Language of document : ECLI:EU:C:2013:288

Kawżi magħquda C‑197/11 u C‑203/11

Eric Libert et

vs

Gouvernement flamand (C‑197/11)

u

All Projects & Developments NV et

vs

Vlaamse Regering (C‑203/11)

[talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju)]

“Libertajiet fundamentali — Restrizzjoni — Ġustifikazzjoni — Għajnuna mill-Istat — Kunċett ta’ ‘kuntratt pubbliku għal xogħlijiet’ — Artijiet u bini li jinsabu f’ċerti muniċipalitajiet — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-trasferiment tagħhom għall-eżistenza ta’ ‘rabta suffiċjenti’ tal-akkwirent jew tal-kerrej potenzjali mal-muniċipalità destinatarja — Obbligu soċjali impost fuq il-kuntratturi u l-iżviluppaturi — Inċentivi fiskali u skemi ta’ sussidju”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-8 ta’ Mejju 2013

1.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Domanda magħmula fuq tilwima li qamet fi Stat Membru wieħed biss — Ġurisdizzjoni fid-dawl tal-assenjazzjoni eventwali ta’ persuni li joriġinaw minn Stati Membri oħra

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Ċittadinanza tal-Unjoni — Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Moviment liberu tal-kapital u libertà tal-pagamenti — Restrizzjonijiet għat-tranżazzjonijet immobiljari — Leġiżlazzjoni reġjonali li tissuġġetta t-trasferiment ta’ beni immobiljari li jinsabu f’ċerti muniċipalitajiet għall-verifika minn kummissjoni ta’ evalwazzjoni provinċjali tal-eżistenza ta’ “rabta suffiċjenti” bejn l-akkwirent jew il-kerrej potenzjali u dawn il-muniċipalitajiet — Inammissibbiltà — Ġustifikazzjoni — Politika tal-akkomodazzjoni soċjali — Assenza

(Artikoli 21 TFUE, 45 TFUE, 49 TFUE, 56 TFUE, 56 TFUE, u 63 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikoli 22 u 24)

3.        Moviment liberu tal-kapital u libertà tal-pagamenti — Restrizzjonijiet għat-tranżazzjonijiet immobiljari — Leġiżlazzjoni reġjonali li timponi “obbligu soċjali” fuq ċerti operaturi ekonomiċi mal-għoti lil dawn tal-aħħar ta’ permess tal-bini jew tal-qsim tal-art f’lottijiet — Ammissibbiltà — Ġustifikazzjoni — Politika tal-akkomodazzjoni soċjali — Kundizzjonijiet — Proporzjonalità — Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

(Artikolu 63 TFUE)

4.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Inċentivi fiskali u mekkaniżmi ta’ sussidju intiżi sabiex jikkumpensaw għall-obbligu soċjali impost fuq il-kuntratturi u l-iżviluppaturi — Inklużjoni — Kundizzjonijiet — Kostituzzjoni ta’ vantaġġ ekonomiku u mhux ta’ kumpens għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku — Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

(Artikolu 107(1) TFUE; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842)

5.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali — Stabbiliment u evalwazzjoni tal-fatti tat-tilwima — Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja

(Artikolu 267 TFUE)

6.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi — Direttiva 2004/18 — Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet — Kunċett — Bini ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali li mbagħad jinbiegħu, bi prezzijiet limitati, lil organizzazzjoni pubblika tal-akkomodazzjoni soċjali jew permezz tas-sostituzzjoni tal-fornitur tas-servizzi li bena dawn il-postijiet ta’ akkomodazzjoni b’din l-organizzazzjoni — Inklużjoni — Kundizzjonijiet — Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 1(2)(b))

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 33, 34, 36)

2.        L-Artikoli 21 TFUE, 45 TFUE, 49 TFUE, 56 TFUE u 63 TFUE, kif ukoll l-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, jipprekludu leġiżlazzjoni reġjonali li tissuġġetta t-trasferiment ta’ beni immobbli li jinsabu f’ċerti muniċipalitajiet għall-verifika minn kummissjoni ta’ evalwazzjoni provinċjali tal-eżistenza ta’ “rabta suffiċjenti” bejn l-akkwirent jew il-kerrej potenzjali u dawn il-muniċipalitajiet. Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali ggarantiti mill-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

Ċertament, rekwiżiti marbuta mal-politika tal-akkomodazzjoni soċjali ta’ Stat Membru, previsti sabiex jiżguraw provvista ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni suffiċjenti għal persuni bi dħul baxx jew għal kategoriji żvantaġġati oħra tal-popolazzjoni lokali, jistgħu jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u, għalhekk, jiġġustifikaw tali restrizzjonijiet.

Madankollu, dawn il-miżuri jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet alternattivi, previsti mill-imsemmija leġiżlazzjoni u li l-osservanza tagħhom għandha tiġi sistematikament ivverifikata mill-kummissjoni ta’ evalwazzjoni provinċjali sabiex jiġi stabbilit li l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ “rabta suffiċjenti” bejn l-akkwirent jew il-kerrej potenzjali u l-muniċipalità destinatarja kkonċernata tkun sodisfatta, jistgħu jiġu sodisfatti mhux biss minn din il-popolazzjoni l-inqas sinjura, iżda wkoll minn persuni oħrajn b’riżorsi suffiċjenti u li, għalhekk, ma jkollhom ebda ħtieġa speċifika ta’ protezzjoni soċjali fl-imsemmi suq.

Fl-aħħar nett, sabiex tali sistema ta’ awtorizzazzjoni bil-quddiem tkun iġġustifikata anki jekk tidderoga minn libertà fundamentali, hija għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, li ma jkunux diskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, li jiżguraw li din is-sistema tkun xierqa sabiex tillimita suffiċjentement l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali. Dan ma jkunx il-każ meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet teżiġi li tiġi stabbilita rabta professjonali, familjari, soċjali jew ekonomika bejn l-akkwirent jew il-kerrej potenzjali u l-muniċipalità kkonċernata bħala riżultat ta’ ċirkustanza importanti u ta’ żmien twil, fid-dawl tan-natura vaga ta’ din il-kundizzjoni u tal-assenza ta’ speċifikazzjoni tas-sitwazzjonijiet li fihom hija għandha titqies sodisfatta.

(ara l-punti 48 sa 51, 52 sa 55, 57 sa 60 u d-dispożittiv 1)

3.        L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni li tipprovdi għall-impożizzjoni ta’ “obbligu soċjali” fuq ċerti operaturi ekonomiċi meta dawn tal-aħħar jingħataw permess tal-bini jew tal-qsim tal-art f’lottijiet, sa fejn ikun ikkonstatat mill-qorti tar-rinviju li din il-leġiżlazzjoni hija neċessarja u xierqa sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi żgurata provvista ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni suffiċjenti għal persuni bi dħul baxx jew għal kategoriji żvantaġġati oħra tal-popolazzjoni lokali.

Fil-fatt, l-obbligu ta’ ċerti żviluppaturi jew kuntratturi, sabiex jiksbu permess tal-bini jew tal-qsim tal-art f’lottijiet, li jissottomettu ruħhom għal proċedura li fl-ambitu tagħha huma għandhom jeżegwixxu obbligu soċjali, li huwa dak li jassenjaw parti mill-proġett tagħhom għall-kostruzzjoni ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali jew li jagħmlu kontribuzzjoni finanzjarja lill-muniċipalità fejn isir il-proġett, jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, ladarba l-investituri inkwistjoni ma humiex f’pożizzjoni li jużaw liberament l-artijiet għall-iskopijiet li għalihom huma jintendu jagħmlu l-akkwist tagħhom.

Madankollu, dan l-obbligu jista’ jiġi ġġustifikat minn rekwiżiti marbuta mal-politika tal-akkomodazzjoni soċjali ta’ Stat Membru, bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk tali obbligu jissodisfax il-kriterju ta’ proporzjonalità.

(ara l-punti 65-69 u d-dispożittiv 2)

4.        L-inċentivi fiskali u l-mekkaniżmi ta’ sussidju jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa jekk il-kundizzjonijiet marbuta mal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat humiex sodisfatti u, fil-każ affermattiv, fir-rigward ta’ miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw għall-obbligu soċjali li għalih huma suġġetti ċerti kuntratturi u żviluppaturi, li tivverifika jekk id-Deċiżjoni 2005/842, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE rigward għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, tapplikax xorta waħda għal tali miżuri.

F’dan ir-rigward, l-interventi jitqiesu bħala għajnuniet meta, fi kwalunkwe forma, ikunu jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament xi impriżi jew jitqiesu bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja kieku ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. Min-naħa l-oħra, sa fejn intervent statali għandu jitqies bħala kumpens għas-servizzi effettwati mill-impriżi benefiċjarji biex jeżegwixxu l-obbligi ta’ servizz pubbliku, b’mod li dawn l-impriżi ma jgawdux minn vantaġġ finanzjarju reali u l-imsemmi intervent għalhekk ma jkollux l-effett li jqiegħed lil dawn l-impriżi f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli minn dik tal-impriżi li jikkompetu magħhom, tali intervent ma jaqax taħt l-Artikolu 107(1) TFUE. Dan jista’ jkun il-każ meta jittieħdu miżuri li huma intiżi sabiex jikkumpensaw għall-obbligu soċjali, li għalih l-iżviluppaturi u l-kuntratturi huma suġġetti, konsistenti fl-użu ta’ parti mill-proġett tagħhom għall-kostruzzjoni ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali jew fil-ħlas ta’ kontribuzzjoni lill-muniċipalità fejn dan il-proġett isir.

Madankollu, biex, f’każ konkret, kumpens bħal dan ma jaqax fil-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, għandhom jiġu sodisfatti għadd ta’ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, l-impriża li tibbenefika minn tali kumpens għandha effettivament tkun inkarigata bl-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar. F’dan ir-rigward, fid-dawl b’mod partikolari tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-Istati Membri għandhom, ma jistax jiġi eskluż li s-servizzi tal-akkomodazzjoni soċjali jistgħu jiġu kklassifikati taħt is-servizz pubbliku. Il-fatt, li dan l-obbligu soċjali ma jibbenefikax direttament lill-individwi, l-applikanti għall-akkomodazzjoni soċjali, iżda lill-kumpanniji tal-akkomodazzjoni soċjali, ma għandu l-ebda effett fuq il-klassifikazzjoni tas-servizz inkwistjoni. It-tieni nett, il-parametri li jintużaw bħala bażi għall-kalkolu tal-kumpens għandhom jiġu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, sabiex jiġi evitat li dan jagħti vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi lill-impriża benefiċjarja meta mqabbla ma’ impriżi kompetituri. It-tielet nett, il-kumpens ma jistax jeċċedi dak li huwa neċessarju sabiex tiġi koperta t-totalità jew parti mill-ispejjeż inkorsi fl-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul marbut magħhom kif ukoll profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi. Ir-raba’ nett, dan il-kumpens għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż inkorsi minn impriża ta’ daqs medju, amministrata tajjeb u li għandha l-mezzi neċessarji xierqa sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku, għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul marbut magħhom kif ukoll profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi.

(ara l-punti 83-89, 91, 92, 102 u d-dispożittiv 3)

5.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 94, 95)

6.        Il-bini ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali li mbagħad jinbiegħu, bi prezzijiet limitati, lil organizzazzjoni pubblika tal-akkomodazzjoni soċjali jew permezz tas-sostituzzjoni ta’ din l-organizzazzjoni għall-fornitur ta’ servizzi li bena dawn il-postijiet ta’ akkomodazzjoni jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kuntratt pubbliku għal xogħlijiet” iddefinit fl-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, meta l-kriterji previsti f’din id-dispożizzjoni huma sodisfatti, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

(ara l-punt 119, dispożittiv 4)