Language of document :

Appell ippreżentat fl-10 ta' Awwissu 2011 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) tat-8 ta' Ġunju 2011 fil-Kawża T-86/11, Bamba vs Il-Kunsill

(Kawża C-417/11 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Bishop, B. Driessen u E. Dumitriu-Segnana, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Nadiany Bamba, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) tat-8 ta' Ġunju 2011 fil-Kawża T-86/11, Bamba vs Il-Kunsill;

tiddeċiedi b'mod definittiv fuq il-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta' dan l-appell u tiċħad ir-rikors ta' Nadiany Bamba bħala infondat; u

tikkundanna lil Nadiany Bamba għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill fil-kuntest tal-ewwel istanza u tal-appell preżenti.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Kunsill jinvoka żewġ aggravji insostenn tal-appell tiegħu.

Prinċipalment, l-appellant isostni li l-motivazzjoni pprovduta fl-atti kkontestati tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE u, konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi meta ddeċidiet li l-atti kkontestati huma vvizzjati min-nuqqas ta' motivazzjoni. Il-Kunsill effettivament ipprovda, fil-premessi tal-atti kkontestati, deskrizzjoni ddettaljata tas-sitwazzjoni partikolarment gravi fil-Côte d'Ivoire, li tiġġustifika l-miżuri adottati kontra ċerti persuni u entitajiet. Barra minn hekk il-Kunsill indika b'mod ċar ir-raġunijiet li għalihom huwa jikkunsidra li Nadiany Bamba għandha tkun is-suġġett tal-miżuri restrittivi inkwistjoni.

Sussidjarjament, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi meta injorat, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-osservanza tal-obbligu ta' motivazzjoni, il-kuntest, magħruf sewwa minn Nadiany Bamba, li fih ġew adottati l-atti kkontestati.

____________