Language of document : ECLI:EU:C:2012:682

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Novembru 2012 (*)

“Appell – Konċentrazzjoni ta’ impriżi fis-suq tal-pubblikazzjoni tal-kotba – Annullament tad-deċiżjoni relatata mal-approvazzjoni ta’ impriża tal-investiment bħala akkwirenti tal-assi ċeduti – Portata tal-eventwali nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju”

Fil-Kawżi magħquda C‑553/10 P u C‑554/10 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli abbażi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fl-24 ta’ Novembru 2010,

Il-Kummissjoni Ewropea (C-553/10 P), irrappreżentata minn O. Beynet kif ukoll minn A. Bouquet u S. Noë, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Éditions Odile Jacob SAS, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn O. Fréget, M. Struys u L. Eskenazi, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Wendel Investissement SA, stabbilita f’Pariġi, irrappreżentata minn M. Trabucchi, F. Gordon u C. Baldon, avukati,

Lagardère SCA, stabbilita f’Pariġi, irrappreżentata minn A. Winckler, F. de Bure u J.-B. Pinçon, avukati,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

u

Lagardère SCA, stabbilita f’Pariġi, (C-554/10 P), irrappreżentata minn A. Winckler, F. de Bure u J.-B. Pinçon, avukati,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Éditions Odile Jacob SAS, stabbilita f’Pariġi, irrappreżentata minn O. Fréget, M. Struys u L. Eskenazi, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn, O. Beynet kif ukoll minn A. Bouquet u S. Noë, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Wendel Investissement SA, stabbilita f’Pariġi, irrappreżentata minn M. Trabucchi, F. Gordon u C. Baldon, avukati,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, K. Lenaerts, viċi-president, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, A. Rosas, M. Berger u E. Jarašiūnas, presidenti tal-Awla, E. Juhász (relatur), J. C. Bonichot, A. Prechal u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2011,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Marzu 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea u Lagardère SCA (iktar ’il quddiem “Lagardère”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Settembru 2010, Éditions Jacob vs Il-Kummissjoni (T‑452/04, Ġabra p. II‑4713, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din tal-aħħar annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2004) D/203365, tat-30 ta’ Lulju 2004, dwar l-approvazzjoni ta’ Wendel Investissement bħala akkwirenti tal-assi ċeduti skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/422/KE, tas-7 ta’ Jannar 2004, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Każ Nru COMP/M.2978 − Lagardère/Natexis/VUP) (ĠU L 125, p.54, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

2        Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tapprova lil Wendel Investissement SA (iktar ’il quddiem “Wendel Investissement”) bħala akkwirenti tal-assi ċeduti mill-ġdid, b’mod konformi mal-paragrafu 14 tal-impenji mehmuża mad-Deċiżjoni 2004/422/KE, ippubblikata fil-forma ta’ sinteżi fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ April 2004, meħuda skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE), tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97, tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 164, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 4064/89”), fil-Każ COMP/M.2978 – Lagardère/Natexis/VUP.

3        Dawk iż-żewġ kawżi magħquda jifformaw parti minn lista ta’ kawżi ppreżentati mill-parteċipanti differenti involuti fil-bejgħ tal-assi tal-pubblikazzjoni li huma proprjetà ta’ Vivendi Universal Publishing SA fl-Ewropa (iktar ’il quddiem “VUP”), u li ġew ċeduti lil Lagardère u lil Wendel Investissement, li minnhom irriżultat il-kawża li tat lok għas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob (C‑404/10 P), relatata mal-aċċess għad-dokumenti matul din il-proċedura ta’ konċentrazzjoni, u l-kawża li tat lok għas-sentenza odjerna, Éditions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni (C-551/10 P), li tirrigwarda r-regolarità tal-konċentrazzjoni nnifisha.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

4        Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif esposti fil-punti 1 sa 47 tas-sentenza appellata huma s-segwenti:

“1      Fil-25 ta’ Settembru 2002, Vivendi Universal SA […] iddeċidiet li ċċedi l-assi ta’ pubblikazzjoni miżmuma fl-Ewropa mis-sussidjara tagħha [VUP].

2      [Lagardère] kkandidat ruħha għall-akkwist ta’ dawn l-assi, li kienu jikkonsistu f’ishma u f’assi ta’ direzzjoni ta’ VUP (iktar ’il quddiem l-‘assi mmirati’).

[…]

8      Fid-29 ta’ Ottubru 2002, [Vivendi Universal SA] approvat iċ-ċessjoni tal-assi mmirati lil Lagardère.

9      Fit-3 ta’ Diċembru 2002, Investima 10 SAS [(iktar ’il quddiem ‘Investima 10’)], sussidjarja totali ta’ Ecrinvest 4 SA [(iktar ’il quddiem ‘Ecrinvest 4’)], min-naħa tagħha sussidjarja totali ta’ Segex Sarl [(iktar ’il quddiem ‘Segex’)], li min-naħa tagħha hija kkontrollata kompletament minn [Natexis Banques Populaire SA (iktar ’il quddiem ‘NBP’)], iffirmat favur VUP impenn formali ta’ akkwist tal-assi mmirati.

10      Fl-istess jum, Segex u Ecrinvest 4 kkonkludew ma’ Lagardère kuntratt ta’ ċessjoni […] li jippermetti lil Lagardère (permezz ta’ Ecrinvest 4), wara awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni tal-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni prevista, tikseb il-kapital kollu ta’ Investima 10, detentriċi tal-assi mmirati bil-kundizzjoni li VUP tosserva l-impenn ta’ akkwist iċċitat iktar ’il fuq. Il-prezz ta’ akkwist ta’ dawn it-titoli kien tħallas minn qabel minn Lagardère lil Segex, il-proprjetarja tal-azzjonijiet kollha li kienu jiffurmaw il-kapital ta’ Ecrinvest 4.

11      Fl-20 ta’ Diċembru 2002, VUP osservat l-impenn ta’ akkwist ta’ Investima 10 u fl-istess jum din ikkonkludiet ma’ VUP il-kuntratt ta’ akkwist tal-assi mmirati.

12      Fl-istess jum, NBP ippubblikat l-istqarrija għall-istampa segwenti:

‘NBP akkwistat it-totalità tal-assi mmirati kollha bil-għan tal-bejgħ tagħhom [lil Lagardère] wara l-kisba tal-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni.

Minn dan il-jum, l-assi ta’ VUP ser ikunu miżmuma mill-kumpannija Investima 10, miżmuma indirettament kompletament minn NBP.

Din il-kumpannija b’responsabbiltà limitata b’bord eżekuttiv u b’bord ta’ sorveljanza ssir il-kumpannija parent tal-kumpanniji li jikkomprendu l-assi ċeduti.

[…]’

[…]

14      Fl-20 ta’ Diċembru 2002, ġie mwaqqaf il-bord eżekuttiv ta’ Investima 10 u B., President tad-ditta S, ġie maħtur bħala membru tal-bord bħala ‘terza parti indipendenti’, skont l-Artikolu 4(1)(ii)(e) tal-kuntratt ta’ ċessjoni [konkluż minn Segex u Ecrinvest 4 ma’ Lagardère].

15      L-Artikolu 2(2) tal-kuntratt iffirmat minn Ecrinvest 4 u mid-ditta S. fid-19 ta’ Diċembru 2002, jispeċifika, fl-ewwel subparagrafu tiegħu li, fil-kapaċità tiegħu ta’ mandatarju, B. għandu jaġixxi fl-interess ta’ Investima 10 u tal-assi mmirati u, b’mod partikolari, bil-għan li tinżamm il-vijabbiltà tagħhom, l-interess tal-valur ekonomiku tagħhom u l-kompetittività tagħhom.

[…]

17      Fl-14 ta’ April 2003, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament [Nru 4064/89], Lagardère nnotifikat lill-Kummissjoni l-proġett tagħha ta’ akkwist tal-assi mmirati ta’ VUP.

18      Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni, wara li kkonstatat li l-proġett ta’ konċentrazzjoni nnotifikat kien iqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tiegħu mas-suq komuni, bdiet investigazzjoni fil-fond ta’ din l-operazzjoni, abbażi tal-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 4064/89.

19      Mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet jirriżulta li fl-14 ta’ Ottubru 2003 Investima 10 saret Éditis SA [iktar ’il quddiem ‘Éditis’].

20      Fis-27 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni bagħtet lil Lagardère dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li kienet tindika l-problemi ta’ kompetizzjoni li kienet tqajjem l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni nnotifikata u fis-17 ta’ Novembru 2003 Lagardère bagħtet it-tweġibiet tagħha f’dan ir-rigward.

21      Għaldaqstant, fit-2 ta’ Diċembru 2003, Lagardère ppreżentat lill-Kummissjoni numru ta’ miżuri korrettivi fil-forma ta’ impenji ta’ ċessjoni mill-ġdid tal-assi mmirati.

22      Id-Deċiżjoni [2004/422], adottata abbażi tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89, tipprevedi:

‘Artikolu 1

L-operazzjoni nnotifikata, kif emendata bil-pakkett ta’ impenji tal-21 ta’ Diċembru 2003, li permezz tagħha Lagardère tikseb il-kontroll esklużiv tal-[assi mmirati] ta’ VUP, issa msejħa Éditis, hija ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea[, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p.3)].

Artikolu 2

L-Artikolu 1 huwa applikabbli bil-kundizzjoni li Lagardère tosserva kompletament l-impenji msemmija [f]l-Anness II.

Artikolu 3

Din id-deċiżjoni hija suġġetta għall-obbligu li Lagardère tosserva kompletament l-impenji l-oħra deskritti fl-Anness II.’

23      Skont il-paragrafu 1 tal-impenji tagħha fl-Anness II, Lagardère hija obbligata ċċedi mill-ġdid l-assi kollha ta’ Éditis (iktar ’il quddiem l-‘assi ċeduti mill-ġdid’) bl-esklużjoni tal-assi enumerati b’mod limitat f’dan il-paragrafu (iktar ’il quddiem l-‘assi miżmuma’).

24      L-assi ċeduti mill-ġdid jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor 60 sa 70 % tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ VUP u 70 sa 80 % tad-dħul mill-bejgħ imwettaq minn VUP fis-swieq tal-pubblikazzjoni Frankofona kkonċernati mill-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni awtorizzata […].

25      Il-paragrafu 2 tal-impenji ta’ Lagardère jippreċiża li l-assi miżmuma huma ddefiniti fid-dettall fl-Anness 1 tal-imsemmija impenji.

26      Skont il-paragrafu 3 ta’ dawn l-impenji, Lagardère timpenja ruħha tikkonkludi ftehim irrevokabbli ta’ ċessjoni mill-ġdid f’terminu, miżmum kunfidenzjali, li jibda jiddekkorri mid-data li fiha tiġi riċevuta d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali u li tipproċedi għaċ-ċessjoni mill-ġdid effettiva f’terminu, miżmum kunfidenzjali, li jibda jiddekkorri mill-konklużjoni tal-ftehim.

27      Lagardère kellha l-possibbiltà li tagħżel l-akkwirent tal-assi ċeduti mill-ġdid, abbażi ta’ kriterji għall-għażla ddefiniti kif ġej fil-paragrafu 10 tal-impenji tagħha:

‘Sabiex iżżomm kompetizzjoni effettiva fis-swieq ikkonċernati, il-parti notifikanti timpenja ruħha tipproċedi għaċ-ċessjoni tal-assi ċeduti lil ċessjonarju wieħed jew iktar indipendenti mill-parti notifikanti u li jissodisfa l-kundizzjonijiet segwenti:

[…]’

28      Il-paragrafu 14 tal-impenji ta’ Lagardère jippreċiża li l-għażla taċ-ċessjonarju jew taċ-ċessjonarji għandha tkun suġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni u li t-talba għal approvazzjoni tal-persuni kkonċernati għandha tinkludi l-informazzjoni neċessarja sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tivverifika li ċ-ċessjonarju jew iċ-ċessjonarji jissodisfaw il-kundizzjonijiet iddefiniti mill-paragrafu 10 iċċitat fil-punt 27 iktar ’il fuq.

29      Lagardère kellha taħtar mandatarju li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti kif ġej fil-paragrafu 15 tal-impenji tagħha:

‘Il-parti notifikanti għandha taħtar mandatarju biex iwettaq id-dmirijiet iddefiniti iktar ’il quddiem. Il-mandatarju għandu jkun indipendenti minn Lagardère u minn Éditis, għandu jkollu l-kwalifiki neċessarji biex iwettaq il-mandat tiegħu, pereżempju fil-kapaċità tiegħu bħala bank ta’ konsulenza, konsulent jew awditur, u ma għandux ikun espost għal kunflitt ta’ interessi. Il-mandatarju għandu jkun irremunerat minn Lagardère b’mod li ma jikkompromettix it-twettiq tajjeb tal-mandat tiegħu jew l-indipendenza tiegħu.’

30      Il-paragrafu 9 tal-impenji ta’ Lagardère jipprevedi kif ġej għall-ħatra ta’ ġestjonarju tal-assi miżmuma separatament (‘Hold Separate Manager’):

‘Il-parti notifikanti għandha taħtar [ġestjonarju tal-assi miżmuma separatament] responsabbli għall-ġestjoni tal-assi ċeduti, taħt is-superviżjoni tal-mandatarju. Il-[ġestjonarju tal-assi miżmuma separatament] għandu jiġġestixxi l-assi ċeduti b’mod indipendenti u fil-kuntest normali tan-negozju, bil-għan li tiġi ggarantita ż-żamma tal-vijabbiltà ekonomika tagħhom, tan-negozjabbiltà tagħhom, tal-kompettività tagħhom u tal-awtonomija tagħhom fir-rigward tal-assi miżmuma u tal-attivitajiet l-oħra ta’ Lagardère. Fil-każ li diriġent tal-kumpannija ta’ sussidjarja ta’ Éditis li hija s-suġġett tal-impenn ta’ ċessjoni jtemm il-funzjonijiet tiegħu, il-[ġestjonarju tal-assi miżmuma separatament] ikollu s-setgħa jaħtar is-suċċessur tiegħu, taħt is-superviżjoni tal-mandatarju.’

31      Il-missjoni tal-mandatarju hija ddefinita kif ġej fl-impenji ta’ Lagardère:

‘20.      L-intervent tal-mandatarju huwa intiż biex jiżgura t-twettiq tal-impenji preżenti. Il-Kummissjoni tindirizza lill-mandatarju, ex officio jew fuq it-talba tal-mandatarju jew tal-parti notifikanti, kull istruzzjoni intiża biex tiżgura t-twettiq ta’ dawn l-impenji.

[…].’

32      Barra minn hekk, il-paragrafu 24 tal-impenji jippreċiża s-segwenti:

‘F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn Lagardère u Éditis dwar il-miżuri ta’ ristrutturazzjoni neċessarji għat-twettiq tal-impenji preżenti, waħda mill-partijiet tista’ tinforma lill-mandatarju dwar dan permezz ta’ ittra rreġistrata li kopja tagħha għandha tiġi indirizzata lill-parti l-oħra. Il-mandatarju mbagħad jagħmel rakkomandazzjoni, fl-iqsar żmien possibbli, wara li jkun sema’ lill-partijiet filwaqt li josserva l-prinċipju ta’ kontradittorju, dwar il-portata tal-miżuri ta’ ristrutturazzjoni neċessarji. Il-mandatarju għandu jindirizza lill-Kummissjoni rapport li jinformaha bir-rakkomandazzjoni tiegħu. Jekk in-nuqqas ta’ qbil bejn Lagardère u Éditis jissussisti, waħda mill-partijiet tista’ titlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi, wara li tkun semgħet lill-partijiet filwaqt li tosserva l-prinċipju ta’ kontradittorju, il-portata tal-miżuri ta’ ristrutturazzjoni neċessarji.’

33      Fl-aħħar, l-impenji ta’ Lagardère li jaqaw taħt it-Taqsima ‘Bidla fil-forma legali ta’ Éditis’ jipprovdu:

‘30.      Wara approvazzjoni tal-istatuti l-ġodda mill-Kummissjoni, il-parti notifikanti tittrasforma lil Éditis f’kumpannija b’responsabbiltà limitata simplifikata (société par actions simplifiée, SAS). Wara din it-trasformazzjoni, il-korpi regolatorji ta’ Éditis ikunu […] president direttur ġenerali, li jassumi l-funzjonijiet ta’ [ġestjonarju tal-assi miżmuma separatament] u […] kumitat tal-azzjonisti kompost minn tliet […] rappreżentanti tal-mandatarju msemmi fil-paragrafu 15 iktar ’il fuq u minn żewġ […] rappreżentanti ta’ Lagardère.

31.      Il-kumpannija b’responsabbiltà limitata simplifikata tkun organizzata skont il-prinċipji segwenti:

      […]

32.      Waqt il-perijodu bejn l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni li tawtorizza l-operazzjoni nnotifikata u t-trasformazzjoni ta’ Éditis f’kumpannija b’responsabbiltà limitata simplifikata, Éditis għandha tkompli tkun immexxija mill-korpi tal-kumpannija attwalment fis-seħħ, b’koordinazzjoni mal-mandatarju. Matul dan il-perijodu, Lagardère, fil-kapaċità tagħha ta’ azzjonist ta’ Éditis, ikollha d-dritt għall-informazzjoni kollha relatata mal-assi miżmuma. Fir-rigward tal-assi ċeduti, il-mandatarju għandu jiżgura li Lagardère tiġi kkomunikata l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 31(c) iktar ’il fuq.’

34      Fil-5 ta’ Frar 2001, il-Kummissjoni:

–        approvat lil A. K. bħala ġestjonarju tal-assi miżmuma separatament u approvat l-abbozz li jiddefinixxi l-mandat tiegħu, ippreżentat fit-30 ta’ Jannar 2004;

–        approvat lid-ditta S., irrappreżentata mill-President tagħha B. bħala mandatarja, u approvat l-abbozz li jiddefinixxi l-mandat tagħha ppreżentat fit-30 ta’ Jannar 2004.

35      Fid-9 ta’ Frar 2004, Lagardère ħatret lid-ditta S. bħala mandatarja.

36      Fil-25 ta’ Marzu 2004, Éditis ġiet ittrasformata, skont il-paragrafu 30 tal-impenji ta’ Lagardère, bħala kumpannija b’responsabbiltà limitata simplifikata, li l-korpi tal-kumpannija tagħha kienu jinkludu minn dak iż-żmien, barra l-President Direttur Ġenerali li jwettaq il-funzjonijiet ta’ ġestjonarju tal-assi miżmuma separatament, il-kumitat tal-azzjonisti kompost minn tliet rappreżentanti tal-mandatarja u minn żewġ rappreżentanti ta’ Lagardère.

37      Lagardère kkuntattjat varji impriżi, fosthom ir-rikorrenti, [fosthom Éditions Odile Jacob SAS (iktar ’il quddiem ‘Odile Jacob’)] li setgħu jixtru l-assi ċeduti.

38      [Odile Jacob] wriet l-interess tagħha f’din l-operazzjoni. Permezz ta’ faks tat-28 ta’ April 2004, hija bagħtet l-offerta ta’ xiri tagħha lil Lagardère.

39      F’ittra tad-19 ta’ Mejju 2004, Lagardère ddikjarat li hija kienet ikkunsidrat l-offerti ta’ xiri ta’ ħames akkwirenti potenzjali, fosthom dik ta’ [Odile Jacob], u li hija tat esklużività sa nofsillejl tal-25 ta’ Mejju 2004 lil wieħed minnhom, [Wendel Investissement].

40      Fit-28 ta’ Mejju 2004 Lagardère u [Wendel Investissement] waslu għal abozz ta’ ftehim ta’ xiri tal-assi ċeduti mill-ġdid.

41      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Ġunju 2004, Lagardère talbet lill-Kummissjoni tapprova lil [Wendel Investissement] bħala akkwirenti ta’ dawn l-assi.

42      Fil-5 ta’ Lulju 2004, id-ditta S. ippreżentat lill-Kummissjoni r-rapport tagħha fil-qosor bil-konklużjoni li x-xiri prospettiv ta’ [Wendel Investissement] kien kompatibbli mal-kriterji għall-approvazzjoni ddefiniti fil-paragrafu 10 tal-impenji ta’ Lagardère.

43      Permezz ta’ [deċiżjoni kkontestata], il-Kummissjoni approvat lil [Wendel Investissement] bħala akkwirenti tal-assi ċeduti mill-ġdid, wara li kkonstatat li hija kienet tissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni stabbiliti fil-paragrafu 10 tal-impenji ta’ Lagardère.

44      Din id-deċiżjoni ġiet adottata skont il-paragrafu 14 tal-impenji ta’ Lagardère u abbażi tat-talba għal approvazzjoni msemmija iktar ’il fuq, tal-abbozz ta’ ftehim ta’ ċessjoni li kien anness magħha, tar-rapport tad-ditta S., tat-tweġibiet bil-miktub ta’ Lagardère u ta’ [Wendel Investissement] għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, tal-informazzjoni mogħtija minn [Wendel Investissement] waqt laqgħa mas-servizzi tal-Kummissjoni, kif ukoll abbażi ta’ skambju ta’ opinjonijiet dwar ix-xiri prospettiv ta’ [Wendel Investissement] mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-persunal ta’ Éditis u ta’ terzi interessati.

45      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Lulju 2004 [Odile Jacob] ippreżentat kawża għall-annullament tad-Deċiżjoni [2004/422] (Kawża T‑279/04).

46      Permezz ta’ faks tas-27 ta’ Awwissu 2004, il-Kummissjoni kkomunikat lil [Odile Jacob], fuq it-talba tagħha, id-deċiżjoni [kkontestata].

47      It-trasferiment lil [Wendel Investissement] tal-proprjetà ta’ dawn l-assi, imsejħa ‛Nouvel Éditis’ sar fit-30 ta’ Settembru 2004.”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

5        Permezz ta’ att ippreżentat fit-8 ta’ Novembru 2004, Odile Jacob ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, abbażi tal-Artikolu 230 KE.

6        Insostenn tar-rikors tagħha, Odile Jacob tinvoka erba’ motivi, ibbażati rispettivament fuq il-fatt li l-Kummissjoni, fl-ewwel lok, naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ superviżjoni tas-selezzjoni tal-kandidati għall-akkwist tal-assi ċeduti mill-ġdid, fit-tieni lok, approvat lil Wendel Investissement abbażi ta’ rapport stabbilit minn mandatarju mhux indipendenti minn Éditis, minn Lagardère u minn Wendel Investissement, fit-tielet lok, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni li hija kellha u, fir-raba’ lok, wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-konformità tal-kandidatura ta’ Wendel Investissement mal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-akkwirent tal-assi ċeduti mill-ġdid, iddefiniti fil-paragrafu 10(b) tal-impenji ta’ Lagardère.

7        B’riposta għat-tieni motiv li ġie eżaminat preliminarjament, il-Qorti Ġenerali irrelevat li Investima 10, li saret Éditis, fl-20 ta’ Diċembru 2002, ħatret lil B., president tad-ditta S., bħala membru tal-bord eżekuttiv tagħha, fil-kwalità ta’ terza parti indipendenti, filwaqt li, barra minn dan, Lagardère fid-9 ta’ Frar 2004 ħatret lill-istess ditta S. bħala mandatarja responsabbli, skont il-paragrafu 21(g) tal-impenji li jinsabu fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2004/422, sabiex “tiżgura l-eżekuzzjoni sodisfaċenti” taċ-ċessjoni tal-assi ċeduti mill-ġdid. Din il-mandatarja kienet irremunerata f’din il-kapaċità minn Lagardère.

8        B’hekk id-ditta S. ġiet maħtura mandatarja, fis-sens tal-paragrafu 15 tal-impenji ta’ Lagardère, u B., il-President tagħha f’din id-data, wettaq il-funzjonijiet marbuta ma’ din il-missjoni, għalkemm kien membru tal-bord eżekuttiv ta’ Investima 10, li saret Éditis. Barra minn hekk, mid-9 ta’ Frar 2004, id-data meta nħatret id-ditta S., sal-25 ta’ Marzu 2004, id-data meta Éditis ġiet ikkonvertita f’kumpannija b’responsabbiltà limitata simplifikata, B., fl-istess ħin, wettaq id-dmirijiet ta’ membru tal-bord ta’ Éditis u dawk ta’ mandatarju.

9        F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li B. kien dipendenti fuq Éditis, sa tali punt li jitqajjem dubju fuq in-newtralità li din il-persuna, bħala membru tal-bord eżekuttiv ta’ Investima 10 li saret Éditis, għandha turi fl-eżerċizzju tal-missjoni tad-ditta preseduta minnha u li kienet inħatret bħala mandatarja. Konsegwentement, il-missjoni tal-mandatarju, li tikkonsisti fl-iżgurar tal-eżekuzzjoni sodisfaċenti tal-impenji ta’ Lagardère, fosthom iċ-ċessjoni tal-assi ċeduti mill-ġdid, u, abbażi ta’ dan, fir-redazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ miżuri ta’ ristrutturazzjoni neċessarji u fir-redazzjoni ta’ rapport li jinforma lill-Kummissjoni b’dawn ir-rakommandazzjonijiet, ma ġietx żgurata b’mod indipendenti. L-eżerċizzju minn B. tal-funzjonijiet ta’ membru tal-bord eżekuttiv tal-kumpannija detentriċi tal-assi kollha ta’ Éditis kien tali li jaffettwa l-indipendenza li B. kellu juri, bħala president tad-ditta S., fir-redazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta’ miżuri ta’ ristrutturazzjoni neċessarji u tar-rapport li jinforma lill-Kummissjoni b’dawn ir-rakommandazzjonijiet.

10      Il-Qorti Ġenerali rrilevat li d-ditta S., fil-kapaċità tagħha ta’ mandatarja, kienet ġiet mitluba tippreżenta lill-Kummissjoni rapport li jevalwa l-kandidatura ta’ Wendel Investissement bħala akkwirenti tal-assi ċeduti mill-ġdid, fid-dawl tal-kriterji ta’ approvazzjoni stabbiliti fil-paragrafu 10 tal-impenji ta’ Lagardère annessi mad-deċiżjoni 2004/422.

11      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 107 tas-sentenza appellata, li dan ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-kandidatura ta’ Wendel Investissement kien ġie redatt minn mandatarju li ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni ta’ indipendenza, fir-rigward ta’ Editis, meħtieġa mill-paragrafu 15 tal-impenji ta’ Lagardère, iddefiniti fl-Anness II tad-deċiżjoni 2004/422.

12      Issa, id-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata, partikolarment, fuq ir-rapport tal-mandatarju li, fl-opinjoni tal-Qorti Ġenerali espressa fil-punt 110 tas-sentenza appellata, eżerċita “influwenza determinanti” fuq l-imsemmija deċiżjoni.

13      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 118 u 119 tas-sentenza appellata, li n-nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju li pproduċa l-imsemmi rapport jikkostitwixxi illegalità li kienet ta’ natura li tivvizzja l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u għalhekk annullat din id-deċiżjoni, mingħajr ma eżaminat il-motivi l-oħra żviluppati minn Odile Jacob insostenn tat-talbiet tagħha għal annullament.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

14      B’digriet tad-29 ta’ Marzu 2011, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jgħaqqad il-kawżi C‑553/10 P u C‑554/10 P għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

15      Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑553/10 P, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata, sa fejn din tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiddeċiedi b’mod definittiv, jekk dan ikun il-każ, dwar il-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ dan l-appell u tiċħad ir-rikors għal annullament, u

–        tikkundanna lil Odile Jacob għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

16      Lagardère issostni l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni.

17      Wendel titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata, sa fejn din tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ dan l-appell u tiċħad ir-rikors għal annullament ta’ Odile Jacob, u

–        tikkundanna lil Odile Jacob għall-ispejjeż.

18      Odile Jacob titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        sussidjarjament, jekk jintlaqa’ l-appell u l-kawża tiġi kkunsidrata bħala fi stat li tiġi deċiża, tannulla d-deċiżjoni kkontestata, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

19      Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C-554/10 P, Lagardère titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata, sa fejn din tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiċħad ir-rikors ippreżentat minn Odile Jacob quddiem il-Qorti Ġenerali kontra din id-deċiżjoni u;

–        tikkundanna lil Odile Jacob għall-ispejjeż kollha relatati ma’ dawn il-proċeduri kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest ta’ dan l-appell.

20      Fir-risposti tagħhom, il-Kummissjoni u Wendel Investissement jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata, sa fejn din tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiċħad ir-rikors għal annullament ta’ Odile Jacob kontra din id-deċiżjoni, u

–        tikkundanna lil Odile Jacob għall-ispejjeż kollha relatati ma’ dawn il-proċeduri kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest ta’ dan l-appell.

21      Odile Jacob titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        sussidjarjament, jekk jintlaqa’ l-appell u l-kawża tiġi kkunsidrata bħala fi stat li tiġi deċiża, tannulla d-deċiżjoni kkontestata, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 Fuq l-appelli

22      Fl-appell tagħha fil-Kawża C-553/10 P, il-Kummissjoni tinvoka tliet aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi, sa fejn il-Qorti Ġenerali naqset mill-teżamina l-konsegwenzi tal-eventwali nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju fil-konfront ta’ Éditis, fil-missjoni tiegħu, meta mqabbel ma’ Wendel Investissement. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, kontradizzjoni tal-motivi u żnaturament tal-fatti sa fejn hija kkonkludiet li r-rapport tal-mandatarju kellu influwenza determinanti fuq id-deċiżjoni kkontestata. It-tielet aggravju, li huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tar-rikonoxximent tan-natura operattiva ta’ motiv u fuq ksur tal-obbigu ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward, huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel parti ta’ dan l-aggravju hija relatata ma’ żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali sa fejn din tal-aħħar annullat id-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ motiv li kellu jiġi ddikjarat bħala ineffettiv. It-tieni parti tal-istess aggravju tikkonċerna ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Qorti Ġenerali naqset milli tindika r-raġunijiet li hija bbażat ruħha fuqhom sabiex tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata setgħet kienet differenti fl-assenza ta’ nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju.

23      Fl-appell tagħha fil-Kawża C-554/10 P, Lagardère tinvoka żewġ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali invokat bħala eċċezzjoni l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-mandatarju sabiex issejjes l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Permezz tat-tieni aggravju, Lagardère issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet b’mod żbaljat li l-preżenza ta’ mandatarju fil-bord ta’ tmexxija ta’ Éditis bħala terz indipendenti setgħet tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Dan l-aggravju, li jinkludi erba’ partijiet, jirriproduċi essenzjalment l-ewwel motiv tal-Kawża C‑553/10 P.

24      Peress li hemm sovrapożizzjoni bejn l-ewwel tliet aggravji tal-Kawża C-553/10 P u t-tieni aggravju tal-Kawża C-554/10 P, hemm lok li dawn jiġi ttrattati konġuntement.

 Fuq l-ewwel tliet aggravji tal-Kawża C-553/10 P u t-tieni aggravju tal-Kawża C-554/10 P

 L-argumenti tal-partijiet

25      Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn hija ma eżaminatx kif dan in-nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarja seta’ jaffettwa l-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar dwar il-kwalitajiet ta’ Wendel Investissement bħala akkwirenti tal-assi ta’ Éditis, u lanqas kif seta’ jqum is-suspett li din il-mandatarja abbozzat rapport li jista’ jwassal lill-Kummissjoni għal żball waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Tali pożizzjoni tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ indipendenza ta’ persuna inkarigata li tevalwa kandidat huwa ta’ portata legali biss jekk jiġi stabbilit li din il-persuna ħadet inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha, interess li huwa estranju għal dak li huwa marbut mal-iżvolġiment tajjeb tal-missjoni tagħha. Il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk l-insuffiċjenza tal-indipendenza tal-mandatarja fil-konfront ta’ Éditis setgħetx ikollha konsegwenzi fuq l-oġġettività tal-kontenut tar-rapport ta’ din tal-aħħar u, għaldaqstant, fuq l-evalwazzjoni ta’ Wendel Investissement bħala akkwirenti. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq motiv ineffettiv sabiex tannulla d-deċizjoni kkontestata.

26      Il-Kummissjoni tirreleva li d-deċiżjoni finali li tapprova l-akkwirenti tal-assi ċeduti mill-ġdid, fil-kuntest ta’ konċentrazzjoni, dejjem taqa’ fuq il-Kummissjoni, li ma tibbażax ruħha biss fuq ir-rapport tal-mandatarja, iżda tiġbor informazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess.

27      Insostenn tal-Kummissjoni, Wendel Investissement tirriproduċi l-kritika espressa fil-konfront tas-sentenza appellata billi tenfasizza li l-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx kif ir-rabta ta’ bejn Éditis u l-mandatarja setgħet ikollha influwenza fuq il-kontenut tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-kandidatura ta’ Wendel Investissement.

28      Skont Odile Jacob, ma jistax jiġi allegat li l-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għal-liġi Franċiża sabiex tivverifika jekk l-eżerċizzju simultanju minn B. tal-funzjoni ta’ membru tal-bord ta’ tmexxija ta’ Éditis u dik ta’ mandatarju, bħala president tad-ditta S., kienx kompatibbli mal-kriterju tal-indipendenza fir-rigward ta’ din il-kumpannija, peress li kien hemm biss l-applikazzjoni tal-lex societatis u tal-prinċipju li jiddetermina l-liġi applikabbli għal kumpannija, b’mod konformi mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali privat, sanċiti fir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6).

29      Għal Lagardère, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonkludi li kien hemm nuqqas ta’ indipendenza awtomatika tal-mandatarju minħabba r-rabtiet ta’ B. ma’ Éditis, iżda kellha tevalwa jekk il-mandat soċjali ta’ B. ipprekluldiex lill-mandatarja milli teżegwixxi l-kompiti tagħha b’indipendenza u trasparenza. Għall-kuntrarju, minbarra li ma kienx jikkostitwixxi kunflitt ta’ interess, il-mandat soċjali eżerċitat minn B. u l-missjoni eżerċitata mill-mandatarja kellhom bħala l-għan tagħhom l-indipendenza ta’ Éditis, u għalhekk kienu jikkostitwixxu missjonijiet kumplimentari.

30      Fir-rigward tal-portata tan-nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarja, Odile Jacob tikkunsidra li l-argument tal-Kummissjoni huwa ineffettiv, peress li l-illegalità kkonstatata tal-Qorti Ġenerali tikkostitwixxi ksur ta’ impenn kuntrattwali essenzjali li sar obbligatorju permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/422, li għalhekk jivvizzja l-proċess deċiżjonali kollu relatat mat-tranżazzjoni ta’ ċessjoni imposta mill-impenji ta’ Lagardère.

31      Fit-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, b’kontradizzjoni tal-motivi u bi żnaturament tal-fatti, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-rapport tal-mandatarja kellu influwenza determinanti fuq id-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni ssosnti li, permezz ta’ din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-tqassim tal-kompiti bejnha u l-mandatarja. Fil-fatt, hija biss il-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi dwar l-approvazzjoni ta’ kandidat xerrej. Għalkemm l-evalwazzjoni inkluża fir-rapport ta’ mandatarju tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni għall-iżvilupp tad-deċiżjoni finali tagħha, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma tkun marbuta mill-opinjoni tal-mandatarju, li ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni proprja tagħha. Il-Kummissjoni tibqa’ marbuta li twettaq l-investigazzjoni neċessarja, li tiġbor l-informazzjoni fuq inizjattiva tagħha billi tibbaża ruħha fuq id-dipartimenti proprji tagħha u fuq diversi talbiet għal informazzjoni indirizzati lill-impriżi kkonċernati, f’dan il-każ Lagardère u Wendel Investissement.

32      Minn ċertu xebh bejn ir-rapport tal-mandatarja u d-deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġi dedott li r-rapport in kwistjoni kellu “influwenza determinanti” fuq l-imsemmija deċiżjoni, kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 110 tas-sentenza appellata. Skont il-Kummissjoni, kien hemm biss ir-riproduzzjoni ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli li ma jinkludux evalwazzjonijiet suġġettivi.

33      Wendel Investissement qablet mal-argumentazzjoni tal-Kummissjoni.

34      Odile Jacob kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali ma interpretatx b’mod żbaljat it-tqassim tal-kompiti bejn il-Kummissjoni u l-mandatarja. In-nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarja approvata vvizzjat il-proċess deċiżjonali kollu. Fil-fatt il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni b’mod reali r-rapport tal-mandatarja fid-deċiżjoni kkontestata.

35      Wara li wettqet eżami komparattiv, fil-punti 112 sa 116 tas-sentenza appellata, tar-rapport tal-mandatarja u tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-erba’ kundizzjonijiet imposti mill-paragrafu 10 tal-impenji ta’ Lagardère dwar il-kwalitajiet tal-kandidat akkwirenti tal-assi ċeduti mill-ġdid, il-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni kienu identiċi għal dawk inklużi fir-rapport tal-mandatarja. Għalhekk, Odile Jacob ġustament tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dan ir-rapport eżerċita influwenza determinanti fuq id-deċiżjoni kkontestata.

36      Fir-rigward tat-tielet aggravju fil-Kawża C-553/10 P, Odile Jacob tirreleva li n-nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju ma jikkostitwixxix biss sempliċi irregolarità, iżda ksur tal-forom sostanzjali tal-proċedura amministrattiva, li għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr il-bżonn li jintwera li din id-deċiżjoni seta’ jkollha kontenut differenti fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità. Il-kundizzjoni ta’ indipendenza tal-mandatarja hija kundizzjoni fundamentali stabbilita fl-impenji ta’ Lagardère, li ingħataw il-forza obbligatorja bis-saħħa tad-Deċiżjoni 2004/422. Ir-rekwiżit tal-indipendenza tal-mandatarja għandu jiġi vverifikat mhux ex post, iżda ex ante, bil-għan li jiġi evitat il-kontroll tal-motivazzjonijiet suġġettivi li jistgħu jiggwidaw lill-mandatarja fil-missjoni tagħha, kif jirriżulta mir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Mejju 2002 intitolata “Indipendenza tal-Awdituri Legali fl-UE: prinċipji fundamentali” (ĠU L 191, p.22). Dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza jaqbel mar-rekwiżit ta’ indipendenza u ta’ apparenza ta’ indipendenza tal-qorti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37      L-appellanti jsostnu essenzjalment li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi, billi naqset milli tanalizza l-konsegwenzi tal-eventwali nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarja fir-rigward ta’ Éditis dwar l-evalwazzjoni tal-kandidatura ta’ Wendel Investissement bħala akkwirenti tal-assi ta’ Éditis, u jikkontestaw li r-rapport tal-mandatarja setgħet twassal lill-Kummissjoni għal żball fil-missjoni tagħha ta’ evalwazzjoni tal-kandidatura ta’ Wendel Investissement bil-għan li tapprovaha bħala akkwirenti tal-assi ċeduti mill-ġdid.

38      Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2004/422, it-tranżazzjoni nnotifikata, li permezz tagħha Lagardère takkwista l-kontroll esklużiv tal-assi mmirati ta’ VUP, issa msejħa Éditis, hija ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-ftheim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, b’riserva għall-osservanza minn Lagardère tal-impenji msemmija fl-Anness II tal-imsemmija deċiżjoni.

39      Skont il-paragrafi 15 u 21 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2004/422, il-parti li tinnotifika għandha tinnomina mandatarju bil-għan li jeżerċita l-missjonijiet partikolari u ġenerali li huwa jingħata, jiġifieri, partikolarment, li jiżgura l-eżekuzzjoni sodisfaċenti tal-impenji li Lagardère assumiet, kif ukoll sabiex jiżgura li l-assi ċeduti mill-ġdid jinżammu u jiġi ġestiti fi ħdan struttura distinta b’mod separat u indipendenti mill-assi kkonservati u minn attivitajiet oħra ta’ Lagardère, sad-data taċ-ċessjoni effettiva tal-assi ċeduti mill-ġdid.

40      F’każ ta’ diżgwid bejn Lagardère u Éditis dwar il-miżuri ta’ ristrutturazzjoni neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-impenji, jista’ jiġi involut il-mandatarju. Huwa għandu jiddeċiedi permezz ta’ rakkomandazzjoni dwar il-portata ta’ dawn il-miżuri, skont il-paragrafu 24 ta’ dawn l-impenji. Il-mandatarju għandu jinforma b’dan lill-Kummissjoni, li tista’ tistabbilixxi hija stess il-portata tal-miżuri ta’ ristrutturazzjoni neċessarji.

41      Għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ dawn il-missjonijiet, il-paragrafu 15 tal-imsemmija impenji jippreċiżaw, partikolarment, li l-mandatarju għandu jkun indipendenti minn Lagardère u minn Éditis u li ma jkunx espost għal kunflitt ta’ interessi. Ir-remunerazzjoni tiegħu għandha tkun żgurata minn Lagardère skont modalitajiet li ma jippreġudikawx l-eżekuzzjoni tajba tal-mandat tiegħu u lanqas l-indipendenza tiegħu.

42      Din l-indipendenza hija element mill-impenji li Lagardère assumiet u li għandhom jiġu osservati b’mod sħiħ. Din l-indipendenza ġiet stabbilita ex ante u tkopri l-attività kollha tal-mandatarju.

43      Mill-punti 85 u 87 tas-sentenza appellata jirriżulta li B., president tad-ditta S., ġie maħtur fl-20 ta’ Diċembru 2002 bħala membru tal-bord ta’ tmexxija ta’ Investima 10, li saret Éditis, u li fid-9 ta’ Frar 2004 d-ditta S. ġiet maħtura mandatarja. Fil-punt 89 tas-sentenza appellata huwa kkonstatat li B. wettaq il-funzjonijiet ta’ membru tal-bord eżekuttiv ta’ Éditis u ta’ mandatarju simultanjament, mid-9 ta’ Frar 2004 sal-25 ta’ Marzu 2004, data tat-trasformazzjoni ta’ Editis f’kumpannija b’responsabbiltà limitata simplifikata. Wara t-trasformazzjoni ta’ Éditis, B. żamm ir-rabtiet mill-qrib ma’ Éditis, peress li l-mandatarja kellha tliet rappreżentanti fi ħdan il-kumitat tal-azzjonisti.

44      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod korrett, fil-punt 104 tas-sentenza appellata, li l-eżerċizzju minn B. tal-funzjonijiet ta’ membru tal-bord ta’ tmexxija ta’ Investima 10, li saret Éditis, kien ta’ natura li jaffettwa l-indipendenza tal-mandatarju, u li din is-sitwazzjoni ma kinitx tippermetti li jiġi żgurat l-eżerċizzju, bl-indipendenza kollha, tal-attribuzzjonijiet ta’ mandatarju indipendenti msemmija fil-paragrafu 15 tal-impenji ta’ Lagardère.

45      Bl-istess mod, ġustament il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 107 tas-sentenza appellata, li r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-kandidatura ta’ Wendel Investissement dwar ix-xiri mill-ġdid tal-assi ċeduti mill-ġdid ġie redatt minn mandatarju li ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni tal-indipendenza fir-rigward ta’ Éditis.

46      Il-Kummissjoni ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar in-nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarja peress li dan kien punt ta’ fatt. Għall-kuntrarju, hija tallega li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina jekk dak in-nuqqas ta’ indipendenza kellux b’mod konkret influwenza fuq id-deċiżjoni kkontestata jew jekk, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, id-deċiżjoni kkontestata setax ikollha kontenut differenti. Skont il-Kummissjoni, is-sitwazzjoni tal-mandatarja ma affettwatx l-oġġettività tal-evalwazzjoni li hija għamlet fir-rapport tagħha fuq l-akkwirenti tal-assi ta’ Éditis u, konsegwentement, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

47      Dan l-argument tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

48      Fil-fatt, f’dan il-każ, il-mandatarja responsabbli “mill-eżekuzzjoni sodisfaċenti” tal-impenji tal-parti li tinnotifka ssodisfat il-funzjonijiet li ġew imposti fuqha indirettament mill-Kummissjoni. Dawn kienu funzjonijiet li l-Kummissjoni setgħet twettaq hija stess li kieku kellha riżorsi umani suffiċjenti.

49      Dan jirriżulta b’mod ċar mill-punti 52, 53, 55 u 56 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabbli taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 u taħt ir-Regolament tal-Kunsill [Kummissjoni] (KE) Nru 447/98 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 89). B’mod partikolari, il-punt 56 ta’ dan l-avviż jiddikjara li “[i]d-depożitarju għandu jassumi dmirijiet speċifiċi sabiex jiżgura l-konformità b’rieda tajba ma’ l-impenni f’isem il-Kummissjoni”.

50      Jeħtieġ li jitfakkar li l-paragrafu 15 tal-impenji tagħha kienu jimponu fuq Lagardère li taħtar mandatarju li, fost kundizzjonijiet oħra, kellu “jkun indipendenti minn Lagardère u minn Éditis”.

51      Għaldaqstant huwa stabbilit li tali mandatarju għandu qabel xejn ikun indipendenti mill-partijiet u, barra minn hekk, jaġixxi b’mod indipendenti minn dawn tal-aħħar, b’tali mod li n-nuqqas ta’ indipendenza hija biżżejjed sabiex tannulla deċiżjoni tal-Kummissjoni bħad-deċiżjoni kkontestata. Il-kwistjoni dwar jekk dan il-mandatarju aġġixxiex b’mod indipendenti tqum biss jekk ikun ġie kkonstatat preliminarjament li dan tal-aħħar kien effettivament indipendenti mill-partijiet.

52      Peress li l-Qorti Ġenerali kkonstatat ġustament li l-mandatarja ma kinitx indipendenti mill-partijiet, hija ma kinitx obbligata li teżamina jekk din il-mandatarja aġixxietx konkretament b’mod li juri dan in-nuqqas ta’ indipendenza.

53      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi billi annullat id-deċiżjoni kkontestata minħabba nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarja. Għaldaqstant, it-tliet aggravji invokati mill-Kummissjoni kif ukoll it-tieni aggravju sostnut minn Lagardère ma humiex fondati u għandhom jinċaħdu.

 Fuq l-ewwel aggravju tal-Kawża C-554/10 P, relatati mal-eċċezzjoni ta’ illegalità

 L-argumenti tal-partijiet

54      Lagardère issostni li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tuża l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-mandatarja sabiex issejjes l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-mekkaniżmu tal-eċċezzjoni tal-illegalità ma jistax jiġi invokat meta jiġu kkontestati żewġ deċiżjonijiet individwali. Billi ma ppreżentatx rikors kontra d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-mandatarja, fit-termini stabbiliti kkontestati, Odile Jacob ma tistax teċepixxi l-illegalità ta’ din id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni, peress li din tal-aħħar tkun saret definittiva fil-konfront tagħha, insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

55      Skont Lagardère u Wendel Investissement, ir-raġunament imwettaq mill-Qorti Ġenerali jwassal sabiex tiġi invokata, bħala eċċezzjoni, l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-mandatarja, li hija deċiżjoni individwali. Il-Qorti Ġenerali eżaminat direttament mhux il-motivi li wasslu għad-deċiżjoni kkontestata, iżda dawk li wasslu għall-ħatra tal-mandatarja, li ppreċedew id-deċiżjoni kkontestata.

56      Lagardère issostni li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-mandatarja ġiet ikkomunikata lill-partijiet fil-15 ta’ Frar 2005, data li minnha id-deċiżjoni laqgħtet ħażin lil Odile Jacob u fiha saret att kontestabbli fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Din id-deċiżjoni għalhekk kellha tiġi kkontestata, fit-termini stabbiliti kkontestati, permezz ta’ rikors separat minn dak ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx raġonevolment tagħmel riferiment għall-illegalità tal-ħatra tal-mandatarju sabiex tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

57      Odile Jacob tirrifjuta l-argumenti ta’ Lagardère u ta’ Wendel Investissement billi tirreleva li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-mandatarja għandha tiġi kkunsidrata mhux bħala deċiżjoni iżolata, iżda bħala deċiżjoni li tifforma parti minn kollettività ta’ atti li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

58      Barra minn hekk, Odile Jacob tirreleva li hija ma kinitx id-destinatarja, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE u tal-ġurisprudenza, tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-mandatarja u li, konsegwentement, kien diffiċli għaliha li tikkontestaha permezz ta’ rikors separat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

59      Hemm lok li jiġi osservat li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-mandatarja ġiet ikkomunikata lil Odile Jacob mhux qabel is-17 ta’ Frar 2005.

60      Fit-8 ta’ Novembru 2004, Odile Jacob ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali r-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, fejn ikkontestat ukoll il-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni tal-mandatarja. Issa, jeħtieġ li jiġi rrilevat li f’din id-data Odile Jacob kienet għadha ma ġietx ikkomunikata bid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-mandatarja. Għalhekk, ma jistax jiġi allegat fil-konfront tagħha li hija kkontestat, fir-rikors tagħha dirett kontra d-deċiżjoni kkontestata, il-legalità tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-mandatarja mingħajr ma talbet l-annullament minn qabel meta l-imsemmija deċiżjoni kienet tifforma parti mill-istess kollettività ta’ atti bħad-deċiżjoni kkontestata.

61      Ikun formaliżmu superfluwu u inutli li Odile Jacob tintalab tippreżenta rikors separat sabiex tikkontesta deċiżjoni individwali, li ġiet ikkomunikata lilha wara r-rikors prinċipali tagħha u li tifforma parti minn numru ta’ atti u li hija kkontestata minn dan ir-rikors prinċipali.

62      Għaldaqstant, dak l-aggravju għandu jinċaħad.

63      Peress li ma ntlaqa’ l-ebda aggravju invokat mill-appellanti, l-appelli fil-Kawżi C-553/10 P u C-554/10 P għandhom jinċaħdu.

 Fuq l-ispejjeż

64      Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 118 tagħhom, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk tkun saret talba f’dan is-sens. Peress li l-Kummissjoni u Lagardère tilfu fl-aggravji tagħhom u Odile Jacob talbet il-kundanna tagħhom, hemm lok li huma jiġi kkundannati kemm għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll għall-ispejjeż sostnuti minn Odile Jacob matul dawk l-appelli.

65      Peress li Odile Jacob ma talbitx li Wendel Investissement tiġi kkundannata għall-ispejjeż, din tal-aħħar għandha tbati biss l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appelli huma miċħuda.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea u Lagardère SCA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti minn Éditions Odile Jacob SAS.

3)      Wendel Investissement SA għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.