Language of document : ECLI:EU:T:2011:260

Affaire T-86/11

Nadiany Bamba

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire —– Iffriżar ta’ fondi — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 560/2005, kif emendat bir-Regolament Nru 25/2011, Anness IA; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/18, Anness II)

2.      Drittijiet fundamentali — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal azzjoni ġudizzjarja effettiva — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 560/2005, kif emendat bir-Regolament Nru 25/2011, Anness IA; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/18, Anness II)

3.      Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Effetti

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, u Artikolu 280 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56, u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 60; Regolament tal-Kunsill Nru 560/2005, kif emendat bir-Regolament Nru 25/2011; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/18)

1.      L-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi l-korollarju tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża. B’hekk, l-obbligu li jiġi motivat att li jikkawża preġudizzju għandu bħala għan, minn naħa, li tingħata indikazzjoni suffiċjenti lill-persuna kkonċernata sabiex issir taf jekk l-att huwiex fondat jew ikunx eventwalment ivvizzjat minn difett li jippermetti li jiġi kkontestat quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li tippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ dan l-att.

L-effikaċja tal-istħarriġ ġudizzjarju, li għandu jkun jista’ jikkonċerna b’mod partikolari l-legalità tal-motivi li fuqhom hija bbażata l-inklużjoni tal-isem ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista li tikkostitwixxi l-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656, li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d’Ivoire, u l-Anness IA tar-Regolament Nru 560/2005, li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet minħabba s-sitwazzjoni fil-Kosta tal-Avorju, u li twassal għall-impożizzjoni fuq dawn id-destinatarji ta’ numru ta’ miżuri restrittivi, timplika li l-awtorità tal-Unjoni inkwistjoni hija obbligata tikkomunika dawn il motivi lill-persuna jew lill-entità kkonċernata, sa fejn huwa possibbli, jew fil-mument li fih din l-inklużjoni tiġi deċiża, jew, għall-inqas, malajr kemm jista’ jkun wara li din tiġi deċiża sabiex dawn id-destinatarji jkunu jistgħu jeżerċitaw, fit-termini previsti, id-dritt ta’ azzjoni ġudizzjarja tagħhom. Meta l-parti kkonċernata ma tingħatax dritt ta’ smigħ qabel l-adozzjoni ta’ miżura inizjali li timponi dawn il-miżuri, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni huwa iktar importanti, għaliex hija tikkostitwixxi l-unika garanzija li tippermetti lill-parti kkonċernata, b’mod partikolari wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li tagħmel użu effettiv mir-rimedji għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tikkontesta l-legalità tal-imsemmija miżura.


Id-Deċiżjoni 2010/656 u r-Regolament Nru 560/2005 jipprevedu li l-persuni, l-entitajiet u l-korpi li jkunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi għandhom jirċievu komunikazzjoni tar-raġunijiet li jiġġustifikaw l-inklużjoni tagħhom fil-listi li jidhru fl-Anness II tal-imsemmija deċiżjoni u fl-Anness IA tal-imsemmi regolament.

Bħala regola ġenerali, il-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżuri restrittivi għandha tirreferi mhux biss għall-kundizzjonijiet legali ta’ applikazzjoni ta’ dan l-att, iżda wkoll għar-raġunijiet speċifiċi u konkreti li bihom il-Kunsill iqis, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li l-parti kkonċernata għandha tkun is-suġġett ta’ tali miżuri. Peress li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jitqiesu sabiex jadotta jew iżomm miżura ta’ ffriżar ta’ fondi, huwa ma għandux ikun obbligat jindika, b’mod iktar speċifiku, kif l-iffriżar tal-fondi tar-rikorrenti jikkontribwixxi, b’mod konkret, għall-ġlieda kontra t-tfixkil tal-proċess ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali jew li jipproduċi provi li juru li l-parti kkonċernata tista’ tuża l-fondi tagħha sabiex twettaq tali tfixkil fil-futur.

Madankollu, kunsiderazzjonijiet vagi u ġenerali, bħall-indikazzjoni li l-persuna indikata hija direttriċi tal-Grupp ċiklun, editriċi tal-Ġurnal “Le temps”, ma tikkostitwixxix ċirkustanza tali li tagħti motivazzjoni suffiċjenti u speċifika għall-atti kkontestati fil-konfront tagħha. Din l-indikazzjoni fil-fatt ma tippermettix li wieħed jifhem kif ir-rikorrenti setgħet fixklet il-proċess ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni permezz tal-inċitament pubbliku għall-mibegħda u għall-vjolenza, u permezz tal-parteċipazzjoni f’kampanja ta’ informazzjoni żbaljata fir-rigward tal-elezzjoni presidenzjali tal-2010.

(ara l-punti 38-40, 42, 47, 48, 51, 52)

2.      Miżuri meħuda fil-konfront ta’ persuna b’riżultat ta’ din l-inklużjoni fil-lista li tidher fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656, li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d’Ivoire, u fl-Anness IA tar-Regolament (KE) Nru 560/2005, li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi kontra ċerti persuni u entitajiet minħabba s-sitwazzjoni fil-Kosta tal-Avorju, ma jikkostitwixxux sanzjoni kriminali u, barra minn hekk, ma jimplikaw ebda akkuża ta’ din in-natura.

Għaldaqstant, allegazzjoni li tgħid li deċiżjoni bħal din u regolament bħal dan ma kinux jipprevedu l-komunikazzjoni, b’mod preċiż u ddettaljat, tar-raġunijiet għall-akkuża u n-natura tagħha ma għandhiex tintlaqa’, peress li hija bbażata fuq il-premessa li tgħid li l-miżuri restrittivi inkwistjoni huma ta’ natura kriminali u li l-Artikolu 6(3)(a) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem huwa applikabbli. Din id-dispożizzjoni, li tgħid li kull min jiġi akkużat b’reat kriminali għandu d-dritt li jiġi informat minnufih, f’lingwa li jifhem u b’mod dettaljat, dwar in-natura u r-raġunijiet tal-akkuża mressqa kontrih, hija applikabbli biss fil-qasam kriminali.

(ara l-punt 43)

3.      Bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jannullaw regolament jidħlu fis-seħħ biss fl-iskadenza tat-terminu tal-appell previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-imsemmi statut jew, jekk ikun ġie ppreżentat appell f’dan it-terminu, sa mid-data taċ-ċaħda tiegħu. Il-Kunsill għaldaqstant għandu terminu ta’ xahrejn, miżjud b’għaxart ijiem għal raġunijiet ta’ distanza, li jibda jiddekorri mill-komunikazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali li tannulla, sa fejn tikkonċerna rikorrent, regolament li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi fil-konfront ta’ ċerti persuni u entitajiet fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire, sabiex jirrimedja għall-ksur ikkonstatat billi jadotta, jekk ikun il-każ, miżura restrittiva ġdida fil-konfront tar-rikorrent imsemmi.

Barra minn hekk, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, li bis-saħħa tiegħu l-Qorti Ġenerali tista’, jekk tqis li jkun neċessarju, tiddikjara liema mill-effetti ta’ regolament annullat għandhom jitqiesu li huma definittivi, jista’ jkun applikabbli, b’analoġija, ukoll għal deċiżjoni meta jkun hemm raġunijiet importanti ta’ ċertezza legali, li jistgħu jitqabblu ma’ dawk li jseħħu fil-każ ta’ annullament ta’ ċerti regolamenti, li jiġġustifikaw li l-qorti tal-Unjoni teżerċita s-setgħa mogħtija lilha, f’dan il-kuntest, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE.

Issa, l-eżistenza ta’ differenza bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tal-annullament tar-Regolament Nru 25/2011, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 560/2005, li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi kontra ċerti persuni u entitajiet minħabba s-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire, u ta’ dik tad-Deċiżjoni 2011/18, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d’Ivoire, li ġiet annullata, sa fejn tikkonċerna lill-istess rikorrent, mill-istess sentenza tal-Qorti Ġenerali, tista’ twassal għal preġudizzju serju għaċ-ċertezza legali, peress li dawn iż-żewġ atti jimponu fuq ir-rikorrenti miżuri identiċi. L-effetti tad-deċiżjoni kkontestata għandhom għaldaqstant jinżammu fil-konfront tar-rikorrenti sa meta l-annullament tar-Regolament Nru 25/2011 jidħol fis-seħħ.

(ara l-punti 58, 59)