Language of document : ECLI:EU:C:2007:231

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

19 ta' April 2007(*)

“Restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi – Rifużjoni ta' l-ispejjeż ta' rikoveru fi stabbilimenti ta’ kura privati – Ġustifikazzjoni u proporzjonalità ta' l-esklużjoni"

Fil-kawża C‑444/05

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mid-Dioikitiko Protodikeio Athinon (il-Greċja), permezz ta' Deċiżjoni tat-30 ta' Diċembru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta' Diċembru 2005, fil-proċedura

Aikaterini Stamatelaki

vs

NPDD Organismos Asfaliseos Eleftheron Epangelmation (OAEE),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, P. Kūris (Relatur), K. Schiemann, J. Makarczyk u J.‑C. Bonichot, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta' Novembru 2006,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Grieg, minn K. Georgiadis, S. Vodina, M. Papida u S. Spyropoulos, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn P. van Ginneken, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Zavvos u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta' Jannar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-artikolu 49 KE, u b'mod partikolari dwar jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi r-rifużjoni, minn entità nazzjonali tas-sigurtà soċjali, ta' l-ispejjeż sostnuti minħabba rikoveru, fi stabbiliment ta’ kura privat f'pajjiż ieħor, lill-persuna assigurata magħha li għandha aktar minn 14-il sena.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' rikors ippreżentat minn M. Stamatelakis, residenti l-Greċja, li kien assigurat ma l-Organismos Asfaliseos Eleftheron Epangelmation (entità ta’ assigurazzjoni tal-professjonijiet liberi, aktar 'il quddiem l-"OAEE"), li kien is-suċċessur tat-Tameio Asfalisesos Emboron (il-fond ta' assigurazzjoni tan-negozjanti), bil-għan li jirċievi r-rifużjoni ta' l-ispejjeż sostnuti għar-rikoveru tiegħu, fi stabbiliment ta’ kura privat li jinsab fir-Renju Unit.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

 Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi

3        L-artikolu 40 tal-liġi Nru 1316/1983 dwar il-kostituzzjoni, l-organizzazzjoni u l-kompetenzi ta' l-Entità Nazzjonali tal-Mediċina ("EOF"), ta' l-industrija nazzjonali tal-mediċina ("EF"), tar-Riżerva tal-Mediċini ta' l-Istat ("KF") u li temenda u tissupplementa l-leġiżlazzjoni fuq il-mediċini, u dispożizzjonijiet oħra (FEK A' 3), kif issostitwit mill-artikolu 39 tal-liġi Nru 1759/1988, dwar l-assigurazzjoni tal-gruppi li mhux assigurati, it-titjib fil-protezzjoni tas-sigurtà soċjali u dispożizzjonijiet oħra, (FEK A’ 50), jipprovdi :

"1)      Fil-każ ta' mard ta' gravità eċċezzjonali, jistgħu jiġu kkurati fi sptar li jinsab f'pajjiż ieħor:

a)      […]

b)      […]

c)      il-persuni assigurati ma' l-entitajiet jew is-servizzi ta' sigurtà soċjali li jaqgħu taħt il-ministeru tas-Saħħa, tal-Ħarsien u tas-Sigurtà Soċjali […]

2)      L-awtorizzjazzjoni għar-rikoveru fi sptar li jinsab f'pajjiż ieħor tingħata permezz ta' deċiżjoni ta' l-entità nazzjonali, fuq parir tal-kumitat tas-saħħa kompetenti previst fil-paragrafu 3.

3)      Għall-persuni indikati fil-paragrafu 1, fir-rigward tal-bżonn ta' rikoveru fi sptar li jinsab f'pajjiż ieħor, jingħata parir mill-kumitati tas-saħħa kkostitwiti b’deċiżjoni tal-Ministru tas-Saħħa, tal-Ħarsien u tas-Siġurtà Soċjali ppublikat fil-Ġurnal Uffiċjali […]

4)      Fil-każijiet li fihom tiġi akkordata l-awtorizzazzjoni għar-rikoveru fi sptar li jinsab f'pajjiż ieħor, il-modalità u l-proċedura ta' l-awtorizzazzjoni tar-rikoveru tal-pazjent u ta' donatur eventwali, kif ukoll ir-rikors għal persuna intiża biex takkumpanja l-pazjent, in-natura u l-portata tas-servizzi, l-ammont ta' l-ispiża, il-possibbiltà eventwali ta’ kontribuzzjoni mill-assigurat għall-ispejjeż tar-rikoveru fl-isptar kif ukoll l-ammont ta' din il-kontribuzzjoni, u kwalunkwe dispożizzjoni dettaljata oħra neċessarja għall-applikazzjoni ta' l-artikolu preżenti, għandhom jiġu stabbiliti b’deċiżjoni tal-Ministru tas-Saħħa, tal-Ħarsien u tas-Siġurtà Soċjali li jiġi ppublikat fil-Ġurnal Uffiċjali."

 Id-dispożizzjonijiet regolamentari

4        L-artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Ministru tax-Xogħol u tas-Sigurtà Soċjali tas-7 ta' Jannar 1997, nru. F7/oik.15, dwar ir-Rikoveru fi sptar barrani tal-pazjenti assigurati ma' l-organi tas-sigurtà soċjali li jaqgħu taħt is-Segretarjat Ġenerali għas-sigurtà soċjali, (FEK B' 22), jipprovdi dan li ġej:

"It-trattament, fi sptar f'pajjiż barrani, ta' persuni assigurati ma' l-entitajiet u l-fergħat kollha ta' l-assigurazzjoni tas-saħħa, independentament mid-denominazzjoni u l-personalità ġuridika tagħhom, li jaqgħu taħt il-kompetenza tas-Segretarjat Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, għandu jiġi awtorizzat b’deċiżjoni ta' l-entità ta' assigurazzjoni kkonċernata, fuq parir motivat tal-kumitati speċjali tas-saħħa previsti fl-artikolu 3 tad-deċiżjoni preżenti. Dan ir-rikoveru jista' jiġi akkordat fil-każ li l-assigurat:

a)      ibati minn marda gravi li ma tistax tiġi ttrattata fil-Greċja, kemm għaliex ma jeżistux l-istrumenti xjentifiċi adegwati, kemm għaliex il-metodu partikolari mediku ta' djanjożi jew ta' trattament li huwa meħtieġ ma jiġix applikat;

b)      ibati minn marda gravi li ma tistax tiġi ttrattata fil-ħin fil-Greċja u fejn kwalunkwe dewmien tat-trattament ipoġġi l-ħajja tiegħu fil-periklu;

ċ)      jitlaq b'urġenza f'pajjiż barrani, mingħajr ma jirrikorri għall-proċedura ta' awtorizzazzjoni prevista mill-entità tiegħu, minħabba li l-każ tiegħu għandu jiġi ttrattat immedjatament;

d)      għal kwalunkwe raġuni, jinsab temporanjament f'pajjiż barrani u b' konsegwenza ta' inċident vjolenti, imprevist u inevitabbli, jimrad u jiġi rrikoverat fi sptar.

Fil-każijiet prevvisti fil-punti ċ) u d), l-awtorizzazzjoni għall-kura fl-isptar tista' tiġi akkordata a posteriori."

5        L-artikolu 3 ta' l-imsemmija deċiżjoni jipprovdi:

"Il-Kumitati Speċjali tas-saħħa huma kompetenti jagħtu parir dwar ir-rikoveru fi sptar ta' pajjiż barrani ta’ pazjenti assigurati ma' l-organi ta' assigurazzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza tas-Segretarjat Ġenerali għas-Sigurtà Soċjali"


      

6        Skond id-dispożizzjonijiet ta' l-artikolu 4 ta' l-imsemmija deċiżjoni:

"[…]

2.       Il-Kumitat kompetenti għandu jagħti parir fuq in-natura tal-marda, ir-raġunijiet preċiżi, kif indikati fl-artikolu 1, li minħabba fihom it-trasferiment f'pajjiż barrani huwa neċessarju, it-tul probabbli tar-rikoveru, il-pajjiż u/jew l-isptar fejn l-assigurat se jiġi rrikoverat […].

3.      Il-pariri negattivi tal-Kumitati tas-Saħħa jorbtu l-entitajiet tas-sigurtà soċjali.

[…]

6.      Ma ssirx rifużjoni ta' l-ispejjeż ta’ rikoveru fi kliniki privati f'pajjiżi barranin, ħlief fil-każijiet li jikkonċernaw it-tfal.

7.      Il-proċedura, il-metodu ġenerali tal-ħlas, u dawk l-aspetti kollha li jikkonċernaw it-trażmissjoni u r-rifużjoni tal-kontijiet, jiġu rregolati mid-dispożizzjonijiet statutorji ta' kull entità ta' assigurazzjoni […]".

7        L-artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 35/1385/1999 tal-Ministru tax-Xogħol u tas-Sigurtà Soċjali, li jirregola s-Sezzjoni tas-Saħħa ta' l-Entità ta' Assigurazzjoni tal-Professjonijiet Liberi (Approvazzjoni tar-regoli tas-Sezzjoni tas-Saħħa ta' l-entità ta' Assigurazzjoni tal-Professjonijiet Liberi) (FEK B’ 1814), jipprovdi:

"1.      Il-kura fi sptar tinkludi r-rikoveru ta' pazjent fl-isptarijiet jew fl-istabbilimenti pubbliċi ta' kura, kif ukoll fl-istabbilimenti privati ta' kura approvati mill-OAEE […]".

8        L-artikolu 15 ta' din id-deċiżjoni jipprovdi:

"1.      Il-persuni assigurati ma' l-OAEE jistgħu jiġu rrikoverati fi sptar ta' pajjiż barrani, b'deċiżjoni ta' l-amministratur u l-approvazzjoni tal-Kumitat Speċjali tas-Saħħa, meta huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mid-diversi deċiżjonijiet Ministerjali dwar ir-rikoveru f’pajjiż barrani.

2.      Ir-rifużjoni ta' l-ispejjeż tar-rikoveru f’pajjiż barrani tkopri l-ispejjeż li ġejjin:

a)      l-ispejjeż kollha tar-rikoveru fi stabbilimenti ta' kura pubbliċi f’pajjiż barrani [...]; 

Spejjeż ta’ rikoveru tfisser: l-ispejjeż tas-soġġorn fl-isptar, l-onorarji tat-tobba, kwalunkwe intervent mediku neċessarju, il-mediċini, l-eżamijiet magħmula fil-laboratorji, il-fiżjoterapija, kwalunkwe ħaġa oħra neċessarja għall-intervent kirurġiku, kif ukoll l-ispejjeż għad-djanjożi tal-marda jew għat-tkomplija tat-trattament sostnuti barra mill-isptar, sa fejn l-isptar ikun qieshom neċessarji. Ir-rifużjoni tar-rikoveru fl-istabbilimenti ta' kura privata f'pajjiż barrani mhijiex possibbli, ħlief jekk jikkonċernaw tfal ta' taħt l-erbatax (14)-il sena.

b)      l-ispejjeż tat-trasferiment u tar-ritorn tal-pazjent, kif ukoll, jekk ikun il-każ, dawk tal-persuni li hemm bżonn jakkumpanjawh, u tad-donatur;

c)      l-ispejjeż ta' l-ikel u tas-soġġorn tal-pazjent, kif ukoll, jekk ikun il-każ, tal-persuna li takkumpanjah jew tad-donatur; għall-pazjent u għad-donatur, l-ispejjeż jitħallsu waqt iż-żmien mgħoddi barra mill-isptar, u għall-persuna li takkumpanja l-pazjent, waqt is-soġġorn neċessarju tagħha fil-pajjiż barrani […]"

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        Is-Sur Stamatelaki ġie rrikoverat mit-18 ta' Mejju sat-12 ta' Ġunju u bejn is-16 u t-18 ta' Ġunju 1998 fil-London Bridge Hospital, li huwa stabbiliment ta' kura privata fir-Renju Unit. Għal dan ir-rikoveru ħallas is-somma ta' 13,600 GBP.

10      B'rikors ippreżentat quddiem il-Polymeles Protodikeio Athinon (il-qorti ta’ l-ewwel istanza ta' Ateni), huwa talab li l-OAEE tirrifondi din is-somma. Din it-talba ġiet miċħuda fis-26 ta' April 2000, minħabba li l-kawża kienet taqa' taħt il-kompetenza tat-tribunali amministrattivi.

11      Talba ġdida għar-rifużjoni, indirizzata lill-OAEE fit-8 ta' Settembru 2000, tat lok għal deċiżjoni ta' ċaħda minħabba li, min-naħa, il-pretenzjonijiet tas-Sur Stamatelakis ma setgħux jintlaqgħu peress li kienu suġġetti għall-preskrizzjoni ta' sena prevista fl-artikolu 21 tar-Regolament tal-qasam tas-saħħa ta' din l-entità u, min-naħa 'l oħra, ir-rifużjoni ta' l-ispejjeż tar-rikoveru fl-istabbilimenti ta' kura privati f'pajjizi barranin mhijiex possibbli, ħlief fil-każ ta' tfal li għandhom anqas minn 14-il sena.

12      Wara l-mewt ta' żewġha fid-29 ta' Awwissu 2000, is-Sinjura Stamatelaki, l-unika werrieta ta' dan ta' l-aħħar, ikkontestat din id-deċiżjoni ta' ċaħda, liema kontestazzjoni ġiet miċhuda għall-istess raġunijiet, permezz ta' deċizjoni tat-18 ta' Settembru 2001.

13      Din id-deċiżjoni ġiet appellata permezz ta' rikors ippreżentat quddiem id-Dioikitiko Protodikeio Athinon, li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi fiċ-ċirkustanzi kollha r-rifużjoni mingħand entità nazzjonali tas-sigurtà soċjali, lil wieħed mill-assigurati tagħha, ta' l-ispejjeż ta’ rikoveru fi stabbiliment ta’ kura privat f'pajjiż barrani, ħlief fil-każ tat-tfal ta' taħt l-14-il sena, tikkostitwixxi restrizzjoni għall-prinċipju, stabbilit fl-artikoli 49 KE et seq, tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-komunità, meta din tipprevedi, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li din ir-rifużjoni ta' l-ispejjeż isseħħ, taħt id-debita awtorizzazzjoni, meta l-imsemmi rikoveru jseħħ fi stabbiliment ta’ kura pubbliku f'pajjiż barrani, peress li din l-awtorizzazzjoni tingħata meta terapija adegwata ma tkunx tista' tingħata lill-assigurat fi żmien xieraq mill-istabbiliment approvat mill-entità tas-sigurtà soċjali li magħha huwa rreġistrat?

2)      Fil-każ ta' risposta affermattiva għall-ewwel domanda, din ir-restrizzjoni tista' titqies li hija neċessarja minħabba raġunijiet imperattivi ta' interess pubbliku, bħalma huma, b'mod partikolari, il-ħtieġa tal-prevenzjoni ta' riskju gravi għall-bilanċ ekonomiku u finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali Griega jew iż-żamma ta' servizz mediku u servizz mediku u ta' sptarijiet ta' kwalità, ekwilibrat u aċċessibbli għal kulħadd ?

3)      Fil-każ ta' risposta affermattiva għat-tieni domanda, restrizzjoni ta' din it-tip tista' titqies li hija aċċettabbli, fis-sens li ma tmurx kontra l-prinċipju ta' proporzjonalità, jiġifieri li r-restrizzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa oġġettivament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li timmira għalih u li l-istess riżultat ma jkunx jista' jinkiseb permezz ta' regoli anqas restrittivi?"

 Fuq id-domandi preliminari

14      Fl-ewwel lok, għandha titwarrab l-argumentazzjoni kollha tal-Gvern Belġjan li tgħid li d-domandi preliminari għandhom jiġu eżaminati fil-dawl ta' l-artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71 ta' l-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendata u aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta' Diċembru 1996 (ĠU L28, 1997, p.1, aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 1408/71").

15      Fil-fatt, min-naħa, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jagħmel l-ebda riferiment għar-Regolament Nru 1408/71 u, min-naħa l-oħra, ma jirriżulta mill-ebda parti tal-proċess li s-Sur Stamatelakis kien talab xi awtorizzazzjoni minn qabel, kif previst mill-artikolu 22 tar-regolament imsemmi.

16      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li d-domandi mqajma mill-qorti tar-rinviju jitrattaw biss in-nuqqas ta' rifużjoni, minn naħa ta' l-entità ta' sigurta soċjali Griega, ta' l-ispejjeż tal-kura li ngħatat fi stabbiliment privat ġewwa pajjiż barrani.

17      Konsegwentement, id-domandi msemmija għandhom jiġu eżaminati biss fid-dawl ta' l-Artikolu 49 KE.

18      Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti li għamlet ir-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 49 KE għandux jiġi interpretat li jipprekludi leġiżlazzjoni ta' Stat Membru, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi r-rifużjoni ta' l-ispejjeż tal-kura mogħtija fi stabbiliment ta' kura privata ta' Stat Membru ieħor, ħlief fil-każ ta' kura mogħtija lit-tfal li għandhom anqas minn 14-il sena.

19      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, is-servizzi mediċi li jingħataw bi ħlas jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi mingħajr ma jkun hemm għalfejn issir distinzjoni bejn jekk il-kura tkunx ingħatat f'kuntest ta' sptarijiet jew barra minn tali kuntest (ara s-sentenza tas-16 ta' Mejju 2006, Watts, C-372/04, Ġabra p. I-4325, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Ġie wkoll deċiż li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tinkludi l-libertà tad-destinatarji tas-servizzi, b'mod partikolari tal-persuni li għandhom jirċievu l-kura medika, li jmorru fi Stat Membru ieħor sabiex jibbenefikaw minn dawn is-servizzi (ara s-sentenza Watts, iċċitata aktar 'il fuq, punt 87).

21      Barra dan, diġà ġie deċiż li l-prestazzjoni ta' servizz mediku ma jitlifx il-kwalifika tiegħu ta’ provvista ta' servizzi fis-sens ta' l-Artikolu 49 KE għar-raġuni li l-pazjent, wara li jkun ħallas lil min ikun ipprovdielu s-servizz barra mill-pajjiż għall-kura li jkun ingħata, jitlob sussegwentement li servizz nazzjonali tas-saħħa jassumi r-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż ta' din il-kura (f'dan is-sens, ara s-sentenza Müller-Fauré u van Riet, C-385/99, Ġabra. p. I-4509, punt 103).

22      Isegwi li l-artikolu 49 KE huwa applikabbli għas-sitwazzjoni fejn pazjent li, bħas-Sur Stamatelakis, jirċievi bi ħlas, servizzi mediċi f'ambjent ta' sptar fi Stat Membru differenti minn dak ta' fejn jirrisjedi, mingħajr ma jkun relevanti li jitqies jekk l-istabbiliment huwiex privat jew pubbliku.

23      Għalkemm huwa paċifiku li d-dritt Komunitarju ma jippreġudikax il-kompetenza ta' l-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ta' sigurtà soċjali tagħhom u li, fin-nuqqas ta' armonizzazzjoni fuq livell komunitarju, hija l-leġiżlazzjoni ta' kull Stat Membru li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet tal-ħruġ ta' servizzi fil-qasam tas-sigurtà soċjali, xorta jibqa' l-fatt li, fl-eżerċizzju ta' din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt Komunitarju, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. L-imsemmija dispożizzjonijiet jinkludu l-projbizzjoni li l-Istati Membri jdaħħlu jew iżommu restrizzjonijiet inġustifikati fuq l-eżerċizzju ta' din il-libertà fil-qasam tal-kura tas-saħħa. (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta' Lulju 2001 Smits u Peerbooms, C-157/99, Ġabra p.I-5473, punti 44 sa 46; u Watts, iċċitat aktar 'il fuq, punt 92).

24      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk ir-Repubblika Griega rrispettatx din il-projbizzjoni meta waqqfet il-leġiżlazzjoni kkuntestata fil-proċedimenti prinċipali.

25      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 49 KE jipprekludi l-applikazzjoni ta' kull leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha bħala effett li tirrendi l-provvista ta' servizzi bejn Stati Membri iktar diffiċli mill-ħruġ ta' servizzi purament interni fl-Istat Membru (sentenzi tal-5 ta' Ottubru 1994, Il-Kummissjoni vs Franza, C-381/93, Ġabra p. I-5145, punt 17, kif ukoll Smits u Peerbooms, iċċitata iktar 'il fuq, punt 61).

26      Fil-proċedimenti prinċipali, jirriżulta mil-leġiżlazzjoni Griega li jekk pazjent, li huwa assigurat fil-Greċja ma entità soċjali, jirċievi kura fi stabbiliment pubbliku jew fi stabbiliment privat approvat li jinsab ġewwa l-istess Stat Membru, huwa ma jkollu jħallas xejn. Is-sitwazzjoni hija differenti meta l-pazjent jiġi rrikoverat fi sptar privat ta' Stat Membru ieħor, peress li jkollu jħallas l-ispejjeż tar-rikoveru mingħajr ma jkun jista’ jibbenefika minn rifużjoni. L-unika eċċezzjoni tirrigwarda t-tfal ta' taħt l-14-il sena.

27      Barra minn hekk, jekk l-eżistenza ta' emerġenza tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola li r-rifużjoni mhijiex possibbli meta pazjent jirċievi kura ġewwa sptar privat mhux approvat fil-Greċja, hija ma tikkostitwixxi, fl-ebda każ, rikoveru fi stabbiliment privat fi Stat Membru ieħor.

28      Għaldaqstant, regolamentazzjoni bħal din tiskoraġġixxi, jew anki tostakola, lill-persuni assigurati ma sistema ta' sigurtà soċjali li jirrikorru għand l-istabbilimenti li jipprovdu servizzi ta' sptar stabbiliti fi Stati Membri oħra minn dawk ta' fejn il-persuna hija assigurata, u tikkostitwixxi, kemm għal dawn l-assigurati, kif ukoll għal dawn l-entitajiet li jipprovdu s-servizzi, restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

29      Però, qabel il-Qorti tiddeċiedi dwar jekk l-Artikolu 49 KE jipprekludix leġiżlazzjoni bħal dik li qegħda tiġi kkontestata fil-kawża prinċipali, għandu jiġi eżaminat jekk din il-leġiżlazzjoni tistax tkun oġġettivament iġġustifikata.

30      Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet li ma jistax jiġi eskluż li riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta' sigurtà soċjali jista’ jikkostitwixxi, fih innifsu, raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku li tista’ tiġġustifika ostaklu għall-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenzi tat-28 ta' April 1998 Kohll, C-158/96, Ġabra p.I-1931, punt 41; Smits u Peerbooms, iċċitata aktar 'il fuq, punt 72, kif ukoll Müller-Fauré u van Riet, iċċitata aktar 'il fuq, punt 73).

31       Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-għan li jinżamm servizz mediku u ta’ sptarijiet ekwilibrat u aċċessibbli għal kulħadd ukoll jista’ jikkostitwixxi waħda mid-derogi, għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, previsti mill-Artikolu 46 KE, sa fejn tali għan jikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa (sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Kohll, punt 50; Smits u Peerbooms, punt 73, kif ukoll Müller-Fauré u van Riet, punt 67).

32       Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li l-istess dispożizzjoni tat-Trattat KE jippermetti lill-Istati Membri li jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi mediċi u ta’ sptarijiet, sa fejn iż-żamma ta’ kapaċità ta’ kura jew ta’ kompetenza medika fit-territorju nazzjonali tkun essenzjali għas-saħħa pubblika, jew saħansitra għas-sopravivenza tal-popolazzjoni tagħhom (sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Kohll, punt 51; Smits u Peerbooms, punt 74, kif ukoll Müller-Fauré u van Riet, punt 67).

33      F'dan ir-rigward, il-Gvern Grieg jissottometti li l-ekwilibrju tas-sistema nazzjonali tas-sigurta soċjali tista' titħarbat jekk il-persuni assigurati jkollhom il-possibbiltà li jirrikorru għall-istabbilimenti ta' kura privata fl-Istati Membri l-oħra, meta ma jkun jeżisti ebda ftehim ma dawn l-istabbilimenti, fid-dawl ta’ l-ispiża għolja tal-kura li tingħata ġewwa l-isptar li, fi kwalunkwe każ, taqbeż ħafna l-ispiża tal-kura fi sptar pubbliku fil-Greċja.

34      Jekk ir-restrizzjoni kkontemplata fil-punt 28 tas-sentenza preżenti tista' tiġi ġġustifikata minħabba r-raġunijiet imperattivi ta' interess pubbliku msemmija fil-punti 30 sa 32 ta' din is-sentenza, xorta waħda jeħtieġ li din ma tkunx sproporzjonata fil-konfront ta' l-għan li tfittex li tikseb.

35      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, in-natura assoluta tal-projbizzjoni stabbilita mil-leġiżlazzjoni Griega, li ma tapplikax biss fil-każijiet tat-tfal ta' taħt l-14-il sena, mhijiex adatta għall-għan li tfittex li tilħaq, peress li jistgħu jiġu adottati miżuri li huma anqas restrittivi u li huma aktar kompatibbli mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, bħalma hija sistema, kompatibbli mad-dritt komunitarju, fejn awtorizzazzjoni tkun meħtieġa qabel ma jiġu pprovduti s-servizzi (sentenza Müller-Fauré u van Riet, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 81 u 85) u, jekk ikun il-każ, sistema fejn jiġu ffissati skali ta’ rifużjoni ta' l-ispejjeż tal-kura.

36      L-argument tal-Gvern Grieg ibbażat fuq il-fatt li l-instituzzjonijiet ta' sigurtà soċjali fil-Greċja ma jivverifikawx il-kwalità tat-trattament ipprovdut mill-istabbilimenti ta' kura privati li jinsabu fi Stat Membru ieħor u li ma jkunx jista' jiġi vverifikat jekk l-isptarijiet privati li jkun intlaħaq ftehim magħhom joffrux trattament mediku adegwat, identiku jew ekwivalenti, għandu jiġi miċħud.

37      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-istabbilimenti ta' kura privata li jinsabu fi Stati Membri oħra huma wkoll suġġetti, f'dawn l-Istati Membri, għal kontrolli ta' kwalità u li t-tobba stabbiliti f'dawn l-Istati li jaħdmu f'dawn l-istabbilimenti joffru garanziji professjonali ekwivalenti għal dawk applikabbli għat-tobba stabbiliti fil-Greċja, speċjalment wara l-adozzjoni u l-implementazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/16/KEE tal-5 ta’ April 1993, biex tiffaċilità l-moviment liberu tat-tobba u r-rikonoxximent tad-diplomi, ċertifikati u prova oħra ta’ kwalifiki formali tagħhom (ĠU L 165, p. 1).

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi mressqa hija li l-artikolu 49 KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta' Stat Membru, bħal dik ikkontestata fil-kawża prinċipali, li teskludi r-rifużjoni, minn entità nazzjonali tas-sigurtà soċjali, ta' l-ispejjeż tar-rikoveru ta’ l-assigurati tagħha fi stabbilimenti ta’ kura privati li jinsabu fi Stat Membru ieħor, ħlief fil-każ ta’ kura li tingħata lit-tfal ta' taħt l-14-il sena.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi:

L-Artikolu 49 KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta' Stat Membru, bħal dik ikkontestata fil-kawża prinċipali, li teskludi r-rifużjoni, minn entità nazzjonali tas-sigurtà soċjali, ta' l-ispejjeż tar-rikoveru ta’ l-assigurati tagħha fi stabbilimenti ta’ kura privati li jinsabu fi Stat Membru ieħor, ħlief fil-każ ta’ kura li tingħata lit-tfal ta' taħt l-14-il sena.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.