Language of document : ECLI:EU:F:2010:36

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

4 ta’ Mejju 2010

Kawża F-47/09

Éric Mathias Fries Guggenheim

vs

Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal temporanju — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt — Artikolu 11a tar-Regolamenti tal-Persunal — Is-sitt subparagrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal — Funzjoni ta’ rappreżentanza tal-persunal — Dmir ta’ imparzjalità u ta’ indipendenza”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu E. Fries Guggenheim jitlob l-annullament tad‑deċiżjoni tad-direttriċi taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), tas-7 ta’ Lulju 2008, li ma ġġeddidx il-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju u, sa fejn ikun meħtieġ, tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2008 li tikkonferma id-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq, kif ukoll il‑kundanna tas-Cedefop li tħallsu d-danni, fin-nuqqas ta’ reintegrazzjoni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent huwa kkundannat għall‑ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni

(Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu 47(c))

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Direttivi — Impożizzjoni diretta tal-obbligi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-relazzjonijiet mal-persunal tagħhom — Esklużjoni — Invokabbiltà — Portata

(Artikolu 10 KE)

3.      Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Obbligu ta’ indipendenza u ta’ integrità

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 11a)

4.      Uffiċjali — Organizzazzjoni tad-dipartimenti — Assenjazzjoni tal-persunal — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Limiti — Interess tas-servizz

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 4, 7(1), 29 u 45)

5.      Uffiċjali — Rikorsi — Talba għad-danni marbuta ma’ talba għal annullament — Ċaħda ta’ talba għal annullament li twassal għaċ-ċaħda tat-talba għad-danni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

1.      Peress li r-rexissjoni ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat, b’mod konformi mal-Artikolu 47(c) tal-Kondizzjonijiet tal‑Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej u fil-perjodu tan-notifika previst fil‑kuntratt, kif ukoll ir-rexissjoni antiċipat ta’ kuntratt ta’ membru tal‑persunal temporanju konkluż għal żmien determinat jaqgħu fis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-awtorità kompetenti, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu, konsegwentement, jillimita ruħu, indipendentement mill-istħarriġ dwar l‑osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għall-verifika tal-assenza ta’ żball manifest jew ta’ użu ħażin ta’ poter.

Dan huwa iktar minnu peress li dan mhux każ ta’ rexissjoni antiċipata, iżda ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju konkluż għal żmien determinat. Konsegwentement, l-istħarriġ tal-qorti għandu, f’dan il-kuntest, jillimita ruħu għall-verifika tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal‑interess tas-servizz u dik tal-assenza tal-użu ħażin ta’ poter.

L-awtorità kompetenti hija marbuta, meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal, li tikkunsidra l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha, u b’mod partikolari, l-interess tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Dan fil-fatt jirriżulta mid-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni, li jirrifletti l-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal‑Persunal u, b’analoġija, il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal‑Komunitajiet Ewropej ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l‑membri tal-persunal tagħha.

Il-kunsiderazzjonijiet ta’ portata ġenerali preċedenti japplikaw ukoll fis‑sitwazzjoni fejn il-membru tal-persunal eżerċita funzjonijiet ta’ rappreżentanza tal-persunal, il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej ma jipprovdu għall-ebda eċċezzjoni jew sistema partikolari applikabbli għar-rexissjoni tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju li eżerċità funzjonijiet bħal dawn. Madankollu, sa fejn fl-okkażjoni tal-eżerċizzju ta’ funzjonijiet bħal dawn, il-membru tal-persunal ikkonċernat jista’ jiġi mġiegħel jopponi jew jikkritika apertament ċerti pożizzjonijiet meħuda mill‑amministrazzjoni, hija l-awtorità kompetenti li għandha tkun viġilanti biżżejjed sabiex l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tat-tiġdid tal-kuntratt tal-parti kkonċernata ma tkunx negattivament influwenzata mill-imġiba adottata minn din l-aħħar imsemmija fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha ta’ rappreżentanza tal‑persunal, bil-kundizzjoni madankollu li din l-imġiba ma tmurx lil hinn mil‑limiti normali tad-djalogu soċjali. Din il-viġilanza hija kull tant iktar importanti meta r-relazzjonijiet kollettivi tax-xogħol jaqgħu f’sitwazzjoni ta’ kunflitt partikolarment diffiċli.

(ara l-punti 64 sa 67)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 26 ta’ Frar 1981, De Briey vs Il‑Kummissjoni, 25/80, Ġabra p. 637, punt 7; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 28 ta’ Jannar 1992, Speybrouck vs Il‑Parlament, T‑45/90, Ġabra p. II‑33, punti 97 u 98; 17 ta’ Marzu 1994, Hoyer vs Il‑Kummissjoni, T‑51/91, ĠabraSP p. I‑A‑103 u II‑341, punt 36; 14 ta’ Lulju 1997, B vs Il‑Parlament, T‑123/95, ĠabraSP p. I‑A‑245 u II‑697, punt 70; 12 ta’ Diċembru 2000, Dejaiffe vs UASI, T‑223/99, ĠabraSP p. I‑A‑227 u II‑1267, punt 51; 6 ta’ Frar 2003, Pyres vs Il‑Kummissjoni, T‑7/01, ĠabraSP p. I‑A‑37 u II‑239, punt 50; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 ta’ Ġunju 2007, Bianchi vs ETF, F‑38/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑183 u II‑A‑1‑1009, punti 92 u 93 u punt 94, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Huwa minnu li d-direttivi huma indirizzati lill-Istati Membri u mhux lill‑istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/14 li jistabbilixxu qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal‑ħaddiema fl-Unjoni Ewropea, konsegwentement ma jidhrux li huma kkunsidrati li jimponu fihom infushom obbligi fuq l-istituzzjonijiet fir-relazzjonijiet tagħhom mal‑persunal tagħhom.

Madankollu, iċ-ċirkustanza li direttiva ma torbotx, b’dan il-mod, lill‑istituzzjonijiet ma teskludix li hija tista’ timponi b’mod indirett fuq l‑istituzzjonijiet fir-relazzjonijiet tagħhom mal-uffiċjali u membri oħra tal‑persunal. B’mod partikolari, l-istituzzjonijiet għandhom, b’mod konformi mad‑dmir ta’ lealtà li taqa’ fuqhom skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10 KE, tikkunsidra, fl-imġiba tagħhom bħala entitajiet li jħaddmu, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi adottati fil-livell tal-Unjoni, li jimponu b’mod partikolari regoli minimi intiżi sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema fl‑Istati Membri permezz tal-approssimazzjoni tal-liġijiet u tal-prattiki nazzjonali. Obbligu bħal dan huwa impost ukoll fuq korpi stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jgħin lill-istituzzjonijiet jimplementaw jew iħaddnu l-politika prevista mit‑trattati.

(ara l-punti 70 u 71)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 9 ta’ Settembru 2003, Rinke, C‑25/02, Ġabra p. I‑8349, punt 24; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 21 ta’ Mejju 2008, Belfass vs Il‑Kunsill, T‑495/04, Ġabra p. II‑781, punt 43

3.      Id-diverġenzi profondi fl-opinjonijiet bejn it-tmexxija ta’ aġenzija Ewropea u r‑rappreżentanza tal-persunal tagħha fuq kwistjonijiet li jaqgħu fl-isfera tad‑djalogu soċjali ma jistgħux, waħedhom ikunu l-bażi ta’ preokkupazzjoni leġittima u oġġettivament ġustifikata li d-direttur ta’ aġenzija seta’, barra minn dan id-djalogu soċjali, ikollu preġudizzji sfavorevoli fir-rigward ta’ membru tal‑persunal li għandu funzjonijiet ta’ rappreżentanza tal-persunal jew ikollu interess personali li ma jġeddidx il-kuntratt tiegħu, sal-punt li jitlef l-imparzjalità tiegħu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.

Fil-fatt, min-naħa, diverġenzi bħal dawn, jibqgħu mingħajr effett fuq ir-relazzjoni mas-sitwazzjoni personali tal-membru tal-persunal, peress li waħidhom, ma humiex ta’ gravità tali li kull evalwazzjoni tad-direttur tiġi konkretement ivvizzjata b’nuqqas ta’ imparzjalità fir-rigward tal-membru tal-persunal. Min-naħa l-oħra, riskju purament astratt ta’ kunflitt personali li fih allegatament kien id-direttur, minħabba biss l-imsemmija diverġenzi ta’ opinjoni, ma humiex suffiċjenti sabiex ikunu l-bażi ta’ allegat ksur tal-Artikolu 11a tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 78 u 79)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Lulju 2005, De Bry vs Il‑Kummissjoni, T‑157/04, ĠabraSP p. I‑A‑199 u II‑901, punti 38 u 39

4.      L-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tad‑dipartimenti tagħhom skont il-missjonijiet fdati lilhom u fid-dawl ta’ dan l‑organizzazzjoni, fil-ħatra tal-persunal li jkun għad-dispożizzjoni tagħhom, bil‑kundizzjoni, madankollu, li dawn il-ħatriet isiru fl-interess tas-servizz u b’osservanza tal-ekwivalenza tal-impjiegi.

Kif jirriżulta mill-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet fl‑evalwazzjoni tal-interess tas-servizz, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jillimita ruħu għal kwistjoni dwar jekk l-amministrazzjoni baqgħatx f’limiti li ma jistgħux jiġu kkritikati u ma użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat.

L-interess tas-servizz jista’ jillimita l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l‑Awtorità tal-Ħatra billi jeżiġi li l-persuni maħtura għal ċerti funzjonijiet ikunu, mhux biss kompetenti, iżda l-iktar kompetenti sabiex jeżerċitawhom u, f’din is‑sitwazzjoni, din l-awtorità għandha twettaq eżami komparattiv tal-merti tal‑persuni kkonċernati sabiex jagħżlu l-iktar persuni adattati.

(ara l-punti 104 sa 106)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 7 ta’ Marzu 1990, Hecq vs Il‑Kummissjoni, C‑116/88 u C‑149/88, Ġabra p. I‑599, punt 11; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 22 ta’ Jannar 1998, Costacurta vs Il‑Kummissjoni, T‑98/96, ĠabraSP p. I‑A‑21 u II‑49, punt 36; 26 ta’ Novembru 2002, Cwik vs Il‑Kummissjoni, T‑103/01, ĠabraSP p. I‑A‑229 u II‑1137, punt 30; 25 ta’ Lulju 2006, Fries Guggenheim vs Cedefop, T‑373/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑169 u II‑A‑2‑819, punt 68, punt 69, u l-ġurisprudenza ċċitata, u punt 71

5.      Fir-rikorsi tal-uffiċjali, it-talbiet li għandhom bħala għan il-kumpens għad‑danni għandhom jiġu miċħuda sa fejn huma jippreżentaw rabta mill-qrib mat-talbiet għall-annullament li huma stess ġew miċħuda bħala infondati.

(ara l-punt 119)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Ġunju 2004, Liakoura vs Il‑Kunsill, T‑330/03, ĠabraSP p. I‑A‑191 u II‑859, punt 69; 13 ta’ Lulju 2005, Scano vs Il‑Kummissjoni, T‑5/04, ĠabraSP p. I‑A‑205 u II‑931, punt 77; It-Tribunal għas-servizz Pubbliku: Bianchi vs ETF, iċċitata iktar ’il fuq, punt 104