Language of document : ECLI:EU:F:2011:101

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)

5 ta’ Lulju 2011 (*)

“Servizz pubbliku – Membru tal-persunal bil-kuntratt – Kundizzjonijiet għar-reklutaġġ – Kapaċità fiżika – Eżami mediku ta’ reklutaġġ – Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali – Sigriet mediku – Trasferiment ta’ data medika bejn l-istituzzjonijiet – Dritt għar-rispett tal-ħajja privata”

Fil-Kawża F‑46/09,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA,

V, kandidata għal impjieg bħala membru tal-persunal bil-kuntratt mal-Parlament Ewropew, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn É. Boigelot u S. Woog, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, irrappreżentat minn M. V. Pérez Asinari u minn H. Kranenborg, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn K. Zejdová u S. Seyr, bħala aġenti,

konvenut,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla),

kompost minn S. Gervasoni (Relatur), President, H. Kreppel u M. I. Rofes i Pujol, Imħallfin,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Marzu 2011,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-5 ta’ Ottubru 2009, V ippreżentat ir-rikors ineżami intiż, prinċipalment, għall-annullament minn naħa, tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 li permezz tagħha d-Direttur tat-Tmexxija Amministrattiva tal-Persunal tal-Parlament Ewropew irtira, minħabba inkapaċità biex tiġi rreklutata, l-offerta ta’ xogħol li saritilha fl-10 ta’ Diċembru 2008, u, min-naħa l-oħra, tal-opinjoni tal-uffiċjal mediku tal-Parlament tat-18 ta’ Diċembru 2008, kif ukoll kumpens għad-danni allegatament subiti minnha.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 82(3) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”) jipprovdi:

“Membru tal-persunal bil-kuntratt jista’ jitqabbad jaħdem biss bil-kondizzjoni li huwa:

[…]

d)      fiżikament b’saħħtu biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu; […]”

3        Skont l-Artikolu 83 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg:

“Qabel ikun imqabbad jaħdem, membru tal-persunal bil-kuntratt għandu jkun eżaminat medikalment minn wieħed mill-uffiċjali mediċi ta’ l-istituzzjoni sabiex l-istituzzjoni tista’ tkun sodisfatta li jaqdi l-ħtiġijiet ta’ l-Artikolu 82(3)(d).

L-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal [tal-Unjoni Ewropea] għandu japplika b’analoġija.”

4        It-tieni paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jipprovdi li:

“Fejn opinjoni medika negattiva tingħata bħala riżultat ta’ l-eżami mediku pprovdut fl-ewwel paragrafu, il-kandidat jista’, fi żmien 20 ġurnata minn meta jkun innotifikat b’din l-opinjoni mill-istituzzjoni, jitlob li l-każ tiegħu [j]intbagħat għall-opinjoni ta’ kumitat mediku kompost minn tlett tobba magħżula mill-Awtorità tal-Ħatra minn fost l-uffiċjali mediċi tal-istituzzjoni. L-uffiċjal mediku responsabbli mill-ewwel opinjoni negattiva għandu jinstema’ mill-kumitat mediku. Il-kandidat jista’ jirreferi l-opinjoni ta’ tabib ta’ l-għażla tiegħu lill-kumitat mediku. Fejn l-opinjoni tal-kumitat mediku tikkonferma l-konklużjonijiet ta’ l-eżami mediku ipprovdut fl-ewwel paragrafu, il-kandidat għandu jħallas 50 % tal-miżati u ta’ l-ispejjeż konnessi.”

5        L-Artikolu 15 tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew, tat-3 ta’ Mejju 2004, li tadotta regoli interni dwar l-impjieg ta’ uffiċjali u impjegati oħra (iktar ’il quddiem ir-“regoli interni”) jipprovdi li:

“Qabel jiġi impjegat, membru ta’ l-istaff b’kuntratt joqgħod għal eżami mediku skond l-Artikolu 83 tal-Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg. Ir-riżultat ta’ dan l-eżami jibqa’ validu għal sena sakemm ma jingħatax parir kuntrarju mill-uffiċjal mediku ta’ l-Istituzzjoni li, skond il-każ, jista’ jistabbilixxi perjodu ta’ validità iqsar.”

6        Il-Gwida għall-proċeduri tas-servizz mediku tal-Kummissjoni Ewropea tipprovdi li, jekk ma jkun hemm l-ebda reklutaġġ, wara li tiġi kkonstatata l-kapaċità jew l-inkapaċità fiżika, il-fajl jitqiegħed fl-arkivji wara sitt xhur.

7        L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102) jipprovdi li:

“Skond dan ir-Regolament, l-istituzzjonijiet u l-korpi stabbiliti minn, jew fuq il-bażi ta’, [i]t-Trattati li jistabbilixxu [l-Unjoni Ewropea], hawnhekk iżjed ‘l quddiem imsejjħa ‘istituzzjonijiet jew korpi tal-Komunità’, għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertà ta’ persuni naturali, u b’mod partikolari d-drittijiet tagħhom għall-privatezza fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u m’għandhomx la jirrestrinġu u lanqas jipprojbixxu ċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ data personali bejniethom jew lil xi reċipjenti bla ħsara għall-liġi nazzjonali ta’ l-Istati Membri li timplimenta d-Direttiva 95/46/[KE].”

8        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 45/2001 jipprovdi li:

“1. Id-data personali għandha tkun:

a)      ipproċessata b’mod ġust u legali;

b)      miġbura għal għanijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux aktar ipproċessata b’mod inkompatibbli ma’ dawk l-għanijiet. L-ipproċessar aktar ta’ data personali għal għanijiet storiċi, statistiċi u xjentifiċi m’għandux jitqies inkompatibbli b’dan illi l-kontrollur jipprovdi salvagwardji adattati, b’mod partikolari biex jiżgura li d-data ma tiġix ipproċessata għal xi għan ieħor jew użata b’appoġġ għal miżuri jew deċiżjonijiet li jirrigwardaw xi [i]ndividwu partikolari;

ċ)      adegwata, relevanti u mhux eċċessiva b’relazzjoni ma’ l-għanijiet li għalih tiġi miġbura u/jew ipproċessata aktar;

d)      eżatta u, fejn meħtieġ, miżmuma aġġornata; kull pass raġonevoli għandu jittieħed biex jiġi żgurat li dak id-data li ma tkunx eżatta jew ma tkunx sħiħa, wara li jingħata kont ta’ l-għanijiet li għalih tkun inġabret jew li għalihom tkun ġiet pproċessata aktar, ma titħassarx jew tinbidel;

e)      miżmuma f’forma li tippermetti li l-identifikazzjoni tas-suġġett tad-data tinżamm għal żmien li ma jkunx itwal minn dak meħtieġ għall-għanijiet li għalihom id-data kienet inġabret jew li għalihom tkun ġiet aktar ipproċessata. L-istituzzjoni jew il-korp tal-Komunità għandu jistipula li d-data personali li għandha tinħażen għall-perjodi itwal għal użu storiku, statistiku jew xjentifiku għandha jew tinżamm f’forma anonima biss jew, jekk dan ma jkunx possibbli biss bl-identità tas-suġġetti tat-data f’kodiċi. F’kull każ, id-data m’għandhiex tintuża għal xi għan li ma jkunx dak l-għan storiku, statistiku jew xjentifiku.

2. Għandu jkun il-kontrollur li jiżgura li l-paragrafu 1 jitħares.”

9        Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 45/2001:

“ Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4, 5 u 10:

1) Id-data personali għandha tkun ipproċessata biss għal għanijiet barra minn dawn li għalihom tkun ġiet miġbura jekk il-bidla fil-għan tkun espressament permessa bir-regoli [i]nterni ta’ l-istituzzjoni jew korp tal-[Unjoni].

[…]”

10      L-Artikoli 7 tar-Regolament Nru 45/2001 jipprovdi li:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4, 5, 6 u 10:

1) Data personali għandha tiġi trasmessa biss fi ħdan jew lill-istituzzjonijiet jew korpi tal-Komunità jekk id-data tkun meħtieġa għall-eżerċizzju leġittimu ta’ kompiti koperti bil-kompetenza tar-reċipjent.

[…]”

11      L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 45/2001 jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu li:

“1. L-ipproċessar ta’ data personali li jikxef oriġini razjali jew etniku, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija fi trejd unjin, u tagħrif dwar is-saħħa jew il-ħajja sesswali, huwa ipprojbit.

2. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika fejn:

a)      is-suġġett tad-data jkun ta’ l-kunsens espress tiegħu jew tagħha għall-ipproċessar ta’ dik id-data, ħlief fejn ir-regoli interni ta’ l-istituzzjoni jew korp tal-Komunità jipprovdu li l-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tiġi mneħħija billi s-suġġett tad-data jagħti l-kunsens tiegħu jew tagħha, jew

b)      l-ipproċessar huwa meħtieġ għall-għan tal-konformità mad-drittijiet speċifiċi u l-obbligazzjonijiet tal-kontrollur fil-qasam tal-liġi ta’ l-impiegi [tad-dritt industrijali] sal-limitu li huwa awtorizzat bit-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropew jew strumenti legali oħra adottati fuq il-bażi tagħhom, jew, fejn meħtieġ, sal-limitu li jkun ġie miftiehem mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, bla ħsara għal salvagwardji adegwati […]

3. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika fejn l-ipproċessar tad-data huwa meħtieġ għall-għanijiet ta’ mediċina preventiva, dijanjosi mediku, il-provvsita ta’ kura jew trattament jew l-amministrazzjoni tas-servizzi tal-kura tas-saħħa, u fejn dik id-data tiġi proċessata mill-professjonist tas-saħħa bla ħsara għall-obbligazzjoni ta’ segretezza professjonali jew minn xi persuna oħra wkoll suġġetta għal obbligazzjoni ekwivalenti ta’ segretezza.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

12      Bejn Frar 1997 u Marzu 2006, ir-rikorrenti ħadmet f’diversi servizzi tal-Kummissjoni bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, għal perijodu totali ta’ madwar tliet snin. B’mod partikolari, hija ħadmet, iktar reċentement, bħala assistenta fi ħdan l-unità “investigazzjonijiet konġunti ma’ korpi oħra” tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), minn Settembru 2005 sa Marzu 2006.

13      Permezz ta’ nota tas-27 ta’ Frar 2006, ir-rikorrenti ġiet informata li għaddiet mill-eżamijiet ta’ selezzjoni ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt, imsejħa CAST 25, għall-25 Stat Membru fil-qasam segretarjali. Konsegwentement, isimha tniżżel fil-database finali tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) tal-kandidati li għaddew, liema lista kienet valida għal tliet snin.

14      F’Ġunju 2006, żewġ Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni wrew interess li jimpjegaw ir-rikorrenti.

15      Ir-rikorrenti ġiet mistiedna sabiex tagħmel eżami mediku bl-għan li tiġi evalwata l-kapaċità tagħha sabiex taqdi dmirijietha, skont l-Artikolu 83 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

16      Fis-26 ta’ Ġunju 2006, l-eżami mediku tar-reklutaġġ sar fil-bini tas-servizz mediku tal-Kummissjoni fi Brussell (il-Belġju) u r-rikorrenti ġiet eżaminata mit-tabib K.

17      Fid-29 ta’ Ġunju 2006, ir-rikorrenti bagħtet messaġġ elettroniku lil F., kap tas-servizz mediku tal-Kummissjoni, sabiex tilmenta dwar l-aġir mhux adegwat li kien wera t-tabib K. fir-rigward tagħha waqt l-eżami mediku ta’ reklutaġġ tas-26 ta’ Ġunju 2006.

18      F. investiga dan l-ilment f’Lulju 2006 billi, minn naħa, sema’ lit-tabib K., li caħad il-fatti li bihom ġie akkużat, u, min-naħa l-oħra, iltaqa’ mar-rikorrenti.

19      Meta din l-investigazzjoni ntemmet, minkejja n-nuqqas ta’ provi li jirrigwardaw il-fatti allegati fil-konfront tat-tabib K., ġie deċiż li t-trattament tal-fajl tar-rikorrenti jiġi fdat lil tabib ieħor.

20      Fis-26 ta’ Settembru 2006, l-uffiċjal mediku tal-Kummissjoni ta l-opinjoni medika li r-rikorrenti ma kellhiex il-kapaċità fiżika meħtieġa.

21      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Novembru 2006, S., direttriċi fi ħdan id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Persunal u amministrazzjoni”, informat lir-rikorrenti li hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ kapaċità fiżika meħtieġa sabiex taqdi dmirijietha u li kellha l-possibbiltà titlob, f’terminu ta’ 20 jum, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-każ tagħha jintbagħat għall-opinjoni ta’ Kumitat Mediku.

22      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Novembru 2006, ir-rikorrenti talbet li l-każ tagħha jintbagħat għall-opinjoni ta’ Kumitat Mediku.

23      Fl-opinjoni tiegħu tas-17 ta’ April 2007, adottata b’mod unanimu mit-tliet membri tiegħu, il-Kumitat Mediku indika, wara li eżamina d-dokumenti kollha tal-fajl tal-persuna kkonċernata u wara li ġab opinjoni ta’ espert ta’ psikjatra, li huwa kien “tal-opinjoni li [r-rikorrenti] ma [kellhiex] il-kapaċità meħtieġa sabiex taqdi dmirijietha”. Ġie ppreċiżat, fl-aħħar tal-opinjoni, li “il-bażi medika tal-konklużjonijiet [kienet] qed tintbagħat taħt sigriet mediku [lis-servizz mediku tal-Kummissjoni]”.

24      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li “[s]kont l-opinjoni tal-kumitat [kopja ta’ liema kienet annessa mal-ittra], [hija] ma [kinitx] tissodisfa[…] il-kundizzjonijiet ta’ kapaċità fiżika meħtieġa sabiex taqdi dmirijiet[ha]”. F’din l-ittra ssemma li “[i]l-bażi medika tal-konklużjonijiet [kienet] qed tintbagħat taħt sigriet mediku lill-[k]ap tas-[s]ervizz mediku tal-Kummissjoni fi Brussell, liema informazzjoni huwa [kien] daħħal [fil-]fajl mediku [tar-rikorrenti]”.

25      Fid-9 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrenti ppreżentat ilment kontra din id-deċiżjoni.

26      Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni ma laqgħatx dan l-ilment.

27      Fl-4 ta’ Marzu 2008, ir-rikorrenti ppreżentat rikors b’mod partikolari kontra d-deċiżjoni tal-15 ta’ Mejju 2007, bir-referenza F‑33/08. Permezz tas-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2009, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku caħad ir-rikors. Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, li quddiemha tressaq appell, ikkonfermat din iċ-ċaħda permezz tas-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2011 (V vs Il-Kummissjoni, T‑510/09 P).

28      Wara li s-servizz mediku tal-Parlament, permezz ta’ nota tad-9 ta’ Diċembru 2008, talab lill-Kummissjoni li tibgħatlu il-fajl mediku tar-rikorrenti, il-Parlament ippreżenta, permezz ta’ ittra tal-10 Diċembru 2008, offerta ta’ impjieg lir-rikorrenti bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, għal impjieg li jaqa’ taħt il-grupp ta’ funzjoni II mas-Segretarjat Ġenerali għall-perijodu mit-2 ta’ Frar sat-2 ta’ Awissu 2009. F’din l-ittra ġie ppreċiżat li din l-offerta kienet suġġetta għall-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ previsti fl-Artikolu 82 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u l-eżitu pożittiv tal-eżami mediku ta’ reklutaġġ. Ir-rikorrenti ntalbet ukoll sabiex tibgħat bil-faks, fi żmien ġimagħtejn, id-dokumenti neċessarji, b’mod partikolari kopji ċertifikati tal-attestazzjonijiet ta’ kull min impjegaha preċedentement. Permezz ta’ messaġġ elettroniku li ntbagħat fl-istess jum, il-persuna responsabbli għall-ġestjoni tal-fajl ta’ reklutaġġ tar-rikorrenti informat b’mod partikolari lir-rikorrenti bil-modalitajiet tal-eżami mediku ta’ reklutaġġ u talbitha sabiex tieħu magħha ritratt tal-passaport “sabiex jinfetaħ il-fajl mediku [tagħha]”.

29      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-10 ta’ Diċembru 2008, ir-rikorrenti aċċettat l-offerta ta’ impjieg tal-Parlament. Permezz ta’ messaġġ elettroniku li ntbagħat fl-istess jum, hija informat lill-Parlament li kien impossibbli għaliha li tibgħat bil-fax id-dokumenti mitluba fi żmien ġimagħtejn minħabba l-fatt li kienet barra mill-pajjiż u li, minħabba żmien il-Milied, hija riedet tikseb estensjoni sa Jannar.

30      Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Diċembru 2008, ir-rikorrenti ġiet mistiedna sabiex fis-7 ta’ Jannar 2009 tagħmel l-eżami mediku ta’ reklutaġġ. Din l-ittra kellha, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna, l-ismijiet ta’ sitt tobba tas-servizz mediku tal-Parlament fi Brussell. L-ittra kienet iffirmata mit-tabib B. Fost is-sitt tobba msemmija kien hemm it-tabib K., li kien għamel l-eżami mediku ta’ reklutaġġ tas-26 ta’ Ġunju 2006 tar-rikorrenti fil-Kummissjoni u li l-aġir tiegħu kien ġie kkontestat mir-rikorrenti.

31      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-11 ta’ Diċembru 2008, il-persuna responsabbli għall-ġestjoni tal-fajl tar-rikorrenti wieġbet lil din tal-aħħar li ma kien hemm l-ebda problema jekk hija tibgħat id-dokumenti mitluba f’Jannar, billi r-reklutaġġ kien previst għat-2 ta’ Frar 2009.

32      Fit-12 ta’ Diċembru 2008, ir-rikorrenti, fuq inizjattiva tagħha stess, marret il-klinika tal-Parc Léopold fi Bruxelles sabiex tagħmel l-analiżi tad-demm.

33      Fit-12 ta’ Diċembru 2008, is-servizz mediku tal-Parlament irċieva kopja tal-fajl mediku ta’ reklutaġġ tar-rikorrenti, li l-oriġinal tiegħu nżamm fl-arkivji tal-Kummissjoni wara r-rifjut ta’ reklutaġġ tal-persuna kkonċernata minn din l-istituzzjoni.

34      Permezz ta’ opinjoni tat-18 ta’ Diċembru 2008, l-uffiċjal mediku tal-Parlament ikkonkluda, wara li kkonsulta l-fatti mibgħuta mill-Kummissjoni, li r-rikorrenti ma għandhiex il-kapaċità fiżika sabiex taqdi “dmirijietha kollha fl-[i]stituzzjonijiet Ewropej kollha”. Din l-opinjoni hija intitolata “Riżultat tal-eżami mediku tas-26 ta’ [Ġunju] 2006 li sar fil-Kummissjoni fi Brussell” u hija bbażata fuq il-fatt li r-rikorrenti ġiet ikkunsidrata li ma għandiex il-kapaċità sabiex taqdi dmirijietha fis-26 ta’ Settembru 2006 mill-uffiċjal mediku tal-Kummissjoni, liema inkapaċità ġiet ikkonfermata fis-17 ta’ April 2007 mill-Kumitat Mediku ta’ Appell u li “attwalment għadha valida għall-funzjonijiet kollha fl-istituzzjonijiet Ewropej kollha”.

35      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Diċembru 2008, il-Parlament informa lir-rikorrenti dwar l-opinjoni ta’ inkapaċità msemmija iktar ’il fuq tat-18 ta’ Diċembru 2008 u rtira l-offerta ta’ mpjieg li saritilha fl-10 ta’ Diċembru 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). F’din l-ittra, l-ewwel nett, il-Parlament fakkar l-obbligu li kellha r-rikorrenti li tinformah b’kull eżami mediku ta’ reklutaġġ li kien sar preċedentement ma’ istituzzjoni oħra sabiex tiffaċilita l-proċedura ta’ reklutaġġ u sabiex tippermetti t-trasferiment tal-fajl mediku miżmum mill-istituzzjoni inkwistjoni. It-tieni nett, il-Parlament indika li kien kiseb it-trasferiment tal-fajl mediku tar-rikorrent miżmum mill-Kummissjoni, wara li sar jaf, billi kkonsulta d-database CAST, li l-persuna kkonċernata kienet diġà ħadmet għall-imsemmija istituzzjoni.

36      Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Jannar 2009, ir-rikorrenti ressqet, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata. Il-Parlament isostni, mingħajr ma ġie kontradett, li huwa rċieva l-ilment fis-7 ta’ Jannar 2009.

37      Permezz ta’ messaġġi elettroniċi tas-26 ta’ Jannar u tat-13 ta’ Marzu 2009, ir-rikorrenti żiedet mal-ilment. Barra minn hekk, hija talbet li jintbagħtulha r-riżultati tal-analiżi tad-demm imwettqa fit-12 ta’ Diċembru 2008 fil-klinika tal-Parc Léopold u fis-26 ta’ Ġunju 2006 mis-servizz mediku tal-Kummissjoni u akkużat lit-tabib K. li ffalsifika r-riżultati ta’ dawn l-analiżi mediċi.

38      Fit-18 ta’ Frar 2009, ir-rikorrenti għamlet analiżi ġdida tad-demm li turi, skont is-sorsi li għalihom tirreferi, “differenza notevoli u mad-daqqa t’għajn diffiċli li tispjega meta mqabbla mar-riżultati tal-analiżi tad-demm tat-12 ta’ Diċembru 2008”.

39      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ April 2009, il-Parlament informa lir-rikorrenti li huwa jiċħad l-akkużi li t-tabib K. kien iffalsifika r-riżultati tal-analiżi tad-demm imsemmija iktar ’il fuq.

40      Deċiżjoni impliċita ta’ caħda tal-ilment ġiet istitwita fis-7 ta’ Mejju 2009.

41      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Mejju 2009, il-Parlament bagħad ir-riżultati tal-analiżi tad-demm lir-rikorrenti.

42      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Ġunju 2009, li ġiet innotifikata lir-rikorrenti fit-2 ta’ Lulju 2009, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament ċaħad espliċitament l-ilment.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

43      Ir-rikorrenti titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jordna lill-Parlament, qabel jaqta’ u jiddeċiedi, minn naħa, li jirtira mill-fajl mediku tagħha r-riżultati tal-analiżi tad-demm li saru fit-12 ta’ Diċembru 2008 fil-klinika tal-Parc Léopold minħabba falsifikazzjoni mit-tabib K., u, min-naħa l-oħra, li jirtira, jissostitwixxi jew jikkoreġi fil-fajl mediku tagħha r-risposti ħżiena li tat taħt il-pressjoni tat-tabib K. meta għamlet l-eżami mediku ta’ reklutaġġ fil-Kummissjoni;

–        jannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        jannulla l-opinjoni tal-uffiċjal mediku tat-18 ta’ Diċembru 2008;

–        jordna lill-Parlament jorganizza eżami mediku ta’ reklutaġġ veru u proprju li ma huwiex diskriminatorju u joffri mill-ġdid l-impjieg li kien ġie propost lilha mid-DĠ “Komunikazzjoni” tal-Parlament;

–        jikkundanna l-Parlament li jħallasha s-somma ta’ EUR 70 000 bħala kumpens għad-danni morali u materjali allegati, liema somma hija suġġetta għal interessi moratorji;

–        jikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

44      Il-Parlament jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż kollha.

45      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Frar 2010, dwar miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talab lill-Parlament jippreżenta d-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tat-3 ta’ Mejju 2004, li tadotta regoli interni dwar l-impjieg ta’ uffiċjali u impjegati oħra. Il-Parlament ikkonforma ruħu ma’ din it-talba.

46      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ April 2010, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku adotta miżura istruttorja, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 58(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li biha talab lill-Kummissjoni tippreċiża b’mod partikolari liema kienu r-regoli interni ta’ din l-istituzzjoni li kienu applikabbli fil-qasam tat-trasferiment ta’ data personali ta’ karattru mediku lejn istituzzjoni oħra u f’liema ċirkustanzi fattwali kien seħħ it-trasferiment tad-data medika ta’ V lill-Parlament. Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ April 2010, il-Kummissjoni kkonformat ruħha ma’ din it-talba.

47      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ April 2010, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stieden lill-Parlament, minn naħa, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jippreċiża ċ-ċirkustanzi fattwali li fihom seħħ it-trasferiment tad-data medika tar-rikorrenti, u, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 111(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-possibbiltà li l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) jintalab jintervjeni fil-proċedura. Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ April 2010, il-Parlament ikkonforma ruħu mal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u informa lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li ma kellu l-ebda osservazzjoni x’jagħmel dwar il-possibbiltà li l-KEPD jintalab jintervjeni fil-proċedura.

48      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ April 2010, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stieden lir-rikorrenti, skont l-Artikolu 111(1) tar-Regoli tal-Proċedura, tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-possibbiltà li l-KEPD jintalab jintervjeni fil-proċedura. Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ April 2010, ir-rikorrenti wieġbet li fl-opinjoni tagħha tali intervent kien opportun.

49      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sostna li ma kienx hemm lok li l-Kummissjoni tiġi mistiedna tintervjeni f’din il-kawża, billi din l-istituzzjoni ppreżentat lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-kuntest tal-miżura istruttorja msemmija iktar ’il fuq, l-informazzjoni addizzjonali neċessarja għall-proċess. Barra minn hekk, fil-kawża preżenti, id-drittijiet tal-Kummissjoni ma għandhomx jiġu affettwati direttament, billi l-ebda att ta’ din l-istituzzjoni ma ssemma fit-talbiet tar-rikors.

50      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat-23 ta’ April 2010, ir-rikorrenti informat lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li hija kienet issospendiet il-mandat tal-avukat tagħha sakemm tiġi deċiża t-talba tagħha sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrinunzja għall-kompetenza tiegħu, liema talba hija kienet indirizzat lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

51      Wara skambju ta’ ittri u ta’ messaġġi elettroniċi bejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u r-rikorrenti, b’mod partikolari ittra tar-Reġistratur tal-21 ta’ Mejju 2010 u ittra tal-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-10 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrenti kkonfermat, permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Ġunju 2010 indirizzata lill-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li hija kienet ser iżżomm ir-rikors tagħha quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kif ukoll il-mandat ta’ rappreżentanza li hija kienet tat lil É. Boigelot f’din il-kawża. Din l-ittra tar-rikorrenti ma ddaħħlitx fil-proċess. Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Lulju 2010, É. Boigelot ikkonfermat li hija kienet għadha qed tirrappreżenta lir-rikorrenti f’din il-kawża. Annessa ma’ din l-ittra kien hemm l-ittra tal-15 ta’ Ġunju 2010 tar-rikorrenti.

52      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Lulju 2010, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talab lill-KEPD jindikalu jekk xtaqtx jintervjeni f’din il-kawża. F’din l-ittra, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku enfasizza b’mod partikolari li r-rikorrenti invokat l-ksur tal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 45/2001.

53      Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Awwissu 2010, il-KEPD wieġeb li huwa xtaqt jintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

54      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Settembru 2010, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stieden lill-partijiet, skont l-Artikolu 111(2) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jindikawlu, skont il-każ, id-dokumenti li huma jqisu bħala sigrieti jew kunfidenzjali u li, konsegwentement, ma jixtiequx li jintbagħtu lill-intervenjent. Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti għamlet talba għat-trattament kunfidenzjali tad-data tagħha ta’ natura personali fir-rigward ta’ kull att proċedurali f’din il-kawża, sabiex tiġi evitata kull possibbiltà li tiġi identifikata, u bagħtet lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rikors.

55      Il-partijiet ġew informati permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Ottubru 2010 li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien laqa’ t-talba tar-rikorrent għal trattament kunfidenzjali. Il-Parlament ġie mistieden jibgħat lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku verżjoni mhux kunfidenzjali tad-difiża tiegħu u tal-ittra tat-23 ta’ April 2010 li permezz tagħha kien indika, b’mod partikolari, li ma kellu l-ebda osservazzjoni x’jissottometti dwar il-possibbiltà li l-KEPD jintervjeni fil-kawża. Il-Parlament ikkonforma ruħu ma’ din it-talba.

56      Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Novembru 2010, l-intervent tal-KEPD ġie aċċettat.

57      Fit-10 ta’ Jannar 2011, il-KEPD ppreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu. Huwa jippreċiża f’din in-nota li huwa qed jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti biss sa fejn hija ssostni li l-kondotta tas-servizz mediku tal-Parlament kiser ir-regoli ta’ protezzjoni tad-data.

58      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Frar 2011, il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din in-nota.

 Id-dritt

1.     Fuq it-talbiet għall-annullament tal-opinjoni tal-uffiċjal mediku tat-18 ta’ Diċembru 2008

59      Skont ġurisprudenza kostanti, huma biss il-miżuri li għandhom effetti ġuridiċi vinkolanti, ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni ġuridika tiegħu, li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 1994, Pérez Jiménez vs Il-Kummissjoni, T‑6/93, punt 34). Fir-rigward ta’ atti jew ta’ deċiżjonijiet li l-elaborazzjoni tagħhom issir f’fażijiet differenti, b’mod partikolari fi tmiem il-proċedura interna, bħala prinċipju, huma biss il-miżuri li jistabbilixxu definittivament il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fi tmiem din il-proċedura, bl-esklużjonji tal-miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara, b’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda opinjoni tal-Kumitat Mediku, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il-Kummissjoni, T‑394/03, punt 36; għal dak li jirrigwarda opinjoni tal-kumitat ta’ invalidità, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-4 ta’ Novembru 2008, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑41/06, punti 53 u 54).

60      L-opinjoni tal-uffiċjal mediku tat-18 ta’ Diċembru 2008 tikkostitwixxi att preparatorju tad-deċiżjoni kkontestata u, konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistax tikkontestaha direttament. Minn dan isegwi li t-talbiet kontra din l-opinjoni għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

2.     Fuq it-talbiet intiżi sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jordna ċerti miżuri

61      Ir-rikorrenti titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jordna lill-Parlament, minn naħa, jirtira mill-fajl mediku tagħha r-riżultati tal-analiżi tad-demm li saru fit-12 ta’ Diċembru 2008, u, min-naħa l-oħra, jirtira mill-fajl mediku tagħha jew jissostitwixxi jew jikkoreġi r-risposti ħżiena li hija tat taħt il-pressjoni tat-tabib K. meta għamlet l-eżami mediku ta’ reklutaġġ fil-Kummissjoni. Ir-rikorrenti titlob ukoll lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jordna lill-Parlament jorganizza eżami mediku ta’ reklutaġġ u li joffri mill-ġdid l-impjieg li kien ġie propost lilha mid-DĠ “Komunikazzjoni” tal-Parlament.

62      Tali talbiet huma, kif isostni l-Parlament, intiżi li tinkiseb ordni.

63      Issa, hija ġurisprudenza kostanti li l-qorti tal-Unjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni tindirizza ordnijiet lill-istituzzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1989, Becker u Starquit vs Il-Parlament, C‑41/88 u C‑178/88, pubblikazzjoni sommarja, punt 6; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Ġunju 1994, X vs Il-Kummissjoni, T‑94/92, punt 33; tad-9 ta’ Ġunju 1998, Chesi et vs Il-Kunsill, T‑172/95, punt 33, u tal-15 ta’ Diċembru 1999, Latino vs Il-Kummissjoni, T‑300/97, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-7 ta’ Novembru 2007, Hinderyckx vs Il-Kunsill, F‑57/06, punt 65).

64      Konsegwentement, it-talbiet imsemmija iktar ’il fuq jistgħu biss jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

3.     Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

65      Ir-rikorrenti tqajjem essenzjalment erba’ motivi:

–        l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-natura irregolari tal-opinjoni tal-uffiċjal mediku tal-Parlament, mogħtija abbażi ta’ dokumenti li joriġinaw mis-servizz mediku tal-Kummissjoni u li tfasslu iktar minn sentejn ilu u mingħajr eżami kliniku u psikoloġiku minn qabel tal-persuna kkonċernata;

–        it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-proċedura prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, inkwantu d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mingħajr ma r-rikorrenti ngħatat l-opportunità tirreferi l-kwistjoni lill-Kumitat Mediku ta’ Appell;

–        it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ rispett tal-ħajja privata u tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 45/2001;

–        ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-natura irregolari tal-opinjoni tat-tabib

 L-argumenti tal-partijiet

66      Ir-rikorrenti ssostni li l-opinjoni tal-uffiċjal mediku, li abbażi tagħha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, ingħatat f’ċirkustanzi irregolari. Fil-fatt, l-uffiċjal mediku ta l-opinjoni tiegħu mingħajr ma eżamina r-rikorrenti u abbażi biss ta’ fajl mediku preċedenti, li jorigina mis-servizz mediku tal-Kummissjoni b’informazzjoni li hija ta’ sentejn ilu u li ġie kkontestat fil-Kawża F‑33/08. Issa, il-qorti tal-Unjoni tqis li l-eżami mediku ta’ reklutaġġ għandu neċessarjament jinkludi, sabiex ma tintilifx l-utlità tiegħu, eżami kliniku. Barra minn hekk, skont ir-regoli tal-Kummissjoni, il-validità ta’ opinjoni ta’ inkapaċità hija limitata għal sitt xhur.

67      Il-Parlament ma jikkontestax il-fatt li r-rikorrenti ma kinitx suġġetta għal eżami kliniku mill-uffiċjal mediku tiegħu. Madankollu, f’dan il-każ, huwa jsostni li l-uffiċjal mediku tiegħu ma kienx obbligat jagħmel tali eżami.

68      L-ewwel nett, il-Parlament jenfasizza, b’mod preliminari, li d-deċiżjoni ta’ inkapaċità adottata mill-Kummissjoni fir-rigward tar-rikorrenti ġiet meqjusa legali mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sentenza tiegħu tal-21 ta’ Ottrubru 2009 (V vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq). Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata u l-opinjoni tal-uffiċjal mediku huma bbażati fuq deċiżjoni li l-Kummissjoni adottat legalment.

69      It-tieni nett, il-Parlament isostni li jekk jagħmilx jew le eżami kliniku tal-kandidat għar-reklutaġġ hija kwistjoni purament medika li ma tistax tkun is-suġġett ta’ stħarriġ tal-qorti. Huwa jfakkar f’dan ir-rigward, b’analoġija, il-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà li għandu l-kumitat ta’ invalidità li jagħmel eżami mediku tal-uffiċjal.

70      It-tielet nett, il-Parlament isostni li l-uffiċjal mediku tiegħu kien fil-pussess tal-fajl mediku tar-rikorrenti trażmess mill-Kummissjoni, liema fajl kien jinkludi r-riżultati ta’ diversi eżamijiet fiżiċi u opinjonijiet ta’ esperti addizzjonali. Issa, l-informazzjoni li fih dan il-fajl kienet suffiċjentement reċenti u rilevanti sabiex ikun jista’ jagħti l-opinjoni tiegħu fid-dawl tan-natura kronika u persistenti tal-patoloġija tar-rikorrenti.

71      Ir-raba’ nett, il-Parlament jeskludi l-argument ibbażat fuq il-Gwida għall-proċeduri tas-servizz mediku tal-Kummissjoni, liema dokument ma huwiex applikabbli għall-Parlament. L-unika regola interna applikabbli għall-Parlament li tirrigwarda l-validità ta’ eżami ta’ reklutaġġ hija stabbilita fl-Artikolu 15 tar-regoli interni, liema artikolu jipprovdi perijodu ta’ validità ta’ sena ta’ opinjoni ta’ inkapaċità. Issa, din ir-regola hija applikabbli biss għal opinjonijiet pożittivi u ma tipprekludix lill-uffiċjal mediku tal-Parlament, sabiex jagħti l-opinjoni inkwistjoni f’din il-kawża, milli jirreferi għal opinjoni ta’ inkapaċità ta’ uffiċjal mediku tal-Kummissjoni mogħtija iktar minn sena ilu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

72      Għalkemm qorti tal-Unjoni ma tistax, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità ta’ rifjut ta’ reklutaġġ motivat minn inkapaċità fiżika, tissostitwixxi opinjoni li hija speċifikament ta’ natura medika bl-evalwazzjoni tagħha stess, hija madankollu tista’ tivverifika jekk il-proċedura ta’ reklutaġġ żvolġietx legalment u, b’mod iktar partikolari, teżamina jekk ir-rifjut ta’ reklutaġġ huwiex ibbażat fuq opinjoni medika motivata, li tistabbilixxi rabta li tinftiehem bejn ir-riżultati mediċi li jinsabu fiha u l-konklużjoni li għaliha tasal (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ April 1994, A vs Il-Kummissjoni, T‑10/93, punt 61).

73      Huwa possibbli, għall-uffiċjal mediku ta’ istituzzjoni, li jibbaża l-opinjoni tiegħu ta’ inkapaċità fiżika mhux biss fuq l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet fiżiċi jew psikiċi attwali, iżda wkoll fuq pronjosi, bi bażi medika, ta’ kundizzjonijiet futuri li jistgħu jippreġudikaw, fil-futur qarib, it-twettiq normali tal-funzjonijiet inkwistjoni (sentenza A vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

74      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, fil-każijiet fejn istituzzjoni tal-Unjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi huwa ta’ importanza fundamentali. Il-qorti tal-Unjoni kellha l-okkażjoni li tippreċiża li fost dawn il-garanziji hemm b’mod partikolari l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni u li timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod suffiċjenti (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, punt 14; tas-7 ta’ Mejju 1992, Pesquerias De Bermeo u Naviera Laida vs Il-Kummissjoni, C‑258/90 u C‑259/90, punt 26, tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, punt 58; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, punt 163).

75      F’dan il-każ, jirriżulta mill-kliem stess tal-opinjoni tat-18 ta’ Diċembru 2008 li l-uffiċjal mediku tal-Parlament, fl-għoti ta’ din l-opinjoni, ibbaża ruħu esklużivament fuq data medika li kienet inġabret mill-Kummissjoni fl-2006 u fl-2007, iktar minn sena u nofs qabel, fil-kuntest ta’ eżami mediku ta’ reklutaġġ ieħor. Il-Parlament ma jikkontestax barra minn hekk il-fatt li din id-data medika kienet inġabret mill-Kummissjoni iktar minn sena u nofs qabel ma ngħatat l-opinjoni ta’ inkapaċità tal-uffiċjal mediku tal-Parlament fit-18 ta’ Diċembru 2008.

76      Issa, għandu jiġi osservat, qabel xejn, li l-Artikolu 15 tar-regoli interni, regola ta’ kondotta li l-Parlament impona fuqu stess u li għalhekk ma jistax jeskludiha mingħajr ma jippreċiża r-raġunijiet li wassluh għal tali deċiżjoni, jillimita b’mod ġenerali għal sena l-validità tar-riżultat ta’ eżami mediku mwettaq fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 83 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Għaldaqstant, fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni, il-Parlament kellu, għall-inqas, jiddubita mill-validità tad-data miġbura mill-Kummissjoni, peress li ma setax jikkunsidraha bħala valida iktar minn sena wara l-eżami ta’ reklutaġġ jekk din id-data kienet inġabret waqt proċedura ta’ reklutaġġ immexxija minnu stess.

77      Sussegwentement, ġie deċiż li l-eżami mediku għandu neċessarjament jinkludi, sabiex ma tintilifx l-utlità tiegħu, eżami kliniku u, skont il-każ, it-testijiet bijoloġiċi addizzjonali ordnati mill-uffiċjal mediku (sentenza A vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 49 sa 51).

78      Fl-aħħar nett, jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fil-punti 73 u 74 li opinjoni ta’ inkapaċità, sabiex tkun valida, għandha tikkonstata problemi attwali jew futuri u tkun ibbażata fuq elementi rilevanti.

79      Huwa minnu li l-Parlament isostni, billi jibbaża ruħu fuq il-ġurisprudenza fil-qasam tal-konstatazzjoni tal-oriġini professjonali ta’ invalidità, li l-kwistjoni dwar jekk għandux, f’dawn iċ-ċirkustanzi, isir eżami kliniku tal-persuna kkonċernata taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-membri tal-kumitat ta’ invalidità (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Novembru 2004, O vs Il-Kummissjoni, T‑376/02, punt 44).

80      Madankollu, din il-ġurisprudenza tirrigwarda l-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjonijiet purament mediċi u ma jistax jiġġustifika li l-uffiċjal mediku jeżenta lilu nnifsu mill-obbligu, previst fl-Artikolu 83 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li jagħmel eżami mediku sabiex jiżgura ruħu mill-kapaċità tal-persuna kkonċernata fil-qadi tal-funzjonijiet tagħha.

81      Barra minn hekk, is-setgħa diskrezzjonali fil-qasam mediku mogħtija lit-tabib ma tipprekludix lill-qorti, minn naħa, milli tivverifika li l-provi invokati jkunu fattwalment preċiżi, affidabbli u koerenti, u, min-naħa l-oħra, milli tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tiġi kkunsidrata sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn il-provi humiex kapaċi jissostanzjaw il-konklużjonijiet misluta minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Mejju 2004, Hecq vs Il-Kummissjoni, T‑191/01, punt 63).

82      Għaldaqstant, f’dan il-każ, fid-dawl ta’ kemm kellha żmien id-data medika mibgħuta mill-Kummissjoni u tal-evoluzzjoni possibbli ta’ din id-data fil-frattemp, l-uffiċjal mediku ma kellux l-elementi rilevanti dwar l-istat ta’ saħħa tar-rikorrenti meta ta l-opinjoni tiegħu ta’ inkapaċità.

83      L-argument tal-Parlament, ibbażat fuq il-patoloġija li mmotivat il-konstatazzjoni ta’ inkapaċità tar-rikorrenti mill-Kummissjoni fl-2007, ma għandux jiġi kkunsidrat. Fil-fatt, ġie deċiż li disturbi mentali, li min-natura tagħhom stess huma evoluttivi, ma jistgħux jiġġustifikaw li l-persuna li ssofri minnhom għandha definittivament tiġi eskluża mis-servizz, billi l-amministrazzjoni għandha l-obbligu li tiżgura eżami mill-ġdid perijodiku tal-persuna kkonċernata f’intervalli raġonevoli (ara, għal dak li jirrigwarda t-tpoġġija ex officio ta’ uffiċjal fuq leave tal-mard, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-13 ta’ Diċembru 2006, de Brito Sequeira Carvalho vs Il-Kummissjoni, F‑17/05, punti 129 u 130, ikkonfermata mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ottubru 2009, de Brito Sequeira Carvalho vs Il-Kummissjoni, T‑40/07 P, u Il-Kummissjoni vs de Brito Sequeira Carvalho, T‑62/07 P, punti 231 sa 240).

84      Għal dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanza li d-deċiżjoni ta’ inkapaċità tar-rikorrenti adottata mill-Kummissjoni fl-2007 ġiet ikkunsidrata bħala illegali mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, din ma għandha, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti preċedenti, l-ebda effett fuq l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ dan il-motiv.

85      Barra minn hekk, waqt is-seduta, bi tweġiba għall-mistoqsijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-aġenti tal-Parlament indikaw li, minħabba s-sigriet mediku, huma ma kellhomx aċċess iktar milli kellha l-Awtorità tal-Ħatra meta ddeċidiet dwar l-ilment tar-rikorrenti għad-dokumenti li abbażi tagħhom l-uffiċjal mediku tal-Parlament ta l-opinjoni tiegħu ta’ inkapaċità. Għaldaqstant, ma setgħux jindikaw lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku n-natura ta’ dawn id-dokumenti u lanqas ma setgħu jikkonfermaw li l-fajl mibgħut mill-Kummissjoni lill-Parlament għarraf kompletament lill-uffiċjal mediku tal-Parlament dwar il-kuntest partikolari tal-proċedura medika ta’ reklutaġġ immexxija mill-Kummissjoni u dwar il-fatt li r-rikorrenti kienet, fil-passat, ġiet impjegata f’diversi okkażjonijiet mill-Kummissjoni. Bl-istess mod, l-awtorità kompetenti tal-Parlament ma setgħetx tivverifika jekk l-opinjoni tal-uffiċjal mediku kinitx ibbażata fuq id-data rilevanti kollha.

86      Fl-aħħar nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li l-uffiċjal mediku tal-Parlament ta opinjoni espressa f’termini kategoriċi u ġenerali, mingħajr ma eżamina lir-rikorrenti, filwaqt li fil-kuntest tal-proċedura medika ta’ reklutaġġ mal-Kummissjoni, l-esperti magħżula mill-Kumitat Mediku kienu esprimew opinjoni iktar iddettaljata.

87      Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq in-natura irregolari tal-opinjoni tal-uffiċjal mediku għandu jintlaqa’.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal

 L-argumenti tal-partijiet

88      Ir-rikorrenti ssostni li l-Parlament kiser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata qabel ma r-rikorrenti setgħet tirreferi l-kwistjoni lill-Kumitat Mediku ta’ Appell previst f’dawn id-dispożizzjonijiet.

89      Il-Parlament isostni, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni kkontestata indikat lir-rikorrenti li hija kellha l-possibbiltà, jekk tqies li huwa xieraq, li tirreferi l-kwistjoni lill-Kumitat Mediku sabiex tikkontesta l-opinjoni tal-uffiċjal mediku, liema rimedju hija ddeċidiet li ma tużax.

90      It-tieni nett, il-Parlament jippreċiża r-raġunijiet għalfejn id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata immedjatament. L-ewwel nett, billi ma informatx is-servizz mediku tal-eżamijiet mediċi li kienet għamlet mal-Kummissjoni, ir-rikorrenti kisret ir-rabta ta’ fiduċja mal-istituzzjoni. Sussegwentement, isostni li l-impjieg propost lir-rikorrenti kellu jimtela’ malajr sabiex ilaħħaq man-nuqqas ta’ uffiċjal fuq leave tal-maternità. Fl-aħħar nett, jekk l-opinjoni tal-uffiċjal mediku kienet ġiet kkontestata mill-Kumitat Mediku, il-Parlament isostni li, fid-dawl tan-natura tal-impjieg propost, seta’ joffri impjieg ekwivalenti lir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

91      Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 82 u 83 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jirriżulta li kandidat għal impjieg bħala membru tal-persunal bil-kuntratt huwa suġġett għal eżami mediku mill-uffiċjal mediku tal-istituzzjoni qabel ma jiġi rreklutat, bl-għan li jiġi vverifikat jekk jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ kapaċità fiżika meħtieġa sabiex jaqdi l-funzjonijiet proposti.

92      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt, jipprovdi għal proċedura interna ta’ appell mill-opinjoni negattiva mogħtija mill-uffiċjal mediku tal-istituzzjoni.

93      Ġie deċiż li billi stabbilixxa, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal, Kumitat Mediku ta’ Appell, il-leġiżlatur kellu bħala għan li jistabbilixxi garanzija addizzjonali għall-kandidati u li jtejjeb il-ħarsien tad-drittijiet tagħhom (sentenza A vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23). Din il-garanzija, li hija relatata mal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-13 ta’ Diċembru 2007, N vs Il-Kummissjoni, F‑95/05, punti 69 u 76), tikkostitwixxi rekwiżit proċedurali sostanzjali.

94      Din il-garanzija għandha neċessarjament, barra minn hekk, tiġi osservata qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ reklutaġġ, u mhux fi stadju ulterjuri, għaliex inkella titlef l-iskop tagħha, jiġifieri dak li tiggarantixxi d-drittijiet tad-difiża tal-kandidati għar-reklutaġġ (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑51/92 P, punti 75 sa 78; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet et Byk vs Il-Kummissjoni, T‑48/05, punt 151). Il-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal huma ċari f’dan ir-rigward: il-kandidat għar-reklutaġġ għandu, sabiex iressaq il-kwistjoni quddiem il-Kumitat Mediku, terminu ta’ għoxrin ġurnata li jibda jiddekorri mhux min-notifika tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ reklutaġġ iżda min-notifika tal-opinjoni tal-uffiċjal mediku.

95      F’dan il-każ, huwa minnu li l-Parlament adotta d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma qabel ippermetta lir-rikorrenti tressaq il-kwistjoni quddiem il-Kumitat Mediku ta’ Appell. Ċertament, il-Parlament informa l-persuna kkonċernata, meta nnotifika d-deċiżjoni kkontestata, dwar din il-possibbiltà. Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma għandha l-ebda effett fuq l-irregolarità kkonstatata, billi l-imsemmija deċiżjoni kienet diġà ttieħdet qabel ma r-rikorrenti ngħatat il-possibbiltà li tressaq il-kwistjoni quddiem il-Kumitat Mediku ta’ Appell, fit-terminu ta’ għoxrin ġurnata wara n-notifika tal-opinjoni tal-uffiċjal mediku.

96      Fl-aħħar nett, il-Parlament, biex jiġġustifika l-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal, isostni li huwa kellu, fl-interess tas-servizz, jimpjega malajr membru tal-persunal sabiex jissostitwixxi uffiċjal li ħadet leave tal-maternità u għalhekk ma setax jistenna, fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għall-iskadenza tat-terminu ta’ għoxrin ġurnata previst fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal u, fil-każ li l-kwistjoni tressqet quddiem il-Kumitat Mediku, l-opinjoni ta’ dan tal-aħħar.

97      Madankollu, tali motiv ma jistax legalment jiġġustifika li l-Parlament jeżenta lilu nnifsu mill-obbligi proċedurali msemmija fl-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fi kwalunkwe każ, it-tluq ta’ uffiċjal fuq leave tal-maternità ma għandux natura eċċezzjonali u huwa l-Parlament li għandu jkun jista’ jissostitwixxi l-persuna li tinsab fuq leave tal-maternità b’membru tal-persunal bil-kuntratt ieħor jew li jibda l-proċedura ta’ reklutaġġ suffiċjentement kmieni sabiex ikun jista’ josserva r-rekwiżit proċedurali sostanzjali previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, meta jittieħed inkunsiderazzjoni ż-żmien bejn l-opinjoni tal-uffiċjal mediku u d-data prevista għar-reklutaġġ, stabbilita għat-2 ta’ Frar 2009, ma kienx a priori impossibbli li tintalab l-opinjoni tal-Kumitat Mediku.

98      Hija ġurisprudenza kostanti li l-ksur ta’ regola proċedurali, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni biss safejn dan il-ksur kellu effett fuq il-kontenut tad-deċiżjoni finali. Issa, dan japplika f’dan il-każ peress li ma huwiex eskluż li l-Kumitat Mediku ta’ Appell, li għandu l-elementi rilevanti kollha dwar l-istat ta’ saħħa tar-rikorrenti fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, seta’ jagħti opinjoni differenti minn dik tal-uffiċjal mediku jew iqiegħed fid-dubju l-possibbiltà li tintuża data medika miksuba iktar minn sena u nofs ilu mill-Kummissjoni.

99      Minn dan jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal għandi jiġi milqugħ ukoll.

 Fuq it-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 45/2001

 L-argumenti tal-partijiet

100    Ir-rikorrenti ssostni li l-Parlament kiser id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data ta’ natura personali, b’mod partikolari r-regoli dwar it-trasferiment tal-fajl mediku tagħha. L-uffiċjal mediku tal-Parlament ta l-opinjoni tiegħu abbażi ta’ dokumenti li joriġinaw mill-Kummissjoni. Issa, minn naħa, dawn id-dokumenti kellhom jiġu miżmuma fl-arkivji tal-Kummissjoni, skont il-Gwida għall-proċeduri tas-servizz mediku ta’ din l-istituzzjoni, u ma għandhomx jikkostitwixxu dokumenti ta’ fajl mediku, billi r-rikorrenti ma hijiex impjegata mal-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 45/2001 jipprojbixxu t-trasferiment ta’ data ta’ natura medika li tirrigwarda lir-rikorrenti mill-Kummissjoni lill-Parlament. Fil-fatt, id-data medika miżmuma mill-Kummissjoni nġabret esklużivament sabiex tipproċedi bir-reklutaġġ tar-rikorrenti fis-servizzi ta’ din l-istituzzjoni. Barra minn hekk, il-missjoni tal-uffiċjal mediku tal-Parlament huwa li jagħmel eżami mediku ta’ reklutaġġ u mhux li tinvestiga l-passat mediku tar-rikorrenti.

101    Skont il-Parlament, id-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma tikser ir-regoli dwar il-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali. Fil-fatt, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 45/2001 jipprovdi li t-trasferimenti ta’ data ta’ natura personali bejn l-istituzzjonijiet huma possibbli jekk huma neċessarji għat-twettiq leġittimu tal-missjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tad-destinatarju. Issa, it-trasferiment inkwistjoni sar bl-għan li jippermetti lill-Parlament iwettaq waħda mill-missjonijiet tiegħu, il-kontroll tal-kapaċità fiżika ta’ kandidat għar-reklutaġġ. Barra minn hekk, dan it-trasferiment huwa ġġustifikat mix-xewqa li jiġu evitati eżamijiet mediċi inutli u li l-amministrazzjoni jkun jista’ jkollha informazzjoni kompleta.

102    Il-KEPD jsostni li t-trasferiment u l-użu sussegwenti ta’ data ta’ natura medika miġbura fl-2006 u fl-2007 dwar l-istat ta’ saħħa tar-rikorrenti kisru r-Regolament Nru 45/2001. Huwa jippreċiża, b’mod preliminari, li din id-data ma tagħmilx parti mill-fajl mediku tar-rikorrenti bħala ex membru tal-persunal temporanju u ex membru tal-persunal bil-kuntratt tal-Kummissjoni u li l-kwistjoni tal-legalità tat-trasferiment tagħha ma tqumx bl-istess mod bħal dik tat-trasferiment bejn l-istituzzjonijiet ta’ fajl mediku ta’ persuna impjegata minn istituzzjoni. Il-Gwida għall-proċeduri tas-servizz mediku tal-Kummissjoni ma jindikax għal liema skopijiet id-data medika miġbura fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reklutaġġ tinżamm fl-arkivji għal iktar minn sitt xhur u lanqas il-kundizzjonijiet li fihom din id-data hija aċċessibbli. Il-KEPD ifakkar li, fiż-żewġ opinjonijiet adottati fl-2007 u fl-2008, huwa ssuġġerixxa lill-Parlament u lill-Kummissjoni rispettivament li, għall-kandidati ddikjarati fiżikament inkapaċi għar-reklutaġġ, id-data medika miġbura fil-kuntest tal-proċedura ta’ reklutaġġ jinżammu biss għal perijodu limitat, li jista’ jikkorrispondi għall-perijodu li matulu huwa possibbli li tiġi kkontestata d-data jew id-deċiżjoni meħuda abbażi tagħha.

103    Il-KEPD jenfasizza li t-trasferiment ta’ data ta’ natura personali bejn l-istituzzjonijiet hija rregolata prinċipalment mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 45/2001, iżda mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4, 5, 6 u 10 tal-imsemmi regolament. L-osservanza tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 45/2001 ma tirrendix għalhekk it-trasferiment u l-użu sussegwenti tad-data konformi ma’ dan ir-regolamenti fl-intier tiegħu, kuntrarjament għal dak li jidher li jsostni l-Parlament, li jillimita d-difiża tiegħu għall-imsemmi Artikolu 7. Il-KEPD ifakkar li, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 45/2001, l-ipproċessar ta’ kategoriji speċifiċi ta’ data, bħal data ta’ natura medika, huwa pprojbit u li l-protezzjoni ta’ din id-data għandha, għall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, importanza fundamentali għall-eżerċizzju tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-ħajja tal-familja mogħti mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Billi r-rikorrenti ma tatx il-kunsens tagħha għall-ipproċessar tad-data inkwistjoni, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament Nru 45/2001 ma tapplikax. Barra minn hekk, il-Parlament ma tax prova li t-trasferiment ta’ din id-data, minkejja li kien leġittimu taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 45/2001, kien verament neċessarju sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet u l-obbligi tiegħu fil-qasam tad-dritt industrijali, fis-sens tat-tieni eċċezzjoni, li tinsab fl-Artikolu 10(2)(b) tal-imsemmi regolament. Il-Parlament seta’ fil-fatt iġib din l-informazzjoni mod ieħor, b’inqas preġudizzju għall-ħajja privata, pereżempju billi jitlob lir-rikorrenti din l-informazzjoni jew billi jġiegħel lis-servizzi tiegħu jagħmlu eżami mediku. Il-KEPD jinnota f’dan ir-rigward li, fl-opinjoni tiegħu tal-2007 imsemmija iktar ’il fuq, huwa kien issuġġerixxa lill-Parlament biex ineħħi mill-formola tal-eżami mediku qabel ir-reklutaġġ il-mistoqsijiet li jsaqsu lill-kandidat jekk qatt ġiex irrifjutat impjieg minħabba raġunijiet mediċi jew jekk qatt ikkonsultax newrologu, psikjatra, psikoanalista jew psikoterapista. Il-Parlament segwa din ir-rakkomandazzjoni.

104    Barra minn hekk, il-KEPD jenfasizza li, meta l-Parlament irċieva mis-servizz mediku tal-Kummissjoni d-data medika dwar ir-rikorrenti, din id-data ma kinitx iktar miżmuma għall-iskop oriġinali tagħha, jiġifieri l-eżami tal-kapaċità medika tar-rikorrenti għall-finijiet li tingħata mpjieg mal-Kummissjoni. Barra minn hekk, din id-data tpoġġiet fl-arkivji tal-Kummissjoni, billi l-perijodu ta’ sitt xhur imsemmi fil-Gwida għall-proċeduri tas-servizz mediku tal-Kummissjoni kien għadda mid-data tad-deċiżjoni ta’ inkapaċità. It-trasferiment u l-użu ta’ din id-data saru għalhekk bi ksur tal-Artikolu 4(1)(b) u (e) tar-Regolament Nru 45/2001. Barra minn hekk, il-bidla fl-għan tal-ipproċessar ta’ din id-data ma tistax tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament. Fi kwalunkwe każ, il-Parlament, li talab it-trasferiment, kellu, flimkien mal-Kummissjoni, l-obbligu li jiżgura li t-trasferiment fl-intier tiegħu huwa leġittimu.

105    Fl-aħħar nett, il-KEPD jindika li, anki jekk wieħed jassumi li r-rikorrenti naqset deliberatament milli tinforma lill-Parlament dwar l-eżamijiet mediċi preċedenti, din iċ-ċirkustanza ma taffettwax id-dritt għall-protezzjoni tad-data tagħha li l-persuna kkonċernata tingħata mir-Regolament Nru 45/2001.

106    Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent, ir-rikorrenti tiddikjara li taqbel perfettament mal-analiżi tal-KEPD li tgħid li l-Artikolu 4(1)(b) u (e) u l-Artikolu 10(2)(b) tar-Regolament Nru 45/2001 ġew miksura mill-Parlament. Il-konstatazzjoni li t-trasferiment ta’ data medika ma kinitx tirrifletti neċessità reali, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b) tal-imsemmi regolament, tapplika għall-istess raġunijiet għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 7(1) tal-istess test, l-aħħar dispożizzjoni li wkoll ġiet miksura, billi t-trasferiment inkwistjoni ma jistax jitqies bħala neċessarju għat-twettiq leġittimu tal-missjonijiet tal-Parlament. Din l-istituzzjoni kisret il-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-iskopijiet, ta’ eżattezza u ta’ aġġornament tad-data kif ukoll ir-regoli għaż-żamma tagħha, u għalhekk naqset milli tosserva l-Artikolu 4(1)(b), (d) u (e) tar-Regolament Nru 45/2001.

107    Il-Parlament, fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-nota ta’ intervent, jenfasizza li l-ipproċessar ta’ data personali tar-rikorrenti kien neċessarju sabiex jiġu osservati l-obbligi tal-istituzzjoni fil-qasam tad-dritt industrijali, jiġifieri li tiġi vverifikata l-kapaċità fiżika tar-rikorrenti sabiex taqdi dmirijietha, kif previst fl-Artikolu 83 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u fl-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, l-ipproċessar ta’ din id-data huwa leġittimu skont l-Artikolu 10(2)(b) tar-Regolament Nru 45/2001. Bl-istess mod, it-trattament ta’ din id-data minn biss il-membri tas-servizz mediku tal-Parlament, li huma suġġetti għas-segretezza professjonali, għall-finijiet tad-dijanjosi medika ta’ kapaċità għax-xogħol mill-uffiċjal mediku, huwa neċessarju u għalhekk leġittimu fis-sens tal-Artikolu 10(3) tal-imsemmi regolament. Dan l-ipproċessar jaqa’ wkoll taħt l-eżerċizzju leġittimu ta’ awtorità pubblika u għalhekk huwa legali skont l-Artikolu 5(a) ta’ dan ir-regolament.

108    Għal dak li jirrigwarda t-trasferiment tad-data, il-Parlament isostni li dan kien neċessarju għat-twettiq leġittimu tal-missjonijiet tal-istituzzjoni. Fil-fatt, il-Parlament ma kienx ikun jista’ jwettaq il-missjonijiet tiegħu mingħajr dan it-trasferiment: minn naħa, ir-rikorrenti ma informatx lis-servizz mediku tal-Parlament, fil-mument meta kkuntattjat li dan tal-aħħar, dwar il-fatt li hija kienet diġà għamlet eżami mediku f’istituzzjoni oħra; min-naħa l-oħra, il-prassi tal-Parlament li jitlob it-trasferiment tal-fajl mediku ta’ reklutaġġ ta’ kandidat fil-każ li l-persuna kkonċernata tkun għamlet diġà eżami ta’ reklutaġġ ma’ istituzzjoni oħra hija fl-interess tal-istituzzjoni kif ukoll tal-persuna kkonċernata, billi tippermetti li jiġi evitat li jsiru mill-ġdid ċerti eżami mediċi. Il-possibbiltà, invokata mill-KEPD, li jsir eżami mediku ġdid mill-Parlament, tiddependi minn evalwazzjoni purament medika, li tinsab fid-diskrezzjoni tat-tabib kompetenti abbażi tal-fajl ittrasferit.

109    Għal dak li jirrigwarda l-kwalità tad-data, il-Parlament isostni li huwa ma kisirx l-Artikolu 4(1)(b) u (e) tar-Regolament Nru 45/2001. Huwa jsostni li din inġabret għal għan speċifiku, jiġifieri l-verifika tal-kapaċità fiżika tar-rikorrenti sabiex taqdi dmirijietha fis-servizz tal-Unjoni, liema għan huwa espliċitu u leġittimu peress li huwa previst b’mod partikolari fl-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal, u li din id-data ġiet ipproċessata sussegwentement għall-istess skop. L-eżami ta’ reklutaġġ isir barra minn hekk mill-istituzzjonijiet kollha abbażi tal-istess bażi ġuridika u jitmexxa taħt l-istess kundizzjonijiet. Il-kundizzjonijiet ta’ kapaċità li għandhom jiġu sodisfatti huma b’mod ġenerali l-istess fl-istituzzjonijiet kollha. It-trasferiment tad-data inkwistjoni huwa simili għal dak tal-fajl mediku ta’ uffiċjal ittrasferit lil istituzzjoni oħra, li huwa kkunsidrat bħala leġittimu mill-KEPD fl-opinjoni tiegħu tal-14 ta’ Ġunju 2007. Barra minn hekk, id-data miġbura mill-Kummissjoni ma nżammitx għal perijodu li jaqbeż dak neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-ġbir u tal-ipproċessar. Il-KEPD irrikonoxxa espressament, fil-“Linji gwida għall-ipproċessar ta’ data fil-qasam tar-reklutaġġ ta’ persunal” tiegħu, ta’ Ottubru 2008, li l-data ta’ natura personali tal-kandidati li ma ġewx impjegati tista’ tinżamm għal sentejn wara t-tmiem tal-proċedura, perijodu li, f’dan il-każ, ma nqabiżx. Fl-aħħar nett, il-perijodu ta’ sena previst fl-Artikolu 15 tar-regoli interni tal-Parlament għandu japplika biss għall-validità ta’ eżami.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

–       Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażata fuq il-ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata

110    Il-partijiet enfasizzaw, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u waqt is-seduta, fuq it-tieni parti tal-motiv li tirrigwarda l-ksur tal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 45/2001. L-intervent tal-KEPD għen sabiex id-diskussjoni tiffoka fuq din it-tieni parti. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis, madankollu, li l-ewwel parti tal-motiv, ibbażata fuq il-ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, hija spjegata suffiċjentement fid-dettall fil-punti 14.1 u 16.12 tar-rikors, liema punti ġew żviluppati sussegwentement waqt is-seduta, sabiex tkun is-suġġett ta’ tweġiba distinta.

111    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, stabbilit fl-Artikolu 8 tal-KEDB u li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, jikkostitwixxi wieħed mid-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Huwa jinkludi, b’mod partikolari, id-dritt ta’ persuna li żżomm l-istat ta’ saħħa tagħha sigriet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1994, X vs Il-Kummissjoni, C‑404/92 P, punt 17; ara wkoll il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Z vs Il-Finlandja tal-25 ta’ Frar 1997, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 1997-I, § 71, u S. u Marper vs Ir-Renju Unit tal-4 ta’ Diċembru 2008, Nru 30562/04 u Nru 30566/04, § 66).

112    It-trasferiment lil terzi, inkluż lil istituzzjoni oħra, ta’ data ta’ natura personali dwar l-istat ta’ saħħa ta’ persuna miġbura minn istituzzjoni, jikkostitwixxi fih innifsu ndħil fil-ħajja privata tal-persuna kkonċernata, irrispettivament mill-użu sussegwenti tal-informazzjoni hekk ikkomunikata (ara b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et, C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, punti 73 sa 75).

113    Madankollu, ġie deċiż li jistgħu jiġu imposti restrizzjonijiet fuq id-drittijiet fundamentali, sakemm dawn jikkorrispondu effettivament għal objettivi ta’ interess ġenerali u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan li jrid jintlaħaq, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jista’ jikkawża preġudizzju għas-sustanza stess tad-dritt protett (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, X vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8(2) tal-KEDB għandu jittieħed bħala punt ta’ riferiment. Skont din id-dispożizzjoni, l-indħil minn awtorità pubblika fil-ħajja privata jista’ jiġi ġġustifikat sa fejn i) dan huwa “previst fil-liġi”, ii) huwa intiż sabiex jintlaħaq għan wieħed jew iktar - elenkati b’mod eżawrjenti - u iii) huwa “neċessarju” sabiex jintlaħaq dan jew dawn l-għanijiet.

114    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat, fil-każ preżenti, jekk it-trasferiment ta’ data ta’ natura medika minn istituzzjoni għal oħra sabiex jiġi ffaċilitat ix-xogħol tal-uffiċjal mediku, fil-kuntest ta’ eżami mediku ta’ reklutaġġ, tistax titqies legali fid-dawl tat-tliet kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

115    L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 jippermettu li t-trasferiment ta’ data ta’ natura personali minn istituzzjoni għal oħra titqies bħala “prevista fil-liġi”.

116    Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 45/2001 iservu ta’ qafas għal dan it-tip ta’ pproċessar ta’ data ta’ natura personali.

117    Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk dan l-artikolu huwiex imfassal b’preċiżjoni suffiċjenti sabiex jippermetti lid-destinatarji tal-liġi li jadattaw l-aġir tagħhom skont dan u jissodisfa b’dan il-mod ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara, b’mod partikolari, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Rekvényi vs L‑Ungerija tal-20 ta’ Mejju 1999, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet, 1999‑III, § 34). Fil-fatt, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 45/2001 jipprovdi f’termini ġeneriċi ħafna li t-trasferimenti ta’ data bejn istituzzjonijiet huma possibbli biss jekk id-data trażmessa “tkun meħtieġa għall-eżerċizzju leġittimu ta’ kompiti koperti bil-kompetenza tar-reċipjent”.

118    Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 45/2001 jipprovdi espressament li d-“data personali għandha tkun ipproċessata biss għal għanijiet barra minn dawn li għalihom tkun ġiet miġbura jekk il-bidla fil-għan tkun espressament permessa bir-regoli [i]nterni ta’ l-istituzzjoni jew korp tal-Komunità”.

119    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Parlament bl-ebda mod ma allega li teżisti xi regola bil-miktub li tipprovdi għat-trasferiment ta’ data ta’ natura medika bejn l-istituzzjonijiet jew skambju ta’ informazzjoni ta’ natura medika bejn is-servizzi mediċi tal-istituzzjonijiet li tirrigwarda, mhux persuni li diġà jaħdmu f’dawn l-istituzzjonijiet, iżda l-kandidati għar-reklutaġġ.

120    It-tieni nett, il-Parlament isostni li t-trasferiment ta’ data medika minn istituzzjoni għal oħra huwa intiż sabiex jippermetti li jiġi vverifikat li kandidat jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ kapaċità fiżika fil-qadi tal-funzjonijiet mogħtija lilu u li fil-każ ta’ reklutaġġ, ikun jista’ jaqdi dmirijietu b’mod effettiv. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-twettiq ta’ eżami ta’ reklutaġġ iservi interess leġittimu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, X vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20). Għaldaqstant, l-għan invokat jista’ jiġġustifika, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-KEDB, indħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata.

121    It-tielet nett, għandu jiġi vverifikat jekk l-indħil fil-kwistjoni huwiex neċessarju, f’soċjetà demokratika, sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu inkwistjoni.

122    Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, indħil huwa kkunsidrat neċessarju f’soċjetà demokratika sabiex jintlaħaq għan leġittimu jekk jissodisfa bżonn soċjali imperattiv u, b’mod partikolari, jekk ikun proporzjonat għall-għan leġittimu inkwistjoni u jekk il-motivi invokati mill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiġġustifikawh jidhru li huma rilevanti u suffiċjenti. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom ċerta marġni ta’ diskrezzjoni f’dan il-qasam. Madankollu, l-estent ta’ dan il-marġini jvarja u jiddependi fuq ċertu numru ta’ fatturi, fosthom in-natura tad-dritt inkwistjoni ggarantit mill-KEDB, l-importanza tiegħu għall-persuna kkonċernata, in-natura tal-indħil u l-iskop tiegħu. Iktar ma jkun importanti d-dritt inkwistjoni sabiex jiġi żgurat li l-individwu jgawdi effettivament mid-drittijiet fundamentali jew ta’ natura “intima” li jingħatawlu, iktar ma tkun ristretta din il-marġni. Meta jkun involut aspett partikolarment importanti tal-eżistenza jew tal-identità ta’ individwu, il-marġni li titħalla lill-Istat hija ristretta (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Evans vs Ir-Renju Unit tal-10 ta’ April 2007, Nru 6339/05, § 77).

123    Għaldaqstant, f’dan il-każ, kif ġie osservat preċedentement, il-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali għandha rwol fundamentali fit-tgawdija tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja stabbilit fl-Artikolu 8 tal-KEDB. L-osservanza tan-natura kunfidenzjali ta’ informazzjoni dwar is-saħħa tikkostitwixxi waħda mid-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑62/90, punt 23, u tal-5 ta’ Ottubru 1994, X vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17). Dan il-prinċipju huwa kruċjali mhux biss għall-protezzjoni tal-ħajja privata ta’ pazjenti iżda wkoll sabiex tinżamm il-fiduċja tagħhom fil-professjoni medika u fis-servizzi tas-saħħa b’mod ġenerali (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Z vs Il-Finlandja, iċċitata iktar ’il fuq, § 95). Fid-dawl tan-natura estremament intima u sensittiva tad-data ta’ natura medika, il-possibbiltà li tali informazzjoni tiġi ttrasferita jew kkomunikata lil terzi, minkejja li tkun istituzzjoni oħra jew korp ieħor tal-Unjoni, mingħajr il-kunsens tal-persuna konċernata, titlob eżami partikolarment rigoruż (ara, b’analoġija, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenzi ċċitata iktar ’il fuq, Z vs Il-Finlandja, § 95, u S. u Marper vs Ir-Renju Unit, § 103). Ir-Regolament Nru 45/2001 jipprovdi f’dan ir-rigward, fl-Artikolu 10(1) tiegħu, li l-ipproċessar ta’ data ta’ natura medika huwa pprojbit, bħala prinċipju, bla ħsara għad-derogi stabbiliti fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu.

124    Għaldaqstant, għandu jinħoloq bilanċ bejn l-interess tal-Parlament li jiżgura ruħu li jimpjega persuna kapaċi li taqdi l-funzjonijiet li jiġu fdati lilha u l-gravità tal-ksur tad-dritt tal-persuna kkonċernata għar-rispett tal-ħajja privata tagħha.

125    Issa, f’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li għalkemm l-eżami ta’ reklutaġġ jservi l-interess leġittimu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li għandhom ikunu jistgħu jwettqu l-missjoni tagħhom, dan l-interess ma jiġġustifikax li jsir it-trasferiment ta’ data medika minn istituzzjoni għall-oħra mingħajr il-kunsens tal-persuna kkonċernata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, X vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20). Fil-fatt, qabel xejn għandu jiġi kkonstatat li, kif ġie osservat preċedentement, data medika tikkostitwixxi data partikolarment sensittiva. Sussegwentement, din id-data nġabret madwar sentejn ilu, b’għan speċifiku, minn istituzzjoni li magħha r-rikorrenti ma kellhiex, wara l-proċedura ta’ verifika tal-kapaċità medika għar-reklutaġġ, relazzjoni ta’ xogħol. Fl-aħħar nett, il-Parlament seta’ jwettaq il-missjoni tiegħu b’mod li ma jippreġudikax daqshekk id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti. B’hekk huwa seta’ jagħmel l-eżami mediku li kien stabbilit għas-7 ta’ Jannar 2009, iwettaq eventwalment eżamijiet mediċi ġodda jew jitlob l-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti għat-trasferiment tad-data medika inkwistjoni, jew ukoll jibbaża ruħu fuq l-informazzjoni li r-rikorrenti kienet obbligat li tibgħatlu f’Jannar 2009.

126    Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, id-deċiżjoni li permezz tagħha l-uffiċjal mediku talab it-trasferiment tad-data miġbura mill-Kummissjoni ma huwiex att purament mediku li huwa eżenti mill-kontroll tal-qorti. Fil-fatt, it-trasferiment intalab qabel l-uffiċjal mediku ma kien eżamina lir-rikorrenti u qabel din tal-aħħar ma kienet bagħtet lis-servizz mediku l-informazzjoni medika li kienu talbuha.

127    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-opinjoni tal-uffiċjal mediku ngħatat bi ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tar-rikorrenti u li d-deċiżjoni kkontestata hija wkoll, konsegwentement, illegali għal din ir-raġuni. Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi milqugħa.

–       Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 45/2001

128    Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 45/2001 jipprovdi espressament li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni għandhom jiżguraw, skont l-imsemmi regolament, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-libertà ta’ persuni fiżiċi. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jistgħu jiġġustifikaw preġudizzju għad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata kif iggarantit mill-Artikolu 8 tal-KEDB (ara s-sentenza Österreichischer Rundfunk et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91).

129    Mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 45/2001 jirriżulta li istituzzjoni jew korp tal-Unjoni jista’ jittrasferixxi lil istituzzjoni oħra jew lil korp ieħor tal-Unjoni data ta’ natura personali, jekk dan ikun neċessarju għat-twettiq leġittimu tal-missjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-istituzzjoni jew tal-korp tal-Unjoni destinatarju.

130    F’dan il-każ, ma jistax jiġi kkontestat li l-verifika tal-kapaċità fiżika għar-reklutaġġ tar-rikorrenti mis-servizzi tal-Parlament tifforma parti mit-twettiq leġittimu tal-missjonijiet ta’ din l-istituzzjoni.

131    Madankollu, kif ġustament osserva l-KEPD fin-nota ta’ intervent, din il-konstatazzjoni, minnha nfisha, ma tistabbilixxix li t-trasferiment inkwistjoni ta’ data medika tar-rikorrenti hija konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001. Fil-fatt, minn naħa, it-trasferiment għandu jkun “neċessarju” għat-twettiq leġittimu tal-missjonijiet tal-istituzzjoni. F’din il-kawża, għandu għalhekk jiġi stabbilit li t-trasferiment kien indispensabbli għall-evalwazzjoni tal-kapaċità fiżika tar-rikorrenti mis-servizzi tal-Parlament. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament jipprovdi espressament li dan japplika “[m]ingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4, 5, 6 u 10” tal-istess test.

132    Sabiex tingħata tweġiba għall-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tar-Regolament, b’mod partikolari tal-Artikolu 7 tiegħu, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk it-trasferiment sarx b’konformità mar-rekwiżit ta’ neċessità li jinsab f’dan l-artikolu u skont id-dispożizzjonijiet li għalihom dan l-artikolu jirreferi, b’mod partikolari l-Artikolu 6 tar-Regolament. F’din il-kawża, għandhom jiġu kkunsidrati l-ewwel nett l-Artikoli 4, 6 u 10 tar-Regolament Nru 45/2001, li l-ksur tagħhom ġie allegat mir-rikorrenti, qabel ma jiġi kkunsidrat jekk ir-rekwiżit ta’ neċessità tat-trasferiment, skont l-Artikolu 7 tal-istess regolamenti, jistax jitqies bħala sodisfatt.

133    L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-Artikoli 4 u 6 tar-Regolament Nru 45/2001, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, id-data ta’ natura personali għandha tiġi pproċessata b’mod ġust u legali u miġbura għal skopijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi, u ma għandhiex tiġi pproċessata sussegwentement b’mod inkompatibbli ma’ dawn l-għanijiet. Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament jipprovdi li d-data ta’ natura personali ma għandhiex tiġi pproċessata għal għanijiet differenti minn dawk li għalihom tkun ġiet miġbura ħlief jekk il-bidla fl-għan tkun espressament awtorizzata mir-regoli interni tal-istituzzjoni jew tal-korp tal-Unjoni.

134    F’dan il-każ, kif isostnu ġustament ir-rikorrenti u l-KEPD, huwa paċifiku li d-data medika miġbura mill-Kummissjoni dwar ir-rikorrenti, fil-kuntest tal-eżami mediku ta’ reklutaġġ previst fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 83 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, kellha bħala għan esklużiv li jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti kinitx, fil-mument tar-reklutaġġ tagħha, fiżikament kapaċi li taqdi dmirijietha fis-servizzi tal-Kummissjoni.

135    Issa, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-ipproċessar sussegwenti ta’ din id-data medika bl-għan li tiġi vverifikata l-kapaċità tar-rikorrenti sabiex taqdi, f’Diċembru 2008, dmirijiet fi ħdan il-Parlament jikkostitwixxi skop ieħor minn dak li għalih id-data kienet oriġinarjament inġabret. Il-Parlament ma jistax validament jinvoka f’dan ir-rigward il-fatt li l-eżamijiet mediċi mwettqa mill-istituzzjonijiet kollha għandhom l-istess bażi legali, isiru bl-istess mod u huma bbażati fuq l-istess kriterji ta’ kapaċità. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni enfasizzat f’diversi sentenzi tagħha l-importanza tal-awtonomija ta’ kull istituzzjoni bħala persuna li timpjega, billi eskludiet argumenti bbażati fuq l-uniċità tas-servizz pubbliku tal-Unjoni. Għaldaqstant, ġie deċiż li l-uffiċjali mpjegati minn istituzzjoni ma setgħux jippretendu li jiġu kklassifikati fl-istess grad bħal dak mogħti lil uffiċjali ta’ istituzzjoni oħra, anke jekk dawn l-uffiċjali jkunu għaddew mill-istess kompetizzjoni (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-9 ta’ Diċembru 2010, Liljeberg et vs Il-Kummissjoni, F‑83/05, punt 58). Bl-istess mod, għalkemm, skont il-prinċipju ta’ uniċità tas-servizz pubbliku, kif stipulat fl-Artikolu 9(3) tat-Trattat ta’ Amsterdam, l-uffiċjali tal-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni huma suġġetti għall-istess Regolamenti tal-Persunal, tali prinċipju ma jimplikax li l-istituzzjonijiet għandhom jużaw b’mod identiku s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilhom mir-Regolamenti tal-Persunal peress li, għall-kuntrarju, fil-ġestjoni tal-persunal tagħhom, dawn tal-aħħar jgawdu minn “prinċipju ta’ awtonomija”, liema kliem intuża mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Settembru 1997, Giménez vs Il-Kumitat tar-Reġjuni (T‑220/95, punt 72).

136    Min-naħa l-oħra, għalkemm skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 45/2001, bidla fl-iskop tal-ġbir ta’ data trid tkun prevista espressament f’regola interna tal-istituzzjoni, jirriżulta mid-dokumenti u mis-seduta li l-bidla fl-għan li għalih id-data medika tar-rikorrenti nġabret fl-2006 u fl-2007 mill-Kummissjoni ma tissemma fl-ebda test li ġie adottat minn din l-istituzzjoni jew mill-Parlament. It-trasferiment ta’ tali data bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati huwa bbażat biss fuq sempliċi prassi, li dwarha l-kandidati għar-reklutaġġ ma jiġu informati bl-ebda mod. Barra minn hekk, il-KEPD sostna waqt is-seduta mingħajr ma ġie kkontestat li huwa ma ġiex innotifikat bil-prassi tal-Parlament li jitlob it-trasferiment ta’ data medika dwar il-kandidati għar-reklutaġġ, minkejja l-fatt li tali notifika hija obbligatorja skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 45/2001. Għal dak li jirrigwarda l-Kummissjoni, il-KEPD jindika li, fl-opinjoni tal-10 ta’ Settembru 2007, mogħtija fil-kuntest ta’ verifika minn qabel tiegħu tal-fajl ta’ din l-istituzzjoni msejħa “Ġestjoni tal-attivitajiet tas-servizz mediku - Brussell-Lussemburgu - b’mod partikolari permezz tal-applikazzjoni informatika SERMED”, huwa eżamina biss il-kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 ta’ trasferimenti ta’ data medika, f’każijiet eċċezzjonali, lis-servizz legali tal-Kummissjoni, lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jew lill-Ombudsman Ewropew fuq talba tiegħu. Madankollu, il-KEPD ma ddiskutiex, f’din l-opinjoni, it-trasferiment ta’ data medika miġbura minn istituzzjoni, fil-każ ta’ eżami mediku ta’ reklutaġġ, lil istituzzjoni oħra jew lil korp ieħor tal-Unjoni, peress li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-Kummissjoni ma kienx iddikjara dan it-tip ta’ trasferiment ta’ data. Il-KEPD jenfasizza li f’din l-opinjoni huwa rrakkomanda lill-Kummissjoni li, għall-kandidati ddikjarati fiżikament inkapaċi għar-reklutaġġ, id-data medika miġbura fil-kuntest tal-proċedura ta’ reklutaġġ tinżamm biss għal perijodu limitat, li jista’ jikkorrispondi għall-perijodu li matulu huwa possibbli li d-data jew id-deċiżjoni meħuda abbażi tagħhom jiġu kkontestati. Għaldaqstant, kien leġittimu għall-Kummissjoni li żżomm id-data miġbura fl-2006 u fl-2007 dwar l-istat ta’ saħħa tar-rikorrenti iżda biss fil-kuntest tal-azzjonijiet imressqa minnha quddiem il-qrati tal-Unjoni fil-Kawżi F‑33/08 u T‑510/09 P, wara r-rifjut tal-Kummissjoni li tiġi rreklutata.

137    It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 45/2001, għandu jiġi enfasizzat li skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, l-ipproċessar ta’ data medika huwa, bħala prinċipju, ipprojbit. Il-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 10 jipprovdi b’mod partikolari li l-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk il-persuna kkonċernata tagħti l-kunsens tagħha għall-ipproċessar jew jekk l-ipproċessar huwa neċessarju sabiex jiġu osservati l-obbligi u d-drittijiet speċifiċi tal-kontrollur fil-qasam tad-dritt industrijali.

138    Issa, minn naħa, huwa paċifiku li r-rikorrenti ma tatx il-kunsens tagħha għat-trasferiment mill-Kummissjoni lill-Parlament ta’ data medika li tikkonċernaha.

139    Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa veru li t-trasferiment inkwistjoni sar bl-għan li l-Parlament ikun jista’ jivverifika l-kapaċità fiżika tar-rikorrenti sabiex taqdi dmirijietha f’din l-istituzzjoni, liema obbligu jirriżulta mill-Artikoli 82 u 83 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u li jista’ jitqies bħala “obbligu fil-qasam tal-liġi ta’ l-impiegi [tad-dritt industrijali]” fis-sens tal-Artikolu 10(2)(b) tar-Regolament Nru 45/2001, ma ġiex stabbilit li dan it-trasferiment kien “neċessarju” sabiex jiġu osservati dawn l-obbligi. Kif jenfasizza l-KEPD u kif intqal fil-punt 125, setgħu ntużaw miżuri li ma jippreġudikawx daqshekk il-ħajja privata, b’mod li l-Parlament seta’ jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-Artikoli 82 u 83 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Il-Parlament seta’, b’mod partikolari, qabel ma jitlob lill-Kummissjoni t-trasferiment ta’ din id-data, jistieden lir-rikorrenti sabiex tipprovdi ċerta informazzjoni dwar il-passat mediku tagħha u sabiex tagħmel l-eżamijiet mediċi neċessarji mis-servizzi tiegħu stess. Barra minn hekk, il-fatt li d-data kienet inġabret żmien ilu, fl-2006 u fl-2007, iktar minn sena u nofs qabel id-deċiżjoni kkontestata, ma jixhidx favur l-argument tal-Parlament, li jgħid li dan it-trasferiment kien neċessarju.

140    Kif ġustament osservat ir-rikorrenti, il-Parlament lanqas ma jista’ jsostni li t-trasferiment inkwistjoni għandu bħala bażi legali l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 45/2001. Fil-fatt, għalkemm dan l-artikolu jawtorizza lill-membri tas-servizz mediku ta’ istituzzjoni li jipproċessaw d-data neċessarja għad-dijanjosi medika ta’ kapaċità ta’ persuna li taqdi dmirijietha, huwa la ma għandu l-għan u lanqas l-effett li jawtorizza trasferiment ta’ data medika bħal dak ikkontestat f’din il-kawża, minkejja li sar bejn il-membri tas-servizzi mediċi taż-żewġ istituzzjonijiet ikkonċernati.

141    It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 45/2001, għandu jiġi kkonstatat, kif ġustament issostni r-rikorrenti, li trasferiment li ma jitqiesx neċessarju fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament ma jistax jitqies neċessarju fis-sens tal-Artikolu 7 tal-istess test, peress li hija involuta l-istess missjoni kkonċernata, jiġifieri l-eżami tal-kapaċità fiżika għar-reklutaġġ tar-rikorrenti.

142    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, fid-dawl tan-natura partikolarment sensittiva tad-data medika tar-rikorrent u tal-kundizzjonijiet li fihom din inkisbet, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li l-Parlament, billi pproċessa din id-data, ma wettaqx b’mod leġittimu l-missjoni fdata lilu skont il-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 82 u 83 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Huwa kellu, sabiex jagħmel dan, jitlob il-kunsens tar-rikorrenti għat-trasferiment tad-data jew jagħmel eżamijiet mediċi speċifiċi u ma jibbażax ruħu, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tal-persuna kkonċernata, fuq data medika miġbura fil-kuntest ta’ proċedura oħra minn istituzzjoni oħra.

143    Għalhekk, ir-rikorrenti għandha raġun li ssostni li l-uffiċjal mediku tal-Parlament, billi talab lill-Kummissjoni t-trasferiment ta’ data medika, kiser id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 45/2001 u, billi bbaża ruħu fuq din id-data, ta opinjoni irregolari dwar il-kapaċità fiżika tagħha. Konsegwentement, it-tieni parti tal-motiv għandha tiġi milqugħa.

144    Madankollu, il-Parlament isostni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata mhux biss fuq l-inkapaċità fiżika, iżda wkoll fuq il-ksur tar-rabta ta’ fiduċja.

145    Huwa għalhekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu jivverifika jekk dan it-tieni motiv ġiex effettivament invokat u jekk huwiex ta’ natura li jiġġustifika d-deċiżjoni kkontestata.

146    Issa, għalkemm il-Parlament, fid-deċiżjoni kkontestata u fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, jirreferi għall-fatt li r-rikorrenti ma rrispettatx l-obbligu imposta fuqha li tiddikjara li hija diġà kienet għamlet eżami mediku f’istituzzjoni Ewropea oħra, dan ma għandu l-ebda effett ġuridiku, peress li dawn id-deċiżjonijiet huma legalment ibbażati fuq il-konstatazzjoni biss li r-rikorrenti ma ssodisfatx il-kundizzjoni ta’ kapaċità fiżika sabiex taqdi dmirijietha. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq ksur tar-rabta ta’ fiduċja.

147    Jekk il-Parlament, permezz tal-argument tiegħu, għandu l-intenzjoni li jippreżenta quddiem il-qorti sostituzzjoni tal-motivi, għandu jiġi osservat li l-invokazzjoni ta’ motiv fil-mori tal-kawża li seta’ legalment jiġġustifika d-deċiżjoni kkontestata ma tipprekludix l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Diċembru 2003, Tomarchio vs Il‑Kummissjoni, T‑173/02, punt 86, u tal-15 ta’ Marzu, 2006, Leite Mateus vs Il‑Kummissjoni, T‑10/04, punt 43), ħlief fil-każ ta’ kompetenza limitata tal-amministrazzjoni f’dan il-qasam.

148    Issa, f’dan il-każ, il-Parlament ma jistax jallega li kien f’tali sitwazzjoni ta’ kompetenza limitata, peress li huwa għandu, għal dak li jirrigwarda l-ksur tar-rabta ta’ fiduċja, marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-15 ta’ Diċembru 2010, Angulo Sánchez vs Il-Kunsill, F‑67/09, punti 76 sa 78).

149    Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament ma setax jiddikjara li r-rikorrenti deliberatament naqset milli tinformah li hija kienet ħadmet għall-Kummissjoni jew li hija kienet diġà għamlet eżami mediku f’istituzzjoni oħra. Fil-fatt, mill-punti 29 u 31 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-rikorrenti u l-amministrazzjoni kienu ftehmu li r-rikorrenti tibgħat lill-Parlament fl-aħħar ta’ Jannar 2009 id-dokumenti neċessarji sabiex jinfetaħ il-fajl ta’ reklutaġġ. Għalhekk, ma kienx eskluż li r-rikorrenti tagħti din l-informazzjoni lill-Parlament qabel ma tokkupa l-kariga jew waqt l-eżami mediku li għalih kienet ġiet mistiedna u li kellu jsir fis-7 ta’ Jannar 2009.

150    Minn dan jirriżulta, mingħajr il-bżonn li jiġi eżaminat l-aħħar motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku, li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

4.     Fuq it-talbiet għad-danni

 L-argumenti tal-partijiet

151    Ir-rikorrenti ssostni li l-irregolaritajiet tal-proċedura medika ta’ reklutaġġ imwettqa jikkostitwixxu żbalji ta’ natura li jagħtu lok għar-responsabilità tal-Parlament, peress li, minn naħa, ikkawżaw fil-konfront tagħha danni materjali u morali, u, min-naħa l-oħra, huma direttament relatati mad-danni li hija tallega.

152    Għal dak li jirrigwarda d-danni materjali, ir-rikorrenti ssostni li l-iżbalji mwettqa mill-Parlament wasslu sabiex hija titlef opportunità tajba ħafna li tiġi magħżula biex timla’ pożizzjoni vakanti fi ħdan il-Parlament, liema impjieg hija setgħet ikollha l-opportunità li tokkupa għal żmien indeterminat. Hija titlob ukoll kumpens li jammonta għal 95 % tad-differenza bejn il-ħlas li hija kienet ser tirċievi matul il-perijodu mit-2 ta’ Frar sat-2 ta’ Awwissu 2009 u l-allowances tal-qgħad li hija effettivament irċeviet matul dan il-perijodu. F’dan ir-rigward, hija titlob kumpens “provviżorju” ta’ EUR 50 000.

153    Għal dak li jirrigwarda d-danni morali, ir-rikorrenti titlob is-somma ta’ EUR 20 000, fid-dawl tas-sens ta’ inġustizzja li esperjenzat minħabba l-imblukkar tar-reklutaġġ tagħha mal-Parlament u d-diversi illegalitajiet imwettqa, b’mod partikolari l-ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata.

154    Il-Parlament isostni li t-talbiet għad-danni għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ żball.

155    Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda d-danni materjali, il-Parlament iqis, minn naħa, li dawn ma humiex reali u ċerti, peress li ma huwiex stabbilit li l-rikorrenti kienet ser tiġi rreklutata jekk l-eżami mediku sar mingħajr id-data medika ttrasferita mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, il-Parlament jikkunsidra li dawn id-danni huma sopravvalutati u bl-ebda mod ma jistgħu jikkorrispondu għas-somma ta’ EUR 50 000. Skont il-Parlament, ir-remunerazzjoni li r-rikorrenti kienet ser tirċievi matul il-perijodu mit-2 Frar sat-2 ta’ Awwissu 2009 tammonta għas-somma massima ta’ EUR 15 600.60. Barra minn hekk, minn din is-somma għandhom jitnaqqsu l-allowances tal-qgħad li rċeviet f’dan l-istess perijodu. Fl-aħħar nett, is-somma kkalkolata b’dan il-mod hija suġġetta għal koeffiċjent ta’ tnaqqis sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-opportunità tar-rikorrenti li tiġi rreklutata kienet żgħira.

156    Għal dak li jirrigwarda d-danni morali, il-Parlament isostni li r-rikorrenti ma tatx prova suffiċjenti f’xiex jikkonsistu dawn id-danni u jfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxi bħala prinċipju kumpens adegwat u siffiċjenti għad-danni morali subiti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

157    Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni tippresupponi l-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu invokat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, punt 42, u tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, punt 52). Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi. In-nuqqas ta’ waħda minnhom hija biżżejjed sabiex jiġu miċħuda t-talbiet għad-danni.

158    Fir-rigward tar-rabta kawżali, jeħtieġ, bħala regola ġenerali, li r-rikorrent iressaq il-prova ta’ relazzjoni diretta u ċerta ta’ kawża u effett bejn in-nuqqas imwettaq mill-istituzzjoni u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 1999, Hautem vs BEI, T‑140/97, punt 85).

159    Madankollu, il-livell ta’ ċertezza tar-rabta kawżali mitluba mill-ġurisprudenza hija milħuqa meta l-illegalità mwettqa minn istituzzjoni tal-Unjoni tkun, b’mod ċert, ċaħdet lil persuna mhux neċessarjament minn reklutaġġ, li għalih il-persuna kkonċernata ma tista’ qatt tipprova li kellha dritt, iżda minn possibbiltà kbira li din tiġi rreklutata bħala uffiċjal jew membru tal-persunal, bil-konsegwenza għall-persuna kkonċernata ta’ dannu materjali li jikkonsisti fit-telf ta’ dħul. Meta jkun jidher probabbli, b’mod eminenti, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li l-osservanza tal-legalità kien iwassal lill-istituzzjoni kkonċernata sabiex timpjega lill-membru tal-persunal, l-inċertezza teoretika fir-rigward tar-riżultat tal-proċedura li ssir b’mod regolari ma tistax tipprekludi l-ħlas ta’ kumpens għad-danni materjali veri li tkun soffriet il-persuna kkonċernata meta ġiet miċħuda l-kandidatura tagħha għal impjieg li kellha kull possibbiltà li jingħatalha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il-Kummissjoni, T‑45/01, punt 150; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-22 ta’ Ottubru 2008, Tzirani vs Il‑Kummissjoni, F‑46/07, punt 218).

160    Għal dak li jirrigwarda d-danni materjali, ir-rikorrenti hija ġġustifikata li ssostni li mingħajr l-illegalità mwettqa mill-Parlament, li l-uffiċjal mediku tiegħu bbaża ruħu fuq data medika mhux kurrenti u ma għamilx huwa stess l-eżami mediku previst fil-Kondizzjonijiet tal-impjieg, hija kellha possibbiltà kbira li tiġi rreklutata.

161    Fil-fatt, qabel xejn, il-Parlament kien diġà informa lir-rikorrenti li hija kienet ġiet irreklutata. Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ reklutaġġ ma kinitx biss possibbli iżda reali, u l-impjieg tar-rikorrenti kien suġġett biss għar-rikonoxximent tal-kapaċità fiżika tagħha sabiex taqdi dmirijietha.

162    Sussegwentement, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, ma huwiex stabbilit li, fil-każ li l-eżami mediku ta’ reklutaġġ sar regolarment, fid-dawl biss tal-informazzjoni li jkun ġabar s-servizz mediku tal-Parlament dwar l-istat ta’ saħħa tar-rikorrenti f’Jannar 2009, il-persuna kkonċernata ma kinitx tiġi rreklutata. Fil-fatt, id-data medika li ġġustifikat ir-rifjut ta’ reklutaġġ tar-rikorrenti mill-Kummissjoni fl-2007 setgħet inbidlet u setgħet tiġġustifika r-rikonoxximent tal-kapaċità tagħha għar-reklutaġġ mis-servizzi tal-Parlament.

163    Fl-aħħar nett, kandidat għar-reklutaġġ ma jistax jiġi meħtieġ li jiżvela lill-persuna li ser timpjegah il-passat mediku tiegħu kollu. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata stabbilit fl-Artikolu 8 tal-KEDB u li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, jikkostitwixxi wieħed mid-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23). Dan jinkludi d-dritt ta’ persuna li żżomm l-istat ta’ saħħa tagħha sigriet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1994, X vs Il-Kummissjoni, punt 17).

164    Ċertament, il-persuna li timpjiega tista’ tagħmel l-eżamijiet li jippermettu li tiġi evalwata l-kapaċità fiżika tal-persuna li ser timpjega u jekk hija, kif fil-fatt għandha d-dritt, tirrifjuta li tagħmel tali eżamijiet, il-persuna li timpjiega tista’ tasal għall-konklużjonijiet li tqis xieraq minn tali rifjut billi ma tiħux ir-riskju li timpjega lill-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, X vs Il-Kummissjoni, punti 20 u 21).

165    Madankollu, f’dan il-każ, ma huwiex ċar jekk, fin-nuqqas tal-informazzjoni li kiseb mis-servizz mediku tal-Kummissjoni, il-Parlament kienx jasal li jkollu dubji dwar l-istat ta’ saħħa tar-rikorrenti u jagħmel eżamijiet iktar fid-dettall, fid-dawl tal-fatt, barra minn hekk, li hija kienet ġiet offerta kuntratt għal żmien qasir. Anki jekk ir-rikorrenti, kif hija ssostni, informat lill-Parlament, fil-kuntest tal-eżami mediku li kellu jsir f’Jannar 2009, li hija kienet sofriet minn ċerti kundizzjonijiet li jiġġustifikaw il-konsultazzjoni ta’ psikjatri, ma huwiex ċert li din l-informazzjoni kienet twassal lill-istituzzjoni li tirrifjuta l-kandidatura tal-persuna kkonċernata. Jekk l-għarfien biss ta’ kundizzjonijiet oħra li ma humiex fiżjoloġiċi kellu jiġġustifika awtomatikament rifjut ta’ reklutaġġ mill-persuna li timpjiega, dan kieku jwassal għal diversi problemi ta’ aċċess għal impjiegi għal ħafna nies li, fil-passat, anki għal perijodi qosra, sofrew minn kundizzjonijiet bħal dawn.

166    Il-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li r-rikorrenti ġiet miċħuda minn opportunità reali li tiġi rreklutat għal żmien determinat, u li dan it-telf ta’ opportunità jista’ jiġi evalwat ex aequo et bono, fid-dawl tal-elementi kollha li għandu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, għal 50 % (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑02/10, punti 118 u 119). Fid-dawl tar-remunerazzjoni li r-rikorrenti setgħet tirċievi għall-perijodu tal-impjieg tagħha bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, li skont il-Parlament jammonta għal EUR 15 600.60, u d-dħul li r-rikorrenti rċeviet matul il-perijodu inkwistjoni, li matulu r-rikorrenti irċeviet allowances tal-qgħad ta’ madwar EUR 960 kull xahar, u fin-nuqqas ta’ provi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-impjieg tar-rikorrenti seta’ jiġi estiż għal iktar minn sitt xhur, hemm lok, ex aequo et bono, li l-Parlament jiġi kkundannat iħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 5 000 għad-danni materjali.

167    Għal dak li jirrigwarda d-danni morali, għandu jiġi mfakkar li l-annullament tal-att kkontestat jista’ jikkostitwixxi, fih innifsu, kumpens adegwat u, bħala prinċipju, siffiċjenti għad-danni morali subiti (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Jannar 1995, Pierrat vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑60/94, punt 62, u tal-21 ta’ Jannar 2004, Robinson vs Il-Parlament, T‑328/01, punt 79; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-13 ta’ Diċembru 2007, Sundholm vs Il-Kummissjoni, F‑42/06, punt 44).

168    Madankollu, il-qorti tal-Unjoni aċċettat xi eċċezzjonijiet għal din ir-regola.

169    L-ewwel, l-annullament tal-att illegali tal-amministrazzjoni ma jistax jikkostitwixxi kumpens sħiħ għad-danni morali jekk dan l-att jinvolvi evalwazzjoni tal-kapaċitajiet jew tal-aġir tal-persuna kkonċernata li tista’ tikkawżalha preġudizzju (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il-Kummissjoni, C‑343/87, punti 25 sa 29; sentenza Pierrat vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

170    Issa, f’dan il-każ, l-evalwazzjonijiet mwettqa mill-Parlament dwar l-aġir tar-rikorrenti, fid-deċiżjoni kkontestata u bi tweġiba għall-ilment, jistgħu jiġu kkunsidrati, sa ċertu punt, bħala li kkawżawlha preġudizzju. Fil-fatt, il-Parlament jakkużaha b’mod espliċitu li hija intenzjonalment naqset milli tiddikjara li kienet diġà għamlet eżami mediku ta’ reklutaġġ mal-Kummissjoni u li, għalhekk, kisret l-obbligi tagħha. Billi uża dawn il-kliem, il-Parlament ikkontesta b’mod ċar il-bona fide tar-rikorrenti, filwaqt li din tal-aħħar, minn naħa, kienet informat lill-Parlament bl-esperjenza professjonali tagħha fis-servizzi tal-Kummissjoni, u, min-naħa l-oħra, setgħet, waqt l-eżami mediku, tagħti din l-informazzjoni flimkien mal-kuntest tagħha. B’dan il-mod, l-evalwazzjonijiet tal-Parlament, espressi f’deċiżjoni li diġà ġiet ikkwalifikata bħala illegali iktar ’il fuq, ikkawżaw direttament danni morali lir-rikorrenti (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Marzu 2000, Rudolph vs Il-Kummissjoni, T‑197/98, punt 98).

171    It-tieni nett, l-annullament tal-att illegali tal-amministrazzjoni ma jistax jikkostitwixxi kumpens sħiħ għad-danni morali subiti, meta l-illegalità mwettqa hija partikolarment serja (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2004, Ferrer de Moncada vs Il-Kummissjoni, T‑16/03, punt 68; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-7 ta’ Lulju 2009, Bernard vs Europol, F‑99/07 u F‑45/08, punt 106).

172    Issa, f’dan il-każ, l-illegalitajiet varji mwettqa mill-Parlament, b’mod partikolari l-ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tar-Regolament Nru 45/2001, huma serji biżżejjed li jiġġustifikaw l-għoti ta’ kumpens għad-danni morali.

173    It-tielet nett, ġie deċiż li l-annullament ta’ att, meta mċaħħad minn kull effett prattiku, ma jistax jikkostitwixxi fih innfsu kumpens adegwat u suffiċjenti għad-danni morali kollha kkawżati mill-att annullat (sentenza Tzirani vs Il‑Kummissjoni, punt 223).

174    F’dan il-każ, għalkemm għadu possibbli li jiġu adottati miżuri sabiex jirrettifikaw l-azzjonijiet illegali, pereżempju billi jsir eżami mediku ġdid tar-rikorrenti, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jiġi miċħud minn kull effett prattiku. Fil-fatt, il-fatti dwar is-saħħa tar-rikorrenti li l-Parlament sar jaf dwarhom b’mod irregolari jistgħu jagħtu lok għal dubji li jrendu diffiċli analiżi oġġettiva tal-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata mis-servizz mediku ta’ din l-istituzzjoni u ma huwiex, fi kwalunkwe każ, probabbli li l-Parlament għandu l-intenzjoni li jimpjega lir-rikorrenti, li magħha huwa qatt ma kellu relazzjoni ta’ xogħol, bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fis-servizzi tiegħu.

175    Għaldaqstant, id-danni morali li soffriet ir-rikorrenti ma jkunux kompletament ikkumpensati bl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Valutazzjoni ġusta ta’ dawn id-danni, fid-dawl b’mod partikolari tal-gravità tal-illegalitajiet ikkonstatati u tal-konsegwenzi tagħhom, tammonta għal EUR 20 000.

176    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Parlament għandu jiġi kkundannat iħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 25 000 bħala kumpens għad-danni materjali u morali subiti, inklużi l-interessi.

 Fuq l-ispejjeż

177    Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti telliefa għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikun ġew mitluba.

178    Skont l-Artikolu 89(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi li jaqsam l-ispejjeż jew jiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

179    F’din il-kawża, peress li r-rikors intlaqa’ parzjalment, issir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, żewġ terzi tal-ispejjeż tar-rikorrenti.

180    Skont l-Artikolu 89(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 li permezz tagħha l-Parlament Ewropew irrevoka l-offerta ta’ impjieg li kien għamel lil V hija annullata.

2)      Il-Parlament Ewropew għandu jħallas lil V is-somma ta’ EUR 25 000.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Il-Parlament Ewropew għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż tar-rikorrenti.

5)      Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, intervenjent, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Gervasoni

Kreppel

Rofes i Pujol

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Lulju 2011.

W. Hakenberg

 

      S. Gervasoni

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.