Language of document :

Appell ippreżentat fis-27 ta’ Marzu 2018 minn Électricité de France (EDF) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fis-16 ta’ Jannar 2018 fil-Kawża T-747/15, EDF vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-221/18 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Électricité de France (EDF) (rappreżentant: M. Debroux, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Franċiża

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

Prinċipalment:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi dwar ir-rikors fl-ewwel istanza billi tilqgħu u tħassar, konsegwentement, l-Artikoli 1 sa 5 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/154 tat-22 ta’ Lulju 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.13869 (C 68/2002) (ex NN 80/2002) 1 ;

Sussidjarjament:

tiddeċiedi b’mod definittiv dwar l-ewwel motiv u l-ewwel parti tat-tieni motiv tar-rikors tal-ewwel istanza, tilqa’ din l-ewwel parti tat-tieni motiv u, konsegwentement, tiddeċiedi li l-prinċipju ta’ operatur li jopera f’ekonomija tas-suq japplika għall-miżura kontenzjuża;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, diversament komposta, sabiex tagħti deċiżjoni fuq il-motivi u l-argumenti l-oħra żviluppati mill-appellanti fir-rikors tagħha tat-22 ta’ Diċembru 2015, u tirriżerva l-ispejjeż tal-ewwel istanza;

Iktar sussidjarjament:

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, diversament komposta, sabiex tagħti deċiżjoni fuq il-motivi u l-argumenti kollha żviluppati mill-appellanti fir-rikors tagħha tat-22 ta’ Diċembru 2015 (inklużi l-motivi żviluppati sussidjarjament), u tirriżerva l-ispejjeż tal-ewwel istanza;

U fil-każijiet kollha:

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha ta’ din l-istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka erba’ aggravji prinċipali u aggravju wieħed sussidjarju.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tar-res judicata marbuta mas-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Diċembru 2009, EDF vs Il-Kummissjoni (T-156/04). Is-sentenza appellata tidentifika l-miżura kontenzjuża bħala waħda ta’ allegata eżenzjoni fiskali, kuntrarjament għas-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2009 mogħtija fl-istess kawża li kienet ċaħdet b’mod espliċitu dan l-approċċ. Sabiex tiġġustifika din id-diverġenza fl-identifikazzjoni tal-miżura kontenzjuża, is-sentenza appellata tidher li tinvoka, b’mod impliċitu u b’mod żbaljat, il-bżonn li tiġi interpretata s-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2009 “fid-dawl” tas-sentenza konfermattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ġunju 2012 (C-124/10 P). Issa, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx fuq l-identifikazzjoni tal-miżura kontenzjuża, li hija konstatazzjoni fattwali.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali. Dawn il-provi jiddeskrivu l-miżura ta’ ristrutturazzjoni tal-kapital ta’ EDF effettivament implimentata u ma jippermettux l-identifikazzjoni tal-allegata eżenzjoni fiskali identifikata mill-Qorti Ġenerali.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tan-natura u tal-portata tal-obbligi ta’ eżami diliġenti u imparzjali imposti mill-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza Frucona Košice tal-20 ta’ Settembru 2007 (C-300/16 P), li minkejja dan kienet is-suġġett ta’ osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti Ġenerali.

Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq nuqqas ta’ osservanza mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kemm fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni, kif ukoll fir-rigward tal-assenza ta’ diskussjoni tal-argumenti tal-appellanti bbażati fuq is-sentenza Frucona Košice.

Fl-aħħar nett, aggravju żviluppat sussidjarjament li huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-identifikazzjoni tal-għajnuna allegata bħala għajnuna ġdida, meta fil-fatt kellha tiġi kklassifikata bħala għajnuna eżistenti.

____________

1     ĠU L 34, p. 152.