Language of document : ECLI:EU:T:2009:142

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

6 ta’ Mejju 2009 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tat-tubi industrijali tar-ram – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-swieq – Multi – Impatt konkret fuq is-suq – Daqs tas-suq ikkonċernat – Tul tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti – Kooperazzjoni”

Fil-Kawża T‑127/04,

KME Germany AG, li kienet KM Europa Metal AG, stabbilita f’Osnabruck (il-Ġermanja),

KME Franza SAS, li kienet Tréfimétaux SA, stabbilita f’Courbevoie (Franza),

KME Italy SpA, li kienet Europa Metalli SpA, stabbilita f’Firenze (l-Italja),

irrappreżentati minn M. Siragusa, A. Winckler, G. C. Rizza, T. Graf u M. Piergiovanni, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. É. Gippini Fournier, bħala aġent, assistit minn C. Thomas, solicitor,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti skont l-Artikolu 2(c), (d) u (e) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2003) 4820 finali, tas-16 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E‑1/38.240 – Tubi industrijali), u, min-naħa l-oħra, kontrotalba tal-Kummmissjoni intiża għaż-żieda tal-ammont tal-imsemmija multi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President tal-Awla, S. Papasavvas u N. Wahl (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Frar 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        KME Germany AG (li kienet KM Europa Metal AG), KME France SAS (li kienet Tréfimétaux SA) u KME Italy SpA (li kienet Europa Metalli SpA) jifformaw parti minn grupp industrijali Ewropew ikkwotat fil-Borża u preżenti fid-dinja kollha. Dan il-grupp huwa wieħed mill-ikbar produtturi fid-dinja ta’ prodotti semi-manifatturati tar-ram u ta’ liegi tar-ram. Sa Ġunju 1995, KME France u KME Italy kienu jikkostitwixxu flimkien impriża distinta minn KME Germany. Kien biss wara din id-data li KME Germany, KME Italy u KME France ngħaqdu fl-istess u f’uniku grupp (KME Germany, KME Italy u KME France huma indistintament imsejħa iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti” jew il-“grupp KME”).

2        Wara l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni minn Meuller Industries Inc., il-Kummissjoni għamlet investigazzjonijiet mhux mistennija, f’Marzu 2001, fil-bini tal-kumpanniji Outokumpu Oyj u Luvata Oy (li kienet Outokumpu Copper Products Oy) (iktar ’il quddiem, flimkien “Outokumpu”), ta’ Wieland-Werke AG (iktar ’il quddiem “Wieland”) u tar-rikorrenti, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3).

3        Fid-9 ta’ April 2001, Outokumpu offriet li tikkomunika mal-Kummissjoni skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4) (iktar ’il quddiem l-“Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni”). Ir-rikorrenti ppreżentaw memorandum dwar dan is-suġġett fit-30 ta’ Mejju 2001.

4        B’risposta għal talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 17 magħmula f’Lulju 2002 mill-Kummissjoni lill-grupp KME u lil Wieland, din tal-aħħar talbet, fit-30 ta’ Settembru 2002, li jiġi applikat fir-rigward tagħha l-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni.

5        Sussegwentement għall-istess talba għal informazzjoni, fil-15 ta’ Ottubru 2002, il-grupp KME talab, għalih innifsu, li jiġi applikat l-imsemmi avviż.

6        Wara li għamlet investigazzjoni, li tinkludi investigazzjonijiet addizzjonali fil-bini ta’ Outokumpu u tal-grupp KME, wara li pparteċipat f’laqgħat mar-rappreżentanti ta’ Outokumpu, tal-grupp KME u ta’ Wieland, kif ukoll, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, wara li għamlet talbiet għal informazzjoni addizzjonali lill-grupp KME u lil Weiland, f’Lulju 2003 il-Kummissjoni bdiet proċedura ta’ ksur u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lir-rikorrenti, lil Wieland u lil Outokumpu. Minħabba li l-impriżi destinatarji rrinunżjaw li tinżamm seduta, din ma nżammitx

7        Fis-16 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2003) 4820 finali, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E‑1/38.240 – Tubi industrijali) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”), li sommarju tagħha huwa ppubblikat fil-ĠurnalUffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ April 2004 (ĠU L 125, p. 50).

8        Mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, lejn l-aħħar tas-snin 80, il-produtturi organizzati fi ħdan assoċjazzjoni għall-kwalità tat-tubi użati fis-settur tal-arja kundizzjonata u tat-tkessiħ (Cuproclima Quality Association, iktar ’il quddiem “Cuproclima”), li fosthom hemm ir-rikorrenti, estendew il-kooperazzjoni tagħhom għall-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni.

9        Il-laqgħat li Cuproclima kienet tagħmel darbtejn fis-sena kienu kkostitwixxew okkażjoni regolari sabiex ikunu diskussi u ffissati l-prezzijiet kif ukoll kundizzjonijiet oħra kummerċjali applikabbli għat-tubi industrijali, wara li tkun ġiet diskussa l-aġenda uffiċjali tagħhom. Kuntatti bilaterali bejn l-impriżi kkonċernati kienu kkompletaw dawn il-laqgħat li jmorru kontra r-regoli tal-kompetizzjoni. L-impriżi kkonċernati kienu ffissaw objettivi ta’ prezzijiet kif ukoll kundizzjonijiet kummerċjali oħra għat-tubi industrijali. Huma kienu kkoordinaw żidiet fil-prezz, qassmu l-klijenti u l-ishma tas-suq u ssorveljaw l-implementazzjoni tal-ftehim antikompetittivi tagħhom, minn naħa, billi ħatru mexxejja għas-swieq u, min-naħa l-oħra, billi skambjaw informazzjoni kunfidenzjali.

10      Id-Deċiżjoni kkontestata tinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“Artikolu 1

Is-segwenti impriżi kisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) [KE] u, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994, tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, fil-perijodi msemmija, f’numru ta’ ftehim u prattiki miftehma li jikkonsistu fl-iffissar tal-prezzijiet u fit-tqassim bejniethom tas-swieq fis-settur tat-tubi industrijali:

a)      [Wieland] mit-3 ta’ Mejju 1988 sat-22 ta’ Marzu 2001;

b)      Outokumpu […], individwalment mit-3 ta’ Mejju 1998 sat-30 ta’ Diċembru 1988, u insolidum ma’ [Luvata] mill-31 ta’ Diċembru 1988 sat-22 ta’ Marzu 2001;

c)      [Luvata], mill-31 ta’ Diċembru 1988 sat-22 ta’ Marzu 2001 (insolidum ma’ Outokumpu […]);

d)      [KME Germany], individwalment mit-3 ta’ Mejju 1988 sad-19 ta’ Ġunju 1995, u insolidum ma’ [KME France] u [KME Italy] mill-20 ta’ Ġunju 1995 sat-22 ta’ Marzu 2001;

e)      [KME Italy], insolidum ma’ [KME France] mit-3 ta’ Mejju 1988 sad-19 ta’ Ġunju 1995, u insolidum ma’ [KME Germany] u [KME France] mill-20 ta’ Ġunju 1995 sat-22 ta’ Marzu 2001;

f)      [KME France], insolidum ma’ [KME Italy] mit-3 ta’ Mejju 1988 sad-19 ta’ Ġunju 1995, u insolidum ma’ [KME Germany] u [KME Italy] sal-20 ta’ Ġunju 1995 sat-22 ta’ Marzu 2001.

Artikolu 2

Is-segwenti multi huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

a)      [Wieland]: EUR 20.79 miljun;

b)      Outokumpu […] u [Luvata], insolidum: EUR 18.13 miljun;

c)      [KME Germany], [KME France] u [KME Italy], insolidum: EUR 18.99 miljun;

d)      [KME Germany]: EUR 10.41 miljun;

e)      [KME Italy] u [KME France] insolidum: EUR 10.41 miljun.”

11      Fl-ewwel lok, rigward l-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur, li sostanzjalment kien jikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet u fit-tqassim tas-swieq, kien minnu nnifsu, ksur serju ħafna (premessa 294 tad-Deċiżjoni kkontestata).

12      Sabiex tiddetermina l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ħadet ukoll inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kartell kien affettwa t-territorju kollu taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (premessa 316 tad-Deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni barra minn hekk eżaminat l-effetti reali tal-ksur u kkonstatat li l-akkordju kien “globalment, ipproduċa effetti fuq is-suq” (premessa 314 tad-Deċiżjoni kkontestata).

13      Għall-finijiet ta’ din l-aħħar konstatazzjoni, il-Kummissjoni bbażata ruħha b’mod partikolari fuq il-provi segwenti. L-ewwel nett, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-implementazzjoni tal-akkordju billi għamlet riferiment għall-fatt li l-parteċipanti kienu kkomunikaw bejniethom il-volumi ta’ bejgħ u l-livelli ta’ prezzijiet (premessa 300 tad-Deċiżjoni kkontestata). It-tieni nett, xi dokumenti fil-fajl urew li l-prezzijiet kienu tnaqqsu fil-perijodu meta l-ftehim kollużiv ma ġiex osservat ħafna u żdiedu sewwa matul perijodi oħra (premessa 310 tad-Deċiżjoni kkontestata). It-tielet nett, il-Kummissjoni għamlet riferiment għas-sehem tas-suq kollettiv ta’ 75 sa 85 % li kellhom il-membri tal-akkordju (premessa 310 tad-Deċiżjoni kkontestata). Ir-raba nett, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ishma tas-suq rispettivi tal-parteċipanti fl-akkordju kienu baqgħu relattivament stabbli matul it-tul kollu tal-ksur, anki jekk xi drabi l-klijenti tal-parteċipanti nbiddlu (premessa 312 tad-Deċiżjoni kkontestata).

14      Fl-aħħar nett, dejjem fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li s-suq tat-tubi industrijali tar-ram kien jikkostitwixxi settur importanti, li l-valur tiegħu ġie stmat għal EUR 288 miljun f’dak li jikkonċerna ż-ŻEE (premessa 318 tad-Deċiżjoni kkontestata).

15      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi kollha, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ksur inkwistjoni kellu jkun ikkunsidrat bħala serju ħafna (premessa 320 tad-Deċiżjoni kkontestata).

16      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni adottat trattament differenzjat tal-impriżi kkonċernati, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ kull waħda minnhom li tikkawża dannu sostanzjali lill-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat l-eżistenza ta’ differenza bejn l-ishma tas-suq miżmuma fis-suq tat-tubi industrijali fiż-ŻEE, minn naħa, mill-grupp KME, leader fis-suq taż-ŻEE b’ishma tas-suq ta’ [kunfidenzjali] (1) %, u, minn naħa l-oħra, Outokumpo u Wieland li għandhom rispettivament ishma tas-suq ta’ [kunfidenzjali] u [13.4] %. Fid-dawl ta’ din id-differenza, l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq Outokumpu u fuq Wieland kien ġie stabbilit għal 33 % ta’ dak impost fuq il-grupp KME, jiġifieri EUR 11.55 miljun għal Outokumpu u għal Wieland u EUR 35 miljun għall-grupp KME (premessi 327 u 328 tad-Deċiżjoni kkontestata).

17      Peress li l-ħolqien tal-grupp KME seħħ fl-1995, il-Kummissjoni qassmet l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq il-grupp, jiġifieri EUR 35 miljun, f’żewġ partijiet. L-ewwel parti għall-perijodu ta’ bejn l-1988 u l-1995 (billi tiddistingwi lil KME Germany minn KME France u KME Italy) u t-tieni għall-perijodu ta’ bejn l-1995 u l-2001 (billi kkunsidrat it-tliet entitajiet bħala li jifformaw grupp). Għaldaqstant, l-imsemmi ammont inizjali kien inqasam kif ġej: EUR 8.75 miljuni għal KME Germany (1988 sa 1995); EUR 8.75 miljuni insolidum għal KME Italy u KME France (1988 sa 1995) u EUR 17.50 miljun għall-grupp KME, jiġifieri insolidum għal KME Germany, KME France u KME Italy (1995 sa 2001) (premessa 329 tad-Deċiżjoni kkontestata).

18      Fit-tielet lok, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni n-neċessità li l-multa tiġi stabbilita f’ livell li jiżgura effett dissważiv, il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq Outokumpu b’50 %, u ġabitu għalhekk għal EUR 17.33 miljun, billi ikkunsidrat li d-dħul mill-bejgħ dinji ta’ Outokumpu, ta’ iktar minn EUR 5 biljuni, kien jindika li kellha daqs u saħħa ekonomika li kien jawtorizza l-imsemmija żieda (premessa 334 tad-Deċiżjoni kkontestata).

19      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni kklassifikat it-tul tal-ksur, li dam mit-3 ta’ Mejju 1988 sat-22 ta’ Marzu 2001, bħala “twil”. Għalhekk, billi ħadet inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur, il-Kummissjoni għaldaqstant iddeċidiet li kien xieraq li żżid l-ammont inizjali tal-multi imposti fuq l-impriżi kkonċernati b’10 % għal kull sena ta’ parteċipazzjoni fil-kartell. Għaldaqstant, il-Kummissjoni żiedet b’55 % l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq il-grupp KME għall-perijodu ta’ bejn l-1995 u l-2001, u b’70 % l-ammont inizjali tal-multi imposti fuq KME Germany, minn naħa, kif ukoll fuq KME Italy u fuq KME France, min-naħa l-oħra, għall-perijodu ta’ bejn l-1988 u l-1995. Għaldaqstant, l-ammont bażiku tal-multi kien ġie stabbilit għal EUR 56.88 miljun għall-grupp KME kollu (premessi 338, 342 u 347 tad-Deċiżjoni kkontestata).

20      Fil-ħames lok, fir-rigward ta’ ċirkustanzi aggravanti, l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Outokumpu kien ġie miżjud b’50 % minħabba li din kienet instabet ħatja ta’ reċidiva, peress li hija kienet destinatarja tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/417/KEFA, tat-18 ta’ Lulju 1990, dwar proċedura skont l-Artikolu 65 [KEFA] dwar il-ftehim u l-prattiki miftehma tal-manifatturi Ewropej ta’ prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli laminati bil-kesħa (ĠU L 220, p. 28) (premessa 354 tad-Deċiżjoni kkontestata).

21      Fis-sitt lok, fir-rigward ta’ ċirkustanzi attenwanti, il-Kummissjoni rrilevat li, mingħajr il-kooperazzjoni ta’ Outokumpu, hija setgħet tistabilixxi l-eżistenza tal-komportament li jikkostitwixxi ksur biss għal perijodu ta’ erba’ snin u għalhekk naqqset l-ammont bażiku tal-multa tagħha bi EUR 22.22 miljun, b’mod li l-ammont bażiku jikkorrispondi għall-multa li kieku kienet tkun imposta fuqha għal dan il-perijodu (premessa 386 tad-Deċiżjoni kkontestata).

22      Fis-seba’ u l-aħħar lok, il-Kummissjoni, bis-saħħa tat-Titolu D tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni, naqqset l-ammont tal-multi b’50 % għal Outokumpu, b’20 % għal Wieland, u bi 30 % għall-grupp KME (premessi 402, 408 u 423 tad-Deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-1 ta’ April 2004, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

24      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla u għaldaqstant din il-kawża ġiet assenjata lil din tal-aħħar.

25      Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni talbet li l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti jiżdied minħabba li fir-replika dawn jikkontestaw ċerti fatti mhux ikkontestati matul il-proċedura amministrattiva. Il-Qorti tal-Prim’Istanza stiednet lir-rikorrenti jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din il-kontrotalba, li fil-fatt huma għamlu fit-terminu mogħti.

26      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, stiednet lill-partijiet ippreżentaw ċerti dokumenti u għamlitilhom domandi bil-miktub li huma rrispondew fit-terminu mogħti.

27      It-trattazzjonijiet u r-risposti tal-partijiet għad-domandi orali magħmulin mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu waqt is-seduta tas-27 ta’ Frar 2008. F’din l-okkażjoni, ir-rikorrenti użaw, insostenn tal-motivi tagħhom, dokumenti li kien fihom, b’mod partikolari, statistiċi u grafiċi li jirrigwardaw l-evoluzzjoni tal-prezz tat-tubi industrijali, minn naħa, u tal-prezz tar-ram, min-naħa l-oħra. Il-Kummissjoni opponiet l-użu ta’ dawn id-dokumenti billi ddikjarat li hija ma kellhiex il-possibbiltà tivverifika l-awtentiċità tal-informazzjoni inkluża fihom u li l-imsemmija informazzjoni kienet tikkonċerna, f’kull każ, perijodu differenti minn dak relatat mal-fatti kkontestati.

28      Id-dokumenti ppreżentanti mir-rikorrenti matul is-seduta ma ġewx inklużi fil-proċess.

29      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tnaqqas sostanzjalment il-multa imposta fuq il-grupp KME;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti minnha sabiex tipprovdi garanzija bankarja minflok il-ħlas tal-multa, sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza;

–        tieħu l-miżuri l-oħra kollha li l-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tqis meħtieġa.

30      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha;

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

–        iżżid l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

 Id-dritt

31      Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi, kollha bbażati fuq l-iffissar tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom. Dawn huma rispettivament ibbażati, fuq teħid inkunsiderazzjoni inadegwat tal-impatt konkret tal-kartell għall-kalkolu tal-ammont inizjali tal-multa, fuq evalwazzjoni inadegwata tad-daqs tas-suq rilevanti, fuq żieda żbaljata tal-multa minħabba t-tul tal-ksur, fuq in-nuqqas tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti u fuq applikazzjoni żbaljata tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni.

32      Preliminarjament, għandu jitfakkar, minn naħa, li mill-premessi 290 sa 387 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-multi imposti mill-Kummissjoni minħabba l-ksur ġew imposti bis-saħħa tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u, min-naħa l-oħra, li minkejja li l-Kummissjoni ma tagħmilx riferiment espliċitament, fid-Deċiżjoni kkontestata, għal-Linji ta’ gwida [linji gwida] dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) [KEFA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), huwa paċifiku li hija ddeterminat l-ammont tal-multi skont il-metodoloġija ddefinita fihom.

33      Il-linji gwida, għalkemm ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala dispożizzjoni legali, jistipulaw regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita li l-Kummissjoni ma tistax tinjora, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midlan u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 91, u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha għalhekk tivverifika, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-multi imposti permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, jekk il-Kummissjoni eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha skont il-metodu previst fil-linji gwida u, sa fejn tali qorti jkollha tikkonstata li l-Kummissjoni tbegħdet minnu, hija għandha tivverifika jekk tali tbegħid huwiex iġġustifikat u mmotivat biżżejjed kif meħtieġ mil-liġi. F’dan ir-rigward, għandu jkun irrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-validità, minn naħa, tal-prinċipju nnifsu tal-linji gwida u, min-naħa l-oħra, tal-metodu indikat fihom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punti 252 sa 255, 266 sa 267, 312 u 313).

35      L-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tal-linji gwida fil-fatt mhijiex inkompatibbli mal-fatt li l-Kummissjoni żżomm marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali. Il-linji gwida fihom elementi ta’ flessibbiltà differenti li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 17, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 267).

36      Għaldaqstant, fl-oqsma fejn il-Kummissjoni żammet marġni ta’ diskrezzjoni, bħal pereżempju f’dak li jikkonċerna r-rata ta’ żieda minħabba t-tul, l-istħarriġ tal-legalità mwettaq fuq dawn l-evalwazzjonijiet huwa limitat għal dak tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il‑Kummissjoni, T‑241/01, Ġabra p. II‑2917, punt 79).

37      Barra minn hekk, bħala prinċipju, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-limiti li hija imponiet fuqha nnifisha ma jippreġudikawx l-eżerċizzju, mill-qorti Komunitarja, tal- ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 538), li jippermettilha tannulla, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punti 60 sa 62; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-21 ta’ Ottubru 2003, General Motors Nederland u Opel Nederland vs Il-Kummissjoni, T‑368/00, Ġabra p. II‑4491, punt 181).

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq teħid inkunsiderazzjoni inadegwat tal-impatt konkret tal-akkordju

 L-argumenti tal-partijiet

38      Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi f’dan il-każ, l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq. Fl-opinjoni tagħhom, id-Deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’żball, peress li l-Kummissjoni kienet kisret l-imsemmi obbligu. B’dan il-mod, hija kienet ukoll kisret il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità kif ukoll il-linji gwida. Barra minn hekk, ir-raġunament u l-konklużjoni li jinsabu fid-Deċiżjoni kkontestata li jikkonċernaw l-impatt konkret tal-akkordju huma żbaljati, mhux ikkorrobarati u ta’ natura kontradittorja.

39      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet iktar u iktar obbligata tistabbilixxi b’mod adegwat l-impatt konkret tal-kartell minħabba l-motivazzjoni mogħtija minnha għall-impożizzjoni fuq ir-rikorrenti ta’ ammont inizjali tal-multa tliet darbiet għola minn dak applikat fuq Wieland u fuq Outokumpu. Fil-fatt, ir-rikorrenti jfakkru li l-ġustifikazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni sabiex tispjega din id-differenza ta’ trattament hija n-neċessità li tieħu inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku ta’ kull impriża u, għaldaqstant, l-effett reali tal-komportament illegali tagħhom fuq il-kompetizzjoni. Ir-rikorrenti jqisu li huwa manifest li din il-motivazzjoni hija bbażata fuq il-premessa tal-eżistenza ta’ impatt konkret tal-akkordju. L-impożizzjoni ta’ multi differenti skont l-effett tal-komportament individwali tal-kumpanniji involuti tkun tagħmel sens biss jekk il-ksur kollu kemm hu kellu impatt konkret fuq is-suq.

40      Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li n-natura tal-akkordju kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq il-grupp KME minħabba l-gravità tagħha, hija infondata u ma tistax tiġi milqugħa.

41      Ir-rikorrenti jfakkru li huma ppreżentaw, b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, rapport redatt minn kumpannija ta’ konsulenza (iktar ’il quddiem ir-“rapport inizjali”), li juri n-nuqqas tal-effett reali tal-ksur fuq il-prezzijiet. Barra minn hekk, matul din il-proċedura, ir-rikorrenti ppreżentaw żewġ rapporti oħra (iktar ’il quddiem l-“ewwel rapport addizzjonali” u t-“tieni rapport addizzjonali”) annessi, rispettivament, mar-rikors u mar-risposta. Dawn iż-żewġ rapporti kienu ġew redatti minn tnejn mill-awturi tar-rapport inizjali u jikkonfermaw il-konklużjonijiet ta’ dan tal-aħħar.

42      Billi jagħmlu riferiment għall-premessi 299, 300 u 314 tad-Deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jsostnu li l-approċċ tal-Kummissjoni huwa kontradittorju sa fejn mhuwiex loġiku li l-Kummissjoni tafferma, minn naħa, li kien impossibbli li tistabbilixxi l-impatt tal-akkordju fuq il-prezzijiet u, min-naħa l-oħra, li tikkonkludi li effettivament dan kellu impatt fuq il-prezzijiet.

43      Ir-rikorrenti jiddikjaraw li, fid-dawl tal-koinċidenza bejn iż-żidiet fil-prezz u ż-żieda fit-talba, osservata mill-Kummissjoni, din tal-aħħar kien imissha wettqet analiżi empirika. Fin-nuqqas ta’ studju ekonometriku adegwat, il-Kummissjoni kien imissha kkonkludiet li kien impossibbli, a priori, li tistabbilixxi jekk iż-żieda fil-prezz kinux ir-riżultat ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jew jekk dawn kinux kompletament dovuti għaż-żieda fit-talba.

44      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jallegaw li l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rapport inizjali huma żbaljati. F’dan ir-rigward, huma jagħmlu riferiment prinċipalment għaż-żewġ rapporti addizzjonali u jaffermaw li l-analiżi fir-rapport inizjali kienet, ġustament, indikat li l-akkordju ma kellu l-ebda impatt konkret fuq il-fluttwazzjonijiet tal-prezzjiet.

45      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu, billi jagħmlu riferiment għall-argumenti żviluppati fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħhom, li l-fajl fih eżempji ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim kollużivi u li huma implementaw l-akkordju b’mod limitat.

46      Għaldaqstant ir-rikorrenti jikkonkludu li l-ammont inizjali tal-multa tagħhom kellu jiġi ffissat għall-inqas livell tal-multi xierqa għal ksur ta’ kartell u kellu jkun tliet darbiet inqas mill-ammont inizjali tal-multi ffissati għal Wieland u għal Outokumpu.

47      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

48      B’mod partikolari hija ssostni li r-rikorrenti ma kkontestawx, la fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u lanqas fir-rikors tagħhom, tlieta mill-erba’ aspetti tal-effett tal-ksur fuq is-suq ikkonstatati mill-Kummissjoni, jiġifieri l-influwenza fuq l-offerti tal-prezzijiet u tal-volum magħmula lill-klijenti, l-implementazzjoni taż-żidiet tal-prezzijiet stabbiliti u l-istabbilizzazzjoni tal-ishma tas-suq.

49      Il-Kummissjoni tenfasizza li dawn it-tliet aspetti ġew ikkontestati mir-rikorrenti għall-ewwel darba fir-replika tagħhom, li għaldaqstant jikkostitiwixxi motiv ġdid u konsegwentement huwa inammissibbli skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Hija ssostni wkoll li l-fatti msemmija iktar ’il fuq kienu ġew imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fost l-elementi kostituttivi tal-ksur. Il-Kummissjoni tirrileva li, billi tat lir-rikorrenti tnaqqis ta’ 30 % mill-ammont tal-multa, hija ħadet inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatt li huma ma kinux ikkontestaw l-imsemmija fatti matul il-proċedura amministrattiva. Hija tenfasizza li hija ma kinitx tagħti dan it-tnaqqis li kieku r-rikorrenti kienu kkontestawhom fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Konsegwentement, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza żżid l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

50      Il-Kummissjoni tressaq wkoll talba ta’ inammissibbiltà kontra t-tieni rapport addizzjonali. Fl-opinjoni tagħha, dan ir-rapport huwa inammissibbli skont l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, peress li ma rnexxilhomx jirribattu l-kritiki magħmula mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha dwar il-kalkoli preċedenti, l-awturi tat-tieni rapport addizzjonali pprovaw jużaw serje ta’ kalkoli ġodda intiżi sabiex jissostitwixxu dawk tal-ewwel rapport addizzjonali. Skont il-Kummissjoni, anki t-tieni rapport addizzjonali għandu jiġi miċħud skont l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, minħabba li, minkejja li huwa anness, dan jinkludi argumenti li jikkorrispondu fil-mertu għal dawk ippreżentati mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

51      Preliminarjament, għandha tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kif ukoll fuq il-kontrotalba tagħha.

52      Qabel kollox, f’dak li jikkonċerna l-kontestazzjoni ta’ “tlieta mill-erba’ aspetti tal-effett tal-akkordju”, għandu jiġi kkonstatat li fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti kkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-ksur kellu impatt konkret u globali fuq is-suq. Huma affermaw li l-akkordju ma kellu l-ebda impatt sinjifikattiv fuq il-prezzijiet u sostnew li l-istabbilizzazzjoni tal-ishma tas-suq kif ukoll l-implementazzjoni taż-żidiet tal-prezzijiet ma jistgħux ikunu rilevanti sabiex juru impatt konkret tal-ksur.

53      Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti żviluppaw dan l-argument fir-replika tagħhom b’risposta għall-affermazzjoni, magħmula mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, li tgħid li r-rikors ma kienx ikkontesta tlieta mill-erba’ aspetti tal-effett tal-kartell. Għaldaqstant, it-talba ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni f’dan il-kuntest hija manifestament infondata u l-kontrotalba tagħha hija għaldaqstant inammissibbli.

54      Rigward il-kwistjoni dwar jekk it-tieni rapport addizzjonali jikkostitwixxix prova ammissibli, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura, fir-replika jew fil-kontroreplika, il-partijiet jistgħu jippreżentaw provi li jsostnu l-argumenti tagħhom, iżda għandhom għalhekk jagħtu r-raġunijiet għaliex dawn il-provi ġew ippreżentati tard. Madankollu, din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-provi ġodda u għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 66(2) tal-imsemmija regoli, li jipprovdi espressament li l-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-provi jibqgħu riżervati (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni,C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 72, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-12 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Trends, T‑448/04, Ġabra p. II‑104, punt 52).

55      F’din il-kawża, żewġ studji ekonomiċi, jiġifieri r-rapport inizjali u l-ewwel rapport addizzjonali, ġew annessi mar-rikors, sabiex isostnu l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-ksur ma kellu l-ebda effett fuq is-suq. Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni ressqet argumenti intiżi sabiex juru li l-metodoloġija kif ukoll il-kriterji użati fir-rapport inizjali kienu difettużi u l-affidabbiltà tagħhom inċerta u li, f’kull każ, ir-riżultati ta’ dawn ir-rapporti ma jipprekludux il-konstatazzjoni ta’ effett tal-akkordju fuq il-prezzijiet.

56      Għaldaqstant, it-tieni rapport addizzjonali, li huwa intiż sabiex jirribatti l-ilmenti msemmija iktar ’il fuq tal-Kummissjoni, ma jistax jikkostitwixxi prova ġdida, kif tallega l-Kummissjoni, iżda jikkorrispondi għall-elaborazzjoni tal-provi, rigwardanti n-nuqqas ta’ effett tal-akkordju fuq il-prezzijiet, li diġà kienu ġew ippreżentati mir-rikorrenti fl-istadju tar-rikors.

57      Rigward l-ilment tal-Kummissjoni li jgħid li t-tieni rapport addizzjonali, minkejja li huwa anness, jinkludi argumenti li jikkorrispondu fil-mertu għal dawk ippreżentanti minnha fir-risposta tagħha, għandu jitfakkar li ċertament mhijiex il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li fuqhom hija tista’ tikkunsidra li huwa bbażat ir-rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II‑3601, punt 94, u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      F’din il-każ, fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti ċaħdu, bħala parzjalment ineffettivi u bħala parzjalment infondati, l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni rigward iż-żewġ rapporti annessi mar-rikors. F’dan il-kuntest fir-replika r-rikorrenti allegaw li anki li kieku kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-oġġezzjonijiet ta’ natura metodoloġika tal-Kummissjoni, ir-riżultati tal-imsemmija rapporti jibqgħu l-istess, jiġifieri n-nuqqas ta’ effett tal-akkordju fuq il-prezzijiet. Huma sostnew ukoll li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ta’ ċerta data inkluża fiż-żewġ rapporti msemmija iktar ’il fuq kienet, fuq il-livell statistiku, falza.

59      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li t-tieni rapport addizzjonali ma jinkludix argumenti ġodda ta’ liġi, iżda jsostni, permezz ta’ metodi ġodda ta’ kalkolu u ta’ referenzi ekonometriċi, l-affermazzjonijiet ifformulati fir-replika. Min dan isegwi li hemm lok li l-provi kollha ppreżentati u l-ilmenti kollha mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel motiv jiġu ddikjarati ammissibbli.

60      Rigward il-fondatezza ta’ dan il-motiv, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti jikkontestaw, permezz tiegħu, kemm l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, tal-gravità tal-ksur (ara l-punti 12 u 13 iktar ’il fuq) kif ukoll it-trattament differenzjat li għamlet din tal-aħħar abbażi tal-ishma tas-suq tal-impriżi kkonċernati (ara l-punt 16 iktar ’il fuq).

61      Qabel kollox, fir-rigward tat-trattament differenzjat tal-impriżi inkwistjoni, il-motivazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata dwar dan tagħmel riferiment b’mod partikolari għal ħsieb li jittieħed inkunsiderazzjoni l-“piż speċifiku ta’ kull impriża, u għaldaqstant tal-effett reali tal-komportament illegali tagħha fuq il-kompetizzjoni” (premessa 322 tad-Deċiżjoni kkontestata). Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, anki fin-nuqqas ta’ prova ta’ effett reali tal-ksur fuq is-suq, il-Kummissjoni għandha dritt tagħmel trattament differenzjat, skont l-ishma miżmuma fis-suq ikkonċernat, bħal dak imsemmi fil-premessi 326 sa 329 tad-Deċiżjoni kkontestata.

62      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li s-sehem tas-suq ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati fis-suq li kien is-suġġett ta’ prattika restrittiva jikkostitwixxi element oġġettiv li jikkwantifika b’mod tajjeb ir-responsabbiltà ta’ kull waħda minnhom f’dak li jikkonċerna d-dannu potenzjali tal-imsemmija prattika fir-rigward tal-andament normali tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 197).

63      Bl-istess mod, rigward l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, għandu wkoll jiġi rrilevat li, anki li kieku l-Kummissjoni ma ipprovatx li l-akkordju kellu impatt konkret fuq is-suq, dan ma kienx jaffettwa l-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna” u għaldaqstant ma kien jaffettwa l-ammont tal-multa.

64      F’dan ir-rigward, mis-sistema Komunitarja tas-sanzjonijiet għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, kif stabbilita bir-Regolament Nru 17 u interpretata mill-ġurisprudenza, jirriżulta li l-akkordji jistħoqqilhom, minħabba n-natura tagħhom, il-multi l-iktar iebsin. L-eventwali impatt konkret tagħhom fuq is-suq, b’mod partikolari l-kwistjoni sa fejn ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni wasslet għal prezz tas-suq għola minn dak li kien jipprevali fil-każ tan-nuqqas tal-kartell, mhuwiex kriterju determinanti sabiex jiġi stabbilit il-livell tal-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punti 120 u 129; tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C‑219/95 P, Ġabra p. I‑4411, punt 33; tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punti 68 sa 77, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punti 129 u 130; is-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punt 225, ara, ukoll, il-konklużjonijiet tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Novembru 2000, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, C‑283/98 P, Ġabra p. I‑9855, I‑9858, punti 95 sa 101).

65      Għandu jingħad li mil-linji gwida jirriżulta li l-ftehim jew il-prattiki miftehma intiżi b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, sabiex jiffissaw il-prezzijiet u għat-tqassim tal-klijentela jistgħu jiġu kklassifikati, abbażi tan-natura tagħhom stess, bħala “serji ħafna”, mingħajr mhuwa neċessarju li tali komportamenti jkunu kkaratterizzati minn impatt jew daqs ġeografiku partikolari. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, filwaqt li d-deskrizzjoni tal-ksur “serju” tagħmel riferiment espliċitament għall-impatt fuq is-suq u għall-effetti fuq żoni wiesgħa tas-suq komuni, dik ta’ ksur “serju ħafna”, min-naħa l-oħra, ma ssemmi l-ebda rekwiżit ta’ impatt konkret fuq is-suq u lanqas ta’ effetti fuq żona ġeografika partikolari (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 150).

66      Għal kompletezza, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni pprovat suffiċjentement skont il-liġi l-impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq ikkonċernat.

67      F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-premessa tar-rikorrenti, li tgħid li l-Kummissjoni, fil-każ li tinvoka impatt konkret tal-akkordju sabiex tiffissa l-ammont tal-multa, tkun meħtieġa turi b’mod xjentifiku l-eżistenza ta’ effett ekonomiku tanġibbli fuq is-suq u rabta kawżali bejn l-impatt u l-ksur, ġiet miċħuda mill-ġurisprudenza.

68      Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet f’diversi okkażjonijiet li l-impatt konkret ta’ akkordju fuq is-suq għandu jitqies bħala suffiċjentement ipprovat jekk il-Kummissjoni hija f’pożizzjoni li tipproduċi provi konkreti u kredibbli li jindikaw, bi probabbiltà raġonevoli, li l-akkordju kellu impatt fuq is-suq (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 122, tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑59/02, Ġabra p. II‑3627, punti 159 sa 161; Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punti 153 sa 155; Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑329/01, Ġabra p. II‑3255, punti 176 sa 178; Roquette Frères vs Il-Kummissjoni, T‑322/01, Ġabra p. II‑3137, punti 73 sa 75).

69      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma kkontestawx il-materjalità tal-fatti, imsemmija fil-punt 13 iktar ’il fuq, li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tiddikjara l-eżistenza ta’ impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq, jiġifieri l-fatt li l-prezzijiet naqsu fil-perijodu meta l-akkordju kollużiv ma ġiex osservat ħafna u żdiedu sewwa f’perijodi oħra, l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ skambju ta’ data dwar il-volumi ta’ bejgħ u l-livelli tal-prezzijiet, is-sehem tas-suq sinjifikattiv li l-membri kollha tal-akkordju kellhom u l-fatt li l-ishma tas-suq rispettivi tal-parteċipanti fl-akkordju baqgħu relattivament stabbli matul it-tul kollu tal-ksur. Ir-rikorrenti sostnew biss li l-imsemmija fatti ma setgħux juru li l-ksur inkwistjoni kellu impatt konkret fuq is-suq.

70      Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tiddeduċi, abbażi tal-provi ċċitati fil-punt preċedenti, li l-ksur kellu impatt konkret fuq is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 78, tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑59/02, punt 68 iktar ’il fuq, punt 165; Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑329/01, punt 68 iktar ’il fuq, punt 181; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punti 285 sa 287).

71      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-fajl jinkludi eżempji ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim kollużivi, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-ftehim ma kinux dejjem ġew osservati mill-membri tal-akkordju mhuwiex suffiċjenti sabiex jiġi eskluż impatt fuq is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 65, iktar’il fuq, punt 148).

72      L-argumenti li r-rikorrenti jibbażaw fuq il-komportament tagħhom ma jistgħux jintlaqgħu. Fil-fatt, il-komportament effettiv li impriża tallega li kellha mhuwiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-impatt ta’ akkordju fuq is-suq, għandhom biss jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti li jirriżultaw mill-ksur inġenerali (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punt 167). Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li kkonstatat, fil-premessa 303 tad-Deċiżjoni kkontestata, li r-rapport inizjali ma kienx jippermetti li jiġu rribattuti l-konklużjonijiet tagħha dwar l-effetti reali tal-ksur fuq is-suq. Fil-fatt, l-analiżi ekonometrika inkluża fih tikkonċerna biss id-data ċifrata li tirrigwarda lir-rikorrenti.

73      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

74      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li ma hemmx lok li titqiegħed fid-dubju l-evalwazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa stabbilita skont il-gravità, kif magħmula mill-Kummissjoni.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni inadegwata tad-daqs tas-settur affettwat mill-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

75      Permezz ta’ dan it-tieni motiv ir-rikorrenti jsostnu li, billi qieset li l-valur tas-suq ikkonċernat kien ta’ EUR 288 miljun, eżaġerat id-daqs tiegħu u, għaldaqstant, il-gravità tal-ksur, fatt li ta lok għal multa eċċessiva. Ir-rikorrenti jallegaw ukoll li l-approċċ tal-Kummissjoni jikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

76      Preliminarjament, ir-rikorrenti josservaw li, fis-settur tat-tubi industrijali, il-prezz totali tal-prodotti huwa kompost normalment mill-prezz tar-ram, ibbażat fuq il-kwotazzjoni fil-London Metal Exchange (Borża tal-metalli ta’ Londra, iktar ’il quddiem l-“LME”), u mill-ispiża tal-ipproċessar, li tikkorrispondi għall-valur miżjud mill-manifattur (iktar ’il quddiem il-“marġni tal-ipproċessar”). Il-materja prima neċessarja għall-manifattura tat-tubi industrijali hija pprovduta jew mill-klijent, jew mill-manifattur tat-tubi nnifsu, li jiffatturaha mbaghad fil-prezz totali.

77      Skont ir-rikorrenti, id-daqs tas-suq ikkonċernat huwa fattur rilevanti fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa. Minn tal-inqas, ir-rikorrenti jallegaw li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ddeterminat l-ammont inizjali abbażi tad-daqs tas-suq ikkonċernat.

78      Ir-rikorrenti jallegaw li huma, bħala manifatturi ta’ tubi industrijali, ma għandhom l-ebda influwenza fuq il-prezz tal-materja prima prinċipali, jiġifieri r-ram, li jippreżenta madwar żewġ terzi tal-prezz finali mħallas mill-klijenti tagħhom. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jfakkru li l-prezz tal-metall huwa ddeterminat skont il-kwotazzjonijiet ta’ kuljum tal-LME u li, meta jiksbu dan il-metall, huma jkun qegħdin biss isegwu l-istruzzjonijiet mogħtija mix-xerrejja ta’ tubi industrijali. Għaldaqstant, huma l-klijenti stess li jiddeterminaw il-prezz tal-metall. Konsegwentement, il-prezz tal-metall huwa biss element li għandu jingħadda fuq il-klijenti. Il-volatilità tal-prezz tal-metall ma jaffettwax il-qligħ tar-rikorrenti. Għaldaqstant, il-piż ekonomiku reali tas-suq ikkonċernat kien ġie limitat għall-marġni tal-ipproċessar.

79      Barra minn hekk, il-kunċett ta’ dħul mill-bejgħ totali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-limitu ta’ 10 % skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 mhuwiex neċessarjament rilevanti f’dan il-każ, billi l-Kummissjoni u l-qrati Komunitarji huma liberi li jinterpretaw b’mod differenti l-kunċett ta’ dħul mill-bejgħ fil-kuntest tal-kalkolu tad-daqs tas-suq ikkonċernat. Fil-fatt, id-dħul mill-bejgħ huwa indikatur impreċiż tad-daqs ta’ suq ta’ prodotti. F’ċerti każijiet, elementi oħra jistgħu jippermettu lill-Kummissjoni tagħmel evalwazzjoni aħjar tad-daqs tas-suq.

80      Billi jibbażaw ruħhom fuq dak li ntqal preċedentement, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kien imissha naqqset madwar żewġ terzi tal-prezz totali tal-prodotti inkwisjtoni meta evalwat id-daqs tas-suq ikkonċernat, li kien iwassal għall-iffissar ta’ ammont inizjali tal-multa iktar baxx. Ir-rikorrenti jikkonkludu li, billi naqset milli tnaqqas il-prezz tar-ramm mid-dħul mill-bejgħ tas-suq ikkonċernat, il-Kummissjoni injorat ir-realtà ekonomika tas-suq u ffissat ammont inizjali tal-multa eżaġerat meta mqabbel mal-gravità tal-ksur, bi ksur għalhekk tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 u tal-linji gwida.

81      Skont ir-rikorrenti, il-fatt li l-kartell, barra l-kollużjoni li tirrigwarda l-marġni tal-ipproċessar u kundizzjonijiet kummerċjali oħra, kien jinkludi wkoll it-tqassim tas-suq u tal-klijentela, kif ukoll skambju ta’ informazzjoni illegali, ma jistax jaffettwa l-validità tal-affermazzjoni tagħhom li d-daqs tas-suq inkwistjoni għandu, fl-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa, jiġi evalwat biss abbażi tad-dħul mill-bejgħ li jikkorrispondi għall-marġni tal-ipproċessar.

82      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jallegaw li, sabiex tkun dissważiva, sanzjoni għandha tkun konnessa mal-benefiċċji li jirriżultaw mill-kartell u li, f’dan il-każ, il-benefiċċji miksuba mill-membri tal-kartell ma jiddependux mill-prezz tal-metall, iżda biss mill-marġni tal-ipproċessar tat-tubi. Barra minn hekk, l-approċċ formali tal-Kummissjoni jwassal għal trattament iktar iebes fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi attivi downstream f’termini ta’ produzzjoni meta mqabbla mal-impriżi attivi upstream. L-istess japplika għall-operaturi li jipproċessaw materji primi li jiswew il-flus meta mqabbla ma’ dawk li jipproċessaw materji primi rħas.

83      Il-Kummissjoni titlob li l-motiv imqajjem mir-rikorrenti jiġi miċħud. Barra minn hekk, hija ssostni, fil-kontroreplika tagħha, li r-rikorrenti kkontestaw għall-ewwel darba fir-replika xi wħud mill-konklużjonijiet tad-Deċiżjoni kkontestata dwar l-estensjoni tal-ftehim fuq il-prezzijiet għall-metodi ta’ ħlas u ta’ kunsinna kif ukoll għall-ħażniet għal kunsinna. Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li, billi tat lill-grupp KME tnaqqis ta’ 30 % mill-ammont tal-multa skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni, hija ħadet, b’mod partikolari, inkunsiderazzjoni l-fatt li dan tal-aħħar ma kkontestax l-imsemmija konklużjonijiet. Konsegwentement il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiddikjara l-argumenti msemmija iktar ’il fuq inammissibbli u, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, iżżid f’kull każ l-ammont tal-multa imposta fuq il-grupp KME.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

84      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li la hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba ta’ inammissibbiltà u lanqas fuq il-kontrotalba mressqa mill-Kummissjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti, meta rrispondendew għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza matul is-seduta, ammettew espressament li l-akkordju inkwistjoni kien jestendi għall-metodi ta’ ħlas u ta’ kunsinna kif ukoll għall-ħażniet għal kunsinna. F’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li t-talba ta’ inammissibbiltà hija inammissibbli, peress li mill-proċess jirriżulta li t-teżi li l-ksur kien jaffettwa biss is-suq tal-ipproċessar kienet ġiet sostnuta mir-rikorrenti kemm matul il-proċedura amministrattiva kif ukoll fir-rikors.

85      Dwar il-mertu, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li l-metodoloġija prevista fil-linji gwida, adottata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 32 iktar ’il fuq), tissodisfa loġika stabbilita, li tgħid li l-ammont inizjali ġenerali tal-multa, determinat skont il-gravità tal-ksur, huwa kkalkolat abbażi tan-natura tal-ksur, tal-impatt konkret tiegħu fuq is-suq fejn dan jista’ jiġi ikkalkolat u tad-daqs tas-suq ġeografiku rilevanti (l-ewwel paragrafu tal-Punt 1 A tal-linji gwida). Sussegwentement, l-ammont inizjali ġenerali tal-multa huwa individwalizzat għal kull parteċipant b’mod partikolari abbażi tad-daqs tiegħu.

86      Barra minn hekk, sabiex ikun determinat l-ammont inizjali tal-multa, il-Kummissjoni tista’, mingħajr madankollu mhija obbligata tagħmel dan, tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tas-suq affettwat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punt 134, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il-Kummissjoni, T‑322/01, Ġabra p. II‑3137, punti 149 u 150).

87      Madankollu mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li, fl-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur inkwistjoni, l-Kummissjoni, f’dan il-każ, għażlet li tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tas-suq tat-tubi industrijali fiż-ŻEE. Minkejja li l-Kummissjoni kienet diġà kkonkludiet, abbażi tan-natura tal-ksur, li dan kien “serju ħafna” skont il-linji gwida tagħha (premessa 294), hija fil-fatt iddeterminat, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-gravità tal-ksur u, għaldaqstant, l-ammont inizjali ġenerali tal-multa, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti reali tal- kartell fuq is-suq (premessi 295 sa 314), id-daqs ġeografiku tas-suq inkwistjoni (premessi 315 sa 317) u l-fatt li s-settur li kien is-suġġett tal-ksur kien suq sinjifikattiv, li d-daqs tiegħu fiż-ŻEE kien stmat għal EUR 288 miljun (premessi 318 u 319).

88      Għalkemm, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tal-ammont inizjali ġenerali tal-multa, id-daqs tas-suq ikkonċernat ikkostitwixxa biss wieħed mill-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata, jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni effettivament iffissat l-imsemmi ammont billi ħadet tali daqs inkunsiderazzjoni. Għaldaqstant, d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti ma kinx neċessarjament ikun inqas minn EUR 35 miljun li kieku l-prezz tar-ram tnaqqasmid-dħul mill-bejgħ tas-suq għandha tiġi miċħuda.

89      Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni żbaljatx meta, fl-evalwazzjoni tad-daqs tas-suq affettwat, ħadet inkunsiderazzjoni l-prezz tar-ram.

90      Ir-rikorrenti jallegaw f’dan ir-rigward, minn naħa, li l-prezz tar-ram ma jaqax taħt il-kontroll tal-manifatturi ta’ tubi industrijali minħabba li dan huwa ffissat skont l-LME u, min-naħa l-oħra, li huma x-xerrejja tat-tubi industrijali li jiddeċiedu huma stess b’liema prezz jinxtara l-metal. Ir-rikorrenti jenfasizzaw ukoll li l-fluttwazzjonijiet tal-prezz tal-metall ma għandhom l-ebda effett fuq il-qligħ tagħhom.

91      Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li ebda raġuni valida ma timponi li d-dħul mill-bejgħ ta’ suq rilevanti jiġi kkalkolat billi jiġu esklużi ċerti spejjeż ta’ manifattura. Kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, fis-setturi industrijali kollha jeżistu spejjeż inerenti għall-prodott finali li l-manifattur ma jistax jikkontrolla, imma li xorta waħda jikkostitwixxu element essenzjali tal-attivitajiet kollha tiegħu u li, għaldaqstant, ma jistgħux ikunu eskluzi mid-dħul mill-bejgħ tiegħu meta jiġi ffissat l-ammont inizjali tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491 punti 5030 u 5031). Il-fatt li l-prezz tar-ram jikkostitwixxi parti sinjifikattiva mill-prezz finali tat-tubi industrijali jew li r-riskju ta’ fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet tar-ram huwa ħafna għola milli għal materji primi oħra ma jdgħajjifx din il-konklużjoni.

92      Fl-aħħar nett, rigward id-diversi ilmenti tar-rikorrenti intiżi li jaffermaw li, minflok wieħed jirrikorri għall-kriterju tad-dħul mill-bejgħ tas-suq rilevanti, ikun iktar opportun, fid-dawl tal-għan dissważiv tal-multi u tal-prinċpji ta’ trattament ugwali, li l-ammont tagħhom jiġi ffissat skont il-qligħ tas-settur affettwat jew il-valur miżjud relatat magħhom, għandu jiġi kkonstatat li dawn mhumiex rilevanti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-gravità tal-ksur hija stabbilita b’riferiment għal numru ta’ fatturi, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punt 65), peress li l-ebda lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom obbligatorjament jittieħdu inkunsiderazzjoni ma kienet ġiet stabbilta f’dan ir-rigward (sentenza Dalmine vs Il-Kummissjoni, punt 64 iktar ’il fuq, punt 129) mhijiex il-qorti Komunitarja, iżda l-Kummissjoni li għandha tagħżel, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha u skont il-limiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ trattament ugwali u mir-Regolament Nru 17, il-fatturi u d-data ċċifrata li hija tieħu inkunsiderazzjoi sabiex timplementa politika li tiżgura l-osservanza tal-projbizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 81 KE.

93      Sussegwentement huwa inkontestabbli li d-dħul mill-bejgħ ta’ impriża jew ta’ suq huwa, inkwantu fattur tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, neċessarjament vag u imperfett. Ma ssirx distinzjoni la bejn is-setturi b’valur miżjud qawwi u s-setturi b’valur miżjud dgħajjef, u lanqas bejn l-impriżi li jrendu qligħ u dawk li jrendu inqas. Madankollu, minkejja n-natura approssimattiva tiegħu, d-dħul mill-bejgħ huwa meqjus, fil-preżent, kemm mil-leġiżlatur Komunitarju kif ukoll mill-Kummissjoni u mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala kriterju xieraq, fil-kunest tad-dritt tal-kompetizzjoni, sabiex jiġu evalwati d-daqs u s-setgħa ekonomika tal-impriżi kkonċernati [ara, b’mod partikolari, is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 67 iktar ’il fuq, punt 121, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-premessa 10 u l-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 3, p. 40)].

94      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kienet korretta meta ħadet inkunsiderazzjoni l-prezz tar-ram sabiex tiddetermina d-daqs tas-suq ikkonċernat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq iż-żieda żbaljata tal-ammont inizjali tal-multa minħabba t-tul tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

95      Essenzjalment, ir-rikorrenti jsostnu li, billi żiedet l-ammont inizjali tal-multa li kienet imposta fuqhom b’10 % għal kull sena ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, il-Kummissjoni kisret il-linji gwida kif ukoll l-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, peress li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-intensità varjabbli tal-akkordju matul it-tul tiegħu.

96      F’dan ir-rigward, huma josservaw li ż-żieda ta’ 10 % għal kull sena ta’ ksur tikkostitwixxi ż-żieda massima li l-Kummissjoni tista’ timponi, fir-rigward ta’ ksur ta’ tul twil, skont il-linji gwida. Għaldaqstant, iż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa għat-tul mhijiex ta’ natura mekkanika, iżda għandha tkun proporzjonata mal-impatt konkret u oġġettiv tal-ksur fuq il-konsumaturi.

97      Ir-rikorrenti jsostnu li l-fatt li l-Kummissjoni tista’ tirrikorri għall-kunċett ta’ “ksur sħiħ u kontinwu” għal akkordji kumplessi, sabiex testendi r-responsabbiltà għal impriżi li ma pparteċipawx direttament fl-elementi kostituttivi kollha tal-akkordju globali, irendi indispensabbli l-adattament taż-żieda tal-multa għat-tul skont eventwali perijodi ta’ attività mnaqqsa tal-akkordju.

98      F’din il-kawża, il-fatti ma jiġġustifikawx applikazzjoni taż-żieda annwali ta’ 10 %, għaliex, l-ewwel nett, l-akkordju inkwistjoni ma kellux effett sinjifikattiv fuq il-prezzijiet, u t-tieni nett, l-intensità tal-attivitajiet tal-akkordju kienet varjat matul il-perijodu tal-ksur, kif barra minn hekk indikat il-Kummissjoni f’diversi premessi tad-Deċiżjoni kkontestata.

99      Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda ta’ dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

100    Għandu jitfakkar li żieda fil-multa abbażi tat-tul mhijiex limitata għall-każ fejn hemm relazzjoni diretta bejn it-tul u dannu ikbar ikkawżat lill-għanijiet Komunitarji previsti fir-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 278, u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Barra minn hekk, mil-linji gwida jirriżulta li l-Kummissjoni ma stabbiliet l-ebda sovrapożizzjoni u lanqas interindipendenza bejn l-evalwazzjoni tal-gravità u dik tat-tul tal-ksur.

102    Għall-kuntrarju, fl-ewwel lok, mill-istruttura tal-linji gwida jirriżulta li dawn jipprevedu l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur bħala tali sabiex jiġi stabbilit ammont inizjali ġenerali tal-multa. Fit-tieni lok, il-gravità tal-ksur hija analizzata fid-dawl tal-karatteristiċi tal-impriża kkonċernata, b’mod partikolari, id-daqs tagħha u l-pożizzjoni tagħha fis-suq rilevanti, fatt li jista’ jagħti lok għal bilanċ tal-ammont inizjali, għat-tqassim tal-impriżi f’kategoriji u għall-iffissar ta’ ammont inizjali speċifiku. Fit-tielet lok, it-tul tal-ksur huwa meħud inkunsiderazzjoni għall-iffissar tal-ammont bażiku u, fir-raba’ lok, il-linji gwida jipprevedu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi aggravanti u attenwanti li jippermettu li jiġi aġġustat l-ammont inizjali, b’mod partikolari abbażi tar-rwol attiv jew passiv tal-impriżi kkonċeranti fit-twettiq tal-ksur.

103    Minn dan isegwi li s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni rriżervat, fir-rigward ta’ ksur ta’ tul twil, possibbiltà ta’ żieda għal kull sena ta’ ksur sa 10 % tal-ammont stabbilit għall-gravità tal-ksur bl-ebda mod ma jobbligaha tiffissa din ir-rata abbażi tal-intensità tal-attivitajiet tal-akkordju jew tal-effetti tiegħu, jew tal-gravità tal-ksur. Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha tagħżel, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha (ara l-punt 36 iktar ’il fuq), ir-rata ta’ żieda li hija għandha l-intenzjoni tapplika għat-tul tal-ksur.

104    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonstatat, b’mod partikolari fil-premessi 335 u 340 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-grupp KME kien ipparteċipa fil-ksur għal perijodu ta’ tnax il-sena u għaxar xhur, jiġifieri tul twil fis-sens tal-linji gwida, u konsegwentement żiedet il-multa b’125 %. Billi għamlet hekk, il-Kummissjoni ma tbegħditx mir-regoli li hija imponiet fuqha nnifisha fil-linji gwida. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li din iż-żieda ta’ 125 % mhijiex, f’dan il-każ, manifestament sproporzjonata.

105    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-motiv dwar iż-żieda tal-ammont tal-multa abbażi tat-tul għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi attenwanti

 L-argumenti tal-partijiet

106    Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti jressqu erba’ lmenti u jallegaw li l-Kummissjoni kisret il-Punt 3 tal-linji gwida meta rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni ċerti ċirkustanzi attenwanti.

107    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li, minkejja li huma ma astjenewx ruħhom sistematikament milli jimplementaw il-ftehim ikkontestati, huma implementawhom b’mod limitat, fatt li għandu jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti.

108    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni żbaljat meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li huma kienu temmew il-ksur, b’mod immedjat u volontarju, wara l-investigazzjonijiet li għamlet din tal-aħħar.

109    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni żbaljat meta rrifjutat li tikklassifika bħala ċirkustanza attenwanti s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli tas-settur tat-tubi industrijali. B’dan il-mod, hija kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali u eċċediet ħafna s-setgħa diskrezzjonali tagħha, peress li hija kienet, f’dan il-każ, applikat kriterji iktar iebsin minn dawk applikati għal sitwazzjonijiet paragunabbli. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jagħmlu riferiment għal deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni li fihom il-kundizzjonijiet ekonomiċi diffiċli kienu ġġustifikaw tnaqqis fl-ammonti bażiċi tal-multi.

110    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni, bi ksur tas-sitt inċiż tal-Punt 3 tal-linji gwida kif ukoll tal-prinċipji ta’ ekwità u ta’ trattament ugwali, ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod adegwat, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-kontribuzzjoni tagħhom sabiex jiġi stabbilit it-tul totali tal-ksur. Mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/349/KE, tal-10 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E‑2/37.857 – Perossidi organiċi) (ĠU 2005, L 110, p. 44), jirriżulta li kumpannija li tipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni deċiżiva jew li tikkompleta provi miżmuma mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ ċerti perijodi ta’ ksur ma għandhiex tiġi imposta multa fir-rigward ta’ dawn il-perijodi.

111    Issa, f’dan il-każ, billi tat, abbażi ta’ dan, tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa biss lil Outokumpu, il-Kummissjoni injorat li r-rikorrenti kienu minn tal-ewwel li pprovdew provi deċiżivi dwar il-perijodi ta’ ksur ta’ bejn Mejju 1988 u Novembru 1992 u bejn Mejju 1998 u l-aħħar tal-1999. Għalhekk il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali u wettqet żball billi ħadet dawn il-perijodi inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

112    Ir-rikorrenti jikkontestaw l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li l-applikazzjoni tal-Punt 3 tal-linji gwida huwa rriżervat għall-impriża li hija l-ewwel li tirrivela t-tul tal-ksur, li jfisser li jista’ jkun hemm biss benefiċjarju wieħed tat-tnaqqis tal-ammont bażiku mogħti f’dan ir-rigward. Li l-kooperazzjoni tiġi ppremjata abbażi ta’ klassfikazzjoni skont iż-żmien, indipendentement mill-kwalità u mill-portata tal-informazzjoni u tad-dokumenti pprovduti mill-impriża kooperanti, huwa kuntrarju għall-għan imfittex mill-Kummissjoni f’dan il-qasam, li huwa li tiżgura li l-akkordji jkun skoperti u pprojbiti permezz ta’ aċċess komplet għal dokumenti li għandhom forza probatorja għolja u għal informazzjoni deċiżiva.

113    Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda tal-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

114    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha, bħala prinċipju, tikkonforma ruħha mat-termini tal-linji gwida tagħha meta tiffissa l-ammont tal-multi (ara l-punt 33 iktar ’il fuq). Madankollu, il-linji gwida ma jipprovdux li l-Kummissjoni għandha dejjem tieħu inkunsiderazzjoni b’mod separat kull waħda miċ-ċirkustanzi attenwanti elenkati fil-Punt 3 ta’ dawn il-linji gwida, u hija mhijiex obbligata li awtomatikament tagħti tnaqqis addizzjonali f’dan ir-rigward, peress li n-natura adegwata ta’ eventwali tnaqqis tal-multa abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti għandha tiġi evalwata mill-perspettiva globali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

115    Fil-fatt, l-adozzjoni tal-linji gwida ma rrenditx irrilevanti l-ġurisprudenza preċedenti li tgħid li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali li tippermettilha tieħu jew ma tiħux inkunsiderazzjoni ċerti elementi meta tiffissa l-ammont tal-multi li hija jkollha l-intenzjoni timponi, abbażi, b’mod partikolari, taċ-ċirkustanzi tal-każ. B’hekk, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ natura obbligatorja fil-linji gwida rigward iċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni żammet ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa b’mod globali s-sinjifikat ta’ tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multi minħabba ċirkustanzi attenwanti.

116    Fir-rigward tal-ewwel ilment, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment ma jistax jintlaqa’ peress li mill-ġurisprudenza jirriżulta b’mod ċar li, sabiex jibbenefikaw mit-tieni inċiż tal-Punt 3 tal-linji gwida, dawk li wettqu l-ksur għandhom juru li huma adottaw komportament kompettiv jew, għall-inqas, li huma kisru, b’mod ċar u b’mod kunsiderevoli, l-obbligi intiżi sabiex jiġi implementat l-akkordju, sal-punt li fixklu l-funzjonament tiegħu, u li ma jkunux taw l-impressjoni li aderixxew mal-ftehim u, minħabba f’hekk, ħeġġew lil impriżi oħra jimplementaw l-akkordju inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il-Kummissjoni, T‑50/00, Ġabra p. II‑2395, punt 292, u tal-15 ta’ Marzu 2006, Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni, T‑26/02, Ġabra p. II‑713, punt 113).

117    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jallegawx li opponew, b’mod ċar u kunsiderevoli, l-implementazzjoni tal-akkordju inkwistjoni, b’tali mod li fixklu l-funzjonament stess tal-akkordju. Konsegwentement, l-ewwel ilment mhuwiex fondat.

118    Rigward it-tieni lment, għandu jitfakkar li skont it-tielet inċiż tal-Punt 3 tal-linji gwida, it-“tmiem tal-ksur hekk kif tintervjeni l-Kummissjoni (b’mod partikolari meta jsiru l-kontrolli)” jinsab fost iċ-ċirkustanzi attenwanti. Madankollu tnaqqis tal-multa minħabba t-tmiem ta’ ksur hekk kif tintervjeni l-Kummissjoni ma jistax ikun awtomatiku, iżda jiddependi fuq evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ mill-Kummissjoni, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

119    F’dan il-każ, il-ksur inkwistjoni huwa marbut ma’ akkordju sigriet li għandu bħala għan l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-swieq. Dan it-tip ta’ akkordju huwa espressament ipprojbit mill-Artikolu 81(1) (a) u (ċ) KE, u jikkostitwixxi ksur partikolarment serju. Il-partijiet għandhom għalhekk ikollhom għarfien tan-natura illegali tal-komportament tagħhom. In-natura sigrieta tal-akkordju tikkonferma l-fatt li dan kien il-każ. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li ma hemmx dubju li dan il-ksur twettaq intenzjonalment mill-partijiet inkwistjoni. Issa, il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà espressament qieset li t-tmiem ta’ ksur imwettaq intenzjonalment ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti meta dan kien seħħ permezz tal-intervent tal-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-11 ta’ Marzu 1999, Ensidesa vs Il-Kummissjoni, T‑157/94, Ġabra p. II‑707, punt 498).

120    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, l-ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

121    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li l-fatt li r-rikorrenti temmew il-ksur inkwistjoni wara l-ewwel intervent tal-Kummissjoni ma jiġġustifikax, f’kull każ, tnaqqis fl-ammont tal-multa tagħhom. Fil-fatt, dan it-tmiem jikkostitwixxi reazzjoni xierqa u normali għall-intervent tal-Kummissjoni u ma’ jistax jitqabbel mal-merti li jirriżultaw minn inizjattiva awtonoma minn naħa tagħhom. Bl-istess mod, l-imsemmi waqfien kien jikkostitwixxi biss ritorn għal komportament legali u ma kkontribwixxix sabiex irendi iktar effikaċi l-azzjonijiet legali tal-Kummissjoni.

122    Fir-rigward tat-tielet ilment, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni mhijiex obbligata tikkunsidra bħala ċirkustanza attenwanti l-qagħda finanzjarja ħażina tas-settur inkwistjoni. Il-fatt li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, f’kawżi preċedenti, is-sitwazzjoni ekonomika tas-settur bħala ċirkustanza attenwanti ma jfissirx li hija għandha neċessarjament tkompli tosserva din il-prattika. Fil-fatt, bħala regola ġenerali, il-kartelli jinħolqu meta settur ikollu diffikultajiet (ara s-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar’il fuq, punt 345, u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

123    Rigward ir-raba’ ilment, preliminarjament għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni, la Outokumpu u lanqas ir-rikorrenti ma setgħu jibbenefikaw minn tnaqqis ogħla minn 50 % tal-ammont finali tal-multi li kienu ġew imposti fuqhom, peress li huma ma kinux żvelaw il-ksur lill-Kummissjoni qabel ma din kienet bdiet tagħmel investigazzjonijiet li pprovdewlha raġunijiet biżżejjed sabiex tibda l-proċedura ta’ ksur li wasslet għad-Deċiżjoni kkontestata.

124    Huwa wkoll paċifiku li huwa b’memorandum ta’ Outokumpu tat-30 ta’ Mejju 2001 li l-Kummissjoni kienet ġiet informata, għall-ewwel darba, dwar it-tul totali tal-kartell. Fil-fatt, abbażi ta’ informazzjoni pprovduta preċedentement mill-kumpannija Mueller Industries, il-Kummissjoni kienet biss f’pożizzjoni li tipprova l-eżistenza ta’ ksur minn Mejju 1994 sa Mejju 1998. Madankollu, ir-rikorrenti jsostnu li huwa bis-saħħa tal-informazzjoni li huma bagħtu lill-Kummissjoni f’Otubru 2002 li din tal-aħħar setgħet tipprova b’mod definittiv l-eżistenza tal-kartell għall-perijodi ta’ bejn Mejju 1988 u Novembru 1992 u Mejju 1998 u l-aħħar tas-sena 1999.

125    Billi stabbiliet it-tul addizzjonali tal-ksur, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li żżid l-ammonti inizjali tal-multi imposti fuq dawk li wettqu l-ksur b’125 % minflok b’40 %, bis-saħħa tal-Punt 1 B tal-linji gwida. Għaldaqstant l-impriżi li kienu pprovdew lill-Kummissjoni l-informazzjoni fuq it-tul addizzjonali tal-ksur ħadu r-riskju li jaraw l-ammont inizjali tal-multi tagħhom miżjud b’85 % iktar.

126    Dan huwa paradoss inerenti għall-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni, fis-sens li impriża li taqa’ taħt il-Punt D tal-imsemmi Avviż u li tipprovdi informazzjoni ġdida lill-Kummissjoni għandha r-riskju li tiġi ssanzjonata b’mod iktar iebes milli fil-każ fejn hija ma tkunx ipprovdiet din l-informazzjoni lill-Kummissjoni. Is-sitt inċiż tal-Punt 3 tal-linji gwida, li jgħid li “kollaborazzjoni effettiva mill-impriża fil-proċediment [fil-proċedura], barra l-għan [mill-kamp ta’ applikazzjoni] [tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni]” tista’ tikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti, jippermetti li jiġi rrimedjat dan il-paradoss.

127    F’dan il-każ, billi applikat, mingħajr ma semmitu, is-sitt inċiż tal-Punt 3 tal-linji gwida, il-Kummissjoni tat, fil-fatt, immunità lil Outokumpu f’dak li jikkonċerna t-tul addizzjonali tal-akkordju, li hija kienet injorat qabel ma rċeviet il-memorandum tagħha tat-30 ta’ Mejju 2001 (premessa 386 tad-Deċiżjoni kkontestata).

128    Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx obbligata, jew bis-saħħa tas-sitt inċiż tal-Punt 3 tal-linji gwida, jew skont il-prinċipju ta’ trattament ugwali, tagħti wkoll tnaqqis lir-rikorrenti għall-informazzjoni li huma pprovdew lill-Kummissjoni, iktar minn sittax–il xahar wara Outokumpu, dwar il-perijodi ta’ bejn l-1988 u l-1992 u l-1998 u l-1999.

129    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren‑Werke vs Il-Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punt 307).

130    Sussegwentement għandu jiġi enfasizzat li huwa inerenti għal-loġika tal-immunità minn multi li wieħed biss mill-membri ta’ akkordju jista’ jibbenefika minnha, peress li l-effett imfittex huwa li tinħoloq klima ta’ inċertezza fi ħdan l-akkordji billi jkun inkoraġġut l-iżvelar tagħhom lill-Kummissjoni. Issa, din l-inċertezza tirriżulta preċiżament mill-fatt li l-parteċipanti fl-akkordju jafu li wieħed minnhom biss jista’ jibbenefika minn immunità minn multa billi jiżvela l-parteċipanti l-oħra fil-ksur, u b’hekk jesponihom għar-riskju li jiġu imposti fuqhom multi iktar iebsin.

131    F’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ, fejn il-Kummissjoni taf li jeżisti akkordju, iżda ma għandhiex ċerti elementi essenzjali li jistgħu jistabbilixxu t-tul totali ta’ dan il-ksur, huwa partikolarment mixtieq li jkun hemm rikors għal tali mekkaniżmu, b’mod partikolari sabiex jiġi evitat li dawk li wettqu l-ksur ma jaqblux bejnithom fuq il-ħabi tal-imsemmija elementi.

132    Sitwazzjoni bħal din hija differenti minn dik fejn il-Kummissjoni digà taf bil-provi, iżda tipprova tikkomplethom. F’din l-ipoteżi tal-aħħar, l-għoti ta’ tnaqqis ta’ multa lil dawk li wettqu l-ksur minflok immunità minn multa lil impriża waħda huwa ġġustifikat mill-fatt li l-għan mhuwiex iktar li tirrileva ċirkustanza ta’ natura li twassal għal żieda fil-multa imposta, iżda li tiġbor kemm jista’ jkun possibbli provi sabiex tiġi rinfurzata l-kapaċità tal-Kummissjoini li tistabbilixxi l-fatti inkwistjoni.

133    F’dak li jikkonċerna l-allegat nuqqas ta’ trattament ugwali bejn Outokumpu u r-rikorrenti, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li huma ma kinux jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli peress li din tal-ewwel ipprovdiet lill-Kummissjoni l-informazzjoni li tirrigwarda t-tul addizzjonali ta’ tmien snin u nofs tal-akkordju iktar minn sena qabel ir-rikorrenti.

134    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-raba’ ilment għandu jiġi miċħud.

135    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq it-tnaqqis insuffiċjenti tal-ammont tal-multa skont l-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

136    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jipparagunaw il-kooperazzjoni tagħhom, u t-tnaqqis ta’ 30 % li kien ġie mogħti lilhom, mat-trattament li benefikaw minnu terzi persuni f’kawżi preċedenti. F’dan ir-rigward huma jikkonkludu li kienu suġġetti għal trattament sfavorevoli.

137    It-tieni nett, ir-rikorrenti jqisu li, fid-dawl tal-benefiċċju mogħti permezz tal-kooperazzjoni tagħhom matul l-investigazzjoni, huma kellhom jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ iktar minn 30 % skont il-Punt D tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni. F’dan ir-rigward, huma jsostnu, l-ewwel nett, li huma volontarjament ipprovdew lill-Kummissjoni informazzjoni li tmur lil hinn minn dik li huma kienu obbligati jiżvelaw skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, sussegwentement, li din l-informazzjoni kienet tagħti dettall dwar il-funzjonament tal-kartell u, fl-aħħar nett, li parti minn din l-informazzjoni kienet deċiżiva sabiex tiġi pprovata l-eżistenza tal-ksur matul il-perijodi ta’ bejn Mejju 1988 u Novembru 1992 u Mejju 1998 u l-aħħar tas-sena 1999.

138    It-tielet nett, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta tat tnaqqis ta’ 50 % mill-multa imposta fuq Outokumpu. Il-Kummissjoni kisret ukoll l-imsemmi prinċipju meta ħadet inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni ta’ Outokompu kemm sabiex tagħti tnaqqis ta’ 50 % mill-multa skont it-Taqsima D tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni kif ukoll sabiex tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanza attenwanti skont il-linji gwida.

139    Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda ta’ dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

140    F’dak li jikkonċerna l-paragun magħmul mir-rikorrenti bejn il-każ inkwistjoni u l-prassi preċedenti tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt biss li l-Kummissjoni tat, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, ċerta rata ta’ tnaqqis għal komportament speċifiku ma jimplikax li hija obbligata tagħti l-istess tnaqqis fl-evalwazzjoni ta’ komportament simili fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva sussegwenti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, T‑31/99, Ġabra p. II‑1881, punt 239, u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, ir-rikorrenti ma jistawx jibbażaw ruħhom fuq it-tnaqqis tal-ammont tal-multi mogħtija f’każijiet oħrajn.

141    Rigward l-ilmenti l-oħra, għandu jitfakkar ukoll li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni pprovduta mill-membri ta’ akkordju, żball manifest ta’ evalwazzjoni minn naħa tal-Kummissjoni biss jista’ jkun iċċensurat peress li hija tibbenefika minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni pprovduta minn impriża, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħrajn (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑328/05 P, Ġabra p. I 3921, point 88). Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, hija ma tistax tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

142    F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti tmur lil hinn minn dik li setgħet tkun meħtieġ minnha skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17. Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li r-rikorrenti kienu pprovdew provi ġodda u kkonfermaw provi eżistenti għat-tul kollu tal-ksur, jiġifieri mill-1988 sal-2001. B’mod partikolari, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti kienu għenuha sabiex tevalwa il-portata tal-kartell matul il-perijodu ta’ bejn l-1997 u l-1999. Madankollu, il-Kummissjoni ddikjarat li r-rikorrenti la kienu l-ewwel u lanqas l-impriżi prinċipali li pprovdew provi deċiżivi dwar il-perijodi ta’ bejn Mejju 1998 u Novembru 1992 u l-1997 u l-1999. Il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li r-rikorrenti bdew jikkooperaw magħha biss b’risposta għal ittra indirizzata lilhom f’Lulju 2002 skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 (premessi 415 sa 417, 419, 420 u 423 tad-Deċiżjoni kkontestata).

143    Qabel kollox għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ispontanjetà li biha l-informazzjoni kienet ġiet ipprovduta lilha skont il-Punt D tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni (sentenza ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punti 237 u 238). Fil-kuntest ta’ politika ta’ klemenza, il-Kummissjoni tista’ tagħti lill-impriżi li jikkooperaw spontanjament magħha tnaqqis tal-ammont tal-multa ogħla minn dak mogħti lill-impriżi li ma jagħmlux dan. F’dan il-każ, huwa paċifiku li, kuntrarjament għal Outokumpu, kellha tintbagħat talba għal informazzjoni sabiex ir-rikorrenti kkooperaw.

144    Fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn Mejju 1988 u Novembru 1992, mill-fajl jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li d-deskrizzjoni pprovduta mir-rikorrenti dwar l-imsemmi perijodu la kienet iktar iddettaljata u lanqas iktar kompleta minn dik ipprovduta minn Outokumpu u li, sal-ġurnata li fiha r-rikorrenti bdew jikkooperaw, hija kienet, sa minn madwar sittax‑il xahar, fil-pussess ta’ provi determinanti ġejjin minn sorsi oħrajn li kienu jattestaw l-eżistenza tal-ksur matul dawn is-snin. Fil-fatt, kemm il-kooperazzjoni preċedenti ta’ Outokumpu kif ukoll żewġ dokumenti misjuba matul l-investigazzjonijiet kienu juri li l-akkordju inkwistjoni kien imur lura għall-1988.

145    Fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn Mejju 1998 u l-aħħar tas-sena 1999, għandu jiġi rrilevat li mill-fajl ma jirriżultax li l-Kummissjoni kienet injorat il-kooperazzjoni tar-rikorrenti. Għall-kuntrarju, fil-premessa 419 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat li l-kooperazzjoni tar-rikorrenti kienet utli għaliha sa ċertu punt f’dak li jikkonċerna l-perijodu ta’ bejn l-1997 u l-1999. Il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ddikjarat ukoll fl-imsemmija premessa li hija kellha, qabel il-kooperazzjoni tar-rikorrenti, provi dwar ċertu numru ta’ laqgħat u skambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali li seħħew matul l-imsemmi perijodu, peress li din l-affermazzjoni hija kkonfermata mill-elementi inklużi fl-fajl.

146    Barra minn hekk, minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li r-rikorrenti ma wrewx li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha tal-kooperazzjoni tagħhom.

147    Rigward l-argument li r-rikorrenti kienu s-suġġett ta’ trattament diskriminatorju, għandu jitfakkar li r-rikorrenti u Outokumpu ma kinux jinstabu f’sitwazzjoni paragunabbli peress li Outokumpu kkoollaborat mal-Kummissjoni ħafna qabel ir-rikorrenti, u dawn l-aħħar kienu bdew il-kooperazzjoni tagħhom mal-Kummissjoni biss wara li rċievew talba għal informazzjoni.

148    Barra minn hekk, il-fatt li Outokumpu kienet ibbenefikat, kemm bis-saħħa tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni kif ukoll skont il-linji gwida, minn tnaqqis tal-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha għaliex kienet ikkooperat mal-Kummissjoni ħafna qabel l-impriżi l-oħra ma jistax jikkostitwixxi diskriminazzjoni fil-konfront tar-rikorrenti. Fil-fatt, il-fatt li Outokumpu bbenefikat minn tnaqqis skont is-sitt inċiż tal-Punt 3 tal-linji gwida huwa konness mal-interazzjoni bejn l-imsemmija linji gwida u l-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni. Kieku r-rikorrenti kienu l-ewwel impriżi li kkooperaw mal-Kummissjoni, huma setgħu jibbenefikaw kemm mill-applikazzjoni tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni kif ukoll mill-applikazzjoni tal-linji gwida.

149    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-talba għall-ħlas tal-ispejjeż sostnuti sabiex tkun provduta garanzija bankarja

150    Ir-rikorrenti ma ressqu l-ebda argument insostenn ta’ din it-talba. Minn dan jirriżulta li r-rikors ma jissodisfax, f’dan ir-rigward, ir-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u fl-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura sabiex rikors ikun ammissibbli. Għaldaqstant, din it-talba għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

151    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      KME Germany AG, KME France SAS u KME Italy SpA huma kkundannati għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Wahl

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Mejju 2009.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 – Data kunfidenzjali mħassra.