Language of document : ECLI:EU:C:2015:119

Kawża C‑41/14

Christie’s France SNC

vs

Syndicat national des antiquaires

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2001/84/KE — Artikolu 1 — Proprjetà intellettwali — Irkant ta’ xogħlijiet oriġinali tal-arti — Dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali — Debitur tar-royalty dovuta fir-rigward tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid — Xerrej jew bejjiegħ — Deroga permezz ta’ ftehim”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-26 ta’ Frar 2015 

1.        Dritt tal-Unjoni Ewropea — Interpretazzjoni — Testi plurilingwi — Interpretazzjoni uniformi — Diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi — Kuntest u skop tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni bħala bażi ta’ riferiment

(Direttiva 2001/84 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikolu 1(4))

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2001/84 — Dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti — Debitur tar-royalty dovuta fir-rigward tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid — Possibbiltà ta’ deroga, permezz ta’ ftehim, mir-regola nazzjonali li timponi fuq il-bejjiegħ ir-responsabbiltà tal-ħlas tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid — Kundizzjonijiet

(Direttiva 2001/84 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, premessi 13 u 15 u Artikolu 1(4))

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 25, 26)

2.        L-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2001/84, dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-persuna responsabbli għall-ħlas tar-royalty dovuta fir-rigward tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, indikata bħala tali mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, kemm jekk tkun il-bejjiegħ jew professjonist tas-suq tal-arti involut fit-tranżazzjoni, tista’ tikkonkludi ma’ kull persuna oħra, inkluż x-xerrej, li dan tal-aħħar definittivament ibati l-ispejjeż kollha jew parti tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid sa fejn tali ftehim kuntrattwali bl-ebda mod ma jaffettwa l-obbligi u r-responsabbiltà tal-persuna responsabbli għall-ħlas tar-royalty fil-konfront tal-awtur.

Fil-fatt, jekk it-twettiq tal-għan imfittex mid-Direttiva 2001/84, li b’mod partikolari huwa intiż sabiex jintemmu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq tal-arti, hekk kif stabbilit mill-premessi 13 u 15 ta’ din id-direttiva, jeżiġi li jkunu indikati l-persuna responsabbli għall-ħlas tar-royalty dovuta fir-rigward tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid lill-awtur kif ukoll ir-regoli għall-istabbiliment tal-ammont ta’ din tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li għad fadal il-kwistjoni li tikkonċerna min għandu definittivament ibati l-ispejjeż. Ċertament, ma jistax jiġi eskluż immedjatament li dan l-aħħar element x’aktarx jipproduċi effett ta’ distorsjoni fuq it-tħaddim tas-suq intern, madankollu, tali effett fuq is-suq intern ikun f’kull każ, biss indirett, peress li huwa prodott minn organizzazzjoni li sseħħ permezz ta’ ftehim magħmul indipendentement mill-ħlas tal-ammont tar-royalty dovuta fir-rigward tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, li tibqa’ r-responsabbiltà tal-persuna responsabbli għall-ħlas tar-royalty.

(ara l-punti 28-31, 33 u d-dispożittiv)