Language of document : ECLI:EU:T:2012:493

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

27 ta’ Settembru 2012 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Olandiż tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Multi – Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva – Valur miżjud sinjifikattiv – Ugwaljanza fit-trattament – Drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawża T‑370/06,

Kuwait Petroleum Corp., stabbilita f’Shuwaikh (il-Kuwajt),

Kuwait Petroleum International Ltd, stabbilita f’Woking (ir-Renju Unit),

Kuwait Petroleum (Nederland) BV, stabbilita f’Rotterdam (il-Pajjizi l-Baxxi),

irrappreżentati minn D. Hull, solicitor, u G. Berrisch, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, bħala aġent, assistit minn L. Gyselen, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 4090 finali, tat-13 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] [Każ COMP/F/38.456 – Bitum (il-Pajjiżi l-Baxxi)], u, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti permezz tal-imsemmija deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, N. Wahl u S. Soldevila Fragoso (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Kuwait Petroleum Corp. (iktar ’il quddiem “KPC”), kumpannija petrolifera pubblika tal-Kuwajt u kumpannija parent tal-grupp Kuwait Petroleum, tikkummerċjalizza l-prodotti tagħha fl-Ewropa permezz tal-kumpannija sussidjarja tagħha Kuwait Petroleum International Ltd (iktar ’il quddiem “KPI”), stabbilita f’Londra. Żewġ kumpanniji sussidjarji ta’ KPC joperaw fil-Pajjiżi l-Baxxi: Kuwait Petroleum Europoort BV hija inkarigata mill-produzzjoni tal-bitum tar-raffinerija ta’ Rotterdam, u Kuwait Petroleum (Nederland) BV (iktar ’il quddiem “KPN”) hija inkarigata mill-bejgħ ta’ bitum fil-Pajjiżi l-Baxxi. KPI u KPN jappartjenu, direttament jew indirettament, għal KPC Holdings AEC, ibbażata f’Aruba, u hija stess hija miżmuma 100 % minn KPC. KPC Holdings iżżomm il-kumpanniji sussidjarji kollha tal-grupp Kuwait Petroleum li jinsabu barra mill-Kuwajt u li huma responsabbli mill-attivitajiet ta’ rfinar u ta’ kummerċjalizzazzjoni taż-żejt.

2        Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Ġunju 2002, l-impriża British Petroleum (iktar ’il quddiem “BP”) informat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bl-eżistenza preżunta ta’ akkordju li jikkonċerna s-suq tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi u ppreżentat talba intiża għall-kisba ta’ immunità minn multi skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002”).

3        Fl-1 u fit-2 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni wettqet verifiki sorpriża, b’mod partikolari fl-uffiċċji ta’ KPN. Il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lil numru ta’ kumpanniji, fosthom KPN, fit-30 ta’ Ġunju 2003 u fil-5 ta’ April 2004. Din irrispondiet fis-16 ta’ Settembru 2003 u fit-30 ta’ April 2004.

4        Fit-12 ta’ Settembru 2003, KPN ippreżentat talba għall-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, u magħha ġiet mehmuża dikjarazzjoni tal-impriża. Hija talbet ukoll sabiex parti mill-informazzjoni mgħoddija fis-16 ta’ Settembru 2003 tittieħed inkunsiderazzjoni għat-talba tagħha għal klemenza. Fit-18 ta’ Settembru 2003, matul laqgħa mal-Kummissjoni, KPN ipproponiet li jinstemgħu tliet ex impjegati li jistgħu jikkompletaw id-dikjarazzjonijiet ipprovduti. Dan seħħ fl-1 u fid-9 ta’ Ottubru 2003.

5        Fl-14 ta’ Ottubru 2004, skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 26 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-Kummissjoni informat lil KPN bl-intenzjoni tagħha li tikkonċedilha tnaqqis ta’ 30 sa 50 % tal-ammont tal-multa tagħha, billi kienet waslet għall-konklużjoni provviżorja li l-provi li hija kienet ipproduċiet ipprovdew valur miżjud sinjifikattiv.

6        Fit-18 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni tat bidu għal proċedura u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mibgħuta fid-19 ta’ Ottubru 2004 lil numru ta’ kumpanniji, fosthom lir-rikorrenti, KPC, KPI u KPN. Wara talba ta’ KPC u ta’ KPI, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Diċembru 2004 ikkonfermatilhom li huma jibbenefikaw ukoll mit-tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħti lil KPN skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

7        Wara s-smigħ tal-kumpanniji kkonċernati fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2005, KPN ipproduċiet xi preċiżjonijiet għad-dikjarazzjonijiet tagħha dwar ExxonMobil, kumpannija li tipprovdi l-bitum li ma ġietx issanzjonata bid-deċiżjoni kkontestata, liema dikjarazzjonijiet ġew użati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u kienu ġew ikontestati minn parteċipanti oħra fis-smigħ. Dawn il-preċiżazzjonijiet ġew ikkomunikati lill-parteċipanti kollha fis-smigħ, u dan qajjem għadd ta’ kummenti, li għalihom il-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess lir-rikorrenti.

8        Fit-13 ta’ Settembru 2003, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2006) 4090 finali, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] [Każ COMP/F/38.456 – Bitum (Il-Pajjiżi l-Baxxi)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”, fejn sunt tagħha huwa ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ Lulju 2007 (ĠU L 196, p. 40) u li ġie nnotifikata lir-rikorrenti fit-22 ta’ Settembru 2006.

9        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-kumpanniji destinatarji tagħha kienu pparteċipaw fi ksur wieħed u kontinwu tal-Artikolu 81 KE, li jikkonsisti f’li jiffissaw flimkien u b’mod regolari, matul il-perijodi kkonċernati, għall-bejgħ u x-xiri ta’ bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-prezz gross, tnaqqis uniformi fuq il-prezz gross għall-kostrutturi tat-toroq li jipparteċipaw fl-akkordju u tnaqqis massimu mnaqqas fuq il-prezz gross għall-kostrutturi l-oħra tat-toroq.

10      Ir-rikorrenti tqiesu bħala ħatja ta’ dan il-ksur, għall-perijodu mill-1 ta’ April 1994 sal-15 ta’ April 2002, u ġiet imposta fuqhom multa ta’ EUR 16 632 miljun, pagabbli in solidum.

11      Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni kkwalifikat il-ksur bħala serju ħafna, fid-dawl tan-natura tiegħu, anki jekk is-suq ġeografiku kkonċernat kien limitat (premessa 316 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza speċifika tal-aġir illegali ta’ kull impriża implikata fl-akkordju u tal-importanza tiegħu fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni wettqet distinzjoni bejn l-impriżi kkonċernati skont l-importanza relattiva tagħhom fis-suq inkwistjoni, abbażi tas-sehem tagħhom fis-suq, u qasmithom f’sitt kategoriji.

13      Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni kkunsidrat ammont inizjali ta’ EUR 12 miljun għar-rikorrenti (premessa 322 tad-deċiżjoni kkontestata), u fil-konfront tagħhom hija applikat koeffiċjenti multiplikatur ta’ 1.1, intiż sabiex jiggarantixxi l-effett dissważiv tal-multa, fid-dawl tad-daqs u tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp (premessa 323 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kienu wettqu ksur fit-tul, billi kien iktar minn ħames snin, u kkonstatat tul totali ta’ tmien snin, mill-1 ta’ April 1994 sal-15 ta’ April 2002, liema fatt żied l-ammont inizjali tal-multa bi 80 % (premessa 326 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ammont bażiku tal-multa, iddeterminat skont il-gravità u t-tul tal-ksur, għaldaqstant ġie ffissat għal EUR 23.76 miljun (premessa 335 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Il-Kummissjoni ma applikat ebda ċirkustanza aggravanti fir-rigward tar-rikorrenti. Għall-kuntrarju, hija aċċettat li huma jibbenefikaw mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u kkonċeditilhom tnaqqis ta’ 30 % mill-ammont tal-multa tagħhom. Hija qieset li l-informazzjoni pprovduta fit-12 u s-16 ta’ Settembru 2003 u fl-1 u d-9 ta’ Ottubru 2003, permezz tal-livell ta’ preċiżjoni tagħhom, kienu saħħew il-kapaċità tagħha li tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur. Madankollu l-Kummissjoni qieset li hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li t-talba għal klemenza ġiet ippreżentata biss ħdax-il xahar wara li seħħew il-verifiki sorpriża u wara li ntbagħtet it-talba tagħha għal informazzjoni, li hija diġà kellha xi provi prodotti minn kumpanniji oħra u li KPN bidlet uħud mid-dikjarazzjonijiet tagħha fformulati kontra ExxonMobil (premessi 382 sa 388 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors.

17      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlitilhom xi mistoqsijiet bil-miktub. Il-partijiet wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fit-terminu mogħti.

18      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2011.

19      Minħabba l-impediment ta’ membru tas-Sitt Awla, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar lilu nnifsu, bis-saħħa tal-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex jikkompleta l-Awla.

20      Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Novembru 2011, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla), fil-kompożizzjoni l-ġdida tagħha, fetħet il-proċedura orali mill-ġdid u l-partijiet ġew informati li kienu ser jinstemgħu waqt seduta ġdida.

21      Permezz ta’ ittri tal-25 u tat-28 ta’ Novembru 2011 rispettivament, il-Kummissjoni u r-rikorrenti informaw lill-Qorti Ġenerali li huma jirrinunzjaw li jinstemgħu mill-ġdid.

22      Konsegwentement, il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jagħlaq il-proċedura orali.

23      Ir-rikorrent jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lilhom;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta skont l-Artikolu 2(i) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

25      B’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237), u tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il‑Kummissjoni (C‑90/09 P, Ġabra p. I‑1), fl-24 ta’ Marzu 2011 ir-rikorrenti indikaw li qegħdin jirrinunzjaw għall-motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u ta’ dritt imwettqa mill-Kummissjoni fl-imputazzjoni lil KPC u KPI tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħhom KPN, li tagħha l-Qorti Ġenerali ħadet nota.

 Id-dritt

26      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrent qajmu żewġ motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tal-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u t-tieni wieħed ibbażat fuq żbalji mwettqa mill-Kummissjoni meta stabbilixxiet il-perċentwali ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa tagħhom.

1.     Fuq il-ksur tal-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002

 L-argumenti tal-partijiet

27      Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet tal-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 billi imponiet fuqhom multa abbażi ta’ fatti li setgħu jintwerew biss minn elementi pprovduti minn KPN. Dawn l-elementi biss ippermettew lill-Kummissjoni li turi l-eżistenza tal-ksur, il-livell ta’ gravità tiegħu kif ukoll it-tul tiegħu, filwaqt li l-elementi l-oħra msemmija fid-deċiżjoni kkontestata huma jew indiretti, jew ma jwasslux għal konklużjoni, jew spekulattivi. Huma jippreċiżaw li, għaldaqstant, hija biss l-informazzjoni pprovduta minn KPN li setgħet tippermetti lill-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur matul il-perijodu kollu mill-1 ta’ April 1994 sal-15 ta’ April 2002, peress li n-noti kkonfiskati mill-uffiċċji ta’ Koninkijke Volker Wessel Stevin NV, kumpannija ssanzjonata bid-deċiżjoni kkontestata, kienu jikkonċernaw biss is-sena 1997 u l-elementi trażmessi minn BP kienu biss validi għall-perijodu ta’ wara l-1999.

28      L-interpretazzjoni restrittiva ħafna, magħmula mill-Kummissjoni, tad-dispożizzjonijiet tal-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, li twassal sabiex tillimita l-applikazzjoni tagħha għall-każijiet biss fejn hija ma jkollha ebda konoxxenza tal-fatti, tmur, skont ir-rikorrenti, kontra l-għan tagħha, li huwa dak li jħajjar lill-impriżi li jitolbu l-benefiċċju tal-klemenza sabiex jipprovdu l-ikbar numru ta’ elementi possibbli. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi minkejja li huwa rikonoxxut b’mod espress fil-punt 29 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

29      Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

30      L-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi li, “jekk impriża tipprovdi provi rrelatati ma’ fatti li qabel ma kienux magħrufa lill-Kummissjoni li għandhom rilevanza diretta fuq il-gravità u t-tul tal-kartell issuspettat, il-Kummissjoni mhijiex ser tieħu kont ta’ dawn l-elementi meta tordna li tiġi imposta multa fuq l-impriża li tipprovdi dawn il-provi”.

31      Hija qabelxejn il-Qorti Ġenerali li għandha tiddetermina jekk il-Kummissjoni wettqitx żball ta’ liġi billi llimitat l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-każijiet biss fejn kumpannija tipprovdilha informazzjoni li tippermettilha li tistabbilixxi fatti li hija totalment ma kinitx taf bihom u b’hekk teskludi l-każ fejn kumpannija tkun ipprovditilha elementi li jippermettulha li tikkorrobora fatti diġà magħrufa.

32      Għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ddeċidiet li tħalli lil KPN tibbenefika minn tnaqqis ta’ 30 % mill-ammont tal-multa, peress li din kienet ipproduċitilha provi li, “[m]in-natura [tagħhom infushom] saħħe[w] il-kapaċità [tagħha] biex tipprova l-fatti kkonċernati, u għalhekk din ix-xiehda kellha valur miżjud fir-rigward tax-xiehda li [hija diġà] kellha f’idejha dak iż-żmien”, peress li KPN “kienet l-ewwel kumpannija li pprovdiet xiehda diretta dwar [l-eżistenza ta’ laqgħat ta’ ftehim dwar il-bitum, li huwa] l-element ċentrali tal-funzjonament tal-kartell”, u peress li, fil-mument fejn KPN ipproduċiet il-provi tagħha, jiġifieri qabel inġabru t-tweġibiet għat-talbiet għal informazzjoni (b’mod partikolari dawk tal-impriżi Shell, Total u Nynas), “kien diffiċli għaliha li tistabbilixxi jekk, u sa fejn id-dokumenti li jmorru lura għaż-żmien tal-fatti li jinsabu fil-fajl tagħha, kienu fihom infushom suffiċjenti, issupplimentati bl-informazzjoni mgħoddija minn BP, sabiex jagħtu prova tal-ksur” (premessa 383 tad-deċiżjoni kkontestata).

33      Il-Qorti Ġenerali tqis li għandha tingħata interpretazzjoni restrittiva tal-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, billi tiġi limitata għall-każijiet fejn kumpannija li hija parti minn akkordju tipprovdi informazzjoni ġdida lill-Kummissjoni, dwar il-gravità jew it-tul tal-ksur, u billi jiġu esklużi l-każijiet fejn il-kumpannija tkun ipprovdiet biss elementi li jippermettu li jissaħħu l-provi relattivi għall-eżistenza tal-ksur.

34      Fil-fatt, għandu qabelxejn jitfakkar li, billi l-proċedura ta’ klemenza tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola li skontha impriża għandha tiġi ssanzjonata għal kull ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni, ir-regoli relattivi għaliha għandhom għaldaqstant jiġu interpretati b’mod strett.

35      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-effikaċità tal-programmi ta’ klemenza tkun affettwata jekk l-impriżi jitilfu l-inċentivi sabiex ikunu tal-ewwel li jissottomettu informazzjoni li biha jirrappurtaw akkordju lill-Kummissjoni.

36      Issa, l-interpretazzjoni rrakkomandata mir-rikorrenti twassal sabiex id-distinzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha, bejn l-unika impriża li tista’ tibbenefika minn immunità minn multa (Titolu A tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002) u dawk li jistgħu biss jistennew tnaqqis tal-ammont tal-multa (Titolu B tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni) jitneħħielha kull effett, peress li twassal sabiex dawn tal-aħħar ukoll jibbenefikaw minn immunità totali ta’ multa. Il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni għaldaqstant tistabbilixxi distinzjoni bejn l-impriża li kienet l-ewwel waħda li tipproduċi provi ta’ natura li jippermettu lill-Kummissjoni tikkonstata ksur jew tadotta deċiżjoni li tordna xi verifiki, u li tibbenefika minn immunità totali ta’ multa, u l-impriżi l-oħra, li ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet u li jistgħu biss jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa b’massimu ta’ 50 %.

37      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat li hija setgħet tieħu inkunsiderazzjoni, meta stabbilixxiet il-multa ta’ KPN, fatti li din tal-aħħar ikkontribwixxiet biss għall-korroborazzjoni, u dan permezz ta’ produzzjoni ta’ ċerti provi, iżda li l-Kummissjoni kienet taf bl-eżistenza tagħhom.

38      Barra minn hekk ir-rikorrenti jqisu li tali interpretazzjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, minkejja li huwa espressament rikonoxxut fil-punt 29 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Huwa minnu li d-dritt li tintalab il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jestendi ruħu għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni, billi pprovdietlu assigurazzjonijiet preċiżi, nisslet fih tamiet fondati (sentenza tal-Qorti ta-Ġustizzja tal-11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens vs Il‑Kummissjoni, 265/85, Ġabra p. 1155, punt 44, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punt 33). Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni fl-ebda mument ma pprovdiet xi assigurazzjoni preċiża fir-rigward ta’ KPN dwar il-possibbiltà li jingħatalha l-benefiċċju ta’ immunità minn multa. B’mod ġenerali, fil-qasam tal-klemenza, kull min jitlobha għandu jgħaddi xi informazzjoni lill-Kummissjoni mingħajr ma jkun jaf bl-informazzjoni li hija diġà jkollha u għaldaqstant ma jista’ jkollu ebda aspettattiva leġittima fir-rigward tal-ammont tat-tnaqqis li minnu huwa jista’ jibbenefika.

39      F’dan il-każ, għandu fl-aħħar nett jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni eċċedietx b’mod manifest il-marġni ta’ diskrezzjoni li hija kellha meta kkunsidrat li KPN kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, kif interpretat fil-punt 33 iktar ’il fuq.

40      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, minkejja li l-informazzjoni pprovduta minn KPN ippermettew lill-Kummissjoni sabiex tikkorrobora u ssaħħaħ il-provi li hija diġà kellha fir-rigward tal-eżistenza ta’ laqgħat bejn il-fornituri ta’ bitum (iktar ’il quddiem il-“fornituri”) u l-kostrutturi tat-toroq li jipparteċipaw fl-akkordju, din diġà kienet taf b’dawn il-fatti, għat-tul kollu tal-perijodu li fih seħħ il-ksur, permezz ta’ informazzjoni pprovduta minn BP u minn dokumenti ppreżentati matul verifiki fuq il-post, b’mod partikolari noti ta’ Hollandsche Beton Groep (iktar ’il quddiem “HBG”) ta’ Marzu u Lulju 1994. Għaldaqstant, KPN ma pproduċiet ebda prova ta’ fatti, li l-Kummissjoni ma kinitx taf bihom qabel, li kien ikollhom effett dirett fuq il-gravità jew it-tul tal-ksur.

41      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

2.     Fuq il-livell ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa

 L-argumenti tal-partijiet

42      Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta naqqset l-ammont tal-multa tagħhom bi 30 % biss minħabba li t-talba għal klemenza ġiet introdotta ħdax-il xahar wara l-verifiki sorpriża u wara li ntbagħtet l-ewwel talba għal informazzjoni, li l-valur miżjud tal-elementi pprovduti kienu ġew imdgħajfa mill-informazzjoni mibgħuta minn impriżi oħra, u li KPN ifformulat mill-ġdid uħud mid-dikjarazzjonijiet tagħha. Hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-livell ta’ tnaqqis tal-multa mogħti lilha u l-qorti tal-Unjoni qatt ma rrikonoxxiet marġni ta’ diskrezzjoni kbir lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

43      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jqisu li tul ta’ 11-il xahar ma huwiex irraġonevoli sabiex tiġi introdotta talba għal klemenza, b’mod partikolari fir-rigward tat-tul totali ta’ 28 xahar tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, li dan il-perijodu kien jinħtiġilhom sabiex jiġbru l-elementi kollha pprovduti lill-Kummissjoni, u li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma tistabbilixxi ebda terminu speċifiku. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax tipprevalixxi ruħha mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il‑Kummissjoni (T‑322/01, Ġabra p. II‑3137), peress li, f’dik il-kawża, l-unika talba għal klemenza tal-impriża kienet ir-risposta għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni filwaqt li, f’dan il-każ, KPN ippreżentat it-talba għal klemenza tagħha qabel ma rrispondiet għall-kwestjonarju u pprovdiet risposti li jmorru ferm lil hinn mill-mistoqsijiet magħmula.

44      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta llimitat it-tnaqqis tal-ammont tal-multa tagħhom minħabba li l-valur tal-provi prodotti fis-16 ta’ Settembru u fl-1 u d-9 ta’ Ottubru 2003 iddgħajjef bid-dikjarazzjonijiet magħmula qabel minn Nynas u Total. Madankollu l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, irrikonoxxiet li l-elementi pprovduti minn KPN fit-12 ta’ Settembru 2003 u fid-dikjarazzjonijiet addizzjonali tagħha ippermettewlha li jkollha provi diretti u determinanti tal-ksur, filwaqt li l-informazzjoni mgħoddija minn Nynas u Total ma kienet tipprovdi ebda valur miżjud sinjifikattiv, tant li t-talba tagħhom għal klemenza kienet ġiet miċħuda.

45      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li t-tnaqqis tal-ammont tal-multa tagħha kellu jkun limitat minħabba allegata formulazzjoni mill-ġdid tad-dikjarazzjonijiet ta’ KPN fir-rigward ta’ ExxonMobil. Għaldaqstant hija qabelxejn wettqet żball ta’ fatt meta qieset li, matul is-smigħ, xi impjegati ta’ KPN bidlu d-dikjarazzjonijiet tagħhom filwaqt li kulma għamlu huma kien li ċċarawhom billi ppreċiżaw li huma kellhom biss provi indiretti ta’ din il-parteċipazzjoni ta’ ExxonMobil fil-ksur u li, fi kwalunkwe każ, huma qatt ma kienu sostnew li għandhom provi diretti ta’ din il-parteċipazzjoni. Barra minn hekk, hija wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-valur miżjud tal-provi pprovduti minn KPN kien imnaqqas għaliex hija ma kinitx ipproduċiet provi li juru l-parteċipazzjoni ta’ ExxonMobil fl-akkordju. Għaldaqstant, ir-rikorrenti jqisu li l-valur tal-provi prodotti għandu biss jiġi evalwat fir-rigward tal-ksur stabbiliti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha. Barra minn hekk, meta ppenalizzathom minħabba d-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar ExxonMobil, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li fit-talba tagħha għal klemenza, BP ukoll sostniet li ExxonMobil kienet implikata fl-akkordju.

46      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jqisu li, billi rrifjutat li tikkomunika lil KPN il-kummenti tal-impriżi l-oħra relattivi għad-dikjarazzjonijiet addizjonali li huma għamlu matul is-smigħ, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tagħha ta’ aċċess għall-fajl matul il-proċedura amministrattiva. Dawn il-kummenti, li wħud minnhom saru wara s-smigħ amministrattiv, madankollu intużaw mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa tagħhom.

47      Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 Fuq l-iżbalji ta’ liġi

48      Ir-rikorrenti jqisu qabelxejn li l-Kummissjoni ħadet żball fir-rigward tal-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni fid-dawl tal-valur tal-informazzjoni pprovduta b’mod volontarju minn impriża sabiex tistabbilixxi l-ammont ta’ tnaqqis tal-multa tagħha. Huma jsostnu b’mod partikolari li l-ġurisprudenza li l-Kummissjoni tirreferi għaliha sabiex tasserixxi li hija tgawdi minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam u li l-ġurisdizzjoni tal-qorti hija limitata għal dik tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni hija applikabbli biss għad-dispożizzjonijiet tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996”) u mhux dawk tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

49      Minn ġurisprudenza stabbilita fuq il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 jirriżulta li kooperazzjoni għall-investigazzjoni li ma taqbiżx dak li jirriżulta mill-obbligi li l-impriżi għandhom taħt l-Artikolu 11(4) u (5) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, L-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU 1962, 13, p. 204), ma tiġġustifikax tnaqqis tal-ammont tal-multa (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Cascades vs Il‑Kummissjoni, T‑308/94, Ġabra p. II‑925, punt 260, u tal-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il‑Kummissjoni, T‑12/89, Ġabra p. II‑907, punti 341 u 342). Għall-kuntrarju, tali tnaqqis huwa ġġustifikat meta l-impriża tkun ipprovdiet informazzjoni li tmur ferm lil hinn minn dik li l-produzzjoni tagħha tista’ tiġi rikjesta mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 (sentenza Cascades vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 261 u 262, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Daesang u Sewon Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑230/00, Ġabra p. II‑2733, punt 137). Sabiex jiġġustifika t-tnaqqis tal-ammont ta’ multa abbażi tal-kooperazzjoni, l-aġir ta’ impriża għandu jiffaċilita l-inkarigu tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-konstatazzjoni u fir-repressjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u jagħti xhieda ta’ spirtu ġenwin ta’ kooperazzjoni. Minn naħa, hija għaldaqstant il-Qorti Ġenerali li għandha teżamina jekk il-Kummissjoni injoratx sa fejn il-kooperazzjoni tal-impriżi inkwistjoni marret lil hinn minn dak li kien meħtieġ skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17. F’dan ir-rigward, hija għandha ġurisdizzjoni sħiħa, li tikkonċerna b’mod partikolari l-limiti tal-obbligu li wieħed jirrispondi għat-talbiet għal informazzjoni li jirriżultaw mid-drittijiet tad-difiża tal-impriżi. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali għandha tivverifika jekk il-Kummissjoni evalwatx korrettement, fir-rigward tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, l-utilità ta’ kooperazzjoni sabiex jiġi stabbilit li hemm ksur. Fil-limiti stabbiliti mill-imsemmija komunikazzjoni, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali sabiex tevalwa jekk l-informazzjoni jew dokumenti, ipprovduti b’mod volontarju mill-impriżi, iffaċilitawx il-kompitu tagħha u jekk hemmx lok li jingħata tnaqqis lil impriża taħt din il-komunikazzjoni. Din l-evalwazzjoni għandha tkun suġġetta għal stħarriġ ġurisdizzjonali limitat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑511/06 P, Ġabra p. I‑5843, punt 152, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punti 529 sa 532, ikkonfermata bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 249).

50      Ir-rikorrenti ma jipprovdu ebda argument li jesponi l-motivi li għalihom il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni għandha titnaqqas b’applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Fi kwalunkwe każ, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest ta’ din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali sabiex tevalwa jekk l-informazzjoni jew id-dokumenti, ipprovduti b’mod volontarju mill-impriżi, iffaċilitawx il-kompitu tagħha u jekk hemmx lok li jingħata tnaqqis lil impriża skont din il-komunikazzjoni u li din il-komunikazzjoni hija suġġetta għal stħarriġ ġurisdizzjonali limitat (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 2008, General Química et vs Il‑Kummissjoni, T‑85/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 150).

51      Barra minn hekk, diġà ġie deċiż li, minkejja li l-Kummissjoni hija marbuta li timmotiva r-raġunijiet li għalihom hija tqis li elementi pprovduti minn impriżi fil-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 jikkostitwixxu kontribuzzjoni li tiġġustifika jew le tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta, għall-kuntrarju huma l-impriżi li jixtiequ jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward li għandhom juru li din, fl-assenza ta’ tali informazzjoni pprovduta b’mod volontarju minn dawn l-impriżi, ma setgħetx tkun tista’ tagħti prova tal-komponenti essenzjali tal-ksur u għaldaqstant tadotta deċiżjoni li timponi multi (sentenza Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 297).

52      Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, il-qorti tal-Unjoni qieset li l-għoti ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa b’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jeħtieġ, b’mod partikolari, li l-impriża kkonċernata tkun l-ewwel waħda li tipprovdi elementi determinanti sabiex tingħata prova tal-eżistenza tal-akkordju u li, jekk tali elementi kellhom ma jkunux neċessarjament, fihom infushom, biżżejjed sabiex tingħata prova tal-eżistenza tal-akkordju, madankollu huma jkunu determinanti għal dan l-istess għan. Għaldaqstant dan ma setax ikun biss sempliċement sors ta’ orjentament għall-investigazzjonijiet li l-Kummissjoni kellha tagħmel, iżda elementi li jistgħu jintużaw direttament bħala bażi probatorja prinċipali għal deċiżjoni ta’ konstatazzjoni ta’ ksur (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il‑Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑491, punti 492, 493, 517, 518, 521, 522, 526 u 568, u Daiichi Pharmaceutical vs Il‑Kummissjoni, T‑26/02, Ġabra p. II‑713, punti 150, 156, 157 u 162).

53      F’dak li jikkonċerna l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, mill-kliem tal-punti 7, 21 u 22 jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tevalwa l-kontribuzzjoni effettiva ta’ kull impriża, f’dak li jikkonċerna kemm il-kwalità tagħha kif ukoll id-data tagħha, sabiex tiġi stabbilita l-prova tal-ksur (punt 7) u li l-kunċett ta’ “valur miżjud sinjifikattiv” jikkonċerna sa fejn il-provi prodotti, permezz tan-natura tagħhom u l-livell ta’ preċiżjoni tagħhom, isaħħu l-kapaċità tagħha li tistabbilixxi l-fatti li jikkostitwixxu l-ksur. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tagħti valur partikolari lil elementi li jistgħu jippermettulha, flimkien ma’ elementi oħra li hija diġà għandha, li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ akkordju, jew lil elementi li jippermettulha li tikkorrobora provi diġà eżistenti, jew lil dawk li għandhom konsegwenzi diretti fuq il-gravità jew it-tul tal-akkordju.

54      Ir-rikorrenti fl-aħħar nett iqisu li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt tippenalizzahom meta qieset li KPN bidlet id-dikjarazzjonijiet tagħha dwar il-parteċipazzjoni ta’ ExxonMobil fl-akkordju. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni semmiet li l-formulazzjoni mill-ġdid ta’ ċerti dikjarazzjonijiet importanti dwar il-parteċipazzjoni ta’ ExxonMobil fl-akkordju naqqset il-valur tal-provi prodotti minn KPN, peress li d-dikjarazzjonijiet inizjali apparentement tneħħitilhom kull fondatezza. Għandu jitfakkar li, skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 27 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, “[i]l-Kummissjoni ser tevalwa l-pożizzjoni finali ta’ kull impriża li applikat għat-tnaqqis f’multa fl-aħħar tal-proċedura amministrattiva f’kull deċiżjoni adottata”. Għaldaqstant hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa l-valur tal-informazzjoni pprovduta minn impriża fi tmiem il-proċedura amministrattiva, u għalhekk din ma tistax tiġi kkritikata li f’dan il-każ hija qieset li ma setgħetx tikkumpensa lil KPN għal dikjarazzjonijiet li dehrulha li huma determinanti għal xi mument fil-proċedura, iżda rriżulta li huma ma jistgħux jintużaw fil-bqija tal-proċedura amministrattiva.

55      Minn dak kollu premess jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx l-iżbalji ta’ liġi invokati mir-rikorrenti, fil-kuntest ta’ din il-parti ta’ dan il-motiv, f’dak li jikkonċerna l-iffissar tal-ammont tat-tnaqqis tal-multa mogħti lil KPN.

 Fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni

56      Skont il-ġurisprudenza, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu, minn naħa, jippermetti lill-persuna kkonċernata sabiex issir taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex, jekk ikun il-każ, issostni d-drittijiet tagħha u tivverifika jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le, u min-naħa l-oħra, iqiegħed lill-qorti tal-Unjoni f’pożizzjoni li tkun tista’ teżerċita l-kontroll tagħha tal-legalità, u r-rekwiżit tal-motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att inkwistjoni, in-natura tal-motivi invokati u l-kuntest li fih ġie adottat (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, T‑45/98 u T‑47/98, Ġabra p. II‑3757, punt 129).

57      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni esponiet b’mod ċar u preċiż biżżejjed ir-raġunijiet li għalihom hija ddeċidiet li tagħti lil KPN tnaqqis tal-ammont tal-multa limitat għal 30 %. Fil-fatt, il-Kummissjoni indikat li KPN kienet it-tieni impriża li għamlet kuntatt magħha, li l-elementi pprovduti minnha ppermettewlha li ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tistabbilixxi l-ksur, li hija temmet il-parteċipazzjoni tagħha mhux iktar tard mill-mument fejn hija għaddiet din l-informazzjoni, iżda li t-talba għal klemenza ta’ KPN kienet ġiet introdotta iktar minn 11-il xahar wara l-verifiki tagħha fuq il-post, li ċerti elementi miġjuba iktar tard minn KPN kienu diġà ġew mgħoddija lilha minn impriżi oħra u li KPN kienet bidlet xi dikjarazzjonijiet li kienet ifformulat inizjalment dwar il-parteċipazzjoni ta’ ExxonMobil fil-ksur (premessi 382 sa 385 tad-deċiżjoni kkontestata). B’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest li fih ġiet adottata d-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni qegħiditha f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità u li hija ppermettiet lir-rikorrenti sabiex ikunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex, jekk ikun il-każ, isostnu d-drittijiet tagħhom u jivverifikaw jekk id-deċiżjoni kinitx fondata jew le.

58      Għaldaqstant dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

59      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, “[b]iex jiġi ddeterminat il-livell ta’ tnaqqis f’kull waħda minn dawn il-faxex [minn 0 sa 50 %], il-Kummissjoni ser tieħu kont taż-żmien li fih ġew imressqin il-provi li jissodisfaw il-[punt] 21 u l-punt sa fejn jirrappreżentaw valur miżjud”. Dawn id-dispożizzjonijiet jippreċiżaw li l-Kummissjoni “[t]ista’ wkoll tieħu kont tal-miżura u tal-kontinwità ta’ kull kooperazzjoni ipprovduta mill-impriża wara d-data tas-sottomissjoni tagħħa”. Il-punt 7 ta’ din il-Komunikazzjoni jindika wkoll li “[k]ull tnaqqis f’multa għandu jirrifletti l-kontribuzzjoni effettiva ta’ l-impriża, fis-sens ta’ kwalità u ta’ żmien, għad-determinazzjoni tal-ksur tal-liġi mill-Kummissjoni”.

60      Għandu jiġi evalwat jekk, billi tat lil KPN tnaqqis tal-ammont tal-multa limitat għal 30 % b’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijet, il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni. Il-Kummissjoni indikat li ħadet inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-fatt li KPN kienet it-tieni impriża li għamlet kuntatt magħha, li l-elementi pprovduti minnha ppermettewlha li ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tistabbilixxi l-ksur, u li hija temmet il-parteċipazzjoni tagħha mhux iktar tard mill-mument fejn hija għaddiet din l-informazzjoni, iżda wkoll, min-naħa l-oħra, il-fatt li din it-talba għal klemenza ġiet introdotta iktar minn ħdax-il xahar wara l-verifiki tagħha fuq il-post, u wara li ntbagħtet l-ewwel talba tagħha għal informazzjoni, li ċerti elementi li ngħataw iktar tard minn KPN kienu diġà ġew mgħoddija lilha minn impriżi oħra u li KPN kienet bidlet xi dikjarazzjonijiet inizjali relattivi għall-parteċipazzjoni ta’ ExxonMobil fil-ksur (premessi 382 sa 385 tad-deċiżjoni kkontestata).

61      Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-argument dwar il-limitazzjoni tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ KPN minħabba li t-talba tagħha għal klemenza ġiet introdotta ħdax-il xahar wara l-verifiki sorpriża u wara li ntbagħtet l-ewwel talba għal informazzjoni, għandu jitfakkar li, minkejja li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma tipprevedi ebda terminu speċifiku għall-preżentata ta’ talba għal klemenza, madankollu hija tqis, bħala element determinanti tal-livell ta’ tnaqqis tal-multa, id-data li fiha l-provi jkunu ġew prodotti. Jekk żmien ta’ ħdax-il xahar ma jistax jikkostitwixxi motiv li jipprekludi l-introduzzjoni ta’ tali talba, madankollu dan jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni meta tiġi biex tistabbilixxi l-ammont tat-tnaqqis tal-multa (sentenza General Química et vs Il‑Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 147). Barra minn hekk, fil-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, li madankollu, taħt it-Titolu D tagħha, ma kienet tipprovdi xejn dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tad-data ta’ trażmissjoni tal-informazzjoni, il-qorti tal-Unjoni qieset li l-Kummissjoni, fl-iffissar tal-perċentwali ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa, setgħet tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li impriża kienet ikkooperat biss wara t-talba għal informazzjoni li l-Kummissjoni kienet bagħtitilha u, għaldaqstant, setgħet tieħu inkunsiderazzjoni n-natura spontanea jew le tal-preżentazzjoni ta’ talba għal klemenza (sentenza Roquette Frères vs Il‑Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 266).

62      F’dan il-każ, KPN ippreżentat it-talba tagħha għal klemenza fit-12 ta’ Settembru 2003, filwaqt li l-Kummissjoni kienet wettqet il-verifiki sorpriża tagħha fl-1 u t-2 ta’ Ottubru 2002 u kienet bagħtitilha l-ewwel talba tagħha għal informazzjoni sa mit-30 ta’ Ġunju 2003. Iċ-ċirkustanza li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Roquette Frères vs Il‑Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, it-talba għal klemenza tal-impriża kienet l-unika risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni, filwaqt li, f’dan il-każ, KPN ipprovdiet talba għal klemenza u mbagħad ipprovdiet ir-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni, li barra minn hekk hija talbet lill-Kummissjoni sabiex tiħodha inkunsiderazzjoni fil-kuntest tat-talba tagħha għal klemenza, ma tippermettix li l-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza tiġi eskluża. Fl-aħħar nett, KPN ma pprovdiet ebda element li jippermetti li jiġu stabbiliti r-raġunijiet li għalihom hija ħalliet 11-il xahar jgħaddu qabel ma ppreżentat it-talba tagħha għal klemenza, bħal pereżempju d-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom matul l-investigazzjoni interna li twettqet.

63      Fit-tieni lok, għandu jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi llimitat l-ammont tat-tnaqqis tal-multa ta’ KPN minħabba li l-valur tal-provi prodotti minn KPN fis-16 ta’ Settembru u fl-1 u d-9 ta’ Ottubru 2003 kien iddgħajjef mid-dikjarazzjonijiet magħmula qabel mill-impriżi Nynas u Total.

64      Mill-proċess jirriżulta li KPN kienet it-tieni impriża li pprovdiet informazzjoni lill-Kummissjoni skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, fit-12 ta’ Settembru 2003, u li din l-informazzjoni pprovdiet valur miżjud sinjifikattiv. Madankollu hija stenniet sas-16 ta’ Settembru 2003 biex tipprovdi informazzjoni addizzjonali u, minkejja li fid-19 ta’ Settembru 2003 l-Kummissjoni kienet avżata dwar ir-riskji ta’ meta jiġu posposti l-intervisti previsti mal-impjegati direttament implikati fl-akkordju, dawn l-intervisti seħħew biss fl-1 u d-9 ta’ Ottubru 2003. Issa, matul dan il-perijodu, Total, fit-13 ta’ Settembru 2003 u mbagħad Nynas, fit-2 ta’ Ottubru 2003, permezz tar-risposta tagħhom għall-ewwel talba għal informazzjoni, ipprovdew għadd ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni.

65      F’dak li jikkonċerna t-tnaqqis tal-ammont tal-multa fi ħdan il-faxxa meqjusa, il-qorti tal-Unjoni tqis li ma huwiex biss il-livell tal-valur miżjud tal-provi prodotti li huwa meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, iżda wkoll id-data li fiha l-imsemmija provi li jissodisfaw il-kundizzjoni msemmija fil-punt 21 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ġew mgħoddija. Għaldaqstant, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li ċerti provi ġew prodotti wara li destinatarji oħra pproduċew provi importanti, u b’hekk il-valur miżjud tagħhom tnaqqas (sentenza General Química et vs Il‑Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 147).

66      F’dan il-każ, il-Kummissjoni għaldaqstant ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ħadet inkunsiderazzjoni li l-elementi pprovduti f’Ottubru 2003 minn KPN, minkejja li kienu utli sabiex hija tiddeskrivi l-ksur, madankollu ma pprovdewlhiex informazzjoni ġdida determinanti, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni pprovduta fil-frattemp minn żewġ impriżi oħra.

67      Fit-tielet lok, għandu jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li, matul is-smigħ, xi impjegati ta’ KPN kienu bidlu d-dikjarazzjonijiet tagħhom filwaqt li huma llimitaw ruħhom biss li jiċċarawhom billi ppreċiżaw li huma kellhom biss provi indiretti tal-parteċipazzjoni ta’ ExxonMobil fil-ksur u li, fi kwalunkwe każ, huma qatt ma sostnew li għandhom provi diretti ta’ din il-parteċipazzjoni.

68      Mis-sottomissjonijiet tal-partijiet jirriżulta li, fid-dikjarazzjoni tagħha tat-12 ta’ Settembru 2003, KPN kienet indikat b’mod kategoriku li, “wara li nżammu dawn il-laqgħat, Exxonmobil stess [kienet] informat ruħha, permezz ta’ kuntatti bilaterali ma’ fornituri oħra [...] b’dak li ħareġ mil-laqgħat” u li, sa fejn taf hi, “ExxonMobil sussegwentement wettqet dawn l-akkordji”. Fid-dikjarazzjoni orali tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2003, ex impjegat ta’ KPN indika wkoll li minkejja li ExxonMobil ma kinitx għadha tipparteċipa fil-laqgħat sa mill-1994 jew l-1995, madankollu hija kienet għadha tinforma ruħha dwar ir-riżultat ta’ dawn il-laqgħat u taġixxi skont id-deċiżjonijiet li jirriżultaw minnhom (ara l-punti 208 sa 211 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet). Il-Kummissjoni bbażat ruħha essenzjalment fuq dawn id-dikjarazzjonijiet (kif ukoll dawk ta’ Nynas) biex tiddeċiedi li tibgħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil ExxonMobil. Madankollu, wara l-kontestazzjoni ta’ dawn l-elementi minn partijiet oħra matul is-smigħ li nżamm fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2005, KPN bidlet id-dikjarazzjonijiet tagħha tat-28 ta’ Ġunju 2005, b’mod partikolari billi pprovdiet dikjarazzjoni tal-istess ex impjegat li tindika li l-involviment ta’ ExxonMobil kienet biss suppożizzjoni min-naħa tiegħu u li hu ma kellu ebda prova.

69      Minn dawn id-dokumenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li KPN kienet bidlet il-pożizzjoni tagħha dwar il-parteċipazzjoni ta’ ExxonMobil fil-ksur u li dawn ma kinux sempliċement preċiżazzjonijiet magħmula għad-dikjarazzjonijiet inizjali tagħha.

70      Fl-aħħar nett, fid-dawl ta’ dak kollu premess, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta llimitat l-ammont tat-tnaqqis tal-multa ta’ KPN għal 30 %.

 Fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

71      Fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti ressqu argument addizzjonali intiż sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni ma kellhiex tippenalizzahom talli bidlu d-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar ExxonMobil, liema argument huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza ma’ BP.

72      Madankollu għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jinkiser biss meta sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew fejn sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod (sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 533), u li l-Kummissjoni ma tiksirx dan il-prinċipju meta differenza fit-trattament tkun imputabbli fuq livelli differenti ta’ kooperazzjoni li ma humiex kumparabbli, b’mod partikolari sa fejn huma jkunu kkonsistew fil-provvista ta’ informazzjoni differenti jew fil-provvista ta’ din l-informazzjoni fi stadji differenti tal-proċedura amministrattiva, jew f’ċirkustanzi mhux analogi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Diċembru 2005, Brouwerij Haacht vs Il‑Kummissjoni, T‑48/02, Ġabra p. II‑5259,punti 108 u 109).

73      Issa, f’dan il-każ, billi BP kienet l-ewwel impriża li pproduċiet provi li jippermettu lill-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni li tordna xi verifiki sorpriża, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-punt 8 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, fi kwalunkwe każ hija ma tinsabx fl-istess sitwazzjoni ta’ KPN. Il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 fil-fatt tipprevedi li din l-impriża tkun tibbenefika minn eżenzjoni totali tal-multi u ma tikkunsidrax il-possibbiltà li din l-immunità tal-multi tiġi aġġustata skont il-bżonn. Għaldaqstant ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit jekk BP effettivament ifformulatx mill-ġdid id-dikjarazzjonijiet tagħha dwar ExxonMobil bħalma għamlu r-rikorrenti.

 Fuq id-drittijiet tad-difiża

74      Mill-proċess jirriżulta li, matul is-smigħ, mill-Kummissjoni, tal-kumpanniji kollha kkonċernati fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2005, bosta minnhom ikkontestaw il-veraċità tad-dikjarazzjonijiet ta’ KPN dwar ExxonMobil u Wintershall. Billi KPN ma setgħetx tirreaġixxi għal dawn il-kontestazzjonijiet matul is-smigħ, l-uffiċċjal tas-seduta talabha sabiex tikkonferma u tikkjarifika l-pożizzjoni tagħha fi żmien tmint’ijiem. Għaldaqstant, KPN bagħtet dikjarazzjonijiet ġodda, lill-Kummissjoni, taż-żewġ impjegati tagħha fit-28 u fit-30 ta’ Ġunju 2005, fejn fihom huma ppreċiżaw, b’mod partikolari, li huma ma kellhom ebda prova diretta tal-parteċipazzjoni ta’ ExxonMobil fl-akkordju u li tagħhom kienet biss suppożizzjoni. Dawn il-preċiżazzjonijiet ġew ikkomunikati lill-parteċipanti kollha fis-smigħ, liema preċiżazzjonijiet qajmu bosta reazzjonijiet.

75      Fit-8 ta’ Frar 2006, KPN talbet lill-Kummissjoni sabiex tinformaha fil-każ fejn uħud minn dawn ir-reazzjonijiet setgħu jaffettwaw il-kredibbiltà tal-allegazzjonijiet tagħha u, għaldaqstant, l-ammont tat-tnaqqis tagħha tal-multa. Fit-23 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tindika lil KPN li d-deċiżjoni dwar it-talba tagħha għal klemenza se tiġi adottata biss fi tmiem il-proċedura amministrattiva. Fid-19 ta’ April 2006, KPN talbet lill-uffiċċjal tas-seduta tal-Kummissjoni sabiex jagħtiha aċċess għall-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-impriżi l-oħra li setgħu jikkontestaw il-kredibbiltà tal-provi li hija kienet ipproduċiet u jaffettwaw l-eliġibbiltà tagħha li tibbenefika mid-dispożizzjonijiet relattivi għall-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Fis-26 ta’ April 2006, l-uffiċċjal tas-seduta rrifjuta li jilqa’ din it-talba billi indika li huwa jagħti biss l-aċċess lil impriża għad-dokumenti prodotti minn impriżi oħra wara s-smigħ jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tużahom insostenn tad-deċiżjoni tagħha u li, f’dan il-każ, dan ma kienx il-każ tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-impriżi l-oħra wara s-smigħ, liema osservazzjonijiet ma għandhom ebda rwol fl-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni tagħha. Fl-aħħar nett, fit-12 ta’ Mejju 2006, KPN ippreċiżat lill-Kummissjoni li hija talbet l-aċċess għad-dokumenti kollha relattivi għall-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet tagħha, u mhux biss għad-dokumenti ta’ wara s-smigħ. Il-Kummissjoni ma laqgħetx it-talba tagħha.

–       Prinċipji ġenerali relatati mal-aċċess għad-dokumenti wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

76      Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptiolu 8, Vol. 2, p. 205), “[q]abel ma jiġu meħuda d-deċiżjonijiet kif previsti mil-Artikoli 7, 8, 23 u l-Artikolu 24(2), il-Kummissjoni ħa tagħti l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża li huma suġġetti għal proċeduri kondotti mil-Kummissjoni l-opportunità li jiġu msemma’ fuq matterji li l-Kummissjoni kellha oġġezzjoni fuqhom” u “[i]l-Kummissjoni ħa tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq l-oġġezzjonijiet li l-partijiet konċernati kienu kapaċi jikkummentaw fuqhom”. Barra minn hekk, l-Artikolu 27(2) tal-istess regolament jindika li “[i]d-dritt[ijiet] tad-difiża tal-partijiet konċernati ħa jkunu rispettati kompletament fil-proċeduri”, li “[dawn] ħa jkunu intitolati li jkollhom aċċess lil file tal-Kummissjoni, suġġett għall-interess leġitimu ta’ l-impriża fil-prottezzjoni tas-sigrieti tal-kummerċ” u li “[i]d-dritt għal aċċess għal file mhux ser jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali u dokumenti interni tal-Kummissjoni jew ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri”. Fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-aċċess għall-fajl fil-kawżi skont l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], tal-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim ŻEE u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), il-Kummissjoni, fil-punt 8 tiddefinixxi “l-fajl tal-Kummissjoni” bħala “id-dokumenti kollha miksuba, prodotti u/jew miġbura mid-direzzjoni ġenerali tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni matul l-investigazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-punt 27 ta’ din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tippreċiża li “[l]-aċċess għall-fajl jingħata fuq talba u normalment darba biss, wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet [tagħha] lill-partijiet, sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u sabiex jiġu protetti d-drittijiet tad-difiża”, li, “[b]ħala regola ġenerali, il-partijiet għaldaqstant ma għandhomx aċċess għar-risposti tal-partijiet l-oħra għall-oġġezzjonijiet ifformolati [minnha]”, li “[m]adankollu parti jkollha aċċess għad-dokumenti rċevuti wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-fażijiet ulterjuri tal-proċedura amministrattiva, meta dawn id-dokumenti jistgħu jikkostitwixxu provi ġodda, li jinkriminaw jew li jiskaġunaw, relatati mal-allegazzjonijiet ifformolati fir-rigward ta’ din il-parti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet [tagħha]”, u li “[d]an huwa b’mod partikolari l-każ meta [hija] jkollha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq provi ġodda”.

77      Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 [KE] sa 82[KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), “[i]l-Kummissjoni għandha tagħti lill-partijiet li lilhom tkun indirizzat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet l-opportunita li jiżviluppaw l-argumenti tagħhom fi smigħ orali (seduta), jekk huma jitolbu dan fis-sottomissjonijiet miktuba tagħhom”.

78      Hija ġurisprudenza stabbilita li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi jew pagamenti ta’ penalità, huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi osservat, anki jekk il-proċedura tkun waħda ta’ natura amministrattiva (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il‑Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 9, u tat-2 ta’ Ottubru 2003, ARBED vs Il‑Kummissjoni, C‑176/99 P, Ġabra p. I‑10687). F’dan is-sens, ir-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li lill-partijiet tintbagħtilhom dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li għandha tindika, b’mod ċar, l-elementi essenzjali kollha li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan l-istadju tal-proċedura. Tali dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija l-garanzija proċedurali li tapplika l-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li jirrikjedi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il‑Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191, punti 34 u 35).

79      Għandu jitfakkar li l-aċċess għall-fajl fil-kawżi tal-kompetizzjoni huwa b’mod partikolari intiż sabiex jippermetti lid-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jieħdu konjizzjoni tal-provi li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni, bil-għan li dawn ikunu jistgħu jesprimu ruħhom b’mod utli dwar il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni tkun waslet għalihom, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, abbażi ta’ dawn l-elementi. Għalhekk l-aċċess għall-fajl jifforma parti mill-garanziji proċedurali intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet tad-difiża u sabiex b’mod partikolari jiżguraw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għal smigħ (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 334, u l-ġurisprudenza ċċitata). Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jimplika li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li twettaq eżami tad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il‑Kummissjoni, C‑199/99 P, Ġabra p. I‑11177, punt 125, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il‑Kummissjoni, T‑30/91, Ġabra p. II‑1775, punt 81). Dawn jinkludu kemm il-provi li jinkriminaw kif ukoll dawk li jiskaġunaw, bla ħsara għas-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Hoffmann-La Roche vs Il‑Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, punti 9 u 11, u tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C 217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 68).

80      Skont il-ġurisprudenza, huwa biss fil-fażi kontradittorja amministrattiva li l-impriża kkonċernata tiġi informata, permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-elementi essenzjali kollha li fuqhom tkun qed tibbaża ruħha f’dak l-istadju tal-proċedura. Konsegwentement, ir-risposta tal-partijiet l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma hijiex inkluża, fil-prinċipju, fid-dokumenti kollha tal-fajl tal-investigazzjoni li l-partijiet jistgħu jikkonsultaw (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑161/05, Ġabra p. II‑3555, punt 163). Madankollu, jekk il-Kummissjoni jkollha intenzjoni tibbaża ruħha fuq silta minn risposta għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew fuq dokument anness ma’ tali risposta sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur fi proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, il-partijiet l-oħra implikati f’din il-proċedura għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jesprimu l-pożizzjoni tagħhom fuq tali prova (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, imsejħa “Ciments”, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 386, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il‑Kummissjoni, T‑314/01, Ġabra p. II‑3085, punt 50, u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Bl-istess mod, sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża matul il-proċedura amministrattiva kollha, għandu jiġi kkunsidrat li jekk il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq dokument ta’ wara li tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u saħansitra wara s-smigħ, li jista’ jaffettwa l-ammont tal-multa imposta fuq impriża fid-deċiżjoni finali, din l-impriża għandha titqiegħed f’pożizzjoni li tkun tista’ tikkummenta dwar tali element. B’mod partikolari dan jista’ jkun dokument li għandu impatt fuq l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 fuq l-imsemmija impriża.

82      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza dwar il-fajl amministrattiv preċedenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ dokument jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk l-impriża kkonċernata turi li, minn naħa, il-Kummissjoni tkun ibbażat ruħha fuq dan id-dokument sabiex issostni l-oġġezzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Michelin vs Il‑Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punti 7 u 9, u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, punt 71) u, min-naħa l-oħra, li dan l-ilment jista’ jiġi pprovat biss b’riferiment għall-imsemmi dokument (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG‑Telefunken vs Il‑Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punti 24 sa 30, u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, punt 71; sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il‑Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, punt 58). F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi distinzjoni bejn id-dokumenti li jinkriminaw u d-dokumenti li jiskaġunaw. Jekk id-dokument ikun wieħed li jinkrimina, hija l-impriża kkonċernata li għandha turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni kien ikun differenti li kieku dan id-dokument kellu ma jiġix ikkunsidrat. Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li jiskaġuna, l-impriża kkonċernata għandha sempliċement tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar tiegħu seta’ influwenza, b’detriment għaliha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, punti 73 u 74). Din id-distinzjoni tapplika wkoll għad-dokumenti sussegwenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punti 351 sa 359).

83      Bl-istess mod, f’dak li jikkonċerna dokument li jista’ jaffettwa ż-żieda tal-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni finali tagħha, hija l-impriża kkonċernata li għandha turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni kien ikun differenti kieku dan id-dokument ma ġiex ikkunsidrat.

–       Applikazzjoni f’dan il-każ

84      F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti jqisu li huma kellhom jistgħu jkollhom aċċess għall-kummenti tal-impriżi l-oħra, dwar il-kredibbiltà tal-provi prodotti mill-impjegati ta’ KPN, u b’mod partikolari għad-dikjarazzjonijiet addizzjonali mwettqa minn dawn tal-aħħar wara s-smigħ.

85      Madankollu r-rikorrenti llimitaw ruħhom biss li jsostnu b’mod ġenerali u purament spekulattiv li n-nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti inkwistjoni seta’ jinfluwenza d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-ammont tat-tnaqqis tagħha tal-multa u li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni seta’ kien differenti kieku dawn id-dokumenti kellhom ma jiġux ikkunsidrati. Għaldaqstant, huma ma pprovdew ebda indikazzjoni speċifika li tippermetti li tikkostitwixxi prova prima facie f’dan is-sens.

86      Barra minn hekk għandu jiġi enfasizzat li, fi kwalunkwe każ, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tat-tnaqqis tal-multa mogħti lir-rikorrenti, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li KPN kienet ifformulat mill-ġdid uħud mid-dikjarazzjonijiet tagħha dwar ExxonMobil, u ma semmiet ebda reazzjoni ta’ impriża oħra dwar il-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn KPN (premessa 385 tad-deċiżjoni kkontestata).

87      Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma wrewx li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq kummenti ta’ impriżi, dwar il-kredibbiltà ta’ provi prodotti minn KPN, sabiex tistabbilixxi l-ammont tat-tnaqqis ta’ multa mogħti skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Għaldaqstant, huma ma jistgħux jipprevalixxu ruħhom min-nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti inkwistjoni.

88      Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq rifjut illegali ta’ aċċess għall-fajl u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi miċħud.

89      Minn dak kollu premess jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

90      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Kuwait Petroleum Corp., Kuwait Petroleum International Ltd u Kuwait Petroleum (Nederland) BV huma kkundannati għall-ispejjeż.

Jaeger

Wahl

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Settembru 2012.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq il-ksur tal-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq il-livell ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-iżbalji ta’ liġi

Fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni

Fuq l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

Fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

Fuq id-drittijiet tad-difiża

–  Prinċipji ġenerali relatati mal-aċċess għad-dokumenti wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

–  Applikazzjoni f’dan il-każ

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.