Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Mejju 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana

(Kawża C-304/18)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: Z. Malůšková, M. Owsiany Hornung, F. Tomat, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, billi rrifjutat li tqiegħed għad-dispożizzjoni riżorsi proprji tradizzjonali li jammontaw għal EUR 2 120 309.50 relatati mal-avviż ta’ nuqqas eżiġibbiltà IT(07)08-917, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/728/KE Euratom 1 l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE Euratom 2 , l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE Euratom 3 , u l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE 4 kif ukoll l-Artikoli 6, 10, 11 u 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1552/1989 5 ,l-Artikoli 6, 10, 11 u 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 6 u l-Artikoli 6, 10, 12 u 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) nNru 609/2014 7

tikkundanna lil Ir-Repubblika Taljan għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-elementi fil-pussess tal-Kummissjoni, ibbażati fuq il-komunikazzjonijiet u l-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Taljana matul il-proċeduri prekontenzjużi, jindikaw li, fil-kuntest ta’ operazzjoni kontra l-frodi bil-għan tal-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta’ tabakk maħdum barrani, matul l-1997 l-awtoritajiet Taljani kienu aċċertaw id-dejn doganali inkwistjoni, daħħluh fil-kontabbiltà separati u sussegwentement infurmaw lid-debitur bl-ammont ta’ dazju dovut. Peress li d-dejn inkwistjoni kien imdaħħal f’kontabbiltà separata (kontabbiltà B) u ma kienx ġie kkontestat, l-awtoritajiet Taljani kellhom jipproċedu fil-pront bl-irkupru tiegħu, ħaġa li huma ma għamlux. L-awtoritajiet Taljani stennew l-eżitu tal-proċedimenti kriminali relatati mibdija kontra d-debituri qabel ma bdew il-proċedura ta’ rkupru, proċedimenti li ntemmu madwar 6 snin wara t-tnissil u l-istabbiliment tad-dejn.

Id-dazji doganali huma riżorsi proprji tal-Unjoni, li għandhom jinġabru mill-Istati Membri u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. L-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu d-dritt tal-Unjoni għar-riżorsi proprji jitnissel meta r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni doganali jkunu sodisfatti (determinazzjoni tal-ammont ta’ dazji li jirriżultaw mid-dejn doganali u l-identità tal-persuna taxxabbli).

Barra minn hekk, ir-regolament ta’ implimentazzjonijipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-ammonti li jikkorrispondu għad-dazji stabbiliti jitqegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. L-Istati Membri huma eżentati mill-obbligu li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għad-dazji stabbiliti biss jekk il-ġbir ma setax isir minħabba forza maġġuri jew jekk jidher li sar definittivament impossibbli li twettaq l-irkupru għal raġunijiet li ma jistgħux jiġu imputati lilhom. Jekk Stat Membru jonqos milli jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammont ta’ riżorsi proprji stabbiliti, mingħajr ma sseħħ xi waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regolament ta’ implimentazzjoni, dak l-Istat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Kwalunkwe dewmien fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji jimponi wkoll l-obbligu fuq l-Istat Membru kkonċernat li jħallas l-interessi moratorji għall-perijodu kollu ta’ dewmien.

Peress li l-awtoritajiet Taljani diemu madwar sitt snin qabel ma bdew il-proċeduri ta’ rkupru tad-dejn inkwistjoni u peress li dan id-dewmien huwa esklużivament imputabbli lill-awtoritajiet Taljani, ir-Repubblika Taljana ma tistax issostni li ħadet il-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura li l-ammonti korrispondenti għad-dazji stabbiliti jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. L-awtoritajiet Taljani dejjem irrifjutaw li jqiegħdu l-ammont stabbilit għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għalhekk tqis li fil-każ inkwistjoni r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8 tad-deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji u l-Artikoli 6, 10, 11 u 17 (li issa saru l-Artikoli 6, 10, 12 u 13) tar-regolament ta’ implimentazzjoni.

____________

1 94/728/KE, Euratom: Deċiżjoni tal-Kunsill tal-31 ta’ Ottubru 1994, dwar is-sistema ta’ riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 293, p. 9).

2 2000/597/KE, Euratom: Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 200).

3 2007/436/KE,Euratom: Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 163, p. 17).

4 2014/335/UE, Euratom: Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 168, p. 105).

5 Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1552/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 li jimplimenta d-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU L 155, p. 1).

6 Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1150/2000 tat-22 ta’ Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 169).

7 Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas-26 ta’ Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (Tfassil mill-ġdid) (ĠU L168, p. 39).