Language of document : ECLI:EU:C:2018:276

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

24 ta’ April 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 4 – Direttiva 2004/83/KE – Artikolu 2(e) – Kundizzjonijiet sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja – Artikolu 15(b) – Riskju ta’ perikolu serju għas-saħħa psikoloġika tal-applikant fil-każ li jintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu – Persuna li ġiet issuġġettata għal tortura fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha”

Fil-Kawża C‑353/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Ġunju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Ġunju 2016, fil-proċedura

MP

vs

Secretary of State for the Home Department,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça, E. Levits u C. Vajda, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, M. Berger, K. Jürimäe, C. Lycourgos (Relatur) u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Settembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal MP, minn A. Mackenzie u T. Tridimas, barristers, A. Gananathan, solicitor, u R. Husain, QC,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon, bħala aġent, assistit minn B. Lask, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou‑Durande u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Ottubru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(e) u tal-Artikolu 15(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn MP u s-Secretary of State for the Home Department (il-Ministru tal-Intern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq) dwar iċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għal ażil.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

 Il-KEDB

3        L-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jipprovdi li:

“Ħadd m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti.”

 Il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Kastig jew Trattament Krudili, Inuman jew Degradanti ieħor,

4        Konformement mas-sitt premessa tagħha, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Kastigi jew Trattamenti Krudili, Inuman jew Degradanti ieħor, adottata fi New York fl-10 ta’ Diċembru 1984 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni kontra t-tortura”), hija intiża sabiex “iżżid l-effikaċja tal-ġlieda kontra t-tortura u l-kastig jew trattament krudili, inuman jew degradanti ieħor fid-dinja kollha”.

5        L-Artikolu 2(1) u (2) ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi:

“1.      L-Istati kollha partijiet fil-konvenzjoni għandhom jieħdu miżuri leġiżlattivi, amministrattivi, ġudizzjarji u miżuri oħra effikaċi sabiex jipprevjenu li atti ta’ tortura jitwettqu fit-territorju taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.

2.      Ebda ċirkustanza eċċezzjonali, tkun xi tkun, anki jekk tirrigwarda stat ta’ gwerra jew theddida ta’ gwerra, ta’ instabbiltà politika interna jew kull stat ieħor eċċezzjonali, ma tista’ tiġi invokata sabiex tiġi ġġustifikata t-tortura.”

6        L-Artikolu 3 tal-konvenzjoni msemmija jipprevedi:

“1.      Ebda Stat parti fil-konvenzjoni ma għandu jkeċċi, jissuġġetta għal refoulment, jew jestradixxi persuna lejn Stat ieħor fejn ikun hemm raġunijiet serji li wieħed jaħseb li hemm riskju li din tiġi ssuġġettata għal tortura.

2.      Sabiex jiddeterminaw jekk hemmx tali raġunijiet, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet kollha rilevanti, inkluż, jekk ikun il-każ, l-eżistenza, fl-Istat ikkonċernat, ta’ kollettiv ta’ ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, serji, flagranti jew massiċċi.”

7        L-Artikolu 14(1) tal-istess konvenzjoni jipprovdi:

“Kull Stat parti fil-konvenzjoni għandu jiggarantixxi, fis-sistema ġuridika tiegħu, lill-vittma ta’ att ta’ tortura, id-dritt li tikseb kumpens u li tiġi kkumpensata b’mod ekwu u b’mod adegwat, inkluż bil-mezzi neċessarji għar-rijabilitazzjoni l-iktar kompleta possibbli tagħha. Fil-każ tal-mewt tal-vittma li jirriżulta minn att ta’ tortura, l-aventi kawża ta’ din tal-aħħar huma intitolati għal kumpens.”

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2004/83

8        Il-premessi 6 u 25 tad-Direttiva 2004/83 jiddikjaraw:

“(6)      L-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa, mill-banda waħda, li jiżgura li l-Istati Membri japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, u, mill-banda l-oħra, biex jiżgura li livell minimu ta’ benefiċċju huwa disponibbli għal dawk il-persuni fl-Istati Membri kollha.

[…]

(25)      Huwa meħtieġ li jiddaħħlu kriterji li fuq il-bażi tagħhom applikanti għal protezzjoni internazzjonali jridu jintgħarfu bħala eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja. Dawk il-kriterji għandhom jitfasslu mill-obbligi internazzjonali skont strumenti u prattiċi tad-drittijiet tal-bniedem li jeżistu fl-Istati Membri.”

9        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-għandijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

e)      ‘persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja’ tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tiegħu jew tagħha, jiffaċċja riskju veru li jsofri periklu serju kif definit fl-Artikolu 15, u li għalihom l-Artikolu 17(1) u (2) ma japplikawx, u ma jistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż;

[…]”

10      Skont l-Artikolu 4(4) tal-imsemmija direttiva:

“Il-fatt li applikant diġa kien suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju jew għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni jew dan il-perikolu, huwa indikazzjoni serja tal-biża bir-raġun ta’ persekuzzjoni jew ir-riskju veru li jsofri periklu serju, minbarra jekk ikun hemm raġunijiet tajbin li jista’ jitqies li din il-persekuzzjoni jew periklu serju ma jiġix ripetut.”

11      L-Artikolu 6 ta’ din l-istess direttiva jistabbilixxi:

“Atturi ta’ persekuzzjoni jew periklu serju jinkludu:

(a)      l-Istat;

(b)      partijiet jew organizzazzjonijiet li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali tat-territorju ta’ l-Istat;

(c)      atturi mhux ta’ l-Istat, jekk ikun jista’ jiġi muri li l-atturi msemmija f’(a) u (b), inkluż organizzazzjonijiet internazzjonali, ma jistgħux jew ma jixtiequx jipprovdu protezzjoni kontra persekuzzjoni jew periklu serju kif definit fl-Artikolu 7.”

12      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83 jipprevedi:

“Periklu serju jikkonsisti minn:

(a)      piena kapitali jew eżekuzzjoni; jew

(b)      tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig ta’ applikant fil-pajjiż ta’ l-oriġini; jew

(c)      theddida serja u individwali għal ħajja ta’ pajżan jew persuna minħabba fi vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern.”

13      Skont l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva:

“1.      Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tieqaf milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja meta ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-għoti ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja jkunu waqfu milli jeżistu jew ikunu nbiddlu sat-tali punt li l-protezzjoni ma tkunx għadha meħtieġa.

2.      Fl-applikazzjoni ta’ paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom iqisu jekk il-bdil fiċ-ċirkostanzi huwiex ta’ natura sinifikanti u mhux temporanja li l-persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja m’għadhiex tiffaċċja riskju veru ta’ dannu serju.”

14      L-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jagħtu stat ta’ protezzjoni sussidjarja lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Kapitoli II u V.”

 Id-Direttiva 2008/115/KE

15      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98), huwa fformulat kif ġej:

“Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’:

(a)      l-aħjar interessi tat-tfal,

(b)      il-ħajja familjari,

(c)      l-istat tas-saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat u,

jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16      MP huwa ċittadin tas-Sri Lanka li wasal fit-territorju tar-Renju Unit fix-xahar ta’ Jannar 2005 u ngħata permess jirrisjedi hemmhekk bħala student sat-30 ta’ Settembru 2008.

17      Fil-5 ta’ Jannar 2009, MP ressaq applikazzjoni għall-ażil għar-raġuni, essenzjalment, li kien inżamm u ġie ttorturat mill-forzi tas-sigurtà tas-Sri Lanka minħabba l-appartenenza tiegħu mal-organizzazzjoni “Tigri għal-liberazzjoni ta’ Tamil Eelam”, u li, kieku kellu jirritorna fi Sri Lanka, huwa kien jgħaddi mir-riskju li jġarrab mill-ġdid trattament ħażin għall-istess raġuni.

18      Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2009, din l-applikazzjoni ġiet miċħuda mill-awtorità nazzjonali kompetenti, peress li din tal-aħħar ma aċċettatx li MP kien għadu ta’ interess għall-awtoritajiet ta’ Sri Lanka jew li kien mhedded mill-ġdid bi trattament ħażin li kieku kellu jirritorna lejn pajjiżu.

19      MP ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil), ir-Renju Unit). Din tal-aħħar kellha provi mediċi li r-rikorrent kellu konsegwenzi ta’ tortura u li kien qiegħed ibati minn sindromu ta’ stress posttrawmatiku serju u ta’ dipressjoni severa, li kellu tendenzi ta’ suwiċidju elevati u kien jidher partikolarment iddeterminat li joqtol ruħu b’idejh li kieku kellu jirritorna s-Sri Lanka.

20      Għalkemm kien paċifiku li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kellu biża’ vera tal-idea li jirritorna s-Sri Lanka kif ukoll diffikultajiet sabiex jagħti l-fiduċja tiegħu lir-rappreżentanti uffiċjali jew li jikkomunika magħhom, inkluż fir-Renju Unit, minħabba t-torturi li kien ġarrab, l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil)) ċaħdet ir-rikors ta’ MP peress li kien ibbażat fuq il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), u fuq id-Direttiva 2004/83. Fil-fatt, din il-qorti ma aċċettatx li MP kien għadu jista’ jkun ta’ interess għall-awtoritajiet tas-Sri Lanka.

21      Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti laqgħet ir-rikors ta’ MP sa fejn kien ibbażat fuq l-Artikolu 3 tal-KEDB. Hija rrilevat essenzjalment li, jekk MP kellu jintbagħat lura s-Sri Lanka, huwa kien jiġi assenjat lis-servizzi tas-saħħa ta’ dan il-pajjiż, li 25 psikjatra biss kienu qed jipprattikaw fis-Sri Lanka kollha u li, għalkemm kienu jeżistu stabbilimenti speċjalizzati fis-saħħa mentali, minn nota tal-United Kingdom Border Agency (l-Aġenzija tal-Fruntieri tar-Renju Unit) li l-fondi ddedikati għas-saħħa mentali fil-verità jingħataw biss lill-istituzzjonijiet il-kbar fl-ikbar bliet li huma inaċċessibbli u li ma jipprovdux il-kura xierqa għall-persuni b’mard mentali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija qorti kkunsidrat li, għalkemm MP seta’, bħala prinċipju, jintbagħat lura s-Sri Lanka, mingħajr ma dan ir-ritorn jaffettwah ħażin bħala tali, ġaladarba jkun fuq il-post, fl-idejn tas-servizzi tas-saħħa mentali tas-Sri Lanka, għalkemm, fid-dawl tas-serjetà tal-mard mentali tiegħu, u fid-dawl tal-impossibbiltà għalih li jaċċedi għal kura xierqa għal dan, tali ritorn ikun inkompatibbli mal-Artikolu 3 tal-KEDB.

22      Id-deċiżjoni tal-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil)) ġiet ikkonfermata permezz ta’ sentenza tal-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Diviżjoni Ċivili), Renju Unit). Din il-qorti tal-aħħar qieset li d-Direttiva 2004/83 ma kellhiex bħala għan li tieħu konjizzjoni tal-każijiet, li jaqgħu taħt l-Artikolu 3 tal-KEDB, li fihom ir-riskju huwa relatat mas-saħħa jew mas-suwiċidju pjuttost milli mal-persekuzzjoni.

23      MP ippreżenta appell minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Din tirrileva li l-iskop tal-imsemmi appell huwa dwar jekk MP jistax jibbenefika mill-istatus ikkonferita mill-protezzjoni sussidjarja, imsemmija fl-Artikoli 2 u 15 tad-Direttiva 2004/83.

24      MP isostni li l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil)) u l-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Diviżjoni Ċivili)) adottaw interpretazzjoni stretta wisq tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/83. Peress li l-marda mentali tiegħu ma tistax titqies li seħħet naturalment, peress li kienet ir-riżultat tat-tortura kkawżata mill-awtoritajiet tas-Sri Lanka, huwa jqis li kellu jibbenefika mill-istatus ikkonferit mill-protezzjoni sussidjarja, fid-dawl tat-trattament ħażin ikkawżat fil-passat minn dawn l-awtoritajiet u mill-insuffiċjenza tal-infrastruttura medika stabbilita sabiex tikkura l-konsegwenzi ta’ dan it-trattament ħażin. Min-naħa l-oħra, huwa ta’ ftit importanza li r-riskju tar-repetizzjoni tat-trattament ħażin, fl-oriġini tal-istat attwali tas-saħħa tiegħu, ma għadux jeżisti.

25      Il-qorti tar-rinviju tqis li din il-kwistjoni għadha ma ġietx deċiża speċifikament la mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014 M’Bodj (C‑542/13, EU:C:2014:2452), u lanqas mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 2(e), moqri flimkien mal-Artikolu 15(b), tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83 ikopri riskju veru ta’ perikolu serju għas-saħħa fiżika jew psikoloġika tal-applikant jekk jintbagħat lura lejn il-pajjiż tal-oriġini, li jirriżulta minn tortura jew trattament inuman jew degradanti preċedenti li għalih il-pajjiż tal-oriġini kien responsabbli?”

 Fuq id-domanda preliminari

27      Skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/83, l-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ protezzjoni sussidjarja lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex persuna tkun eliġibbli sabiex tibbenefika minn tali protezzjoni.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva, ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja jekk jeżistu raġunijiet serji u fondati li, fil-każ li jintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, l-applikant jgħaddi minn riskju reali li jġarrab wieħed mit-tliet tipi ta’ perikoli serji ddefiniti fl-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj, C‑542/13, EU:C:2014:2452, punt 30 u l-ġurispurdenza ċċitata).

29      Fost il-perikoli serji ddefiniti mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83, jinsabu, fil-punt b) ta’ dan l-artikolu, it-tortura jew trattament jew kastigi inumani jew degradanti ta’ applikant fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu.

30      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li ċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata kienet il-vittma, fil-passat, ta’ atti ta’ tortura kkawżati mill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini tagħha ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika, waħedha, li din tibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja f’mument fejn ma jeżistix iktar riskju reali li tali atti ta’ tortura jirrepetu ruħhom fil-każ li tintbagħat lura f’dan il-pajjiż.

31      Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83, l-iskema tal-protezzjoni sussidjarja hija intiża sabiex tħares l-individwu kontra riskju reali ta’ perikoli serji fil-każ li jintbagħat lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, li jimplika li jeżistu raġunijiet serji u fondati li wieħed jemmen li l-persuna kkonċernata, jekk tintbagħat lura f’dan il-pajjiż, tgħaddi minn tali riskju.

32      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2004/83.

33      Fil-fatt, jekk, skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2004/83, l-eżistenza ta’ perikoli serji preċedenti tikkostitwixxi indikazzjoni serja ta’ riskju reali għall-applikant li jġarrab mill-ġdid perikoli serji, madankollu din l-istess dispożizzjoni tispeċifika li dan ma huwiex il-każ meta jkun hemm raġunijiet tajbin li jitqies li l-perikoli serji mġarrba fil-passat ma jiġux irrepetuti jew ma jiġux segwiti.

34      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, il-protezzjoni sussidjarja għandha tieqaf meta ċ-ċirkustanzi li ġġustifikaw l-għoti ta’ din il-protezzjoni jieqfu milli jeżistu jew jinbidlu sa tali punt li l-protezzjoni ma tkunx għadha neċessarja.

35      Madankollu, fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, ċittadin ta’ pajjiż terz li mhux biss kien il-vittma, fil-passat, ta’ atti ta’ tortura min-naħa tal-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, iżda li, barra minn hekk, anki jekk ma għandux riskju li jerġa’ jġarrab tali atti fil-każ li jintbagħat lura f’dan il-pajjiż, għadu jbati attwalment minn konsegwenzi psikoloġiċi serji bħala riżultat ta’ dawn l-atti ta’ tortura passati, li, skont konstatazzjonijiet mediċi debitament stabbiliti, huma sostanzjalment aggravati, b’riskju serju li dan iċ-ċittadin iwettaq suwiċidju li kieku kellu jintbagħat lura hemmhekk.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2004/83 għandu jiġi interpretat u applikat fl-osservanza tad-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) li tesprimi wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni u tal-Istati Membri u hija ta’ natura assoluta peress li dan il-valur huwa strettament marbut mar-rispett tad-dinjità tal-bniedem imsemmija fl-Artikolu 1 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 85 sa 87, kif ukoll tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 59).

37      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, peress li d-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 4 tagħha jikkorrispondu ma’ dawk iggarantiti fl-Artikolu 3 tal-KEDB, is-sens u l-portata tal-imsemmija drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk mogħtija mill-imsemmi Artikolu 3 tal-KEDB.

38      Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 3 tal-KEDB jirriżulta li t-tbatija dovuta għal marda li seħħet b’mod naturali, kemm jekk din tkun fiżika jew mentali, tista’ taqa’ taħt dan l-artikolu jekk din tista’ jew hemm riskju li tista’ ssir iktar gravi minħabba trattament, kemm jekk dan jirriżulta minn kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, ta’ tkeċċija jew ta’ miżuri oħra, li għalihom l-awtoritajiet jistgħu jitqiesu responsabbli, u dan bil-kundizzjoni li t-tbatija li tirriżulta minn dan tilħaq il-minimu ta’ gravità meħtieġa minn dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Paposhvili vs Il‑Belġju, CE:ECHR:2016:1213JUD004173810, § 174 u 175; sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 68).

39      Skont ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-istess livell ta’ gravità għandu jintlaħaq sabiex l-Artikolu 3 KEDB ikun jista’ jipprekludi t-tkeċċija ta’ persuna li l-marda tagħha ma tkunx seħħet naturalment, fil-każ fejn in-nuqqas ta’ kura li għaliha dik il-persuna tkun esposta, ladarba titkeċċa, ma tirriżultax minn atti jew ommissjoni intenzjonali tal-Istat li għandu tkun intbagħtet lura din il-persuna (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2013, S. H. H. vs Ir‑Renju Unit, CE:ECHR:2013:0129JUD006036710, § 89).

40      B’mod iktar partikolari, f’dak li jirrigwarda l-livell ta’ gravità meħtieġ sabiex jitwettaq ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB, mill-ġurisprudenza l-iktar reċenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li din id-dispożizzjoni tipprekludi t-tkeċċija ta’ persuna marida serjament li tinsab f’riskju serju ta’ mewt imminenti jew li għaliha jeżistu raġunijiet serji li wieħed jaħseb li, għalkemm mhux qed tgħaddi minn riskju imminenti li tmut, hija ser tiffaċċja, minħabba l-assenza ta’ trattamenti adegwati fil-pajjiż ta’ destinazzjoni jew fin-nuqqas ta’ aċċess għal dawn it-trattamenti, riskju reali li tiġi esposta għal deterjorament serju, rapidu u irreversibbli fl-istat tas-saħħa tagħha bi tbatija intensa jew bi tnaqqis sinjifikattiv fl-aspettattivi ta’ ħajja tagħha (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Paposhvili vs Il‑Belġju, CE:ECHR:2016:1213JUD004173810, § 178 u 183).

41      Fl-istess perspettiva, l-Artikolu 4 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trasferiment ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkollu kundizzjoni mentali jew fiżika partikolarment gravi, jikkostitwixxi trattament inuman u degradanti, fis-sens ta’ dan l-artikolu, jekk dan it-trasferiment iwassal għal riskju reali u kkonfermat ta’ deterjorament sinjifikattiv u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 74). L-istess konklużjoni tista’ tinsilet għall-finijiet tal-Artikolu 19(2) tal-Karta, li skontu, ħadd ma għandu jitkeċċa mit-territorju lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun suġġett għal trattament inuman jew degradanti.

42      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari meta din tkun kundizzjoni gravi ta’ natura psikjatrika, li jeħtieġ li ma jitqisux biss il-konsegwenzi tat-trasport fiżiku tal-persuna kkonċernata minn Stat Membru lejn pajjiż terz, iżda li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi sinjifikattivi u rrimedjabbli kollha li jirriżultaw mit-tkeċċija (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 76). Madankollu, għandu jingħad ukoll li, fid-dawl tal-importanza fundamentali tal-projbizzjoni tat-tortura u tat-trattament inuman jew degradanti, previst fl-Artikolu 4 tal-Karta, li attenzjoni speċifika għandha tingħata lill-vulnerabbiltà partikolari tal-persuni li t-tbatija psikoloġika tagħhom, li tista’ tiġi aggravata fil-każ ta’ trasferiment, ġiet ikkawżata minn torturi jew trattment inuman jew degradanti subiti fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

43      Minn dan isegwi li l-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta, kif interpretati fid-dawl tal-Artikolu 3 tal-KEDB, jipprekludu li Stat Membru jkeċċi ċittadin ta’ pajjiż terz meta din it-tkeċċija twassal, essenzjalment, sabiex taggrava b’mod sinjifikattiv u rrimedjabbli l-problemi mentali li jbati minnhom, speċjalment meta, bħal f’dan il-każ, dan id-deterjorament jipperikolalu s-sopravvivenza tiegħu stess.

44      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, f’każijiet eċċezzjonali bħal dawn, it-tkeċċija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jbati minn marda gravi lejn pajjiż li fih ma jkunx hemm trattamenti adegwati tista’ tikser il-prinċipju ta’ non-refoulement, u, għaldaqstant, tikser l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, moqri fid-dawl tal-Artikolu 19 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida, C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 48).

45      Għaldaqstant, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qrati nazzjonali ddeċidew li l-Artikolu 3 tal-KEDB jipprekludi li MP jintbagħat mir-Renju Unit lura lejn is-Sri Lanka. B’hekk il-kawża preżenti ma tirrigwardax il-protezzjoni kontra t-tkeċċija li tirriżulta, skont l-Artikolu 3 tal-KEDB, mill-projbizzjoni li persuna tiġi esposta għal trattament inuman jew degradanti, iżda l-kwistjoni distinta dwar jekk l-Istat Membru ospitanti għandux jagħti l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja skont id-Direttiva 2004/83 lil ċittadin ta’ pajjiż terz li ġie ttorturat mill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u fejn il-konsegwenzi psikoloġiċi serji jkunu jistgħu jaggravaw b’mod sostanzjali, b’riskju serju ta’ suwiċidju, fil-każ li jintbagħat lura fl-imsemmi pajjiż.

46      Huwa wkoll minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ċ-ċirkustanza li l-Artikolu 3 tal-KEDB, kif ġie rrilevat fil-punti 39 sa 41 ta’ din is-sentenza, jipprekludi, f’każijiet eċċezzjonali ħafna, li ċittadin ta’ pajjiż terz b’kundizzjoni ta’ marda gravi jitkeċċa lejn pajjiż li fih ma jeżistix l-istess trattament adegwat, ma jimplikax li għandu jingħata awtorizzazzjoni ta’ residenza fl-Istat Membru minħabba l-protezzjoni sussidjarja skont id-Direttiva 2004/83 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj, C‑542/13, EU:C:2014:2452, punt 40).

47      Madankollu għandu jiġi rrilevat li, b’differenza mill-kawża li tat lok għas-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj (C‑542/13, EU:C:2014:2452) li kienet tirrigwarda ċittadin ta’ pajjiż terz li kien il-vittma ta’ aggressjoni fl-Istat Membru ta’ residenza, din il-kawża tirrigwarda ċittadin ta’ pajjiż terz li kien il-vittma ta’ atti ta’ tortura min-naħa tal-awtoritajiet fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u li, skont konstatazzjonijiet mediċi debitament stabbiliti, għadu jbati, minħabba dawn l-atti, konsegwenzi posttrawmatiċi li jistgħu jaggravaw ruħhom b’mod sinjifikattiv u rrimedjabbli, sal-punt li jipperikolawlu ħajtu stess, fil-każ li jintbagħat lura f’dan il-pajjiż.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kawża tal-istat ta’ saħħa attwali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-atti ta’ tortura kkawżati fil-passat mill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, bħall-aggravazzjoni sostanzjali tal-problemi psikjatriċi tiegħu, fil-każ li jintbagħat lura f’dan il-pajjiż ta’ oriġini, li jkun dovut għal trawma psikoloġika li jkompli jġarrab minħabba dawn l-atti ta’ tortura, huma elementi rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2004/83.

49      Madankollu, tali aggravazzjoni sotanzjali ma tistax titqies, bħala tali, bħala trattament inuman jew degradanti kkawżat lill-imsemmi ċittadin fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 15(b) tal-imsemmija direttiva.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat, kif tistieden id-deċiżjoni tar-rinviju, l-impatt li jista’ jkollha l-assenza, fil-pajjiż ta’ oriġini tal-persuna kkonċernata, ta’ infrastruttura ta’ kura adattata għat-trattament tal-konsegwenzi fiżiċi jew mentali li jirriżultaw minn atti ta’ tortura mwettqa mill-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż.

51      F’dan il-kuntest, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-perikoli serji msemmija fl-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2004/83 ma jistgħux sempliċement jirriżultaw min-nuqqasijiet ġenerali tas-sistema ta’ saħħa tal-pajjiż ta’ oriġini. Ir-riskju ta’ deterjorament tal-istat ta’ saħħa ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jsofri minn marda gravi li tirriżulta min-nuqqas ta’ trattament adegwat fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, mingħajr ma tkun inkwistjoni sitwazzjoni ta’ ċaħda ta’ kura imposta intenzjonalment fuq dan iċ-ċittadin, ma hijiex biżżejjed sabiex din il-persuna tingħata protezzjoni sussidjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj, C‑542/13, EU:C:2014:2452, punti 35 u 36).

52      Sabiex jiġi evalwat jekk ċittadin ta’ pajjiż terz, li ġie ttorturat fil-passat mill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, iġarrabx, fil-każ li jintbagħat lura f’dan il-pajjiż, riskju reali ta’ ċaħda intenzjonali tal-kura tas-saħħa fit-trattament tal-konsegwenzi fiżiċi jew mentali tal-atti ta’ tortura mwettqa minn dawn l-awtoritajiet, fid-dawl ta’ dak li ġie speċifikat fil-punt 50 ta’ din is-sentenza u fil-premessa 25 tad-Direttiva 2004/83, li skonthom il-kriterji għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja huma ddefiniti abbażi tal-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, għandu jittieħed inkusiderazzjoni l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni kontra t-tortura.

53      Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati partijiet għal din il-konvenzjoni għandhom l-obbligu li jiggarantixxu, fis-sistema ġuridika tagħhom, lill-vittma ta’ att ta’ tortura d-dritt li tikseb kumpens, inklużi l-mezzi neċessarji għar-riabilitazzjoni l-iktar kompleta possibbli.

54      Madankollu, f’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-mekkaniżmi implimentati mid-Direttiva 2004/83 isegwu għanijiet differenti u jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ protezzjoni separati b’mod ċar minn dawk tal-Konvenzjoni kontra t-tortura (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2014, Diakité, C‑285/12, EU:C:2014:39, punt 24).

55      Għalhekk, kif jirriżulta mis-sitt premessa tal-Artikolu 2 tagħha, l-għan prinċipali tal-Konvenzjoni kontra t-tortura huwa li jżid l-effikaċja tal-ġlieda kontra t-tortura u l-kastigi jew trattamenti krudili, inumani u degradanti oħra fid-dinja kollha, billi tipprekludi t-twettiq tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-għan prinċipali tad-Direttiva 2004/83, kif iddikjarat fil-premessa 6 ta’ din tal-aħħar, huwa, minn naħa, li jiżgura li l-Istati Membri japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, u, min-naħa l-oħra, sabiex jiżgura li livell minimu ta’ benefiċċju huwa disponibbli għal dawk il-persuni fl-Istati Membri kollha. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja, din id-direttiva hija intiża sabiex toffri protezzjoni fit-territorju tal-Istati Membri analoga għal dik irrikonoxxuta lir-refuġjati mill-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)) li persuni li, mingħajr ma jistgħu jiġu kkunsidrati refuġjati, jinkorru r-riskju, b’mod partikolari, li jkunu suġġetti għal atti ta’ tortura jew għal trattamenti inumani u degradanti jekk huma jintbagħtu lura fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

56      Għalhekk, ħlief biex ma jiġux ikkunsidrati l-oqsma speċifiċi ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ skemi, il-possibbiltà għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ MP li jibbenefika minn skema ta’ protezzjoni sussidjarja ma tistax tirriżulta minn ksur tal-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni kontra t-tortura mill-Istat ta’ oriġini tal-imsemmi ċittadin.

57      Konsegwentement, għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika, fid-dawl tal-elementi kollha ta’ informazzjoni attwali u rilevanti, b’mod partikolari ta’ rapporti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, jekk, f’dan il-każ, MP jistax jiġi espost, fil-każ li jintbagħat lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, għal riskju ta’ ċaħda intenzjonali tal-kura adattata għat-trattament tal-konsegwenzi fiżiċi jew mentali tal-atti ta’ tortura mwettqa mill-awtoritajiet tal-imsemmi pajjiż. Dan ikun b’mod partikolari l-każ jekk, f’ċirkustanzi fejn, bħal fil-kawża prinċipali, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jissogra li jwettaq suwiċidju minħabba t-trawma li tirriżulta minn atti ta’ tortura li ġew ikkawżati mill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ikun manifest li dawn l-istess awtoritajiet, minkejja l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni kontra t-tortura, ma jkunux jistgħu jiżguraw ir-riabilitazzjoni tiegħu. Riskju bħal dan jista’ jippreżenta ruħu li kieku kellu jidher li l-imsemmija awtoritajiet jadottaw aġir diskriminatorju, fl-aċċess għall-kura tas-saħħa, li għandu bħala effett li jagħmel iktar diffiċili għal ċerti gruppi etniċi jew ċerti kategoriji ta’ persuni, li jagħmel parti minnhom MP, l-aċċess għall-kura adattata għat-trattament tal-konsegwenzi fiżiċi jew mentali ta’ atti ta’ tortura mwettqa minn dawn l-awtoritajiet.

58      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 2(e) u l-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2004/83, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li kien ġie ttorturat, fil-passat, mill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u li ma huwiex espost iktar għal riskju ta’ tortura fil-każ li jintbagħat lura f’dan il-pajjiż iżda fejn l-istat tas-saħħa fiżika u psikoloġika tiegħu jistgħu, f’każ bħal dan, jiddeterjoraw gravement, bir-riskju serju li dan iċ-ċittadin iwettaq suwiċidju, minħabba trawma li tirriżulta mill-atti ta’ tortura li kien il-vittma tagħhom, huwa eliġibbli għall-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja jekk jeżisti riskju reali ta’ ċaħda ta’ kura adattata għat-trattament tal-konsegwenzi fiżiċi jew mentali ta’ dawn l-atti ta’ tortura, ikkawżati intenzjonalment fuq l-imsemmi ċittadin tal-imsemmi pajjiż, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

 Fuq l-ispejjeż

59      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(e) u l-Artikolu 15(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li kien ġie ttorturat, fil-passat, mill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u li ma huwiex espost iktar għal riskju ta’ tortura fil-każ li jintbagħat lura f’dan il-pajjiż iżda fejn l-istat tas-saħħa fiżika u psikoloġika tiegħu jistgħu, f’każ bħal dan, jiddeterjoraw gravement, bir-riskju serju li dan iċ-ċittadin iwettaq suwiċidju, minħabba trawma li tirriżulta mill-atti ta’ tortura li kien il-vittma tagħhom, huwa eliġibbli għall-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja jekk jeżisti riskju reali ta’ ċaħda ta’ kura adattata għat-trattament tal-konsegwenzi fiżiċi jew mentali ta’ dawn l-atti ta’ tortura, ikkawżati intenzjonalment fuq l-imsemmi ċittadin tal-imsemmi pajjiż, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.