Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja) fl-24 ta’ April 2018 – Alain Flausch, Andrea Bosco, Estienne Roger Jean Pierre Albrespy, Somateio “Syndesmos Iiton”, Somateio “Elliniko Diktyo - Filoi tis Fisys”, Somateio “Syllogos Prostasias kai Perithalpsis Agias Zonis - SPPAZ” vs Ypourgos Perivallontos kai Energeias, Ypourgos Oikonomikon, Ypourgos Tourismou, Ypourgos Naftilias kai Nisiotikis Politikis

(Kawża C-280/18)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Symvoulio tis Epikrateias

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Alain Flausch, Andrea Bosco, Estienne Roger Jean Pierre Albrespy, Somateio “Syndesmos Iiton”, Somateio “Elliniko Diktyo - Filoi tis Fisys”, Somateio “Syllogos Prostasias kai Perithalpsis Agias Zonis – SPPAZ”

Konvenuti: Ypourgos Perivallontos kai Energeias, Ypourgos Oikonomikon, Ypourgos Tourismou, Ypourgos Naftilias kai Nisiotikis Politikis

fil-preżenza ta’: 105 Anonymi Touristiki kai Techniki Etaireia Ekmetallefsis Akiniton

Domandi preliminari

L-Artikoli 6 u 11 tad-Direttiva 2011/92/UE 1 , ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, bħal dawk imsemmija fil-premessi 8, 9 u 10 [tad-deċiżjoni tar-rinviju], li jipprevedu li l-proċeduri ta’ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni tar-rekwiżiti ambjentali applikabbli għal xogħlijiet u proġetti li jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-ambjent (jiġifieri, il-pubblikazzjoni tal-evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent, l-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku u l-parteċipazzjoni ta’ dan tal-aħħar fil-konsultazzjoni) jiġu eżegwiti u vverifikati prinċipalment mill-ikbar entità amministrattiva, jiġifieri r-reġjun, u mhux mill-muniċipalità kkonċernata?

L-Artikoli 6 u 11 tad-Direttiva 2011/92/UE, ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw sistema ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, kif esposta fl-istess premessi, li tipprevedi fl-aħħar mill-aħħar li l-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni tar-rekwiżiti ambjentali applikabbli għal xogħlijiet u proġetti li jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom fuq sit tal-internet speċifiku tikkostitwixxi preżunzjoni ta’ għarfien sħiħ fil-konfront ta’ kull persuna kkonċernata, għall-finijiet tal-eżerċizzju minn din tal-aħħar tar-rimedju ġuridiku previst mil-liġi fis-seħħ (rikors għal annullament quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat)) f’terminu ta’ sittin (60) jum, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet legali – dwar il-pubblikazzjoni tal-evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent, dwar l-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku u dwar il-parteċipazzjoni ta’ dan tal-aħħar fil-proċedura ta’ approvazzjoni tar-rekwiżiti ambjentali applikabbli għal tali xogħlijiet u proġetti – li jqiegħdu l-entità amministrattiva, jiġifieri r-reġjun, u mhux il-muniċipalità kkonċernata, fiċ-ċentru ta’ dawn il-proċeduri?

____________

1     Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (GU 2012, L 26, p. 1).