Language of document : ECLI:EU:C:2014:136

Kawża C‑457/12

S.
vs

Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel

u

Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel
vs
G.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Artikoli 20 TFUE, 21(1) TFUE u 45 TFUE — Direttiva 2004/38/KE — Dritt ta’ moviment liberu u dritt ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Benefiċjarji — Dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru li dan iċ-ċittadin għandu n-nazzjonalità tiegħu — Ċittadin tal-Unjoni resident u ċittadin tal-istess Stat Membru — Attivitajiet professjonali — Spostament regolari lejn Stat Membru ieħor”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-12 ta’ Marzu 2014

1.        Ċittadinanza tal-Unjoni — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38 — Benefiċarji — Membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ Stat terz — Esklużjoni

(Artikolu 21 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38)

2.        Moviment liberu tal-persuni — Ħaddiema — Ċittadin tal-Unjoni li jkun jirrisjedi fuq it-territorju tal-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu u li jkun imur regolarment fi Stat Membru ieħor bħala ħaddiem — Dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja — Kundizzjoni — Effett dissważiv ta’ rifjut tad-dritt ta’ residenza fuq l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ moviment liberu — Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

(Artikolu 45 TFUE)

1.        Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux Stat Membru milli jirrifjuta d-dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, meta l-imsemmi ċittadin ikollu n-nazzjonalità tal-imsemmi Stat Membru u jkun joqgħod f’dan l-istess Stat, iżda jkun imur regolarment fi Stat Membru ieħor fil-kuntest tal-attivitajiet professjonali tiegħu.

Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjonijiet jagħtu dritt ta’ residenza proprja favur ċittadin tal-Unjoni u dritt ta’ residenza derivat favur membri tal-familja tiegħu biss meta l-imsemmi ċittadin jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu.

(ara l-punti 34, 35 u d-dispożittiv)

2.        L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkonferixxi lil membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat terz, dritt ta’ residenza derivat fl-Istat Membru tan-nazzjonalità ta’ dan iċ-ċittadin, meta l-imsemmi ċittadin ikun jirrisjedi f’dan l-aħħar Stat, iżda jkun imur regolarment fi Stat Membru ieħor bħala ħaddiem fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, peress li r-rifjut ta’ tali dritt ta’ residenza għandu effett dissważiv fuq l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet li l-ħaddiem ikkonċernat għandu skont l-Artikolu 45 TFUE, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.

F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza skont liema ċ-ċittadin tal-Istat terz ikkonċernat jieħu ħsieb wild iċ-ċittadin tal-Unjoni tista’ tikkostitwixxi element rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali. Madankollu, is-sempliċi fatt li jista’ jidher li wieħed jippreferi li ċ-ċittadin ta’ Stat terz, axxendent dirett tal-konjuġi taċ-ċittadin tal-Unjoni jieħu ħsieb il-wild, ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex tiġi kkonstatata tali natura dissważiva.

(ara l-punti 43, 44, 46 u d-dispożittiv)