Language of document : ECLI:EU:T:2013:245

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

15 ta’ Mejju 2013 (*)

“Proċeduri għal miżuri provviżorji — Valuri ta’ limitu għall-antimonju, l-arseniku, il-barju, iċ-ċomb u l-merkurju fil-ġugarelli — Rifjut tal-Kummissjoni li tapprova kompletament id-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mill-awtoritajiet Ġermaniżi li jżommu valuri ta’ limitu għal dawn is-sustanzi — Talba għal miżuri provviżorji — Ammissibbiltà — Urġenza — Fumus boni juris — Ibbilanċjar tal-interessi”

Fil-Kawża T‑198/12 R,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u A. Wiedmann, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Patakia u G. Wilms, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba sabiex tinkiseb, fuq bażi provviżorja, l-approvazzjoni taż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mill-awtoritajiet Ġermaniżi li jistabbilixxu valuri ta’ limitu għall-antimonju, l-arseniku, il-barju, iċ-ċomb u l-merkurju fil-ġugarelli sakemm tingħata deċiżjoni fuq il-mertu mill-Qorti Ġenerali,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jagħti l-preżenti

Digriet

 Suġġett tal-proċeduri

1        Din it-talba għal miżuri provviżorji tirrigwarda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 1348 final, tal-1 ta’ Marzu 2012, dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jżommu l-valuri ta’ limitu għaċ-ċomb, il-barju, l-arseniku, l-antimonju, il-merkurju u n-nitrosammini u s-sustanzi nitrosatabbli fil-ġugarelli lil hinn mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 2009, dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (ĠU L 170, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

2        Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni Ewropea laqgħet, fir-rigward tan-nitrosammini u tas-sustanzi nitrosatabbli, it-talba li l-Gvern Ġermaniż kien ressqilha skont l-Artikolu 114(4) TFUE sabiex jikseb l-approvazzjoni taż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu valuri ta’ limitu għall-metalli tqal imsemmija iktar ’il fuq. F’dak li jirrigwarda l-valuri ta’ limitu għaċ-ċomb, il-barju, l-arseniku, l-antimonju u l-merkurju – li jikkorrispondu għall-valuri li kienu ġew stabbiliti bid-Direttiva tal-Kunsill 88/378/KEE, tat-3 ta’ Mejju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward is-sigurtà tal-ġugarelli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 9, p. 240) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli”) – il-Kummissjoni, essenzjalment, ċaħdet it-talba tal-Gvern Ġermaniż u ddeċidiet li, fil-futur, kellhom japplikaw il-valuri ta’ limitu stabbiliti bid-Direttiva 2009/48 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt primarju

3        L-Artikolu 114(1) sa (7) TFUE jipprovdi dan li ġej:

“1. Ħlief fejn provdut xort’oħra fit-Trattati, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-kisba ta’ l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 26. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill […] għandhom jadottaw il-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern.

[…]

3. Il-Kummissjoni, fil-proposti tagħha kif maħsuba fil-paragrafu 1 li jikkonċerna s-saħħa, s-sigurtà, il-ħarsien ta’ l-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumatur, għandha tieħu bħala bażi protezzjoni fl-għola livell, waqt li tieħu kont partikolarment ta’ kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi. Fil-limiti tal-poteri rispettivi tagħhom, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ukoll ifittxu li jilħqu dan l-objettiv.

4. Jekk, wara l-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni […], Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-bażi ta’ neċessitajiet maġġuri msemmija fl-Artikolu 36 […], dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll dwar ir-raġuni għaliex għandhom jinżammu.

[…]

6. Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur [min-notifika msemmija fil-paragrafu 4], tapprova jew tiċħad id-dispożizzjonijiet nazzjonali invlouti, wara li tkun ivverifikat jekk humiex meżż ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew ta’ restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u jekk joħolqux, jew le ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern.

Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni matul dan il-perijodu, id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija [fil-paragrafu 4] għandhom ikunu meqjusa bħala li kienu approvati.

Meta tkun iġġustifikata mill-komplessità tal-materja u meta m’hemmx periklu għas-saħħa umana, il-Kummssjoni tista’ tgħarraf lill-Istat Membru kkonċernat li l-perijodu msemmi f’dan il-paragrafu jista’ jittawwal b’perijodu ieħor sa sitt xhur.

7. Meta, bis-saħħa tal-paragrafu 6, xi Stat Membru jkun awtoriżżat li jżomm jew jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw minn miżura ta’ armonizzazzjoni, il-Kummissjoni għandha immedjetament teżamina jekk tipproponix adattament għal dik il-miżura.”

 Il-leġiżlazzjoni sekondarja

 Id-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli

4        Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli, ġugarelli jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk ma jipperikolawx is-sigurezza jew is-saħħa ta’ min jużahom jew ta’ terzi persuni meta jintużaw kif suppost jew b’mod prevedibbli, billi titqies l-imġiba normali tat-tfal. Fil-kundizzjoni li bih jitqiegħed fis-suq, u filwaqt li jitqies il-perijodu ta’ użu prevedibbli u ta’ użu normali, ġugarell għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet tas-sigurezza u saħħa stabbiliti fid-Direttiva.

5        Il-punt 3 (intitolat “Kwalitajiet kimiċi”) tal-Parti II (intitolata “Riskji partikulari”) tal-Anness II (intitolat “Ħtiġijiet essenzjali ta’ sigurtà għal ġugarelli”) tad-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli jistabbilixxi bħala mira valuri ta’ limitu ta’ biodisponibbiltà massima ammissibbli kull ġurnata, b’mod partikolari, għall-antimonju, għall-arseniku, għall-barju, għaċ-ċomb u għall-merkurju. Il-valuri ta’ limitu ta’ biodisponibbiltà jiddefinixxu l-kwantità massima ammissibbli ta’ sustanza kimika li, minħabba l-użu tal-ġugarelli, tista’ tiġi assorbita u tkun disponibbli għal proċessi bioloġiċi fil-ġisem uman. Dawn il-valuri ta’ limitu ta’ biodisponibbiltà ma jagħmlux distinzjoni abbażi tal-konsistenza tal-materjal tal-ġugarell. L-ewwel sentenza tal-paragrafu 2 tal-punt 3 tal-Parti II tal-Anness II tal-imsemmija direttiva tistabbilixxi, b’mod partikolari, il-valuri ta’ limitu li ġejjin, li jesprimu l-biodisponibbiltà massima ammissibbli kull ġurnata f’µg: l-antimonju: 0.2; l-arseniku: 0.1; il-barju: 25.0; iċ-ċomb: 0.7 u l-merkurju: 0.5. Fir-rigward tan-nitrosammini u s-sustanzi nitrosatabbli, id-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli ma tistabbilixxi ebda valur ta’ limitu.

6        Bis-saħħa ta’ mandat mogħti mill-Kummissjoni, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni ħejja, fuq din il-bażi, l-istandard armonizzat Ewropew EN 71‑3 “Sikurezza tal-ġugarelli” (iktar ’il quddiem “EN 71‑3”), li mill-valuri ta’ limitu ta’ biodisponibbiltà jislet “valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni” għall-materjali li minnhom ikun magħmul ġugarell u jiddeskrivi proċedura li permezz tagħha jistgħu jiġu ddeterminati. Il-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni jindikaw il-kwantità massima ammissibbli ta’ sustanza kimika li tista’ temigra, jiġifieri tgħaddi minn prodott ’il barra, pereżempju tippenetra fil-ġilda jew fil-likwidu gastriku. Jekk jiġu osservati l-valuri tal-EN 71‑3, jitqies li jkunu ġew osservati wkoll il-valuri ta’ limitu ta’ biodisponibbiltà tad-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli. L-EN 71‑3 jistabbilixxi, b’mod partikolari, il-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni li ġejjin: l-antimonju: 60 mg/kg; l-arseniku: 25 mg/kg; il-barju: 1 000 mg/kg; iċ-ċomb: 90 mg/kg u l-merkurju: 60 mg/kg.

 Id-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli

7        Fl-2003, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrevedi d-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli. Wara bosta konsultazzjonijiet ma’ esperti fuq diversi abbozzi, fil-bidu tas-sena 2008, il-Kummissjoni ppreżentat proposta ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-ġugarelli, proposta li ġiet aċċettata mill-Kunsill fil-11 ta’ Mejju 2009, minkejja l-oppożizzjoni tal-Gvern Ġermaniż, u adottata fit-18 ta’ Ġunju 2009 sabiex saret id-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli. Il-punt 13 tal-Parti III (intitolata “Kwalitajiet kimiċi”) tal-Anness II (intitolat “Rekwiżiti essenzjali tas-sikurezza”) ta’ din id-direttiva tistabbilixxi direttament valuri limiti ta’ migrazzjoni. Hija issa tagħmel distinzjoni abbażi ta’ tliet konsistenzi tal-materjal tal-ġugarell skont jekk ikunx “niexef, fraġli, flessibbli jew f’għamla ta’ trab”, “likwidu jew li jwaħħal” jew “inbarax minn fuqu”.

8        Il-punt 13 tal-Parti III tal-Anness II tad-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli għalhekk jistabbilixxi l-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni li ġejjin:

Elementi

mg/kg f’materjal tal-ġugarell niexef, fraġli, flessibbli jew f’għamla ta’ trab

mg/kg f’materjal tal-ġugarell likwidu jew li jwaħħal

mg/kg f’materjal tal-ġugarell li jkun inbarax minn fuqu

Antimonju

45

11.3

560

Arseniku

3.8

0.9

47

Barju

4 500

1 125

56 000

Ċomb

13.5

3.4

160

Merkurju

7.5

1.9

94


9        L-Artikolu 54 tad-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jittrasponuha fl-ordinament nazzjonali tagħhom sal-20 ta’ Jannar 2011 u li japplikawhom b’effett mill-20 ta’ Lulju 2011. L-Artikolu 55 madankollu jistabbilixxi eċċezzjoni fis-sens li l-punt 3 tal-Parti II tal-Anness II tad-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli jitħassar biss b’effett mill-20 ta’ Lulju 2013. Għalhekk il-valuri ta’ limitu ta’ biodisponibbiltà stabbiliti mid-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli, kif ukoll il-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni li jinsiltu minnhom għall-materjali li jservu sabiex jiġu mmanifatturati l-ġugarelli, jibqgħu fis-seħħ sal-20 ta’ Lulju 2013, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-antimonju, l-arseniku, il-barju ċ-ċomb u l-merkurju.

10      Skont il-Gvern Ġermaniż, l-Artikolu 55 tad-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli hija lex specialis li tidderoga mill-Artikolu 54, b’mod li, skontu, il-punt 13 tal-Parti III tal-Anness II tal-imsemmija direttiva, jiġifieri d-dispożizzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, għandu jiġi traspost biss sal-20 ta’ Lulju 2013. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tqis li t-terminu għat-traspożizzjoni previst fl-Artikolu 54 tad-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli japplika wkoll għall-metalli tqal kkonċernati minn din il-kawża. Il-Kummissjoni ssostni li huwa biss fl-interess tal-ekonomija li l-Artikolu 55 jistabbilixxi perijodu tranżitorju li jiskadi fl-20 ta’ Lulju 2013, perijodu li matulu l-ġugarelli li l-kwalitajiet kimiċi tagħhom huma konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli jistgħu jibqgħu jiġu mmanifatturati u kkummerċjalizzati. Hija ssostni li din id-dispożizzjoni ma għandhiex l-għan li tagħti terminu għat-traspożizzjoni itwal lill-Istati Membri.

 Id-dritt nazzjonali Ġermaniż

11      Id-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli ġiet trasposta fid-dritt nazzjonali Ġermaniż permezz ta’ regolament fl-1989. Ir-regolament ta’ traspożizzjoni jirreferi għar-rekwiżiti ta’ sikurezza previsti fl-Anness II tad-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli, li stabbilixxa l-valuri ta’ limitu ta’ biodisponibbiltà applikabbli, b’mod partikolari, għall-ħames metalli tqal li huma l-antimonju, l-arseniku, il-barju, iċ-comb u l-merkurju.

12      Id-dritt nazzjonali Ġermaniż ġiet aġġustat għas-sitwazzjoni legali ġdida li tirriżulta mill-pubblikazzjoni tad-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli fl-2011. Madankollu, ma saret ebda emenda f’dak li jirrigwarda l-valuri ta’ limitu tal-ħames metalli tqal imsemmija iktar ’il fuq, billi l-punt 3 tal-Parti III tal-Anness II tad-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli kien għadu fis-seħħ. Kien għalhekk li, permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tat-22 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni bdiet proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għal nuqqas parzjali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, skont l-Artikolu 258 TFUE. Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Marzu 2013, il-Gvern Ġermaniż irrisponda għall-intimazzjoni, billi ċaħad li naqas milli jwettaq obbligu, għar-raġuni li l-Parti III tal-Anness II tad-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli kellha tipproduċi l-effetti tagħha biss mill-20 ta’ Lulju 2013.

 Fatti u proċedura

13      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Jannar 2011, il-Gvern Ġermaniż talab lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 114(4) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 36 TFUE, sabiex tapprova ż-żamma, lil hinn mid-data tal-20 ta’ Lulju 2013, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu li jistabbilixxu valuri ta’ limitu għall-antimonju, l-arseniku, il-barju, iċ-ċomb u l-merkurju (b’mod konformi mal-punt 3 tal-Parti II tal-Anness II tad-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli), kif ukoll għan-nitrosammini u s-sustanzi nitrosatabbli, għar-raġuni li dawn id-dispożizzjonijiet kienu jiżguraw livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tat-tfal ogħla minn dak stabbilit bid-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli. Huwa rrefera, b’mod partikolari, għall-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni stabbiliti b’din tal-aħħar għall-ġugarelli li jistgħu jinbarxu. Skont il-Gvern Ġermaniż, fir-rigward tal-antimonju, l-arseniku, il-barju, iċ-ċomb u l-merkurju, paragun mal-valuri ta’ limitu tal-EN 71‑3 jindika li l-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni applikabbli fil-futur huma ogħla, kif jirriżulta mit-tabella li ġejja:

Elementi

EN 71-3 f’mg/kg, li jikkonverti l-valuri ta’ limitu ta’ biodisponibbiltà tad-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli (riprodotti fid-dritt nazzjonali)

Id-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli f’mg/kg

Ċomb

90

160

Arseniku

25

47

Merkurju

60

94

Barju

1 000

56 000

Antimonju

60

560


14      Il-Gvern Ġermaniż sostna li, għalkemm il-paragun kien limitat għall-valuri applikabbli għall-kategorija “materjal tal-ġugarell li jkun inbarax minn fuqu”, dan il-paragun waħdu huwa suffiċjenti, mingħajr il-bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni ż-żewġ kategoriji l-oħra, sabiex juri li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli twassal għal żieda ċara fil-migrazzjoni ammissibbli tal-metalli tqal. L-imsemmija direttiva ma tispeċifikax b’mod ċar il-proporzjon bejn il-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni ta’ kull waħda mit-tliet kategoriji u dawk tal-oħrajn. Għalhekk wieħed irid jitlaq mill-prinċipju li l-kwantità indikata tista’ temigra kull ġurnata minn kull kategorija. Il-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni għandhom għalhekk jiġu evalwati b’mod kumulattiv u aggregat sabiex tiġi ddefinita l-espożizzjoni totali fil-każ fejn tfal jiġu f’kuntatt ma’ ġugarelli li jaqgħu fit-tliet kategoriji matul l-istess ġurnata.

15      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, li ġiet innotifikata fit-2 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni laqgħet it-talba tal-Gvern Ġermaniż mingħajr restrizzjonijiet fir-rigward tan-nitrosammini u s-sustanzi nitrosatabbli. Fir-rigward tal-barju u ċ-ċomb, hija laqgħet din it-talba “sad-data tad-dħul fis-seħħ tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jiffissaw limiti ġodda […], iżda mhux lil hinn mill-21 ta’ Lulju 2013”. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-antimonju, l-arseniku u l-merkurju, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba.

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Mejju 2012, il-Gvern Ġermaniż ressaq rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tiegħu għaż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-valuri ta’ limitu għall-antimonju, l-arseniku u l-merkurju u sa fejn approvat iż-żamma ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-barju u ċ-ċomb biss sal-21 ta’ Lulju 2013.

17      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Frar 2013, il-Gvern Ġermaniż ressaq din it-talba għal miżuri provviżorji, li fiha huwa jitlob, essenzjalment, li l-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu:

–        japprova, fuq bażi provviżorja, id-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati, li jżommu valuri ta’ limitu għall-antimonju, l-arseniku, il-barju, iċ-ċomb u l-merkurju, sakemm il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi r-rikors prinċipali;

–        sussidjarjament, tordna lill-Kummissjoni tapprova, fuq bażi provviżorja, l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali, sakemm il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi r-rikors prinċipali.

18      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba għal miżuri provviżorji, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-28 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni titlob li l-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu:

–        jiddikjara t-talba inammissibbli jew, sussidjarjament, tiċħadha bħala infondata;

–        tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tħallas l-ispejjeż żejda kkawżati mill-proċeduri għal miżuri provviżorji meta tiddeċiedi fuq l-ispejjeż tar-rikors prinċipali.

19      Il-Gvern Ġermaniż ippreżenta replika għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni fl-14 ta’ Marzu 2013. Il-Kummissjoni ħadet pożizzjoni definittiva fuq din tal-aħħar permezz ta’ nota ppreżentata fis-27 ta’ Marzu 2013.

 Id-dritt

20      Minn qari flimkien tal-Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE, minn naħa, u tal-Artikolu 256(1) TFUE, min-naħa l-oħra, jirriżulta li l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’, jekk iqis li ċ-ċirkustanzi jkunu jeżiġu dan, jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att ikkontestat jew jippreskrivi l-miżuri provviżorji neċessarji.

21      L-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jitolbu l-urġenza kif ukoll ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja li tiġi mitluba. Għalhekk, is-sospensjoni għall-eżekuzzjoni u miżuri provviżorji oħra jistgħu jingħataw mill-Imħallef għal miżuri provviżorji jekk jiġi stabbilit li l-għoti tagħhom ikun iġġustifikat prima facie fil-fatt u fid-dritt (fumus boni juris) u li jkunu urġenti fis-sens li jkun meħtieġ, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tal-parti li titlobhom, li jingħataw u li jipproduċu l-effetti tagħhom qabel id-deċiżjoni fuq ir-rikors prinċipali. Skont il-każ, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu wkoll jiżen l-interessi inkwistjoni (ara d-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ April 2011, Westfälische Drahtindustrie et vs Il‑Kummissjoni, T‑393/10 R, Ġabra p. II‑1697, punt 12, u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami komplessiv, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u huwa liberu li jiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, il-mod kif dawn id-diversi kundizzjonijiet għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, billi ebda regola tad-dritt ma timponilu skema ta’ analiżi stabbilita minn qabel għall-evalwazzjoni tal-ħtieġa li tingħata deċiżjoni provviżorja (ara d-digriet Westfälische Drahtindustrie et vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 13, u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      L-Imħallef għal miżuri provviżorji jikkunsidra li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jiddeċiedi fuq din it-talba għal miżuri provviżorji, mingħajr ma hemm lok li l-ewwel jinstemgħu s-sottomissjonijiet orali tal-partijiet.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal miżuri provviżorji

24      Il-Kummissjoni tqis li t-talba għal miżuri provviżorji hija inammissibbli, għaliex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għandhiex interess ġuridiku. Li kieku kellha tirnexxi t-talba fir-rikors prinċipali, li tfittex li tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni negattiva, il-Kummissjoni jkollha tadotta deċiżjoni ġdida dwar l-għoti ta’ deroga, skont l-Artikolu 114(4) TFUE, billi tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza ta’ annullament u teżerċita s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha f’tali ċirkustanzi. Permezz tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja qiegħda tfittex, fir-realtà, li tikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni negattiva. Issa tali pretensjoni hija, bħala prinċipju, inkonċepibbli fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji (ara d-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 2009, Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht vs Il‑Kummissjoni, T‑396/09 R, mhux ippubblikat fil-Ġabra, iktar ’il quddiem id-“digriet Milieudefensie”, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja qiegħda tipprova tevita din ir-regola ta’ ammissibbiltà billi tillimita s-suġġett tat-talbiet għal miżuri provviżorji u, sabiex tilħaq l-iskop tagħha, tressaq, fil-proċeduri għal miżuri provviżorji, talbiet li jmorru ferm lil hinn mit-talbiet li hija ressqet fir-rikors prinċipali, ħaġa li thedded l-ekwilibriju istituzzjonali.

25      F’dak li jirrigwarda t-talba prinċipali, li tfittex li l-Imħallef għal miżuri provviżorji stess japprova provviżorjament iż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, il-Kummissjoni tosserva li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità, il-qorti tal-Unjoni ma tistax iġġib ruħha bħal awtorità amministrattiva jew twettaq evalwazzjonijiet kumplessi ta’ kwistjonijiet tekniċi minflokha. F’dak li jirrigwarda mat-talba sussidjarja, li kieku kellha tintlaqa’ fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, din tkun tammonta għal ordni mogħtija lill-Kummissjoni li tislet konsegwenzi speċifiċi mis-sentenza ta’ annullament. Id-dritt tal-Unjoni ma tirrikonoxxix dan it-tip ta’ azzjoni għall-għoti ta’ ordni, li tkun tfisser li tiġi ordnata miżura li teċċedi l-kompetenza tal-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu (digriet Milieudefensie, punt 42). Barra minn hekk, l-ammissibbiltà ta’ talba għal miżuri provviżorji tkun suġġetta għall-eżistenza ta’ rabta stretta bejn il-miżura provviżorja mitluba u t-talbiet fir-rikors prinċipali. L-Imħallef għal miżuri provviżorji ma jistax jassumi kompetenza li ma għandhiex il-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu (digriet Milieudefensie, punti 39 et seq). Huwa preċiżament dan li r-rikorrenti qiegħda tfittex li tikseb.

26      Għall-kuntrarju, il-Gvern Ġermaniż iqis li teżisti tabilħaqq rabta bejn it-talba għal miżuri provviżorji u t-talba fil-mertu. Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-azzjoni għal miżuri provviżorji huma espressjoni tad-dritt li tinkiseb ġustizzja previst fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 389) (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Huma jiggarantixxu lir-rikorrent id-dritt li jikseb protezzjoni ġudizzjarja provviżorja sa fejn din hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni li tkun se tingħata fuq il-mertu. Meta, bħal f’dan il-każ, ir-rikors prinċipali jirrigwarda, fir-realtà, talba għall-għoti ta’ ordni, iżda r-rikorrent ikun kostrett li jippreżenta rikors għal annullament, għandha tingħata protezzjoni ġudizzjarja provviżorja skont l-Artikolu 278 TFUE jew skont l-Artikolu 279 TFUE.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li tiġi ggarantita l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni futura fuq il-mertu [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Akzo u Akcros, C‑7/04 P(R), Ġabra p. I‑8739, punt 36]. Konsegwentement, dawn il-proċeduri huma ta’ natura anċillari meta mqabbla mal-kawża prinċipali li huma marbutin magħha (digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Frar 1996, Lehrfreund vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑228/95 R, Ġabra p. II‑111, punt 61), b’mod li d-deċiżjoni meħuda mill-Imħallef għal miżuri provviżorji għandha tkun ta’ natura provviżorja fis-sens li la tista’ tiddetermina minn qabel id-deċiżjoni futura fuq il-mertu u lanqas ma tista’ ċċaħħadha mill-effettività tagħha (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 1991, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, C‑313/90 R, Ġabra p. I‑2557, punt 24, u tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1995, Connolly vs Il‑Kummissjoni, T‑203/95 R, Ġabra p. II‑2919, punt 16). Barra minn hekk, il-miżura kawtelatorja mitluba għandu jkollha rabta suffiċjentement stretta mas-suġġett tar-rikors prinċipali u ma tistax toħroġ ’il barra mill-kuntest tad-deċiżjoni fuq il-mertu li tista’ tittieħed mill-Qorti Ġenerali (digrieti tal-President tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Marzu 2001, Goldstein vs Il‑Kummissjoni, T‑18/01 R, Ġabra p. II‑1147, punt 14, u tat-2 ta’ Lulju 2004, Sumitomo Chemical vs Il‑Kummissjoni, T‑78/04 R, Ġabra p. II‑2049, punt 43).

28      Kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, talba għal miżuri provviżorji li tfittex biss li tikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni negattiva hija, bħala prinċipju, inammissibbli, billi s-sospensjoni mitluba ma tistax fiha nfisha tibdel is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent. Madankollu, ma hijiex preċiżament talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 278 TFUE li ppreżenta l-Gvern Ġermaniż. Huwa pjuttost qiegħed jitlob l-adozzjoni ta’ miżura provviżorja fis-sens tal-Artikolu 279 TFUE. Issa la l-Artikolu 279 TFUE, la l-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura, u inqas u inqas l-Artikolu 47 tal-Karta ma jippermettu li tali talba tiġi ddikjarata inammissibbli għas-sempliċi raġuni li r-rikors li miegħu hija marbuta jfittex li jikseb l-annullament ta’ deċiżjoni negattiva [ara wkoll, f’dan ir-rigward, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Marzu 2013, EDF vs Il‑Kummissjoni, C‑551/12 P(r), punt 41].

29      Huwa għalhekk li l-ġurisprudenza fiha diversi eżempji ta’ miżuri provviżorji li ġew adottati fil-kuntest ta’ rikorsi għall-annullament ta’ deċiżjonijiet negattivi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Imħallef għal miżuri provviżorji fil-fatt deherlu li kien meħtieġ li tingħata l-protezzjoni ġuridika provviżorja mitluba sakemm jingħalqu l-proċeduri prinċipali (ara, b’mod partikolari, id-dispożittiv tad-digrieti tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2009, United Phosphorus vs Il‑Kummissjoni, T‑95/09 R, mhux ippubblikat fil-Ġabra; tas-16 ta’ Novembru 2012, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, T‑341/12 R, u Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T‑345/12 R, u tal-11 ta’ Marzu 2013, Pilkington Group vs Il‑Kummissjoni, T‑462/12 R).

30      Għandu jiġi kkonstatat li l-modalitajiet ta’ dan il-każ jimmilitaw b’mod partikolari favur l-ammissibbiltà tal-miżura provviżorja mitluba mill-Gvern Ġermaniż.

31      Fil-fatt, l-Artikolu 55 tad-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli jipprovdi li l-punt 3 tal-Parti II tal-Anness II tad-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli – li fih il-valuri ta’ limitu tal-antimonju, l-arseniku, il-barju, iċ-ċomb u l-merkurju li l-Gvern Ġermaniż jixtieq iżomm kif jinsabu fid-dritt nazzjonali – se titħassar biss b’effett mill-20 ta’ Lulju 2013. Billi, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għaż-żamma fir-rigward tal-antimonju, l-arseniku u l-merkurju, u laqgħetha fir-rigward tal-barju u ċ-ċomb biss sal-21 ta’ Lulju 2013, il-projbizzjoni taż-żamma li tirriżulta minnha jkollha effett biss mill-21 ta’ Lulju 2013. Għaldaqstant, il-Gvern Ġermaniż jista’, fi kwalunkwe każ, ikompli japplika l-valuri ta’ limitu preċedenti kkonċernati sal-20 ta’ Lulju 2013, bl-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni jew mingħajrha, bla ħsara għall-eventwali obbligu tiegħu li jittrasponi, qabel dik id-data, il-punt 13 tal-Parti III tal-Anness II tad-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli fid-dritt nazzjonali (ara l-punt 12 iktar ’il fuq).

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gvern Ġermaniż kellu jippreżenta rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata fit-terminu stabbilit bl-Artikolu 263(6) TFUE, jiġifieri qabel nofs Mejju 2012, minkejja li huwa mċaħħad mill-protezzjoni ġudizzjarja provviżorja prevista fl-Artikolu 278 TFUE sal-20 ta’ Lulju 2013 għaliex, sa dik id-data, is-sitwazzjoni legali li hija tixtieq tistabbilixxi – fis-sens tal-applikabbiltà kontinwata tal-valuri ta’ limitu preċedenti – hija diġà ggarantita lilu permezz tal-Artikolu 55 tad-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli. Għalhekk il-Gvern Ġermaniż jista’ biss, loġikament, jitlob iż-żamma ta’ dawn il-valuri ta’ limitu lil hinn mill-20 ta’ Lulju 2013 permezz ta’ miżura provviżorja ordnata skont l-Artikolu 279 TFUE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tikkritikah billi ssostni li huwa fittex li jevita b’mod illeġittimu l-proċedura prevista fl-Artikolu 278 TFUE.

33      Sa fejn il-Kummissjoni ssostni li l-miżura provviżorja mitluba thedded l-ekwilibriju istituzzjonali u teċċedi l-limiti ta’ kompetenza tal-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, għandu jitfakkar li, f’dak li jirrigwarda l-miżuri provviżorji, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu kompetenza li l-impatt tagħha fil-konfront tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kkonċernati jmur lil hinn mill-effetti li jirriżultaw minn sentenza ta’ annullament (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Awwissu 1983, CMC vs Il‑Kummissjoni, 118/83 R, Ġabra p. 2583, punt 53, u d-dispożittiv tad-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Frar 1993, Langnese-Iglo u Schöller vs Il‑Kummissjoni, T‑7/93 R u T‑9/93 R, Ġabra p. II‑131), bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri provviżorji japplikaw biss sakemm idumu għaddejjin il-proċeduri prinċipali, ma jiddeterminawx minn qabel id-deċiżjoni fuq il-mertu u ma jostakolawx l-effettività ta’ din tal-aħħar.

34      Kif osserva ġustament il-Gvern Ġermaniż, l-għoti tal-miżura provviżorja li huwa qiegħed jitlob ma tiddeterminax minn qabel id-deċiżjoni fuq il-mertu. Iż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati tkun approvata għal perijodu ta’ żmien limitat, jiġifieri sal-adozzjoni tad-deċiżjoni fuq il-mertu. Din l-approvazzjoni purament provviżorja ma tinvolvi ebda evalwazzjoni tal-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, evalwazzjoni li se tkun is-suġġett tad-deċiżjoni fuq il-mertu. Barra minn hekk, it-talba għal miżuri provviżorji, li permezz tagħha l-Gvern Ġermaniż ifittex, essenzjalment, li jkun jista’ japplika l-valuri ta’ limitu preċedenti lil hinn mill-20 ta’ Lulju 2013, għandha rabta suffiċjentement stretta mar-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, billi din tal-aħħar tipprojbixxi de facto li dawn jinżammu fis-seħħ lil hinn minn din id-data.

35      F’dak li jirrigwarda l-effettività tad-deċiżjoni li għandha tingħata fuq il-mertu, huwa evidenti li l-għoti tal-miżura provviżorja mitluba ma jimminax l-effett ta’ sentenza li tiċħad ir-rikors għal annullament ippreżentat mill-Gvern Ġermaniż, billi, skont l-Artikolu 107(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-validità ta’ din il-miżura tispiċċa awtomatikament meta tingħata s-sentenza. Kieku l-Qorti Ġenerali kellha tannulla d-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tkun obbligata, skont l-Artikolu 266 TFUE, li tieħu l-miżuri li jinvolvi dan l-annullament, filwaqt li taġixxi skont il-motivi tas-sentenza. F’każ li l-Kummissjoni tiċħad mill-ġdid it-talba għaż-żamma magħmula mill-Gvern Ġermaniż, billi tibbaża ruħha, pereżempju, fuq raġunijiet ġodda, il-miżura li l-validità tagħha tkun spiċċat b’effett tal-Artikolu 107(3) tar-Regoli tal-Proċedura ma tostakolax din il-konsegwenza tas-sentenza. Kieku, għall-kuntrarju, il-Kummissjoni kellha tilqa’ t-talba għaż-żamma sabiex tikkonforma ruħha mal-motivi tas-sentenza, il-miżura provviżorja mitluba tkun partikolarment adegwata sabiex tiggarantixxi, mill-mument li tingħata, l-effett sħiħ ta’ sentenza ta’ annullament futura li tkun is-suġġett ta’ tali eżekuzzjoni.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni lanqas ma tista’ ġustament issostni li l-miżura provviżorja mitluba tmur lil hinn minn dak li l-Qorti Ġenerali għandha s-setgħa tagħti f’sentenza ta’ annullament futura. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, għall-finijiet ta’ dan l-eżami tal-ammissibbiltà tat-talba għal miżuri provviżorji, li l-Gvern Ġermaniż indika b’mod rilevanti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il‑Kummissjoni, 169/84, Ġabra p. 391, punt 28) li l-valuri ta’ limitu nazzjonali nnotifikati lill-Kummissjoni bil-għan li jinżammu kienu jiggarantixxu livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tat-tfal ogħla minn dak li jirriżulta mill-implementazzjoni tal-valuri ta’ limitu tad-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli, li jekk tiġi miċħuda l-miżura provviżorja li huwa qiegħed jitlob għall-perijodu bejn il-21 ta’ Lulju 2013 u d-data meta tingħata s-sentenza fuq il-mertu jkun hemm theddida ta’ dannu gravi u irreparabbli għas-saħħa tat-tfal u li l-interess li għalih qiegħda tintalab il-protezzjoni, jiġifieri s-saħħa pubblika, għandu importanza kruċjali.

37      Din l-ispjegazzjoni motivata tal-Gvern Ġermaniż tippermetti lill-Imħallef għal miżuri provviżorji, għall-finijiet tal-eżami tal-ammissibbiltà tat-talba mressqa quddiemu, li jassumi b’ċertezza suffiċjenti li, sabiex twettaq l-obbligi li jirriżultaw minn sentenza ta’ annullament, il-Kummissjoni tilqa’ t-talba għaż-żamma inkwistjoni. Għalhekk il-miżura provviżorja mitluba tibqa’ fil-limitu tal-miżuri li l-Kummissjoni, f’kull probabbiltà, tkun obbligata tadotta b’eżekuzzjoni ta’ tali sentenza.

38      Dwar dan il-punt, għandha ssir distinzjoni bejn dan il-każ u l-każ inkwistjoni fil-kawża li tat lok għad-digriet Milieudefensie, li kellu bħala suġġett awtorizzazzjoni ta’ deroga li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet eżentat Stat Membru mill-osservanza ta’ ċerti valuri ta’ limitu li jikkonċernaw il-kwalità tal-ajru. Il-Kummissjoni kienet ċaħdet bħala inammissibbli t-talba li kienet ressqitilha organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent, sabiex hija twettaq “eżami mill-ġdid intern” ta’ din l-awtorizzazzjoni. Kien kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda, u mhux kontra l-awtorizzazzjoni ta’ deroga nfisha, li l-organizzazzjoni rikorrenti kienet ippreżentat rikors għal annullament. Barra minn hekk, hija kienet ressqet talba għal miżuri provviżorji intiża, b’mod partikolari, sabiex il-Kummissjoni tiġi obbligata tordna lill-Istat Membru kkonċernat li josserva l-valuri ta’ limitu mingħajr dewmien. Fil-punti 37 sa 41 tad-digriet Milieudefensie, it-talba għal miżuri provviżorji ġiet iddikjarata inammissibbli għar-raġuni li l-għoti tal-miżura provviżorja mitluba kien iwassal, fil-fatt, sabiex il-Kummissjoni tiġi mġiegħla tirtira d-deroga, filwaqt li sentenza li tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda kienet tobbligaha biss sabiex taġixxi u twettaq, bla ħsara għar-riżultat tiegħu, l-eżami mill-ġdid inizjalment irrifjutat, iktar u iktar meta d-diskussjoni bejn il-partijiet, mhux biss ma kinitx tikkonċerna dan ir-riżultat, iżda kienet tirrigwarda biss kwistjonijiet ta’ ammissibbiltà. Għaldaqstant, l-irtirar tad-deroga bl-ebda mod ma kien se jkun il-konsegwenza neċessarja ta’ dik is-sentenza, b’mod li l-miżura provviżorja mitluba kienet tmur ferm lil hinn mill-miżuri li l-Kummissjoni kien ikollha tadotta sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza ta’ annullament skont l-Artikolu 266 TFUE (ara, fir-rigward ta’ konfigurazzjoni simili li tikkonċerna d-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, id-digriet CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punti 20 sa 23).

39      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi ddikjarata ammissibbli, iżda biss f’dak li jirrigwarda t-talba mressqa sussidjarjament. Fil-fatt, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 114(4) u (6) TFUE, ikkunsidrati flimkien, jirriżulta li hija biss il-Kummissjoni li għandha l-kompetenza li tawtorizza t-talbiet għaż-żamma li jitressqulha mill-Istati Membri, fil-waqt li l-Imħallef għal miżuri provviżorji ma għandux, bħala prinċipju, is-setgħa li jordna lill-istituzzjoni kkonċernata tieħu miżuri speċifiċi jew iżżomm lura milli tagħmel dan.

 Fuq il-fumus boni juris

40      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kundizzjoni li tikkonċerna l-fumus boni juris tiġi ssodisfatta meta mill-inqas motiv wieħed minn dawk invokati mir-rikorrent insostenn tar-rikors prinċipali jidher, prima facie, rilevanti u, fi kwalunkwe każ, mhux infondat. Għal dan il-għan huwa biżżejjed li dan il-motiv iqajjem kwistjonijiet kumplessi u delikati li, prima facie, ma jistgħux jiġu miċħuda bħala irrilevanti, iżda jeħtieġu eżami fid-dettall, li huwa rriżervat għall-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu, jew li mill-argumenti magħmula mill-partijiet jirriżulta li teżisti kontroversja legali sinjifikattiva li ma tkunx tista’ tiġi riżolta immedjatament (ara, f’dan is-sens, id-digriet Westfälische Drahtindustrie et vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 54, u d-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Settembru 2012, Il-Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑52/12 R, punt 13, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-awtorizzazzjoni temporanja tal-valuri ta’ limitu taċ-ċomb u tal-barju

41      Skont il-Gvern Ġermaniż, id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 114 TFUE billi mal-approvazzjoni tagħha tad-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati dwar il-valuri ta’ limitu għaċ-ċomb u l-barju l-Kummissjoni żiedet terminu li jiskadi mhux iktar tard mill-21 ta’ Lulju 2013. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 114(6) TFUE ma jipprovdix għal tali restrizzjoni kronoloġika, b’mod li l-Kummissjoni tista’ tagħżel biss bejn l-approvazzjoni u ċ-ċaħda. It-terminu li fih hija għandha tadotta d-deċiżjoni tagħha huwa limitat espressament għal sitt xhur. Il-mod kif inhi fformulata din id-dispożizzjoni ma jippermettilhiex timponi restrizzjoni temporali, a fortiori restrizzjoni għal għarrieda bħal dik li hija imponiet f’dan il-każ, li tagħti l-libertà lid-dipartimenti tagħha li sussegwentement jeżaminaw eventwali adattamenti tal-miżura ta’ armonizzazzjoni.

42      Il-Gvern Ġermaniż iżid jgħid li anki l-istruttura tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 114(6) TFUE timmilita kontra l-possibbiltà għall-Kummissjoni li ddaħħal limitazzjoni temporali f’deċiżjoni adottata fuq din il-bażi. L-ewwel nett, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 114(6) TFUE joħloq preżunzjoni ta’ approvazzjoni meta l-Kummissjoni ma tiddeċidix fit-terminu ta’ sitt xhur previst fis-subparagrafu preċedenti. It-tieni nett, skont it-tielet subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 114(6) TFUE, il-Kummissjoni tista’ testendi t-terminu inizjali b’sitt xhur biss fuq bażi eċċezzjonali. It-tielet nett, l-Artikolu 114(7) TFUE jimponi fuq il-Kummissjoni, meta tapprova dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati, li teżamina immedjatament jekk ikunx hemm lok li tipproponi adattament tal-miżura ta’ armonizzazzjoni. L-għan ta’ din ir-regola huwa li jiġi żgurat li jekk proċedura għaż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali timxi bil-mod, dan ma jkunx ta’ preġudizzju għall-Istat Membru li jitlob li jżomm tali dispożizzjonijiet. Il-Kummissjoni għalhekk hija obbligata espressament, wara li tkun tat l-approvazzjoni tagħha, li teżamina immedjatament jekk hemmx lok għal eventwali adattament u l-portata ta’ tali adattament.

43      Il-Kummissjoni twieġeb li l-argumenti tal-Gvern Ġermaniż imorru kontra s-sistema stabbilita bl-Artikolu 114 TFUE. Fil-fatt, l-awtorizzazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali iktar stretti tikkostitwixxi preċiżament deroga għall-miżuri ta’ armonizzazzjoni. Mhux talli ma pprevalixxietx ruħha minn eċċezzjoni, iżda talli żiedet restrizzjoni temporali mal-approvazzjoni tagħha biss sabiex toħloq sitwazzjoni kompatibbli mal-miżura ta’ armonizzazzjoni filwaqt li approvat, għal perijodu limitat, livell ta’ protezzjoni ogħla. Il-limitazzjoni temporali tippermetti li l-proċedura tingħalaq malajr u tevita eventwali proċedura ulterjuri bbażata fuq l-Artikolu 114(4) TFUE. Il-Kummissjoni adottat din is-soluzzjoni għaliex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet uriet minn kmieni n-nuqqas ta’ approvazzjoni tagħha fir-rigward tal-approċċ magħżul minna, minkejja l-fatt li hija kienet diġà bdiet tieħu passi bil-għan li tadatta l-valuri ta’ limitu għall-iktar għarfien xjentifiku reċenti. Kien għalhekk loġiku li l-approvazzjoni tingħata b’limitazzjoni temporali, għaliex dan kien l-uniku mod kif jiġi ggarantit il-fatt li regoli uniformi japplikaw f’kull ħin għas-sustanzi inkwistjoni fil-ġugarelli kkummerċjalizzati fis-suq intern.

44      Il-Kummissjoni ssostni li l-ibblokkar ta’ kwalunkwe miżura intiża sabiex jiġu introdotti dispożizzjonijiet iktar stretti fil-livell tal-Unjoni sakemm tingħalaq il-proċedura prevista fl-Artikolu 114(6) TFUE jmur kontra l-għan ta’ protezzjoni li d-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli tfittex li tilħaq u l-importanza li d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-protezzjoni tas-saħħa. Tali riżultat ikun manifestament assurd. Għall-kuntrarju, limitazzjoni temporali tal-awtorizzazzjonijiet tagħti lill-Kummissjoni l-possibbiltà li ssib, jekk ikun hemm bżonn, soluzzjonijiet iktar flessibbli li jostakolaw mill-inqas il-funzjonament tas-suq intern u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni. B’dan il-mod hija tkun tista’, fl-istess ħin, tieħu inkunsiderazzjoni l-preokkupazzjonijiet leġittimi tal-Istati Membri.

45      F’dan ir-rigward, l-Imħallef għal miżuri provviżorji jikkonstata, qabel xejn, li, fil-punt 54 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet espressament li l-limiti ta’ migrazzjoni għaċ-ċomb stabbiliti bid-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli ma kinux joffru livell xieraq ta’ protezzjoni għat-tfal, ħaġa li wasslitha sabiex tibda proċedura ta’ reviżjoni tal-valuri ta’ limitu inkwistjoni. Kien għalhekk li l-Kummissjoni kkunsidrat, fil-punt 55 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati fir-rigward taċ-ċomb kienu ġġustifikati minn ħtiġijiet maġġuri ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. L-istess japplika wkoll f’dak li jirrigwarda l-barju: fil-punt 48 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wkoll irrikonoxxiet espressament li l-valuri proposti mill-Gvern Ġermaniż kienu jiggarantixxu livell ogħla ta’ protezzjoni tas-saħħa tat-tfal. Kien għalhekk li, fil-punt 51 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ddikjarat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati fir-rigward tal-barju kienu ġġustifikati minn ħtiġijiet maġġuri ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

46      Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li, fil-punt 94 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tosserva li l-miżuri nazzjonali nnotifikati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward taċ-ċomb u l-barju la kienu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja, la kienu ostakolu moħbi għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, u lanqas ma kienu ostakolu sproporzjonat għall-funzjonament tas-suq intern. Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li kellha raġunijiet biex taċċetta li dawn il-miżuri setgħu jiġu awtorizzati “soġġetti għal limitu ta’ żmien”.

47      Għalhekk jidher li l-Kummissjoni kkonfermat li l-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni tal-Artikolu 114(4) u (6) TFUE kienu ssodisfatti f’dak li jirrigwarda ċ-ċomb u l-barju. Barra minn hekk, hija rrikonoxxiet li kienet taqbel mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar il-fatt li l-approvazzjoni kellha tingħata billi l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 114(4) u (6) kienu ssodisfatti. Madankollu hija speċifikat li, fost dawn il-kundizzjonijiet, kien hemm ukoll dik dwar in-natura neċessarja tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, li f’dan il-każ kienet se tkun issodisfatta sal-adozzjoni tal-valuri ta’ limitu li jirriżultaw mid-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli. Lil hinn minn dan il-limitu temporali, id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma kinux ser jibqgħu neċessarji. Din is-sitwazzjoni kienet timmilita favur limitazzjoni temporali li hija żiedet mal-approvazzjoni tagħha.

48      F’dak li jirrigwarda r-reviżjoni tal-valuri ta’ limitu stabbiliti bid-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli, il-Kummissjoni speċifikat, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba għal miżuri provviżorji, li, fit-3 ta’ Jannar 2013, hija kienet innotifikat lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ b’abbozz ta’ regolament li jemenda l-imsemmija direttiva u li jadatta l-valuri ta’ limitu applikabbli għall-barju. Wara n-notifika ta’ dan l-abbozz, hija kellha tosserva terminu ta’ 60 ġurnata, jiġifieri sal-4 ta’ Marzu 2013, qabel ma tkun tista’ tadottah. Wara l-iskadenza tat-terminu u wara li tkun ħadet inkunsiderazzjoni eventwali osservazzjonijiet, hija tkun tista’ tissottometti l-abbozz inkwistjoni lill-kumitat regolatorju, ħaġa li hija “ipprevediet li tagħmel” f’Marzu 2013 skont il-proċedura bil-miktub. “Jekk il-kumitat regolatorju japprova l-abbozz bil-maġġoranza kkwalifikata”, jibda jiddekorri terminu ta’ tliet xhur, li matulu l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jesprimu oġġezzjonijiet. “Jekk ma jippreżentawx oġġezzjonijiet”, il-Kummissjoni tkun tista’ tadotta l-abbozz. Il-limiti ta’ migrazzjoni l-ġodda għall-barju mbagħad ikunu jistgħu jidħlu fis-seħħ f’Lulju 2013.

49      Kif din l-ispjegazzjoni tippermetti li jinftiehem faċilment, id-dħul fis-seħħ tal-valuri ta’ migrazzjoni l-ġodda għall-barju previsti mill-Kummissjoni jiddependi minn diversi fatturi imprevedibbli. Bil-fatt li mal-approvazzjoni tagħha hija żiedet terminu finali “[li ma jmurx] lil hinn mill-21 ta’ Lulju 2013”, kif għamlet fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għalhekk ħolqot, prima facie, ir-riskju li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jkollha tirrinunzja għar-regoli nazzjonali tagħha qabel id-dħul fis-seħħ ta’ eventwali valuri ta’ migrazzjoni ġodda, meta dawn ir-regoli jiggarantixxu inkontestabbilment livell ta’ protezzjoni ogħla minn dak li joffru l-valuri attwali tad-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli u meta ż-żamma tal-imsemmija regoli huwa għalhekk iġġustifikat minn ħtiġijiet maġġuri ta’ protezzjoni tas-saħħa. Għaldaqstant, l-argument tal-Gvern Ġermaniż – li skontu l-impożizzjoni ta’ tali terminu ma tikkorrispondix għal “żamma” fis-sens tal-Artikolu 114(4) TFUE u twassal biex tiġi evitata s-sistema tat-termini u tal-preżunzjoni ta’ approvazzjoni stabbilita fl-Artikolu 114(4) sa (7) TFUE – jidher prima facie li ma huwiex infondat.

50      Dan japplika a fortiori għall-adattament tal-valuri ta’ limitu applikabbli għaċ-ċomb li l-Kummissjoni tipprevedi li tagħmel. Fil-fatt, din tal-aħħar titlaq, hija stess, mill-prinċipju li l-iktar kmieni li l-valuri l-ġodda jistgħu jiġu adotti huwa biss f’Jannar 2014, jiġifieri, fi kwalunkwe każ, wara l-iskadenza tat-terminu finali li hija żiedet mal-approvazzjoni tagħha, li jispiċċa fil-21 ta’ Lulju 2013.

51      Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti li ressaq il-Gvern Ġermaniż dwar l-approvazzjoni limitata fiż-żmien tal-valuri ta’ limitu applikabbli għaċ-ċomb u għall-barju huma ta’ natura serja u jqajmu kwistjonijiet li, prima facie, jeħtieġu eżami fid-dettall, li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu. F’dan ir-rigward, għalhekk, it-talba għal miżuri provviżorji għandha fumus boni juris.

52      Għandu jiġi osservat minn issa li, f’każ li t-talba għal miżuri provviżorji tintlaqa’ fuq dan il-punt, il-Kummissjoni tista’ f’kull ħin tressaq talba skont l-Artikolu 108 tar-Regoli tal-Proċedura, jekk hija jidhrilha li ċ-ċirkustanzi jkunu nbidlu b’mod li jista’ jkun iġġustifikat li l-miżura provviżorja tinbidel jew titħassar, li jkun il-każ, pereżempju, jekk fil-frattemp iseħħ adattament tal-valuri ta’ limitu applikabbli għaċ-ċomb jew għall-barju, jew għal dawn iż-żewġ elementi.

 Fuq iċ-ċaħda tat-talba għall-approvazzjoni tal-valuri ta’ limitu applikabbli għall-antimonju, l-arseniku u l-merkurju

53      Skont il-Gvern Ġermaniż, id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 114(4) u (6) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni interpretat ħażin il-kriterju ta’ evalwazzjoni rilevanti, meta, sabiex tiġġustifika ċ-ċaħda tagħha taż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-antimonju, l-arseniku u l-merkurju, hija kkritikatu talli naqas milli jipprova li l-limiti ta’ migrazzjoni previsti fid-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli ma kinux joffru livell xieraq ta’ protezzjoni jew li probabbilment ikollhom effetti negattivi fuq is-saħħa. Fil-fatt, kif jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Marzu 2003, Id-Danimarka vs Il‑Kummissjoni (C‑3/00, Ġabra p. I‑2643, punti 63 u 64), sabiex jiġġustifika ż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu, Stat Membru jista’ jinvoka l-fatt li huwa jevalwa r-riskju għas-saħħa pubblika b’mod differenti minn kif għamel il-leġiżlatur tal-Unjoni fil-miżura ta’ armonizzazzjoni inkwistjoni. F’dan il-każ, l-Istat Membru li jitlob li jżomm tali dispożizzjonijiet għandu jipprova biss li r-regoli nazzjonali tiegħu jiżguraw livell ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika iktar għoli mil-livell żgurat mill-miżura ta’ armonizzazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li ma jeċċedux dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan il-għan.

54      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Gvern Ġermaniż wettaq l-obbligi kollha tiegħu fir-rigward tal-provi. Il-valuri ta’ limitu nazzjonali, li huma identiċi għal dawk tal-punt 3 tal-Parti II tal-Anness II tad-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli, u l-valuri ta’ limitu previsti fil-punt 13 tal-Parti III tal-Anness II tad-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli jistgħu jiġu pparagunati biss wara li ssir konverżjoni, għaliex dawk tal-ewwel huma espressi f’termini ta’ biodisponibbiltà, filwaqt dawk tat-tieni huma espressi f’termini ta’ valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni. Il-Gvern Ġermaniż wettaq il-konverżjoni f’valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni abbażi tal-istandard EN 71‑3 (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), u sussegwentement ipparaguna l-valuri ta’ limitu ta’ biodisponibbiltà wara l-eżawriment tal-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni massimi awtorizzati mid-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli għat-tliet kategoriji ta’ konsistenza ta’ ġugarell ma’ dawk tad-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli (indipendentement mill-konsistenza tal-ġugarell). Wara din il-konverżjoni, irriżulta li l-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni previsti fid-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati kienu iktar baxxi minn dawk previsti fid-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli. Għall-elementi inkwistjoni, din tal-aħħar għalhekk tawtorizza migrazzjoni ogħla minn dik permessa mill-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali, ħaġa li twassal għal espożizzjoni iktar qawwija tat-tfal għas-sustanzi li jagħmlu l-ħsara. Dan jipprova li dawn l-istess dispożizzjonijiet nazzjonali jiggarantixxu livell ta’ protezzjoni ogħla minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli, kif tikkonferma t-tabella li ġejja:

Element

Valur ta’ limitu ta’ biodisponibbiltà skont id-dritt nazzjonali Ġermaniż (li jikkorrispondi għad-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli)

Valur ta’ limitu ta’ biodisponibbiltà skont id-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli

 

µg/ġurnata tkun xi tkun il-konsistenza tal-materjal tal-ġugarell

µg/ġurnata f’materjal tal-ġugarell niexef, fraġli, flessibbli jew f’għamla ta’ trab

µg/ġurnata f’materjal tal-ġugarell likwidu jew li jwaħħal

µg/ġurnata f’materjal tal-ġugarell li jkun inbarax minn fuqu

Antimonju

0.2

4.5

4.5

4.5

Arseniku

0.1

0.38

0.36

0.38

Merkurju

0.5

0.75

0.76

0.76


55      Għall-Gvern Ġermaniż, dan jipprova li, għal kull element u kull konsistenza, il-valuri ta’ limitu ta’ biodisponibbiltà previsti fid-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli huma iktar baxxi minn dawk previsti fid-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli. Għaldaqstant, minn eżami separat għal kull konsistenza diġà jirriżulta li d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tas-saħħa tat-tfal milli jagħmlu r-regoli tad-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli. Din il-konstatazzjoni tissaħħaħ iktar kieku, għal kull element, kellu jitwettaq eżami globali billi jiġu aggregati l-valuri ta’ limitu ta’ biodisponibbiltà previsti fid-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli, wara l-konverżjoni, għat-tliet konsistenzi ta’ materjal ta’ ġugarell.

56      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati (u l-valuri ta’ limitu previsti fid-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli li fuqhom huma bbażati dawn id-dispożizzjonijiet) ma jipproteġux is-saħħa b’mod iktar effikaċi milli jagħmlu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli u li, għall-kuntrarju, fil-maġġoranza tal-każijiet, ir-regoli Ġermaniżi jiżguraw protezzjoni kjarament iktar baxxa kontra l-antimonju, l-arseniku u l-merkurju, kif turi t-tabella li ġejja, li fiha l-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni previsti fid-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli huma pparagunati mal-miżuri nnotifikati mill-Gvern Ġermaniż, fejn iċ-ċifri jirreferu għall-kwantità massima aċċettabbli f’mg ta’ kull element li jista’ jiġi rrilaxxat (li jista’ “jemigra”) minn kg wieħed ta’ materjal ta’ ġugarell:

Element

Id-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli

Migrazzjoni minn materjali ta’ ġugarelli, f’mg/kg

Miżuri nnotifikati, espressi bħala migrazzjoni f’mg/kg

EN 71‑3

 

Materjal likwidu jew li jwaħħal

Materjal niexef, fraġli, flessibbli jew f’għamla ta’ trab

Materjal li jkun inbarax minn fuq il-ġugarell

 

Antimonju

11.3

45

560

60

Arseniku

0.9

3.8

47

25

Merkurju

1.9

7.5

94

60


57      Skont il-Kummissjoni, minn din it-tabella jidher ċar li, għall-materjali likwidi u niexfa, il-valuri nnotifikati mill-Gvern Ġermaniż huma kjarament ogħla minn dawk tad-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli. Il-valuri ta’ limitu nnotifikati huma iktar baxxi biss fir-rigward tal-materjali li jkunu nbarxu minn fuq il-ġugarell, li madankollu, bħala regola ġenerali, huwa iktar diffiċli li jkunu disponibbli, preċiżament għaliex l-ewwel iridu jkunu nbarxu minn fuqu.

58      Il-Kummissjoni tikkontesta l-paragun li għamel il-Gvern Ġermaniż fit-tabella li ssottomettielha (ara l-punt 54 iktar ’il fuq). Fil-fatt, it-tieni kolonna tindika l-biodisponibbiltà li d-dispożizzjonijiet nazzjonali Ġermaniżi (u d-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli) ifittxu li jilħqu, filwaqt li t-tliet kolonni iktar lejn il-lemin juru l-biodisponibbiltà milħuqa fil-prattika permezz tad-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli, jiġifieri billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwantità ta’ materjal ta’ ġugarell assorbit. Sabiex il-paragun ikun korrett, jeħtieġ, għad-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli wkoll, li tiġi kkalkolata l-biodisponibbiltà li tista’ tintlaħaq fil-prattika, u dan għat-tliet konsistenzi ta’ materjal ta’ ġugarell. Għal dan il-għan, il-valur ta’ limitu ta’ migrazzjoni għal element partikolari, jiġifieri l-kwantità massima ta’ dan l-element li huwa aċċettat li jiġi rrilaxxat għal kull kg ta’ materjal ta’ ġugarell, għandu jiġi mmultiplikat bil-kwantità ta’ materjal ta’ ġugarell li jibilgħu it-tfal li jilgħabu bih: 100 mg għall-materjal niexef (u materjal ieħor), 400 mg għat-tafal għall-immudellar u ż-żebgħa tas-swaba’ jew il-materjal likwidu (u materjal ieħor) u 8 mg għall-materjal li jkun inbarax minn fuq il-ġugarell. It-tabella li ġejja turi dan ir-riżultat:

Element

Id-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli

Id-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli

 

Biodisponibbiltà

f’µg/ġurnata bħala għan

Biodisponibbiltà f’µg/ġurnata

milħuqa fil-prattika abbażi tal-

istandard EN 71‑3 għal …

Biodisponibbiltà f’µg/ġurnata

milħuqa fil-prattika abbażi tad-

Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli għal…

  

Materjal niexef




100 mg

Tafal għall-immudellar u żebgħa tas-swaba’

400 mg

Materjal li jkun inbarax minn fuq il-ġugarell




8 mg

Materjal niexef




100 mg

Materjal likwidu




400 mg

Materjal li jkun inbarax minn fuq il-ġugarell




8 mg

Antimonju

0.2

6

24

0.5

4.5

4.5

4.5

Arseniku

0.1

2.5

10

0.2

0.4

0.36

0.38

Merkurju

0.5

2.5

10

0.5

0.75

0.76

0.76


59      Dan il-paragun juri li, fir-rigward tal-antimonju, l-arseniku u l-merkurju, id-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli hija globalment iktar ħarxa mir-regoli li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tixtieq tkun awtorizzata li żżomm. Id-dispożizzjonijiet innotifikati għalhekk ma jservux għall-protezzjoni tas-saħħa, b’mod li l-element deċiżiv meħtieġ mill-Artikolu 114(4) TFUE, jiġifieri n-natura adegwata tal-miżura, huwa nieqes fil-proċeduri prinċipali.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat mill-Imħallef għal miżuri provviżorji li l-kontroversja bejn il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni dwar il-valuri ta’ limitu “korretti” għall-antimonju, l-arseniku u l-merkurju fil-ġugarelli tqajjem kwistjonijiet tekniċi ħafna. Dan japplika, b’mod partikolari, għall-konverżjoni tal-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni u ta’ biodisponibbiltà.

61      F’dak li jirrigwarda din il-konverżjoni, il-Gvern Ġermaniż jikkontesta r-rilevanza tal-“valuri ta’ limitu ta’ biodisponibbiltà li jistgħu jintlaħqu fil-prattika” li l-Kummissjoni kisbet billi mmultiplikat il-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni li jikkorrispondu għall-istandard EN 71‑3 bl-istimi ta’ kwantitajiet assorbiti, jiġifieri 100 mg, 400 mg u 8 mg. Din l-oġġezzjoni ma hijiex prima facie nieqsa minn kull fondatezza, inkwantu l-Gvern Ġermaniż josserva li l-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni tal-istandard EN 71‑3 tħejjew abbażi tal-ipoteżi li l-kwantità ta’ materjal ta’ ġugarell assorbit kull ġurnata huwa biss ta’ 8 mg u li d-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli (kif ukoll id-dispożizzjonijiet nazzjonali bbażati fuqha), minn naħa, diġà timponi l-valuri ta’ limitu ta’ biodisponibbiltà applikabbli u, min-naħa l-oħra, tiddefinixxi l-biodisponibbiltà massima għal kull ġurnata dovuta għall-użu tal-ġugarelli u tipprojbixxi li din tinqabeż. Inkwantu l-Gvern Ġermaniż iżid jgħid li l-“valuri ta’ limitu ta’ biodisponibbiltà li jistgħu jintlaħqu fil-prattika” stabbiliti mill-Kummissjoni ma humiex korretti, għaliex il-valuri hekk ikkalkulati huma tabilħaqq ogħla minn dawk li huma permessi, b’mod assolut, mid-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli, b’mod li l-premessa li fuqha l-Kummissjoni bbażat il-konverżjoni tagħha hija inkompatibbli mal-istess dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, dan l-argument lanqas ma jidher prima facie li huwa nieqes minn kull rilevanza.

62      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, saħansitra skont il-metodu ta’ konverżjoni tagħha stess, il-valuri ta’ limitu nazzjonali nnotifikati huma, fir-rigward tal-materjal li jkun inbarax minn fuq il-ġugarell, iktar baxxi minn dawk li tistabbilixxi d-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli, għalkemm tgħid li l-materjal li jkunu inbarax minn fuq il-ġugarell huwa iktar diffiċilment aċċessibbli għat-tfal, għaliex l-ewwel irid jinbarax minn fuqu. Mistoqsija dwar dan, il-Kummissjoni semmiet, bħala eżempju ta’ materjal li jkun inbarax minn fuq il-ġugarell, il-kisjiet tal-wiċċ (żebgħa, verniċ), il-materjali tal-plastik u materjali oħra, bħall-ġilda, il-kartun, l-injam u t-tessili bħall-ġugarelli rotob, iżda wkoll il-ħġieġ u l-azzar. Hija speċifikat li kienu t-tfal infushom li, waqt li jkunu qed jilagħbu, jigdmu l-ġugarell, joborxuh bi snienhom, isaffuh jew jilagħquh u b’hekk jistgħu jibilgħu l-materjal li jkun inbarax minn fuqu. Issa dawn l-ispjegazzjonijiet la jippermettu li jiġi ddeterminat prima facie għaliex ġugarelli mibruxin – jiġifieri ġugarelli użati ħafna, bħalma wieħed isib sikwit fl-iskejjel tat-trabi, fil-crèches u fil-familji numerużi – ikunu iktar diffiċilment disponibbli minn konsistenzi ta’ materjal oħra u lanqas għaliex ir-riskju għas-saħħa li jirriżulta minnhom għandu jkun negliġibbli. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma pproduċiet ebda ċifra li turi l-grad ta’ rarità ta’ tali ġugarelli. Għaldaqstant, ftit li xejn jista’ jiġi affermat, f’dak li jirrigwarda l-materjal li jkun inbarax minn fuq il-ġugarell, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati ma humiex tali li jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa, fis-sens tal-Artikolu 114(4) TFUE.

63      Jekk il-Kummissjoni tibqa’ ssostni li d-dispożizzjonijiet li l-Gvern Ġermaniż jitlob li jiġu approvati huma bbażati fuq metodi li għandhom ftit inqas minn 30 sena, ikun biżżejjed li jiġi osservat li, fid-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli, il-leġiżlatur innifsu jippermetti espressament li l-valuri ta’ limitu bbażati fuq dawn il-metodi jibqgħu fis-seħħ sal-20 ta’ Lulju 2013. Il-valuri ta’ limitu nazzjonali li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni awtorizzat sa din id-data fir-rigward tal-barju u ċ-ċomb huma bbażati, huma wkoll, fuq dawn il-metodi. Għalhekk il-Kummissjoni ma għandhiex raġun, prima facie, li ssostni s-sistema ta’ valuri ta’ limitu stabbilita bid-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli hija totalment antikwata, xjentifikament skaduta u għalhekk manifestament inadegwata.

64      Lanqas ma jista’ jiġi aċċettat l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li ebda Stat Membru ieħor ma esprima l-iċken riżerva dwar il-valuri ta’ limitu l-ġodda. Fil-fatt, huwa perfettament leġittimu li Stat Membru, b’mod partikolari fis-settur tas-saħħa, jevalwa riskju li ċerti sustanzi joħolqu għall-popolazzjoni b’mod differenti mil-leġiżlatur tal-Unjoni meta jħejji miżura ta’ armonizzazzjoni, ħaġa li tawtorizza lil dan l-Istat li jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu fis-seħħ sa fejn jista’ jipprova li dawn jipproteġu s-saħħa pubblika (nazzjonali) aħjar mill-miżura ta’ armonizzazzjoni inkwistjoni u li ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Id-Danimarka vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 63 u 64).

65      Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-argumenti esposti mill-Gvern Ġermaniż dwar ir-rifjut li jiġu approvati l-valuri ta’ limitu applikabbli għall-antimonju, l-arseniku u l-merkurju jqajmu kwistjonijiet kumplessi li, prima facie, ma jistgħux jiġu miċħuda bħala irrilevanti, iżda jeħtieġu eżami fid-dettall, li għandu jitwettaq fil-kuntest tal-proċeduri prinċipali, jekk ikun hemm bżonn wara li jiġi kkonsultat espert skont l-Artikolu 65(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

66      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqset milli teżamina l-eżistenza ta’ eventwali diskriminazzjoni arbitrarja, ta’ eventwali restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn Stati Membri jew ta’ eventwali ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern. Madankollu, kif irrileva ġustament il-Gvern Ġermaniż, il-Kummissjoni nfisha ammettiet, f’din id-deċiżjoni, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali Ġermaniżi dwar iċ-ċomb, il-barju, in-nitrosammini u s-sustanzi nitrosatabbli kienu japplikaw b’mod indistint għall-prodotti kollha u la kienu jwasslu għal diskriminazzjoni arbitrarja, la għal restrizzjoni fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u lanqas għal ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern. Ma hemm ebda raġuni għaliex għandu jkun mod ieħor fir-rigward tal-antimonju, l-arseniku u l-merkurju, meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati huma identiċi f’dan ir-rigward.

67      Għalhekk il-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hija ssodisfatta wkoll f’dak li jirrigwarda r-rifjut li jiġu approvati l-valuri ta’ limitu applikabbli għall-antimonju, l-arseniku u l-merkurju.

 Fuq l-urġenza

68      Għandu jitfakkar li l-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni futura fuq il-mertu, sabiex tiġi evitata lakuna fil-protezzjoni ġuridika żgurata mill-qorti tal-Unjoni (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Mejju 1996, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑399/95 R, Ġabra p. I‑2441, punt 46). Sabiex jintlaħaq dan il-għan, in-natura urġenti ta’ talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-bżonn li tingħata deċiżjoni provviżorja sabiex jiġi evitat li l-parti li titlob il-miżura provviżorja ġġarrab dannu gravi u irreparabbli [digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Novembru 1999, Pfizer Animal Health vs Il‑Kunsill, C‑329/99 P(R), Ġabra p. I‑8343, punt 94]. Hija l-parti li tallega t-theddida ta’ tali dannu li għandha tipprova, bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, li huwa prevedibbli li dan iseħħ (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 1993, Il-Ġermanja vs Il—Kunsill, C‑280/93 R, Ġabra p. I‑3667, punt 34, u tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 2001, Il‑Kummissjoni vs NALOO, C‑180/01 P‑R, Ġabra p. I‑5737, punt 53).

69      F’dan il-każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, fl-assenza tal-miżuri provviżorji mitluba, ikun hemm ir-riskju li ġġarrab dannu gravi u irreparabbli matul il-perijodu bejn l-20 ta’ Lulju 2013 u d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fuq il-mertu. L-interess ġuridiku mhedded huwa s-saħħa tat-tfal, li jkunu esposti għar-riskju li jiġu f’kuntatt ma’ ġugarelli li ma ġewx prodotti fl-osservanza tal-valuri ta’ limitu previsti fid-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati, li joffru livell ta’ protezzjoni ogħla minn dak żgurat bid-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli. Id-dannu jkun gravi, għaliex is-saħħa hija, fiha nfisha, valur partikolarment importanti u għaliex it-tfal, li huma l-iktar konsumaturi sensittivi, ma jistgħux jiddeċiedu huma stess dwar il-perikoli li għalihom ikunu esposti. Ġaladarba jseħħ, id-dannu jkun irriversibbli, billi, min-natura tagħha, il-ħsara għas-saħħa ma tistax tiġi eliminata b’mod retroattiv.

70      Il-Kummissjoni twieġeb, essenzjalment, li anki kieku l-valuri ta’ limitu tad-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli kellhom iwasslu għal livell ta’ protezzjoni ogħla, dan ma jkunx ifisser li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli jwasslu għal ħsara gravi u irreparabbli mill-20 ta’ Lulju 2013. Barra minn hekk, fl-assenza ta’ fumus boni juris, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tinvoka l-urġenza.

71      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din il-kawża tikkonċerna l-protezzjoni tas-saħħa tat-tfal li jkunu esposti għar-riskju li jiġu f’kuntatt ma’ ġugarelli li jkun fihom ċerti metalli tqal. F’dak li jirrigwarda l-istabbiliment ta’ valuri ta’ limitu għall-preżenza ta’ dawn tal-aħħar fil-ġugarelli, l-Artikolu 114(4) TFUE jipprevedi l-possibbiltà li jinżammu dispożizzjonijiet nazzjonali ġġustifikati minn ħtiġijiet serji, elenkati fl-Artikolu 36 TFUE, jiġifieri minn ħtiġijiet marbuta, inter alia, mal-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni. Skont l-Artikolu 191(1) u (2) TFUE, li wkoll jirrigwarda l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, il-politika li għandha tiġi segwita f’dan il-qasam hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni.

72      Il-prinċipju ta’ prekawzjoni, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jippermetti lill-istituzzjonijiet ta’ din tal-aħħar li jieħdu miżuri ta’ protezzjoni, meta jkun hemm inċertezzi dwar l-eżistenza jew il-portata ta’ riskji għas-saħħa tal-persuni, mingħajr ma jkollhom jistennew li r-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jiġu stabbiliti b’mod sħiħ (ara d-digriet tal-Imħallef għal miżuri provviżorji tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Settembru 2007, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑257/07 R, Ġabra p. I‑4153, punti 60 u 61, u l-ġurisprudenza ċċitata). Huma saħansitra obbligati jieħdu miżuri xierqa, sabiex jevitaw ċerti riskji potenzjali għas-saħħa pubblika li jirriżultaw minn prodott partikolari, filwaqt li jistgħu jillimitaw ruħhom li jipprovdu indizji serji u konklużivi li, mingħajr ma jeskludu l-inċertezza xjentifika, jippermettu raġonevolment li jitqajmu dubji dwar kemm dan il-prodott ma jagħmilx ħsara (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Marzu 2013, Acino vs Il‑Kummissjoni, T‑539/10, punti 63 u 66).

73      Issa l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu, huwa wkoll, jieħu inkunsiderazzjoni dawn il-kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u li jikkonċernaw l-eżistenza u l-gravità ta’ riskji potenzjali għas-saħħa, meta jintalab jiddeċiedi l-kwistjoni jekk l-att legali inkwistjoni jistax, bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, jikkawża danni gravi u irreparabbli għas-saħħa. B’mod partikolari, huwa ma jistax jeskludi tali danni bħala purament ipotetiċi għas-sempliċi raġuni li għad hemm inċertezzi xjentifiċi dwar l-eventwali riskji għas-saħħa.

74      F’dan il-każ, sabiex tiġi eżaminata l-urġenza, għandu, qabel xejn, jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Gvern Ġermaniż ipprova l-eżistenza ta’ fumus boni juris.

75      Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda l-valuri ta’ limitu applikabbli għall-barju u għaċ-ċomb, il-Kummissjoni nfisha rrikonoxxiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati kienu ġġustifikati minn ħtiġijiet serji ta’ protezzjoni tas-saħħa; hija għalhekk awtorizzat li dawn jinżammu. Minn dan isegwi li l-Gvern Ġermaniż, li kellu d-dritt jevalwa l-eżistenza ta’ riskju għas-saħħa pubblika, bħala prinċipju, b’mod differenti minn kif għamel il-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tad-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Id-Danimarka vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 63 u 64), ipprova, b’mod suffiċjenti, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu kienu jiżguraw, prima facie, protezzjoni aħjar tas-saħħa pubblika mir-regoli tad-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli u li ma kinux jeċċedu dak li kien meħtieġ sabiex jintlaħaq dan il-għan.

76      Billi d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati jiżguraw, prima facie, fir-rigward tal-barju u ċ-ċomb, livell ta’ protezzjoni ogħla minn dak żgurat bid-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli, jista’ jiġi konkluż li t-tfal li għandhom jiġu protetti jkunu esposti għal riskji li jistgħu jaffettwaw is-saħħa tagħhom b’mod gravi u irreparabbli jekk jiċċaħħdu minn dan il-livell ta’ protezzjoni. Sa fejn il-Kummissjoni tirribatti li d-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli diġà tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni, b’mod li d-dannu kkawżat mid-differenza bejn dawn iż-żewġ livelli la huwa gravi u lanqas irreparabbli, hija tqiegħed fid-dubju n-natura u l-portata tal-livell ta’ protezzjoni nazzjonali, minkejja li hija stess iddikjarat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kienu ġġustifikati minn “ħtiġijiet serji ta’ protezzjoni tas-saħħa”. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument, li huwa kontradittorju fih innifsu, huwa barra minn loku fid-dawl tar-“rinazzjonalizzazzjoni” tal-politika tas-saħħa, li l-prinċipju tagħha huwa rrikonoxxut fl-Artikolu 114(4) TFUE.

77      Barra minn hekk, fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, jidher li huwa imperattiv li d-danni għas-saħħa li jista’ jikkawża l-kuntatt ma’ metalli tqal, bħall-barju u ċ-ċomb, jiġu kkwalifikati bħala gravi u irreparabbli, a fortiori meta l-grupp espost għar-riskju li għandu jiġi protett huwa dak tat-tfal li jilagħbu bil-ġugarelli. Għaldaqstant, l-argument imressaq mill-Gvern Ġermaniż sabiex jipprova l-urġenza (ara l-punt 69 iktar ’il fuq) għandu jintlaqa’.

78      Dan japplika wkoll għall-valuri ta’ limitu applikabbli għall-antimonju, l-arseniku u l-merkurju, minkejja li l-Kummissjoni ma rrikonoxxietx li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernawhom kienu ġġustifikati minn ħtiġijiet serji ta’ protezzjoni tas-saħħa. Fil-fatt, xejn ma jippermetti li jiġi eskluż li, wara eżami fid-dettall, il-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu twieġeb il-kwistjonijiet kumplessi li qajjem il-Gvern Ġermaniż f’dan ir-rigward (ara l-punt 65 iktar ’il fuq) fis-sens li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni applikabbli għall-antimonju, l-arseniku u l-merkurju jiżguraw, huma wkoll, livell ta’ protezzjoni ogħla minn dak li stabbilixxiet id-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli, b’mod li t-tfal li għandhom jiġu protetti jkunu esposti għal riskji ta’ ħsara gravi u irreparabbli għas-saħħa tagħhom jekk jiċċaħħdu minn dan il-livell ta’ protezzjoni. Għalkemm ma huwiex żgur li l-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu sejra effettivament tiddeċiedi f’dan is-sens, din l-inċertezza ma tippermettix lill-Imħallef għal miżuri provviżorji, fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, li jiċħad l-eżistenza ta’ riskju ta’ danni gravi u irreparabbli għas-saħħa, inqas u inqas meta l-Gvern Ġermaniż ressaq argumenti serji u konvinċenti li jitfgħu dubju fuq il-l-livell ta’ protezzjoni żgurat bid-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli (ara l-punt 61 iktar ’il fuq) u meta l-Kummissjoni nfisha ammettiet, f’dak li jirrigwarda l-materjal tal-ġugarell li jkun inbarax minn fuqu, li l-valuri ta’ limitu nazzjonali nnotifikati kienu iktar baxxi minn dawk imposti mill-imsemmija direttiva.

79      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Gvern Ġermaniż ipprova b’mod suffiċjenti l-urġenza li għandha tingħata lill-miżura provviżorja mitluba.

 Fuq l-ibbilanċjar tal-interessi

80      Skont ġurisprudenza stabbilita sewwa, l-ibbilanċjar tad-diversi interessi inkwistjoni jfisser għall-Imħallef għal miżuri provviżorji li dan għandu jiddetermina jekk l-interess li għandha l-parti li titlob li tikseb l-għoti tal-miżuri provviżorji jipprevalixxix jew le fuq l-interess li l-att kontenzjuż jiġi applikat immedjatament billi jeżamina wkoll jekk l-eventwali annullament ta’ dan l-att mill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu jippermettix li tinqaleb is-sitwazzjoni li tkun inħolqot bl-eżekuzzjoni immedjata tiegħu u, bil-maqlub, jekk l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba huwiex ta’ natura li jostakola l-effett sħiħ tal-att kontenzjuż, fil-każ li r-rikors prinċipali jiġi miċħud (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Marzu 2011, Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband vs Il‑Kummissjoni, T‑457/09 R, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 69, u tas-16 ta’ Novembru 2012, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T‑345/12 R, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      F’dan il-każ, billi l-Gvern Ġermaniż ipprova kemm l-urġenza tat-talba tiegħu għal miżuri provviżorji kif ukoll l-eżistenza ta’ fumus boni juris, għandu jiġi rrikonoxxut li huwa għandu interess leġittimu li jikseb il-miżura provviżorja li huwa jitlob.

82      Barra minn hekk, l-imsemmi gvern josserva ġustament li l-għoti ta’ miżura provviżorja segwit biċ-ċaħda tar-rikors prinċipali ċertament jippreġudika l-interess li jiġu approssimati l-leġiżlazzjonijiet fis-suq intern, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 114(1) TFUE u tal-Artikolu 26 TFUE, ikkunsidrati flimkien, iżda li l-inkonvenjent li jirriżulta minn dan għas-suq intern għandu jitqies li huwa relattivament minuri. Fil-fatt, il-valuri ta’ limitu previsti fid-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati, li huma identiċi għal dawk tad-Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli, ilhom diġà magħrufa u stabbiliti għal għexieren ta’ snin fis-settur tal-ġugarelli, b’mod li dan tal-aħħar huwa f’pożizzjoni li japplikahom u josservahom mingħajr diffikultà. Fi kwalunkwe każ u fuq kollox, dan l-inkonvenjent għas-suq intern ma huwiex irriversibbli, iżda huwa biss temporanju, peress li, wara d-deċiżjoni fuq il-mertu, il-ġugarelli jkunu jistgħu jiġu importati u mqassma mill-ġdid. Min-naħa l-oħra, kieku t-talba għal miżuri provviżorji kellha tiġi miċħuda, iżda l-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu kellha tilqa’ r-rikors, jista’ jiġri li fil-frattemp is-saħħa tat-tfal tkun ġarrbet dannu gravi u irriversibbli.

83      Għal din ir-raġuni, l-interess tal-Kummissjoni li tiġi miċħuda t-talba għal miżuri provviżorji għandu jċedi quddiem l-interess tal-Gvern Ġermaniż li jiġi awtorizzat iżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati, iktar u iktar meta kulma tagħmel il-miżura provviżorja mitluba huwa li żżomm sitwazzjoni legali li ilha diġà teżisti mill-1988, u dan biss għal perijodu limitat. Fil-fatt, il-proċedura bil-miktub fil-Kawża T‑198/12 ilha magħluqa mill-14 ta’ Diċembru 2012, b’mod li wieħed jistenna li l-Qorti Ġenerali se tiddeċiedi r-rikors prinċipali fix-xhur li ġejjin.

84      Billi l-kundizzjonijiet li jippermettu li tingħata l-miżura provviżorja mitluba huma ssodisfatti, għandha tintlaqa’ t-talba korrispondenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jordna:

1)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tawtorizza ż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jistabbilixxu valuri ta’ limitu għall-antimonju, l-arseniku, il-barju, iċ-ċomb u l-merkurju fil-ġugarelli sakemm il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi r-rikors prinċipali.

2)      Il-kumplament tat-talba għal miżuri provviżorji huwa miċħud.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Il-Lussemburgu, 15 ta’ Mejju 2013.

E. Coulon

 

      M. Jaeger

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.