Language of document : ECLI:EU:C:2008:772

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-22 ta’ Diċembru 2008 1(1)

Kawża C‑552/07

Commune de Sausheim

vs

Pierre Azelvandre

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza))

“Definizzjoni tal-post tar-rilaxx ta’ organiżmi modifikati ġenetikament – Ġustifikazzjonijiet ta’ ordni pubbliku għar-rifjut ta’ żvelar ta’ tali informazzjoni”





1.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-Conseil d’État Franċiż jirrigwarda l-aċċess għal informazzjoni dwar il-post fejn isiru serje ta’ provi fuq il-post ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (iktar ’il quddiem “GMOs”), meta l-awtoritajiet jikkunsidraw li jista’ jkun hemm riskju ta’ ordni pubbliku jekk din l-informazzjoni tiġi żvelata.

 Il-kuntest fattwali

2.        F’April 2004, P. Azelvandre talab lis-Sindku ta’ Sausheim jiżvela l-avviż pubbliku, id-dokument ta’ fatti rreġistrati dwar it-tħawwil (2) u l-ittra prefettorjali ta’ spjegazzjoni għal kull prova fuq il-post ta’ GMO li kienet saret fit-territorju komunali ta’ Sausheim. Huwa talab ukoll li jintbagħtlu l-fajl bl-informazzjoni rigward kull prova ġdida fuq il-post ta’ GMOs li saret fit-territorju tal-komun fl-2004.

3.        Is-Sindku ma weġibx għal din it-talba. P. Azelvandre għalhekk għamel applikazzjoni quddiem il-Kumitat dwar aċċess għal dokumenti. Il-Kumitat ta opinjoni favorevoli dwar il-komunikazzjoni tal-avviż pubbliku u tal-ewwel paġna tal-ittra prefettorjali ta’ spjegazzjoni, imma ta opinjoni kontra l-komunikazzjoni tad-dokument ta’ fatti rreġistrati dwar it-tħawwil u l-mappa li turi fejn kienu saru l-provi fuq il-post, għar-raġuni li l-iżvelar kien jippreġudika l-privatezza u s-sigurtà tal-bdiewa inkwistjoni. Il-Kumitat iddikjara inammissibbli l-applikazzjoni għall-komunikazzjoni tal-fajl bl-informazzjoni dwar ir-rilaxxi li seħħew fl-2004.

4.        Is-Sindku kkomunika debitament l-avviżi pubbliċi rigward il-ħames provi fuq il-post li kienu diġà twettqu fit-territorju tal-komun, u ittri prefettorjali ta’ spjegazzjoni għal tnejn minnhom. P. Azelvandre għaldaqstant appella quddiem it-Tribunal Amministrattiv ta’ Strasbourg, li annulla d-deċiżjoni impliċita tas-Sindku li rrifjuta li jikkomunika l-korrispondenza prefettorjali dwar it-tliet provi fuq il-post l-oħra u d-dokumenti ta’ fatti rreġistrati dwar it-tħawwil (ħlief għall-informazzjoni dwar l-ismijiet) rigward il-ħames provi fuq il-post, u ordna lis-Sindku sabiex jikkomunika dawn id-dokumenti.

5.        Il-komun appella quddiem il-Conseil d’État mid-deċiżjoni tat-Tribunal. Il-Conseil d’État irrinvija d-domandi li ġejjin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1) Għandu l-‘post fejn ir-rilaxx ta’ l-organiżmi modifikati ġenetikament se jsir’, li skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE, tat-23 ta’ April 1990, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (3), ma jistax jinżamm kunfidenzjali, jinftiehem bħala l-porzjon ta’ art irreġistrata fil-katast jew żona ġeografika ikbar li tikkorrispondi jew għall-komun li fih ser iseħħ ir-rilaxx jew għal żona estiża iktar (canton, dipartiment)?

(2)      Fil-każ li l-post għandu jinftiehem bħala li jindika l-porzjon ta’ art irreġistrata fil-katast, tista’ ssir eċċezzjoni bil-għan tal-protezzjoni tal-ordni pubbliku jew ta’ materji kunfidenzjali oħra protetti mil-liġi, għall-komunikazzjoni tar-referenzi katastali tal-post tar-rilaxx, fuq il-bażi tal-Artikolu 95 [KE], jew tad-Direttiva 2003/4/KE tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali (4) jew ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju?’’

 Osservazzjonijiet preliminari

 Il-leġiżlazzjoni applikabbli

6.        P. Azelvandre għamel it-talba tiegħu f’April 2004. F’dak iż-żmien id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 90/220”) kienet ġiet emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/18/KE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/18”) (5), u d-Direttiva 2003/4/KE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/4”) kienet għadha ma ssostitwietx dik ta’ qabilha, id-Direttiva 90/313/KEE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 90/313”) (6).

7.        Jien għalhekk nissuġġerixxi li fir-risposti għad-domandi li saru mill-Conseil d’État, il-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża r-risposti tagħha fuq id-Direttiva 2001/18 (7) u d-Direttiva 90/313 (8). Kif se jidher ċar iktar tard, peress li fil-parti l-kbira m’hemmx differenza bejn id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-direttivi preċedenti u suċċessivi, il-fehmiet li se nesprimi jkunu japplikaw, mutatis mutandis, għad-Direttivi 90/220 u 2003/4.

 It-tip ta’ rilaxx

8.        Kemm mill-kliem tar-rinviju u kemm mill-proċess nazzjonali, huwa evidenti li r-rilaxxi inkwistjoni huma provi fuq il-post, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-parti B tad-Direttiva 2001/18.

9.        Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju pprovdiet lill-Qorti tal-Ġustizzja bin-numri ta’ identifikazzjoni ta’ dawn il-provi fuq il-post. Ir-rapporti ta’ dawn il-provi fuq il-post (9) juru li l-provi jirrigwardaw il-qamħirrum, li huwa “pjanta ogħla” kif imfisser fl-Anness III, li jagħmel parti mill-grupp tassanomiku spermatophytae (pjanti li jipproduċu ż-żerriegħa). L-informazzjoni mitluba min-notifikant matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni hija għalhekk dik stabbilita fl-Anness III B.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat

10.      L-Artikolu 95(4) jipprovdi li:

“Jekk wara l-adozzjoni mill-Kunsill [...] ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-bażi ta’ neċessitajiet maġġuri msemmija fl-Artikolu 30 [KE] […], dan għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b’dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll dwar ir-raġuni għalfejn għandhom jinżammu.’’

11.      Il-ġustifikazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 30 KE jinkludu s-sigurtà pubblika, il-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ persuni jew pjanti, u l-protezzjoni ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali.

 Id-Direttiva 2001/18

12.      Id-Direttiva 2001/18 tirregola r-rilaxx ta’ GMOs fl-ambjent (10). Hija tistabbilixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita fejn parti tkun tixtieq teffettwa rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ GMOs.

13.      L-Artikolu 1 jistipula li l-għan tad-direttiva huwa li “tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stati Membri u li tipprotegi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent meta […] tagħmel rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament […]”.

14.      L-Artikolu 2(3) jiddefinixxi “rilaxx intenzjonat” bħala:

“[…] kwalunkwe introduzzjoni intenzjonata fl-ambjent ta’ GMO jew tagħqid ta’ GMOs li għalihom ma jintużawx miżuri ta’ ħażna biex jillimitaw il-kuntatt tagħhom ma’ u tipprovdi livell għoli ta’ sigurtà għall-popolazzjoni ġenerali u l-ambjent”.

15.      Din id-deskrizzjoni tinkludi provi fuq il-post ta’ GMOs.

16.      Id-Direttiva 2001/18 tikkonsisti f’erba’ partijiet u serje ta’ annessi. Il-parti A tistabbilixxi l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri meta jawtorizzaw ir-rilaxx intenzjonat ta’ GMOs fl-ambjent. Il-partijiet B u Ċ jinkludu dispożizzjonijiet li jagħtu dettalji dwar il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għar-rilaxx intenzjonat għal skopijiet oħra barra dawk li jitqiegħdu GMOs fis-suq (parti B), jew li jitqiegħdu GMOs fis-suq bħala, jew fi, prodotti (parti Ċ). Il-parti D tistabbilixxi serje ta’ dispożizzjonijiet finali, li, bħal dawk fil-parti A, huma applikabbli b’mod ġenerali. L-annessi jagħtu dettalji aktar speċifiċi tal-obbligi imposti fil-parti prinċipali tad-Direttiva.

17.      Fil-parti A, l-Artikolu 4 jistabbilixxi l-proċedura ġenerali ta’ awtorizzazzjoni li għandha tiġi segwita min-notifikanti kollha. B’mod partikolari, dan jipprovdi li:

“1.      […] GMOs jistgħu jiġu rilaxxjati jew jitpoġġew fis-suq intenzjonalment biss in konformità mal-parti B jew parti Ċ rispettivament.

[…]

2.      Kwalunkwe persuna, qabel ma tissottometti notifika skont parti B jew parti Ċ, għandha tagħmel stima ta’ riskju ambjentali. L-informazzjoni li tista’ tkun neċessarja biex tagħmel stima ta’ riskju ambjentali hija stabbilita fl-Anness III.

[…]

4.      L-Istati Membri għandhom jappuntaw l-awtorità kompetenti jew awtoritajiet responsabbli għall-osservazzjoni [għall-osservanza] tar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva. L-awtorità kompetenti għandha teżamina n-notifikazzjonijiet skont parti B u parti Ċ għall-osservanza tar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u dwar jekk l-istima provduta fil-paragrafu 2 hijiex xierqa [...]”.

18.      Il-parti B tistabbilixxi l-proċedura standard ta’ awtorizzazzjoni għan-notifikanti li jkunu jixtiequ jwettqu (fost l-oħrajn) provi fuq il-post dwar GMOs. Id-dettalji tal-proċedura jinstabu fl-Artikolu 6. Id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dak l-artikolu jipprovdu kif ġej:

“1.      Bla preġudizzju għall-Artikolu 5 [li jirrigwarda sustanzi mediċi komposti għal użu mill-bniedem], kwalukwe persuna trid, qabel ma tirrilaxxja b’mod intenzjonat GMO jew tagħqid ta’ GMOs, tagħti notifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu se jsir ir-rilaxx.

2.      In-notifika msemmija fl-paragrafu 1 għandha tinkludi:

(a) dossier tekniku li jagħti l-informazzjoni speċifikata fl-Anness III neċessarju biex issir stima tar-riskju ambjentali ta’ rilaxx intenzjonat ta’ GMO jew tagħqid ta’ GMOs […]

[…]

8.      In-notifikant jista’ jipproċedi bir-rilaxx biss meta jkun irċieva l-kunsens bil-miktub tal-awtorità kompetenti, u konformi ma’ kwalunkwe kondizzjonijiet rikjesti f’dan il-kunsens.

[…]”.

19.      Il-parti D tinkludi żewġ dispożizzjonijiet, l-Artikoli 25 u 31(3), li jimponu dmirijiet fuq l-awtoritajiet nazzjonali rigward informazzjoni miksuba matul il-proċess ta’ awtorizzazzjoni.

20.      L-Artikolu 25 jikkonċerna l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni ppreżentata fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fil-parti B. Dan jistipula li:

“1.      Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti m’[għandhomx] jikxfu ma’ [terzi persuni] xi informazzjoni kunfidenzjali notifikata jew skambjata skont din id-Direttiva u [għandhom] jipproteġu d-drittijiet ta’ propjetà intelletwali relatati mad-data li tkun irċevuta.

2.      In-notifikant jista’ jindika l-informazzjoni fin-notifika li ngħatat skont din id-Direttiva, li l-kxif tagħha jista’ jkun ta’ ħsara għall-pożizzjoni kompetittiva tiegħu u li għalhekk għandha tkun meqjusa bħala kunfidenzjali. Ġustifikazzjoni li tista’ tiġi verifikata trid tingħata f’dawn il-każi.

3.      L-awtorità kompetenti wara konsultazzjoni man-notifikant, tiddeċiedi liema informazzjoni tinżamm kunfidenzjali u tinforma lin-notifikant bid-deċiżjonijiet tagħha.

4.      F’ebda każ ma tista’ din l-informazzjoni meta tingħata skont [fost l-oħrajn, l-Artikolu 6] […] tinżamm kunfidenzjali:

- […] post ta’ rilaxx […]” (11)

21.      L-Artikolu 31(3) jimponi dmir ta’ pubbliċità fuq l-Istati Membri. Dan jipprovdi li:

“Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 u punt A Nru 7 tal-Anness IV[(12)],

(a) L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu reġistri pubbliċi fejn il-post ta’ rilaxx ta’ GMO’s skond il-parti B tkun rekordjata.”

22.      Mill-annessi tad-Direttiva, ir-rinviju preżenti jirrigwarda biss l-Anness III. Dan l-anness jispeċifika l-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata lill-awtoritajiet nazzjonali matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni. Dan huwa maqsum f’żewġ partijiet. Il-parti A telenka l-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata meta n-notifika tirrigwarda GMOs li ma jkunux pjanti ogħla. Il-parti B tistabbilixxi l-informazzjoni meħtieġa għan-notifiki li jirrigwardaw rilaxx ta’ GMOs ta’ pjanti ogħla.

23.      Is-sezzjoni E tal-Anness III B telenka l-informazzjoni dwar il-post tar-rilaxx li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jeżiġu. B’mod partikolari, il-paragrafu 1 tas-sezzjoni E jispeċifika li notifikant għandu jiżvela l-“post u d-daqs tal-post tar-rilaxx” (13).

 Id-Direttiva 90/313

24.      Fiż-żmien inkwistjoni, id-Direttiva 90/313 kienet tirregola l-aċċess għal informazzjoni ambjentali miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru (14).

25.      L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jindika li l-għan tagħha huwa li “tiġi aċċertata l-libertà tal-aċċess għal, u tixrid ta’ informazzjoni dwar l-ambjent fil-pussess ta’ awtoritajiet pubbliċi u sabiex jiġu stabbiliti t-termini u l-kondizzjonijiet bażiċi li bihom din l-informazzjoni għandha ssir disponibbli”.

26.      L-Artikolu 2(a) jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Dan jipprovdi li:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)       ‘informazzjoni dwar l-ambjent’ għandha tfisser kwalunkwe informazzjoni [...] dwar l-istat tal-ilma, l-arja, il-ħamrija, il-fawna, il-flora, l-art u s-siti naturali, u dwar attivitajiet [...] jew il-miżuri li jaffettwaw, jew li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv lil dawn, u dwar attivitajiet jew miżuri intiżi biex jipproteġu lil dawn, inklużi l-miżuri amministrattivi u l-programmi ta’ ġestjoni tal-ambjent.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

27.      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 90/313 jistabbilixxi l-kuntest li fih l-Istati Membri għandhom jippermettu aċċess għal informazzjoni ambjentali. Dan jipprovdi kif ġej:

“1.      Ħlief kif previst f’dan l-artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet pubbliċi jkunu meħtieġa jagħmlu disponibbli informazzjoni dwar l-ambjent lil kull persuna fiżika jew ġuridika fuq talba tagħha bla ma jkollha għalfejn tipprova li għandha xi interess.

[…]

2.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu biex talba għal din l-informazzjoni tiġi rrifjutata fejn hija tkun taffettwa:

[…]

– is-sigurtà pubblika,

[…]

– materjal, li l-iżvelar tiegħu jrendi aktar probabbli li l-ambjent li jirreferi għalih dak il-materjal isostni dannu.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Proċedura

28.      Il-Commune de Sausheim, il-Gvernijiet ta’ Franza, il-Greċja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Polonja u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u għamlu trattazzjoni orali waqt is-seduta tal-14 ta’ Ottubru 2008.

 Analiżi

29.      Id-domandi rrinvjati jitolbu li jiġi ċċarat kif id-direttivi li jirregolaw ir-rilaxx fl-ambjent ta’ GMOs jinteraġixxu mad-direttivi li jipprovdu għal aċċess għall-informazzjoni ambjentali dwar dak ir-rilaxx.

 L-ewwel domanda

30.      Id-Direttiva 2001/18 mhijiex direttiva dwar “aċċess għal informazzjoni’’. L-għan prinċipali tagħha huwa li tipprovdi qafas leġiżlattiv armonizzat li fi ħdanu l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ GMOs fl-ambjent. Hija tistabbilixxi kriterji għal evalwazzjoni fuq bażi individwali tar-riskji potenzjali li jistgħu jqumu. Il-miżuri previsti mid-Direttiva huma maħsubin biex jiżguraw żvilupp bla periklu (u effikaċi) tal-prodotti industrijali li jużaw GMOs (15).

31.      Għal dawn l-għanijiet, id-Direttiva tobbliga lil kull persuna li tixtieq teffettwa rilaxx biex tipprovdi informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ir-rilaxx propost għandu jseħħ. L-għan ta’ din l-informazzjoni huwa li dawn l-awtoritajiet ikunu jistgħu jwettqu evalwazzjoni effikaċi tar-riskju qabel ma jiddeċiedu jekk jawtorizzawx lin-notifikant biex iġib il-GMOs tiegħu f’kuntatt mal-ambjent.

32.      Ladarba l-awtoritajiet ikollhom l-informazzjoni meħtieġa biex jagħmlu deċiżjoni informata dwar jekk jawtorizzawx jew le r-rilaxx u jkunu ħadu dik id-deċiżjoni, id-Direttiva 2001/18 timponi fuqhom ċerti obbligi sekondarji, rigward il-modi ulterjuri kif tkun tista’ tintuża l-informazzjoni mogħtija min-notifikant.

33.      Wieħed minn dawn l-obbligi jirrigwarda l-informazzjoni lill-pubbliku (16). Madankollu, l-obbligu li jiġi informat il-pubbliku huwa obbligu anċillari pjuttost milli wieħed li jqum b’mod indipendenti.

34.      Issa ejja neżaminaw l-istruttura u l-kontenut tad-Direttiva aktar fid-dettall.

35.      Il-persuni li jixtiequ jirrilaxxjaw GMOs fl-ambjent huma marbuta, skont l-Artikolu 6, li jinnotifikaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u li jippreżentaw fajl ta’ informazzjoni, sabiex dawn l-awtoritajiet ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni informata dwar jekk jawtorizzawx jew le r-rilaxx.

36.      L-Artikolu 6 jirreferi għall-Anness III. Dan l-anness jelenka liema informazzjoni għandha tiġi pprovduta min-notifikant. Din tinkludi, fost l-oħrajn, informazzjoni dwar il-post tar-rilaxx.

37.      Fil-każ preżenti, huwa l-kliem tal-Anness III B li huwa rilevanti (17).

38.      Is-sezzjoni E, paragrafu 1, tal-Anness III B tindika li n-notifikanti għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti bil-“[p]ost u daqs ta’ post tar-rilaxx”.

39.      Filwaqt li l-Anness III A (li japplika għall-GMOs li mhumiex pjanti ogħla) jispeċifika li n-notifikant għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti bil-“[p]ost ġeografiku u grid reference” tal-postijiet ta’ rilaxx proposti, l-Anness III B donnu jipprovdi definizzjoni inqas speċifika.

40.      Fil-fehma tiegħi l-ispjegazzjoni tinsab fl-għan tal-fajl tan-notifika. In-notifikant huwa marbut jagħti lill-awtoritajiet kompetenti l-informazzjoni li huma jeħtieġu sabiex iwettqu stima tar-riskju ambjentali qabel ma jawtorizzaw ir-rilaxx (18).

41.      Il-livell attwali ta’ dettall li dawk l-awtoritajiet ikunu jeħtieġu jvarja minn każ għal każ (19). F’ċerti każijiet, jista’ jkun possibbli li titwettaq stima sodisfaċenti tar-riskju ambjentali jekk jiġi żvelat il-post fuq il-livell ta’ canton jew komun. F’każijiet oħra, il-koordinati biss jistgħu jkunu biżżejjed (20).

42.      Ladarba l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu ngħataw l-informazzjoni meħtieġa biex iwettqu stima tar-riskju ambjentali u, fejn xieraq, jawtorizzaw ir-rilaxx, id-Direttiva tinkludi dispożizzjonijiet anċillari li jirregolaw l-użu sussegwenti li jista’ jsir minn din l-informazzjoni (21).

43.      L-Artikolu 25 jelenka numru ta’ raġunijiet li n-notifikant jista’ jinvoka biex jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali ma jiżvelawx l-informazzjoni li tkun ġiet ipprovduta matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni msemmija fil-qosor fl-Artikolu 6 u fid-dettall fl-Anness III.

44.      L-Artikolu 25(4) jiddefinixxi l-limiti ta’ dan id-dritt għal protezzjoni. B’mod partikolari, l-Artikolu 25(4) jindika li “l-post tar-rilaxx” ma jista’ jiġi miżmum mill-pubbliku fl-ebda ċirkustanza.

45.      Fil-fehma tiegħi, it-terminu “post tar-rilaxx” fl-Artikolu 25 huwa frażi deskrittiva li għandha tiġi interpretata bħala waħda li tirreferi għall-informazzjoni dwar il-post li kienet mitluba mill-awtoritajiet nazzjonali għall-għanijiet tal-istima tar-riskju ambjentali matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni f’kull każ partikolari.

46.      Peress li l-Artikolu 25 huwa ta’ applikazzjoni ġenerali, huwa loġiku li l-Artikolu 25(4) juża t-terminu ġeneriku “post tar-rilaxx” biex ikopri kemm is-sitwazzjonijiet fejn post inqas preċiż kien biżżejjed biex jissodisfa l-ħtiġiet tal-istima tar-riskju ambjentali kif ukoll is-sitwazzjonijiet fejn kellhom jiġu pprovduti l-post ġeografiku u l-koordinati tas-sit (22).

47.      Għalhekk, ma nistax naċċetta li t-terminu “post’’ jipprovdi lill-Istati Membri b’marġni ta’ diskrezzjoni sabiex huma jsibu bilanċ bejn is-sigurtà pubblika u d-dritt tal-pubbliku ta’ aċċess għall-informazzjoni (23).

48.      L-Artikolu 25(4) għandu jinftiehem fis-sens li l-Istat Membru għandu l-obbligu li jiżvela kull informazzjoni li huwa għandu rigward il-post b’applikazzjoni tal-Anness III. B’mod iktar ġenerali, l-obbligu li d-Direttiva 2001/18 tqiegħed fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huwa li jagħmlu pubblika l-informazzjoni li huma jkunu rċevew sabiex iwettqu l-istima tar-riskju ambjentali u jawtorizzaw ir-rilaxx (suġġett biss għar-raġunijiet speċifiċi ta’ kunfidenzjalità indikati fl-Artikolu 25(1)).

49.      L-interpretazzjoni li qed nipproponi għandha żewġ konsegwenzi. Fl-ewwel lok, l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jiġu obbligati jiżvelaw informazzjoni li mhijiex miżmuma minnhom (24). Fit-tieni lok, jekk dawk l-awtoritajiet jirċievu informazzjoni (anki matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni) li mhijiex meħtieġa għall-istima tar-riskju ambjentali, din l-informazzjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness III u għalhekk huma mhumiex meħtieġa jiżvelawha lil parti li titlobha (25).

50.      L-Artikolu 25 ma jistax jinftiehem fis-sens li jopera bħala filtru fir-rigward tal-iżvelar ta’ informazzjoni dwar il-post. Fil-fehma tiegħi l-Artikolu 25 għandu pjuttost jiġi interpretat kif ġej. L-Artikolu 25(1) iqiegħed żewġ obbligi fuq il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri: obbligu li ma jiżvelawx lil terzi persuni “informazzjoni kunfidenzjali notifikata jew skambjata skond din id-Direttiva” u obbligu li jipproteġu d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali rigward id-data rċevuta. L-Artikolu 25(2) u (3) imbagħad jistabbilixxu l-proċedura li permezz tagħha għandu jiġi ddeterminat il-kontenut tal-materjal li għandu jiġi protett. Għaldaqstant, fl-applikazzjoni ta’ din il-proċedura, l-awtoritajiet kompetenti jeżerċitaw il-ġudizzju tagħhom (26). Eżerċizzju ta’ ġudizzju jimplika l-eżercizzju ta’ ċerta setgħa diskrezzjonali.

51.      Bil-kontra, l-Artikolu 25(4) jistabbilixxi dak li ma jistax jinżamm kunfidenzjali. Hawnhekk, huwa eskluż l-eżerċizzju ta’ diskrezzjoni jew ta’ ġudizzju. L-awtoritajiet nazzjonali mhumiex mogħtija d-dritt li jiffiltraw l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 25(4) u li jiddeċiedu liema partijiet ta’ (pereżempju) pjanijiet għas-sorveljanza ta’ GMOs ma għandhomx jiġu żvelati. Bil-kontra, jintqalilhom b’mod espliċitu li din l-informazzjoni ma għandha tinżamm kunfidenzjali “fl-ebda każ”. Fil-fehma tiegħi, fejn l-awtoritajiet kompetenti jkunu rċevew, waqt il-proċedura ta’ notifika, informazzjoni sabiex iwettqu l-istima tar-riskju ambjentali li taqa’ taħt l-ambitu ta’ kategorija identifikata fl-Artikolu 25(4), huma ma jgawdu l-ebda diskrezzjoni fir-rigward tal-mod kif din l-informazzjoni għandha tiġi ttrattata. Din ma tistax tinżamm kunfidenzjali.

52.      L-eżami tat-termini tal-Artikolu 31(3)(a) isostni wkoll il-fehma li, b’mod partikolari, il-post tar-rilaxx ma għandu jinżamm kunfidenzjali fl-ebda każ. Din id-dispożizzjoni teżiġi li l-Istati Membri “jistabbilixxu reġistri pubbliċi fejn il-post ta’ rilaxx ta’ GMO’s skond il-parti B tkun rekordjata” (27). Huwa ċar li jkun impossibbli li wieħed jissodisfa dan l-obbligu jekk informazzjoni dwar il-post tar-rilaxx tkun tista’ tgawdi mill-kunfidenzjalità msemmija fl-Artikolu 25(1).

53.      Minn dan nikkonkludi li, skont id-Direttivi 90/220 u 2001/18, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom l-obbligu li jqiegħdu fid-dominju pubbliku l-informazzjoni dwar il-postijiet tar-rilaxx, bl-istess livell ta’ preċiżjoni li huwa meħtieġ sabiex titwettaq l-istima tar-riskju ambjentali fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni.

 It-tieni domanda

54.      B’mod differenti mid-Direttiva 2001/18 (li tirrigwarda primarjament proċeduri ta’ awtorizzazzjoni tar-rilaxx bla periklu ta’ GMOs), l-għan speċifiku tad-Direttiva 90/313, kif jissuġġerixxi t-titolu tagħha, huwa li tippermetti lill-membri tal-pubbliku li jkollhom aċċess għall-informazzjoni ambjentali miżmuma mill-awtoritajiet nazzjonali. Il-qafas ta’ din id-direttiva jiffaċilita l-aċċess għal informazzjoni filwaqt li jipprovdi numru ta’ derogi li jagħmluha possibbli għal Stati Membri, f’ċerti ċirkustanzi, li jirrifjutaw li jiżvelaw din l-informazzjoni.

55.      L-għan ta’ dawn id-direttivi huwa li jiġi pprovdut aċċess għal informazzjoni li, inkella, ma tiġix żvelata. L-għan mhuwiex li tiġi pprovduta bażi addizzjonali biex jiġi ristrett l-aċċess tal-pubbliku għal informazzjoni li, inkella, tiġi żvelata (28).

56.      Stat Membru ma jistax jinvoka d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 90/313 u 2003/4 sabiex jirrifjuta aċċess għal informazzjoni li għandha tkun fid-dominju pubbliku skont id-Direttivi 2001/18 u 90/220.

57.      Għaldaqstant, jien ma naqbilx mal-argument, li tressaq mill-Commune de Sausheim u mill-Gvernijiet ta’ Franza, il-Greċja u l-Polonja, li l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2001/18 jipprovdi ċerti raġunijiet biex jiġi ristrett l-aċċess għal informazzjoni (proprjetà intellettwali, kompetizzjoni, interessi ekonomiċi tan-notifikant) filwaqt li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 90/313 jipprovdi raġunijiet oħra (fost l-oħrajn, is-sigurtà pubblika). Dan l-argument la jirrifletti l-istruttura tad-Direttiva 2001/18 u lanqas il-mod kif hija tinteraġixxi mad-direttivi dwar l-aċċess għall-informazzjoni ambjentali (29).

58.      Meta l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jkollhom iktar informazzjoni minn dik li huma obbligati li jiżvelaw skont id-Direttiva 2001/18, id-Direttiva 90/313 issir rilevanti (30). Talba għal aċċess għal din l-informazzjoni tista’ ssir skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 90/313.

59.      Madankollu Stat Membru jista’ jinvoka r-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 90/313 sabiex jiġġustifika rifjut li tiġi żvelata informazzjoni dwar il-post tar-rilaxx, sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-artikolu jiġu osservati. Restrizzjoni minħabba raġunijiet ta’ sigurtà pubblika (waħda mir-raġunijiet identifikati fl-Artikolu 3(2)), fil-fehma tiegħi, tkopri ċirkustanzi li fihom l-iżvelar tal-post speċifiku tar-rilaxx iwassal għall-qirda illegali tiegħu.

60.      Jiena konxju li l-interpretazzjoni li ressaqt, f’ċerti ċirkustanzi, se tħalli lill-Istati Membri kkonċernati biss l-għażla li jiżvelaw il-postijiet eżatti tar-rilaxx. Waqt is-seduta, il-Gvernijiet ta’ Franza u l-Pajjiżi l-Baxxi fakkru lill-Qorti tal-Ġustizzja li żvelar iddettaljat tal-post jista’ jwassal biex jiġu meqruda l-uċuħ tar-raba’. Jekk azzjoni bħal din tkun mifruxa, dan jista’ jwassal biex inaqqas il-pass tal-iżvilupp tal-GMOs. Huma sostnew li s-sanzjonijiet punittivi li jittieħdu wara l-avveniment, bħal sanzjonijiet penali għall-qirda ta’ uċuħ tar-raba’, mhumiex neċessarjament effettivi kontra l-“ġellieda għall-ambjent”.

61.      Meta jingħata aċċess għall-informazzjoni, dan jista’ jimplika li qed tiġi aċċettata żieda fir-riskju ta’ tnaqqis fis-sigurtà. Il-leġiżlatur tal-Komunità huwa, u jibqa’, ħieles li jadatta l-bilanċ bejn il-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ uċuħ tar-raba’ GMO u t-tisħiħ tal-aċċess pubbliku għall-informazzjoni ambjentali, jekk l-esperjenza tissuġġerixxi li l-bilanċ preżenti joħloq problemi li ma jistgħux jintgħelbu.

62.      Barra minn hekk, l-Artikolu 95 KE (31) jippermetti lil Stat Membru li għandu problema serja ta’ ordni pubbliku li jżomm fis-seħħ miżuri nazzjonali li jistabbilixxu limiti iktar stretti fuq l-aċċess tal-pubbliku għal informazzjoni ddettaljata dwar ir-rilaxx ta’ GMOs fl-ambjent. Kieku Stat Membru kellu jeżerċita din il-possibbiltà u jiżvela sistematikament post li jkun iddefinit b’mod inqas preċiż, kull informazzjoni iktar iddettaljata miżmuma minnu tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/313. F’dak il-każ l-Istat ikun jista’ jirrifjuta l-iżvelar ta’ informazzjoni skont l-eċċezzjoni bbażata fuq is-sigurtà pubblika prevista f’dawn id-direttivi.

63.      Kull Stat Membru li jixtieq iżomm fis-seħħ miżuri nazzjonali b’dan il-mod għandu, madankollu, isegwi l-proċedura mandatorja prevista fl-Artikolu 95 KE. Il-Gvern Franċiż innifsu ma għamilx użu minn din il-possibbiltà (32).

64.      Fl-aħħar nett, jien ma naf bl-ebda prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jinvokaw biex jiġġustifikaw rifjut li tiġi żvelata l-infomazzjoni inkwistjoni. L-ebda prinċipju ta’ dan it-tip ma ġie msemmi, u wisq inqas invokat, matul il-proċedura, mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet.

 Konklużjoni

65.      Għalhekk nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għaż-żewġ domandi rrinvjati lilha mill-Conseil d’État kif ġej:

(1)      Il-“post” fejn se jitwettaq ir-rilaxx ta’ organiżmi modifikati ġenetikament li, skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2001/18 KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE, ma jistax jinżamm kunfidenzjali, jikkorrispondi għaż-żona indikata fin-notifika ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva.

(2)      L-Istati Membri ma jistgħux jinvokaw l-eċċezzjonijiet ibbażati fuq il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika tad-Direttiva tal-Kunsill 90/313, tas-7 ta’ Ġunju 1990, dwar il-libertà tal-aċċess għall-informazzjoni rigward l-ambjent biex jirrifjutaw l-aċċess għal informazzjoni fuq post li l-iżvelar tiegħu huwa mandatorju skont id-Direttiva 2001/18.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż


2 – Bil-Franċiż: ‘‘fiche d’implantation’’.


3 –      ĠU 1990 L 117, p. 15.


4 –      ĠU 2003 L 41, p. 26.


5 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 15, Vol., 6 p. 77-114).


6 – Direttiva tal-Kunsill, tas-7 ta’ Ġunju 1990, dwar il-libertà tal-aċċess għall-informazzjoni rigward l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol., 1, p. 402-404).


7 – Minflok id-Direttiva 90/220.


8 – Minflok id-Direttiva 2003/4.


9 – Disponibbli fuq:


http://www.ogm.gouv.fr/experimentations/evaluation_scientifique/cgb/avis_rapports/rapport_activite_1998/rapport_activite_1998.pdf.


10 – Id-Direttiva 2001/18 abrogat id-Direttiva tal-Kunsill 90/220 b’effett mis-17 ta’ Ottubru 2002.


11 –      Din id-dispożizzjoni tikkorrispondi għall-Artikolu 19 tad-Direttiva 90/220, li fuqu hija bbażata l-ewwel domanda rrinvjata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Conseil d’État. Id-dispożizzjonijiet materjali rilevanti ta’ dan l-artikolu ma nbidlux.


12 –      It-tnejn li huma jikkonċernaw notifiki taħt il-parti Ċ.


13 – Bil-kontra ta’ dan, id-dispożizzjoni III B 1 tal-Anness III A, li telenka l-informazzjoni dwar il-post li għandha tiġi ppreżentata fil-każ ta’ applikazzjoni ta’ GMO li ma tkunx pjanta ogħla, tuża l-formulazzjoni “post ġeografiku u grid reference tal-post [tar-rilaxx propost]”. Din il-formulazzjoni tintuża wkoll fid-Direttiva 90/220.


14 – Din ġiet issostitwita permezz tad-Direttiva 2003/4 b’effett mill-14 ta’ Frar 2005.


15 – Ara l-premessa 7.


16 – Il-premessi tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (2161 UNTS 447) jirriflettu b’mod ċar il-prinċipju li t-trasparenza hija mixtieqa, minkejja li l-maġġoranza tal-pubbliku mhijiex magħmula minn speċjalisti xjentifiċi.


17 – Ara l-punti 8 u 9 iktar ’il fuq.


18 – Ara l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/18.


19 – L-approċċ individwali huwa rifless fil-premessi 18 u 19.


20 – Il-Gvern Olandiż jinnota ġustament li l-livell ta’ preċiżjoni li bih post jista’ jiġi ddefinit ma jikkorrispondix neċessarjament man-nomenklatura ta’ porzjon ta’ art. “Parcelle’’ tista’ tkun żgħira jew pjuttost kbira. In-nomenklatura tvarja bejn l-Istati Membri. Dawn l-elementi jipprovdu sostenn addizzjonali għall-fehma li l-Anness III B għandu jinftiehem bħala wieħed li jistabbilixxi l-livell ta’ speċifiċità tal-post b’riferiment għal dak li huwa meħtieġ għall-istima tar-riskju ambjentali.


21 – Tnejn minn dawn id-dispożizzjonijiet, l-Artikoli 9 u 24, japplikaw mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25. Dawn id-dispożizzjonijiet huma għalhekk irrilevanti għall-iskopijiet ta’ dan ir-rinviju.


22 – Id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva 2001/18 għandhom tendenza jużaw sistematikament kelma ġenerika fl-Artikolu 25(4). Ara, pereżempju, il-verżjoni Olandiża, Franċiża, Ġermaniża, Ingliża u Spanjola, li jagħmlu riferiment għall-post tar-rilaxx, minflok ma jirreferu b’mod speċifiku għas-sit jew siti tar-rilaxx.


23 – Għalhekk ma naqbilx mal-affermazzjoni tal-Gvern Franċiż li s-sempliċi fatt li l-maġġoranza tal-Istati Membri għażlu li jiżvelaw biss il-post tar-rilaxx l-iktar ġenerali juri li l-leġiżlatur xtaq li l-Artikolu 25(4) jiġi interpretat bħala marġni ta’ diskrezzjoni.


24 – L-informazzjoni li huma għandhom iżommu tiġi ddeterminata mill-obbligu tal-Istat Membru li jwettaq il-kompiti tiegħu tal-istima tar-riskju ambjentali b’mod effikaċi.


25 – Madankollu huma jistgħu jkunu marbuta li jiżvelawha taħt id-Direttiva 90/313; ara l-punti 58 et seq, iktar ’il quddiem.


26 – Ara l-kliem tal-Artikolu 25(3): “tiddeċiedi liema informazzjoni tinżamm kunfidenzjali”.


27 – Il-frażi “post tar-rilaxx” fl-Artikolu 31 għandha tiġi interpretata, skont il-prinċipji użati fl-interpretazzjoni tat-terminu fl-Artikolu 25(4), fis-sens li tirreferi għall-post li n-notifikant huwa marbut li jiżvela skont l-Anness III lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.


28 – Ara l-ewwel, it-tieni, il-ħames u d-disa’ premessi tad-Direttiva.


29 – Ara, barra minn hekk, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Heinrich (C-345/06, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja), fil-punti 55 sa 58, fejn nesprimi fehmiet simili dwar ir-relazzjoni strutturali bejn l-Artikolu 254 KE u r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 2001, L 145, p. 43).


30 – Pereżempju, ejja ngħidu li ma kienx meħtieġ, għall-għanijiet tal-istima tar-riskju ambjentali, li jkunu magħrufa l-koordinati ġeografiċi tal-provi fuq il-post ppjanati, imma li n-notifikant xorta waħda żvela dawn il-koordinati matul il-proċedura ta’ applikazzjoni skont l-Anness III B.


31 – Il-bażi ġuridika tad-Direttiva 2001/18. Id-Direttiva 90/220 kienet ibbażata fuq l-Artikolu 100a tat-Trattat KE (il-verżjoni preċedenti tal-Artikolu 95 KE).


32 – Fil-fatt, jien ninnota li l-leġiżlatur Franċiż adotta reċentement il-Liġi Nru 2008-595 tal-25 ta’ Ġunju 2008 (JORF Nru 148, tas-26 ta’ Ġunju 2008, p. 10218), li tobbliga lill-awtoritajiet tiegħu jiżvelaw il-postijiet eżatti tar-rilaxx ta’ GMOs.