ĠU L 157, p. 1).


18 – Sabiex niċċita xi ftit eżempji, H. Schermers, Free Movement of Persons in Europe: Legal Problems and Experiences, Springer 1993; E. Spaventa, Free Movement of Persons in the European Union: Barriers to Movement in Their ConstitutionalContext, Kluwer Law International, 2007; M. Flory u R. Higgins, Liberté de circulation des personnes en droit international, Economica, 1988; C. Beyani, Human Rights Standards and the Movement of People Within States, Oxford University Press, 2000, u G. Goodwin-Gill, International law and the Movement of Persons Between States, Oxford University Press 2008.


19 – Ara, pereżempju, fir-rigward tad-Direttiva 2004/83, is-sentenza X et (C‑199/12 sa C‑201/12, EU:C:2013:720), punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata.


20 – Sentenza H. N. (C‑604/12, EU:C:2014:302), punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata.


21 – Sentenza Qurbani (C‑481/13, EU:C:2014:2101), punti 24 u 26.


22 – Kif indikat b’mod espliċitu fl-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2011/95.


23 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi magħquda B (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:302), punt 42.


24 – Dan il-punt huwa illustrat mill-kummenti tal-UNHCR dwar l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/83 meta hija tiddikjara li “UNHCR understands that, in line with Article 26 of the 1951 Convention and Article 2 of Protocol No. 4 to the ECHR, the right to choose the place of residence is included in the right to freedom of movement”, UNHCR, Annotated Comments on the EC Council Directive2004/83/EC, 2005.


25 – C‑571/10, EU:C:2012:233, punti 79 et seq.


26 –      Direttiva tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2003, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272), kif emendata bid-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2011 (ĠU L 132, p. 1).


27 – L-importanza tad-dritt fundamentali ta’ moviment liberu fi ħdan Stat tfisser li dan id-dritt huwa inkluż, sa ċertu punt, fi ħdan id-dritt ta’ moviment liberu fl-Unjoni. Għalhekk, l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jimponu restrizzjonijiet territorjali fuq id-dritt ta’ residenza jew id-dritt ta’ residenza permanenti biss meta l-istess restrizzjonijiet ikunu japplikaw ukoll għaċ-ċittadini tagħhom stess. Fis-sentenza Rutili (36/75, EU:C:1975:137) il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li “fir-rigward tal-projbizzjonijiet ta’ residenza limitati għal ċerti distretti tat-territorju, il-persuni protetti mid-dritt Komunitarju għandhom jirċievu, skont l-Artikolu 7 tat-Trattat u fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-istess trattament bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru inkwistjoni” (punt 49). Dan l-obbligu ta’ ugwaljanza fit-trattament ġie kkjarifikat fis-sentenza Oteiza Olazabal (C‑100/01, EU:C:2002:712), fir-rigward ta’ restrizzjonijiet territorjali għal motivi serji ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika bbażati fuq imġiba individwali, li altrimenti, setgħu jwasslu għal miżura ta’ projbizzjoni ta’ residenza jew ta’ tkeċċija fir-rigward tat-territorju nazzjonali kollu. Il-moviment liberu fi ħdan Stat huwa wkoll protett indirettament mid-dritt tal-Unjoni sa fejn miżura nazzjonali li tirrestrinġih tista’ wkoll taffettwa l-moviment liberu bejn l-Istati Membri, u ma hijiex ġġustifikata. Ara s-sentenza Libert et (C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288).


28 –      Għandu jiġi rrilevat, kif tindika l-qorti tar-rinviju, li l-ġurisprudenza tal-QEDB fuq l-Artikolu 2 tal-Protokoll 4 tal-KEDB xi kultant tinkludi l-kundizzjonijiet relatati mal-post ta’ residenza fil-kunċett ta’ libertà ta’ moviment (ara, pereżempju, is-sentenzi, Luordo vs L‑Italja, tas-17 ta’ Lulju 2003, Nru 32190/96; Villa, vs L‑Italja, tal-20 ta’ April 2010, Nru 19675/06, u Tatishvili vs Ir‑Russja, tat-22 ta’ Frar 2007, Nru 1509/02).


29 –       Ara, R. Higgins, “The Right in International Law of an Individual to Enter, Stay in and Leave a Country”», International Affairs, Vol. 49, Nru. 31973, p. 341‑357, p. 342, b’riferiment għad-drittijiet ta’ dħul, ta’ residenza u ta’ ħruġ.


30 – Għal studju storiku fid-dettall dwar l-oriġini tal-libertà ta’ moviment fil-Ġermanja, J. Ziekow, Über Freizügigkeit und Aufenthalt, Mohr Siebeck, 1997.


31 – L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 jirriproduċi kważi litteralment il-kliem tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/83 li, min-naħa tagħha, tirrifletti t-terminoloġija tal-proposta tal-Kummissjoni [COM(2001) 510 finali] B’risposta għal mistoqsija magħmula waqt is-seduta, il-Kummissjoni ċċarat li l-intenzjoni tagħha kienet li jinftiehem li l-libertà ta’ residenza kienet inkluża fil-kunċett ta’ moviment liberu. Madankollu, la fl-ispjegazzjonijiet li jinsabu f’dik il-proposta, u lanqas fix-xogħol preparatorju sussegwenti ma nsibu elementi li jikkonfermaw l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni fir-rigward tal-kwistjoni f’dan il-każ.


32 – Direttiva tal-Kunsill, tas-27 ta’ Jannar 2003, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101).


33 – COM(2001) 181 final.


34 – Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru u tal-1 ta’ Diċembru 2000, Dokument 13865/00, li fihom fl-anness “Linji gwida għall-istrument futur Komunitarju dwar il-kundizzjonijiet għall-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil”.


35 – F’dawn l-ispjegazzjonijiet tissemma wkoll il-ħtieġa li jiġi rrispettat id-dritt ta’ moviment liberu msemmi fil-Protokoll 4 tal-KEDB. Proposta għal direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil fl-Istati Membri, COM(2001) 181 finali, (ĠU C 213E p. 286).


36 – COM(2001) 510 finali.


37 – Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, p. 96/116).


38 – Ara, pereżempju, id-Dokumenti tal-Kunsill 11541/01, 6467/02 jew 7307/02.


39 –      Fil-fatt, il-linji gwida tal-2009 jipprevedu l-irtirar jew ir-reviżjoni tal-obbligu ta’ residenza fil-każ li jkun hemm kuntratt ta’ xogħol li jkollu ċertu karatteristiċi – prinċipalment, li jiġu żgurati mezzi ta’ sussistenza għall-familja kollha mingħajr rikors għall-għajnuna soċjali – fil-każ li dan jiffavorixxi l-istabbiliment tal-ħajja familjali mal-konjuġi, mal-konkubin jew mat-tfal minuri jew il-provvista ta’ kura lil familjali neċessitata mill-età, mill-mard jew mid-diżabbiltà tagħhom, jew sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ perikolu li joriġinaw mill-ambjent familjali.


40 – BVerwG (1 C 17.07).


41 –      Dan huwa partikolarment enfasizzat mill-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Osservazzjoni Ġenerali tiegħu Nru 27, dwar il-libertà ta’ moviment (Art. 12 tal-ICCPR), tat-2 ta’ Novembru 1999. CCPR/C/21/Rev.1/Add.9, CCPR OB, li t-test tiegħu jibda bl-osservazzjoni li l-“libertà ta’ moviment hija kundizzjoni indispensabbli għall-iżvilupp liberu tal-persuna”.


42 – Sentenza Glatzel (C‑356/12, EU:C:2014:350), punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata.


43–      Sentenza Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni (C‑550/07 P, EU:C:2010:512), punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata.


44 – Dwar din il-kwistjoni ara R. Bank, “Rechtsstellung von Flüchtlingen und subsidiär geschützten Personen nach der Qualifikationsrichtlinie” f’R. Hofmann u T. Löhr, (eds.), Europäisches Flüchtlings- und Einwanderungsrecht. Eine kritische Zwischenbilanz, Nomos, Baden-Baden, 2008, p. 169-181, speċjalment p. 174. L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Genève jistabbilixxi li “l-espressjoni ‘fl-istess ċirkustanzi’ tfisser li l-persuna kkonċernata għandha tissodisfa r-rekwiżiti kollha li hija kien ikollha tissodisfa li kieku hija ma kinitx refuġjata (b’mod partikolari dawk relatati mat-tul u mal-kundizzjonijiet għas-soġġorn jew għar-residenza) sabiex tkun tista’ teżerċita d-dritt inkwistjoni, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti li, minn natura tagħhom, ma jistgħux jiġu ssodisfatti minn refuġjat”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]


45 –      Dan il-kunċett, li ma huwiex iddefinit fid-Direttiva, jinkludi kull persuna li ma hijiex ċittadina tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 20(1) TFUE u li, min naħa tagħha, tissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tirrisjedi fi Stat Membru. Ir-riferiment ġeneriku għar-residenti legali l-oħra jista’ jinftiehem bħala li jirreferi għall-barranin suġġetti għas-sistema ġenerali, li r-residenza tagħhom ma hijiex ibbażata fuq motivi eċċezzjonali, jew ta’ protezzjoni internazzjonali.


46 – Skont it-test tal-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta, Artikolu 21.


47 – Ara s-sentenzi tal-QEDB, Ponomaryovi vs Il‑Bulgarija, tal-21 ta’ Ġunju 2011, Nru 5335/05 u b’mod partikolari s-sentenza Bah vs Ir‑Renju Unit, tas-27 ta’ Settembru 2011, Nru 56328/07.


48 – Ara l-QEDB, sentenza Bah vs Ir‑Renju Unit, iċċitata iktar’il fuq, punt 48.


49 – Ara l-QEDB, deċiżjoni Omwenyeke vs Il‑Ġermanja, tal-20 ta’ Novembru 2007, Nru 44294/04. Ara wkoll id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-kawżi P. vs Il‑Ġermanja, Nru 12068/86; U. u S. vs Il‑Ġermanja, Nru 11825/85 u Aygün vs l‑Iżvezja, Nru 14102/88.


50 – Direttiva 2011/51/UE, tal-Parlament Ewoprew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2011, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE biex testendi l-ambitu tal-applikazzjoni għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali (ĠU L 132, p. 1).


51 – Sentenza Glatzel (C‑356/12, EU:C:2014:350), punt 43.


52 – Dwar l-interazzjoni bejn l-istruzzjonijiet amministrattivi li jillimitaw id-diskrezzjoni amministrattiva u r-rekwiżiti relatati mal-“kwalità tal-liġi” meta dawn speċifikament jirrimedjaw l-ambigwità tal-liġi li jkunu bbażati fuqha, ara, pereżempju, il-QEDB, sentenza Silver vs Ir‑Renju Unit, tal-25 ta’ Marzu 1983, Nru 5947/72, punt 88. Il-linji gwida tal-2009 huma aċċessibbli għall-pubbliku, Il-QEDB stabbilixxiet li l-Konvenzjoni ma tispeċifikax il-metodu ta’ pubblikazzjoni, fis-sentenza tagħha Spacek s.r.o. vs Ir‑Repubblika Ċeka, tad-9 ta’ Novembru 1999, Nru 26449/95, punt 57. Dwar il-kwistjoni tar-restrizzjonijiet previsti mil-liġi diġà tajt spjegazzjoni b’mod estensiv fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:255), punti 88 et seq.


53 – Sentenza Salahadin Abdulla et (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105), punt 78.


54 – Sentenza H. N. (C‑604/12, EU:C:2014:302), punt 32.


55 – Sentenza H. N. (C‑604/12, EU:C:2014:302), punt 34.


56 – H. Battjes, “Commentary to article 20- Directive 2011/95/EU”, f’K. Hailbronner and D. Thym (eds), EU Immigration and Asylum Law. Commentary, 2nd ed, C.H. Beck, Hart, Nomos, 2016, ippubblikat, Numru marġinali 20. Ara wkoll V. Moreno Lax u M. Garlick, “Qualification: Refugee Status and Subsidiary Protection” f’S. Peers et al. (eds.), EU Immigration and Asylum Law. Text and Commentary, 2nd ed. Brill, 2014, p. 65-210, b’mod partikolari l-p. 158.


57 – Premessa 39 tad-Direttiva 2011/95.


58 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2167), nota ta’ qiegħ il-paġna 11, u fil-kawża M’Bdoj (C‑542/13, EU:C:2014:2113), nota ta’ qiegħ il-paġna 9. Din it-tendenza tat-tneħħija tad-differenzi bejn iż-żewġ status hija evidenti wkoll fid‑Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, p. 60). Ara l-punt 46 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża N., (C‑604/12, EU:C:2013:714).


59 – Dwar din il-kwistjoni ara, K. Hailbronner u D. Thym, “Chapter IV. Asylum. Legal Framework for EU Asylum Policy”, f’K. Hailbronner and D. Thym, op. cit. Numru marġinali 9.


60 – Ara, J. C. Hathaway, The Rights of Refugees under International Law, Cambridge University Press, 2005, p. 711 u 719; R. Marx, “Article 26 – Freedom of Movement”, f’A. Zimmermann (Eds.), The 1951 Convention Relating to the Status of Refugees and its 1967 Protocol. A Commentary, Oxford University Press, 2011, p. 1160; Division of International Protection of the UNHCR, Commentary on the Refugee Convention 1951, 1997.


61 –      Dan huwa għaldaqstant konformi mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2013/33, filwaqt li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li l-Artikolu 31(2) tal-Konvenżjoni ta’ Genève jirrikonoxxi espressament il-possibbiltà li jiġu imposti restrizzjonijiet għall-moviment liberu neċessarji sar-regolarizzazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ applikant għall-ażil.