Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Almería (Spanja) fit-23 ta’ Frar 2018 – Banco Mare Nostrum S.A. vs Ignacio Jesús Berenguel Nieto u Carmen Sonia Salinas López

(Kawża C-147/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Audiencia Provincial de Almería

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Banco Mare Nostrum, S.A.

Konvenuti: Ignacio Jesús Berenguel Nieto u Carmen Sonia Salinas López

Domandi preliminari

Dikjarazzjoni li tirrikonoxxi n-natura mhux vinkolanti ta’ klawżola inġusta, fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 , miksuba b’sentenza, tostakola li jkunu applikati l-effetti kollha rrikonoxxuti mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Diċembru 2016 [, Gutiérrez Naranjo et, C-154/15, C-307/15 u C-308/15, EU:C:2016:980]?

L-applikazzjoni tal-effett restitutorju ta’ klawżola ddikjarata inġusta fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur hija affettwata, limitata jew ipprojbita mill-prinċipju dispożittiv, mill-prinċipju tal-amministrazzjoni tal-prova mill-partijiet, mill-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata jew mill-prinċipju tar-reformatio in pejus?

Il-funzjonijiet ta’ qorti tat-tieni istanza huma limitati mill-fatt li s-sentenza tal-ewwel istanza tat effett limitat għad-dikjarazzjoni tan-natura inġusta, u l-imsemmija sentenza ma ġietx appellata mill-konsumatur, iżda biss mill-bejjiegħ jew mill-fornitur li stipula l-klawżola sabiex jiċħad in-natura inġusta tal-klawżola jew kull effett ta’ din id-dikjarazzjoni tan-natura inġusta?

Il-funzjonijiet tal-qorti tat-tieni istanza jinkludu l-possibbiltà li jiġu applikati l-konsegwenzi kollha previsti mid-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993, u ġurisprudenza li tiżviluppaha, anki fil-każ li, fl-ewwel allegazzjoni magħmula fir-rikors tal-konsumatur, dan ma talabx il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mid-dikjarazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.