Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Jannar 2015 – NICO vs Il-Kunsill

(Kawża T-24/15)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Naftiran Intertrade Co. (NICO) Sàrl (Pully, l-Isvezja) (rappreżentant: J. Grayston, Solicitor, P. Gjørtler, G. Pandey u D. Rovetta, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/776/PESK tas-7 ta’ Novembru 2014, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran 1 , u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1202/2014, tas-7 ta’ Novembru 2014, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran 2 , sa fejn dawn l-atti jinkludu lir-rikorrenti fil-kategorija ta’ persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi;

–    tordna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi: ksur tad-dritt għal smigh, insuffiċjenza fil-motivi, ksur tad-dritt tad-difiża, żball manifest ta’ evalwazzjoni, u ksur tad-dritt fundamentali għall-proprjetà.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill naqas milli jisma’ lir-rikorrenti, u li ebda indikazzjonijiet kuntrarji ma jiġġustifikaw dan, speċjalment fir-rigward tal-interferenza fuq ftehimiet kuntrattwali kurrenti. Barra minn hekk, il-Kunsill naqas milli jipprovdi dikjarazzjoni ta’ motivi suffiċjenti. B’dawn l-ommissjonijiet, il-Kunsill kiser id-dritt tad-difiża tar-rikorrenti, inkluż id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, ir-rikorrenti ma hijiex sussidjarja ta’ NICO Ltd kif speċifikat mill-Kunsill, peress li l-kumpannija ma għadhiex teżisti f’Jersey u ma teżistix fl-Iran; u f’kull każ, il-Kunsill ma sostniex li anki kieku din kienet sussidjarja, dan ikun jinvolvi benefiċċju ekonomiku għall-Istat Iranjan li jkun kuntrarju għall-iskop tal-atti kkontestati. Finalment, billi interferixxa fuq id-drittijiet ta’ proprjetà u fuq il-ftehimiet kuntrattwali kurrenti amministrati mir-rikorrenti, il-Kunsill kiser id-dritt bażiku tal-proprjetà billi adotta miżuri li għalihom ma tistax tiġi stabbilita l-proporzjonalità.