Language of document : ECLI:EU:T:2011:588

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

12 ta’ Ottubru 2011(*)

“Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Suq Belġjan tal-enerġija – Deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni – Impenji matul l-ewwel fażi ta’ eżami – Deċiżjoni li tirrifjuta r-rinviju parzjali tal-eżami ta’ konċentrazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali – Rikors għal annullament – Assoċjazzjoni ta’ konsumaturi – Interess ġuridiku – Nuqqas ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni fil-fond – Drittijiet proċedurali – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑224/10,

Association belge des consommateurs test-achats ASBL, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn A. Fratini u F. Filpo, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Khan, A. Antoniadis u R. Sauer, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Électricité de France (EDF), stabbilita f’Pariġi (Franza), inizjalment irrappreżentata minn C. Lazarus, A. Amsellem u A. Fontanille, sussegwentement minn C. Lazarus u A. Creus Carreras, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C (2009) 9059 u C (2009) 8954, tat-12 ta’ Novembru 2009, l-ewwel waħda li tiddikjara l-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni (Każ COMP/M.5549 – EDF/Segebel) abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2009, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), u t-tieni waħda li tiċħad it-talba tal-awtoritajiet kompetenti Belġjani sabiex l-imsemmi każ jiġi rrinvijat parzjalment skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn E. Moavero Milanesi (Relatur), President tal-Awla, N. Wahl u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Mejju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, l-Association belge des consommateurs test-achats ASBL, hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li l-għan prinċipali tagħha huwa li tipproteġi l-interessi tal-konsumaturi, b’mod partikolari fil-Belġju. Din hija indipendenti mill-awtoritajiet pubbliċi u hija ffinanzjata mill-membri tagħha permezz ta’ kontribuzzjonijiet. B’madwar 350 000 membru individwali, din hija l-ikbar assoċjazzjoni ta’ konsumaturi fil-Belġju.

2        F’Ġunju 2009, ir-rikorrenti saret taf li Électricité de France (iktar ’il quddiem “EDF”) kienet esprimiet l-interess tagħha li tikseb il-kontroll esklużiv ta’ Segebel SA (iktar ’il quddiem il-“konċentrazzjoni inkwistjoni”), kumpannija holding li l-uniku ass tagħha kien sehem ta’ 51 % f’SPE SA, it-tieni l-ikbar operatur tal-elettriku fil-Belġju, wara l-operatur storiku Electrabel SA, ikkontrollata minn GDF Suez SA. Fil-mument ta’ meta seħħew il-fatti tal-kawża preżenti, l-Istat Franċiż kellu 84.6 % tal-azzjonijiet ta’ EDF. F’dak li jirrigwarda GDF Suez, dan l-istess Stat kellu sehem minoritarju ta’ 35.91 %. Dawn l-ishma kienu amministrati mill-Agence des participations de l’État, permezz ta’ żewġ direttorati distinti.

3        Fit-23 ta’ Ġunju 2009, ir-rikorrenti bagħtet ittra lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej sabiex tesprimi t-tħassib tagħha fir-rigward tal-konċentrazzjoni inkwistjoni (iktar ’il quddiem l-“ittra tat-23 ta’ Ġunju 2009”). F’din l-ittra, hija stiednet lill-Kummissjoni tanalizza l-konsegwenzi allegatament dannużi tal-preżenza tal-Istat Franċiż fl-azzjonarjat ta’ EDF u ta’ GDF Suez fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari fuq is-swieq tal-gas u tal-eletriku Belġjani, Barra minn hekk, ir-rikorrenti indikat li, peress li l-konċentrazzjoni inkwistjoni għandha impatt fuq prodotti u fuq servizzi użati mill-konsumaturi finali, hija xtaqet tissottometti l-kummenti tagħha, skont l-Artikolu 11(ċ) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004, tas-7 ta’ April 2004, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 88).

4        Il-Kummissjoni rrispondiet lir-rikorrenti, fl-20 ta’ Lulju 2009, li l-kummenti tagħha kienu ser jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, peress li din tal-aħħar hija kkunsidrata bħala konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Komunitarja.

5        Fit-23 ta’ Settembru 2009, EDF innotifikat il-konċentrazzjoni inkwistjoni lill-Kummissjoni, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2009, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40). Fit-30 ta’ Settembru 2004 ġie ppubblikat avviż ta’ notifikazzjoni (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ notifikazzjoni”) fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 235, p. 26), fejn it-terżi kkonċernati ġew mistiedna jissottomettu l-kummenti tagħhom. Ir-rikorrenti ma rreaġietx għal dan l-avviż.

6        Fl-14 ta’ Ottubru 2009, l-awtorità tal-kompetizzjoni Belġjana ressqet quddiem il-Kummissjoni talba għar-rinviju parzjali tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, skont l-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament Nru 139/2004, fir-rigward tas-suq Belġjan tal-elettriku (iktar ’il quddiem it-“talba tar-rinviju”).

7        Il-Kummissjoni għaddiet għal analiżi tal-konċentrazzjoni inkwistjoni billi bagħtet kwestjonarji kemm lill-klijenti, kompetituri, fornituri u assoċjazzjonijiet professjonali kif ukoll lill-Commission de régulation de l’électricité et du gaz belge [il-Kummissjoni regolatorja Belġjana tal-elettriku u l-gass] (iktar ’il quddiem “CREG”). Barra minn hekk, l-impenji proposti minn EDF fit-23 ta’ Ottubru 2009 ġew suġġetti għat-test tas-suq fil-kuntest tal-konsultazzjoni ta’ 20 parti differenti, b’mod partikolari ta’ ċerti produtturi u fornituri tal-elettriku, tas-CREG u tal-awtorità tal-kompetizzjoni Belġjana.

8        Fit-12 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni adottat, minn naħa, id-Deċiżjoni C (2009) 8954 (Każ COMP/M.5549 – EDF/Segebel) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ rifjut tar-rinviju”, li permezz tagħha hija ċaħdet it-talba tal-awtoritajiet kompetenti Belġjani għar-rinviju parzjali tal-imsemmi każ, u min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni C (2009) 9059 (Każ COMP/M.5549 – EDF/Segebel) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni”), li permezz tagħha hija ddikjarat li l-konċentrazzjoni inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq komuni. Id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ttieħdet abbażi tal-Artikolu 6(1)(b) u (2) tar-Regolament Nru 139/2004. Fil-fatt wara l-impenji proposti minn EDF, kif emendati, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-konċentrazzjoni inkwistjoni ma kinitx għadha tati lok għal dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni u għalhekk setgħet tiġi awtorizzata fil-kuntest tal-fażi tal-proċedura ta’ investigazzjoni tal-konċentrazzjonijiet irregolata mill-imsemmija dispożizzjonijiet (iktar ’il quddiem il-“fażi I”), mingħajr ma jkollha għalfejn tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 6(1)(c) ta’ dan l-istess regolament (iktar ’il quddiem il-“fażi II”).

9        Fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni qieset li l-konċentrazzjoni inkwistjoni kienet tirrigwarda biss ċerti swieq tal-elettriku u tal-gass fil-Belġju, fi Franza u fil-Pajjiżi l-Baxxi. F’dak li jirrigwarda s-swieq Belġjani, dawn kienu, l-ewwel nett, is-suq tal-ġenerazzjoni, tal-ingross u ta’ bejgħ tal-elettriku (premessi 15 sa 117), it-tieni nett, is-suq tas-servizzi ta’ bbilanċjar u tas-servizzi awżiljarji (premessi 118 sa 130) u t-tielet nett, is-suq bl-imnut tal-fornitura lill-klijenti industrijali kbar u żgħar (premessi 131 sa 152). Peress li SPE biss, u mhux EDF, kienet attiva fis-suq tal-fornitura tal-elettriku u tal-gass lill-klijenti residenzjali, dan is-suq ma ġiex ikkunsidrat bħala li kien inkwistjoni (premessi 11 u 139).

10      Fir-rigward tal-eventwali effetti unilaterali tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tikkonstata li, qabel l-operazzjoni nnotifikata, EDF kienet bdiet tiżviluppa, fil-Belġju, żewġ siti sabiex hemmhekk tibni unitajiet ta’ ġenerazzjoni b’turbini bil-gass b’ċiklu kombinat, mingħajr ma kienu għadhom ittieħdu, madankollu, id-deċiżjonijiet finali ta’ investiment f’dan ir-rigward, u kienet ukoll ippruvat tavvija diversi proġetti bil-għan li jkollha aċċess għal kapaċità ta’ ġenerazzjoni (premessi 43 sa 45). Peress li EDF kellha biss kapaċità operazzjonali limitata, li barra minn dan kienet marbuta b’kuntratt sal-2015, għalhekk, ma kien hemm ebda koinċidenza sinjifikattiva bejn is-suq tal-ġenerazzjoni u s-suq bl-ingross f’termini ta’ kapaċità attwali ta’ ġenerazzjoni (premessa 62). Madankollu, peress li SPE kienet diġà topera diversi proġetti ta’ żvilupp tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni, id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ssemmi dubji serji dwar kemm l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni kienet ser tkun ħerqana li tkompli tiżviluppa ż-żewġ siti msemmijin iktar ’il fuq (premessi 63 u 116); dawn id-dubji ġew solvuti permezz tal-impenji meħuda minn EDF, kif emendati (premessi 206 sa 246).

11      Fir-rigward tal-eventwali effetti koordinati, id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, argumenti mqajjma mill-awtorità tal-kompetizzjoni Belġjana dwar il-fatt li s-sehem tal-Istat Franċiż f’EDF u f’GDF Suez joħloq riskju ta’ koordinazzjoni bejn din tal-aħħar u l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni inkwistjoni. Madankollu hija tasal għall-konklużjoni li EDF tista’ tiġi kkunsidrata bħala impriża li għandha setgħa ta’ deċiżjoni li hija awtonoma minn GDF Suez u, għalhekk, bħala kompetitriċi reali ta’ din tal-aħħar (premessi 89 sa 99).

12      Fid-deċiżjoni ta’ rifjut tar-rinviju l-Kummissjoni, billi bbażat ruħha fuq evalwazzjoni tal-kompetizzjoni analoga għal dik tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazjoni, tikkonstata li r-rekwiżiti ta’ rinviju previsti fl-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament Nru 139/2004 huma sodisfatti. Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li hija hija l-awtorità li tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex teżamina l-konċentrazzjoni inkwistjoni, peress li, l-ewwel nett, matul dawn l-aħħar snin hija żviluppat għarfien espert kunsiderevoli dar is-swieq Belġjani tal-elettriku u li, it-tieni nett, it-tħassib dwar il-kompetizzjoni espress mill-awtorità tal-kompetizzjoni Belġjana kien imur lil hinn mis-swieq Belġjani u kien jeħtieġ, għalhekk, analiżi transnazzjonali, analiżi li fir-rigward tagħha l-awtorità nazzjonali msemmija ma għandhiex mezzi suffiċjenti ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, ir-rinviju jkun jimplika r-riskju li l-konċentrazzjoni inkwistjoni jkollha tiġi approvata mingħajr il-possibbiltà li jiġu imposti kundizzjonijiet, minħabba l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni Belġjan (premessi 260 sa 263).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Mejju 2010, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Settembru 2010, EDF talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. It-talba ta’ interventi ġiet innotifikata lill-partijiet, skont l-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li ma qajjmux oġġezzjonijiet.

15      Permezz ta’ digriet tas-17 ta’ Novembru 2010, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba ta’ intervent.

16      L-intervenjenti ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fis-6 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fuq din in-nota fit-terminu previst filwaqt li l-Kummissjoni rrinunċjat milli tuża din il-possibbiltà.

17      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

18      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Marzu 2011, skont il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti u għamlitilha xi mistoqsijiet filwaqt li stednitha tirrispondihom bil-miktub. Il-Kummissjoni kkonformat ruħha ma’ dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-termini mogħtija.

19      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Mejju 2011.

20      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni u d-deċiżjoni ta’ rifjut tar-rinviju;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lill intervenjenti għall-ispejjeż.

21      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

22      Insostenn tar-rikors tagħha fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fuq il-ksur tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 139/2004 u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fir-rigward tal-evalwazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tar-rabtiet strutturali bejn EDF u GDF Suez, it-tieni wieħed ibbażat fuq il-ksur ta’ din l-istess dispożizzjoni, minħabba l-fatt li qed jiġi nnegat li r-rikorrenti għandha d-dritt li tipparteċipa fil-proċedura u, it-tielet wieħed ibbażat fuq ksur tal-imsemmija dispożizzjoni kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, minħabba nuqqas ta’ ftuħ tal-fażi II.

23      Fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ rifjut tar-rinviju, ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 139/2004.

24      Mingħajr ma tqajjem eċċezzjoni permezz ta’ att separat abbażi tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni tinvoka l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, sa fejn dan jirrigwarda l-annullament kemm tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kif ukoll tad-deċiżjoni ta’ rifjut tar-rinviju.

 Fuq it-talba ta’ annullament tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni

25      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma għandhiex locus standi kontra d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, li la kienet tikkonċernha direttament u lanqas individwalment.

26      Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti, apparti li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà ddefiniti mill-ġurisprudenza li rriżultat mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, Ġabra p. 197), ma tiffurmax parti mill-kategorija ta’ persuni, msemmija fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 139/2004, li jistgħu jinstemgħu mill-Kummissjoni, u li saħansitra għandhom jinstemgħu mill-Kummissjoni jekk huma jitolbu dan. Għalhekk, ir-rikorrenti ma għandhiex id-drittijiet proċedurali li l-Kummissjoni allegatament kisret billi ma fetħitx il-fażi II, li f’kull każ ma tatix lill-terzi livell ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura li huwa għola minn dak previst fil-kuntest tal-fażi I.

 Osservazzjonijiet preliminari

27      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lejn persuna oħra biss jekk din id-deċiżjoni tikkonċernaha direttament u individwalment. Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fir-rigward ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni, il-locus standi ta’ terzi kkonċernati minn konċentrazzjoni għandu jiġi evalwat b’mod differenti skont jekk dawn, minn naħa, jinvokawx vizzji li jaffetwaw il-mertu ta’ dawn id-deċiżjonijiet (iktar ’il quddiem l-“ewwel kategorija”) jew inkella, min-naħa l-oħra, isostnux li l-Kummissjoni kisret drittijiet proċedurali mogħtija lilhom permezz ta’ atti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jirregolaw l-investigazzjoni tal-konċentrazzjonijiet (iktar ’il quddiem it-“tieni kategorija”).

28      Fir-rigward tal-ewwel kategorija, iċ-ċirkustanza li deċiżjoni tista’ tinfluwenza s-sitwazzjoni legali ta’ rikorrent ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex jiġi kkunsidrat li hija għandha locus standi (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ April 1995, CCE de la Société générale des grandes sources et vs Il-Kummissjoni, T‑96/92, Ġabra p. II‑1213, punt 26, u CCE de Vittel et vs Il-Kummisjoni, T‑12/93, Ġabra p. II‑1247, punt 36). F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-rekwiżit li parti għandha tkun affettwata individwalment, huwa neċessarju, skont il-formula li rriżultat mis-sentenza Plaumann vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (Ġabra p. 223), li d-deċiżjoni inkwistjoni taffettwa lir-rikorrent minħabba ċerti karatteristiċi li huma partikolari għalih jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzah fir-rigward ta’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzah b’mod analogu għal dak ta’ destinatarju.

29      Fir-rigward tat-tieni kategorija, bħala regola ġenerali, meta regolament jagħti drittijiet proċedurali lil terzi, dawn tal-aħħar għandu jkollhom rimedju intiż li jipproteġi l-interessi leġittimi tagħhom. F’dak li jirrigwarda, speċifikament, il-kawżi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, għandu jiġi osservat, b’mod partikolari, li d-dritt għal smigħ regolari ta’ ċerti terzi, fuq talba tagħhom, matul proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, jista’, bħala prinċipju, jiġi deċiż mill-qorti tal-Unjoni biss fl-istadju tal-istħarriġ tar-regolarità tad-deċiżjoni finali adottata mill-Kummissjoni. Għalhekk, anki meta din id-deċiżjoni ma tkunx, fil-mertu, tikkonċerna lir-rikorrent individwalment u/jew direttament, dan tal-aħħar għandu madankollu jingħata locus standi kontra l-imsemmija deċiżjoni speċifikament bil-għan li jiġi eżaminat jekk inkisrux il-garanziji proċedurali li huwa kien intitolat jinvoka. Huwa biss jekk il-Qorti Ġenerali tikkonstata ksur ta’ dawn il-garanziji, li jkun ta’ natura tali li jippreġudika d-dritt tar-rikorrenti li ssostni b’mod utli l-pożizzjoni tagħha matul l-imsemmija proċedura amministrattiva, jekk tkun talbet dan, li għandha tannulla din id-deċiżjoni minħabba ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. Fin-nuqqas ta’ tali ksur sostanzjali tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrent, il-fatt li dan tal-aħħar jinvoka, quddiem il-qorti tal-Unjoni, il-ksur ta’ dawn id-drittiijiet matul il-proċedura amministrattiva ma jistax, waħdu, jirriżulta fl-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn dan huwa bbażat fuq motiv ibbażat fuq il-ksur tar-regoli materjali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi CCE de la Société générale des grandes sources et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46, u CCE de Vittel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

30      Minn dan isegwi li rikors ippreżentat minn rikorrent li ma jifformax parti mill-ewwel kategorija jista’ jiġi ddikjarat ammissibbli, biss sa fejn dan huwa intiż li jiżgura l-protezzjoni tal-garanziji proċedurali magħrufa lilu matul il-proċedura amministrattiva, peress li l-Qorti Ġenerali għandha tivverifika, fil-mertu, li d-deċiżjoni li tagħha qed jintalab l-annullament tiksirx dawn il-garanziji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi CCE de la Société générale des grandes sources et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47, u CCE de Vittel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

31      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li din id-distinzjoni tfakkarna fid-distinzjoni li ta’ spiss tiġi applikata fil-kawżi li jirrigwardaw ir-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li wkoll jiffurmaw parti mid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u li għalhekk jista’ jipprovdi eżempji ta’ ġurisprudenza rilevanti, bla ħsara għall-adattamenti li jkunu eventwalment neċessarji matul it-traspożizzjoni ta’ dawn l-eżempji għall-kawżi ta’ investigazzjoni tal-konċentrazzjonijiet. Skont ġurisprudenza stabbilita, meta rikorrent jikkontesta l-mertu tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni evalwat jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq intern, is-sempliċi fatt li huwa jista’ jiġi kkunsidrat bħala “interessat” fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, u li għalhekk ikun jibbenefika minn ċerti garanziji proċedurali, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi ammessa l-ammissibbiltà tar-rikors tiegħu, iżda huwa għandu juri li huwa għandu status partikolari fis-sens tas-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, meta l-Kummissjoni tikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 108(3), li għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern, l-imsemmija persuni interessati jistgħu jiksbu l-osservanza tal-garanziji proċedurali tagħhom biss jekk ikollhom il-possibbiltà li jikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni. Għal dawn ir-raġunijiet, il-qorti tal-Unjoni tiddikjara li rikors intiż għall-annullament ta’ tali deċiżjoni, ippreżentat minn parti interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, huwa ammissibbli meta l-awtur ta’ dan ir-rikors jipprova, permezz tal-preżentata tar-rikors, iħares id-drittijiet proċedurali mogħtija lilu minn din l-aħħar dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il-Kummissjoni, C‑319/07 P, Ġabra p. I‑5963, punti 30, 31, 34, u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni sa fejn dan huwa intiż li jikkontesta l-mertu ta’ din id-deċiżjoni.

32      Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti ma tifformax parti mill-ewwel kategorija msemmija fil-punt 27 ikta ’il fuq, minħabba li hija ma tissodisfax ir-rekwiżiti previsti mis-sentenza Plaumann vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, fir-rigward tal-fatt li persuna għandha tkun ikkonċernata individwalment.

33      L-ewwel nett, il-persuni li r-rikorrenti tirrappreżenta huma affettwati mid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni biss minħabba l-kwalità oġġettiva u astratta tagħhom ta’ konsumaturi tal-enerġija, sa fejn il-prezzijiet tal-provvisti jistgħu jogħlew minħabba l-konċentrazzjoni tal-offerta li tirriżulta minn din id-deċiżjoni, b’tali mod li l-konsumaturi kollha tal-elettriku u tal-gass residenti fis-suq ġeografiku inkwistjoni huma affettwati bl-istess mod minn din id-deċiżjoni. Għalhekk, id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ma taffettwax lill-imsemmija persuni minħabba ċerti kwalitajiet partikolari jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tindividwalizzhom b’mod analogu għad-destinatarju ta’ dan l-att. Peress li dawn il-persuni ma għandhomx il-kwalità ta’ persuni individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, tali kwalità lanqas ma tista’ tiġi rikonoxxuta lir-rikorrenti, li hija assoċjazzjoni stabbilita sabiex tippromwovi l-interessi kollettivi ta’ kategorija ta’ persuni li ma humiex individwalment ikkonċernati, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, minn att li jaffettwa l-interessi ġenerali ta’ din il-kategorija (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali, tat-18 ta’ Settembru 2006, Wirtschaftskammer Kärnten u best connect Ampere Strompool vs Il-Kummissjoni, T‑350/03, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 29 sa 31, u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      It-tieni nett, fir-rigward tal-possibbiltà li r-rikorrenti hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni minħabba li din id-deċiżjoni taffettwa l-interessi tagħha stess inkwantu assoċjazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ proċedura intiża li tinvestiga konċentrazzjoni, dawn l-interessi jikkonsistu prinċipalment f’li tkun tista’ ssostni l-opinjoni tagħha matul il-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-konċentrazzjoni mas-suq intern. Għalhekk, dan l-effett fuq l-interessi tagħha huwa rilevanti biss sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti taqax taħt it-tieni kategorija msemmija fil-punt 27 iktar ’il fuq.

35      Konsegwentement, ir-rikors konta d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni huwa inammissibbli sa fejn dan huwa intiż li jikkontesta l-mertu tagħha.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni sa fejn dan jirrigwarda l-ħarsien tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti

36      Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrenti tifformax parti mit-tieni kategorija msemmija fil-punt 27 iktar ’il fuq, għandu jiġi mfakkar li, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 11(ċ) tar-Regolament Nru 802/2004, l-assoċċjazzjonijiet ta’ konsumaturi għandhom dritt għal smigħ, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 139/2004, meta l-konċentrazzjoni proposta tikkonċerna prodotti jew servizzi għall-konsumaturi finali. L-aħħar sentenza tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 139/2004 tipprovdi li jekk persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkollhom interess suffiċjenti jitolbu li jinstemgħu mill-Kummissjoni, din tal-aħħar għandha tilqa’ t-talba tagħhom. Bl-istess mod, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 802/2004 jagħti dritt għal smigħ lil terzi li jitolbu, bil-miktub, li jinstemgħu skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 139/2004.

37      Minn dan isegwi li r-rikorrenti, inkwantu assoċjazzjoni ta’ konsumaturi li għandha l-karatteristiċi mfakkra fil-punt 1 iktar ’il fuq, jista’ jkollha dritt proċedurali, jiġifieri d-dritt għal smigħ, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva tal-Kummissjoni intiża għall-investigazzjoni tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, sakemm ikunu osservati żewġ rekwiżiti: l-ewwel wieħed li l-konċentrazzjoni tkun tikkonċerna prodotti jew servizzi użati mill-konsumaturi finali, it-tieni wieħed li din tkun effettivament għamlet talba bil-miktub sabiex tinstema’ mill-Kummissjoni matul l-imsemmija proċedura ta’ investigazzjoni.

38      Kemm ’il darba dawn ir-rekwiżiti jkunu osservati, ir-rikorrenti hija ammissibbli li tikkontesta d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni minħabba ksur ta’ dan id-dritt proċedurali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rikorrenti għamlet riferiment għall-fatt li hija ma kinitx ingħatat id-dritt li tesprimi l-opinjoni tagħha matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni u li tipparteċipa għaliha, peress li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kienet ġiet adottata mingħajr il-ftuħ tal-fażi II. Barra minn hekk, matul is-seduta, b’risposta għal mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti speċifikat li l-motivi invokati fir-rikors tagħha jirrigwardaw kemm il-mertu tad-deċiżjonijiet ikkontestati kif ukoll il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha.

39      Issa, huwa ċertament minnu li, kif tosserva l-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-investigazzjoni tal-konċentrazzjonijiet ma jimponux li terzi, bħalma hija r-rikorrenti, jinstemgħu biss matul il-fażi II, b’mod li l-ksur tal-eventwali dritt għal smigħ tar-rikorrenti ma jirriżultax mill-fatt li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ġiet adottata fi tmiem il-fażi I. Madankollu, din l-oġġezzjoni tal-Kummissjoni bl-ebda mod ma taffettwa l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni minħabba ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti. Fil-fatt, huwa paċifiku li r-rikorrenti ma nstematx, lanqas matul il-fażi I. Għalhekk, jekk jitqies li d-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti huma identiċi fiż-żewġ fażijiet, hija f’kull każ ammissibbli li tippreżenta rikors intiż sabiex il-Qorti Ġenerali teżamina jekk dawn id-drittijiet proċedurali nkisrux, indipendentement mill-fażi tal-proċedura li matula ġiet adottata d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

–       Fuq ir-rekwiżit dwar il-konsumaturi finali

40      Fir-rigward tal-ewwel rekwiżit imsemmi fil-punt 37 iktar ’il fuq, għandu jiġi mfakkar li t-tieni inċiż tal-Artikolu 11(ċ) tar-Regolament Nru 802/2004, għalkemm jipprovdi li l-assoċjazzjonijiet ta’ konsumaturi jibbenefikaw minn dritt għal smigħ biss meta l-konċentrazzjoni proposta tkun tikkonċerna prodotti u servizzi użati mill-konsumaturi finali, madankollu dan ma jimponix li s-suġġett tal-konċentrazzjoni proposta għandu jkun jirreferi immedjatament għall-imsemmija prodotti jew servizzi.

41      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-ittra tat-23 ta’ Ġunju 2009 kienet espliċitament tirreferi għall-fatt li, skont ir-rikorrenti, il-konċentrazzjoni inkwistjoni kienet taffettwa l-interessi tal-konsumaturi f’termini ta’ prezzijiet u ta’ servizz u li, fir-risposta tagħha għall-imsemmija ittra, il-Kummissjoni ma kkontestatx din id-dikjarazzjoni.

42      Huwa minnu li mid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-konċentrazzjoni inkwistjoni kellha biss effetti sekondarji fuq il-konsumaturi. Fil-fatt, fil-premessa 139 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni l-Kummissjoni kkonstatat li, fir-rigward tas-suq tal-provvista bl-imnut tal-eletriku, il-konċentrazzjoni inkwistjoni kienet tinvolvi sovrappożizzjonijiet orizzontali biss f’dak li jirrigwarda l-klijenti industrijali u kummerċjali kbar u żgħar fil-kuntest tas-swieq Belġjani tal-provvista tal-eletriku, mingħajr ma tirreferi għall-provvista tal-eletriku lil klijenti residenzjali. Min-naħa l-oħra, fil-premessi 151 u 152 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ammettiet li l-konċentrazzjoni inkwistjoni seta’ jkollha effetti fuq id-diversi swieq bl-imnut Belġjani, filwaqt li qieset li dawn kienu effetti sekondarji li ma jqajjmux dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni inkwistjoni mas-suq komuni. L-eżistenza ta’ dawn l-effetti sekondarji tissemma wkoll fil-premessa 207 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

43      Issa, in-natura eventwalment sekondarja ta’ dawn l-effetti ma għandhiex bħala konsegwenza li ċċaħħad lir-rikorrenti mid-dritt għal smigħ. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tistax tinterpreta t-tieni inċiż tal-Artikolu 11(ċ) tar-Regolament Nru 802/2004 b’mod strett. Dan essenzjalment jillimita l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-każijiet fejn konċentrazzjoni għandha effetti diretti fuq is-swieq fir-rigward tal-konsumaturi finali. Dan jgħodd iktar u iktar meta, minn naħa, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprovdi li meta tevalwa l-konċentrazzjoni l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-interessi tal-konsumaturi intermedji u finali. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 153(2) KE, li l-kontenut tiegħu huwa essenzjalment identiku għal dak tal-Artikolu 12 TFUE, l-eżiġenzi tal-protezzjoni tal-konsumaturi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni ta’ politiki u azzjonijiet oħrajn tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2007, C 303, p. 1) jipprovdi li fil-politiki tal-Unjoni għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

44      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma għandhiex id-dritt li twarrab it-talba ta’ assoċjazzjoni ta’ konsumaturi, intiża sabiex din tinstema’ inkwantu terz li għandu interess suffiċjenti f’konċentrazzjoni, mingħajr ma tipprovdilha l-opportunità li turi b’liema mod il-konsumaturi jistgħu jkunu kkonċernati minn din il-konċentrazzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Jannar 2000, BEUC vs Il-Kummissjoni T‑256/97, Ġabra p. II‑101, punt 77).

45      Għalhekk, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti tissodisfa l-ewwel rekwiżit imsemmi fil-punt 37 iktar ’il fuq.

–       Fuq ir-rekwiżit dwar l-introduzzjoni ta’ talba għal smigħ

46      Fir-rigward tat-tieni rekwiżit imsemmi fil-punt 37 iktar ’il fuq, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti kinitx ippreżentat b’mod validu t-talba għal smigħ prevista fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 139/2004, u fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 802/2004.

47      F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi mfakkar li fl-ittra tat-23 ta’ Ġunju 2009, ir-rikorrenti ddikjarat li hija kellha l-intenzjoni li tuża d-dritt għal smigħ tagħha fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, li hija kienet tikkunsidra li għandha abbażi tal-Artikolu 11(ċ) tar-Regolament Nru 802/2004. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-ittra tat-23 ta’ Ġunju 2009 tiġi qabel in-notifikazzjoni tal-abbozz dwar il-konċentrazzjoni inkwistjoni u, a fortiori, qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ notifikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

48      Il-Kummissjoni nnotifikat li kienet irċeviet din l-ittra fl-20 ta’ Lulju 2009 u informat lir-rikorrenti li l-kummenti tagħha kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, peress li din kellha tiġi kkunsidrata bħala konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Komunitarja.

49      Issa, la r-Regolament Nru 139/2004 u lanqas ir-Regolament Nru 802/2004 ma jispeċifikaw, meta jipprovdu li ċerti terzi, jekk jitolbu dan, għandhom jinstemgħu mill-Kummissjoni, il-perijodu li matulu din it-talba għandha tiġi ppreżentata. B’mod partikolari, dawn ir-regolamenti ma jispeċifikawx espliċitament li din it-talba għandha tiġi introdotta wara n-notifikazzjoni tal-konċentrazzjoni li din tirrigwarda jew wara l-pubblikazzjoni tal-avviż li jirrigwardaha.

50      Madankollu, in-nuqqas, fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, ta’ indikazzjonijiet fuq din il-kwistjoni ma jistax jiġi interpretat fis-sens li talba għal smigħ timponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li taġixxi fuqha, sakemm ir-rekwiżiti l-oħrajn għal dan il-għan ikunu sodisfatti, anki jekk din issir qabel in-notifikazzjoni tal-konċentrazzjoni inkwistjoni lill-Kummissjoni. Fil-fatt, fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-investigazzjoni tal-konċentrazzjonijiet, għandu bilfors jiġi kkonstatat li l-att li jibda formalment il-proċedura ta’ eżami min-naħa tal-Kummissjoni hija preċiżament in-notifikazzjoni.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004, il-konċentrazzjonijiet kollha b’dimensjoni Komunitarja għandhom jiġu debitament innotifikati lill-Kummissjoni, qabel ma jiġu implementati u wara l-konklużjoni tal-ftehim, il-pubblikazzjoni tal-offerta pubblika ta’ xiri jew ta’ skambju, jew il-ksib ta’ sehem li jgħati l-kontroll. It-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jkompli jgħid li n-notifikazzjoni tista’ ssir ukoll meta l-impriżi konċernati jinformaw, in bona fide, lill-Kummissjoni li għandhom l-intenzjoni li jikkonkludu ftehim jew, fil-każ ta’ offerta pubblika ta’ xiri jew ta’ skambju, meta jkunu ħabbru b’mod pubbliku li għandhom l-intenzjoni li jagħmlu din l-offerta, sakemm il-ftehim jew l-offerta proposti jwasslu għal konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja. It-tielet subparagrafu jispeċifika li, għall-għanijiet ta’ dan ir-regolament, il-frażi “konċentrazzjoni notifikata”; għandha tkopri wkoll il-proġetti ta’ konċentrazzjonijiet innotifikati skont it-tieni subparagrafu.

52      Barra minn hekk, mill-Artikolu 6(1) u mill-Artikolu 10(1) u (4) tar-Regolament Nru 139/2004 jirriżulta li l-Kummissjoni għandha teżamina n-notifikazzjoni ta’ konċentrazzjoni malli tirċeviha u li hija għandha tiddeċiedi dwar il-konċentrazzjoni nnotifikata f’terminu ta’ 25 il-ġurnata tax-xogħol, li jista’ jiġi estiż u/jew sospiż f’każijiet espliċitament previsti fl-imsemmija dispożizzjonijiet, li jibda jidekorri mill-ġurnata tax-xogħol li tiġi wara l-ġurnata ta’ meta tiġi rċevuta n-notifikazzjoni jew, jekk l-informazzjoni li għandha tiġi prodotta matul in-notifikazzjoni tkun inkompleta, mill-ġurnata tax-xogħol li tiġi wara l-ġurnata ta’ meta tiġi rċevuta l-informazzjoni kompluta. F’dan it-terminu, li jiddelimita l-fażi I, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk il-konċentrazzjoni nnotifikata taqax taħt ir-Regolament Nru 139/2004 u, jekk iva, jekk din tistax tiġi awtorizzata fl-imsemmija fażi, minħabba li din ma tqajjimx dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, jew jekk huwiex neċessarju li tinfetah il-fażi II, sabiex dawn id-dubji jiġu eżaminati iktar fil-fond.

53      Peress li l-Kummissjoni tadotta deċiżjonijiet abbażi tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 139/2004 biss fir-rigward ta’ “konċentrazzjoni notifikata”, huwa koerenti mal-loġika tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fuq l-investigazzjoni tal-konċentrazzjonijiet li jiġi kkunsidrat li l-passi li t-terzi għandhom jieħdu sabiex ikunu inklużi fil-proċedura għandhom iseħħu wara n-notifikazzjoni formali ta’ konċentrazzjoni.

54      Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li, ta’ spiss, informazzjoni dwar eventwali operazzjonijiet ekonomiċi li jistgħu jaqgħu taħt l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 jiċċirkolaw fiċ-ċirkoli kkonċernati, u saħansitra anki fl-istampa, ferm qabel ma dawn l-operazzjonijiet jiġu eventwalment innotifikati lill-Kummissjoni bħala konċentrazzjonijiet.

55      F’dan ir-rigward, minn-naħa, il-fatt li talba għal smigħ fis-sens tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 139/2004 u tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 802/2004 għandha titressaq wara n-notifikazzjoni tal-konċentrazzjoni li hija tirrigwarda jippermetti, fl-interess tat-terzi, li jiġi evitat li huma jressqu tali talbiet mingħajr ma jkun ġie stabbilit is-suġġett tal-proċedura ta’ investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni, peress li s-suġġett tal-konċentrazzjoni jiġi stabbilit biss meta tiġi nnotifikata l-operazzjoni ekonomika inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, dan il-fatt jevita li l-Kummissjoni jkollha l-oneru li sistematikament tissepara, fost it-talbiet li hija tirċievi, dawk li jirreferu għal operazzjonijiet ekonomiċi li huma bbażati biss fuq ipoteżi astratti jew saħansitra fuq għajdut, minn dawk li jirrigwardaw operazzjonijiet li jwasslu għal notifikazzjoni.

56      Ix-xenarju kuntrarju jkun ifisser li l-karigi fdati f’idejn il-Kummissjoni mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-investigazzjoni tal-konċentrazzjonijiet jitqalu b’mod mhux indispensabbli. Fil-fatt, in-neċessità li t-terzi li jkunu jixtiequ jinstemgħu jippreżentaw it-talbiet tagħhom għal dan il-għan wara n-notifikazzjoni tal-konċentrazzjoni kkonċernata hija konformi mal-ħtieġa ewlenija ta’ ħeffa li, skont il-ġurisprudenza, tikkaratterizza l-istruttura ġenerali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fuq l-investigazzjoni tal-konċentrazzjonijiet u li timponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tosserva t-termini stretti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Diċembru 2007, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, C‑202/06 P, Ġabra p. I‑12129, punt 39, u tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punt 49). Konsegwentement, fid-dawl ta’ dawn it-termini stretti, il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata li tivverifika, għal kull konċentrazzjoni nnotifikata, jekk, qabel in-notifikazzjoni, xi terzi kinux diġà esprimew xi interess.

57      It-terzi ma jistgħux jallegaw li ma kinux jafu dwar l-eżistenza ta’ notifikazzjoni. Bil-kontra ta’ dan, huma jiġu informati b’dan espressament mill-Kummissjoni nnifisha, peress li, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 139/2004, din l-istituzzjoni, meta tikkonstata li konċentrazzjoni nnotifikata taqa taħt l-imsemmi regolament, għandha tippubblika avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fih għandha tindika l-ismijiet tal-impriżi kkonċernati, il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, in-natura tal-konċentrazzjoni kif ukoll s-setturi ekonomiċi kkonċernati. Din il-pubblikazzjoni tiggarantixxi li l-informazzjoni li konċentrazzjoni ġiet innotifikata ssir disponibbli erga omnes.

58      Madankollu, peress li hija biss id-data tan-notifikazzjoni li hija rilevanti sabiex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni, din tal-aħħar ma tistax tinjora talbiet għal smigħ li jaslulha wara n-notifikazzjoni, għalkemm qabel il-pubblikazzjoni prevista mid-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq.

59      Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti, xahrejn qabel in-notifikazzjoni tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, kienet infurmat lill-Kummissjoni dwar ix-xewqa tagħha li tinstema’ jekk din l-istituzjoni, wara n-notifikazzjoni tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, kellha tqis li l-imsemmija konċentrazzjoni hija waħda ta’ dimensjoni Komunitarja. Madankollu, dan il-fatt ma jistax jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ tiġdid tat-talba jew ta’ kull inizjattiva min-naħa tar-rikorrenti meta l-operazzjoni ekonomika prevista minn EDF u Segebel, li hija kienet taf dwarha preċedentement, kienet effettivament saret konċentrazzjoni debitament innotifikata u kienet għalhekk tat bidu għal proċedura prevista mir-Regolament Nru 139/2004, li fil-kuntest tagħha r-rikorrenti xtaqet tinstema’.

60      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tistax tinvoka aspettattivi leġittimi minħabba r-risposta tal-Kummissjoni għall-ittra tat-23 ta’ Ġunju 2009. Fil-fatt, f’din ir-risposta l-Kummissjoni ma kinitx impenjat ruħha li terġa tikkuntattja lir-rikorrenti, jekk ikun il-każ sabiex din tipprovdilha kummenti ulterjuri. Il-Kummissjoni kienet biss impenjat ruħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-kontenut tal-imsemmija ittra, fil-każ fejn il-konċentrazzjoni inkwistjoni tkun konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Komunitarja. Issa, għandu bilfors jiġi kkonstatat li fil-premessi 89 sa 99 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni l-Kummissjoni turi li ħadet inkunsiderazzjoni l-kwistjoni, mqajjma fl-ittra tat-23 ta’ Ġunju 2009, ta’ jekk EDF u GDF Suez setgħux jiġu kkunsidrati bħala li huma żewġ impriżi indipendenti, minkejja l-preżenza importanti tal-Istat Franċiż fl-azzjonarjat ta’ dawn l-impriżi, u kkonkludiet li dan kien il-każ. Għalhekk, indipendentement mill-mertu tal-imsemmija premessi u tal-livell ta’ approfondiment tal-analiżi magħmulha fihom, ma jistax jiġi miċħud li l-Kummissjoni aġġixxiet b’mod konformi għar-risposta tagħha għall-imsemmija ittra.

61      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm id-dritt li wieħed jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi japplika għal kull individwu li istituzzjoni Komunitarja tkun ħolqitlu aspettattivi bbażati fuq garanziji preċiżi li din tal-aħħar tkun tagħtu. Madankollu, meta operatur ekonomiku prudenti u avżat ikun f’pożizzjoni fejn ikun jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, dan l-operatur ma jkunx jista’ jinvoka l-benefiċċju ta’ dan il-prinċipju meta din il-miżura tiġi adottata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina, C‑519/07 P, Ġabra p. I‑8495, punt 84, u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Fil-kawża preżenti, l-iktar tard sal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ notifikazzjoni, ir-rikorrenti kienet taf dwar il-fat li l-konċentrazzjoni inkwistjoni kienet ġiet finalment innotifikata lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, hija kellha aċċess għall-informazzjoni li kienet tgħid li l-Kummissjoni, minn naħa, wara eżami preliminari u bla ħsara għad-deċiżjoni definittiva tagħha fuq dan il-punt, kienet tqis li l-konċentrazzjoni inkwistjoni setgħet taqa taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 (punt 3 tal-avviż ta’ notifikazzjoni) u, min-naħa l-oħra, kienet qed tistieden lill terzi kkonċernati jissottomettu l-kummenti eventwali tagħhom fuq il-konċentrazzjoni inkwistjoni, fi żmien għaxart ijiem li jibdew jiddekorru mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż (punt 4 tal-avviż ta’ notifikazzjoni).

63      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti kellha l-possibbiltà, u għalhekk kellha tieħu l-inizzjattiva, li tissottometti kummenti lill-Kummissjoni jew, minn tal-inqas, tikkonferma t-talba tagħha li tinstema’ matul il-proċedura. Barra minn hekk, fid-dawl tal-aġenda imposta fuq il-Kummissjoni mir-Regolament Nru 139/2004, ir-rikorrenti ma setgħetx ma tkunx taf li deċiżjoni fuq il-konċentrazzjoni inkwistjoni kellha x’aktarx tittieħed f’terminu qasir ħafna u li din id-deċiżjoni setgħet tkun tikkonsisti f’dikjarazzjoni li, sa mill-fażi I, il-konċentrazzjoni inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq intern.

64      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma tissodisfax it-tieni rekwiżit sabiex hija tkun ammissibbli li tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata minħabba li din tikser id-drittijiet proċedurali tagħha.

–       Konklużjonijiet fuq l-ammissibbiltà tar-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni

65      Peress li r-rikorrenti la tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà li jirriżultaw mis-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u lanqas dawk li japplikaw għar-rikorsi intiżi sabiex jiġu mħarsa drittijiet proċedurali, għandu bilfors jiġi konkluż li hija ma għandhiex locus standi kontra d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

66      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-argumenti tar-rikorrenti li jirrigwardaw id-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li l-importanza tagħha hija enfasizzata mit-Trattat ta’ Lisbona, b’mod partikolari mill-valur vinkolanti miksub mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll minn ċerti żviluppi fl-ordinamenti ġuridiċi ta’ diversi Stati Membri.

67      Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbilità ta’ rikors għal annullament ma jistgħux jiġu mwarrba minħabba l-interpretazzjoni li r-rikorrenti tagħti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni, C‑260/05 P, Ġabra p. I‑10005, punt 64, u d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-26 ta’ Novembru 2009, Região autónoma dos Açores vs Il-Kunsill, C‑444/08 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 70). Għalhekk, persuna li ma hijiex direttament u individwalment ikkonċernata minn deċiżjoni tal-Kummissjoni u li, għaldaqstant, l-interessi tagħha ma humiex effettwati minn din il-miżura ma tistax tinvoka d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja fir-rigward tat-tali deċiżjoni (ara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-17 ta’ Frar 2009, Galileo Lebensmittel vs Il-Kummissjoni, C‑483/07 P, Ġabra p. I‑959, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Issa, mill-elementi esposti iktar ’il fuq jirriżulta li dawn ir-rekwiżiti ma humiex sodisfatti fil-kawża preżenti u li, fir-rigward tal-inammissibbiltà tar-rikors sa fejn dan huwa intiż għall-ħarsien tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, dan ir-riżultat huwa frott tan-nuqqas ta’ azzjoni tagħha wara li l-konċentrazzjoni inkwistjoni ġiet innotifikata lill-Kummissjoni. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma hijiex iġġustifikata li ssostni li l-fatt li l-preżenti rikors jiġi ddikjarat inammissibbli jkun jippreġudika d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

69      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li l-parti tat-talbiet tar-rikorrenti intiża għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut tar-rinviju

70      Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li l-parti tat-talbiet intiża għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut tar-rinviju hija inammissibbli sa fejn ir-rikors ma jinkludix sunt tal-motivi invokati insostenn tal-imsemmija parti, bi ksur tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura.

71      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut, kif ukoll skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu, fost l-oħrajn, ikun jinkludi sunt tal-motivi invokati. Għalhekk, dan ifisser li r-rikors għandu jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’tali mod li sempliċi riferiment astratt għalih ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tar-Regoli tal-Proċedura. Barra minn hekk dan is-sunt, anki jekk ikun fil-qosor, għandu jkun suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti li l-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra insostenn tiegħu. Biex rikors jew, aktar speċifikament, biex motiv ta’ rikors ikun ammissibbli, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jeżiġu li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punt 36, u tat-12 ta’ Diċembru 2007, L-Italia vs Il-Kummissjoni, T‑308/05, Ġabra p. II‑5089, punti 71 u 72).

72      Għandu bilfors jiġi kkonstatat li r-rikorrenti osservat ir-rekwiżiti mfakkra iktar ’il fuq. Fil-fatt, għalkemm hija ma spjegatx b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom iċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti kienu jeħtieġu li l-Kummissjoni tilqa’ t-talba tar-rinviju, xorta waħda jibqa’ l-fatt li hija kkritikat lill-Kummissjoni talli ma eżaminatx fil-fond biżżejjed it-talba tar-rinviju, fatt li jista’ jimplika li l-imsemmija istituzzjoni għamlet użu abbużiv mis-setgħa diskrezzjonali tagħha, u talli ma kkonformatx ruħha mall-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha f’dan il-qasam.

73      Minn dan isegwi li l-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà invokat mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

74      It-tieni nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li terzi bħalma hija r-rikorrenti la huma kkonċernati direttament u lanqas individwalment mid-deċiżjoni ta’ rifjut tar-rinviju. Is-sitwazzjoni tkun differenti fil-każ fejn jiġi deċiż li l-eżami tal-konċentrazzjoni għandu jiġi rinvijat quddiem l-awtoritajiet nazzjonali, deċiżjoni li kienet is-suġġett tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-3 ta’ April 2003, Royal Philips Electronics vs Il-Kummissjoni (T‑119/02, Ġabra p. II‑1433).

75      Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, terz ikkonċernat minn konċentrazzjoni jista’ jkun ammissibbli li jikkontesta, quddiem il-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tilqa’ t-talba tar-rinviju mressqa minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tar-rinviju”) (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Royal Philips Electronics vs Il-Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, punti 299 u 300, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Cableuropa et vs Il-Kummissjoni, T‑346/02 u T‑347/02, Ġabra p. II‑4251, punti 81 u 82).

76      Sabiex tingħata tweġiba għall-mistoqsija ta’ jekk dan kollu japplikax anki fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ rifjut tar-rinviju, li, min-naħa l-oħra, preċiżament ma tilqax din it-talba, għandha ssir analiżi tal-istadji prinċipali tar-raġunament li ppermetta lill-Qorti Ġenerali tasal għar-riżultat imsemmi iktar ’il fuq.

77      Fir-rigward tar-rekwiżit li wieħed ikun direttament affettwat, il-Qorti Ġenerali osservat li d-deċiżjoni tar-rinviju għandha l-konsegwenza diretta li tissuġġetta konċentrazzjoni, jew parti minnha, għall-istħarriġ esklużiv tal-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali li talbet ir-rinviju, li tiddeċiedi abbażi tad-dritt tal-kompetizzjoni nazzjonali tagħha. Għalhekk, id-deċiżjoni tar-rinviju, sa fejn tbiddel il-kriterji ta’ evalwazzjoni tar-regolarità tal-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni inkwistjoni u l-proċedura applikabbli, tbiddel ukoll is-sitwazzjoni legali tat-terzi, billi ċċaħħadhom mill-possibblità li jaraw li l-Kummissjoni teżamina r-regolarità tal-operazzjoni inkwistjoni mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li din il-konstatazzjoni kienet indipendenti mill-kwistjoni ta’ jekk id-dritt tal-kompetizzjoni nazzjonali li jsir applikabbli wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju jatix lit-terzi drittijiet proċedurali analogi għal dawk mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni, peress li f’kull każ din id-deċiżjoni għandha l-effett li ċċaħħad lil dawn it-terzi mid-drittijiet proċedurali mogħtija lilhom bl-Artikolu 18(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31) li l-kontenut tiegħu huwa identiku għall dak tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 139/2004. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-deċiżjoni tar-rinviju kienet tipprekludi lit-terzi milli jikkontestaw quddiemha l-evalwazzjonijiet magħmulin mill-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li, fin-nuqqas ta’ rinviju, l-evalwazzjonijiet magħmulin mill-Kummissjoni setgħu jkunu s-suġġett ta’ tali kontestazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Royal Philips Electronics vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 280 sa 287, u Cableuropa et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 57 sa 65).

78      Fir-rigward tar-rekwiżit li wieħed ikun individwalment affettwat, il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari eżaminat jekk, fin-nuqqas ta’ rinviju, it-terzi kkonċernati minn konċentrazzjoni kienx ikollhom dritt għal smigħ, skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 4064/89. Wara li kkonstatat li dan kien il-każ, hija kkonkludiet li d-deċiżjoni tar-rinviju, peress li għandha bħala effett li ċċaħħad lit-terzi mill-possibbiltà li jikkontestaw quddiem il-Qorti Ġenerali evalwazzjonijiet li huma kienu jkunu ammissibbli jikkontestaw fin-nuqqas tar-rinviju, jaffettwa b’mod individwali l-imsemmija terzi, bl-istess mod li huma kienu jkunu affettwati bid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-konċentrazzjoni fin-nuqqas ta’ rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Royal Philips Electronics vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 295 u 297, u Cableuropa et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 74, 76 u 79).

79      Għalhekk, għandu bilfors jiġi kkonstatat li, sabiex tammetti l-ammissibbiltà ta’ rikors, ippreżentat minn terzi kontra d-deċiżjoni tar-rinviju, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq żewġ rekwiżiti, jiġifieri, li d-dritt tal-Unjoni jirrikonoxxi lil dawn it-terzi, minn naħa, drittijiet proċedurali matul l-eżami ta’ konċentrazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, protezzjoni ġudizzjarja sabiex jikkontestaw l-eventwali ksur ta’ dawn id-drittijiet.

80      Issa, dawn id-drittijiet proċedurali u din il-protezzjoni ġudizzjarja bl-ebda mod ma huma pperikolati mid-deċiżjoni ta’ rifjut tar-rinviju, li, bil-kontra ta’ dan, tiggarantixxi lit-terzi kkonċernati minn konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Komunitarja, minn naħa, li din ser tiġi eżaminata mill-Kummissjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, u min-naħa l-oħra, li l-Qorti Ġenerali ser tkun il-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni tippresjedi eventwali rikorsi kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttemm il-proċedura.

81      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-locus standi tar-rikorrenti ma jistax jirriżulta minn applikazzjoni b’analoġija tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 74 iktar ’il fuq.

82      F’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-deċiżjoni ta’ rifjut tar-rinviju tbiddel il-kundizzjonijiet li fihom għandha tiġi eżaminata l-konċentrazzjoni inkwistjoni, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 9(9) tar-Regolament Nru 139/2004 jagħti lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà li jressaq rikors sabiex jiġi applikat id-dritt tal-kompetizzjoni nazzjonali tiegħu. Min-naħa l-oħra, ma hemm xejn fis-sistema ta’ investigazzjoni tal-konċentrazzjonijiet ta’ dimensjoni Komunitarja, prevista mill-imsemmi regolament, li jippermetti li jiġi konkluż li r-rikorrenti hija ammissibbli tikkontesta d-deċiżjoni ta’ rifjut tar-rinviju minħabba li din tipprekludi li l-investigazzjoni tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, u r-rimedji kontra d-deċiżjoni li fiha ssir din l-investigazzjoni, tkun taqa’ taħt id-dritt ta’ Stat Membru, u mhux taħt id-dritt tal-Unjoni.

83      Barra minn dan, għandu jiġi osservat li l-ammissibbiltà ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut tar-rinviju ma tistax tirriżulta mill-fatt li d-dritt nazzjonali inkwistjoni jista’ jagħti lir-rikorrenti drittijiet proċedurali u/jew protezzjoni ġudizzjarja iktar wiesgħa minn dik prevista mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, iċ-ċertezza legali tipprekludi li l-ammissibbiltà ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni tkun tiddependi fuq il-kwistjoni ta’ jekk l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru ta’ fejn tinsab l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li talbet, mingħajr suċċess, ir-rinviju tal-eżami ta’ konċentrazzjoni jagħtix lil terzi kkonċernati drittijiet proċedurali u/jew protezzjoni ġudizzjarja iktar wiesgħa minn dik prevista mid-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-portata tal-imsemmija drittijiet proċedurali u tal-protezzjoni ġudizzjarja tiddependi fuq serje ta’ fatturi li huma, minn naħa, diffiċilment paragunabbli u, min-naħa l-oħra, suġġetti għal żviluppi leġiżlattivi u ġurisprudenzjali li huma diffiċli li jiġu mistħarrġa.

84      Barra minn hekk, l-għan aħħari ta’ rikors għal annullament quddiem il-qorti tal-Unjoni huwa li tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt tal-imsemmija Unjoni, indipendentement mill-portata tad-drittijiet proċedurali u tal-protezzjoni ġudizzjarja li huwa jagħti, u mhux dak li tiġi invokata l-protezzjoni eventwalment iktar wiesgħa li tirriżulta mid-dritt nazzjonali.

85      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, hemm lok li l-parti tat-talbiet tar-rikorrenti intiża għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut tar-rinviju tiġi ddikjarata inammissibbli, għaldaqstant anki r-rikors għandu jiġi ddikjarat bħala kollu kemm hu inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

86      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li parti intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

87      Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar. EDF għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      L-Association belge des consommateurs test-achats ASBL għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

3)      Électricité de France (EDF) għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Moavero Milanesi

Wahl

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Ottubru 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.